Kawża C‑15/14 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt.

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Ftehim bejn l-Ungerija u l-kumpannija taż-żejt u l-gass MOL dwar it-tariffi tax-xogħol fil-minjieri marbuta mal-estrazzjoni tal-idrokarburi — Emenda sussegwenti tas-sistema legali li żżid ir-rata tat-tariffi — Żieda fit-tariffi mhux applikata għal MOL — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Natura selettiva”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Distinzjoni bejn ir-rekwiżit ta’ selettività u l-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku kif ukoll bejn skema tal-għajnuna u għajnuna individwali

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-modalitajiet tal-iffissar tal-ammont tat-tariffi tax-xogħol fil-minjieri — Dispożizzjonijiet fakultattivi li jipprevedu l-impożizzjoni ta’ piżijiet addizzjonali — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali — Ammissibbiltà — Limiti

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Għażla tal-benefiċjarji skont kriterji oġġettivi — Ċirkustanza insuffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata s-selettività tal-miżura — Limiti

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Interventi konsekuttivi tal-Istat li bejniethom għandhom rabtiet indissoċjabbli — Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  1.  Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ir-rekwiżit ta’ selettività li joħroġ mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jinżamm b’mod ċar distint mill-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku sa fejn, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ, fis-sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ jibbenefika speċifikament impriża jew diversi impriżi. Sabiex tagħmel dan, hija għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżura inkwistjoni tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-vantaġġ jingħata b’mod selettiv u li dan ikun jista’ jqiegħed ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn.

    Madankollu, ir-rekwiżit ta’ selettività jvarja skont jekk il-miżura inkwistjoni hijiex prevista bħala skema ġenerali tal-għajnuna jew bħala għajnuna individwali. F’dan il-każ tal-aħħar, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta. Min-naħa l-oħra, fl-eżami ta’ skema ġenerali tal-għajnuna, huwa neċessarju li jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-konstatazzjoni li hija tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħmilx dan biss għall-benefiċċju ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attivitajiet.

    (ara l-punti 59-60)

  2.  Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hemm differenza fundamentali bejn, minn naħa, l-eżami tas-selettività ta’ skemi ġenerali ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis li, mid-definizzjoni tagħhom, jagħtu vantaġġ, u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-selettività ta’ dispożizzjonijiet fakultattivi tad-dritt nazzjonali li jipprevedu l-impożizzjoni ta’ piżijiet addizzjonali. Fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali jimponu tali piżijiet bil-għan li jippreżervaw ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi, is-sempliċi fatt li dawn l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom ċerti marġni ta’ diskrezzjoni ddefinit mil-liġi, u mhux mingħajr limitu, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita s-selettività tal-iskema korrispondenti.

    F’dan ir-rigward, minn naħa, marġni ta’ diskrezzjoni li jservi sabiex jiġi kkunsidrat piż addizzjonali impost fuq l-operaturi ekonomiċi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa differenti, min-natura tiegħu stess, mill-każijiet fejn l-eżerċizzju ta’ tali marġni jkun marbut mal-għoti ta’ vantaġġ favur operatur ekonomiku partikolari.

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rati ta’ tariffa tax-xogħol fil-minjieri għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi ta’ żejt mhux raffinat u ta’ gass naturali, iffissati għal kull sena ta’ validità ta’ ftehim ta’ estensjoni tad-drittijiet tax-xogħol fil-minjieri ta’ impriża, ftehim konkluż bejn din u l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, huma r-riżultat ta’ negozjati, ma huwiex suffiċjenti sabiex dan il-ftehim jingħata natura selettiva. Ma kienx ikun mod ieħor ħlief kieku l-awtoritajiet nazzjonali kienu eżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom b’tali mod li tiġi ffavorita l-imsemmija impriża billi jaċċettaw livell baxx ta’ tariffa mingħajr raġuni oġġettiva fid-dawl tal-għan taż-żieda tat-tariffi f’każ ta’ estensjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-operat u għad-detriment ta’ kwalunkwe operatur ieħor li jkun ipprova jieħu estensjoni tad-drittijiet tiegħu tax-xogħol fil-minjieri.

    (ara l-punti 64-66)

  3.  Għalkemm in-natura selettiva ta’ skema tal-għajnuna partikolari ma tistax tiġi eskluża unikament minħabba li l-benefiċjarji huma magħżula permezz ta’ kriterji oġġettivi, il-fatt li impriża tkun l-unika waħda li kkonkludiet mal-awtoritajiet pubbliċi ftehim ta’ estensjoni tal-operat fis-settur tal-idrokarburi ma jikkostitwixxix neċessarjament indizju ta’ selettività, peress li l-kriterji ta’ konklużjoni ta’ tali ftehim huma oġġettivi u applikabbli għal kull operatur potenzjalment interessat u li l-assenza ta’ ftehimiet oħra tista’ tirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-impriżi stess li ma japplikawx għal estensjoni tad-drittijiet tax-xogħol fil-minjieri.

    (ara l-punti 76-77)

  4.  Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-interventi tal-Istat jistgħu jieħdu diversi forom u allura jridu jkunu evalwati skont l-effetti tagħhom, ma jistax ikun eskluż li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu li huma intervent wieħed. Dan jista’ b’mod partikolari jkun il-każ meta interventi konsekuttivi jkunu jippreżentaw, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument meta jseħħu dawk l-interventi, rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li jiġu mifruda.

    (ara l-punt 97)