KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2016 ( 1 )

Kawża C‑614/14

Proċeduri kriminali

kontra

Atanas Ognyanov

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u obbligi fuq il-qorti tar-rinviju — Spjegazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku — Regola nazzjonali li ġġiegħel lill-qorti tar-rinviju li tastjeni għar-raġuni li din spjegat il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Artikoli 47 u 48 tal-Karta”

I – Introduzzjoni

1.

Il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jistgħu jikkompromettu l-garanzija tad-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)?

2.

Qorti tar-rinviju hija obbligata li tastjeni mill-kawża prinċipali għar-raġuni li hija spjegat fil-kuntest tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari mressqa f’dik il-kawża, il-kuntest fattwali u ġuridiku tagħha?

3.

Jidher li dan huwa l-każ, fid-dritt Bulgaru, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (Nakasatelno protsesualen kodeks, iktar ’il quddiem in-“NPK”).

4.

Fil-fatt, huwa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-prosekutur pubbliku tal-belt ta’ Sofija (Sofiyska gradska prokuratura) talab l-astensjoni tas-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija), għar-raġuni li din kienet, fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑554/14, Ognyanov ( 2 ), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, esprimiet “opinjoni provviżorja” meta kkonstatat il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża, u dan qabel ma din għaddiet għad-deliberazzjoni, biex b’hekk naqset mid-dover tagħha ta’ imparzjalità u minbarra hekk, kisret id-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ A. Ognyanov.

5.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk adita bil-punt jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix regola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

6.

Jiena ma niċħadx li l-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jqajjem diffikultajiet kultant delikati sabiex jiġu amministrati mill-qrati nazzjonali ta’ kull ordni u grad, speċjalment jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-kariga ta’ mħallef, li fuq kollox huma fost l-inqas armonizzati u l-iktar diversi.

7.

Madankollu, il-ġurisprudenza abbondanti li tissanċixxi l-kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari kif ukoll id-diversi dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jsawru dan il-mekkaniżmu ma jħallu l-ebda dubju dwar ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

8.

Meta spjega, fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑554/14, il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) osserva biss il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura għall-finijiet tat-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u dawn il-modalitajiet, jekk jiġu implementati b’mod korrett, ma jistgħux jitqiesu li jikkompromettu l-ekwità tal-proċedura u d-drittijiet fundamentali tal-partijiet.

9.

Għalhekk, regola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titwarrab.

10.

Minn naħa, għaliex tpoġġi fid-dubju l-modalitajiet essenzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif inhuma ddefiniti fl-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u speċifikati fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura.

11.

Min-naħa l-oħra, għaliex fl-aħħar nett tkun qed iċċaħħad lill-qrati kriminali Bulgari mill-possibbiltà li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex b’hekk jiġu affettwati l-prerogattivi tagħhom li huma rrikonoxxuti mit-Trattat FUE u l-ġurisprudenza tagħha.

12.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħi, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) ma għandha, barra minn hekk, l-ebda eżitazzjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni.

13.

Jidhirli li l-approċċ tagħha huwa intiż li jibdel il-perċezzjoni tal-qorti kriminali Bulgara fir-rigward tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u forsi anki tal-Konstitutsionen sadde (qorti kostituzzjonali) ( 3 ), u sabiex jintwerew l-inkoerenzi ta’ leġiżlazzjoni li, jekk tiġi implementata, tista’ tiddisswadi kull qorti kriminali Bulgara milli tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

14.

Mingħajr dubju, hija tenfasizza li t-talba għal talba preliminari tikkostitwixxi eżerċizzju ġdid għall-qorti kriminali Bulgara meta titqies il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, annessi mat-Trattat FUE.

15.

Issa, għalkemm l-istitut tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa ġdid għall-ġustizzja kriminali Bulgara, fil-qrati ċivili u amministrattivi min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju huwa b’mod partikolari mħaddem tajjeb, kif jixhed in-numru relattivament għoli ta’ domandi preliminari li jagħmlu dawk il-qrati ( 4 ).

16.

F’dan ir-rigward, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Grazdhanski protsesualen kodeks ( 5 )), fil-qafas tat-Taqsima VII, Kapitolu 59 ( 6 ) tiegħu, jippreċiża l-kumpless tar-regoli proċedurali applikabbli għat-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 640 tiegħu, dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari, jirrikjedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li “t-talba għal deċiżjoni preliminari għandu jkollha deskrizzjoni tal-fatti tat-tilwima, id-dritt nazzjonali applikabbli, riferiment preċiż għad-dispożizzjoni jew għall-att fejn tintalab l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità tagħhom, ir-raġunijiet għaliex il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li talba għal deċiżjoni preliminari hija meħtieġa għall-finijiet ta’ żvolġiment korrett tal-kawża, kif ukoll il-formulazzjoni tad-domanda preliminari” ( 7 ).

17.

Għalkemm ir-regoli sanċiti f’dan il-kapitolu huma, bħala prinċipju, limitati għall-proċeduri ċivili biss, huma japplikaw ukoll għall-proċeduri li jsiru quddiem il-qrati amministrattivi, u dan konformement mal-Artikolu 144 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks) ( 8 ).

18.

Ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari stabbiliti mill-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux talli huma magħrufa mil-leġiżlatur u mill-qrati nazzjonali iżda talli jagħmlu parti mill-kumpless ġuridiku, u dan wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea fl-2007.

19.

Issa, għalkemm nifhem li ċerti qrati kriminali jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet meta jirrikorru lejn il-mekkaniżmu, għalihom ġdid, tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jibqa’ l-fatt li l-modalitajiet preskritti għall-finijiet li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE u ppreċiżati fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura huma identiċi kemm jekk jirrigwardaw materja ċivili kif ukoll materja kriminali. Għalkemm ir-Regoli tal-Proċedura jipprevedu, fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tagħhom, dispożizzjonijiet partikolari dwar kawżi fuq l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jaffettwaw l-obbligi li għandha l-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 94 ta’ dawn ir-Regoli.

20.

Fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva u ġurisprudenzjali, li jissanċixxu l-kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għalhekk ma tħalli spazju għal ebda dubju.

21.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġġiegħel lill-qorti tar-rinviju li tastjeni fil-kawża prinċipali għar-raġuni li hija spjegat, fil-kuntest tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża.

22.

Għaldaqstant, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) hija obbligata li twarrab regola bħal din.

23.

Barra minn hekk, ngħid li l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-awtonomija istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri, li qorti tar-rinviju, ladarba tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, terġa’ tisma’ lill-partijiet kif ukoll tieħu miżuri ġodda ta’ investigazzjoni u għalhekk, timmodifika l-konstatazzjonijiet li hija għamlet fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

II – Il-kuntest fattwali u ġuridiku

24.

F’dan il-każ, A. Ognyanov, ċittadin Bulgaru, ġie kkundannat mill-ġustizzja Daniża għal piena ta’ priġunerija ta’ ħmistax-il sena għal serq aggravat u għal qtil volontarju. Huwa skonta parti mill-piena tiegħu fid-Danimarka, mit-28 ta’ Novembru 2012 sal-1 ta’ Ottubru 2013, id-data meta kien ġie ttrasferit, abbażi tal-konvenzjoni fuq it-trasferiment tal-persuni kkundannati, iffirmata fi Strasbourg fil-21 ta’ Marzu 1983 ( 9 ), lill-awtoritajiet Bulgari sabiex jiskonta l-bqija tal-piena tiegħu fil-Bulgarija. Wara t-trasferiment ta’ A. Ognyanov, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bi tliet domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 10 ) (Kawża C‑554/14).

25.

Wara li saru dawn id-domandi, il-prosekutur pubbliku tal-belt ta’ Sofija talab l-astensjoni ta’ dik il-qorti għar-raġuni li, fil-punti 2 sa 4 tat-talba għal deċiżjoni preliminari li tressqet f’dik il-kawża, hija kienet esprimiet opinjoni fuq kwistjonijiet ta’ fatt u tad-dritt, u dan qabel ma l-imsemmija kawża għaddiet għad-deliberazzjoni.

26.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża jirriżulta li, skont l-Artikolu 29 tan-NPK, kif interpretat mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema tal-kassazzjoni), l-espressjoni mill-qorti ta’ opinjoni provviżorja fuq il-mertu tal-każ qabel ma tingħata deċiżjoni finali tikkostitwixxi każ partikolari ta’ parzjalità.

27.

Fil-każ ta’ parzjalità, il-qorti hija obbligata li tastjeni, li jfisser, l-ewwel nett, li tieqaf milli teżamina l-każ, it-tieni nett, li din il-kawża tiġi assenjata mill-ġdid lil imħallfin oħrajn tal-qorti kkonċernata u, it-tielet nett, li l-qorti l-ġdida assenjata teżamina mill-ġdid il-kawża.

28.

Jekk il-qorti tonqos milli tastjeni, tkompli teżamina l-każ u tagħti deċiżjoni finali, din id-deċiżjoni tkun ivvizzjata, għaliex mogħtija bi “ksur tal-forom proċedurali sostanzjali”. L-istanza superjuri tħassar dik id-deċiżjoni u l-kawża tiġi assenjat mill-ġdid lil kompożizzjoni ġudizzjarja ġdida sabiex isir eżami ġdid.

29.

Is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) ippreċiża li l-ġurisprudenza tagħti interpretazzjoni partikolarment stretta tal-kriterju ta’ “parzjalità”. F’dak ir-rigward, jinnota b’mod partikolari li, din il-verifika ssir ex officio u anki l-indikazzjoni l-iktar insinjifikattiva dwar il-fatti tal-kawża jew il-kwalifikazzjoni ġuridika tagħhom twassal awtomatikament għal motivi ta’ astensjoni tal-imħallef.

30.

Bħala eżempju, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) issemmi ħames deċiżjonijiet tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema tal-kassazzjoni) ( 11 ), fejn din tal-aħħar annullat id-deċiżjonijiet ta’ qrati tal-ewwel istanza minħabba parzjalità.

31.

Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-espressjoni mill-imħallef ta’ opinjoni provviżorja ġġib magħha mhux biss l-astensjoni u/jew l-annullament tad-deċiżjoni finali tagħha, iżda wkoll l-ftuħ ta’ azzjoni għar-responsabbiltà dixxiplinarja kontrih għal ksur dixxiplinari. Fil-fatt, konformement mal-punti 2.3 u 7.4 tal-Kodiċi Nazzjonali ta’ Etika (Kodeks za etichno povedenie), huwa pprojbit li l-imħallef jagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar l-eżitu ta’ każ li ngħata l-inkarigu li jeżamina jew li jagħti opinjoni provviżorja. Barra minn hekk, il-punt 7.3 tal-kodiċi jistabbilixxi li l-imħallef jista’ jesprimi ruħu fuq kwistjonijiet ġuridiċi ta’ prinċipju filwaqt li għandu jastjeni, madankollu, milli jirreferi għall-fatti konkreti u għall-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom.

32.

Issa, f’dan il-każ, meta għamlet id-domandi preliminari fil-Kawża C‑554/14, il-qorti tar-rinviju pubblikament u uffiċjalment tat opinjoni provviżorja fuq il-fatti konkreti ta’ din il-kawża.

III – Id-domandi preliminari

33.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dispożizzjonijiet rilevanti oħra) jekk, wara li tasal id-deċiżjoni preliminari, il-qorti li tkun bagħtet it-talba għal deċiżjoni preliminari tkompli bl-eżami tal-kawża u tagħti deċiżjoni dwar il-mertu, mingħajr ma tastjeni? Ir-raġuni għal din l-astensjoni hija l-espressjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ opinjoni provviżorja dwar il-mertu tal-kawża fit-talba għal deċiżjoni preliminari (jekk jitqies li huwa stabbilit qafas fattwali partikolari u jekk jitqies li regola legali partikolari hija applikabbli għal dan il-qafas fattwali).

Id-domanda qiegħda ssir fuq il-premessa li, fid-determinazzjoni tal-fatti u tad-dritt applikabbli għall-finijiet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ġew osservati r-regoli proċedurali kollha sabiex jitħares id-dritt tal-partijiet li jipproduċu provi u li jagħmlu sottomissjonijiet orali.

2)

Jekk, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, it-tkomplija tal-eżami tal-kawża titqies li hija konformi mad-dritt, ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni jekk:

a)

fid-deċiżjoni finali tagħha, il-qorti tar-rinviju tirripproduċi mingħajr emenda dak kollu li tkun ikkonstatat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, filwaqt li tirrifjuta li tiġbor provi ġodda jew li tisma’ lill-partijiet fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi? Fil-verità, il-qorti tar-rinviju tiġbor provi ġodda u tisma’ lill-partijiet biss fir-rigward tal-punti li ma ġewx ikkunsidrati li huma stabbiliti fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

b)

il-qorti tar-rinviju tibqa’ tiġbor provi ġodda u tisma’ l-partijiet fir-rigward tal-punti rilevanti kollha, inklużi l-punti li dwarhom diġà espremiet l-opinjoni tagħha fit-talba għal deċiżjoni preliminari, u, fid-deċiżjoni finali tagħha, tirripproduċi l-aħħar opinjoni tagħha, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-provi kollha miġbura u wara li tkun eżaminat l-osservazzjonijiet kollha tal-partijiet, kemm dawk magħmula qabel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u kemm dawk magħmula wara li tasal id-deċiżjoni preliminari?

3)

Jekk, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, it-tkomplija tal-eżami tal-kawża titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ, ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tagħżel li ma tkomplix bl-eżami tal-kawża u, minflok, tastjeni, minħabba li t-tkomplija ta’ dan l-eżami jkun kuntrarju għad-dritt nazzjonali li jiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni tal-interessi tal-partijiet u tal-ġustizzja? F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-astensjoni tirriżulta:

a)

mill-fatt li l-qorti tar-rinviju espremiet opinjoni provviżorja dwar il-kawża, permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari, qabel ma tat id-deċiżjoni finali tagħha, li għalkemm huwa ċertament awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali:

b)

mill-fatt li l-qorti tar-rinviju ser tagħmel l-opinjoni tagħha definittiva permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet u mhux permezz ta’ deċiżjoni waħda (jekk jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija opinjoni mhux provviżorja iżda finali), li għalkemm huwa ċertament awtorizzat mid-dritt tal-Unjoni huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali.”

34.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

35.

Huwa ta’ dispjaċir li kienu assenti l-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Bulgaru.

IV – L-analiżi tiegħi

36.

Il-ġurisprudenza u d-duttrina fakkru kemm-il darba li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkostitwixxi l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea u hija l-qorti nazzjonali li għandha timplementaha.

37.

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni tagħha 2/13 ( 12 ), il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan, “li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra [...] bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, [...] tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni […] u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza ta’ dan id-dritt, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati” ( 13 ).

38.

Meta kkundannat Stat Membru tal-fatt li qorti nazzjonali ma mmotivatx biżżejjed iċ-ċaħda tagħha li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha Dhahbi vs L-Italja ( 14 ), issanċixxiet, skont linja ġurisprudenzjali stabbilita sew, l-importanza ta’ dan il-mekkaniżmu fl-Ewropa u kkonfermat definittivament il-fatt li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa kompetenza essenzjalment tal-qorti nazzjonali sal-punt li din ma tistax teżerċitah b’mod arbitrarju b’riskju li tikser id-dritt għal smigħ xieraq.

A – Fuq l-ewwel domanda

39.

Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 94 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll 47 u 48 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li ġġiegħel lill-qorti tar-rinviju li tastjeni fil-kawża prinċipali għar-raġuni li din tal-aħħar spjegat, fil-kuntest tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ dik il-kawża sabiex għalhekk twarrab id-dmir tagħha ta’ imparzjalità u tikser id-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

40.

Kif għedt diġà, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) ma għandu l-ebda eżitazzjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq. Fil-fatt, din id-domanda titlob risposta evidenti fir-rigward, minn naħa, tar-regoli ta’ natura leġiżlattiva u ġurisprudenzjali li ssawru wara għexieren ta’ snin il-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

1. Ir-regoli ta’ natura leġiżlattiva u ġurisprudenzjali dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari

41.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE joħloq proċedura ta’ kooperazzjoni mill-qrib u diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom ( 15 ). L-għan huwa li tiġi żgurata s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tagħha fl-Istati Membri kollha.

42.

Fil-kuntest ta’ dan id-djalogu bejn il-qrati u b’rispett reċiproku tal-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, kull parti tassumi r-responsabbiltajiet tagħha. Għaldaqstant, dik il-kooperazzjoni ġudizzjarja taħdem “fiż-żewġ direzzjonijiet” ( 16 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel kull sforz sabiex tgħin lill-qorti tar-rinviju biex tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni b’mod korrett, filwaqt li tagħtiha b’mod partikolari l-fakultà l-iktar wiesgħa sabiex tadixxiha ( 17 ), il-qorti tar-rinviju għandha, min-naħa tagħha, tirrispetta l-funzjoni proprja li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-materja u għalhekk tagħmel mill-aħjar sabiex tagħtiha l-informazzjoni kollha u l-provi kollha sabiex tkun tista’ teżerċita l-funzjoni tagħha konformement mal-Artikolu 267 TFUE.

43.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari jkollha spjegazzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti, kif ikunu ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, jew, tal-inqas, spjegazzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi. Din għandha tinkludi wkoll il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli fil-kawża prinċipali u, fejn applikabbli, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti ( 18 ).

44.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha tispjega r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-kawża sabiex tevalwa l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tqis ir-“rekwiżiti [dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari] jistgħux jiġu iktar faċilment issodisfatti meta dik it-talba […] tidħol f’kuntest magħruf ħafna diġà minħabba rinviju għal deċiżjoni preliminari preċedenti” ( 19 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija iktar eżiġenti meta dik it-talba tidħol fil-kuntest ta’ kawżi tal-kompetizzjoni u tal-kuntratti pubbliċi, fejn dawn tal-aħħar huma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi ( 20 ).

45.

Din il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju hija ġġustifikata mill-fatt li hija biss ikollha għarfien dirett tal-fatti li joriġinaw it-tilwima u hija tassumi weħidha r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja tal-intervent ( 21 ).

46.

Barra minn hekk u lil hinn mill-ispjegazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi li l-qorti tar-rinviju tispjega r-raġunijiet għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha hija meħtieġa jew utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima meta dawn ir-raġunijiet ma jirriżultawx mingħajr ekwivoċi mill-proċess ( 22 ).

47.

Dawn l-elementi huma indispensabbli sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi d-domanda magħmula b’mod utli u affidabbli, filwaqt li tevalwa l-kumpless taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt li jikkaratterizzaw il-kontroversja. .Għalhekk dan jista’ jiżgura li l-ipoteżi fattwali li fuqha hija bbażata d-domanda preliminari taqa’ effettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li d-domanda hija rilevanti u li lanqas ma hija ipotetika ( 23 ). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qiegħda hemm sabiex tifformula opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda sabiex tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri filwaqt li tagħtihom interpretazzjoni utli u korretta tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja biss għalhekk tista’ tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti tar-rinviju ( 24 ).

48.

Barra minn hekk, l-informazzjoni li hemm fit-talba għal deċiżjoni preliminari hija essenzjali għall-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 25 ). Fil-fatt, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, bl-esklużjoni tal-proċess nazzjonali li eventwalment jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ( 26 ).

49.

Għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikjedix li l-qorti tar-rinviju tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali u l-kunsiderazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija obbligata tagħmel fil-kuntest tal-missjoni ġudizzjarja tagħha qabel ma tadixxiha b’domanda preliminari ( 27 ).

50.

Bla dubju, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li jista’ jkun ta’ vantaġġ, skont iċ-ċirkustanzi, li l-fatti tal-kawża jiġu stabbiliti u li l-problemi tad-dritt nazzjonali pur jiġu solvuti fil-mument tar-rinviju quddiemha. Għaldaqstant, hija tirrikonoxxi li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura jkun hemm lok li tressqilha domanda preliminari ( 28 ), għaliex dawn huma kunsiderazzjonijiet tal-istruttura u l-utilità proċedurali li l-evalwazzjoni tagħhom, għal darba oħra, għandha tagħmilha biss il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din tal-aħħar hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tal-fatti tal-kawża u tal-argumenti tal-partijiet, għalhekk hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa f’liema stadju tal-proċedura hija għandha bżonn ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

51.

Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni u li għandha tosserva bir-reqqa” ( 29 ).

52.

L-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi dan li ġej:

“Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:

a)

espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi;

b)

il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża ineżami u, jekk ikun il-każ, il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti;

c)

espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.”

53.

Filwaqt li l-punti a) u b) ta’ dan l-artikolu jirrigwardaw id-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku li fih jidħol il-każ miġjub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt c) tal-imsemmi artikolu jirrigwarda l-motivazzjoni tar-rinviju stricto sensu ( 30 ) .

54.

Dawn ir-rekwiżiti jidhru wkoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar il-ftuħ ta’ proċeduri dwar talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ( 31 ). Mill-punt 22 tar-rakkomandazzjonijiet, dwar il-forma u l-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li din għandha “tkun suffiċjentement kompleta u tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti b’mod li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll lill-partijiet interessati li għandhom id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet, li jifhmu tajjeb il-kuntest fattwali u d-dritt tal-kawża prinċipali”.

55.

Dan il-punt 22 ifakkar l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

56.

Dawn l-elementi juru, jekk kien hemm bżonn, li l-ispjegazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali hija element kostituttiv, jekk mhux essenzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari u n-nuqqas tagħha jikkostitwixxi raġuni għall-inammissibbiltà manifesta tat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 32 ).

57.

Barra minn hekk, għandi nfakkar li dawn ir-rekwiżiti proċedurali huma rripetuti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 16 tal-KEDB ( 33 ) għall-iskop tat-tressiq ta’ talba għal opinjoni konsultattiva lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, dan l-Artikolu jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jimmotivaw it-talba tagħhom u jipproduċu “l-elementi rilevanti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża pendenti”, li mingħajrhom it-talba għal opinjoni tista’ tiġi miċħuda.

58.

Dak il-protokoll għadu ma daħalx fis-seħħ għalissa, iżda dan ma jipprekludiniex milli nikkonstataw li l-mekkaniżmu tal-opinjoni konsultattiva li jistabbilixxi huwa ispirat bil-qawwa mill-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li dan juri għarfien evidenti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fejn in-natura u l-funzjonament tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati.

59.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li, meta spjegat fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑554/14 il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) osservat għal kollox ir-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

60.

Għalkemm, meta taġixxi b’dan il-mod, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) tikser ir-regoli tal-NPK, huwa, madankollu, importanti li jiġi indikat li l-approċċ tagħha huwa perfettament koerenti fir-rigward tar-regoli nazzjonali li jirregolaw t-tressiq tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qrati ċivili u amministrattivi Bulgari.

61.

Fil-fatt, kif indikajt fl-introduzzjoni tiegħi, il-Kapitolu 59 tat-Taqsima VII tal-GPK jippreċiża l-kumpless ta’ regoli proċedurali applikabbli għat-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

62.

L-Artikoli 628 sa 633 tal-GPK jittrasponu fid-dritt Bulgaru, il-kundizzjonijiet u l-effetti ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali, u b’mod partikolari, it-termini tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63.

L-Artikoli 628 u 629 tal-GPK jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti nazzjonali għandha l-fakultà jew l-obbligu li tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

64.

L-Artikolu 630 tal-GPK jistabbilixxi min-naħa tiegħu, ir-regoli applikabbli għall-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

65.

Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriproduċi fil-wisa’ ħafna r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regolament tal-Proċedura kif ukoll fil-punt 22 tar-rakkomandazzjonijiet, għaliex jippreċiża, infakkar, li “t-talba għal deċiżjoni preliminari għandu jkollha deskrizzjoni tal-fatti tat-tilwima, id-dritt nazzjonali applikabbli, riferiment preċiż għad-dispożizzjoni jew għall-att fejn tintalab l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità tagħhom, ir-raġunijet għaliex il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li talba għal deċiżjoni preliminari hija meħtieġa għall-finijiet tal-aġġudikazzjoni korretta tal-kawża kif ukoll il-formulazzjoni tad-domanda preliminari”.

66.

Infakkar ukoll li, għalkemm ir-regoli sanċiti fil-Kapitolu 59 tat-Taqsima VII tal-GPK huma, bħala prinċipju, limitati għall-proċeduri ċivili biss, huma japplikaw ukoll għall-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi, u dan konformement mal-Artikolu 144 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva ( 34 ). Barra minn hekk jidher, skont id-duttrina, li huma għandhom portata iktar ġenerali applikabbli għal kull proċedura ġudizzjarja, b’dan il-Kapitolu 59 jikkostitwixxi l‑fondament ġuridiku nazzjonali tal-użu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-qrati Bulgari, ħlief għall-Konstitutsionen sadla (qorti kostituzzjonali) ( 35 ).

67.

Ir-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari stabbiliti fl-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk jagħmlu parti mill-kumpless ġuridiku, u dan wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea fl-2007.

68.

Il-fatt li l-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑554/14 tirrigwarda materja kriminali ma jiġġustifikax li l-qorti tar-rinviju ma tesprimix ruħa b’ċarezza u kompletezza l-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ dik il-kawża. Anzi għall-kuntrarju, dik ir-regola timponi ruħha b’iktar saħħa fejn hemm riskju li l-kwistjoni twassal għal miżuri li jċaħħdu l-libertà li jiġu adottati fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jidhru fost l-inqas armonizzati fl-Unjoni, u li jirrigwardaw fatti li għandhom jiġu spjegati b’mod ċar.

69.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-differenza li teżisti bejn ir-regoli sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest tal-proċeduri ċivili u amministrattivi, li jittrasponu l-modalitajiet preskritti fl-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura, u r-regola inkwistjoni applikabbli fil-proċeduri kriminali ma hija, għalhekk, la ġġustifikata u lanqas koerenti.

70.

Għalkemm, f’din il-kawża, il-prosekutur pubbliku tal-belt ta’ Sofija jqis li, fl-ispjegazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-Kawża C‑554/14, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) kisret id-dritt li wieħed jadixxi tribunal imparzjali kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta u d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza li hemm fl-Artikolu 48 tagħha, dan il-biża’ ma għandu bażi ta’ xejn.

71.

L-obbligu li għandha l-qorti tar-rinviju li timmotiva t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u tipprovdi l-kumpless ta’ punti ta’ fatt u tad-dritt neċessarji sabiex tinftiehem it-tilwima jista’ mhux jolqot ħażin l-ekwità tal-proċedura, imma jiggarantiha, evidentement, sa fejn il-modalitajiet preskritti fl-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura jiġu applikati b’mod korrett.

72.

Fil-Kawża C‑554/14, is-sempliċi fatt għas-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) li spjegat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest fattwali u ġuridiku ma jikkostitwixxi la prova ta’ parzjalità li ġġegħilha tastjeni mill-kawża, u lanqas ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

2. Fuq id-dmir ta’ imparzjalità tal-qorti tar-rinviju

73.

Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-ġurisprudenza tagħhom, jiddefinixxu l-kunċett ta’ “qorti imparzjali” kif sanċit rispettivament fl-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 36 ).

74.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-indipendenza tal-imħallef, fejn l-imparzjalità hija waħda mill-aspetti ( 37 ), kriterju ta’ definizzjoni tal-“qorti jew tribunal”, skont l-Artikolu 267 TFUE ( 38 ). Għalhekk l-imparzjalità tal-qorti għandha titqies li hija kundizzjoni għall-eżerċizzju tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

75.

L-imħallef huwa preżunt imparzjali ( 39 ), jiġifieri eżenti minn preġudizzju jew li jxaqleb lejn xi parti ( 40 ).

76.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għalhekk tevalwa l-imparzjalità ta’ qorti permezz ta’ approċċ suġġettiv, li jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-konvinzjoni personali tal-imħallef u li jingħata każ tal-aġir tiegħu, partikolarment jekk wera xi preġudizzju personali jew xaqleb lejn xi parti fil-kawża jew wera xi ostilità ( 41 ).

77.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ approċċ iktar oġġettiv, qorti imparzjali hija qorti li ssib fis-soluzzjoni tat-tilwima interess wieħed biss, jiġifieri l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt ( 42 ). Għalhekk, indipendentement mill-aġir personali tal-imħallef, l-imparzjalità timplika li t-tribunal ikun impermeabbli fir-rigward ta’ kull element estern u newtrali fir-rigward tal-interessi li hemm kunfliġġenti ( 43 ).

78.

Sabiex jitwarrab kull dubju leġittimu fl-imħuħ tal-partijiet fil-kawża u sabiex jiġi protett is-sentiment ta’ fiduċja li l-imparzjalità trawwem (konformement mal-massima “justice must not only be done, it must also be seen to be done” ( 44 )), ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jeħtieġ għalhekk l-adozzjoni ta’ regoli dwar, b’mod partikolari, il-kompożizzjoni tal-qorti, il-ħatra, id-dewmien tal‑funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rekuża u ta’ revoka tal-membri tagħha ( 45 ).

79.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-ksur eventwali tad-dritt fl-Artikolu 47 tal-Karta jirriżulta mhux mill-modalitajiet stabbiliti fit-testi, imma mill-aġir tal-qorti tar-rinviju.

80.

Il-prosekutur pubbliku tal-belt ta’ Sofija jqis, fil-fatt, li l-elementi invokati fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari huma biżżejjed biex titpoġġa fid-dubju l-imparzjalità tas-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija), li tiddeċiedi ulterjorment il-kontroversja.

81.

Meta kienet qed tesponi fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha fil-Kawża C‑554/14, il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ dik il-kawża, hija esprimiet “opinjoni provviżorja” qabel ma din il-kawża tqiegħdet għad-deliberazzjoni. Skont l-Artikolu 29 tal-NPK, dan kien jikkostitwixxi każ partikolari ta’ “parzjalità” li jġiegħel lill-qorti tar-rinviju li tastjeni mill-kawża. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża, anki l-indikazzjoni l-iktar insinjifikattiva tal-qorti dwar il-fatti tal-kawża jew il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom tirrigwarda dan l-Artikolu u twassal għall-astensjoni tagħha.

82.

F’din il-kawża, dak il-biża’ ma għandu l-ebda fondament.

83.

L-ewwel nett, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li s-sempliċi fatt li mħallef jieħu deċiżjonijiet qabel is-smigħ tal-kawża ma jistax jiġġustifika fih innifsu biżgħat dwar l-imparzjalità tiegħu. Dak li jgħodd hija l-portata tal-miżuri li ġew adottati ( 46 ). Issa, għalkemm meta jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dan jikkostitwixxi deċiżjoni ġudizzjarja, jibqa’ l-fatt li l-ispjegazzjoni, f’dan il-kuntest, tal-elementi ta’ fatt u tad-dritt inerenti fil-kawża hija sempliċi konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju billi, wara kollox, din ma tat l-ebda klassifikazzjoni ġuridika li tmur kontra l-ġurisprudenza fil-punt 8 tad-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża.

84.

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kawża C‑554/14, il-punt 2 tad-deċiżjoni tar-rinviju jirrigwarda l-“fatti tal-każ”, il-punt 3 jirrigwarda d-“dritt materjali applikabbli għal kwistjonijiet li ma humiex dawk li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda li jiġġustifika n-neċessità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’dik id-domanda” u l-punt 4 tagħha jirrigwarda d-“dritt materjali applikabbli għas-soluzzjoni tal-problema tad-dritt inkwistjoni fil-kawża prinċipali”.

85.

Issa, wara eżami bir-reqqa ta’ dawn il-punti, l-ebda wieħed minnhom ma juri xi forma ta’ preġudizzju jew xaqlib lejn xi naħa min-naħa tal-qorti tar-rinviju.

86.

Id-dettall ta’ din l-ispjegazzjoni juri, għall-kuntrarju, għarfien profond tal-proċess li, fil-fehma tiegħi, ma jiġġustifikax li wieħed jissuspetta li dik il-qorti ma hijiex imparzjali. Fl-aħħar nett, anki għalkemm hija għamlet evalwazzjoni preliminari tal-informazzjoni disponibbli, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet b’mod kostanti li evalwazzjoni bħal dik ma tistax titqies li tippreġudika l-evalwazzjoni finali ( 47 ).

87.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ebda element ma jippermetti għalhekk li jiġi sostnut li, meta spjegat il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-Kawża C‑554/14 fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) naqset mid-dmir tagħha ta’ imparzjalità, kif inhu meħtieġ fl-Artikolu 47 tal-Karta.

3. Fuq ir-rispett tad-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza

88.

Hemmhekk ukoll, il-ksur eventwali tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 48 tal-Karta jirriżulta mhux mill-modalitajiet stabbiliti mit-testi, iżda mill-aġir tal-qorti tar-rinviju.

89.

Għalhekk il-kwistjoni hija jekk, fl-ispjegazzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-Kawża C‑554/14, il-motivazzjoni tal-qorti tar-rinviju tħallix lil dak li jkun jaħseb li hija tikkunsidra li l-persuna kkonċernata hija ħatja tal-ksur meta l-ħtija tagħha ma ġietx ipprovata ( 48 ). Mingħajr dubju l-espressjoni prematura ta’ opinjoni bħal dik mill-qorti tar-rinviju tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza ( 49 ).

90.

Issa, f’din il-kawża din il-kwistjoni ma tinqalax.

91.

Fil-fatt, id-dritt ta’ kull akkużat li jkun preżunt innoċenti ma jistax jgħodd għal min ikun ġie rrikonoxxut ħati tal-ksur inkwistjoni ( 50 ), kif kien instab A. Ognyanov ( 51 ).

92.

Fi kwalunkwe każ, wieħed ma għandux jinsa li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti tar-rinviju għandha l-iskop biss li tikseb interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, il-punt li jsir magħruf jekk, abbażi ta’ din l-interpretazzjoni, il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi rrikonoxxuta innoċenti jew ħatja tal-fatti inkwistjoni jista’ jirriżulta biss mill-evalwazzjoni unika u personali ta’ din il-qorti.

93.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nqis li s-sempliċi fatt li s-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) spjegat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑554/14, il-kuntest fattwali u ġuridiku tagħha, la jikkostitwixxi prova ta’ parzjalità li ġġegħilha tastjeni minn din il-kawża u lanqas ma jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

94.

Għalhekk, jekk il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura għall-finijiet tat-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jkunu applikati tajjeb, huma ma jistgħux jingħadu li jolqtu b’imparzjalità l-qorti tar-rinviju u lanqas li jiksru d-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza sanċiti rispettivament fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

95.

F’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi, bilfors irid jiġi kkonstatat li r-regola nazzjonali inkwistjoni, kif interpretata mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema tal-kassazzjoni), tista’ tipprekludi, jekk mhux tiddisswadi lill-qorti kriminali Bulgara milli tagħmel domanda preliminari, u b’hekk jiġu użurpati l-prerogattivi tagħha li huma rrikonoxxuti mill-Artikolu 267 TFUE u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

96.

Fil-fatt, skont dik ir-regola, dan iwassal mhux biss għal astensjoni, imma wkoll għal sanzjoni dixxiplinari għaliex tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u konformement mal-modalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża.

97.

Naslu għar-riżultat assurd u paradossali li qorti li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari konformement mad-dritt tal-Unjoni titqies, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tikser il-garanziji fundamentali tal-partijiet.

98.

Huwa evidenti li regola bħal dik hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti fin-natura stess tad-dritt tal-Unjoni, għaliex għandha bħala effett li tnaqqas l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni bil-fatt li tiddisswadi l-qorti Bulgara milli tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

99.

Issa, l-ewwel nett, fis-sentenza Elchinov ( 52 ), dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (qorti amministrattiva tal-belt ta’ Sofija), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-qrati nazzjonali għandu jkollhom setgħa l-iktar wiesgħa sabiex japplikaw id-dritt tal-Unjoni, billi l-Artikolu 267 TFUE jagħtihom l-ikbar faċilità possibbli sabiex jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni ta’ validità tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa għar-regolament tat-tilwima li jkollhom quddiemhom ( 53 ).

100.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qrati nazzjonali ma għandhomx jiġu preklużi milli jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja minn regola proċedurali nazzjonali ta’ kwalunkwe natura li tkun, u fakkret ukoll li l-fakultà li ssir domanda preliminari hija prerogattiva tagħhom li dawn il-qrati, meta jiddeċiedu fl-ewwel istanza, għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw fl-istadji kollha tal-proċedura ( 54 ).

101.

It-tieni nett, infakkar li, fis-sentenza tagħha Dhahbi vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, meta jkun jeżisti mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rifjut mill-qorti nazzjonali li tagħmel domanda preliminari jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jaffettwa l-ekwità tal-proċedura u jwassal għal ksur tad-dritt għal proċess ekwu kif sanċit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB. F’dan il-każ, din kienet il-konklużjoni ta’ dik il-qorti, billi din ikkonstatat li l-qorti nazzjonali kienet irrifjutat, b’mod għal kollox arbitrarju u mingħajr motivazzjoni, li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

102.

Jekk qorti nazzjonali jkollha tirrifjuta milli tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li tistieden mhux biss l-astensjoni tagħha iżda saħansitra sanzjoni dixxiplinari għaliex tispjega l-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża, dan jikkostitwixxi, b’mod ċert, ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

103.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma hemm għalhekk l-ebda dubju li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura, jipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, jekk ikollha tinżamm, tipperikola serjament il-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, miegħu, il-kooperazzjoni istitwita bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali u tikkomprometti s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

104.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li ġġiegħel lill-qorti tar-rinviju li tastjeni mill-kawża għar-raġuni li din tkun esponiet, fil-kuntest tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża.

B – Fuq it-tieni domanda

105.

Bit-tieni domanda tiegħu, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura jipprekludux li qorti tar-rinviju tgħaddi sabiex, ladarba tkun ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tagħmel seduta ġdida tal-partijiet kif ukoll tieħu miżuri ġodda ta’ investigazzjoni, sabiex b’hekk tkun qed timmodifika l-konstatazzjonijiet li hija għamlet fil-qafas tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

106.

L-ewwel nett, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura hemm lok li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 55 ).

107.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jista’ jkun ta’ vantaġġ, skont iċ-ċirkustanzi, li l-problemi ta’ dritt nazzjonali pur jiġu solvuti fil-mument tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ), hija tirrikonoxxi, madankollu, li l-qorti nazzjonali hija ħielsa li teżerċita din il-fakultà fi kwalunkwe mument tal-proċedura li tqis xieraq ( 57 ). Fil-fatt, l-għażla tal-mument fejn hija tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari ssir skont kunsiderazzjonijiet ta’ struttura u ta’ utilità proċedurali u hija biss tevalwah, peress li hija biss għandha għarfien dirett tal-fatti tal-kawża u tal-argumenti tal-partijiet.

108.

Lil hinn minn din il-ġurisprudenza, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprojbixxi lill-qorti tar-rinviju, wara li tkun għamlet domanda preliminari, milli timmodifika, matul l-eżami tal-kawża pendenti quddiemha, l-evalwazzjoni tagħha dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku rilevanti.

109.

Fil-verità, prerogattiva bħal dik tirrigwarda l-awtonomija istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni konkreta ta’ regoli nazzjonali ta’ proċedura.

110.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-mod kif dawn għandhom jiġu applikati. Għalhekk, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat is-sentenza, hija għandha tagħmel l-eżami tal-kawża prinċipali konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċeduri ġudizzjarji u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet.

111.

L-uniku obbligu li għandha f’dan l-istadju tal-proċedura huwa li tagħti effett sħiħ għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tat il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju għandhom jitqiesu li jimponu interpretazzjoni determinanti u vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, billi din ma hijiex tenuta, fil-qafas tal-Artikolu 267 TFUE, tagħti opinjoni konsultattiva ( 58 ).

112.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandha tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli ta’ Proċedura ma jipprekludux li, wara li titqies l-awtonomija istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri, qorti tar-rinviju, ladarba tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, terġa’ tisma’ lill-partijiet kif ukoll tieħu miżuri ġodda ta’ investigazzjoni u għalhekk, timmodifika l-konstatazzjonijiet li hija għamlet fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha sakemm tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

C – Fuq it-tielet domanda

113.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprekludu li regola nazzjonali bħal din inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, bit-tielet domanda tagħha, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li hija tagħżel, skont ir-regola nazzjonali inkwistjoni, li tastjeni għar-raġuni li din ir-regola kienet tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-partijiet.

114.

Fi kliem ieħor, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-qorti tar-rinviju tapplika regola nazzjonali li nstabet madankollu li tikser id-dritt tal-Unjoni?

115.

Ir-risposta għal din id-domanda ma tħalli l-ebda dubju. Il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li twarrab regola bħal din.

116.

Skont l-Artikolu 280 TFUE, id-“deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkollhom forza eżekuttiva […]”. L-Artikolu 633 tal-GPK jipproklama wkoll espressament dan il-prinċipju.

117.

Għaldaqstant, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sentenza mogħtija b’mod preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja torbot lill-qorti nazzjonali, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 59 ). Kif indikajt fil-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix opinjoni konsultattiva fil-qafas tal-Artikolu 267 TFUE.

118.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 267 TFUE, li hija regola applikabbli direttament, jipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni, il-qorti nazzjonali tkun b’hekk obbligata li twarrab l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola nazzjonali b’mod li tiżgura s-supremazija, l-effikaċja u l-unità tad-dritt tal-Unjoni ( 60 ).

V – Konklużjoni

119.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, qiegħed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi magħmula mis-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) bil-mod li ġej:

1)

L-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li regola nazzjonali bħal din inkwistjoni, li ġġiegħel lill-qorti tar-rinviju li tastjeni mill-kawża għar-raġuni li hija esponiet, fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kuntest fattwali u ġuridiku tagħha u dan konformement mal-modalitajiet stabbiliti minn dawk id-dispożizzjonijiet.

Il-qorti tar-rinviju hija obbligata, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 280 TFUE, li twarrab l-applikazzjoni tar-regola nazzjonali inkwistjoni.

2)

L-Artikoli 267 TFUE u 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-awtonomija istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri, li qorti tar-rinviju, ladarba tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, terġa’ tisma’ lill-partijiet kif ukoll tieħu miżuri ġodda ta’ investigazzjoni u għalhekk, timmodifika l-konstatazzjonijiet li hija għamlet fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha sakemm tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa f’dik il-kawża u f’din il-kawża qamu fl-okkażjoni tal-istess tilwima quddiem is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofija) u li għalihom ser nippreżenta konklużjonijiet separati.

( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, Vatsov, M., “European integration through preliminary rulings? The case of the Bulgarian Constitutional Court”, The preliminary reference to the Court of justice of the European Union by Constitutional Courts, German Law Journal, Vol. 16, Nru 6, 2015.

( 4 ) Għal spjegazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-prattika dwar rinviji għal deċiżjoni preliminari, ara r-rapport Bulgaru ta’ Fartunova, M., fi Coutron, L., “L’obligation de renvoi préjudiciel à la Cour de justice: une obligation sanctionnée?”, Bruylant, Brussell, 2014, p. 145.

( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“GPK”. Verżjoni bl-Ingliż tal-GPK tinsab fuq is-sit internet tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema tal-kassazzjoni) f’dan l-indirizz: http://www.vks.bg/english/vksen_p04_02.htm#PART_SEVEN__Content of Request.

( 6 ) L-imsemmija Taqsima VII jisimha “Regoli speċjali ta’ proċedura ċivili għal kawżi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea (fis-seħħ mis-27 ta’ Lulju 2007)”. L-imsemmi Kapitolu 59, mill-banda l-oħra, huwa ddedikat għat-“talbiet għal deċiżjoni preliminari”.

( 7 ) Traduzzjoni libera.

( 8 ) Dan l-artikolu jistabbilixxi l-applikabbiltà sussidjarja tal-GPK għall-kwistjonijiet kollha li ma jkunx hemm dispożizzjonijiet espressi ddedikati għalihom.

( 9 ) Din il-Konvenzjoni hija disponibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill tal-Europa. Hija ġiet irratifikata minn 64 Stat u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1985. Fost l-Istati Membri, huma biss ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tal-Finlandja li ma ffirmawhiex.

( 10 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, p. 27).

( 11 ) Dawn huma l-kawżi kriminali Nri 352/2008, 438/2009, 466/2009, 527/2009 u 463/2013.

( 12 ) EU:C:2014:2454.

( 13 ) Punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Nru 17120/09. F’din il-kawża, ir-rikorrent, ta’ nazzjonalità Tuneżina, ġie rrifjutat l-għoti ta’ allowance tal-familja mill-awtoritajiet Taljani għar-raġuni li din kienet irriżervata għaċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini tal-Unjoni. Quddiem il-qrati Taljani, ir-rikorrent ikkontesta d-differenza fit-trattament li kien suġġett għaliha u talab li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-interpretazzjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (ĠU 1998, L 97, p. 2), li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fir-rigward ta’ ħaddiema Tuneżini f’materja soċjali. Din it-talba saret għalxejn, bil-Corte suprema di Cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja) tiċħadaha mingħajr ma għamlet ir-rinviju. Ir-rikorrent, għaldaqstant, adixxa lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F’din il-kawża, din l-aħħar qorti kellha tiddetermina jekk iċ-ċaħda tal-Corte suprema di cassazione (qorti tal-kassazzjoni) li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja kinitx tikser id-dritt għal smigħ xieraq. B’ripetizzjoni tal-istess raġunament li għamlet fil-kawżi preċedenti simili, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tpoġġi fuq il-qrati interni obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-dritt applikabbli għad-deċiżjonijiet li bihom huma jirrifjutaw li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari (§ 31).

( 15 ) Digriet Abdallah (C‑144/11, EU:C:2011:565, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenza FIRIN (C‑107/13, EU:C:2014:151, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Jiena qiegħed intenni l-espressjoni li uża l-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punti 56 et seq).

( 17 ) Sentenza Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Digriet Debiasi (C‑560/11, EU:C:2012:802, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenza Petru (C‑268/13, EU:C:2014:2271, punt 22). Ara, ukoll, id-digriet Abdallah (C‑144/11, EU:C:2011:565, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Digriet 3D I (C‑107/14, EU:C:2014:2117, punt 12).

( 20 ) Ara, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, id-digriet Fontaine (C‑603/11, EU:C:2012:731, punt 15) kif ukoll, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, is-sentenza Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punti 4748).

( 21 ) Digriet Debiasi (C‑613/10, EU:C:2011:266, punt 20) kif ukoll is-sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24).

( 22 ) Sentenza Foglia (244/80, EU:C:1981:302, punt 17) u d-digriet Talasca (C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 28).

( 23 ) Ara, bħala eżempji, is-sentenza Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 61) u d-digrieti Mlamali (C‑257/13, EU:C:2013:763, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Szabó (C‑204/14, EU:C:2014:2220, punti 22 et seq).

( 24 ) Digriet Talasca (C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 15).

( 25 ) Digiret Abdallah (C‑144/11, EU:C:2011:565, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Digriet 3D I (C‑107/14, EU:C:2014:2117, punt 9). Ara, ukoll, is-sentenza Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll id-digriet D’Aniello et (C‑89/13, EU:C:2014:299, punt 17).

( 27 ) Sentenzi Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 39) u VEBIC (C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 47).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Irish Creamery Milk Suppliers Association et (36/80 u 71/80, EU:C:1981:62, punti 67, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara d-digriet Talasca (C‑19/14, EU:C:2014:2049, punt 21). Il-korsiv huwa miżjud minni.

( 30 ) Sentenza Gullotta u Farmacia di Gċullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:436, punt 17).

( 31 ) ĠU 2012, C 338, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjonijiet”.

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet Debiasi (C‑613/10, EU:C:2011:266) u s-sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25).

( 33 ) Protokoll adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-10 ta’ Lulju 2013. Il-mekkaniżmu previst minn dan il-protokoll jippermetti lill-ogħla qrati tal-Istati Kontraenti tal-KEDB li jadixxu lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’talba għal opinjoni konsultattiva fuq kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet iddefiniti mill-KEDB.

( 34 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara r-rapport Bulgaru ta’ Fartunova, M., op. cit., p. 147.

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-gwida fuq l-Artikolu 6 disponibbli fl-indirizz internet http://www.echr.coe.int/Documents/Guide_Art_6_FRA.pdf.

( 37 ) Sentenza TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ibidem (punt 27).

( 39 ) Qorti EDB, Le Compte, Van Leuven u De Meyere vs Il-Belġju, 23 ta’ Ġunju 1981, Sensiela A, Nru 43, § 58.

( 40 ) Qorti EDB, Wettstein vs L-Isvizzera, Nru 33958/96, § 43, KEDB 2000-XII, u Micallef vs Malta, Nru 17056/06, § 93, KEDB 2009.

( 41 ) Qorti EDB, Buscemi vs L-Italja, Nru 29569/95, § 67 u 68, KEDB 1999-VI.

( 42 ) Sentenza TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ibidem (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Il-ġustizzja mhux biss għandha ssir, imma trid tidher li qiegħda ssir.

( 45 ) Sentenzi TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tal-Qorti EDB, Micallef vs Malta, iċċitata iktar 'il fuq, § 98 u 99.

( 46 ) Qorti EDB, Morel vs Franza, Nru 34130/96, § 45, KEDB 2000-VI.

( 47 ) Idem.

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Nerattini vs Il-Greċja, Nru 43529/07, § 23.

( 49 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, Garycki vs Il-Polonja, Nru 14348/02, § 66, u Nestak vs Is-Slovakkja, Nru 65559/01, § 88.

( 50 ) Qorti EDB, Phillips vs Ir-Renju Unit, Nru°41087/98, § 35 QEDB 2001‑VII.

( 51 ) Fil-fatt infakkar li A. Ognyanov diġà ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija wara li ġie rrikonoxxut ħati ta’ ksur ikkonstatat fis-sentenza mogħtija mill-awtoritajiet ġudizzjarji Daniżi.

( 52 ) C‑173/09, EU:C:2010:581.

( 53 ) Punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 54 ) Sentenza Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 2526, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Irish Creamery Milk Suppliers Association et (36/80 u 71/80, EU:C:1981:62, punt 7) kif ukoll Sibilio (C‑157/11, EU:C:2012:148, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Sentenza Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85, punt 24).

( 59 ) Sentenza Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 2930, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 60 ) Ara s-sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).