SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Direttiva 2013/51/Euratom — Għażla tal-bażi legali — Trattat KEEA — Artikoli 31 EA u 32 EA — Trattat FUE — Artikolu 192(1) TFUE — Protezzjoni tas-saħħa tal-persuni — Sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem — Ċertezza legali — Kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet”

Fil-Kawża C‑48/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 106a(1) EA, ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2014,

Il‑Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Visaggio u J. Rodrigues, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn O. Segnana u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

sostnut minn:

Ir‑Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u E. Ruffer, bħala aġenti,

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u D. Colas kif ukoll minn N. Rouam, bħala aġenti,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel u M. Patakia, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom, tat-22 ta’ Ottubru 2013, li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 296, p. 12, iktar ’il quddiem id-“direttiva kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

It-Trattat KEEA

2

L-Artikoli 30 EA sa 32 EA, li jagħmlu parti mill-Kapitolu 3, intitolat “Protezzjoni tas-saħħa”, taħt it-Titolu II tat-Trattat KEEA, jipprevedu:

Artikolu 30

Għandhom ikunu stabbiliti fil-Komunità normi [standards] bażiċi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikoli li jinħolqu minn radjazzjoni jonizzanti.

Il-frażi ‘normi bażiċi’ għandha tfisser:

a)

id-dożi massimi kompatibbli ma’ sigurtà adekwata;

b)

il-grad massimu permissibli ta’ l-esposizzjoni u kontaminazjoni; u

c)

il-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-superviżjoni medika tal-ħaddiema.

Artikolu 31

Il-Kummissjoni għandha tipprepara n-normi [standards] bażiċi wara li tieħu l-opinjoni ta’ grupp ta’ l-awtoritajiet maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost l-esperti xjentifiċi, speċjalment esperti tas-saħħa pubblika, mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar in-normi bażiċi hekk imħejjija.

Wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, il-Kunsill li jaġixxi permezz ta’ vot b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni li titrażmetti l-opinjonijiet li tkun irċeviet mill-Kumitati, għandha tistabbilixxi n-normi [standards] bażiċi.

Artikolu 32

Fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, in-normi [standards] bażiċi jistgħu jiġu riveduti jew issuplimentati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31.

Il-Kummissjoni tkun marbuta li teżamina talba bħal din magħmula minn Stat Membru”.

3

Skont l-Artikolu 106a(3) EA, “[i]d-dispożizzjonijiet tat-Trattat [dwar l-Unjoni Ewropea] u tat-Trattat [dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea] m’għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.”

Id-Direttiva 98/83/KE

4

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE, tat-3 ta’ Novembru 1998, dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 188, p. 14, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/83”), tipprevedi fl-Artikolu 1 tagħha:

“1.   Din id-Direttiva hi dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

2.   L-għan tad-Direttiva għandu jkun dak li s-saħħa tal-bniedem tiġi mħarsa mill-effetti ħżiena ta’ kwalunkwe tniġġiż ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem billi jkun żgurat li dan ikun nadif u tajjeb.”

5

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/83, intitolat “Standards tal-Kwalità”, jistabbilixxi fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri applikabbli għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għall-parametri mniżżla fl-Anness I.

2.   Il-valuri stabbiliti skond il-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu anqas stretti minn dawk dikjarati fl-Anness I. Rigward il-parametri ddikjarati fil-Parti Ċ ta’ l-Anness I, il-valuri għandhom bżonn ikunu fissati biss għal skopijiet ta’ kontrolli u għall-ħarsien ta’ l-obligazzjonijiet imposti fl-Artikolu 8.”

6

Il-Parti C tal-Anness I tad-Direttiva 98/83, intitolat “Parametri Indikaturi”, tipprevedi:

“[…]

Radjoattività

Parametri

Valur parametriku

Unità

Noti

Tritium

100

Bq/l

Noti 8 & 10

Doża indikattiva totali

0,10

mSv/sena

Noti 9 & 10

[...]

Nota 8: Kull kemm għandhom isiru l-kontrolli hu stabbilit aktar tard fl-Anness II.

Nota 9: Ħlief għat-tritium, potassa –40 u prodotti tat-tkissir tar-radon, il-frekwenza u l-metodi ta’ kontrolli, u l-aktar imkejjen rilevanti għall-punti ta’ kontroll sa jkunu stabbiliti iktar tard fl-Anness II.

Nota 10: Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa taħt in-Nota 8 dwar kemm għandhom ikunu spissi l-kontrolli [monitoraġġ], u taħt in-Nota 9 dwar il-frekwenza u l-metodi ta’ kontrolli, u l-aktar imkejjen rilevanti għall-punti ta’ kontroll fl-Anness II. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(3).

Meta telabora dwar dawk il-miżuri l-Kummissjoni għandha tikkunsidra inter alia d-dispożizzjonijiet rilevanti taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti jew programmi xierqa ta’ kontrolli li jinkludu riżultati ta’ monitoraġġ kif derivati minnhom.

[...]”

Id-direttiva kkontestata

7

Peress li l-proposta tal-Kummissjoni COM (2012) 147 finali, tat-28 ta’ Marzu 2012, li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, kienet ibbażata fuq l-Artikoli 31 EA u 32 EA, il-Parlament, permezz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tat-12 ta’ Marzu 2013, approva emendi dwar is-sostituzzjoni ta’ din il-bażi legali b’dik li tirriżulta mill-Artikolu 192(1) TFUE.

8

Il-Kunsill madankollu ċaħad it-tibdil tal-bażi legali ppjanat mill-Parlament u, fit-22 ta’ Ottubru 2013, adotta d-direttiva kkontestata, abbażi tal-Artikoli 31 EA u 32 EA.

9

Il-premessi 1 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxu:

“1)

It-teħid tal-ilma huwa waħda mill-mogħdijiet ta’ inkorporazzjoni ta’ sustanzi radjuattivi fil-ġisem tal-bniedem. F’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom (tat-13 ta’ Mejju 1996, li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 159, p. 1), il-kontribuzzjoni għall-esponiment tal-pubbliku ġenerali kollu minn prattiki li jinvolvu riskju minn radjazzjoni jonizzanti għandha tinżamm fl-iktar livell baxx li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli.

(2)

Fid-dawl tal-importanza għas-saħħa tal-bniedem tal-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, jeħtieġ li, f’livell Komunitarju, jiġu stabbiliti standards ta’ kwalità li jkollhom funzjoni ta’ indikatur u li jipprevedu l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawk l-istandards.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE [...] tistipula parametri indikaturi marbuta ma’ sustanzi radjuattivi fil-Parti C tal-Anness I u dispożizzjonijiet relatati ta’ monitoraġġ fl-Anness II tiegħu. Madankollu, dawk il-parametri jaqgħu fl-ambitu tal-istandards bażiċi ddefiniti fl-Artikolu 30 [tat-Trattat Euratom].

(4)

Ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ tal-livelli ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għandhom għalhekk jiġu adottati f’leġislazzjoni speċifika li tiżgura l-uniformità, il-koerenza u l-kompletezza tal-leġislazzjoni għall-protezzjoni mir-radjazzjoni taħt it-Trattat [Euratom].

(5)

Minħabba li l-Komunità hija kompetenti biex tadotta l-istandards bażiċi ta’ sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali mill-perikli li jirriżultaw minn radjazzjonijiet jonizzanti, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jieħdu [preċedenza fuq] post dawk tad-Direttiva 98/83/KE fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali rigward sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem”.

10

L-Artikolu 1 tad-direttiva kkontestata jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Hija tistipula valuri parametriċi u frekwenzi u metodi għall-monitoraġġ ta’ sustanzi radjuattivi”.

11

Il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-direttiva kkontestata jiddefinixxi d-“doża indikattiva” (iktar ’il quddiem id-“DI”) bħala “d-doża effettiva impenjata għal sena waħda ta’ inġestjoni li tirriżulta mir-radjonuklidi kollha li l-preżenza tagħhom ġiet individwata fi provvista tal-ilma maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ta’ oriġini naturali u artifiċjali, iżda bl-esklużjoni tat-tritju, il-potassju–40, ir-radon u l-prodotti tad-diżintegrazzjoni tar-radon li għandhom ħajja qasira”.

12

Skont l-Artikolu 5(1) tad-direttiva kkontestata, “[l]-Istati Membri għandhom jistipulaw valuri parametriċi applikabbli għall-monitoraġġ ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem f’konformità mal-Anness I”.

13

L-Anness I tad-direttiva kkontestata, intitolat “Valuri parametriċi għar-radon, it-tritju u DI tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem”, huwa redatt kif ġej:

Parametru

Valur parametriku

Unità

Noti

 

Radon

100

Bq/l

(Nota 1)

 

Tritju

100

Bq/l

(Nota 2)

 

DI

0,10

mSv

 

Nota 1:

a)

l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livell għar-radon li huwa meqjus mhux adatt li jinqabeż u li taħtu l-ottimizzazzjoni tal-protezzjoni għandha titkompla, mingħajr ma tkun kompromessa l-provvista tal-ilma fuq skala nazzjonali jew reġjonali. Il-livell stabbilit minn Stat Membru jista’ jkun ogħla minn 100 Bq/l iżda inqas minn 1 000 Bq/l. Sabiex tiġi ssimplifikata l-leġislazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri jistgħa jagħżlu li jaġġustaw il-valur parametriku għal dan il-livell;

b)

azzjoni ta’ rimedju hija meqjua ġġustifikata għal raġunijiet ta’ protezzjoni radjoloġika, mingħajr iktar konsiderazzjoni, fejn il-konċentrazzjonijiet tar-radon jaqbżu l-1 000 Bq/l.

Nota 2: livelli elevati ta’ tritju jistgħu jindikaw il-preżenza ta’ radjonuklidi artifiċjali oħra. Jekk il-konċentrazzjoni ta’ tritju taqbeż il-valur parametriku tiegħu, tkun meħtieġa analiżi tal-preżenza ta’ radjunuklidi artifiċjali oħrajn.”

14

L-Artikolu 6(1) u (2) tad-direttiva kkontestata jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-monitoraġġ għal sustanzi radjuattivi f’ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem isir f’konformità mal-istrateġiji tal-monitoraġġ u fil-frekwenzi stipulati fl-Anness II, sabiex jivverifikaw jekk il-valuri tas-sustanzi radjuattivi jikkonformawx mal-valuri parametriċi stipulati skont l-Artikolu 5(1).

[...]

2.   Għandu jitwettaq monitoraġġ għad-DI, u l-karatteristiċi tal-prestazzjoni analitika għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness III.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

15

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju, tat-28 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Ġunju 2014, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka ġew rispettivament ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

16

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-direttiva kkontestata u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

17

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

18

Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża kif ukoll mill-Kummissjoni, jitlob, sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors, li żżomm l-effetti tad-direttiva kkontestata sakemm tidħol fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida intiża li tissostitwixxiha.

Fuq ir-rikors

19

Il-Parlament jinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-għażla żbaljata tal-bażi legali li fuqha hija bbażata d-direttiva kkontestata, it-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u t-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-għażla żbaljata tal-bażi legali li fuqha hija bbażata d-direttiva kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

20

Il-Parlament, filwaqt li jirreferi għall-premessi 3 sa 5 tad-direttiva kkontestata, isostni li l-għan prinċipali tad-direttiva kkontestata jikkorrispondi għal dawk tal-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, elenkati fl-Artikolu 191(1) TFUE, b’mod partikolari għall-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u tal-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali. Id-direttiva kkontestata għaldaqstant kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 192(1) TFUE (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑411/06, EU:C:2009:518, punti 45 sa 47).

21

Il-Parlament isostni li mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/83 jirriżulta li l-iskema stabbilita minn din tal-aħħar għandha tapplika għal kwalunkwe tniġġiż tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ikun xi jkun is-sors tiegħu. Id-direttiva kkontestata għalhekk tkisser l-uniformità tal-iskema stabbilita mid-Direttiva 98/83.

22

Skont il-Parlament, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni COM (2012) 147 finali jirriżulta li din tal-aħħar tikkunsidra li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/83, jiġifieri dawk li jidhru fil-Parti C tal-Anness I u fl-Anness II tagħha, jaqgħu fil-fatt fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 30 EA sa 32 EA. Madankollu, ir-Regolament Nru 596/2009 inkluda nota 10 dwar is-sustanzi radjuattivi fil-Parti C tal-Anness I tad-Direttiva 98/83. Ir-Regolament Nru 596/2009 kien ibbażat fuq l-Artikolu 175(1) KE, li sar l-Artikolu 192(1) TFUE. F’din l-okkażjoni, la l-leġiżlatur tal-Unjoni u lanqas il-Kummissjoni ma kkunsidraw li kien neċessarju li jżidu bħala bażi legali għal dan ir-regolament id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA.

23

Fil-każ ineżami, minflok ma emenda d-Direttiva 98/83 sabiex jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-valur parametriku għas-sustanzi radjuattivi kif ukoll dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-monitoraġġ tagħhom, il-Kunsill ikkonferma proposta li tiżnatura l-iskema uniformi stabbilita minn din id-direttiva.

24

Il-Parlament isostni wkoll, fir-replika tiegħu, li t-teżi tiegħu ma tikkontestax il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 106a(3) EA. Fil-fatt, skont il-Parlament, id-direttiva kkontestata kellu jkollha bħala l-bażi legali tagħha l-Artikolu 192(1) TFUE peress li hija taqa’ fil-kuntest leġiżlattiv implementat mid-Direttiva 98/83. Permezz tad-direttiva kkontestata, il-Kunsill, li aġixxa abbażi tal-Artikoli 31 EA u 32 EA, stabbilixxa regoli ġodda rigward aspett partikolari tal-kuntest stabbilit mid-Direttiva 98/83, jiġifieri r-rekwiżiti ta’ protezzjoni fir-rigward tas-sustanzi radjuattivi preżenti fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, u b’dan il-mod aġixxa kontra l-għan imfittex minn din id-direttiva. Fl-istabbiliment tal-bażi legali xierqa tad-direttiva kkontestata, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, il-fatt li d-Direttiva 98/83 tikkostitwixxi l-pedament tal-iskema għall-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni kontra l-effetti ħżiena kkawżati mill-kontaminazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u, it-tieni nett, li d-direttiva kkontestata tintervjeni speċifikament fuq aspett tal-iskema stabbilita mid-Direttiva 98/83 (ara s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑ 656/11, EU:C:2014:97, punti 50, 51, 64 u 66).

25

Il-Kunsill u l-intervenjenti, wara li fakkru li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Trattat KEEA, li jagħmlu parti minnhom l-Artikoli 31 EA u 32 EA, għandhom jirċievu interpretazzjoni wiesgħa biex b’hekk tiġi żgurata l-effettività tagħhom (sentenzi Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑70/88, EU:C:1991:373, punt 14; Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑29/99, EU:C:2002:734, punti 78 sa 80, kif ukoll ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punti 100 u 112), jirribattu li, fid-dawl tal-finalità u tal-kontenut tad-direttiva kkontestata, din ġustament kienet ibbażata fuq l-Artikoli 31 EA u 32 EA.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 31 EA, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta’ vot b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament, jadotta standards bażiċi, imsemmija fl-Artikolu 30 EA, dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku inġenerali u tal-ħaddiema kontra l-perikoli li jinħolqu minn radjazzjonijiet jonizzanti. L-Artikolu 32 EA jżid li, fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, l-istandards bażiċi adottati b’dan il-mod jistgħu jiġu riveduti skont din l-istess proċedura.

27

Anki jekk il-preambolu tad-direttiva kkontestata jirreferi għall-Artikoli 31 EA u 32 EA, peress li din tal-aħħar ma tinvolvix reviżjoni tal-istandards bażiċi adottati preċedentement abbażi tat-Trattat KEEA, huwa biss l-Artikolu 31 EA li jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali tagħha.

28

Fir-rigward tal-Artikolu 192(1) TFUE, dan jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja meta jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-għanijiet tagħha fil-qasam tal-ambjent li jinkludu, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni.

29

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-direttiva kkontestata setgħetx tiġi adottata b’mod validu abbażi tal-Artikolu 31 EA, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom huma inklużi l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, EU:C:1991:373, punt 9; Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 42; Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 52, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 29).

30

F’dan ir-rigward hija rrilevanti l-bażi legali li intużat għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jista’ jkollhom, f’ċerti każijiet, karatteristiċi simili, peress li d-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ssir fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tagħha (ara s-sentenza Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, EU:C:2014:97, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Parlament għaldaqstant ma jista’ jislet l-ebda argument mill-fatt li d-direttiva kkontestata tinkludi ċerti elementi identiċi għal dawk li jidhru fil-Parti C tal-Anness I tad-Direttiva 98/83, li, min-naħa tagħha, kienet ibbażata fuq l-Artikolu 130 S(1) tat-Trattat KE, li sar l-Artikolu 192(1) TFUE.

31

Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li d-direttiva kkontestata hija intiża, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tipproteġi s-saħħa tal-pubbliku inġenerali billi tiddefinixxi r-rekwiżiti dwar is-sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Il-premessi 1 u 2 tal-imsemmija direttiva f’dan ir-rigward jispjegaw li l-inġestjoni tal-ilma hija wieħed mill-modi ta’ inkorporazzjoni ta’ sustanzi radjuattivi fil-ġisem tal-bniedem u li għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stabbiliti fuq livell Komunitarju standards ta’ kwalità li jkollhom funzjoni ta’ indikatur u li jiġi previst il-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn l-istandards.

32

L-għan imfittex mid-direttiva kkontestata jikkorrispondi għalhekk għall-għan ta’ standard bażiku fis-sens tal-Artikolu 30 EA, li huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku inġenerali kontra l-perikoli li jinħolqu minn radjazzjonijiet jonizzanti.

33

Fir-rigward tal-kontenut tad-direttiva kkontestata, din tal-aħħar tistabbilixxi valuri parametriċi, frekwenzi u metodi għall-monitoraġġ ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Il-kontenut tad-direttiva kkontestata jikkorrispondi wkoll għall-kontenut ta’ standard bażiku fis-sens tal-Artikolu 30 EA li, skont il-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jistabbilixxi, għal dak li jirrigwarda r-radjazzjonijiet jonizzanti, id-dożi massimi ammissibbli kompatibbli ma’ sigurtà adegwata kif ukoll il-grad massimu permissibbli tal-espożizzjoni u kontaminazjoni. Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-monitoraġġ tar-radjuattività tal-ilma huwa espliċitament imsemmi fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Trattat KEEA, li jagħmlu parti minnhom l-Artikoli 30 EA u 31 EA.

34

Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li l-għan prinċipali tad-direttiva kkontestata jikkorrispondi għal dawk tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, elenkati fl-Artikolu 191(1) TFUE u li, għaldaqstant, din kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 192(1) TFUE, għandu ċertament jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 191(1) TFUE, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tikkontribwixxi għat-tfittxija, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni.

35

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II tat-Trattat KEEA għandhom jirċievu interpretazzjoni wiesgħa biex b’hekk tiġi żgurata l-effettività tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, EU:C:2002:734, punt 78, u ČEZ, EU:C:2009:660, punt 100). L-imsemmija dispożizzjonijiet, li jagħmlu parti minnhom l-Artikoli 31 EA u 32 EA, huma intiżi għalhekk li jiżguraw protezzjoni tas-saħħa koerenti u effiċjenti tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikoli li jinħolqu minn radjazzjonijiet jonizzanti, ikun xi jkun is-sors tagħhom u jkunu liema jkunu l-kategoriji ta’ persuni esposti għal dawn ir-radjazzjonijiet (sentenzi Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, EU:C:1991:373, punt 14, kif ukoll ČEZ, EU:C:2009:660, punt 112).

36

Barra minn hekk, meta fit-Trattati teżisti dispożizzjoni iktar speċifika li tista’ tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni, dan għandu jkun ibbażat fuq din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 60, u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑533/03, EU:C:2006:64, punt 45).

37

Issa, l-Artikolu 31 EA jikkostitwixxi bażi legali iktar speċifika għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali kontra is-sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem milli l-bażi legali ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 192(1) TFUE. It-Trattat KEEA jinkludi, fil-fatt, grupp ta’ regoli relatati preċiżament mal-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali u tal-ambjent kontra r-radjazzjonijiet jonizzanti (sentenza ČEZ, EU:C:2009:660, punt 83).

38

Fi kwalunkwe każ, li kieku s-sempliċi konstatazzjoni li att li jirrigwarda sustanzi radjuattivi huwa intiż li jipproteġi s-saħħa tal-persuni, fis-sens tal-Artikolu 191(1) TFUE, kienet biżżejjed sabiex l-Artikolu 192(1) TFUE jinżamm bħala l-bażi legali xierqa tal-imsemmi att, l-Artikolu 31 EA ma jistax jibqa’ jservi bħala bażi legali għal azzjoni tal-Komunità peress li l-istandards bażiċi fis-sens tal-Artikolu 30 EA għandhom, min-natura tagħhom, bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni. L-argument tal-Parlament jikser għalhekk mhux biss l-effettività tal-Artikolu 31 EA, li jikkostitwixxi bażi legali iktar speċifika minn dik tal-Artikolu 192(1) TFUE, iżda wkoll il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 106a(3) EA, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE ma għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEEA.

39

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-direttiva kkontestata ġiet adottata b’mod validu abbażi tal-Artikolu 31 EA.

40

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-għażla żbaljata tal-bażi legali li fuqha hija bbażata d-direttiva kkontestata, għandu għalhekk jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ ċertezza legali

L-argumenti tal-partijiet

41

Il-Parlament isostni li l-Kunsill ħoloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali peress li l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata ma saritx flimkien mat-tħassir tad-Direttiva 98/83 fir-rigward tal-parti tagħha dwar is-sustanzi radjuattivi. Fl-assenza ta’ tħassir espliċitu, il-valuri parametriċi tal-Parti C tal-Anness I ta’ din id-direttiva dejjem jibqgħu fis-seħħ, bl-istess mod bħal dawk tad-direttiva kkontestata. L-istess jgħodd għas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-miżuri skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju kif previst fin-nota 10 tal-Parti C tal-Anness I tad-Direttiva 98/83. Is-sovrappożizzjoni ta’ żewġ sistemi, dik tad-direttiva kkontestata u dik tad-Direttiva 98/83, tippreġudika ċ-ċertezza legali.

42

Il-premessa 5 tad-direttiva kkontestata, li tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata jieħdu preċedenza fuq dawk tad-Direttiva 98/83/KE, weħidha, ma hijiex biżżejjed sabiex telgħeb din l-inċertezza legali. Fil-fatt, il-koeżistenza taż-żewġ testi li għandhom l-istess għan, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali kontra l-kontaminazzjoni radjuattiva fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, iżda li għandhom kontenut differenti, toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza li ma tistax tiġi eliminata b’riferiment għall-prinċipju lex specialis derogat legi generali. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri jibqgħu obbligati, b’applikazzjoni tad-Direttiva 98/83, li jħallu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi trasposta l-Parti C tal-Anness I kif ukoll l-Anness II ta’ din id-direttiva u l-ksur ta’ dan l-obbligu jkun jista’ jiġi invokat minn kull persuna interessata quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Dan l-obbligu jkun jista’ jitħassar biss permezz ta’ tħassir espliċitu tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jkun jeżiġi l-użu tal-bażi legali li tirriżulta mill-Artikolu 192(1) TFUE. Issa, mid-direttiva kkontestata jirriżulta b’mod inekwivoku li l-assenza ta’ tħassir tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma tikkostitwixxix sempliċi żvista. Skont il-Parlament, barra minn hekk ma huwiex permess li l-awtur ta’ att jibbaża ruħu fuq il-prinċipju lex specialis derogat legi generali sabiex jiġġustifika kunflitt bejn żewġ atti li huwa stess ħoloq.

43

Il-Kunsill u l-intervenjenti jfakkru li l-premessa 5 tad-direttiva kkontestata tindika b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet tagħha jieħdu preċedenza fuq dawk tad-Direttiva 98/83/KE għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni fir-rigward tas-sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

44

Għalhekk, ma teżisti l-ebda ambigwità dwar ir-rabta ta’ bejn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata u dawk tad-Direttiva 98/83. Konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-Istati Membri, destinatarji tad-direttiva kkontestata, huma f’pożizzjoni li jistabbilixxu l-obbligi imposti fuqhom.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni interessati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll LVK – 56, C‑643/11, EU:C:2013:55, punt 51).

46

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni fir-rabta bejn id-direttiva kkontestata u d-Direttiva 98/83. Fil-fatt, id-direttiva kkontestata tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, eżattament l-istess valuri parametriċi bħal dawk previsti fil-Parti C tal-Anness I tad-Direttiva 98/83, jiġifieri, għat-tritium, 100 becquerel kull litru u, għad-doża totali indikattiva ta’ radjuattività, 0.10 mSV kull sena.

47

Minn dan isegwi li, anki jekk id-direttiva kkontestata u d-Direttiva 98/83 jinkludu regoli tad-dritt dwar sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, is-sovrappożizzjoni taż-żewġ sistemi ma hijiex ta’ natura li taffettwa n-natura ċara, preċiża u prevedibbli tar-regoli applikabbli.

48

Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li, għalkemm id-direttiva kkontestata tinkludi regoli ġodda, b’mod partikolari dawk dwar ir-radon, liema regoli jinsabu biss fid-direttiva kkontestata, in-natura ċara, preċiża u prevedibbli tal-imsemmija regoli lanqas ma tista’ tiġi affettwata mis-sovrappożizzjoni tas-sistemi legali li jirriżultaw mid-direttiva kkontestata u mid-Direttiva 98/83.

49

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tad-Direttiva 98/83 li tirrigwarda, b’mod ġenerali, il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, id-direttiva kkontestata tikkostitwixxi lex specialis għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikoli li jinħolqu mis-sustanzi radjuattivi f’dan l-ilma. Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Parlament, il-prinċipju ta’ lex specialis derogat legi generali japplika anki jekk il-lex generalis u l-lex specialis joħorġu mill-istess istituzzjoni.

50

Minn dan isegwi li, jekk l-allegazzjoni tal-Parlament ifformulata għall-ewwel darba fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-noti ta’ intervent, li tipprovdi li jeżistu differenzi bejn il-kontenut tar-regoli tal-atti kkonċernati, hija korretta, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva kkontestata jieħdu preċedenza fuq dawk tad-Direttiva 98/83/KE fil-każ ta’ inkompatibbiltà bejn is-sistemi stabbiliti miż-żewġ direttivi kkonċernati, kif huwa kkonfermat espliċitament fil-premessa 5 tad-direttiva kkontestata.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jiġi kkonstatat l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

52

Għaldaqstant, it-tieni motiv ma jistax jiġi milqugħ.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta ’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE

L-argumenti tal-partijiet

53

Il-Parlament isostni li l-ebda raġuni legali valida ma tista’ tiġi invokata sabiex tinħoloq għas-sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem sistema separata, abbażi tat-trattat KEEA, li għandha bħala suġġett l-istess dispożizzjonijiet tal-protezzjoni u tal-monitoraġġ bħal dawk imsemmija fil-Parti C tal-Anness I u fl-Anness II tad-Direttiva 98/83. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirrigwardaw, ċertament, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, iżda dawn huma biss wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-qafas ġenerali tal-miżuri ta’ protezzjoni stabbilit mid-Direttiva 98/83, li magħhom jikkondividu l-istess għan aħħari, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-persuni, previst fl-Artikolu 191(1) TFUE.

54

Il-Parlament ifakkar li l-għażla tal-bażi legali ma tista’ fl-ebda każ tistrieħ fuq premessi li jirrigwardaw il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tal-att inkwistjoni jew is-sistema applikabbli għall-imsemmi att ladarba jiġi adottat (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, EU:C:2013:675, punt 74). Issa operazzjoni li tikkonsisti fl-iżolament artifiċjali ta’ element ta’ att leġiżlattiv fis-seħħ, element li għandu natura manifestament anċillari fl-istruttura ġenerali tal-imsemmi att, sabiex isir is-suġġett ta’ att legali separat, li jaqa’ taħt bażi legali differenti u jkun suġġett għal sistema legali differenti, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE.

55

Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-noti ta’ intervent, il-Parlament ikompli jsostni li, sabiex jiġi osservat l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, kien neċessarju li jsir tħassir parzjali tad-Direttiva 98/83 abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE u skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li kien jippermetti lill-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha li jiddeċiedu dwar il-kwistjoni jekk kienx legalment korrett kif ukoll politikament xieraq li jiġu estratti d-dispożizzjonijiet rilevanti għall-kontaminazzjoni radjuattiva fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem tad-Direttiva 98/83, u b’dan il-mod isir l-għan tal-att awtonomu bbażat fuq it-trattat KEEA.

56

Il-Kunsill u l-intervenjenti jsostnu li d-direttiva kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 13(2) TUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Skont l-Artikolu 13(2) TUE, l-istituzzjonijiet jipprattikaw bejniethom kooperazzjoni leali.

58

Din il-kooperazzjoni leali madankollu tiġi eżerċitata fl-osservanza tal-limiti tas-setgħat mogħtija fit-trattati lil kull istituzzjoni. L-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 13(2) TUE għalhekk ma huwiex ta’ natura li jibdel l-imsemmija setgħat.

59

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kunsill kisirx il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali meta adotta d-direttiva kkontestata, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, din tal-aħħar kienet ibbażata fuq bażi legali adegwata, jiġifieri l-Artikolu 31 EA.

60

Il-fatt li, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, il-Parlament kien ġie kkonsultat, u ma kienx ipparteċipa fil-kwalità tiegħu ta’ koleġiżlatur skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jirriżulta għalhekk unikament mill-għażla tal-awturi tat-trattati u mhux minn ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, EU:C:2012:472, punt 82).

61

Fl-aħħar nett, lanqas ma jista’ jiġi milqugħ l-argument tal-Parlament li, qabel l-adozzjoni tad-direttiva kkontestata, id-Direttiva 98/83 kellha tiġi parzjalment imħassra abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

62

Fil-fatt, it-teżi tal-Parlament tfisser li jiġi ammess li l-eżerċizzju mill-Kunsill tas-setgħet li huma attribwiti lilu mill-Artikoli 30 EA u 31 EA jista’ jiġi suġġett għal kunsens minn qabel tal-Parlament, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jirrikonoxxulu biss rwol konsultattiv. Issa, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, is-setgħat li l-Parlament u l-Kunsill għandhom skont l-Artikolu 30 EA u 31 EA ma jistgħux, rispettivament, jiġu limitati jew imwessgħa skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

63

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

64

Miċ-ċirkustanzi preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kunsill.

66

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.