Kawża C‑69/14

Dragoș Constantin Târșia

vs

Statul român

u

Serviciul public comunitar regim permise de conducere și înmatriculare a autovehiculelor

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Sibiu)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Awtorità ta’ res judicata — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Ħlas lura ta’ taxxi miġbura minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Deċiżjoni ġudizzjarja finali li timponi l-ħlas ta’ taxxa li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Talba għar-reviżjoni ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti r-reviżjoni, fid-dawl ta’ deċiżjonijiet preliminari sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali mogħtija fi proċeduri amministrattivi biss”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2015

  1. Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali — Preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali — Assenza — Ammissibbiltà

    (Artikolu 267 TFUE)

  3. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Effett dirett — Drittijiet individwali — Salvagwardja mill-qrati nazzjonali — Azzjoni ġudizzjarja — Prinċipju ta’ awtonomija proċedurali — Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

  4. Stati Membri — Obbligi — Awtorità ta’ res judicata — Obbligu ta’ qorti nazzjonali li ma tapplikax regoli proċedurali interni sabiex teżamina mill-ġdid deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata — Assenza — Eċċezzjoni — Rikonoxximent tal-possibbiltà ta’ reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija f’ċerti oqsma

    (Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 267 TFUE)

  5. Stati Membri — Obbligi — Awtorità ta’ res judicata — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Obbligu ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ta’ natura ċivili li saret res judicata u li tirriżulta li hija inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tingħata wara — Assenza — Possibbiltà ta’ tali reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali ta’ natura amministrattiva — Assenza ta’ effett

    (Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 267 TFUE)

  6. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Ksur minn Stat Membru — Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 12, 13, 19)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 14, 19, 21, 22)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 26, 27)

  4.  L-importanza tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata tidher kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jiġu kkontestati iktar deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji kollha disponibbli jew wara li jkun skada t-terminu previst għal dawn ir-rimedji. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt. Madankollu, jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà li, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-qorti nazzjonali tirriforma deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tirrendi s-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, din il-possibbiltà għandha tipprevali, konformement mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jekk jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni inkwistjoni terġa’ tiġi konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    (ara l-punti 28-30)

  5.  Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta din id-deċiżjoni tirriżulta li tkun inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni tkun saret finali, minkejja li tali possibbiltà teżisti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura amministrattiva.

    Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jimplika trattament ugwali għar-rimedji bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u dawk simili bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal proċeduri ta’ natura differenti bħall-proċeduri ċivili minn naħa u l-proċeduri amministrattivi min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex rilevanti f’sitwazzjoni li tikkonċerna żewġ tipi ta’ rikorsi bbażati, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, dan għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u d-dettalji ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali kkonċernata, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Issa, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, dan għandu, bħala prinċipju, jirriforma din id-deċiżjoni.

    (ara l-punti 34, 36-39, 41 u d-dispożittiv)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 40)