KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2016 ( 1 )

Kawża C‑597/14 P

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

vs

Xavier Grau Ferrer

“Appell — Trade mark Komunitarja — Oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti — Prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti — Teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal- Appell ta’ prova prodotta tardivament — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 74(2) — Regolament (KE) Nru 2868/95 — It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1)”

I – Introduzzjoni

1.

Fl-appell tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) qed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Ottubru 2014, Grau Ferrer vs UASI – Rubio Ferrer (Bugui va) ( 2 ), li biha din laqgħet ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn minn naħa X. Grau Ferrer u, min-naħa l-oħra, J. C. Rubio Ferrer u A. Rubio Ferrer ( 3 ).

2.

Dan l-appell iqajjem b’mod partikolari aspett proċedurali importanti għall-prattika tal-UASI, jiġifieri l-portata tas-setgħa tal-Bordijiet tal-Appell fil-każ ta’ ammissjoni ta’ prova prodotta tardivament, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 4 ).

3.

Din il-problema, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni li tapprofondixxi ( 5 ), għadha tqajjem mistoqsijiet mil-lat kemm ġurisprudenzjali kif ukoll leġiżlattiv.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament Nru 207/2009

4.

L-Artikolu 41(3) tar-Regolament Nru 207/2009 li jirregola l-preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jipprovdi:

“L-oppożizzjoni għandha tiġi espressa bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li fuqhom tkun qiegħda issir. […] Fi żmien perjodu stabbilit mill-[UASI], l-opponent jista’ jissottometti fatti, xiehda u argumenti sabiex isaħħaħ il-każ tiegħu.”

5.

L-Artikolu 76(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-[UASI] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

B – Ir-Regolament Nru 2868/95

6.

Ir-Regola 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 ( 6 ) tipprovdi:

“In-notifika ta’ l-oppożizzjoni għandha tinkludi:

[…]

b)

identifikazzjoni ċara tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti li fuqhom l-oppożizzjoni hi bbażata, jiġifieri:

i)

[…] l-indikazzjoni tan-numru tal-fajl jew numru tar-reġistrazzjoni tal-marka preċedenti, l-indikazzjoni jekk il-marka preċedenti hijiex reġistrata jew applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, kif ukoll l-indikazzjoni ta’ l-Istati Membri inkluż, fejn applikabbli l-Benelux, li fihom jew li għalihom il-marka preċedenti hi protetta, jew, jekk applikabbli, l-indikazzjoni li hija trejdmark tal-Komunità;

[…]

e)

rappreżentazzjoni tal-marka preċedenti kif reġistrata jew kif saret applikazzjoni għaliha; jekk il-marka preċedenti hi bil-kulur, ir-rappreżentazzjoni għandha tkun bil-kulur;

[…]”

7.

Ir-Regola 19 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.

L-Uffiċċju għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunità biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha [...] fi żmien perjodu speċifikat minnha u li għandu jkun ta’ għall-anqas xahrejn li jibdew mid-data li fiha l-proċedimenti ta’ l-oppożizzjoni [...].

2.

Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:

a)

jekk l-oppożizzjoni hi bbażata fuq trejdmark li m’hijiex trejdmark tal-Komunità, trid tiġi sottomessa evidenza ta’ l-iffajljar jew reġistrazzjoni tagħha, billi tiġi sottomessa:

[…]

ii)

jekk it-trejdmark hi rreġistrata, kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni relevanti u, jekk ikun il-każ, l-aħħar ċertifikat ta’ tiġdid, li juri li l-perjodu ta’ protezzjoni tat-trejdmark jestendi sa wara l-limitu ta’ żmien imsemmi f’paragrafu 1 u kull estensjoni ta’ dan, jew dokumenti ekwivalenti maħruġa mill-amministrazzjoni li magħha ġiet reġistrata t-trejdmark;

[…].”

8.

Ir-Regola 20(1) ta’ l-istess regolament jipprovdi:

“Jekk, sa l-iskadenza tal-perjodu msemmi f’Regola 19 (1) il-parti li qed topponi ma tkunx approvat l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha […] l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi.”

9.

It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jipprovdi:

“Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu [76](2) tar-Regolament [Nru 207/2009].”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

10.

Fit-23 ta’ Ottubru 2008 J.C. Rubio Ferrer u A. Rubio Ferrer ressqu applikazzjoni lill-UASI għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja kkostitwita minn sinjal figurattiv li fih il-kliem “Bugui va” għal ċerti prodotti u servizzi li jirrigwardaw il-klassijiet 31, 35 u 39 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar 'il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”).

11.

Fl-10 ta’ Awwissu 2009, X. Grau Ferrer oppona din ir-reġistrazzjoni filwaqt li invoka żewġ trade marks preċedenti, ikkostitwiti kull waħda minn sinjal figurattiv li fih il-kliem “Bugui”:

it-trade mark Spanjola Nru 2600724, irreġistrata għall-prodotti tal-klassi 31 tal-Ftehim ta’ Nice, u;

it-trade Komunitarja Nru 2087534, irreġistrata għall-prodotti u s-servizzi tal-klassijiet 31, 32 u 39 tal-Ftehim ta’ Nice.

12.

Fil-21 ta’ Diċembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni.

13.

Minn naħa, hija ċaħdet l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Spanjola, wara li kkonstatat li r-rikorrent ma kienx ipprovda dokument dwar ir-rappreżentazzjoni ta’ din it-trade mark u għalhekk prova tal-eżistenza tagħha, fit-terminu mogħti. Min-naħa l-oħra, hija laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Komunitarja wara li qieset il-probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark mitluba, għal ċerti prodotti rikjesti.

14.

Ġew ippreżentati żewġ appelli minn din id-deċiżjoni fl-10 u fl-14 ta’ Frar 2011, rispettivament, minn X. Grau Ferrer u J.C. Rubio Ferrer u A. Rubio Ferrer.

15.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell ta’ J.C. Rubio Ferrer u A. Rubio Ferrer u ċaħad l-appell ta’ X. Grau Ferrer.

16.

Fir-rigward tal-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Spanjola, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni skont liema l-prova tal-eżistenza ta’ din it-trade mark ma kinitx tressqet.

17.

Fir-rigward tal-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Komunitarja, hija kkunsidrat, kuntrarjament għad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li l-provi prodotti ma kinux biżżejjed biex juru li din it-trade mark kien sar użu ġenwin minnha, f’forma li ma biddlitx in-natura distintiva tagħha. Għaldaqstant, hija annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħdet kollha kemm hi l-oppożizzjoni li saret minn X. Grau Ferrer.

IV – Is-sentenza appellata

18.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2012, X. Grau Ferrer ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

19.

B’appoġġ għal dan l-appell, huwa qajjem tliet motivi bbażati fuq, l-ewwel nett, il-ksur tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll ir-Regola 50 tar-Regolament Nru 2868/95, it-tieni nett, l-evalwazzjoni żbaljata tal-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja preċedenti, u t-tielet nett, l-evalwazzjoni żbaljata tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

20.

Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv, fil-punti 17 sa 52 tas-sentenza appellata, għal dak li jirrigwarda l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Spanjola, għar-raġuni li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

21.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien il-Bord tal-Appell li kellu jiddeċiedi, b’mod motivat, jekk kienx hemm lok li tiġi kkunsidrata l-prova tal-validità tat-trade mark Spanjola preċedenti, għalkemm dik il-prova kienet inġiebet għall-ewwel darba quddiemu u għaldaqstant kienet tardiva.

22.

Għal dak li jirrigwarda l-effetti ta’ dan il-ksur proċedurali, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li ma kienx kompitu tagħha teżamina, għall-ewwel darba, jekk kienx hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-prova tardiva tal-validità tat-trade mark preċedenti, billi din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-Bord tal-Appell fil-kuntest tad-deċiżjoni li jagħti wara l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

23.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll it-tielet ilment tat-tieni motiv, fil-punti 72 sa 88 tas-sentenza appellata, wara li kkonstatat, fir-rigward tal-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark Komunitarja preċedenti, li l-prova tal-użu ġenwin li ressaq X. Grau Ferrer quddiem l-UASI kienet biżżejjed, billi kienet tirrigwarda sinjali li kienu globalment ekwivalenti għal dik it-trade mark preċedenti kif irreġistrata.

24.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma kien hemm il-bżonn li teżamina t-tielet motiv.

V – Il-talbiet tal-partijiet

25.

Bl-appell tiegħu, l-UASI talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata u, jekk jintlaqa’ l-appell, tiċħad ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata jew, fin-nuqqas, li tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll tikkundanna lil X. Grau Ferrer iħallas l-ispejjeż. Il-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma ressqux talbiet.

VI – L-analiżi

26.

L-UASI jqajjem tliet aggravji tal-appell.

27.

L-ewwel u t-tieni aggravji jirriżultaw mill-ksur, minn żewġ aspetti differenti, tad-dispożizzjonijiet li jagħtu lill-Bord tal-Appell is-setgħa li jammetti prova prodotta tradivament, jiġifieri l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95.

28.

Se nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq dawn iż-żewġ aggravji. Fil-fatt, it-tielet aggravju, dwar il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu, għar-raġunijiet li se nispjega fil-qosor iktar ’l isfel, jitwarrab minnufih bħala inammissibbli.

A – Dwar il-motivazzjoni tas-sentenza appellata

29.

Preliminarjament, nikkunsidra li għandu jiġi rrilevat ex officio li hemm difett fil-motivazzjoni fir-rigward tal-motivi li jinsabu fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, skont l-ewwel u t-tieni motivi tal-appell.

30.

B’dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali rrispondiet l-argument tal-UASI li l-Bord tal-Appell huwa ġġustifikat li ma jeżerċitax is-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta l-prova prodotta tardivament tkun ġdida għal kollox u mhux sempliċiment kumplimentari.

31.

Il-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward tikkonstata li, il-Bord tal-Appell ċaħad il-prova inkwistjoni “mingħajr ma eżamina jekk kinitx ġdida jew kumplimentari” (punt 43 tas-sentenza appellata) u li, minbarra hekk, din ma kinitx “kompletament ġdida” (punt 44 ta’ din is-sentenza). Imbagħad, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, “barra minn dan, indipendentement ukoll min-natura supplimentari jew le” tad-dokument inkwistjoni, il-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu jammettiha (punt 45), u tiċħad l-argument tal-UASI li l-provi ġodda huma esklużi minn dik is-setgħa diskrezzjonali (punt 46 tal-imsemmija sentenza).

32.

Nosserva li l-ordni loġika ta’ dawn il-motivi ma tirriżultax b’mod ċar mir-raġunament tas-sentenza appellata.

33.

Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tikkritika lill-Bord tal-Appell għaliex irrifjuta l-prova inkwistjoni, mingħajr ma eżamina jekk kinitx “ġdida jew kumplimentari”, u tosserva li dik il-prova ma kinitx “kompletament ġdida” (punti 43 u 44 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tindika li “barra minn dan”, din il-kwistjoni ma hijiex rilevanti, għaliex id-dispożizzjonijiet invokati japplikaw “indipendentement min-natura supplimentari jew le tad-dokument” u jkopru wkoll “provi ġodda” (punti 45 u 46 tal-imsemmija sentenza).

34.

Billi dawn iż-żewġ motivi huma kontradittorji, ma jistax jiġi kkunsidrat li wieħed minnhom huwa determinanti u l-ieħor sussidjarju.

35.

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma rrispondietx b’mod univoku l-argument tal-UASI li l-Bordijiet tal-Appell ma għandhom l-ebda setgħa diskrezzjonali f’każ ta’ prova ġdida u, għalhekk, naqset milli tispjega l-kontenut tar-regola proċedurali li riedet tapplika.

36.

Madankollu nosserva li difett fil-motivazzjoni ma jwassalx għall-annullament tas-sentenza appellata, jekk il-parti dispożittiva tagħha tidher fondata għal motivi oħrajn tad-dritt ( 7 ). Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ inkwistjoni ( 8 ).

B – Fuq il-ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 (l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell)

37.

Fl-ewwel aggravju tiegħu, l-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kriterji żbaljati sabiex tikkonstata li l-prova prodotta tardivament ma kinitx “kompletament ġdida” (punti 43 u 44 tas-sentenza appellata). Bit-tieni aggravju tiegħu, l-UASI jikkritika l-motiv tas-sentenza appellata skont liema l-Bord tal-Appell kellu setgħa diskrezzjonali li ppermettietlu jammetti l-prova prodotta tardivament, indipendentement mill-fatt jekk hija kinitx ġdida jew le (punti 45 u 46 tal-imsemmija sentenza).

38.

Nipproponi li naqleb l-ordni ta’ dawn l-aggravji u neżamina, l-ewwel nett, il-kwistjoni jekk, fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-Bordijiet tal-Appell għandhomx setgħa diskrezzjonali biex jikkunsidraw provi ġodda għal kollox.

1. Riferiment għall-ġurisprudenza

39.

Il-kwistjoni mqajma mill-ewwel u mit-tieni aggravji tal-appell tirrigwarda sostanzjalment l-interpretazzjoni tas-sentenza L-UASI vs Kaul ( 9 ) u tal-ġurisprudenza li tirriżulta minn dik is-sentenza.

40.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ( 10 ), li issa tinsab fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 li, ġeneralment u għajr għal dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti skont dak ir-regolament ( 11 ).

41.

Din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura li tagħti lill-parti dritt inkundizzjonat, imma tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-UASI, li għandu jeżerċitaha billi jikkunsidra, minn naħa, ir-rilevanza tal-prova u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedura u ċirkustanzi oħrajn madwar il-produzzjoni tagħha ( 12 ).

42.

In-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali b’mod effettiv, oġġettiv u motivat jikkostitwixxi irregolarità li tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni ( 13 ).

43.

L-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika għall-każijiet kollha fi ħdan l-UASI.

44.

Jirriżulta minn dan li l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI bħala prinċipju ma humiex marbutin mat-termini ffissati matul l-ewwel istanza u jistgħu jammettu provi prodotti tardivament bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom prevista fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, sakemm jeżerċitaw dak il-poter b’mod effettiv, oġġettiv u motivat.

45.

Għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, din il-kunsiderazzjoni tirriżulta espliċitament mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, skont liema l-Bord tal-Appell għandu jillimita l-eżami tal-appell għall-fatti u għall-provi ppreżentati fit-terminu ffissat fl-ewwel istanza, sakemm ma jikkunsidrax li l-fatti u l-provi “supplimentari jew addizzjonali” ( 14 ) għandhom jiġu kkunsidrati skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

46.

Is-sentenza UASI vs Kaul ( 15 ) ma tittrattax il-kwistjoni jekk il-Bord tal-Appell jistax jammetti wkoll provi prodotti barra mit-terminu meta jikkostitwixxu l-ewwel offerta ta’ prova, fis-sens li l-ebda prova rilevanti ma kienet ġiet prodotta fit-terminu mogħti.

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat din il-kwistjoni fil-kawżi li jirrigwardaw, minn naħa, il-prova tal-użu tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, il-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni.

48.

Fir-rigward tal-prova tal-użu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza New Yorker SHK Jeans vs UASI ( 16 ) li, meta l-ebda prova tal-użu tat-trade mark ikkonċernata ma tiġi prodotta fit-terminu mogħti, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni għandha ssir ex officio. Iżda, meta ċerti provi rilevanti jkunu ġew prodotti fit-terminu mogħti, il-produzzjoni tardiva ta’ provi supplimentari hija possibbli u qiegħda fis-setgħa diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

49.

Fis-sentenzi Centrotherm Systemtechnik vs centrotherm Clean Solutions u Centrotherm Systemtechnik vs UASI ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tat l-istess interpretazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar il-produzzjoni tal-prova tal-użu tat-trade mark fil-qafas ta’ proċedimenti ta’ revoka. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali inkwistjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawk huma elementi supplimentari, ippreżentati addizzjonalment bħala provi rilevanti prodotti fit-terminu mogħti.

50.

Fir-rigward tal-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi Rintisch vs UASI, li l-Bord tal-Appell tal-UASI għandu setgħa diskrezzjonali li tirriżulta kemm mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 kif ukoll mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok jew le li jiġu kkunsidrati l-fatti u l-provi “supplimentari jew addizzjonali” prodotti barra t-terminu ( 18 ).

51.

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx, fuq dan il-punt, il-proposta tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’dawn il-kawżi ( 19 ), li kienet enfasizzat id-differenzi bejn il-prova tal-użu, minn naħa, u l-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, min-naħa l-oħra. Għal din l-aħħar kategorija, il-limitu tal-prova huwa previst fir-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, li b’mod partikolari jeħtieġ il-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti. Skont l-Avukat Ġenerali Sharpston, billi dan huwa dokument espliċitament iddefinit bħala indispensabbli fil-kuntest ta’ oppożizzjoni, ma jeżistix il-marġni ta’ manuvra biex wieħed jiddiskuti jekk il-prova tardiva hijiex ġdida jew supplimentari. Id-dokument li jiċċertifika r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti fl-ebda każ ma jista’ jiġi aċċettat fl-istadju tal-appell.

52.

Filwaqt li ċaħdet dan l-approċċ, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qieset in-natura partikolari tal-kategorija tal-prova inkwistjoni, jiġifieri l-fatt li kienu dokumenti enumerati fir-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95.

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għall-kategorija tal-prova inkwistjoni, is-setgħa diskrezzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi eżerċitata b’mod restrittiv, hekk li l-produzzjoni tardiva tal-provi tista’ tiġi ammessa biss jekk id-dewmien ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi, u hija l-persuna kkonċernata li għandha turih dan ( 20 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwitx l-approċċ fejn l-ammissjoni tal-prova skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma teħtieġx l-ġustifikazzjoni tad-dewmien ( 21 ).

2. Il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-Bordijiet tal-Appell fir-rigward ta’ prova ġdida għal kollox

54.

Minn ġurisprudenza stabbilita dwar il-prova tal-użu tat-trade mark jirriżulta li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermettix lill-Bord tal-Appell li jikkunsidra prova ġdida għal kollox prodotta tardivament – meta l-ebda prova rilevanti ma tkun ġiet prodotta fit-terminu mogħti.

55.

Jiena nikkunsidra, kif isostni l-UASI fil-kuntest ta’ dan l-appell, li għandha tinżamm l-istess interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata għal dak li jirrigwarda l-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark.

56.

Jidhirli l-ewwel nett li dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

57.

Fil-fatt, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 fih regola li għandha rwol orizzontali fis-sistema ta’ dan ir-regolament, billi tapplika indipendentement min-natura tal-proċedura kkonċernata.

58.

Jiena ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandha ssir distinzjoni skont in-natura tal-prova għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha.

59.

Fil-fehma tiegħi, f’dan ir-rigward ma hemmx differenza rilevanti bejn il-prova tal-użu tat-trade mark imsemmija fir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, u l-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, imsemmija fir-Regola 19(2) tal-istess regolament.

60.

Barra minn hekk, teżisti wkoll ċerta sovrappożizzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prova, għal dak li jirrigwarda l-prova ta’ trade mark magħrufa ħafna jew ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, imsemmija fir-Regola 19(2)(b) u (c). Il-provi li jikkonfermaw kemm għandha reputazzjoni t-trade mark jistgħu jkunu identiċi ma’ dawk intiżi biex jippruvaw l-użu tat-trade mark, li jiġġustifika bi sħiħ li ż-żewġ każijiet inkwistjoni jiġu ttrattati bl-istess mod.

61.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, indipendentement mill-kategorija tal-prova, jidhirli li hija kkorroborata għal kollox mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

62.

Fil-fatt, id-dispożizzjoni kkonċernata għandha għan doppju. Minn naħa, hija tħeġġeġ lill-partijiet biex jirrispettaw it-termini, għaliex meta l-prova tiġi prodotta b’mod tardiv, huma jkunu esposti għal riskju ta’ ċaħda. Min-naħa l-oħra, hija żżomm is-setgħa tal-UASI li jqis l-prova rilevanti, għalkemm prodotta barra t-terminu, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-amministrazzjoni tajba ( 22 ).

63.

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali inkwistjoni, l-UASI għandha tirrispetta wkoll il-funzjoni doppja tat-termini proċedurali li, minn naħa, iservu biex jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri u, min-naħa l-oħra, jippermettu li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri inter partes.

64.

Issa, fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jgħoddu bl-istess mod għall-prova tal-użu tat-trade mark bħall-prova tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tal-protezzjoni.

65.

Fil-fatt, il-possibbiltà stess li tiġi ammessa prova ġdida tal-eżistenza, tal-validità u tal-portata tad-dritt preċedenti, fl-istadju tal-appell, f’sitwazzjoni fejn l-ebda prova rilevanti ma kienet tiġi prodotta fit-terminu stabbilit inizjalment għal dan l-iskop, tneħħi, b’mod sinjifikattiv, l-inċentiv għall-parti li tosserva dan it-terminu.

66.

Barra minn hekk, l-ammissjoni ta’ prova prodotta tardivament f’ċirkustanzi bħal dawn tipprovoka żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet, għaliex tippermetti lill-parti li topponi li tisposta d-diskussjoni dwar l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti tagħha, għal kollox fl-istadju tal-appell.

67.

Għaldaqstant, ħlief jekk wieħed irid ipoġġi fid-dubju s-sistema tat-termini proċedurali, li trid fost l-oħrajn toħloq bilanċ bejn il-partijiet, fil-fehma tiegħi, prova ġdida għal kollox ma tistax tiġi aċċettata fl-istadju tal-appell.

68.

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk din is-soluzzjoni tikkonformax mal-prinċipji sottointiżi fis-sentenzi Rintisch vs UASI ( 23 ).

69.

F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-prova tal-validità tat-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell għandu, bis-saħħa tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, setgħa diskrezzjonali sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok jew le li jitqiesu l-fatti u l-provi “supplimentari jew addizzjonali” ppreżentati barra t-terminu ( 24 ).

70.

L-ewwel nett nosserva li l-verżjoni tas-sentenzi Rintisch vs UASI ( 25 ) fil-lingwa tal-proċedura, l-Ingliż, bħall-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha – bl-eċċezzjoni, jekk mhux qed niżbalja, tal-verżjoni Spanjola, Franċiża, Rumena u Finlandiża – jirriferu għal fatti u provi mhux “ġodda jew supplimentari”, imma “supplimentari jew addizzjonali”, jew anki biss “addizzjonali” ( 26 ).

71.

Din id-differenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-punti kkonċernati fis-sentenzi Rintisch vs UASI ( 27 ), li tirriżulta mill-istess diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jidher li tqajjem dubju dwar il-punt jekk dik id-dispożizzjoni tippermettix lill-Bordijiet tal-Appell li jammettu prova prodotta tardivament inkluż meta tkun ġdida għal kollox.

72.

Madankollu dan ma huwiex il-każ.

73.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni. Fil-każ ta’ differenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata, b’mod uniformi, skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni ( 28 ).

74.

F’dan il-każ, it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li japplika għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jirreferi biss għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Billi din hija dispożizzjoni tar-regolament ta’ implementazzjoni, l-imsemmija Regola 50 għalhekk ma tikkostitwixxix is-sors tas-setgħa diskrezzjonali inkwistjoni u lanqas ma twessa’ l-portata tas-setgħa li l-Bordijiet tal-Appell jeżerċitaw bis-saħħa tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

75.

Issa, kif irrilevajt diġà, din l-aħħar dispożizzjoni, wara li jitqiesu l-għan u l-kuntest tagħha, għandha tiġi interpretata b’mod uniformi tkun xi tkun in-natura tal-prova inkwistjoni.

76.

Għalhekk, id-diverġenza bejn il-formulazzjonijiet lingwistiċi tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 li taffettwa wkoll il-punti kkonċernati tas-sentenzi Rintisch vs UASI ( 29 ) għandha tiġi solvuta fis-sens li s-setgħa diskrezzjonali tal-Bordijiet tal-Appell li tirriżulta mil-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 tirrigwarda biss li jitqiesu l-provi supplimentari, u ma testendix għall-ipoteżi fejn l-ebda prova rilevanti ma tkun ġiet ipprovduta fit-terminu mogħti.

3. Applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni għall-analiżi tat-tieni aggravju tal-appell.

77.

Bit-tieni aggravju tiegħu, l-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kellu, bis-saħħa tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, setgħa diskrezzjonali inkluż fir-rigward ta’ provi ġodda.

78.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti tiegħi, din il-pożizzjoni tal-UASI hija fondata.

79.

Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, li s-setgħa diskrezzjonali inkwistjoni tiġi eżerċitata indipendentement min-natura supplimentari jew le tal-prova u testendi wkoll għall-provi ġodda.

80.

Madankollu nfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali juru li kien hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni, imma li l-parti dispożittiva tidher fondata għal motivi oħrajn ta’ dritt, tali ksur ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza ( 30 ).

81.

F’dan ir-rigward nosserva li, sabiex tilqa’ l-ewwel motiv tar-rikors tal-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali ma qagħditx biss fuq il-motiv inkwistjoni, imma qagħdet ukoll fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kien ċaħad il-prova inkwistjoni mingħajr ma eżamina jekk setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “kumplimentari” (punt 43 tas-sentenza appellata).

82.

Issa, skont l-approċċ li għadni kif spjegajt, il-Bord tal-Appell kellu jeżamina, f’dan il-każ, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk il-prova prodotta tardivament setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li kienet supplimentari.

83.

Meta naqas milli jeżamina n-natura supplimentari tal-prova tardiva inkwistjoni, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

84.

Għalhekk, il-konstatazzjoni korrispondenti tal-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkonfermata b’dan il-motiv ta’ dritt pur, li jista’ jiġi ssostitwit għall-motiv li jidher fil-punt 43 tas-sentenza appellata.

4. Applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni għall-analiżi tal-ewwel aggravju tal-appell

85.

L-UASI jsostni, fl-ewwel aggravju tiegħu, li l-prova inkwistjoni prodotta tardivament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala supplimentari u li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq kriterji żbaljati, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, sabiex tikkonstata l-kuntrarju.

86.

Mis-sentenza appellata jirriżulta li X. Grau Ferrer, il-parti li oġġezzjonat quddiem l-UASI, ipproduċa, fit-terminu ffissat għal dan l-iskop, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola tiegħu, li ma kienx komplet, billi ma kienx fih rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark u semma biss il-kuluri tagħha. Ir-rappreżentazzjoni inkwistjoni, bl-abjad u l-iswed, dehret fl-espożizzjoni tal-motivi tal-oppożizzjoni ppreżentata quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Iċ-ċertifikat uffiċjali komplet li kien fih din ir-rappreżentazzjoni, kien ġie prodott tard quddiem il-Bord tal-Appell.

87.

Fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rappreżentazzjoni grafika uffiċjali, prodotta l-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell, ma kinitx “kompletament ġdida” peress li r-rappreżentazzjoni bl-abjad u l-iswed kienet tidher fis-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, u li ċ-ċertifikat mhux komplet semma l-kuluri.

88.

L-UASI jsostni li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark preċedenti hija element essenzjali fil-qafas tal-oppożizzjoni, għaliex hija biss tippermetti l-identifikazzjoni tal-oġġett eżatt u l-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark figurattiva preċedenti – fin-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni bħal dik, il-portata tal-protezzjoni ta’ dik it-trade mark ma tistax tiġi ddeterminata b’mod rilevanti.

89.

F’dak ir-rigward, l-UASI jindika, ġustament fil-fehma tiegħi, li l-identifikazzjoni tas-sinjal għandha tiġi stabbilita b’mod uffiċjali, b’dokument espliċitament imsemmi fir-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95, f’dan il-każ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

90.

Għalhekk, sempliċi inklużjoni tar-rappreżentazzjoni grafika fis-sottomissjonijiet bil-miktub lill-UASI ma tistax titqies bħala prova rilevanti peress li l-mezzi ta’ prova meħtieġa għal dan l-iskop huma espliċitament deskritti fir-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

91.

Madankollu, m’iniex konvint mill-argument tal-UASI li r-rappreżentazzjoni grafika uffiċjali prodotta tardivament biex tagħmel tajjeb għaċ-ċertifikat mhux komplet bl-ebda mod ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala prova supplimentari.

92.

Ċertament, jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn il-prova inizjali u l-prova supplimentari meta jkun hemm provi skont ir-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95.

93.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi attivat l-eżerċizzju mill-Bord tal-Appell tas-setgħa diskrezzjonali ġejja mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, biżżejjed li l-parti kkonċernata tkun ippreżentat fit-terminu mogħti ċerti provi, li huma rilevanti biex tintwera l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti, skont ir-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95, anki jekk dawn il-provi ma humiex biżżejjed biex jidhru dawn l-elementi kollha.

94.

Dan l-approċċ jidher li huwa koerenti ma’ dak li ssegwi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Rintisch vs UASI ( 31 ), fejn min għamel l-oppożizzjoni kien ippreżenta ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti imma kien hemeż l-prova tat-tiġdid tiegħu biss fl-istadju tal-appell, hekk li l-prova ta’ validità tat-trade mark kienet inġiebet tardivament.

95.

Din l-ipoteżi tinkludi wkoll il-każ, meħud mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, fejn min jagħmel l-oppożizzjoni jippreżenta ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, imma jonqos milli jlesti fit-terminu mogħti għall-prova tat-trasferiment tal-proprjetà, il-prova dwar il-proprjetarju tad-dritt preċedenti biex b’hekk tkun ġiet prodotta barra mit-terminu ( 32 ).

96.

Fil-fatt, l-UASI jammetti huwa stess li prova mhux kompleta, sa fejn hija tirrigwarda biss wieħed mill-elementi li hemm fir-Regola 19(2) tar-Regolament Nru 2868/95, bħall-validità, il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark jew il-permess biex min jagħmel l-oppożizzjoni jkun jista’ jagħmilha, tista’ tiġi kkunsidrata bħala rilevanti. Fil-fatt, l-UASI josserva fl-appell tiegħu li, fil-fatti fl-isfond tas-sentenzi Rintisch vs UASI ( 33 ), iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ppreżentati fit-terminu mogħti kienu rilevanti, tal-inqas sabiex tiġi identifikata t-trade mark preċedenti u biex tintwera l-portata tal-protezzjoni tagħha, għalkemm il-validità ta’ din it-trade mark ma kinitx ġiet ippruvata.

97.

Fil-fehma tiegħi, din l-analiżi dwar prova insuffiċjenti għalkemm rilevanti tgħodd ukoll fl-ipoteżi, bħal f’dan il-każ, fejn min jagħmel l-oppożizzjoni jkun ipproduċa ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mhux komplet, li ma jkollux ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark, b’tali mod li l-prova rilevanti tkun limitata għall-eżistenza tat-trade mark preċedenti, l-element verbali tagħha, il-proprjetarju tagħha, imma li s-suġġett u l-portata tal-protezzjoni ma ntwerewx b’mod preċiż u rilevanti.

98.

Dan ir-raġunament, li jista’ jiġi ssostitwit għall-motivi żbaljati tas-sentenza appellata kkritikati mill-UASI, iwassal għall-konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali ġustament kkunsidrat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ma setax jiċħad il-prova inkwistjoni mingħajr ma jeżamina jekk setgħetx tiġi kkunsidrata bħala supplimentari u, jekk ikun il-każ, jekk setgħetx tiġi ammessa tardivament, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

5. Konklużjoni intermedja

99.

Mill-kumpless ta’ kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm ir-raġunament li jidher fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata huwa żbaljat, għandha tiġi kkonfermata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 40 ta’ din is-sentenza li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

100.

Għalhekk, nipproponi li l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell jiġu miċħuda.

C – Fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (it-tielet aggravju tal-appell)

101.

Bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa kkunsidrat bħala użu tat-trade mark Komunitarja l-utilizzazzjoni f’forma li hija differenti minn dik irreġistrata b’elementi li ma jibdlux il-karattru distintiv tagħha.

102.

Filwaqt li tevita li tkun meħtieġa konformità stretta bejn il-forma użata u dik reġistrata, din id-dispożizzjoni trid tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark li jagħmel fil-marka, meta jisfruttaha kummerċjalment, varjazzjonijiet li, mingħajr ma jiġi mmodifikat il-karattru distintiv tagħha, jippermettu li tiġi adattata aħjar għall-karatteristiċi ta’ suq li qed jiżviluppa ( 34 ).

103.

B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fl-analiżi tagħha tat-tieni aggravju tar-rikors fl-ewwel istanza, fil-punti 82 sa 86 tas-sentenza appellata, li s-sinjali użati minn X. Grau Ferrer biex jintwera l-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja preċedenti ma jibdlux il-karattru distintiv tagħha, billi d-differenzi inkwistjoni jikkostitwixxu “varjazzjonijiet negliġibbli” jew li kienu “ftit li xejn distinti”, u li s-sinjali użati huma “ekwivalenti globalment” għat-trade mark kif irreġistrata.

104.

L-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza appellata, meta kkwalifikat ċerti elementi tas-sinjali pparagunati bħala negliġibbli, u meta ma eżaminatx jekk it-tibdil tal-elementi individwali kienx ifisser bidla globali tat-trade mark irreġistrata, u meta għalhekk ma għamlitx evalwazzjoni globali tas-sinjali użati.

105.

Nosserva li fil-konstatazzjonijiet fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali pparagunat l-impressjoni kumplessiva prodotta minn kull waħda mis-sinjali użati ma’ dik tat-trade mark irreġistrata, filwaqt li kkunsidrat l-elementi distintivi, li jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali.

106.

Għalhekk, l-argument tal-UASI huwa inammissibbli għaliex jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti għal dik li għamlet il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tallega, ukoll, iż-żnaturament tal-punti ta’ fatt u tal-provi ( 35 ).

107.

Tkun ħaġa diversa fil-każ fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li fakkret fil-ħtieġa tal-evalwazzjoni tas-sinjali bbażati fuq l-impressjoni kumplessiva, fil-verità ma tkunx għamlet evalwazzjoni globali ( 36 ).

108.

Din l-ipoteżi għandha tiġi interpretata b’mod strett, sabiex tiġi ppreservata l-effettività tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ma jippermettix li l-Qorti Ġenerali tiġi ssanzjonata fuq il-pjan tal-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti.

109.

Nammetti li, meta dak li jkun jara s-sinjali riprodotti fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li jidhru iktar ’l isfel, tqum mistoqsija fuq l-eżattezza tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, skont liema s-sinjali użati huma “globalment ekwivalenti” mat-trade mark irreġistrata.

Sinjali użati

Trade mark irreġistrata

Image

Image

110.

Jibqa’ l-fatt li l-argumenti tal-UASI, fil-fehma tiegħi, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, minkejja l-kliem espliċitu tas-sentenza appellata, fil-verità ma għamlitx analiżi globali tas-sinjali skont l-impressjoni kumplessiva tagħhom u li dan jista’ jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

111.

Issa, l-eżami li għamlet il-Qorti Ġenerali dwar il-punt li jsir magħruf jekk il-varjazzjonijiet tat-trade mark irreġistrata jbiddlux il-karattru distintiv tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala interpretazzjoni tad-dritt u għalhekk ma jistax jiġi kkontestat fil-kuntest ta’ appell mingħajr ma tittiefes il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali biex jiġu stabbiliti l-fatti.

112.

Għaldaqstant, nipproponi li jiġi miċħud it-tielet aggravju bħala inammissibbli u, konsegwentement, l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

113.

Peress li l-UASI tilef il-kawża u li l-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma ressqux talbiet, jiena nipproponi, skont l-Artikoli 184(1) u 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-UASI jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tiegħu.

VII – Konklużjoni

114.

Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑543/12, EU:T:2014:911, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 3 ) Deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2012 (kawżi magħquda R 274/2011‑4 u R‑520/2011‑4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

( 5 ) Sentenzi UASI vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162); New Yorker SHK Jeans vs UASI (C‑621/11 P, EU:C:2013:484); Centrotherm Systemtechnik vs centrotherm Clean Solutions (C‑609/11 P, EU:C:2013:592); Centrotherm Systemtechnik vs UASI (C‑610/11 P, EU:C:2013:593); Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628); Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638), u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639).

( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 287 M, p. 12, iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 2868/95”).

( 7 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval et Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 47) u Biret International vs Il-Kunsill (C‑93/02 P, EU:C:2003:517, punt 60).

( 8 ) Ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) C‑29/05 P, EU:C:2007:162.

( 10 ) Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

( 11 ) Sentenza UASI vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 42).

( 12 ) Ibidem (punti 43 u 44).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Centrotherm Systemtechnik vs UASI (C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punti 110111).

( 14 ) Din l-espressjoni hija differenti b’mod sinjifikattiv skont il-verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) C‑29/05 P, EU:C:2007:162.

( 16 ) C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punt 27 sa 3034.

( 17 ) Ara, fir-rigward tat-terminu previst mit-tieni subparagrafu tar-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, is-sentenzi Centrotherm Systemtechnik vs centrotherm Clean Solutions (C‑609/11 P, EU:C:2013:592) u Centrotherm Systemtechnik vs UASI (C‑610/11 P, EU:C:2013:593).

( 18 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628, punti 3334); Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punti 3233), u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639, punti 3334).

( 19 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:311, C-121/12 P, EU:C:2013:312), u C‑122/12 P, EU:C:2013:313, punti 71 sa 74).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punti 4041).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, sentenza Centrotherm Systemtechnik vs UASI (C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 117).

( 22 ) Ara s-sentenza UASI vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punti 4748).

( 23 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628), Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638) u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639).

( 24 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628, punt 33); Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 32); u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639, punt 33).

( 25 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628), Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638) u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639).

( 26 ) Hekk, pereżempju, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża (“zusätzliche oder ergänzende Sachverhalte und Beweismittel”), Ingliża (“additional or supplementary facts and evidence”), Taljana (“fatti e prove ulteriori o complementari”), Litwana (“papildomi arba pridėtiniai faktai bei įrodymai”) jew Pollakka (“dodatkowe lub uzupełniające fakty i dowody”).

( 27 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628), Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638) u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639).

( 28 ) Sentenzi Cricket St Thomas (C‑372/88, EU:C:1990:140, punti 1819) u Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 74).

( 29 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628), Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638) u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639).

( 30 ) Sentenzi Lestelle vs Il-Kummissjoni (C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28) u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 187).

( 31 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628); Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638) u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639).

( 32 ) Ara s-sentenza You‑View.tv vs UASI – YouView TV (YouView+) (T‑480/13, EU:T:2014:591).

( 33 ) Sentenzi Rintisch vs UASI (C‑122/12 P, EU:C:2013:628), Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638) u Rintisch vs UASI (C‑121/12 P, EU:C:2013:639).

( 34 ) Ara s-sentenza Specsavers International Healthcare et (C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 29). Ara, b’analoġija, sentenza Rintisch (C‑553/11, EU:C:2012:671, punti 2122).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rossi vs UASI (C‑214/05 P, EU:C:2006:494, punt 26) u Alcon vs UASI (C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 71).

( 36 ) Sentenza UASI vs Shaker (C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punti 37 sa 43).