SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

26 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — It-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE — Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali — Direttiva 2000/35/KE — Artikoli 2, 3 u 6 — Direttiva 2011/7/UE — Artikoli 2, 7 u 12 — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tista’ tbiddel, għad-detriment ta’ kreditur tal-Istat, l-interessi fuq kreditu li jippreċedi dawn id-direttivi”

Fil-Kawża C‑104/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Ministero delle Politiche agricole, alimentari e forestali

vs

Federazione Italiana Consorzi Agrari Soc. coop. arl – Federconsorzi, fi ftehim mal-kredituri,

Liquidazione giudiziale dei beni ceduti ai creditori della Federazione Italiana Consorzi Agrari Soc. coop. arl – Federconsorzi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Ó Caoimh, President tal-Awla, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Liquidazione giudiziale dei beni ceduti ai creditori della Federazione Italiana Consorzi Agrari Soc. coop. arl – Federconsorzi, minn D. Santosuosso u G. Niccolini, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Zavvos, bħala aġent, assistit minn A. Franchi, avukat,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 3 u 6 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni [Kunsill], tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226), kif ukoll tal-Artikolu 2, 7 u 12 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Ministero delle Politiche agricole, alimentari e forestali (Ministeru tal-Agrikoltura, tal-Ikel u tal-Foresti, iktar ’il quddiem il-“Ministero”) u, min-naħa l-oħra, Federazione Italiana Consorzi Agrari Soc. coop. arl (Federazzjoni Taljana ta’ kooperattivi agrikoli), fi ftehim mal-kredituri (iktar ’il quddiem “Federconsorzi”) u l-Liquidazione giudiziale dei beni ceduti ai creditori della Federazione Italiana Consorzi Agrari Soc. coop. arl – Federconsorzi (Likwidazzjoni tal-attiv ittrasferit lill-kredituri ta’ Federconsorzi) dwar l-interessi fuq kreditu miżmum minn Federconsorzi fil-konfront tal-Ministero.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2000/35, li tħassret permezz tad-Direttiva 2011/7 b’effett mis-16 ta’ Marzu 2013, tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. Skont l-Artikolu 2, “transazzjonijiet kummerċjali” huma “transazzjonijiet bejn intrapriżi jew bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi li twassal għall-ġarr [provvista] ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi għall-ħlas [bi ħlas]”.

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/35 kien jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw lill-kreditur huwa intitolat għall-interessi moratorji sa fejn ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu u ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien, u kien jistabbilixxi regoli dwar id-data tal-eżiġibbiltà tal-interessi u d-determinazzjoni tar-rata tagħhom. Dan l-Artikolu 3(3) kien ifformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li ftehim fuq id-data tal-ħlas jew fuq il-konsegwenzi ta’ ħlas tard li ma jkunux jaqblu mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) sa (d) u 2 jew ma jkunx infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk, meta ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inkluża l-prattika kummerċjali xierqa u n-natura tal-prodott, jiġu kkunsidrati, ikunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur. Biex jiġi ddeterminat jekk ftehim ikunx inġust għall-aħħar għall-kreditur, għandu jingħata, inter alia, kont jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mid-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1(b) sa (d) u 2. Jekk jiġi stabbilit li dak il-ftehim ikun inġust għall-aħħar, it-termini statutorji għandhom japplikaw, sakemm il-qrati nazzjonali ma jistabbilixxux kondizzjonijiet differenti li huma ġusti.”

5

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Awissu 2002 [...]

[...]

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew iġibu fis-seħħ disposizzjonijiet li jkunu l-aktar favorevoli għall-kreditur mid-disposizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva.

3.   Fit-transposizzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu:

[...]

(b)

kuntratti li kienu ġew konklużi qabel it-8 ta’ Awissu 2002 [...]

[...]”

6

Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2011/7, l-Artikolu 1 tagħha jistabbilixxi li:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-SMEs.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.

[...]”

7

Id-definizzjoni ta’ “transazzjonijiet kummerċjali” fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/7 hija identika għal dik mogħtija qabel fil-kuntest tad-Direttiva 2000/35.

8

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/7 jipprevedi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.

Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:

(a)

kull devjazzjoni kbira minn prassi kummerċjali tajba, li tmur kontra l-bona fide u n-negozjar ġust;

(b)

in-natura tal-prodott jew tas-servizz; u

(c)

jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mir-rata ta’ mgħax statutorja għall-ħlas tard, mill-perjodu ta’ ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3(5), il-punt (a) tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(6) jew mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi mgħax għal ħlas tard għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

[...]”

9

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 8 u 10 sas-16 ta’ Marzu 2013 [...]

[...]

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew iġibu fis-seħħ dispożizzjonijiet li jkunu aktar favorevoli għall-kreditur mid-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva.

4.   Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk jeskludux il-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.”

Id-dritt Taljan

10

L-għada tat-Tieni Gwerra Dinjija, l-awtoritajiet Taljani waqqfu sistema ta’ ġestjoni ċċentralizzata għall-provvista ta’ ċereali u prodotti oħra agroalimentari, irregolata mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 169, dwar it-teħid ta’ responsabbiltà mill-Istat tal-obbligi li jirriżultaw mill-importazzjoni ta’ ċereali, ta’ prodotti dderivati u ta’ prodotti oħra intiżi għall-produzzjoni tal-ħobż u tal-għaġin mis-sena taċ-ċereali 1946-1947 (decreto legislativo n. 169 – Assunzione a carico dello Stato dell’onere risultante dalle importazioni di cereali derivati e prodotti comunque destinati alla pani-pastificazione a decorrere dalla campagna cerealicola 1946‑1947), tat-23 ta’ Jannar 1948, u sussegwentement mil-Liġi Nru 1294, dwar ix-xiri barra mill-pajjiż f’isem l-Istat ta’ materji primi, prodotti tal-ikel u prodotti oħra essenzjali (legge n. 1294 – Acquisti dall’estero per conto dello Stato di materie prime, prodotti alimentari ed altri prodotti essenziali), tat-22 ta’ Diċembru 1957 (GURI Nru 9, tat-13 ta’ Jannar 1958).

11

F’dan il-kuntest leġiżlattiv, il-ġestjoni tal-ħażna obbligatorja ta’ dawn il-prodotti tal-ikel ġiet fdata lill-organizzazzjonijiet ta’ bdiewa eżistenti, ikkostitwiti fil-forma ta’ kooperattivi f’kull provinċja. Federconsorzi kienet organizzazzjoni kkostitwita fuq livell nazzjonali, li kienet tiġbor flimkien dawn il-kooperattivi kollha inkarigati mill-Istat sabiex jiżguraw il-provvista tal-prodotti tal-ikel bl-obbligu li jagħtu rendikont annwali tal-ġestjoni tagħhom lill-Istat, li kien jirrimborsa l-ispejjeż tagħhom.

12

Il-kooperattivi agrikoli nbidlu permezz tal-Liġi Nru 410, li tistabbilixxi regoli ġodda dwar il-kooperattivi agrikoli (legge n. 410 – Nuovo ordinamento dei consorzi agrari), tat-28 ta’ Ottubru 1999 (GURI Nru 265, tal-11 ta’ Novembru 1999), li permezz tagħha Federconsorzi ġiet xolta u tqiegħdet fi ftehim mal-kredituri tagħha. Il-krediti pendenti huma s-suġġett tal-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi, li jipprevedi li:

“Il-krediti li joriġinaw mill-ġestjoni tal-ħażna obbligatorja u mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli nazzjonali, magħmula mill-kooperattivi agrikoli f’isem u fl-interess tal-Istat u li jkunu dovuti lil dawn il-kooperattivi agrikoli fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kif jirriżultaw mir-rendikonti approvati permezz ta’ digrieti definittivi u eżekuttivi tal-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Foresti u rreġistrati mill-Corte dei conti [(qorti tal-awdituri)], kif ukoll l-ispejjeż u l-interessi dovuti mid-data tal-għeluq tal-kontijiet rispettivi, indikata fl-istess digrieti, sal-31 ta’ Diċembru 1997, għandhom jiġu estinti permezz tal-għoti lill-kooperattivi ta’ titoli tal-gvern mill-Ministru tat-Teżor, tal-Baġit u tal-Ippjanar Ekonomiku.”

13

Dan l-artikolu ġie emendat bil-Liġi Nru 388, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi Finanzjarja 2001) [legge n. 388 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2001)], tal-23 ta’ Diċembru 2003 (Suppliment Ordinarju tal-ĠURI Nru 302, tas-29 ta’ Diċembru 2000), li l-Artikolu 130 tagħha jistabbilixxi li:

“[...]

b)

fl-aħħar tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 għandu jiżdied il-paragrafu segwenti: ’L-interessi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu kkalkolati: sal-31 ta’ Diċembru 1995 abbażi tar-rata uffiċjali ta’ tnaqqis miżjuda b’4.4 punti, b’kapitalizzazzjoni annwali; għas-snin 1996 u 1997 abbażi biss tal-interessi legali’.

[...]”

14

Adottat wara li l-kawża tressqet quddiem il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) fil-kawża prinċipali, id-Digriet Liġi Nru 16, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet b’urġenza fil-qasam tas-simplifikazzjoni fiskali, ta’ effikaċja u ta’ tisħiħ tal-proċeduri ta’ verifika (decreto-legge n. 16 – Disposizioni urgenti in materia di semplificazioni tributarie, di efficientamento e potenziamento delle procedure di accertamento), tat-2 ta’ Marzu 2012 (GURI Nru 52, tat-2 ta’ Marzu 2012, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 16/2012”), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 44, tas-26 ta’ April 2012 (Suppliment Ordinarju tal-GURI Nru 99, tat-28 ta’ April 2012), jipprevedi fl-Artikolu 12 tiegħu li:

“Il-krediti li joriġinaw mill-ġestjoni tal-ħażna obbligatorja u mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli nazzjonali, magħmula mill-kooperattivi agrikoli f’isem u fl-interess tal-Istat, minbarra dawk li jkunu ġew estinti skont l-Artikolu 8(1) tal-Liġi Nru 410 tat-28 ta’ Ottubru 1999, kif emendata bl-Artikolu 130 tal-Liġi Nru 388 tat-23 ta’ Diċembru 2000, kif jirriżultaw mir-rendikonti approvati permezz ta’ digrieti definittivi u eżekuttivi tal-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Foresti u rreġistrati mill-Corte dei conti, u li ser jiġu estinti fir-rigward tal-persuni li jkollhom dritt għalihom, kif ukoll l-ispejjeż u l-interessi dovuti mid-data tal-għeluq tal-kontijiet rispettivi, indikata fl-istess digrieti, għandhom jiżdiedu bl-interessi kkalkolati: sal-31 ta’ Diċembru 1995 abbażi tar-rata uffiċjali ta’ tnaqqis miżjuda b’4.4 punti, b’kapitalizzazzjoni annwali u għall-perijodu sussegwenti, abbażi biss tal-interessi legali.”

15

Barra minn hekk, id-Direttiva 2000/35 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Taljan permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231 (decreto legislativo n. 231 – Attuazione della direttiva 2000/35/CE relativa alla lotta contro i ritardi di pagamento nelle transazioni commerciali), tad-9 ta’ Ottubru 2002 (GURI Nru 249, tat-23 ta’ Ottubru 2002), li jistabbilixxi, fl-Artikolu 11 tiegħu, li d-dispożizzjoni tiegħu ma japplikawx għall-kuntratti konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002.

16

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 192, li jemenda d-Digriet Leġiżlattiv Nru 231 tad-9 ta’ Ottubru 2002, għat-traspożizzjoni integrali tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 180 tal-11 ta’ Novembru 2011 (decreto legislativo n. 192 – Modifiche al decreto legislativo 9 ottobre 2002, n. 231, per l’integrale recepimento della direttiva 2011/7/UE relativa alla lotta contro i ritardi di pagamento nelle transazioni commerciali, a norma dell’articolo 10, comma 1, della legge 11 novembre 2011, n. 180), tad-9 ta’ Novembru 2012 (GURI Nru 267, tal-15 ta’ Novembru 2012), ittraspona d-Direttiva 2011/7. Huwa jistabbilixxi, fl-Artikolu 3 tiegħu, li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għall-kuntratti konklużi mill-1 ta’ Jannar 2013.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Novembru 2004, il-Corte d’appello di Roma (qorti tal-appell ta’ Ruma) iffissat għas-somma ta’ EUR 511 878 997.39 il-kreditu dovut lil Federconsorzi, bħala ċessjonarja tal-krediti ta’ 58 kooperattivi agrikoli provinċjali, mill-Ministero għall-ispejjeż sostnuti minnhom sal-1967 fil-kuntest tal-ġestjoni tal-ħażna obbligatorja. Sabiex tasal għal dan l-ammont, din il-qorti eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi Nru 410 tat-28 ta’ Ottubru 1999 billi qieset li din id-dispożizzjoni kienet intiża biss li ttemm il-kawżi pendenti mal-kooperattivi agrikoli u li ma kinitx tapplika fil-konfront ta’ persuni oħra li jkunu ċessjonarji tal-krediti ta’ dawn il-kooperattivi. Hija ddeċidiet li l-interessi għandhom jibdew jiddekorru mill-31 ta’ Jannar 1982, li hija d-data tal-konstatazzjoni tal-imsemmi kreditu, wettqet tpaċija tal-krediti reċiproċi taż-żewġ partijiet eżistenti fl-4 ta’ Lulju 1991 u kkalkulat l-interessi dovuti fuq il-bilanċ billi kkapitalizzat l-interessi kull sitt xhur mill-5 ta’ Lulju 1991 sat-30 ta’ Ġunju 2004, bl-ammont totali miżjud bl-interessi sad-data tal-ħlas effettiv.

18

Dik is-sentenza ġiet annullata permezz ta’ sentenza tal-Corte suprema di cassazione tat-13 ta’ Diċembru 2007, li bagħtet lura l-kawża quddiem il-Corte d’appello di Roma, li, permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2011, iddeċidiet mill-ġdid li d-dejn tal-Ministero kien jammonta, fit-30 ta’ Ġunju 2004, għas-somma ta’ EUR 511 878 997.39, flimkien ma’ interessi addizzjonali bir-rata ta’ tnaqqis uffiċjali miżjuda b’4.4 punti, ikkapitalizzati kull sitt xhur mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-ħlas effettiv. Din il-qorti osservat b’mod partikolari li bejn l-Istat u Federconsorzi kien jeżisti mandat ex lege li kellu bħala għan id-delega tal-funzjoni li tiġi żgurata l-provvista ta’ prodotti tal-ikel, fejn dan il-mandat kien jiġi eżerċitat b’awtonomija ta’ ġestjoni u finanzjarja sħiħa u kien previst obbligu li jingħata rendikont annwali kif ukoll dritt għar-rimbors tal-ispejjeż.

19

Il-Ministero ppreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza billi invoka b’mod partikolari ksur tal-Artikolu 8(1) tal-Liġi Nru 410 tat-28 ta’ Ottubru 1999.

20

Matul il-proċeduri, l-istralċjarju ġudizzjarju ta’ Federconsorzi sostna b’mod partikolari li l-Artikolu 12(6) tad-Digriet Liġi Nru 16/2012, adottat wara l-preżentata tal-appell u li l-applikazzjoni tiegħu ġiet mitluba mill-Ministero, ma kienx kompatibbli mad-Direttivi 2000/35 u 2011/7. Huwa sostna, f’dan ir-rigward, li, permezz ta’ dan l-att leġiżlattiv introdott wara dawn id-direttivi, l-Istat Taljan kien qed jimponi fuq il-kreditur tiegħu mhux biss it-tnaqqis tal-interessi għal ħlas tardiv dovut sa mill-1995 billi wettaq kapitalizzazzjoni annwali minflok kapitalizzazzjoni kull sitt xhur ta’ dawn l-interessi, iżda wkoll l-applikazzjoni unikament tal-interessi legali mis-sena 1995, filwaqt li l-imsemmija direttivi jipprekludu, fl-opinjoni tiegħu, lil-leġiżlatur nazzjonali milli jintervjeni sabiex jeskludi d-dritt ta’ kreditur tal-Istat għall-interessi dovuti minħabba ħlas tardiv ta’ krediti diġà eżistenti, inklużi l-krediti li jirriżultaw mir-relazzjonijiet maħluqa qabel it-8 ta’ Awwissu 2002 jew is-16 ta’ Marzu 2013.

21

Il-Ministero jqis li d-Direttiva 2000/35 u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 231 tad-9 ta’ Ottubru 2002 ma humiex applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali għar-raġuni li, minn naħa, ma kienx hemm bejn il-partijiet tranżazzjoni kummerċjali iżda relazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku u, min-naħa l-oħra, din id-direttiva u dan id-digriet leġiżlattiv ma japplikawx għall-kuntratti konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002.

22

Il-Corte suprema di cassazione ssostni, preliminarjament, li l-Artikolu 12(6) tad-Digriet Liġi Nru 16/2012 huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet liġi, ir-rata tal-interessi applikabbli u l-kapitalizzazzjoni tal-interessi ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni li għandha s-saħħa ta’ res judicata.

23

Il-qorti tar-rinviju tosserva, l-ewwel nett, li ma jistax jiġi eskluż li l-mandat ex lege eżistenti bejn il-kooperattivi agrikoli u l-Istat, għall-ġestjoni tal-ħażniet obbligatorji, jikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tad-Direttivi 2000/35 u 2011/7.

24

Hija ssostni, it-tieni nett, li l-argument tal-istralċjarju ta’ Federconsorzi ma huwiex manifestament infondat, liema argument jgħid li dawn id-direttivi ma jippermettux l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għar-relazzjonijiet maħluqa qabel it-8 ta’ Awwissu 2002 jew is-16 ta’ Marzu 2013, li jeskludu l-ħlas ta’ interessi għal ħlas tardiv. Hija tqis, għalhekk, li huwa neċessarju li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 12(6) tad-Digriet Liġi Nru 16/2012 mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-relazzjoni ta’ mandat ex lege bejn l-Amministrazzjoni pubblika u l-Kooperattivi agrikoli (relazzjoni li minnha jirriżulta l-kreditu sussegwentement ċedut [ittrasferit], mill-Kooperattivi lil Federconsorzi u minn din tal-aħħar lill-kredituri tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza) għall-provvista u d-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif jirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 169/1948 [tat-23 ta’ Jannar 1948] u mil-Liġi Nru 1294/1957 [tat-22 ta’ Diċembru 1957], taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/35/KE u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7/UE?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/35/KE (Artikolu 6(2)) u 2011/7/UE (Artikolu 12(3)), bil-possibbiltà li jinżammu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevoli, jimplika l-obbligu li ma jinbidlux in peius, jew saħansitra jeskludi, ir-rati ta’ interessi għal dewmien ta’ ħlas applikabbli għar-relazzjonijiet diġà eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-direttivi?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, l-obbligu li ma tinbidilx in peius ir-rata ta’ interessi applikabbli għal dewmien ta’ ħlas [ħlas tardiv] applikabbli għar-relazzjonijiet diġà eżistenti għandu jkun evalwat bħala applikabbli għal leġiżlazzjoni unitarja ta’ interessi li tipprevedi, għal perijodu speċifiku, (f’din il-kawża mill-31 ta’ Jannar 1982 sal-31 ta’ Diċembru 1995), ir-rikonoxximent ta’ rata differenti mir-rata legali u ta’ kapitalizzazzjoni, anki biss annwali u mhux kull sitt xhur kif mitlub mill-kreditur, u, wara l-imsemmi perijodu, il-ħlas biss ta’ interessi legali, permezz ta’ sistema li, fid-dawl tas-sitwazzjoni f’din il-kawża [...], ma hijiex neċessarjament sfavorevoli għall-kreditur?

4)

L-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/35/KE (Artikolu 6) u 2011/7/UE (Artikolu 12), fil-parti fejn huma jipprevedu, fir-rigward tal-projbizzjoni tal-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kreditur, rispettivament fl-Artikoli 3(3) u (7), l-ineffettività ta’ klawżoli kuntrattwali jew ta’ prattiċi inġusti [prattiki abbużivi], jimplika l-projbizzjoni, għall-Istat, li jintervjeni b’dispożizzjonijiet li, fid-dawl ta’ relazzjonijiet li fihom l-Istat huwa parti u li huma eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ direttivi, jeskludu l-ħlas ta’ interessi għal dewmien ta’ ħlas?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda, l-obbligu li ma jsirx intervent f’relazzjonijiet eżistenti fejn l-Istat huwa parti, permezz ta’ dispożizzjoni li teskludi l-interessi għal dewmien ta’ ħlas, japplika għal leġiżlazzjoni unitarja ta’ interessi li tipprovdi li, għal perijodu speċifiku (f’din il-kawża mill-31 ta’ Jannar 1982 sal-31 ta’ Diċembru 1995), ir-rikonoxximent ta’ rata differenti mir-rata legali u minn kapitalizzazzjoni, anki biss annwali u mhux kull sitt xhur kif mitlub mill-kreditur, u, wara l-imsemmi perijodu, il-ħlas biss ta’ interessi legali, permezz ta’ sistema li, fid-dawl tas-sitwazzjoni f’din il-kawża [...], ma hijiex neċessarjament sfavorevoli għall-kreditur?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li d-Digriet Liġi Nru 16/2012 ġie adottat waqt li d-Direttiva 2000/35 kienet għadha fis-seħħ, wara l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2011/7, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar.

27

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 15 u 16 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Taljana użat il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2000/35 li jiġu esklużi, fit-traspożizzjoni tagħha, il-kuntratti konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002 u, wara l-adozzjoni tad-Digriet Liġi Nru 16/2012, hija użat ukoll il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2011/7, li jiġu esklużi l-kuntratti konklużi qabel is-16 ta’ Marzu 2013.

28

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kreditu ta’ Federconsorzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħoloq fil-kuntest ta’ relazzjonijiet, ikklassifikati mill-qorti tar-rinviju bħala mandat ex lege, li kienu jeżistu sal-1967 bejn l-Istat Taljan u l-kooperattivi agrikoli, billi dan il-kreditu oriġina minn trasferiment ta’ krediti li rriżultaw minn spejjeż sostnuti minn dawn il-kooperattivi qabel din id-data f’isem u fl-interess tal-Istat fil-kuntest ta’ dan il-mandat.

29

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nfisha, madankollu, jekk mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/35 u 2011/7 kif ukoll mill-Artikoli 3(3) u 6 tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi u mill-Artikoli 7 u 12 tat-tieni waħda jirriżultax li r-Repubblika Taljana ma setgħetx tadotta leġittimament id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Liġi Nru 16/2012, ikkonvertit f’liġi, li jistgħu jbiddlu l-interessi fuq il-kreditu ta’ Federconsorzi għad-detriment ta’ din tal-aħħar.

30

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li permezz tat-tieni, tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 3(3) u 6 tad-Direttiva 2000/35 kif ukoll l-Artikoli 7 u 12 tad-Direttiva 2011/7 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru, li jkun uża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(b) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, milli jkun jista’, matul il-perijodu għat-traspożizzjoni tat-tieni waħda minn dawn id-direttivi, jadotta dispożizzjonijiet leġiżlattivi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jistgħu jbiddlu għad-detriment ta’ kreditur tal-Istat l-interessi fuq kreditu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel it-8 ta’ Awwissu 2002.

31

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li l-possibbiltà li jiġu esklużi, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/35, il-kuntratti konklużi qabel it-8 ta’ Awwissu 2002, hekk kif għamlet ir-Repubblika Taljana permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 231 tad-9 ta’ Ottubru 2002, hija prevista espressament fl-Artikolu 6(3)(b) ta’ din id-direttiva u għandha l-effett, meta tiġi użata, li tirrendi inapplikabbli ratione temporis id-dispożizzjonijiet tagħha fil-konfront ta’ dawn il-kuntratti.

32

Barra minn hekk, il-bidla għad-detriment ta’ kreditur tal-Istat, permezz ta’ att leġiżlattiv adottat matul il-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/7, tal-interessi fuq kreditu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2013 ma tistax, f’kull każ, titqies bħala li tista’ tkun ta’ natura li tikkomprometti b’mod serju l-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva (ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45), peress li l-Artikolu 12(4) tagħha jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jeskludu l-kuntratti konklużi qabel din id-data u li l-Istat Membru kkonċernat seta’ għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni l-użu ta’ din il-possibbiltà.

33

Konsegwentement, ma jistax jirriżulta mill-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/7 u lanqas ma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-kredituri minn dak li huwa neċessarju sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva, jew mill-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, li jirrigwarda l-ftehimiet, il-klawżoli jew il-prattiki abbużivi, li Stat Membru, li jkun uża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2000/35, ma jistax ibiddel għad-detriment ta’ kreditur tal-Istat, matul il-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/7, l-interessi fuq kreditu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel it-8 ta’ Awwissu 2002, bla ħsara, madankollu, għall-eventwali rimedji li jistgħu jeżistu fid-dritt intern kontra tali bidla.

34

Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, fil-każ li jitqies li r-relazzjoni li eżistiet bejn l-Istat Taljan u l-kooperattivi agrikoli tista’ tiġi kklassifikata bħala “tranżazzjoni kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7 u taqa’, għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar ma kinitx tikkostitwixxi, f’kull każ, ostakolu għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Liġi Nru 16/2012.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni, għat-tielet, għar-raba’ u għall-ħames domanda hija li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 3(3) u 6 tad-Direttiva 2000/35 kif ukoll l-Artikoli 7 u 12 tad-Direttiva 2011/7 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru, li jkun uża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(b) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, milli jkun jista’, matul il-perijodu għat-traspożizzjoni tat-tieni waħda minn dawn id-direttivi, jadotta dispożizzjonijiet leġiżlattivi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jistgħu jbiddlu għad-detriment ta’ kreditur tal-Istat l-interessi fuq kreditu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel it-8 ta’ Awwissu 2002.

36

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni, għat-tielet, għar-raba’ u għall-ħames domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 3(3) u 6 tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni [Kunsill], tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali, kif ukoll l-Artikoli 7 u 12 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru, li jkun uża l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 6(3)(b) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, milli jkun jista’, matul il-perijodu għat-traspożizzjoni tat-tieni waħda minn dawn id-direttivi, jadotta dispożizzjonijiet leġiżlattivi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jistgħu jbiddlu għad-detriment ta’ kreditur tal-Istat l-interessi fuq kreditu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel it-8 ta’ Awwissu 2002.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.