SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
22 ta’ Jannar 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 77/388/KEE — VAT — Eżenzjonijiet — Artikolu 13B(b) — Kunċett ta’ ‘kiri ta’ proprjetà immobbli eżentat’ — Tqegħid għad-dispożizzjoni, bi ħlas, ta’ grawnd tal-futbol — Kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni li jirriżerva ċerti drittijiet u prerogattivi lill-proprjetarju — Provvista, mill-proprjetarju, ta’ servizzi differenti li jirrappreżentaw 80 % mill-kumpens previst mill-kuntratt”
Fil-Kawża C‑55/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Mons (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2014, fil-proċedura
Régie communale autonome du stade Luc Varenne
vs
État belge,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn J. Malenovský, li qed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għar-Régie communale autonome du stade Luc Varenne, minn W. Panis, avukat, |
|
— |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Grieg, minn I. Bakopoulos u V. Stroumpouli, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Gijzen, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ir-Régie communale autonome du stade Luc Varenne (iktar ’il quddiem ir-“Régie”) u l-État belge fir-rigward tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li kienet ta’ piż fuq l-akkwist tal-faċilitajiet tal-grawnd tal-futbol Luc Varenne, li jammonta għal EUR 1 350 001.79. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li huwa parti mit-Titolu II ta’ din, intitolat “Applikazzjoni”, jiddisponi: “Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet fit-territorju tal-pajjiż”, jipprovdi fil-punt B tiegħu, intitolat “Eżenzjonijiet oħrajn”: “Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż: […]
[…]” |
|
5 |
Il-kontenut tad-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva msemmi fil-punt preċedenti ġie inkluż, b’tali mod li prattikament dan ma ġiex mibdul, fl-Artikolu 135 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), li jikkostitwixxi r-riformulazzjoni tas-Sitt Direttiva u l-modifiki sussegwenti tiegħu. |
|
6 |
L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva (li sar l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112) huwa redatt kif ġej: “Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-tranżazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
|
Id-dritt Belġjan
|
7 |
L-Artikolu 19(1) tal-Kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), jistabbilixxi: “L-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ impriża għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet oħra barra dawk tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli, meta t-taxxa fuq dawn l-oġġetti tista’ titnaqqas kollha jew parti minnha, għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.” |
|
8 |
L-Artikolu 44(3)(2) tal-Kodiċi tal-VAT jipprovdi l-eżenzjoni tal-VAT għat-tranżazzjonijiet li ġejjin: “il-kiri, il-lokazzjoni u t-terminazzjoni tal-kiri ta’ proprjetà immobbli min-natura tagħhom, kif ukoll l-użu ta’ tali proprjetà skont l-Artikolu 19(1), ħlief għal:
|
|
9 |
L-Artikolu 45(1)(1) tal-Kodiċi tal-VAT jiddisponi: “Kull persuna taxxabbli tista’ tnaqqas mit-taxxa li hija responsabbli għall-ħlas tagħha, it-taxxi imposti fuq l-oġġetti u s-servizzi lilha pprovduti, l-oġġetti li hija importat u l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti minnha effettwati, sa fejn dawn ġew utilizzati sabiex jitwettqu:
|
|
10 |
L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 3, tal-10 ta’ Diċembru 1969, dwar it-tnaqqis għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jistabbilixxi: “1. Suġġetta għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45(1a), (2) u (3) tal-Kodiċi tal-[VAT], il-persuna taxxabbli topera, fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikoli 2 u 4 ta’ dan id-digriet, it-tnaqqis tat-taxxi fuq l-oġġetti u s-servizzi li biħsiebha twettaq għalihom it-tranżazzjonijiet imsemmija mis-subparagrafi 1 sa 5 tal-Artikolu 45(1). Meta l-persuna taxxabbli twettaq, fl-eżerċizzju tal-attività ekonomika tagħha, tranżazzjonijiet oħra li ma jippermettux it-tnaqqis, hija tosserva, għall-istabbiliment tat-tnaqqis, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 46 u 48 tal-Kodiċi [tal-VAT] u tal-Artikoli 12 sa 21 ta’ dan id-digriet. 2. Fl-ebda każ ma għandhom jitnaqqsu t-taxxi fuq l-oġġetti u s-servizzi li persuna taxxabbli għandha l-ħsieb għall-użu privat jew għal skopijiet oħra minn dawk li jaqgħu taħt l-attività ekonomika tagħha. Meta oġġett jew servizz huwa maħsub li jkun parzjalment użat għal tali finijiet, it-tnaqqis huwa eskluż inkwantu dan l-użu. Din il-miżura hija stabbilita mill-persuna taxxabbli taħt il-kontroll tal-awtorità.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11 |
Ir-Régie jopera l-grawnd tal-futbol Luc Varenne, li għall-akkwist tiegħu kellu jħallas is-somma ta’ EUR 6 428 579.97, li magħha ġie miżjud il-VAT fl-ammont ta’ EUR 1 350 001.79. |
|
12 |
Fil-25 ta’ Awwissu 2003, ir-Régie kkonkluda ma’ Royal Football Club de Tournai ASBL (iktar ’il quddiem “RFCT”) ftehim taħt liema RFCT juża, bi ħlas, il-faċilitajiet tal-grawnd tal-futbol Luc Varenne. |
|
13 |
Ir-Régie naqqas l-VAT kollha li kienet ta’ piż fuq l-akkwist ta’ dawn il-faċilitajiet. |
|
14 |
Wara żewġ kontrolli mwettqa fis-sede tar-Régie matul is-snin 2004 u 2006, l-awtorità fiskali Belġjana kkunsidrat li r-Régie jagħmel tipi differenti ta’ tranżazzjonijiet fir-rigward tal-VAT, jiġifieri:
|
|
15 |
L-awtorità fiskali Belġjana għalhekk stmat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti faċilitajiet ta’ dan l-istadju favur RFCT taħt it-termini tal-ftehim milħuq mar-Régie għandu jitqies li huwa kiri ta’ immobbli u, għalhekk, eżenti mill-VAT skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(3) tal-Kodiċi tal-VAT. |
|
16 |
Fir-rapport stabbilit fit-22 ta’ Diċembru 2006, l-awtorità fiskali Belġjana qieset li analiżi tal-attivitajiet tar-Régie rregolati permezz tal-metodu tal-assenjazzjoni reali turi li hija ma setgħetx tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa sa 36 % skont it-teknika tal-pro rata tat-tnaqqis tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi tal-VAT. |
|
17 |
Fl-10 ta’ Jannar 2007, l-awtorità fiskali Belġjana imponiet lir-Régie l-ħlas tal-VAT għal dik il-parti li hija naqqset bi żball, jiġifieri s-somma ta’ EUR 864 001.15, multa fl-ammont ta’ EUR 86 400 kif ukoll interessi moratorji. |
|
18 |
Ir-Régie kkontesta dan quddiem it-Tribunal de première instance de Mons li, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2011, qies li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, mir-Régie, ta’ ċerti faċilitajiet tal-grawnd tal-futbol Luc Varenne favur RFCT għandu jiġi kkwalifikat bħala kiri ta’ proprjetà immobbli u li l-awtorità kienet ġustament irrifjutat it-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa. Ir-Régie appella minn din is-sentenza quddiem il-Cour d’appel de Mons. |
|
19 |
Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni għat-tilwima quddiemha kienet tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, il-Cour d’appel de Mons iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “It-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-faċilitajiet ta’ infrastruttura sportiva użata esklużivament għal finijiet relatati mal-futbol, li għandu jinftiehem bħala d-dritt ta’ użu u ta’ operat tal-art li fuqha jsir il-logħob (il-piċċ) tal-grawnd tal-futbol, kif ukoll tal-kmamar fejn ibiddlu l-plejers u r-referees fuq bażi ad hoc għal massimu ta’ 18-il jum kull staġun sportiv (staġun sportiv jibda fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena kalendarja u jispiċċa fit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara), jikkostitwixxi kirja ta’ proprjetà immobbli eżentata fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva [Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT Nru 2006/112], sa fejn il-parti li tagħti d-dritt ta’ użu u ta’ operat:
|
Fuq id-domanda preliminari
|
20 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, bi ħlas, ta’ grawnd tal-futbol permezz ta’ kuntratt li jirriżerva ċerti drittijiet u prerogattivi lill-proprjetarju u li jipprovdi l-provvista, minn dan tal-aħħar, ta’ servizzi differenti, b’mod partikolari servizzi ta’ manutenzjoni, ta’ tindif, ta’ żamma tajba u ta’ konformità regolatorja, li jirrappreżentaw 80 % mill-kumpens previst mill-kuntratt, jikkostitwixxix “kiri ta’ proprjetà immobbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
21 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karatteristika prinċipali tal-kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, tikkonsisti fl-għoti lill-parti l-oħra fil-kuntratt, għal tul ta’ żmien miftiehem u bi ħlas, id-dritt li proprjetà immobbli tiġi okkupata bħallikieku l-persuna kienet il-proprjetarja tagħha u li kull persuna oħra tiġi eskluża mit-tgawdija ta’ dan id-dritt. Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim speċifiku jissodisfax din id-definizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tat-tranżazzjoni kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom hija sseħħ. F’dan ir-rigward, dak li huwa deċiżiv huwa n-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni inkwistjoni indipendentement mill-kwalifika li l-partijiet tawha (sentenza MacDonald Resorts, C‑270/09, EU:C:2010:780, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
Għaldaqstant, għandu jitfakkar ukoll li, sabiex ikun hemm kiri ta’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, hemm bżonn li l-kundizzjonijiet kollha li jikkaratterizzaw din it-tranżazzjoni jkunu ssodisfatti, jiġifieri li l-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli jċedi lil min jikri, bi ħlas u għal żmien stabbilit, id-dritt li jokkupa l-proprjetà tiegħu u li jeskludi minnha persuni oħra (sentenza Medicom u Maison Patrice Alard, C‑210/11 u C‑211/11, EU:C:2013:479, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi pprovduta bi ħlas minn persuna taxxabbli u t-termini tagħha għandhom għalhekk ikunu interpretati b’mod strett. Fl-assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt preċedenti, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata b’analoġija peress li huwa għal kirja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li l-użu tal-proprjetà immobbli inkwistjoni huwa l-iktar simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Medicom u Maison Patrice Alard, EU:C:2013:479, punt 27). |
|
24 |
Bħala prinċipju, huma biss il-qrati nazzjonali li huma kompetenti sabiex jevalwaw il-fatti, li għandhom jiddeterminaw, fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża, il-karatteristiċi essenzjali tat-tranżizzjoni inkwistjoni sabiex jikkwalifikawha taħt is-Sitt Direttiva (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Medicom u Maison Patrice Alard, EU:C:2013:479, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kwalifika tal-użu ta’ faċilitajiet sportivi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-servizzi kollha marbuta mal-ipprattikar tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu kkunsidrati flimkien (sentenza Stockholm Lindöpark, C‑150/99, EU:C:2001:34, punt 26). |
|
26 |
Għalhekk, fir-rigward ta’ kiri ta’ korsa tal-golf, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minħabba l-fatt li l-attività ta’ ġestjoni tal-golf jinvolvi mhux biss tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ art, iżda wkoll, b’mod partikolari, numru kbir ta’ attivitajiet kummerċjali, bħal superviżjoni, ġestjoni u manutenzjoni kontinwa mill-fornitur kif ukoll tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet oħra, il-kiri ta’ art għall-golf ma jistax jikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, il-provvista prinċipali (sentenza Stockholm Lindöpark, EU:C:2001:34, punt 26). |
|
27 |
Iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma distinti minn dawk li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Stockholm Lindöpark, (EU:C:2001:34), peress li, l-ewwel nett, fil-kawża prinċipali, tirrigwarda użu “kollettiv” ta’ faċilitajiet minn klabb, u mhux ta’ aċċess individwali mill-plejers, it-tieni nett, dan l-użu huwa repetittiv u mtawwal u, bħala prinċipju, esklużiv matul il-jiem miftiehma u, it-tielet nett, il-funzjonijiet u l-prerogattivi tar-Régie bħala kerrej jidhru, parzjalment, dipendenti fuq il-bżonnijiet inerenti ta’ operat, għal skopijiet ta’ kiri, ta’ faċilitajiet sportivi li jistgħu jakkomodaw firxa wiesgħa ta’ taħriġ u ta’ individwi. |
|
28 |
Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax, suġġett għall-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju, ċirkustanzi partikolari li jippermettu li jiġi konkluż li l-użu tal-piċċ tal-futbol jikkostitwixxi l-provvista prinċipali tat-tranżazzjoni, li tikkaratterizza l-kiri ta’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. |
|
29 |
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jidher li dan jirrigwarda l-provvista, mir-Régie, ta’ servizz iktar kumpless mill-provvista ta’ aċċess għall-faċilitajiet sportivi, peress li dan jirrigwarda s-superviżjoni, il-ġestjoni, il-manutenzjoni u t-tindif ta’ dawn il-faċilitajiet. |
|
30 |
L-ewwel nett, fir-rigward tas-superviżjoni, jiġifieri d-drittijiet ta’ aċċess għall-faċilitajiet sportivi u ta’ kontroll ta’ dan l-aċċess mogħti lir-Régie, huwa minnu li dawn ma jistgħux minnhom infushom jeskludu l-kwalifika tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala kiri fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. Tali drittijiet jistgħu jiġu ġġustifikati sabiex jiżguraw li l-użu ta’ dawn il-faċilitajiet mill-kerrej ma jiġix imtellef minn terzi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-preżenza ta’ limitazzjonijiet għad-dritt ta’ okkupazzjoni tal-partijiet mikrija, ma jimpedixxix lil din l-okkupazzjoni milli tkun esklużiva fir-rigward ta’ kull persuna oħra li, skont il-liġi jew il-kuntratt, ma għandhiex jedd li teżerċita xi dritt fuq il-proprjetà, li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ kiri (sentenza Temco Europe, C‑284/03, EU:C:2004:730, punt 25). |
|
31 |
Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-drittijiet ta’ aċċess għall-faċilitajiet sportivi u ta’ kontroll ta’ dan l-aċċess madankollu jidhru li jwasslu, permezz ta’ servizz ta’ portinaġġ, għal preżenza permanenti tar-rappreżentanti tar-Régie f’dawn il-faċilitajiet, li jista’ jikkostitwixxi evidenza li tippermetti li jiġi kkunsidrat li r-rwol tar-Régie huwa iktar attiv minn dak li jirriżulta minn kiri ta’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. |
|
32 |
It-tieni nett, fir-rigward ta’ servizzi differenti ta’ żamma, ta’ manutenzjoni u ta’ tindif, jidher li huma, għall-parti l-kbira tagħhom, effettivament neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-faċilitajiet inkwistjoni jkunu xierqa għall-użu li għalih huma maħsuba, jiġifieri għal manifestazzjonijiet sportivi u, b’mod iktar speċifiku, għal logħbiet tal-futbol b’mod konformi mar-regolamenti sportivi applikabbli. |
|
33 |
Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-faċilitajiet mitluba għal dan il-għan huma, permezz tas-servizzi ta’ żamma tajba u ta’ konformità regolatorja proposti, mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ RFCT fi stat li jippermetti l-użu tagħhom għall-finijiet miftiehma u li l-provvista ta’ aċċess għal dawn il-faċilitajiet għal dan il-għan preċiż jikkostitwixxi l-provvista karatteristika tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi Part Service, C‑425/06, EU:C:2008:108, punti 51 u 52; Field Fisher Waterhouse, C‑392/11, EU:C:2012:597, punt 23; kif ukoll RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland, C‑155/12, EU:C:2013:434, punt 22). |
|
34 |
F’dan ir-rigward, il-valur ekonomiku tas-servizzi differenti pprovduti, li jirrappreżentaw, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, 80 % mill-kumpens previst mill-kuntratt, jikkostitwixxi wkoll indiċi li jikkwalifika t-tranżazzjoni kollha kemm hi li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala provvista ta’ servizzi iktar milli kiri ta’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. |
|
35 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk is-servizzi kollha pprovduti mir-Régie huma effettivament neċessarji għall-provvista tal-aċċess għall-faċilitajiet sportivi għall-għan previst kuntrattwalment, jiġifieri dawk esklużivament relatati mal-futbol. |
|
36 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tul ta’ żmien għat-tgawdija tal-proprjetà kkonċernata, li huwa element essenzjali ta’ kuntratt ta’ kiri, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonstata li, fir-rigward tal-korsa tal-golf, dan jista’ jkun limitat (sentenza Stockholm Lindöpark, EU:C:2001:34, punt 27). |
|
37 |
Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li din it-tgawdija, bħala prinċipju, ma għandhiex ikollha biss natura okkażjonali u temporanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leichenich, C‑532/11, EU:C:2012:720, punt 24). |
|
38 |
Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tul taż-żmien tat-tgawdija speċifikata fil-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni jirrigwarda massimu ta’ 18-il jum ta’ futbol, b’tali tul ta’ żmien ma jistax ikun ikkunsidrat a priori negliġibbli. Il-qorti tar-rinviju għandha madankollu tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, huwiex xieraq li t-tgawdija tiġi deskritta iktar bħala waħda okkażjonali u temporanja, li jikkostitwixxi indizju supplimentari li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li hemm lok li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kkwalifikata kollha kemm hi bħala provvista ta’ servizzi iktar milli kiri ta’ proprjetà immobbli. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat jekk, hekk kif isostni l-Gvern Belġjan, il-faċilitajiet tal-grawnd tal-futbol Luc Varenne huma, lil hinn mill-ittra tal-kuntratt, effettivament mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ RFCT tal-inqas ad hoc jew jekk, hekk kif jallega r-Régie, it-tgawdija effettiva hija limitata biss għal-logħbiet tal-futbol. |
|
39 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, bi ħlas, ta’ grawnd tal-futbol permezz ta’ kuntratt li jirriżerva ċerti drittijiet u prerogattivi lill-proprjetarju u li jipprovdi l-provvista, minn dan tal-aħħar, ta’ servizzi differenti, b’mod partikolari servizzi ta’ manutenzjoni, ta’ tindif, ta’ żamma tajba u ta’ konformità regolatorja, li jirrappreżentaw 80 % mill-kumpens previst mill-kuntratt, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, “kiri ta’ proprjetà immobbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa din iċ-ċirkustanza. |
Fuq l-ispejjeż
|
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid għad-dispożizzjoni, bi ħlas, ta’ grawnd tal-futbol permezz ta’ kuntratt li jirriżerva ċerti drittijiet u prerogattivi lill-proprjetarju u li jipprovdi l-provvista, minn dan tal-aħħar, ta’ servizzi differenti, b’mod partikolari servizzi ta’ manutenzjoni, ta’ tindif, ta’ żamma tajba u ta’ konformità regolatorja, li jirrappreżentaw 80 % mill-kumpens previst mill-kuntratt, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, “kiri ta’ proprjetà immobbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa din iċ-ċirkustanza. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.