SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 8543 70 — Magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra fil-Kapitolu 85 tan-Nomenklatura Magħquda — Subintestaturi 8543 70 10 u 8543 70 90 — Dawl għall-qari tal-kotba elettroniċi b’funzjonijiet ta’ traduzzjoni jew ta’ dizzjunarju”

Fil-Kawża C‑58/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Hauptzollamt Hannover

vs

Amazon EU Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Hauptzollamt Hannover, minn T. Röper,

għal Amazon EU Sàrl, minn S. Maunz u H. Menzel, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 8543 70 10 u 8543 70 90 tan-nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 284, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Hauptzollamt Hannover (l-uffiċċju prinċipali doganali ta’ Hannover, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“HZA”) u Amazon EU Sàrl (iktar ’il quddiem “Amazon”) dwar klassifikazzjoni tariffarja ta’ dawl għall-qari tal-kotba elettroniċi fi ħdan in-NM.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta kull sena regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u r-rati tad-dazji doganali, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja ta’ wara.

4

Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 861/2010, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

5

L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-“Regoli Ġenerali”, is-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli [L-intestaturi] tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli [tal-intestaturi] u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli [l-intestaturi] jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed [f’intestatura waħda] [f’żewġ titli] jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

it-titlu [l-intestatura] li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli [intestaturi] li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli [intestaturi] jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli [l-intestaturi] għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

[...]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu [fis-subintestaturi ta’ intestatura] għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is- subtitli [subintestaturi] u kwalunkwe noti ta’ subtitli [subintestaturi] relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli [subintestaturi] fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

6

It-tieni parti tan-NM tinkludi Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. In-nota 3 ta’ din it-taqsima tippreċiża kif ġej:

“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”

7

L-imsemmija taqsima tinkludi l-Kapitolu 84, relatat mar-reatturi nukleari, mal-kaldaruni (boilers), mal-makkinarju u mal-għodod mekkaniċi; u mal-partijiet tagħhom, kif ukoll il-Kapitolu 85, iddedikat lill-makkinarju u lit-tagħmir elettriku u lill-partijiet tagħhom; lill-istrumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, lill-istrumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, kif ukoll lill-partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti. In-nota 5 E) tal-Kapitolu 84 tindika kif ġej:

“Magni li jinkorporaw jew li jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għal ipproċessar ta’ data u li jwettqu funzjoni speċifika barra l-ipproċessar ta’ data għandhom ikunu kklassifikati fit-titli [fl-intestaturi] xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, f’nuqqas ta’ dan, fit-titli [fl-intestaturi] li jibqa’.”

8

Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi, partikolarment, l-intestaturi u s-subintestaturi li ġejjin:

Image

9

Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-rata tad-dazju doganali fuq l-importazzjoni applikabbli għall-apparat tas-subintestatura 8543 70 90 tan-NM kienet ta’ 3.70 % filwaqt li l-apparat li kien jaqa’ taħt is-subintestatura 8543 70 10 tan-NM kien jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju.

10

Bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87 u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tħejji noti ta’ spjega tan-NM. In-noti ta’ spjega, ippubblikati fis-6 ta’ Mejju 2011f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 137, p. 1), applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jippreċiżaw, fir-rigward tas-subintestaturi 8543 70 90, dan li ġej:

“8543

Magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-kapitlu

8543 70 90

oħrajn

Dan is-subtitlu jinkludi:

[...]

Dan is-subtitlu [is-subintestatura] jkopri wkoll apparat elettroniku żgħir mhux immuntat fuq platt-bażi (li jinkludi hekk imsejħin ‘mikrokompjuters’), li jistgħu jintużaw biex jiffurmaw kliem u sentenzi li jkunu tradotti f’lingwa barranija magħżula skond il-moduli tal-memorja użati f’dawn il-mezzi. Huma jkollhom tastiera alfanumerika u display rettangolari. Madanakollu, dawn is-subtitli [is-subintestaturi] ma jkoprux apparat simili b’funzjonijiet ta’ kalkoli (titlu 8470).”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Amazon hija kumpannija li timporta, b’mod partikolari, dwal għall-qari tal-kotba elettroniċi. Dawn l-apparat jinkludu, minbarra l-materjal neċessarju għall-qari tal-kotba, għażla ta’ output tal-vuċi, programm ta’ restituzzjoni tal-format tal-fajls awdjo u funzjoni ta’ dizzjunarju. Id-dizzjunarji Oxford American Dictionary u Oxford Dictionary of English huma b’hekk installati minn qabel fuq dawn l-apparat u dizzjunarji supplimentari jistgħu jitniżżlu u jiġu installati hawnhekk.

12

Dwal għall-qari tal-kotba elettroniċi, importati fil-Ġermanja minn Amazon fix-xahar ta’ Ġunju 2011, ġew ikklassifikati fis-subintestatura 8543 70 90 tan-NM mill-awtoritajiet doganali kompetenti. Fix-xahar ta’ Lulju 2011, Amazon ressqet ilment kontra din il-klassifikazzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2011, il-Hauptzollamt Itzehoe (uffiċċju prinċipali tad-dwani ta’ Itzehoe, il-Ġermanja), dak iż-żmien kompetenti, ikklassifika mill-ġdid dawn id-dwal għall-qari taħt is-subintestatura 8543 70 10 tan-NM. Fis-26 ta’ Ottubru 2011, Amazon talbet informazzjoni tariffarja vinkolanti mingħand il-HZA u pproponiet il-klassifikazzjoni tal-imsemmija dwal għall-qari taħt is-subintestatura 8543 70 10 tan-NM. Madankollu, il-HZA ddeċidiet, fl-informazzjoni tariffarja vinkolanti b’hekk maħruġa, li tikklassifika dawn l-istess dwal għall-qari fis-subintestatura 8543 70 90 tan-NM, minħabba l-fatt li l-funzjoni prinċipali ta’ dawn tal-aħħar hija r-riproduzzjoni ta’ kotba maħżuna taħt forma elettronika u mhux fil-funzjoni tat-traduzzjoni jew tad-dizzjunarju.

13

Għaldaqstant Amazon ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Hamburg (tribunal tal-finanzi ta’ Hamburg), li permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Frar 2013, ta direzzjoni lill-HZA li toħroġ informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika d-dwal għall-qari inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 8543 70 10 tan‑NM. Il-HZA appellat fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi).

14

Il-qorti tar-rinviju tqies li, meta apparat għandu jkun is-suġġett ta’ klassifikazzjoni fin-NM, is-subintestatura li tinkludi d-deskrizzjoni l-iktar preċiża ta’ dan l-apparat prim fis-subintestaturi relatati għal indikazzjonijiet ġenerali. Din il-qorti tenfasizza li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni stabbilita fl-ewwel parti, titolu 1, A, 3(a) tan-NM ma humiex issodisfatti, peress li ma jeżistux żewġ subintestaturi li jistgħu jitqiesu għall-klassifikazzjoni tad-dwal tal-qari inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-subintestatura 8543 70 90 tan-NM ma tikkostitwixxix possibbiltà oħra ta’ klassifikazzjoni fis-sens ta’ din ir-regola ġenerali ta’ interpretazzjoni. Peress li hija biss subintestatura residwa, tista’ tiġi applikata biss f’każ ta’ impossibbiltà ta’ klassifikazzjoni f’subintestatura iktar speċifika, liema fatt ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali inkwistjoni.

15

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesfinanzhof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-deskrizzjoni tal-merkanzija tas-subintestatura 8543 7010 tan-[NM] għandha tinftiehem fis-sens li jaqa’ taħt din is-subintestatura biss l-apparat li għandu esklużivament funzjonijiet ta’ traduzzjoni jew ta’ dizzjunarju?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, għandu jiġi kklassifikat ukoll taħt is-subintestatura 8543 7010 tan-[NM] l-apparat li l-funzjoni ta’ traduzzjoni jew ta’ dizzjunarju tiegħu ma hijiex sinjifikattiva meta mqabbla mal-funzjoni prinċipali tiegħu (il-funzjoni ta’ qari)?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li dawl għall-qari tal-kotba elettroniċi li għandu funzjoni ta’ traduzzjoni jew ta’ dizzjunarju għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8543 70 10, bħala magna tal-elettriku b’funzjonijiet ta’ traduzzjoni jew dizzjunarju, jew fis-subintestatura 8543 70 90, bħala apparat elettriku ieħor.

17

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, l-irwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fin-NM, iktar milli tikklassifikahom hija stess (sentenza Rohm Semiconductor, C‑666/13, EU:C:2014:2388, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Huwa l-obbligu, b’mod partikolari, tal-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema huma l-funzjonijiet prinċipali u aċċessorji tal-prodott li għandhom jkunu s-suġġett ta’ klassifikazzjoni tariffarja.

19

Madankollu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tat-tieni domanda preliminari msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li l-funzjoni prinċipali tad-dwal għall-qari inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija funzjoni ta’ qari.

20

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif definiti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva b’mod korrett li ma teżisti, fin-NM, ebda subintestatura li l-formulazzjoni tagħha tagħmel riferiment espliċitu għal apparat elettriku li għandu bħala funzjoni prinċipali l-funzjoni tal-qari.

22

Madankollu, jista’ biss jiġi dedott minn dan li fin-nuqqas ta’ subintestatura tan-NM li tikkorrispondi b’mod preċiż għall-funzjoni prinċipali ta’ apparat, dan tal-aħħar għandu jiġi kklassifikat f’subintestatura speċifika fuq il-bażi ta’ waħda mill-funzjonijiet aċċessorji tiegħu.

23

Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott għandha ssir filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni prinċipali tiegħu. B’hekk, in-nota 3 tat-Taqsima XVI tat-Tieni Parti tan-NM jipprevedi b’mod partikolari li magna li tiżgura diversi funzjonijiet għandha tiġi kklassifikata skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizzaha.

24

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li huwa neċessarju, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodott, li jiġi kkunsidrat dak li l-konsumatur jara bħala l-funzjoni prinċipali jew aċċessorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, EU:C:2011:248, punt 77).

25

Għaldaqstant, prodott għandu jiġi kklassifikat billi titqies mhux waħda mill-funzjonijiet aċċessorji tiegħu, iżda l-funzjoni prinċipali tiegħu, u din stess fis-sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ma teżistix subintestatura tan-NM li tikkorrispondi speċifikament għal din il-funzjoni prinċipali.

26

Mill-premess jirriżulta li, fl-assenza, fin-NM, tas-subintestatura li tikkorrispondi għall-funzjoni prinċipali ta’ prodott, din tal-aħħar għandha tiġi kklassifikata f’subintestatura residwa tan-NM, f’dan il-każ, is-subintestatura 8543 70 90.

27

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li dawl għall-qari tal-kotba elettroniċi li għandu funzjoni ta’ traduzzjoni jew ta’ dizzjunarju għandu jiġi kklassifikat, meta din il-funzjoni ma tikkostitwixxix il-funzjoni prinċipali tiegħu, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fis-subintestatura 8543 70 90 u mhux fis-subintestatura 8543 70 10.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, tal-5 ta’ Ottubru 2010 għandha tiġi interpretata fis-sens li dawl għall-qari tal-kotba elettroniċi li għandu funzjoni ta’ traduzzjoni jew ta’ dizzjunarju għandu jiġi kklassifikat, meta din il-funzjoni ma tikkostitwixxix il-funzjoni prinċipali tiegħu, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fis-subintestatura 8543 70 90 u mhux fis-subintestatura 8543 70 10.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.