Kawża C‑66/14

Finanzamt Linz

vs

Bundesfinanzgericht, Außenstelle Linz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE, 54 TFUE, 107 TFUE u 108(3) TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Għajnuna mill-Istat — Tassazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji — Akkwist ta’ sehem fil-kapital ta’ sussidjarja — Deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża — Limitazzjoni fl-ishma f’kumpanniji residenti”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015

  1. Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti — Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli — Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv

    (Artikoli 107 TFUE, 108(3) TFUE u 267 TFUE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Taxxi — Esklużjoni ħlief għat-taxxi li jiffinanzjaw għajnuna — Impossibbiltà għall-partijiet fil-kawża li jeċċepixxu n-natura ta’ għajnuna illegali ta’ miżura fiskali sabiex jevadu l-ħlas tat-taxxa inkwistjoni jew biex jiksbu r-rimbors tagħha

    (Artikoli 107 TFUE, 108(3) TFUE)

  3. Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil kumpannija parent li akkwistat sehem f’impriża li tagħmel deprezzament tal-valur kummerċjali ta’ din tal-aħħar — Limitazzjoni fl-ishma f’kumpanniji residenti — Inammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Assenza

    (Artikolu 49 TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 19‑22)

  2.  Id-debitur ta’ taxxa ma jistax jeċċepixxi li miżura fiskali li jibbenefikaw minnha impriżi oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevadi l-ħlas ta’ din it-taxxa.

    (ara l-punt 21)

  3.  L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji, tippermetti li kumpannija parent, fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija residenti li ssir membru ta’ tali grupp, tipproċedi għad-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża sa 50 % tal-prezz tax-xiri tas-sehem, minkejja li hija tipprojbixxi dan fil-każ ta’ akkwist ta’ sehem f’kumpannija mhux residenti.

    Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq vantaġġ fiskali għal kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija mhux residenti, il-fatt li ma tagħtix, f’dawn l-istess ċirkustanzi, dan il-vantaġġ fiskali lil kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija mhux residenti tistabbilixxi differenza fit-trattament fiskali bejn kumpanniji parent għad-detriment ta’ dawk li jakkwistaw sehem f’kumpannija mhux residenti. Din id-differenza fit-trattament hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju, mill-kumpannija parent li takkwista sehem f’kumpannija mhux residenti, tal-libertà ta’ stabbiliment tagħha fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, billi tiskoraġġiha milli takkwista jew li twaqqaf sussidjarji fi Stati Membri oħrajn. Tali differenza fit-trattament tista’ tiġi ammessa biss jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

    F’dan ir-rigward, peress li, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, grupp ta’ kumpanniji jista’ jitwaqqaf minn kumpanniji kemm residenti kif ukoll mhux residenti, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija parent li tixtieq twaqqaf tali grupp ma’ sussidjarja residenti u dik ta’ kumpannija parent residenti li tixtieq twaqqaf grupp ta’ kumpanniji ma’ sussidjarja mhux residenti huma, fid-dawl tal-għan tas-sistema fiskali inkwistjoni, oġġettivament komparabbli peress li t-tnejn li huma jfittxu li jibbenefikaw mill-vantaġġi ta’ din is-sistema. Bl-istess mod, fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni bil-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistabbilixxix, fiha nnifisha, rabta diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ fiskali li jikkonsisti fid-deprezzament tal-valur kummerċjali tal-impriża u, minn naħa l-oħra, l-impożizzjoni li tikkonsisti fit-tassazzjoni tal-kumpannija parent tar-riżorsi fil-każ ta’ trasferiment tas-sehem fis-sussidjarja tagħha, ma jistax jitqies li d-differenza fit-trattament hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali tal-Istat Membru kkonċernat.

    (ara l-punti 27‑30, 33, 43, 50, 54 u d-dispożittiv)