SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
12 ta’ Novembru 2015 ( * )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikoli 7(1), 10(1), 121 u 132(2) — Atti li jimplementaw dan ir-regolament — Validità, fid-dawl tat-Trattat FUE, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba — Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa — Tnaqqis tal-ammonti — Livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 u fl-Istati Membri li ngħaqdu magħha fl-1 ta’ Mejju 2004 — Nuqqas ta’ pubblikazzjoni u ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑103/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura
Bronius Jakutis,
Kretingalės kooperatinė ŽŪB
vs
Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos,
Lietuvos valstybė,
fil-preżenza ta’:
Lietuvos Respublikos Vyriausybė,
Lietuvos Respublikos žemės ūkio ministerija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Frar 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB, minn E. Pranauskas u J. Sviderskis, kif ukoll minn I. Vėgėlė, avukati, |
— |
għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, K. Anužis, R. Makelis, A. Karbauskas kif ukoll minn K. Vainienė, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u J. Vaičiukaitė, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u A. Steiblytė, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39 TFUE, tal-punt 27(b) tal-Kapitolu 6A tal-Anness II tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”), u tal-Artikoli 7(1), 10(1), 121 u 132(2), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006 u (KE) Nru 378/2007, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16, u rettifika ĠU L 43, p. 7), kif ukoll fuq il-validità tal-Artikoli 10(1) u 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, tar-rettifika ta’ dan ir-regolament ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2010, tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Lulju 2012, li tawtorizza l-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari fil-Litwanja għas-sena 2012, u tad-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2 tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2011. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, B. Jakutis u l-Kretingalės kooperatinė ŽŪB (soċjetà kooperattiva agrikola ta’ Kretingalė) u, min-naħa l-oħra, in-Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos (l-aġenzija nazzjonali tal-pagamenti fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) u l-Lietuvos valstybė (l-Istat Litwan) dwar il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti tal-Unjoni Ewropea u t-tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari (iktar ’il quddiem il-“PDNK”) għas-sena 2012 fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li qed jitolbu li jiġu kkumpensati għat-telf fil-qligħ. |
Il-kuntest ġuridiku
L-Att ta ’ Adeżjoni tal-2003
3 |
L-Artikolu 9 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jistipula: “Dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att li għandhom il-fini jew l-effett li jħassru jew jemendaw atti adottati mill-istituzzjonijiet, meta ma jkunux miżuri transitorji, għandhom ikollhom l-istess status fil-liġi bħad-disposizzjonijiet li huma jħassru jew jemendaw u għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk id-dispożizzjonijiet.” |
4 |
Skont l-Artikolu 23 ta’ dan l-att: “Il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jagħmel l-adattamenti għad-disposizzjonjiet ta’ dan l-Att li għandhom x’jaqsmu mal-politika agrikola komuni [iktar ’il quddiem il-‘PAK’] li jistgħu isiru meħtieġa minħabba f’xi tibdil fir-regoli Komunitarji. Dawn l-adattamenti jistgħu jsiru qabel id-data ta’ l-adeżjoni.” |
5 |
L-Artikolu 57 tal-imsemmi att huwa fformulat kif ġej: “1. Meta l-atti ta’ l-istituzzjonijiet meħuda qabel l-adeżjoni jeħtieġu adattament minħabba l-adeżjoni, u l-adattamenti meħtieġa ma jkunux ġew previsti f’dan l-Att jew l-Annessi tiegħu, dawk l-adattamenti għandhom isiru skond il-proċeduri kif stabbiliti fil-paragrafu 2. Dawn l-adattamenti għandhom jidħlu fis-seħħ ma’ l-adeżjoni. 2. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni, skond liema minn dawn iż-żewg istituzzjonijiet ikun adotta l-atti orġinali, għandu għal dan l-iskop iħejji t-test meħtieġ.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1259/1999
6 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 424) japplika, skont l-Artikolu 1 tiegħu, għall-pagamenti mogħtija direttament lill-bdiewa fil-kuntest tal-iskemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-PAK u li huma ffinanzjati fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom mit-Taqsima “Garanziji” tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), għajr għal dawk previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391). |
7 |
Il-punt 27(b) tal-Kapitolu 6A tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 daħħal, b’mod partikolari, fir-Regolament Nru 1259/1999, l-Artikoli 1a u 1ċ, dwar l-iskemi ta’ appoġġ fl-Istati Membri l-ġodda. |
8 |
L-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 stabbilixxa skema ta’ pagamenti diretti li għandha tiġi introdotta progressivament fl-Istati Membri l-ġodda. Dan l-artikolu kien jipprovdi: “L-introduzzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ fl-Istati Membri l-ġodda Fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (minn hawn ’l quddiem magħrufa bħala ’L-Istat Membru l-ġdid u l-Istati Membri l-ġodda’), [għandhom jiġu introdotti, skont l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1, pagamenti diretti skont l-iskeda li ġejja ta’ inkrementi espressi bħala persentaġġ tal-livell li jkun applikabbli dakinhar ta’ dawn il-pagamenti fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004].
|
9 |
L-Artikolu 1b tar-Regolament Nru 1259/1999 stabbilixxa skema ta’ pagament uniku skont l-erja (iktar ’il quddiem l-“SPUE”) li l-Istati Membri l-Ġodda jistgħu jimplementaw minflok il-pagamenti diretti mogħtija abbażi tal-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament. |
10 |
L-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999 ippermetta lill-Istati Membri l-ġodda li jagħtu PDNK. Il-paragrafu 1 tiegħu kien jistipula: “Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu ‘Skema nazzjonali li tixbaħ il-PAK’ għandha tfisser kull skema nazzjonali ta’ pagament dirett li tkun tapplika qabel id-data ta’ l-adeżjoni ta’ l-Istati Membri l-ġodda u li permezz tagħha ngħata appoġġ lill-bdiewa fir-rigward ta’ produzzjoni li taqa’ taħt xi waħda mill-iskemi ta’ pagament dirett ta’ l-[Unjoni] imniżżla fl-Anness I.” |
11 |
Skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2): |
12 |
L-Artikolu 1ċ(4), (5) u (8) tar-Regolament Nru 1259/1999 kien ifformulat kif ġej: “4. Jekk xi Stat Membru ġdid jiddeċiedi li japplika l-[iSPUE], dak l-Istat Membru l-ġdid jista’ jagħti għajnuna diretta nazzjonali kumplementarja skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 5 u 8. 5. L-ammont globali għal kull settur ta’ għajnuna nazzjonali komplementari mogħtija f’xi sena meta tkun qed tiġi applikata l-iskema ta’ pagament uniku bl-area għandu jkun limitat b’pakkett finanzjarju speċifiku għal kull settur Dan il-pakkett għandu jkun daqs id-differenza bejn:
[…] 8. L-ebda pagamenti nazzjonali kumplementarji jew għajnuna m’għandha tingħata għal attivitajiet agrikoli koperti minn xi organizzazzjoni ta’ komuni tas-suq li mhux aġġornat minn xi skema ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003
13 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1789/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 270, Vol. 1, p. 40), kien jipprevedi, fl-Artikolu 10 tiegħu intitolat “Modulazzjoni”: “1. L-ammonti kollha ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw lill-bidwi f’sena kalendarja partikolari fi Stat Membru partikolari għandhom jiġu mnaqqsa għal kull sena sal-2012 bil-perċentwali li ġejjin:
[...]” |
14 |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281/KE, tat-22 ta’ Marzu 2004, li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tar-riforma tal-politika agrikola komuni (ĠU L 93, p. 1), żiedet, b’mod partikolari, l-Artikoli 143a u 143ċ għar-Regolament Nru 1782/2003. |
15 |
L-Artikolu 143a tar-Regolament Nru 1782/2003 irriproduċa l-istess skeda ta’ introduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti stabbilita fl-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999, filwaqt li l-Artikolu 143ċ tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprevedi r-regoli relatati mal-iSPUE. |
16 |
L-istess bħall-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999, l-Artikolu 143ċ tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jippermetti li l-Istati Membri l-ġodda jagħtu PDNK u kien jipprevedi wkoll, fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu li l-ammont totali ta’ appoġġ dirett li jista’ jitħallas lill-bidwi fl-Istati Membri l-ġodda wara l-adeżjoni abbażi tal-iskema ta’ pagament dirett applikabbli, inkluż kull PDNK, ma għandux jaqbeż il-livell tal-appoġġ dirett li għalih ikollu dritt dan il-bidwi abbażi tal-iskema ta’ pagament dirett korrispondenti, kif tkun applikabbli dak iż-żmien fl-Istati Membri fil-Komunità kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004. |
17 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 583/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, (KE) Nru 1786/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-għalf niexef u (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvija, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakja mal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 43, p. 295), introduċa, b’mod partikolari, l-Artikolu 12a fir-Regolament Nru 1782/2003. |
18 |
L-Artikolu 12a(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 kien jipprovdi: “L-Artikoli 10 u 12 ma għandhomx japplikaw għall-Istati Membri l-ġodda sal-bidu tas-sena kalendarja, li rigward tagħha l-livell tal-ħlasijiet diretti li japplikaw fl-Istati Membri l-ġodda jkun mill-inqas egwali għal-livell li kien japplika għal dawn il-ħlasijiet dak inhar meta kienet ikkonstitwita l-Komunità fit-30 ta’ April 2004.” |
Ir-Regolament Nru 73/2009
19 |
Skont il-premessa 17 tar-Regolament Nru 73/2009: |
20 |
L-Artikolu 2(d) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “pagament dirett”: “‘pagament dirett’ tfisser pagament mogħti direttament lil bdiewa taħt skema ta’ appoġġ ta’ dħul imniżżla fl-Anness I”. |
21 |
L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Modulazzjoni”, jistipula: “1. Kwalunkwe ammont ta’ pagamenti diretti li ser jingħata lil bidwi f’sena kalendarja partikolari li jaqbeż l-EUR 5000 għandu jiġi mnaqqas għal kull sena sal-2012 bil-perċentwali li ġejjin:
2. It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 għandu jiżdied b’4 punti perċentwali għal ammonti li jeċċedu EUR 300000. [...]” |
22 |
L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Regoli speċjali għall-modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda”, jistipula: “1. L-Artikolu 7 għandu japplika għal bdiewa fi Stat Membru ġdid fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari biss jekk il-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli f’dak l-Istat Membru u għal dik is-sena kalendarja skont l-Artikolu 121 ikun mill-anqas ugwali għal-livell applikabbli fl-Istati Membri minbarra fl-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1). 2. Fil-każ li l-Artikolu 7 jkun japplika għal bdiewa fi Stat Membru ġdid, il-perċentwal applikabbli skont l-Artikolu 7(1) għandu jkun limitat għad-differenza bejn il-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli għalih skont l-Artikolu 121 u l-livell fl-Istati Membri minbarra l-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li jitqies kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1). […]” |
23 |
L-Artikolu 121 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “Fl-Istati Membri ġodda [...], għandhom jiġu introdotti pagamenti diretti skont l-iskeda ta’ żidiet li ġejja, espressi bħala perċentwali tal-livell applikabbli dakinhar ta’ tali pagamenti fl-Istati Membri għajr dawk li ma humiex Stati Membri ġodda:
[...]” |
24 |
Skont l-Artikolu 132(2) tal-istess regolament: “L-Istati Membri ġodda għandu jkollhom il-possibbiltà, soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, li jikkomplementaw kwalunkwe pagamenti diretti:
|
25 |
L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 kien inizjalment ifformulat kif ġej: “L-appoġġ dirett totali li bidwi jista’ jingħata fl-Istati Membri ġodda wara l-adeżjoni skont il-pagament dirett rilevanti, inkluż kull [PDNK], ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li bidwi jkun intitolat jirċievi skont il-pagament dirett korrispondenti applikabbli għall-Istati Membri fl-Istati Membri għajr l-Istati l-Membri l-ġodda, mill-2012, b’kont meħud tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10.” |
26 |
Din id-dispożizzjoni ġiet ikkoreġuta fil-lingwi kollha uffiċjali fir-Rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2010, u issa tipprevedi: |
27 |
L-Artikolu 132(4) sa (8) tar-Regolament Nru 73/2009 jistipula: “4. Jekk Stat Membru ġdid jiddeċiedi li japplika l-[iSPUE], dak l-Istat Membru l-ġdid jista’ jagħti għajnuna diretta nazzjonali komplementari skont il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 5 u 8. 5. L-ammont totali ta’ għajnuna diretta nazzjonali komplementari mogħtija f’dik is-sena bl-applikazzjoni tal-[iSPUE] jista’ jkun limitat minn dotazzjoni finanzjarja speċifika għal kull (sotto)settur, bil-kondizzjoni li dak il-pakkett finanzjarju speċifiku għal dak is-(sotto)settur jista’ jirrigwarda biss:
Dan il-pakkett għandu jkun ugwali għad-differenza bejn:
6. L-Istat Membru l-ġdid jista’, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, jiddeċiedi fuq l-ammonti tal-għajnuna nazzjonali komplementari li għandha tingħata. 7. L-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni għandha:
8. L-ebda pagament jew għajnuna nazzjonali komplementari ma għandu/ha jingħata/tingħata għal attivitajiet agrikoli li fir-rigward tagħhom ma jkunux previsti pagamenti diretti fl-Istati Membri għajr l-Istati Membri ġodda.” |
28 |
Ir-Regolament (UE) Nru 671/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni tal-pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013 (ĠU L 204, p. 11), daħħal, b’mod partikolari, l-Artikolu 133a, intitolat “Għajnuna [appoġġ] nazzjonali transitorja”, f’dan l-aħħar regolament, li jipprevedi: “1. [...] l-Istati Membri l-ġodda li japplikaw l-[iSPUE] għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu għajnuna [appoġġ] nazzjonali transitorja fl-2013. Ħlief fil-każ ta’ Ċipru, l-għoti ta’ tali għajnuna għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, li għandha tingħata skont il-paragrafu 5. 2. L-għajnuna nazzjonali transitorja tista’ tingħata lill-bdiewa f’setturi li fir-rigward tagħhom pagamenti diretti nazzjonali komplementari u, fil-każ ta’ Ċipru, l-għajnuniet mill-Istat kienu awtorizzati fl-2012 skont l-Artikoli 132 u 133. 3. Il-kondizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għandha tkun l-istess għal dawk awtorizzati għall-għoti ta’ pagamenti skont l-Artikolu 132 u 133 fir-rigward tal-2012. [...]” |
Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013
29 |
L-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 637/2008 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 73/2009 tal-Kunsill (ĠU L 347, p. 608), jistipula: “Il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna [appoġġ] nazzjonali transitorja għandhom ikunu identiċi għal dawk awtorizzati għall-għoti tal-pagamenti skont l-Artikolu 132(7) jew l-Artikolu 134 [133a] tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-2013, bl-eċċezzjoni tat-tnaqqis tal-pagamenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 132(2) flimkien mal-Artikoli 7 u 10 ta’ dak ir-Regolament.” |
Ir-Regolament (UE) Nru 1310/2013
30 |
Ir-Regolament (UE) Nru 1310/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-riżorsi u d-distribuzzjoni tagħhom fir-rigward tas-sena 2014 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom fis-sena 2014 (ĠU L 347 p. 865) daħħal fir-Regolament Nru 73/2009 l-Artikolu 133(b), intitolat “Għajnuna [appoġġ] nazzjonali transitorja fl-2014”, li jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “L-għajnuna taħt dan l-Artikolu tista’ tingħata lill-bdiewa f’setturi li għalihom, fl‑2013, tkun ingħatat għajnuna nazzjonali transitorja skont l-Artikolu 133a […].” |
Id-Deċiżjoni ta ’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali
31 |
Is-sitt premessa tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali hija fformulata kif ġej: “Il-Kummissjoni ppubblikat dokument tax-xogħol għall-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-pagamenti diretti tal-20 ta’ Ottubru 2011, li kien jinkludi spjegazzjonijiet iddettaljati dwar il-mod ta’ kif kellu jitwettaq it-tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari u li kellu jiġi applikat minn ċerti Stati Membri ġodda għas-sena 2012 skont l-Artikolu 132(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.” |
32 |
Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali tinkludi żewġ artikoli fformulati kif ġej: “Artikolu 1 1. Għas-sena 2012, il-Litwanja hija awtorizzata tagħti [PDNK] skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-talba tagħha tat-22 ta’ Marzu 2012. 2. Il-livell sa fejn il-[PDNK] jista’ jitħallas u r-rata massima korrispondenti huma stabbiliti fl-anness għal din id-Deċiżjoni. 3. Ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għall-pagamenti hija dik applikata għall-pagamenti mogħtija taħt l-[iSPUE] prevista fl-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. 4. Meta l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata lil bidwi taħt ir-Regolament (KE) Nru 73/2009, inklużi l-[PDNK] kollha, ikun ogħla minn EUR 5000, ammont ekwivalenti għal 10 % tal-ammont totali ta’ iktar minn EUR 5000 jitnaqqas mill-ammont tal-[PDNK] li għandhom jingħataw lil dan il-bidwi skont l-Anness għal din id-deċiżjoni. Din il-perċentwali tiżdied b’erba’ punti perċentwali meta l-ammont totali tal-pagamenti diretti kollha, inklużi l-[PDNK] kollha, ikun ta’ iktar minn EUR 300000, iżda t-tnaqqis japplika biss għall-porzjon tal-ammont totali ta’ iktar minn EUR 300000 EUR u li jikkonsisti minn [PDNK]. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
33 |
Mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Litwanja mal-Unjoni, id-dħul tal-bdiewa Litwani huwa ssussidjat permezz ta’ pagamenti diretti, li jinkludu pagamenti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u l-pagamenti diretti nazzjonali ffinanzjati mill-baġit tal-Istat ikkonċernat. Ir-Repubblika tal-Litwanja għażlet is-SPUE. Skont din l-iskema, il-pagament huwa kkalkolat billi l-pakkett finanzjarju annwali tal-Istat ikkonċernat jiġi diviż bl-erja agrikola rilevanti eliġibbli għall-appoġġ. |
34 |
Abbażi tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, il-pagamenti diretti tal-Unjoni lill-bdiewa fil-Litwanja u fl-Istati Membri l-ġodda l-oħra żdiedu progressivament. Dawn kellhom jilħqu l-100 % tal-livell tal-pagamenti diretti mħallsa fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri Ġodda biss mis-sena 2013. Sa din id-data, l-Istati Membri l-ġodda kienu awtorizzati jagħtu PDNK, wara li jkunu ġew awtorizzati mill-Kummissjoni. |
35 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-għan stabbilit fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, jiġifieri li jintlaħaq, għas-sena 2012, livell tal-pagamenti diretti ta’ 90 % tal-livell tal-pagamenti diretti mħallsa fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, ma ntlaħaqx fil-Litwanja. Dan huwa dovut għall-fatt li l-pagamenti diretti kienu jitħallsu abbażi tad-dħul ta’ riferiment tal-uċuħ agrikoli kkonstatat bejn is-sena 2000 u s-sena 2002. Fuq din il-bażi ġie kkalkolat ukoll il-pakkett finanzjarju tal-pagamenti diretti għal 100 % tar-Repubblika tal-Litwanja, li għandu jiġi diviż bl-erja bażika sabiex jinkiseb il-pagament dirett għal kull ettaru. Madankollu, sas-sena 2012, id-dħul ta’ riferiment żdied ħafna, u l-erja bażika kibret b’mod kostanti. B’konsegwenza ta’ dan l-ammont tal-pagamenti diretti għal kull ettaru naqas. |
36 |
Fl-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat id-Dokument tax-xogħol DS/2011/14/REV2, li jispeċifika, għas-sena 2012, il-modalitajiet li bihom uħud mill-Istati Membri l-ġodda kellhom, abbażi tar-Regolament Nru 73/2009, japplikaw modulazzjoni tal-pagamenti diretti u tnaqqis tal-PDNK. Għalhekk, minn naħa, l-pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 5000 kienu bħala prinċipju suġġetti għall-modulazzjoni. Min-naħa l-oħra, abbażi tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali, il-PDNK imħallsa lill-bdiewa fil-Litwanja tnaqqsu b’10 %. |
37 |
Għas-sena 2012, B. Jakutis u l-Kretingalės kooperatinė ŽŪB ressqu quddiem l-aġenzija talbiet għall-appoġġ għal uċuħ agrikoli u uċuħ oħra. |
38 |
Fir-rigward ta’ B. Jakutis, l-aġenzija adottat, fil-5 ta’ Ġunju 2013, deċiżjoni li tgħid li, peress li l-ammont totali tal-pagamenti diretti, inklużi l-PDNK kollha, li minnhom B. Jakutis kien ibbenefika għas-sena 2012 kien ta’ iktar minn EUR 5000 [jiġifieri LTL 17264], kellu jiġi applikat it-tnaqqis tal-PDNK. |
39 |
Fir-rigward tal-Kretingalės kooperatinė ŽŪB, l-aġenzija applikat, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2013, il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti ffinanzjati permezz tal-FAEG kif ukoll it-tnaqqis tal-PDNK imħallsa lil din is-soċjetà. L-ammont totali tal-pagamenti diretti u tal-PDNK mogħtija lil din is-soċjetà kien ta’ iktar minn EUR 300000. |
40 |
B. Jakutis u l-Kretingalės kooperatinė ŽŪB ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju għall-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet. |
41 |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma kien hemm ebda bażi legali biex tiġi applikata, fil-Litwanja, il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti jew it-tnaqqis tal-PDNK għas-sena 2012. Huma jsostnu li, taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, ladarba ma jkunx effettivament stabbilit li l-ammonti u l-livelli tal-pagamenti diretti tal-bdiewa Litwani laħqu dawk tal-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, il-pagamenti diretti li jridu jitħallsu lill-bdiewa Litwani ma jistgħux ikunu modulati skont l-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament Nru 73/2009. |
42 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw li, għas-sena 2012, il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda kien ta’ iktar minn 90 % tal-livell tat-totalità tal-pagamenti diretti, filwaqt li kien matematikament impossibbli li dan jaqbeż id-90 % ta’ dan il-livell fil-Litwanja. Barra minn hekk, il-pagamenti diretti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni mħallsa lill-bdiewa Litwani għas-sena 2012 huma b’darbtejn iżgħar minn dawk irċevuti fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, anki jekk modulati b’10 %. Ladarba ma huwiex effettivament stabbilit li l-ammonti u l-livelli tal-pagamenti diretti tal-bdiewa Litwani laħqu dawk tal-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, il-pagamenti diretti li jridu jitħallsu lill-bdiewa Litwani ma għandhomx ikunu u ma jistgħux ikunu modulati u l-PDNK ma jistgħux jitnaqqsu. |
43 |
L-aġenzija enfasizzat li hija ma kinitx kompetenti biex tevalwa l-legalità tad-digriet tal-Gvern Litwan u ferm inqas dik tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. |
44 |
Il-Gvern Litwan jikkonferma l-elementi invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi jiddikjara li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda investigazzjoni u lanqas ma pprovdiet l-iċken informazzjoni li tikkonferma li, għas-sena 2012, il-livell tal-pagamenti diretti kien l-istess fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda u fl-Istati Membri l-ġodda. L-argumenti esposti fid-Dokument tax-xogħol DS/2011/14/REV2, li jgħidu li l-livell tal-pagamenti fl-Istati Membri l-ġodda kien laħaq dak tal-pagamenti fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, huma msejsa fuq interpretazzjoni tal-perċentwali indikati fir-Regolament Nru 73/2009. |
45 |
Skont il-Gvern Litwan, numru kbir ta’ bdiewa fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, għas-sena 2012, irċevew inqas minn EUR 5000 f’pagamenti diretti u, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 73/2009, peress li l-modulazzjoni ma kinitx applikabbli għalihom, il-pagamenti diretti kienu jingħatawlhom bir-rata ta’ 100 %. Il-konsegwenza ta’ dan hija li, li kieku l-modulazzjoni kienet applikabbli biss fir-rigward tal-bdiewa li jirċievu iktar minn EUR 5000 f’pagamenti diretti, il-livell globali tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda jkun ta’ iktar minn 90 % tal-livell tat-totalità tal-pagamenti diretti. Min-naħa l-oħra, fl-Istati Membri l-ġodda, il-bdiewa kollha jirċievu pagamenti diretti bir-rata ta’ 90 %, irrispettivament minn jekk il-pagamenti diretti mħallsa lill-bdiewa humiex ta’ iktar minn EUR 5000. |
46 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar kemm din is-sitwazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Peress li l-ammont imħallas għal kull ettaru fl-Istati Membri l-ġodda huwa oġġettivament differenti minn dak imħallas fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, dawn il-gruppi ta’ Stati jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti u għalhekk ma għandhomx jiġu trattati bl-istess mod, jiġifieri billi l-modulazzjoni tiġi applikata bl-istess mod. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata, mill-prinċipji ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba, li tiġbor il-punti kollha ta’ fatt neċessarji sabiex teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Vilnius), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq il-punti a) u b) tal-ewwel domanda
48 |
Permezz tal-punti a) u b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7(1), 10(1) u 121 tar-Regolament Nru 73/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li l-imsemmi livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal 90 % tal-livell tat-totalità tal-pagamenti diretti u li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li dan l-aħħar livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal dak tal-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda. |
49 |
Risposta affermattiva għal din id-domanda twassal għall-applikabbiltà, abbażi tal-Artikoli 7, 10 u 121 tal-istess regolament, tal-modulazzjoni għall-pagamenti diretti mħallsa lil bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda u, skont l-Artikolu 132 tal-imsemmi regolament, għall-PDNK. |
50 |
Huwa paċifiku li mhux biss talli l-ammonti tal-pagamenti mogħtija lill-imsemmija bdiewa kienu, għas-sena 2012, inqas mill-pagamenti mogħtija lill-bdiewa fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, iżda wkoll talli dawn l-ammonti kienu differenti fi ħdan iż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri. |
51 |
Madankollu, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009, billi jistabbilixxi rabta’ bejn il-livelli rispettivi tal-pagamenti diretti f’dawn iż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri, jindika li, minkejja d-differenzi kunsiderevoli li jeżistu bejn l-ammonti tal-pagamenti diretti f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri, li jipprekludu li jinkiseb livell komuni billi tiġi kkalkolata l-medja tal-ammonti rispettivi, ġie ddeterminat livell komuni. |
52 |
Fl-assenza ta’ definizzjoni fil-liġi tal-Unjoni tal-“livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda”, imsemmi fl-Artikoli 10 u 121 tar-Regolament Nru 73/2009, din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Szatmári Malom, C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-riferiment għall-imsemmi livell ġie introdott fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 bil-għan li jirregola l-introduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda. |
54 |
Din l-introduzzjoni progressiva pjuttost milli immedjata tal-imsemmija pagamenti fl-Istati Membri l-ġodda kellha l-għan li ma xxekkilx il-proċess ta’ ristrutturazzjoni tas-settur agrikolu u li ma toħloqx differenzi fid-dħul kunsiderevoli u distorsjonijiet soċjali permezz tal-għoti tal-għajnuna sproporzjonata meta mqabbla mal-livell ta’ dħul tal-bdiewa u tal-popolazzjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bábolna, C‑115/10, EU:C:2011:376, punt 34, u Il‑Polonja vs Il‑Kunsill, C‑273/04, EU:C:2007:622, punt 69). |
55 |
Għalkemm mill-iskeda ta’ introduzzjoni li tinsab fil-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jirriżulta li l-pagamenti diretti mħallsa lill-bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda dejjem jirrappreżentaw perċentwali speċifika tal-“livell applikabbli” fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, il-kalkolu tagħhom sar b’mod effettivament awtonomu. |
56 |
Għalhekk, l-erja bażika ġiet iddeterminata fl-imsemmi Kapitolu 6, filwaqt li kemm il-limiti annwali kif ukoll ir-regoli li jiddeterminaw il-pagamenti mħallsa fil-kuntest tal-iSPUE jinsabu fir-Regolament Nru 1782/2003 wara li ddaħħlu, rispettivament, bid-Deċiżjoni 2004/281 u bir-Regolament Nru 583/2004. |
57 |
Għandu jiġi kkunsidrat li l-livell li l-pagamenti diretti mħallsa fl-Istati Membri l-ġodda kellhom jilħqu għas-sena 2013, jiġifieri 100 % tal-ammonti mbassra, permezz tad-data ta’ riferiment għas-sena 2003, ma jiddependix fuq il-livell reali tal-pagamenti diretti. Għalhekk għal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx kwistjoni li jġib indaqs il-livelli nominali, iżda li jasal għal livell astratt ta’ 100 %, filwaqt li jaċċetta li dan jagħti lok għal ammonti differenti f’kull Stat Membru. |
58 |
Ċertament, kif osservat il-qorti tar-rinviju, mis-sena 2003 l-hawn l-erja bażika fil-Litwanja iktar milli rduppjat, u b’dan il-mod naqas l-ammont tal-pagamenti diretti għal kull ettaru. Madankollu, din iċ-ċirkustanza, li tikkonċerna biss l-ammonti tal-pagamenti diretti mħallsa individwalment lil kull bidwi, tibqa’ ma taffettwax il-funzjonament tal-mekkaniżmu stabbilit li jgħolli progressivament il-limitu tal-pagamenti diretti għal-livell ta’ 100 %. |
59 |
Issa, peress li r-rabta hekk postulata bejn il-livelli rispettivi tal-pagamenti diretti tirriżulta mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u, għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑413/04, EU:C:2006:741, punt 43), din għandha tiġi preżunta fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 sa fejn dan jirrifletti d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni. |
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jintlaqa’ l-argument, propost mill-qorti tar-rinviju u sostnut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Litwan, u li huwa intiż li jikkontesta l-ekwivalenza, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009, tal-livelli tal-pagamenti diretti applikabbli, rispettivament, fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda u fl-Istati Membri l-ġodda minħabba l-fatt li l-effett tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-modulazzjoni għall-pagamenti diretti ta’ inqas minn EUR 5000 huwa li l-ammont tal-pagamenti diretti mħallsa, għas-sena 2012, fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda hija, minkejja l-modulazzjoni ta’ 10 %, effettivament ogħla mil-livell ta’ 90 % tat-totalità tal-pagamenti diretti, livell formalment milħuq fl-Istati Membri l-ġodda. |
61 |
Fil-fatt, peress li l-livell tal-pagamenti diretti applikabbli qabel il-modulazzjoni huwa ta’ 100 % indipendentement mill-ammonti effettivament imħallsa fid-diversi Stati Membri, il-modulazzjoni globali ta’ 10 %, prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009, għandha titqies li hija tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ekwivalenza tal-livelli tal-pagamenti diretti applikabbli. |
62 |
Min-naħa l-oħra, teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti nominali ta’ dawn il-kalkoli jqajjem, minbarra l-kwistjoni tan-numru ta’ bdiewa li jirċievu inqas minn EUR 5000 rispettivament fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda u fl-Istati Membri l-ġodda, il-kwistjoni tad-differenza kunsiderevoli bejn l-ammonti tal-pagamenti diretti għal kull ettaru rispettivament imħallsa, u għalhekk jagħmilha impossibbli li jsir paragun assolut bejn il-livell ta’ pagamenti mħallsa f’dawn iż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri. Issa, l-għażla tal-kriterju astratt tal-livell tal-pagamenti diretti applikabbli hija ta’ natura li tevita tali kunsiderazzjonijiet. |
63 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti a) u b) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 7(1), 10(1) u 121 tar-Regolament Nru 73/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li l-imsemmi livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal 90 % tal-livell tat-totalità tal-pagamenti diretti u li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li dan l-aħħar livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal dak tal-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda. |
Fuq il-punt ċ) tal-ewwel domanda u fuq il-punti a) u b) tat-tieni domanda
64 |
Permezz tal-punt ċ) tal-ewwel domanda u tal-punti a) u b) tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 10(1), in fine, u l-aħħar subparagrafu, in fine, tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 73/2009, id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali kif ukoll id-Dokument tax-xogħol DS/2011/14/REV2 humiex invalidi. |
65 |
Fir-rigward tad-Dokument tax-xogħol DS2011/14/REV2, għandu qabel kollox jiġi osservat li mis-sitt premessa tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali jirriżulta li din id-deċiżjoni ġiet, b’mod partikolari, adottata fid-dawl tal-kontenut ta’ dan id-dokument tax-xogħol. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed, f’dan il-każ, li jsir eżami tal-validità tal-imsemmija deċiżjoni, peress li ma hemmx lok li jsir eżami separat tal-validità tal-imsemmi dokument. |
Kompatibbiltà mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003
66 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-allegat ksur tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, dan jirriżulta, skont il-qorti tar-rinviju, mill-fatt li l-imsemmi att la jipprevedi modulazzjoni tal-pagamenti diretti tal-Unjoni u lanqas tnaqqis tal-PDNK fl-Istati Membri l-ġodda, għalkemm l-applikazzjoni, permezz tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, tal-modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda, għas-sena 2012, jiġifieri qabel ma jintlaħaq il-livell ta’ 100 % tal-pagamenti diretti, tmur kontra l-ftehim milħuq matul is-sena 2003 li jgħid li l-pagamenti diretti għandhom jilħqu l-imsemmi livell għas-sena 2013. |
– Il-pagamenti diretti tal-Unjoni
67 |
Għandu qabel kollox jitfakkar li l-introduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti tal-Unjoni fl-Istati Membri l-ġodda ma kinitx maħsuba biex tintlaħaq ekwivalenza bejn l-ammonti rispettivament imħallsa fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda u fl-Istati Membri l-ġodda. L-għan kien, kif jirriżulta mill-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, li jiġi evitat dannu għall-iżvilupp tas-settur agrikolu fl-Istati Membri l-ġodda bl-introduzzjoni mingħajr perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ livell ta’ appoġġ iddeterminat minn qabel għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. |
68 |
Fid-dawl ta’ dan l-għan speċifiku, l-iskema stabbilita fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma tipprekludix, bħala prinċipju, l-applikazzjoni għall-Istati Membri l-ġodda ta’ riforma ta’ portata ġenerali, bħall-modulazzjoni, maħsuba sabiex ittejjeb il-funzjonament tal-PAK fl-Istati Membri kollha, billi jintlaħaq bilanċ aħjar bejn l-istrumenti mfassla sabiex jippromwovu l-agrikoltura fit-tul u dawk intiżi li jinkoraġġixxu l-iżvilupp rurali. |
69 |
Il-fatt li l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma solviex il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda, huwa dovut għall-fatt li r-riforma tal-PAK li introduċiet il-modulazzjoni saret b’mod parallel għan-negozjati għall-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-modulazzjoni ġiet introdotta permezz tar-Regolament Nru 1782/2003 wara l-konklużjoni tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u l-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 1782/2003, li jirregola l-modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda, ġie miżjud mal-imsemmi regolament permezz tar-Regolament Nru 583/2004. Il-possibbiltà li tali emendi jiġu introdotti fl-acquis communautaire applikabbli għall-imsemmija Stati Membri kienet prevista espliċitament fl-Artikoli 23 u 57 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. |
70 |
Filwaqt li l-eventwali applikazzjoni tal-modulazzjoni għall-pagamenti diretti mħallsa fl-Istati Membri l-ġodda ma hijiex, fiha nnifisha, kkontestata fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kundizzjonijiet ta’ din l-applikazzjoni. |
71 |
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-kontenut tal-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 1782/2003 ġie riprodott u speċifikat, f’żewġ rigwardi, fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009. Dan jeżiġi, minn naħa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-modulazzjoni fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda għall-finijiet tal-konstatazzjoni li l-livelli tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda huwa diġà minn tal-inqas ekwivalenti għal dak applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda. Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li l-perċentwali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda hija limitata għad-differenza tal-livelli rispettivi tal-pagamenti diretti. |
72 |
Din l-aħħar regola hija intiża li tiżgura, kif speċifikat fil-premessa 17 tar-Regolament Nru 73/2009, li l-modulazzjonji ma twassalx għal tnaqqis tal-ammont nett imħallas lil bidwi fi Stat Membru ġdid għal livell taħt l-ammont li għandu jitħallas lil bidwi ekwivalenti fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda. |
73 |
Kif ġustament osservaw il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, abbażi ta’ din ir-regola, l-applikabbiltà tal-modulazzjoni, għas-sena 2012, ma wasslitx għal tnaqqis tal-pagamenti diretti taħt il-EUR 300000 mħallsa fl-Istati Membri l-ġodda minħabba l-fatt li d-differenza bejn il-livelli rispettivi kienet ta’ żero. |
74 |
Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni, għas-sena 2012, tal-modulazzjoni għall-pagamenti diretti mħallsa fl-Istati Membri l-ġodda tat tabilħaqq lok għal tnaqqis ta’ 4 % tal-ammonti ta’ iktar minn EUR 300000. Għalkemm dan it-tnaqqis jista’ ċertament iżid id-differenza kunsiderevoli li teżisti bejn l-ammonti tal-pagamenti diretti għal kull ettaru mħallsa, rispettivament, fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda u fl-Istati Membri l-ġodda. Madankollu, il-livell tal-imsemmija ammonti milħuq, wara l-imsemmi tnaqqis, fl-Istati Membri l-ġodda jibqa’ tabilħaqq superjuri għal-livell applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda fejn il-modulazzjoni hija ta’ 14 %. |
75 |
Għalhekk għandu jitqies li l-effett tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009, meta moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) u mal-premessa 17 tal-imsemmi regolament, huwa li jikkontribwixxi għall-għan intiż li jintlaħaq, fl-Istati Membri kollha, bilanċ aħjar bejn il-promozzjoni tal-agrikoltura fit-tul u l-inkoraġġiment tal-iżvilupp rurali, għan li jifforma parti mill-kuntest leġiżlattiv delineat fl-Att ta’ Adeżjoni. |
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10(1) in fine tar-Regolament Nru 73/2009, sa fejn jippermetti li tiġi applikata, permezz ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-modulazzjoni fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, l-iskema ta’ modulazzjoni tal-pagamenti diretti tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha għas-sena 2012, huwa kompatibbli mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. |
– Il-PDNK
77 |
L-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprevedi li l-ammont totali ta’ appoġġ dirett li jista’ jingħata lil bidwi fl-Istati Membri l-ġodda, inkluż kull PDNK, ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li dan il-bidwi jkun intitolat jirċievi skont il-pagament dirett korrispondenti applikabbli għall-Istati Membri fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, b’kont meħud tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament. |
78 |
Filwaqt li din il-projbizzjoni ta’ qbiż kienet diġà ġiet miżjuda, permezz tal-punt 27(b) tal-Kapitolu 6A tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, fl-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999, ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, tal-effetti tal-modulazzjoni fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda ġie stabbilit biss mill-imsemmi Artikolu 132(2). |
79 |
Dan ir-rekwiżit wassal sabiex il-Kummissjoni tqis li l-modulazzjoni kellha tapplika għall-PDNK mħallsa fil-Litwanja għas-sena 2012. |
80 |
Filwaqt li għandu jitqies, għall-istess raġunijiet li diġà ġġustifikaw il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti biss tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 10(1) in fine tar-Regolament Nru 73/2009, li l-iżvilupp fl-applikazzjoni tal-modulazzjoni għall-pagamenti diretti kollha mħallsa lill-bdiewa tal-Istati Membri l-ġodda huwa bħala prinċipju kompatibbli mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-evalwazzjoni tal-legalità tal-modalitajiet konkreti ta’ din l-applikazzjoni, deskritti fid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali, teżiġi interpretazzjoni tal-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009 konformement mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, li għaliha huwa suġġett l-għoti tal-PDNK, abbażi tal-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu, tiddependi fuq eżami konkret u ddettaljat tal-pagamenti inkwistjoni, eżami li l-istadji tiegħu diġà jidhru fl-Artikolu 1ċ li kien ġie inserit fir-Regolament Nru 1259/1999 mill-punt 27(b) tal-Kapitolu 6A tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-modulazzjoni jvarjaw skont l-iskema ta’ pagament magħżula minn Stat Membru Ġdid, jiġifieri l-iskema ta’ pagament uniku (SPU) jew l-iSPUE. |
82 |
Fil-fatt, għalkemm kemm l-imsemmi Artikolu 1ċ kif ukoll l-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jirrigwardaw, bħala prinċipju, l-Istati Membri l-ġodda kollha, mill-paragrafu 4 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli jirriżulta li Stat Membru ġdid li japplika l-iSPUE jista’ jagħti l-appoġġ dirett nazzjonali komplementari skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 5 sa 8 tal-imsemmija artikoli. |
83 |
Konformement mar-raġuni leġittima li, sa mis-sena 2012, l-skema ta’ modulazzjoni tiġi applikata fl-Istati Membri l-ġodda, inkluż, kif tissuġġerixxi l-premessa 17 tar-Regolament Nru 73/2009, fir-rigward tal-PDNK, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis tal-ammont kumulattiv tal-pagamenti diretti tal-Unjoni u tal-PDNK għandu jiġi allineat ma’ dak tal-modulazzjoni tal-pagamenti diretti biss tal-Unjoni. |
84 |
Għalhekk, fir-rigward tal-imsemmi ammont kumulattiv, it-tnaqqis għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta tkun applikabbli l-modulazzjoni għall-pagamenti diretti tal-Unjoni. Sa fejn, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 73/2009, il-modulazzjoni ma hijiex applikabbli għall-pagamenti ta’ inqas minn EUR 300000, it-tnaqqis lanqas ma għandu jaffettwa l-PDNK. |
85 |
Kif ġie osservat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009 ma huwiex applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda, huwa applikabbli biss l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant fir-rigward tal-ammonti ’l fuq minn EUR 300000 huwa applikabbli biss tnaqqis ta’ 4 punti perċentwali. |
86 |
Issa, billi imponiet l-applikazzjoni tal-modulazzjoni għas-sena 2012 fir-rigward tal-bdiewa li l-ammont totali tal-pagamenti diretti nazzjonali u tal-Unjoni mogħti lilhom huwa ta’ bejn EUR 5000 u EUR 300000, id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali ma osservatx il-paralleliżmu bejn il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti u dik tal-PDNK. |
87 |
Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali għandha tiġi ddikjarata invalida. |
Kompatibbiltà mal-prinċipji ġenerali msemmija
88 |
Peress li ġie stabbilit li d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali tmur kontra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, ma għadx hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipji ġenerali msemmija mill-qorti tar-rinviju. |
89 |
Fir-rigward tal-Artikoli 10 u 132 tar-Regolament Nru 73/2009, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’liema mod dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li jippreġudikaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija, ħlief għal dak ta’ nondiskriminazzjoni. |
90 |
F’dak li jirrigwarda dan l-aħħar prinċipju, għandu madankollu jiġi osservat li, minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tal-agrikoltura fl-Istati Membri l-ġodda kienet radikalment differenti minn dik tal-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, fatt li għalhekk jipprekludi li jiġi stabbilit paragun validu (sentenza Il‑Polonja vs Il‑Kunsill, C‑273/04, EU:C:2007:622, punti 87 u 88), id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 10 u 132 tar-Regolament Nru 73/2009, li jissodisfaw ir-raġuni leġittima li, sa mis-sena 2012, l-iskema ta’ modulazzjoni tiġi applikata fl-Istati Membri l-ġodda, ma jippreġudikawx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. |
91 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-punt ċ) tal-ewwel domanda u għall-punti a) u b) tat-tieni domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali hija invalida filwaqt li mill-eżami tal-imsemmija domandi ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 10(1) in fine u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) in fine tar-Regolament Nru 73/2009. |
Fuq il-punt ċ) tat-tieni domanda
92 |
Permezz tal-punt ċ) tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2010, huwiex invalidu peress li din l-emenda permezz ta’ rettifika ma kinitx korrezzjoni ta’ natura teknika iżda emenda sostantiva. |
93 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenza Rosselle, C‑65/14, EU:C:2015:339, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
94 |
Għandu jiġi osservat li r-rettifika tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 saret bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Għalkemm il-verżjoni inizjali tal-aħħar subparagrafu ta’ dan l-artikolu kienet issemmi, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, is-sena 2012, filwaqt li f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi din kienet tidher fil-bidu ta’ dan is-subparagrafu, f’verżjonijiet oħra din kienet tinsab fl-aħħar tal-imsemmi subparagrafu. |
95 |
Il-verżjoni Litwana tifforma parti mill-ewwel kategorija ta’ dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, fejn is-sena kienet tissemma fil-bidu tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 qabel ir-rettifika. Ir-rettifika kienet tinvolvi dan li ġej, jiġifieri li t-termini “mill-2012” tneħħew mill-bidu ta’ dan is-subparagrafu u ddaħħlu bejn it-termini “b’kont meħud” u t-termini “mill-2012 tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10” lejn l-aħħar tal-imsemmi subparagrafu. |
96 |
Kif ġustament osservat il-Kummissjoni, il-fatt li s-sena 2012 tissemma fil-bidu tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 seta’ jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li l-projbizzjoni ta’ qbiż kienet tikkonċerna biss is-sena 2012, interpretazzjoni li ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni. |
97 |
Għalhekk għandu jitqies li r-rettifika mwettqa permezz tar-rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2010, tikkostitwixxi sempliċi korrezzjoni ta’ kjarifika li ma kellha l-ebda effett fuq il-portata tad-dispożizzjoni kkonċernata. |
98 |
Konsegwentement ir-risposta li għandha tingħata għall-punt ċ) tat-tieni domanda għandha tkun li mill-eżami tal-imsemmija domandi ma rriżulta l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2010. |
Fuq il-punt d) tat-tieni domanda
99 |
Permezz tal-punt d) tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tifsira tal-kelma “dydis” bil-lingwa Litwana (“livell” fil-verżjoni bil-Malti), użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999, li ddaħħal fir-regolament permezz tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, hija l-istess bħal dik tal-kelma “lygis” (“livell” fil-verżjoni bil-Malti), użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009. |
100 |
Għandu qabel kollox jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 132 jistabbilixxi, essenzjalment, l-istess regoli bħall-Artikolu 143ċ tar-Regolament Nru 1782/2003, li min-naħa tiegħu rriproduċa l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999. |
101 |
It-terminu rilevanti bil-lingwa Litwana użat kemm fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 143ċ(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif ukoll fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999 huwa “dydis”. Dan it-terminu nbidel biss fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 73/2009, li juża, fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), it-terminu “lygis”. |
102 |
Min-naħa l-oħra, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999 u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, it-termini użati baqgħu essenzjalment identiċi. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Ingliża, Franċiża, Taljana u Portugiża. |
103 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-finalità tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 40). |
104 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la l-istruttura u lanqas il-finalità tar-Regolament Nru 73/2009 ma jiffavorixxu interpretazzjoni differenti meta mqabbla mat-testi preċedenti, li hija riflessa mis-sostituzzjoni tat-terminu “lygis” bit-terminu “dydis”. Bil-kontra ta’ dan, il-premessa 48 ta’ dan ir-regolament tistipula li “l-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ [PDNK] għandhom jinżammu”. |
105 |
Konsegwentement, għandu jitqies li l-bidla fit-terminoloġija użata fil-verżjoni bil-lingwa Litwana tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 meta mqabbla ma’ dik użata fl-artikoli korrispondenti tar-regolamenti preċedenti ma tibdilx is-sens ta’ dan is-subparagrafu. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-fatt li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jirriproduċi l-miżuri msemmija fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6A tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. |
106 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt d) tat-tieni domanda hija li t-tifsira tat-terminu “dydis”, użat fil-verżjoni bil-lingwa Litwana tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999, li ddaħħal fir-regolament permezz tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, hija l-istess bħal dik tat-terminu “lygis”, użat fil-verżjoni bil-lingwa Litwana tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009. |
Fuq it-tielet domanda
107 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C (2012) 4391 finali hijiex invalida għal raġunijiet marbuta mal-motivazzjoni tagħha jew mal-assenza ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
108 |
Fid-dawl tal-konstatazzjoni, fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, tal-invalidità tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implementazzjoni, ma hemmx lok li din id-domanda tingħata risposta. |
Fuq l-ispejjeż
109 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.