Kawża C‑49/14

Finanmadrid EFC SA

vs

Jesús Vicente Albán Zambrano et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Proċedura għal ordni ta’ ħlas — Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata — Kompetenza tal-qorti nazzjonali tal-eżekuzzjoni sabiex tqajjem ex officio n-nullità tal-klawżola inġusta — Prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata — Prinċipju ta’ effettività — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Protezzjoni ġudizzjarja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Frar 2016

  1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima — Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tad-kwistjonijiet imqajma

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Proċedura għal ordni ta’ ħlas — Assenza ta’ possibbiltà, għall-qorti adita, li tqajjem ex officio n-nullità ta’ klawżola inġusta fil-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-ordni — Prinċipju tal-awtonomija proċedurali — Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ effettività — Awtorità ta’ res judicata marbuta mad-deċiżjoni ta’ ordni

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 27, 31, 32)

  2.  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti li mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur, meta l-awtorità li għandha quddiemha t-talba għal ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti biex tipproċedi b’tali evalwazzjoni.

    Fil-fatt, meta l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas huma tali li, fl-assenza taċ-ċirkustanzi li jirrikjedu l-intervent tal-qorti, din il-proċedura tingħalaq mingħajr il-possibbiltà li jiġi eżerċitat stħarriġ tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur u jekk, konsegwentement, il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti sabiex tevalwa ex officio l-eżistenza ta’ tali klawżoli, il-konsumatur jista’ jsib ruħu quddiem titolu eżekuttiv mingħajr ma jkun jibbenefika, fl-ebda mument tal-proċedura, mill-garanzija li ssir tali evalwazzjoni. Tali leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13. Protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas jew fil-kuntest tal-proċedura għal eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn persuna professjonista u konsumatur.

    Tali kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkontestata meta d-dritt proċedurali ta’ Stat Membru jagħti lil deċiżjoni mogħtija mill-awtorità li mitluba tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas l-awtorità tar-res judicata u jagħti lil din effetti analogi għal dawk ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Tali leġiżlazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità tar-res judicata fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività, inkwantu tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli, fil-kawżi mibdija mill-persuni professjonisti u fejn il-konsumaturi huma konvenuti, l-applikazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 hija intiża tagħti lil dawn tal-aħħar.

    (ara l-punti 40, 41, 43, 45-47, 48, 54, 55 u d-dispożittiv)