KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ppreżentati fid-19 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑577/14 P

Brandconcern BV

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Trademark tal-Unjoni Ewropea — Trade mark verbali ‘Lambretta’ — Talba għal revoka ta’ Brandconcern BV — Dikjarazzjoni parzjali ta’ revoka”

1. 

Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark teħtieġ, fost rekwiżiti oħrajn, li fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni ta’ dan is-sinjal distintiv. Għal dan il-għan, kemm l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-uffiċċji tat-trade marks tal-Istati Membri u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju” jew l-“EUIPO” ( 2 )) jużaw il-Klassifikazzjoni ta’ Nice ( 3 ).

2. 

Il-Ftehim ta’ Nice jinkludi lista ta’ 34 klassi ta’ prodotti u 11-il klassi ta’ servizzi. Kull klassi tinkludi indikazzjonijiet ġenerali li jikkorrispondu għas-setturi li jaqgħu taħthom il-prodotti jew is-servizzi rispettivi. Il-Klassifikazzjoni tinkludi, barra minn hekk, lista alfabetika tal-prodotti u s-servizzi, li tipprovdi l-klassi li jaqgħu taħtha kull wieħed minnhom.

3. 

Fis-sentenza The Chartered Institute of Patent Attorneys ( 4 ) (iktar ’il quddiem, is-sentenza “IP Translator”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha dwar l-interpretazzjoni tal-użu tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Ftehim ta’ Nice, inkwantu fattur li jaffettwa l-portata tal-protezzjoni mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade marks. Hija stabbiliet xi linji gwida u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li fl-applikazzjonijiet għal trade marks ikun hemm imniżżel, b’mod ċar u preċiż, il-prodotti jew servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tar-reġistrazzjoni ( 5 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma llimitatx l-effetti taż-żmien tas-sentenza.

4. 

Il-kumpannija Brandconcern BV, f’dan l-appell, titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2014, Scooters India vs UASI — Brandconcern (LAMBRETTA) (iktar ’il quddiem, “is-sentenza appellata”) ( 6 ), minħabba li tqis li hija żbaljata sa fejn ma applikatx b’mod retroattiv il-ġurisprudenza tas-sentenza IP Translator għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata quddiem l-EUIPO, rigward il-klassi 12. L-appell tagħha se jippermetti, l-ewwel nett, li jiġu ċċarati l-aspetti prinċipali tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza IP Translator f’termini ġenerali u, imbagħad, li tiġi analizzata l-eventwali applikabbiltà tagħha għal trade marks diġà rreġistrati.

5. 

Fi kwalunkwe każ, is-sinjifikat tas-sentenza li se tiddeċiedi fuq l-appell se jkun limitat, fid-dawl tal-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 28 tar-Regolament 207/2009 ( 7 ), wara d-dħul fis-seħħ, fit-23 ta’ Marzu 2016, tar-Regolament (UE) 2015/2424 ( 8 ). L-Artikolu 28(8) għandu l-għan li jtaffi l-problemi ta’ interpretazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-prodotti u servizzi tat-trade marks irreġistrati qabel id-data li fiha ngħatat is-sentenza IP Translator.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea

6.

It-trade marks tal-Unjoni huma rregolati, għall-finijiet ta’ din il-kawża, mir-Regolament Nru 207/2009. Ir-riformi sussegwenti, skont ir-Regolament 2015/2424, li emenda aspetti sostanzjali tar-regoli preċedenti dwar it-trade mark Komunitarja (issa msejħa “trade mark tal-Unjoni Ewropea”) ( 9 ) ma għandhomx effett ratione temporis fuq dan l-appell. Madankollu, għandu jissemma l-Artikolu 28 il-ġdid (“Denominazzjoni u klassifikazzjoni ta’ oġġetti u servizzi”), li l-paragrafu 8 tiegħu jipprovdi:

“8.   Il-proprjetarji ta’ trademarks tal-UE li għalihom tkun saret applikazzjoni qabel it-22 ta’ Ġunju 2012 li huma rreġistrati fir-rigward tal-intestatura sħiħa ta’ klassi ta’ Nizza, jistgħu jiddikjaraw li l-intenzjoni tagħhom fid-data tal-preżentazzjoni kienet li jfittxu protezzjoni fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi lil hinn minn dawk li huma koperti mit-tifsira litterali tal-intestatura ta’ dik il-klassi, sakemm l-oġġetti jew is-servizzi hekk denominati jkunu inklużi fil-lista alfabetika għal dik il-klassi fl-edizzjoni tal-Klassifikazzjoni ta’ Nizza fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni.

Id-dikjarazzjoni għandha ssir fl-Uffiċċju sal-24 ta’ Settembru 2016, u għandha tindika, b’mod ċar, preċiż u speċifiku, l-oġġetti u s-servizzi, għajr dawk koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-indikazzjonijiet tal-intestatura tal-klassi, oriġinarjament koperti mill-intenzjoni tal-proprjetarju. […]

It-trademarks tal-UE li għalihom ma ssir l-ebda dikjarazzjoni fi żmien il-perijodu msemmi fit-tieni subparagrafu għandhom jitqiesu li jestendu, minn meta jiskadi dak il-perijodu, biss għal oġġetti jew servizzi koperti b’mod ċar mit-tifsira litterali tal-indikazzjonijiet inklużi fl-intestatura tal-klassi rilevanti.”

7.

Fit-Titolu VI, “Ċessjoni, revoka u invalidità”, l-Artikolu 51, dwar raġunijiet għal revoka, jipprovdi kif ġej:

“1.   Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; […]

[…]

2.   Meta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss”.

B – Regolament (KE) Nru 2868/95 ( 10 )

8.

Taħt il-lista “Lista ta’ objettivi u servizzi”, ir-regola 2 tipprovdi:

“1.

Il-klassifika komuni msemmija f’Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifika Internazzjonali ta’ Prodotti u servizzi għall-Iskopijiet ta’ Reġistrazzjoni ta’ Marki tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, għandu jiġi applikat għall-klassifika tal-prodotti u servizzi.

2.

Il-lista ta’ prodotti u servizzi għandha tinkiteb b’tali mod li tindika b’mod ċar in-natura tal-prodotti u servizzi u li tħalli kull oġġett jew servizz li jiġi kklassifikat taħt klassi waħda biss tal-Klassifikazzjoni NICE.

3.

Il-prodotti u s-servizzi għandhom, ġeneralment, jiġu miġbura skond il-klassijiet tal-Klassifikazzjoni NICE; b’kull grupp ikun preċedut bin-numru tal-klassi ta’ dik il-Klassifikazzjoni li taħtha jaqa’ dak il-grupp ta’ prodotti u servizzi u muri fl-ordni tal-klassijiet taħt dik il-Klassifikazzjoni.

4.

Il-klassifika ta’ prodotti u servizzi għandha sservi esklussivament għal għanijiet amministrattivi. Għalhekk, prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li huma simili għal xulxin minħabba li jidhru fl-istess klassi taħt il-Klassifikazzjoni NICE, u prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin minħabba li jidhru fi klassijiet differenti taħt il-Klassifikazzjoni NICE.”

C – Komunikazzjonijiet tal-President tal-EUIPO

9.

Il-President tal-EUIPO jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 124 tar-Regolament 207/2009. Fost dawn, sa fejn huwa rilevanti għal din il-kawża, hemm l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u, b’mod partikolari komunikazzjonijiet [paragrafu 2(a)], li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-EUIPO, skont l-Artikolu 89(b) ta’ dak ir-Regolament.

10.

Sabiex tiġi spjegata l-prattika tal-Uffiċċju dwar l-użu tal-intestaturi tal-klassijiet, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ dan l-użu meta l-applikazzjonijiet jew ir-reġistrazzjonijiet tat-trade mark kienu suġġetti għal limitazzjoni jew rinunzja parzjali, jew kienu s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew ta’ revoka, il-President adotta u ppubblika l-Komunikazzjoni Nru 4/03 ( 11 ). Skont il-punt IV, l-ewwel u t-tieni paragrafi tagħha:

“L-34 klassi ta’ prodotti u l-11-il klassi ta’ servizzi jinkludu l-prodotti u s-servizzi kollha, u konsegwentement dak l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi għal klassi partikolari tikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari.

Bl-istess mod, l-użu ta’ ċerta indikazzjoni ġenerali li tinsab fl-intestatura ta’ klassi tkopri l-prodotti jew is-servizzi kollha li jifformaw parti minn din l-indikazzjoni ġenerali u klassifikati b’mod korrett fl-istess klassi. […]”

11.

Wara s-sentenza IP Translator, u għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet interpretat fiha d-Direttiva 2008/95/KE ( 12 ) u mhux ir-Regolament Nru 207/2009, il-President tal-EUIPO ppubblika l-Komunikazzjoni Nru 2/12 ( 13 ), li l-punt V tagħha jipprovdi:

“Fir-rigward tat-trade marks Komunitarji rreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Komunikazjoni li użaw l-indikazzjonijiet ġenerali kollha elenkati fl-intestatura tal-klassi ta’ klassi partikolari, l-Uffiċċju jikkunsidra li r-rieda tal-applikant, kif indikat fil-Komunikazzjoni Nru 04/03 preċedenti, kienet li l-prodotti u s-servizzi kollha inklużi fil-lista alfabetika ta’ dik il-klassi jiġu inklużi fl-edizzjoni fis-seħħ fiż-żmien meta saret il-preżentazzjoni.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tar-RMC [Regolament dwar it-trade mark Komunitarja].”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

12.

Mill-punti 1 sa 6 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-kumpannija Scooters India Ltd. hija proprjetarja tat-trade mark Komunitarja verbali “Lambretta” ( 14 ), mitluba fis-7 ta’ Frar 2000 u rreġistrata mill-Uffiċċju fis-6 ta’ Awwissu 2002, bin-numru 1495100.

13.

L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet illimitat il-prodotti koperti mit-trade mark għall-klassijiet 3, 12, 14, 18 u 25 tal-Ftehim ta’ Nice. Għal dan l-appell, peress li Scooters India parzjalment irtirat it-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ( 15 ), biżżejjed isir referiment għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 12, li d-deskrizzjoni tagħhom fil-Ftehim ta’ Nice hija kif ġej:

Klassi 12: “Vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”.

14.

Fid-19 ta’ Novembru 2007, il-kumpannija Brandconcern ippreżentat applikazzjoni għal revoka parzjali tat-trade mark Lambretta, abbażi tal-Artikolu 50(1)(a) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 ( 16 ). Din l-applikazzjoni għal revoka kienet tirreferi, inter alia, għall-prodotti tal-klassi 12 u kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ użu ġenwin mit-trade mark matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin.

15.

Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, fid-deċiżjoni tagħha tal‑24 ta’ Settembru 2010, laqgħet it-talba ta’ Brandconcern u ddikjarat ir-revoka parzjali tat-trade mark mid-19 ta’ Novembru 2007, għall-prodotti li jaqgħu, inter alia, taħt il-klassi 12.

16.

Id-deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010 ġiet appellata minn Scooters India quddiem l-EUIPO, abbażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009.

17.

L-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, fid-deċiżjoni tiegħu tal‑1 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), ċaħad l-appell ta’ Scooters India, ħlief il-parti rigward is-“sapun” tal-klassi 3 (fir-rigward ta’ liema huwa annulla d-deċiżjoni tal-24 ta’ Diċembru 2010) ( 17 ).

18.

Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, bħala raġuni għaċ-ċaħda tal-appell ta’ Scooters India, li ma ntweriex b’mod suffiċjenti l-użu ġenwin tat-trade mark Lambretta għall-prodotti tal-klassi 12 (inter alia), li ddetermina r-revoka tar-reġistrazzjoni.

III – Is-sentenza appellata

19.

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Frar 2012, Scooters India ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Dan ir-rikors kien ibbażat fuq motiv wieħed, jiġifieri ksur tal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li r-rikorrenti qasmet f’żewġ ilmenti.

20.

Fl-ewwel ilment, hija kkritikat lill-Bord tal-Appell talli ma eskludiex l-ispare parts mid-dikjarazzjoni tar-revoka, u b’dan il-mod talbet li l-EUIPO japplika l-kriterju fis-seħħ fiż-żmien tal-preżentazzjoni tat-talba tagħha fl-2000. Skont dan il-kriterju, jekk l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks isemmu, mingħajr distinzjoni, l-oġġetti fl-intestatura ta’ klassi, huma jkopru l-prodotti kollha fil-lista alfabetika tal-oġġetti u s-servizzi li jaqgħu taħt din il-klassi (iktar ’il quddiem, il-“kriterju komprensiv”).

21.

Il-Qorti Ġenerali kkwalifikat dan l-ilment. Hija eżaminat ( 18 ) jekk l-ispare parts għall-iscooters kinux fost il-prodotti elenkati fil-klassi 12 u eżaminat, wara dan, jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Scooters India setgħetx tiġi ttrattata skont il-kriterju komprensiv jew kellhiex tiġi ttrattata b’applikazzjoni tal-kriterju “letterali” ( 19 ), jiġifieri, billi titqies biss it-tifsira tal-kategoriji ta’ prodotti speċifikament elenkati fl-intestatura tal-klassi inkwistjoni (f’dan il-każ, vetturi u apparati għal-lokomozzjoni fuq l-art, fl-arja jew fuq l-ilma).

22.

Il-Qorti Ġenerali fakkret fis-sentenza IP Translator ( 20 ), li minnha jirriżulta li, meta l-applikant għal trade mark juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni tiegħu tkoprix il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika tal-klassi speċifika kkonċernata jew biss xi wħud minnhom, u f’dan l-aħħar każ, ikun hemm l-obbligu li jiġu speċifikati l-prodotti jew is-servizzi inklużi f’dik il-klassi ( 21 ).

23.

Peress li s-sentenza IP Translator ngħatat wara li seħħew l-fatti li huma inkwistjoni fil-proċedura, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-impatt tagħha u qieset li f’dan il-każ hija applikabbli l-Komunikazzjoni Nru 2/12, billi, essenzjalment, ibbażat ruħha fuq l-argumenti li ġejjin: a) il-Komunikazzjoni Nru 4/03 kienet ta’ natura purament ta’ spjegazzjoni tal-prattika tal-Uffiċċju sal-pubblikazzjoni tagħha; b) il-Komunikazzjoni Nru 2/12 ma għamlitx distinzjoni bejn it-trade marks rreġistrati qabel jew wara l-Komunikazzjoni Nru 4/03; u c) il-prinċipju ta’ ċertezza legali ggarantixxa l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 2/12 għat- trade marks, bħal Lambretta, qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 ( 22 ).

24.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-indikazzjoni, fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Lambretta, għall-kategoriji kollha tal-prodotti fl-intestatura tal-klassi 12 għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-prodotti kollha fil-lista alfabetika elenkati f’dik il-klassi, li, barra minn hekk, hija l-intenzjoni prinċipali ta’ Scooters India. Hija indikat, ukoll, li għalkemm l-ispare parts għall-iscooters ma humiex elenkati bħala tali fil-lista alfabetika tal-prodotti tal-klassi 12, din tal-aħħar tinkludi aċċessorji u parts għal vetturi, bħal tajers, roti jew kaxxi tal-krank, u għalhekk il-Bord tal-Appell kellu jeżamina l-użu ġenwin tat-trade mark għall-ispare parts. Peress li fid-deċiżjoni kkontestata kien tħalla barra dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel ilment għal raġuni ta’ invalidità mressaq minn Scooters India ( 23 ).

25.

Fit-tieni lment, Scooters India ddikkjarat li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi, peress li ma applikax il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema l-użu ġenwin tat-trade mark fir-rigward ta’ spare parts jiddetermina li jinżammu d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark fir-rigward tal-prodotti li jinkludu dawn l-ispare parts ( 24 ).

26.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni lment, peress li l-Bord tal-Appell kien naqas milli jeżamina l-provi ppreżentati rigward l-ispare parts għall-iscooters. Madankollu, hija tat struzzjonijiet lil dan il-Bord rigward il-mod li bih għandu jwettaq din l-analiżi rigward l-użu tat-trade mark Lambretta għall-ispare parts, billi rreferiet —inter alia— għall-kriterji stabbiliti fis-sentenza Ansul ( 25 ).

IV – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u talbiet tal-partijiet

27.

L-appell ippreżentat minn Brandconcern ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2014 u r-risposti tal-EUIPO u Scooters India, fl‑10 u t-18 ta’ Marzu 2015, rispettivament.

28.

B’mod konformi mal-Artikolu 175(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-replika saret fl-4 ta’ Ġunju 2015 u l-kontroreplika ta’ Scooters India u tal-EUIPO, saret fit-8 u t-13 ta’ Lulju, rispettivament.

29.

Brandconcern talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod prinċipali: a) l-annullament tas-sentenza appellata; b) iċ-ċaħda tar-rikors ta’ Scooters India quddiem il-Qorti Ġenerali; u c) l-kundanna għall-ispejjeż tal-partijiet opposti. Sussidjarjament, hija titlob li tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn hija invalidat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-1 ta’ Diċembru 2011 kif ukoll li l-EUIPO u Scooters India jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

30.

EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja: a) tiddikjara t-tieni raġuni għall-appell bħala inammissibbli; b) tiċħad l-appell; u c) tikkundanna lil Brandconcern għall-ispejjeż.

31.

Scooters India titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Brandconcern għall-ispejjeż.

32.

Fuq talba ta’ Brandconcern u Scooters India, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1) tar-Regoli tal-Proċedura, saret seduta fil-11 ta’ Mejju 2016 li fiha dehru l-partijiet kollha.

V – Analiżi tal-appell

33.

Brandconcern tattribwixxi lill-Qorti Ġenerali żewġ żbalji ta’ liġi: a) ksur tal-Artikolu 51(1)(a), meħud flimkien mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament 207/2009; u b) difett proċedurali, li jinvolvi inkonsistenza bejn it-talbiet tal-appellant u d-dispożittiv tas-sentenza, li wassal għal deċiżjoni ultra petita.

A – Dwar l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 51(1)(a), meħud flimkien mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009

1. L-argumenti tal-partijiet

34.

Brandconcern tqis ( 26 ) li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li EUIPO kellu l-obbligu li jeżamina, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, jekk Scooters India kinitx użat b’mod ġenwin it-trade mark għall-ispare parts, wara li aċċettat li r-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal, fuq il-bażi tal-kliem tal-klassi 12, kienet tkopri wkoll dawn il-prodotti.

35.

Insostenn tat-teżi tagħha, Brandconcern tinvoka s-sentenza IP Translator, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur it-tifsira letterali tal-kliem użat mill-proprjetarji tat-trade marks fl-applikazzjonijiet tagħhom għal reġistrazzjoni. Din is-sentenza għandha tiġi applikata mingħajr ebda oġġezzjoni għal din il-kawża u mingħajr ma jipprevalu l-kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali espressi mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

36.

Brandconcern hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita l-effetti fiż-żmien ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din tal-aħħar ma stabbilixxietx din il-kawtela fid-deċiżjonijiet tagħha stess. Barra minn hekk, Scooters India ma invokat l-ebda preċedent quddiem il-Qorti Ġenerali rigward applikazzjoni tant flessibbli tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u dan lanqas ma sar fis-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tistax tistrieħ fuq id-deċiżjonijiet tagħha stess sabiex tillimita l-effetti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

Fl-aħħar nett, Brandconcern tiċħad li, fl-interpretazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, għandha titqies l-intenzjoni tal-proprjetarji tat-trade marks ( 27 ), kuntrarjament għall-prattika tal-EUIPO qabel il-Komunikazzjoni Nru 2/12. Fi kwalunkwe każ, din l-intenzjoni għandha tirreferi għal-lista ta’ prodotti u servizzi sabiex tiġi ddeterminata, bl-ikbar preċiżjoni, il-portata tal-protezzjoni mitluba mill-proprjetarju tat-trade mark, kif ġie mitlub, sussegwentement, mis-sentenza IP Translator. Ma jistgħux jimtlew il-lakuni fid-dikjarazzjoni inizjali billi nirrikorru għal invokazzjoni ulterjuri ta’ anzjanità jew għal proċedura ta’ appell.

38.

Fil-qosor, għal Brandconcern, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet adottat fis-sentenza IP Translator approċċ “prospettiv” bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, iżda ma għamlitx dan. Għall-kuntrarju, hija stabbiliet regola ġenerali li titlob ċarezza u preċiżjoni fl-indikazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal trade marks, li abbażi tagħhom għandhom jiġu interpretati l-imsemmija applikazzjonijiet.

39.

L-EUIPO jiċħad l-argumenti ta’ Brandconcern. B’mod partikolari, huwa jsostni li s-sentenza IP Translator ma għażlet l-ebda wieħed miż-żewġ approċċi, jiġifieri, il-kriterju komprensiv tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 jew dak tas-sens letterali. Huwa jsostni li din is-sentenza indirizzat l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni u mhux trade marks diġà rreġistrati, b’tali mod li r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni jirrigwardaw primarjament dawk tal-ewwel, u mhux bl-istess mod, dawk tal-aħħar.

40.

Skont l-Uffiċċju, il-punt 60 tas-sentenza IP Translator jissuġġerixxi li l-intenzjoni tal-applikant tikkostitwixxi l-kriterju fundamentali għad-determinazzjoni tal-portata tal-protezzjoni inerenti fit-trade mark. Issa, għalkemm huwa l-kompitu tal-applikanti li jiżvelaw l-intenzjoni tagħhom filwaqt li jissodisfaw r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, l-awtorità kompetenti (l-uffiċċji tat-trade marks) għandha tivverifika din l-intenzjoni b’relazzjoni mat-trade marks diġà rreġistrati. Is-sentenza IP Translator ma tistax tiġi invokata sabiex tinstab l-intenzjoni tal-applikant permezz ta’ preżunzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-linji gwida tas-sentenza IP Translator dwar l-applikazzjonijiet tat-trade marks, iżda sempliċement aġġustathom skont it-trade marks diġà rreġistrati.

41.

L-Uffiċċju jżid li l-intenzjoni ta’ Scooters India kienet ċara meta hija applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Brittanika preċedenti Lambretta, fejn hija invokat l-anzjanità għall-prodotti kollha, inklużi l-“karozzi, vannijiet u roti, kif ukoll spare parts u partijiet kostitwenti” ta’ dawn il-prodotti.

42.

Fil-fehma ta’ Scooters India, l-interpretazzjoni tas-sentenza IP Translator kif propost minn Brandconcern, twassal għal ksur taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi, li kienu protetti mill-kriterju użat mill-Uffiċċju tat-trade marks (mhux biss tal-EUIPO) dwar id-denominazzjoni tal-intestaturi tal-klassijiet, bħala riferiment fil-qosor għall-oġġetti kollha inklużi f’dawn il-klassijiet skont il-lista alfabetika. Hija tqis ukoll, skont l-istess argumenti bħall-EUIPO, li Brandconcern interpretat b’mod żbaljat is-sentenza IP Translator.

2. Analiżi tal-aggravju

43.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Brandconcern ssostni li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 51(1)(a), meħud flimkien mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament 207/2009. Din id-dispożizzjoni tippreskrivi li matul ħames snin ikun sar użu ġenwin mit-trade mark, rigward il-prodotti u s-servizzi li tipproteġi ( 28 ).

44.

Filwaqt li t-terminu “użu ġenwin” ġie interpretat b’mod estensiv u ddettaljat fis-sentenza Ansul ( 29 ), u ma huwiex qed jiġi kkontestat f’dan l-appell, xorta għandha tingħata interpretazzjoni tar-riferiment għal “prodotti u servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata”.

45.

B’dan il-mod, peress li skont l-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex sinjal ikun eliġibbli għal reġistrazzjoni għandhom jinsabu fuq l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni l-prodotti u s-servizzi li huwa mixtieq li din tipproteġi, Brandconcern targumenta li l-evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni għandha ssir skont il-kriterji stabbiliti fis-sentenza IP Translator.

46.

Il-kontroversja dwar l-applikazzjoni tas-sentenza IP Translator għal din il-kawża hija bbażata prinċipalment fuq żewġ aspetti ewlenin:-ir-rilevanza ratione temporis tagħha u l-eventwali estrapolazzjoni tagħha minn perspettiva materjali. Filwaqt li Brandconcern tinvoka l-assenza ta’ limitazzjoni tal-effetti tagħha fuq is-sentenza nnifisha, u l-impossibbiltà konsegwenti li l-Qorti Ġenerali taġġusta l-applikazzjoni tagħha billi tinvoka ċ-ċertezza legali, l-EUIPO jinsisti fuq is-suġġett differenti taż-żewġ tilwimiet, jiġifieri, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (fil-kawża deċiża mis-sentenza IP Translator) u t-trade mark diġà rreġistrata (f’din il-proċedura).

a) Rigward il-limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja

47.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu ssodisfatti ( 30 ).

48.

Din l-istess ġurisprudenza tipprovdi li, taħt il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tillimita b’mod eċċezzjonali l-possibbiltà li l-partijiet interessati jinvokaw dispożizzjoni, meta jiġu ssodisfatti l-kriterji ta’ bona fide ta’ dawk ikkonċernati u r-riskju ta’ disturbi serji ( 31 ).

49.

Fl-aħħar nett, dejjem skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina żmien li minnu jibda jkollha effett l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti ta’ tali interpretazzjoni biss fis-sentenza nnifisha. B’dan il-mod tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament tal-Istati Membri u tal-individwi l-oħra suġġetti għal dan id-dritt u jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 32 ).

50.

Fil-qosor, id-duttrina dwar il-limitazzjoni tal-effetti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinġabar fil-qosor b’dan il-mod: a) fil-prinċipju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom effetti ex tunc; b) il-limitazzjoni tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ regola hija eċċezzjoni; c) il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tadotta tali limitazzjoni; u d) limitazzjoni bħal din għandha tinsab b’mod espliċitu fis-sentenza li tinterpreta d-dispożizzjoni inkwistjoni.

51.

Ċertament is-sentenza IP Translator, kif tindika Brandconcern, ma tistabbilixxi l-ebda limitazzjoni fiż-żmien tal-effetti tagħha, u għalhekk, mal-ewwel daqqa t’għajn, ir-regola interpretata għandha tiġi applikata wkoll għal sitwazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza. Madankollu, huwa sorprendenti li l-ebda waħda mill-partijiet f’dak ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ħdax-il Stat Membru, il-Kummissjoni, l-EUIPO u ż-żewġ partijiet fit-tilwima a quo) ma invokat tali limitazzjoni, li kien jirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti opinjoni favur jew kontra din it-talba; iżda s-sentenza tibqa’ siekta f’dan ir-rigward. Għalkemm dan is-silenzju jagħti l-opportunità għal spekulazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għal dan, nippreferi li ma nidħolx f’territorju purament spekulattiv u, għaldaqstant, mhux ta’ ħafna benefiċċju għal din il-proċedura.

52.

Jirriżulta iktar xieraq, min-naħa l-oħra, li wieħed jeżamina l-argument tal-Uffiċċju li, sabiex isostni s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, jikkwalifika l-impatt tas-sentenza IP Translator fuq din il-kawża: filwaqt li f’dak iż-żmien, id-diskussjoni kienet rigward applikazzjonijiet għal trade mark, issa huma diskussi trade marks diġà rreġistrati. Għandu jiġi eżaminat, għalhekk, effettivament, x’tifsira għandha dik is-sentenza.

b) Is-sentenza IP Translator

53.

Il-kawża kienet tikkonċerna ( 33 ) applikazzjoni għal reġistrazzjoni, bħala trade mark nazzjonali, tal-isem “IP Translator”. Fl-applikazzjoni ġew identifikati s-servizzi koperti permezz tat-termini ġenerali tal-intestatura tal-klassi 41 tal-Ftehim ta’ Nice, jiġifieri “Edukazzjoni; taħriġ; servizzi ta’ intratteniment; attivitajiet kulturali u sportivi”.

54.

L-Uffiċċju tat-trade marks tar-Renju Unit ċaħad l-applikazzjoni billi bbaża ruħu fuq ir-regoli nazzjonali li jikkorrispondu għall-Artikolu 3(1)(b) u (c), u (3) tad-Direttiva 2008/95. Huwa interpreta din l-applikazzjoni b’mod konformi mal-Komunikazzjoni Nru 4/03 ( 34 ), fis-sens li kienet tkopri mhux biss servizzi tat-tip indikat mill-applikant, iżda kwalunkwe servizzi oħra li jaqgħu taħt il-klassi 41, inklużi dawk tat-traduzzjoni. Huwa kkonkluda li, għal dawn is-servizzi tal-aħħar, l-isem “IP Translator” ma kienx ta’ natura distintiva u kien ta’ natura deskrittiva.

55.

L-applikant għat-trade mark ( 35 ) appella minn din id-deċiżjoni, billi sostna li l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx issemmi, u għaldaqstant ma kinitx tkopri s-servizzi ta’ traduzzjoni, li jinsabu fil-klassi 41. Għal din ir-raġuni, l-oġġezzjonijiet għar-reġistrazzjoni mressqa mill-Uffiċċju tat-Trade Marks kienu żbaljati u l-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda b’mod żbaljat.

56.

Fir-risposta tagħha għat-tliet domandi preliminari (ifformulati mill-ġdid), il-Qorti tal-Ġustizzja:

imponiet obbligu fuq l-applikant għal trade mark li tidentifika b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark ( 36 );

aċċettat l-użu mill-applikant tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi tal-klassi tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, sakemm tali identifikazzjoni tkun, fiha nnifisha, ċara u preċiża biżżejjed ( 37 ); u

f’dan ir-rigward, jiġifieri, meta jintużaw l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi speċifika, obbligat lill-applikant ta’ trade mark jikkjarifika jekk il-protezzjoni hijiex mitluba għall-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika ta’ dik il-klassi jew biss għal xi wħud minnhom ( 38 ).

57.

Mill-qari tas-sentenza IP Translator nikkonkludi, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni tagħha għandha tinftiehem fil-kuntest tal-kawża li hija solviet: din kienet tinvolvi ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal trade mark ibbażata fuq l-interpretazzjoni tal-klassi tas-servizzi li għalihom intalbet il-protezzjoni. B’mod partikolari, is-sentenza tiddeskrivi kif min japplika għal trade mark għandu jissodisfa l-obbligu li jiddikjara, b’mod ċar u preċiż, il-lista ta’ prodotti jew servizzi li għalihom jitlob ir-reġistrazzjoni tas-sinjal mixtieq ( 39 ).

58.

It-tieni nett, għalkemm it-tielet domanda preliminari magħmula kienet tirrifletti t-tilwima bejn dawk li jappoġjaw l-approċċ letterali u dawk li jappoġġjaw l-approċċ komprensiv ( 40 ) u stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintervjeni f’dan id-dibattitu, din tal-aħħar ma aċċettatx dan l-invit b’mod pulit, billi ffokat ir-risposta tagħha fuq l-applikazzjoni u rrinvijat il-problema lill-uffiċċji tat-trade marks ( 41 ).

59.

Fil-fatt, mis-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja fir-realtà ma żammet mal-ebda waħda mill-għażliet inkwistjoni. Barra minn hekk, hija saħansitra aċċettat il-possibbiltà li tirreferi ġenerikament għall-klassijiet u talbet biss li dan isir b’mod ċar u preċiż, ikun x’ikun il-metodu ta’ interpretazzjoni użat. Ċertament, tali soluzzjoni taffettwa iktar is-sistemi rregolati mill-approċċ komprensiv, sa fejn, skont dan, l-applikant għandu jispeċifika jekk l-applikazzjoni tiegħu tirreferix għall-klassijiet kollha tal-lista alfabetika li tikkorrispondi għal kull waħda mill-klassijiet imsemmija, jew biss għal xi wħud mill-oġġetti jew servizzi elenkati f’dik il-lista ( 42 ). Iżda, nirrepeti, id-dispożittiv tas-sentenza ddikjara b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tipprekludi l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali.

60.

It-tielet nett, għalkemm forsi dan ma huwiex daqstant rilevanti, is-sentenza IP Translator ma interpretatx dispożizzjoni partikolari tad-Direttiva 2008/95, iżda ddeduċiet l-obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni impost fuq l-applikanti tat-trade marks mid-dispożizzjonijiet u l-premessi kollha ta’ dan it-test regolatorju ( 43 ).

c) Applikabbiltà għal dan il-każ

61.

Huwa possibbli li s-sentenza IP Translator tiġi applikata, sempliċement, għas-sitwazzjoni li wasslet għal din il-kawża? Naqbel mar-riżervi tal-EUIPO f’dan ir-rigward, għar-raġunijiet li nesponi iktar ’il quddiem.

62.

Diġà indikajt li l-kawża IP Translator tiżviluppa fil-kuntest ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal distintiv, li permezz tiegħu l-applikant xtaq jipproteġi ċerti servizzi. Għal din il-fażi tal-proċedura tar-reġistrazzjonijiet tat-trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq l-applikant obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ artikoli oħra tar-regolamenti rilevanti, bħalma huma dawk relatati mal-kawżi assoluti u relattivi ta’ rifjut, li jistgħu wkoll jiġu invokati iktar tard bħala raġunijiet ta’ revoka tat-trade mark ( 44 ).

63.

Dan l-obbligu ( 45 ) jaffettwa primarjament lill-applikant. Fis-sentenza IP Translator, l-obbligi tal-uffiċċji tat-trade marks huma iktar dgħajfa, u r-riferimenti għal dawk il-korpi nazzjonali (“l-awtoritajiet kompetenti”) huma fformulati, jew sabiex tiġi enfasizzata r-relazzjoni bejn l-obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tal-applikazzjonijiet u l-konformità mal-obbligi tagħhom relatati mal-eżami preliminari ta’ dawn l-applikazzjonijiet ( 46 ), jew inkella jekk sabiex jiġu mfakkra, fl-istess linja ta’ ħsieb, dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jevalwaw b’mod speċifiku kull każ, sabiex jiddeterminaw jekk l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet jikkonformawx mal-obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ( 47 ). Madankollu, dawn l-obbligi ma humiex riflessi fid-dispożittiv tas-sentenza.

64.

F’dan il-kuntest, anki l-punt 60 tas-sentenza ( 48 ), li jidher li jinvalida l-prattika tal-EUIPO li tinsab fil-Komunikazzjoni Nru 4/03 (ibbażata fuq il-kriterju komprensiv), jikseb tifsira iktar konsistenti mal-bqija tal-kontenut tagħha. Meta jinqara flimkien mal-punt 61, din il-kritika tiżvela l-portata reali tagħha, jiġifieri, li twissi li permezz ta’ din il-proċedura, jiġi pperikolat l-obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni impost fuq l-applikanti għat-trade marks. Fil-każ kuntrarju, meta jintużaw l-indikazzjonijiet kollha tal-intestaturi ta’ klassi, la l-applikant u lanqas l-operaturi ekonomiċi l-oħra ma jkunu jafu b’ċertezza l-portata tal-protezzjoni li tirriżulta mill-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali.

65.

Ir-riskju li jintuża l-approċċ jew kriterju komprensiv jirriżulta mill-fatt li l-applikanti jinjoraw l-obbligu tagħhom li jindikaw b’mod ċar il-prodotti u s-servizzi li għalihom jitolbu protezzjoni. Għalhekk, l-obbligu tal-applikant ma għandux jiġi ssostitwit permezz ta’ prattika amministrattiva laxka. Madankollu, fil-kuntest tas-sentenza, dan il-pjan għandu jinftiehem bħala twissija sabiex, fil-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, ma jiġux aċċettati applikazzjonijiet li, minħabba n-natura vaga tagħhom, ma josservawx l-obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fl-identifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi. Naħseb li dan huwa s-sens tal-punt 62 tas-sentenza IP Translator.

66.

Id-differenza fil-fatti sottostanti bejn il-kawża IP Translator u dan il-każ (fl-ewwel waħda, il-fatti kkonċernaw l-applikazzjoni għal trade mark, u f’din, trade mark diġà rreġistrata) tipprekludi, fil-fehma tiegħi, li jiġi estrapolat it-tagħlim u l-mandati ta’ dik is-sentenza, li jwassal għaċ-ċaħda tal-ewwel aggravju ta’ Brandconcern.

67.

Dan ir-riżultat ma jistax ikun sorprendenti, peress li l-applikazzjoni għal trade mark saret fi żmien meta l-proċess ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark, mument li jkun għadu joffri l-opportunità li din tiġi kkoreġuta jew mibdula, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 43 tar-Regolament 207/2009. Is-sentenza IP Translator issaħħaħ l-obbligu tal-uffiċċji nazzjonali, għal din il-fażi tal-analiżi tagħhom, li jiżguraw li l-eżami tal-applikazzjonijiet ikun komplut u strett, sabiex tiġi evitata r-reġistrazzjoni mhux xierqa ta’ trade marks ( 49 ). Jekk il-kompitu tagħhom huwa li jżommu reġistru adegwat u preċiż ( 50 ), huwa loġiku li d-dispożittiv tas-sentenza IP Translator, indirettament, tordnalhom jivverifikaw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw applikazzjonijiet li jikkonformaw mal-obbligu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

68.

Għall-kuntrarju, ladarba tkun ġiet irreġistrata trade mark, l-interpretazzjoni tal-lista tal-prodotti u servizzi koperti minnha taqa’ taħt tip ta’ regola oħra, inklużi, b’mod partikolari, il-projbizzjoni li tiġi mibdula, li tinsab fl-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, it-tagħlim tas-sentenza IP Translator diffiċilment jaqbel mar-rwol tal-uffiċċji tat-trade marks f’dak l-istadju l-ieħor. U, b’mod preċiż, id-differenza bejn iż-żewġ stadji tispjega l-assenza ta’ limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza IP Translator: l-interpretazzjoni tal-lista ta’ oġġetti u servizzi li jinsabu f’applikazzjoni, li tkun għadha tista’ tiġi mibdula, ma hijiex l-istess bħal trade mark diġà rreġistrata li, b’definizzjoni, hija kkonsolidata u prattikament ma tistax tinbidel.

d) Korollarju

69.

Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-argument tal-Uffiċċju huwa korrett f’dak li jirrigwarda l-impatt tas-sentenza IP Translator sabiex tiġi interepretata l-lista ta’ prodotti u servizzi fit-trade marks diġà rreġistrati, minħabba li din is-sentenza tikkonċerna l-obbligi tal-operatur ekonomiku li jippreżenta applikazzjoni għal trade mark, jaqa’ l-argument ewlieni ta’ Brandconcern insostenn tal-ewwel aggravju tagħha.

70.

Il-kritika tal-appellanti hija bbażata, fir-realtà, fuq qari mhux adegwat tas-sentenza appellata, peress li din tal-aħħar ma tillimitax l-effetti ratione temporis tas-sentenza IP Translator, minkejja r-riferiment, fil-punt 24 tagħha, għall-ġurisprudenza kkonsolidata f’dan il-qasam u għall-fatt li IP Translator ma għamlet l-ebda referiment għall-effetti fiż-żmien. Il-Qorti Ġenerali sempliċement tistaqsi jekk l-Uffiċċju setax japplika l-Komunikazzjoni tiegħu Nru 4/03 għal trade mark irreġistrata qabel il-21 ta’ Ġunju 2012, li kien jimplika l-użu tal-kriterju komprensiv sabiex jiġi vverifikat jekk l-ispare parts jaqgħux taħt il-klassi 12, għalkemm ma humiex imsemmija espressament. Dan l-eżami kien jikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Bord tal-Appell kellux jeżamina l-provi prodotti minn Scooters India rigward l-użu ġenwin mit-trade mark għal dawn l-ispare parts.

71.

F’dan il-kuntest, is-sentenza appellata tanalizza ( 51 ) l-Komunikazzjoni Nru 2/12, li hija tikklassifika bħala “applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali”, f’kuntest fejn l-EUIPO kellu jispjega kif kien se jiddetermina l-kamp ta’ protezzjoni mogħti permezz tat-trade marks tal-Unjoni rreġistrati qabel il‑21 ta’ Ġunju 2012 li kienu jużaw l-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Ftehim ta’ Nice.

72.

Imbagħad, fil-punti 28 sa 34, is-sentenza appellata tirrifjuta r-raġunament li Scooters India ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-aspettattivi leġittimi, peress li l-Komunikazzjoni Nru 4/03 ġiet ippubblikata wara l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni. Għall-Qorti Ġenerali, din il-komunikazzjoni kienet ta’ natura li tispjega l-prattika segwita sa dak iż-żmien mill-EUIPO u kienet tikkonsolidaha. Għaldaqstant, kellha tiġi applikata wkoll għall-interpretazzjoni tal-lista ta’ oġġetti li Scooters India kienet irreġistrat għalihom, fl-2002, it-trade mark Lambretta.

73.

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li s-sentenza appellata tassumi l-kriterju ta’ separazzjoni bejn l-applikazzjonijiet għal trade marks u t-trade marks diġà protetti, mingħajr ma għalhekk tipprova tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza IP Translator. Fid-dawl tal-interpretazzjoni tas-sentenza IP Translator mogħtija fil-punt b) tal-eżami ta’ dan l-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata bi ksur tal-kriterji stabbiliti f’din is-sentenza.

74.

Il-EUIPO seta’, għalhekk, japplika l-approċċ komprensiv għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, prinċipju inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u jeżamina l-intenzjoni ta’ Scooters India meta hija ppreżentat l-applikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Uffiċċju seta’ uża l-kriterju komprensiv għal trade marks irreġistrati qabel il-21 ta’ Ġunju 2012, u lanqas meta talbet li l-Bord tal-Appell jeżamina l-użu ġenwin minn Scooters India tat-trade mark Lambretta fir-rigward tal-ispare parts.

75.

Se nippreżenta ħsieb ieħor tal-aħħar: permezz tal-paragrafu 8 ġdid tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 207/2009 ( 52 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet fis-sistema, billi jagħti lill-proprjetarji tat-trade marks irreġistrati qabel it-22 ta’ Ġunju 2012, il-possibbiltà, sal-24 ta’ Settembru 2016, li jispeċifikaw l-intenzjoni tagħhom fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-rigward tal-prodotti jew servizzi imsemmija fl-intestatura tal-klassi li jaqgħu taħtha. Għalhekk huwa joffrilhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-approċċ komprensiv, sabiex jitneħħew id-dubji rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni materjali (oġġetti u servizzi) tad-drittijiet tagħhom fuq il-proprjetà industrijali. Indipendentement min-natura normattiva ta’ wieħed jew ieħor minn dawn l-istrumenti, l-Uffiċċju pprova jikseb l-istess riżultat permezz tal-Komunikazzjoni Nru 2/12.

76.

Għaldaqstant, ikun paradossali li, kif issostni Brandconcern, tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tuża l-istess approċċ bħal-leġiżlatur, meta, barra minn hekk, Scooters India għadha tista’ “tiċċara l-intenzjoni tagħha” quddiem l-EUIPO sabiex tikkonferma li din l-intenzjoni kienet l-istess bħal dik identifikata mill-Qorti Ġenerali. Għandu jiġi nnotat, barra minn hekk, li l-leġiżlatur jirrispetta wkoll is-sentenza IP Translator billi jillimita l-intervent tagħha għat-trade marks diġà rreġistrati qabel ma ngħatat din is-sentenza.

77.

Fil-qosor, peress li ma ġiex stabbilit il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a), meħud flimkien mal-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-ewwel aggravju ta’ Brandconcern għandu jiġi miċħud.

B – Dwar it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni minħabba inkonsistenza

78.

Iċ-ċaħda tal-ewwel aggravju titlob neċessarjament l-eżami tat-tieni wieħed, invokat b’mod sussidjarju minn Brandconcern.

1. Allegazzjonijiet tal-partijiet

79.

Brandconcern tattribwixxi “difett proċedurali” ( 53 ) lis-sentenza appellata li jirriżulta f’deċiżjoni ultra petita ( 54 ), għaliex il-Qorti Ġenerali invalidat id-deċiżjoni kkontestata minkejja li kienet ikkonstatat li Scooters India ma kinitx użat it-trade mark għall-prodotti fl-intestatura tal-klassi 12. Fil-fehma tagħha, is-sentenza appellata kellha tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda “vetturi; apparati għal-lokomozzjoni fuq l-art, fl-arja jew fuq l-ilma” u tannullaha biss sa fejn li din ma analizzatx l-użu mit-trade mark fir-rigward prodotti oħra tal-klassi 12, jiġifieri, l-ispare parts.

80.

L-EUIPO, iqis, fl-ewwel lok, li dan il-motiv ma huwiex ammissibbli, peress li Brandconcern ma indikatx il-punti tas-sentenza appellata fejn huwa espost li t-trade mark Lambretta ma kinitx intużat, b’mod ġenwin, għal vetturi jew apparati għal-lokomozzjoni msemmija. Peress li din il-kumpannija lanqas ma indikat il-bażi legali li kien ibbażat fuqhom dan il-motiv, l-EUIPO jemmen li ma japplikawx il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 21 u 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-appell ikun ammissibbli.

81.

Fuq il-mertu, l-Uffiċċju jsostni li l-Qorti Ġenerali annullat ġustament id-deċiżjoni kkontestata u rrinvijatha kif xieraq lill-Bord tal-Appell sabiex jivverifika l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark, fir-rigward tas-subkategorija tal-prodotti.

82.

Scooters India tqis, b’mod konformi mal-EUIPO, li ma jeżistix it-tieni żball ta’ liġi u li dan, fir-realtà, ma huwiex differenti mill-ewwel wieħed.

2. Eżami tal-aggravju

a) Dwar l-inammissibbiltà tiegħu

83.

Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Uffiċċju, inqis li l-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 21, moqri flimkien mal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u żviluppati fl-Artikolu 168 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha ma humiex neqsin. Minkejja li dawn ma ġewx speċifikati b’mod ċar ħafna, u lanqas ma ġie indikat, b’mod speċifiku, it-tip ta’ difett proċedurali li bih hija vvizzjata s-sentenza, inqis li l-ilment ta’ Brandconcern huwa ammissibbli, mill-inqas, meta tissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni tagħha marret lil hinn minn dak mitlub mill-appellanti.

84.

It-teżi ta’ dan it-tieni aggravju hija li jekk il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kienet tikkonċerna spare parts biss (u l-użu mit-trade mark għalihom), jista’ jiġi raġonevolment dedott, skont Brandconcern, li l-evalwazzjonijiet tal-EUIPO rigward il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark għall-vetturi u apparati għal-lokomozzjoni ma kinux ikkonċernati mill-annullament, li kellu jipprekludi li s-sentenza appellata tinvalida d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

85.

Din il-kritika timplika, finalment, li tiġi rrapportata inkonsistenza tal-qorti li ddeċidiet ultra petita ( 55 ) , li jfisser li t-tienu aggravju huwa ammissibbli.

b) Fuq il-mertu

86.

Fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju lanqas ma jista’ jintlaqa’ minħabba li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx id-difett proċedurali allegat kontriha.

87.

Scooters India talbet li l-Qorti Ġenerali tannulla l-“appell sal-punt li l-Bord tal-Appell kien ċaħad l-oġġezzjoni [tagħha] rigward il-prodotti tal-klassi 12” ( 56 ), mingħajr ma għamlet l-ebda distinzjoni f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali ma tiħux deċiżjoni ultra petita meta, fis-sentenza, tilqa’ din it-talba kif kienet ġiet ifformulata fir-rikors.

88.

Barra minn hekk, il-punt 44 tas-sentenza, li jirreferi għalih dan it-tieni aggravju, ma huwiex integrat fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni adottata mis-sentenza u, konsegwentement, ma huwiex influwenti biżżejjed fuq id-dispożittiv. Il-bażijiet legali li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jinstabu fil-punti preċedenti tas-sentenza msemmija ( 57 ). Fil-punt 44 tagħha, il-Qorti Ġenerali sempliċement tispjega, b’mod kważi pedagoġiku, lill-Bord tal-Appell it-tip ta’ eżami li “għandu” jitwettaq. Bl-istess mod, il-punt 43, li fih il-Qorti Ġenerali tordna wkoll lill-Bord tal-Appell li jiġi ggwidat mill-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Ansul ( 58 ), isaħħaħ dan it-ton didattiku.

89.

Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat għandha “[t]ieħu l-miżuri neċessarji sabiex [t]ikkonforma ruħ[ha] mas-sentenza”. Għal dan il-għan, hija għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tagħha, fis-sens li dawn ikunu indispendabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Dawn il-motivi jidentifikaw l-att speċifiku ddikjarat bħala illegali u jiżvelaw, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet preċiżi tal-illegalità, li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tissostitwixxi l-att annullat ( 59 ).

90.

Konsegwentement, il-Qorti ma għandhiex tindika lill-istituzzjoni inkwistjoni l-miżuri li din għandha tieħu ( 60 ), u dan ma jipprekludihiex milli tipprovdi ċerti linji gwida dwar kif wieħed għandu jipproċedi. Madankollu, f’dan l-aħħar każ, bħal fil-punt 44 tas-sentenza appellata, dawn il-linji gwida għandhom biss valur purament didattiku.

91.

Barra minn hekk, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi l-att annullat tista’ titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità u li l-annullament ta’ att Komunitarju ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji ( 61 ), b’tali mod li l-Bord tal-Appell jista’ josserva perfettament l-eżami tal-provi mwettaq fir-rigward tal-oġġetti tal-intestatura tal-klassi 12, jekk iqis li dan huwa xieraq.

92.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

VI – Spejjeż

93.

B’mod konformi mal-Artikolu 138(1) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti l-oħra. Billi ġie ssuġġerit lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija tiċħad dan l-appell, u billi dan ġie mitlub mill-EUIPO u Scooters India, Brandconcern għandha tħallas l-ispejjeż sostnuti, fl-appell preżenti, miż-żewġ partijiet appellati.

VII – Konklużjoni

94.

Fid-dawl tar-raġunamenti preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

tiċħad l-appell ippreżentat minn Brandconcern BV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2014, fil-Kawża T‑51/12, Scooter Indja vs UASI — Brandconcern (LAMBRETTA).

2)

tikkundanna lil Brandconcern BV għall-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u minn Scooters India Ltd.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) L-inizjali tal-isem tiegħu bl-Ingliż (European Union Intellectual Property Office) jintużaw biex jiġi indikat fil-lingwi l-oħra kollha.

( 3 ) Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Recueil des traités des Nations unies, vol. 1154, Nru I‑18200, p. 89; iktar ’il quddiem, “Klassifikazzjoni ta’ Nice”, “Ftehim” jew, sempliċiment, “Klassifikazzjoni”).

( 4 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, EU:C:2012:361. Is-sentenza hija magħrufa b’riferiment għas-sinjal verbali li kien is-suġġett tagħha: “IP Translator”.

( 5 ) Dwar is-sentenza IP Translator, ara l-punti 53 et seq.

( 6 ) Asunto T‑51/12, EU:T:2014:844, mhux ippubblikata.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

( 8 ) Regolament (UE) Nru 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21).

( 9 ) Jew inkella “trade mark tal-Unjoni”, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2015/2424. Se nuża ż-żewġ termini mingħajr distinzjoni “trade mark tal-Unjoni Ewropea” jew “trade mark tal-Unjoni”.

( 10 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 355/2009, tal-31 ta’ Marzu 2009 (ĠU 2009, L 109, p. 3); iktar ’il quddiem, se nuża ż-żewġ termini mingħajr distinzjoni “regolament ta’ applikazzjoni” u “regolament ta’ implementazzjoni”.

( 11 ) Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-Uffiċċju tas-16 ta’ Ġunju 2003, dwar l-użu tal-intestaturi tal-klassijiet fil-lista ta’ oġġetti u servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji.

( 12 ) Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

( 13 ) Komunikazzjoni Nru 2/12 tal-President tal-EUIPO, tal-20 ta’ Ġunju 2012, bl-istess titolu bħall-komunikazzjoni preċedenti, il-Komunikazzjoni Nru 4/03, li hija ħassret u ssostitwiet. It-tħassir tal-Komunikazzjoni Nru 2/12 għandha ssir fi stadji: l-ewwel parti, mit-23 ta’ Marzu 2016 u l-bqija, mill-25 ta’ Settembru tal-istess sena, meta tiġi ssostitwita bil-Komunikazzjoni Nru 1/2016 President tal-Uffiċċju, tat-8 ta’ Frar 2016, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

( 14 ) Fir-risposta tagħha, Scooters India tafferma li l-applikazzjoni talbet l-anzjanità ta’ ħames reġistrazzjonijiet ta’ trade marks fir-Renju Unit, b’mod partikolari, it-trade mark Nru 874581 għall-vetturi bil-mutur, trakkijiet bil-mutur, roti u partijiet aċċessorji tagħhom inklużi fil-klassi 12, kif ukoll reġistrazzjoni fl-Italja.

( 15 ) Skont il-punt 7 tas-sentenza appellata, Scooters India rtirat it-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tal-klassijiet l-oħra ta’ oġġetti u servizzi.

( 16 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

( 17 ) Fl-istess data, il-Bord tal-Appell ċaħad ukoll appell ta’ Brandconcern kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

( 18 ) Punti 18 et seq tas-sentenza appellata.

( 19 ) Fir-riferiment għal dawn iż-żewġ approċċi, jintużaw spiss il-frażijiet bl-Ingliż “class-heading-covers-all-approach”, għall-kriterju komprensiv, u “class-heading-means-what-it-says-approach”, għall-kriterju letterali. Ara, pereżempju, Kramer, F., “§32”, f’Ekey/Bender/Fuchs-Wisseman (directores), Markenrecht, (vol. I), it-tielet edizzjoni, ed. C.F. Müller, 2015, p. 65, punt 649.

( 20 ) Hija kkwotat, b’mod partikolari, il-punt 56 ta’ din is-sentenza, skont liema d-Direttiva 2008/95 ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, sabiex jiġu identifikati l-oġġetti u s-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark, sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni mitluba.

( 21 ) Punt 61 tas-sentenza IP Translator.

( 22 ) Punti 27 sa 34 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Punti 35 sa 38 tas-sentenza appellata.

( 24 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, b’mod partikolari, punti 40 sa 43.

( 25 ) Ara n-nota preċedenti, kif ukoll il-punt 44 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Għalkemm l-appellanti ressqet, fuq bażi preliminari, allegazzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tat-trade mark Lambretta għal spare parts minn Scooters India, dawn ma jissemmewx għaliex ma jidhirx li huma rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel motiv.

( 27 ) Ara l-punt 34 tas-sentenza appellata.

( 28 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01; EU:C:2003:145, punt 37.

( 29 ) Ibidem, punti 36 sa 42.

( 30 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 31 ) Sentenzi tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14; EU:C:2015:216, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata (sentenza ta’ ċaħda); u tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 103 (sentenza li tilqa’ t-talba).

( 32 ) Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10; EU:C:2012:657, punti 90 u 91; kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C‑292/04, EU C:2007:132, punt 37.

( 33 ) Iktar dettalji fil-punti 22 sa 29 tas-sentenza, li jagħtu sommarju tal-fatti ta’ dik il-kawża.

( 34 ) Mill-punt 33 tas-sentenza jirriżulta li dan l-Uffiċċju tbiegħed, b’mod eċċezzjonali u uniku, mill-prattika normali tiegħu, li kienet dik tal-approċċ letterali.

( 35 ) Iċ-Chartered Institute of Patent Attorneys (CIPA).

( 36 ) Punti 38 sa 49 tas-sentenza IP Translator.

( 37 ) Punti 50 sa 56 tas-sentenza IP Translator.

( 38 ) Punti 57 sa 63 tas-sentenza IP Translator.

( 39 ) Fil-każ tat-trade mark tal-Unjoni, dan l-obbligu jinsab fl-Artikolu 26(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll fir-regola 2 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Is-sentenza IP Translator interpretat id-Direttiva 2008/95, li ma kinitx tinkludi dispożizzjoni simili.

( 40 ) Dan kien jinqara kif ġej: “Huwa neċessarju jew permessibbli li tali użu ta’ termini ġenerali tal-intestaturi tal-klassijiet tal-imsemmija klassifikazzjoni […] jiġi interpretat skont il-Komunikazzjoni Nru 4/034/03 […]?”, fejn din il-komunikazzjoni b’mod paradigmatiku ħadet l-approċċ komprensiv.

( 41 ) F’din l-evalwazzjoni naqbel ma’ Pohlmann, A., “The Interpretation of the Nice Class headings in the European Union, or the Art of One Hand Clapping”, The Trademark Reporter, Vol. 15, Nru 4, INTA, Lulju-Awwissu 2015, p. 815 et seq, b’mod partikolari p. 828.

( 42 ) Punt 61 tas-sentenza.

( 43 ) Ara b’mod partikolari l-punti 38 u 42 tas-sentenza.

( 44 ) Punt 45 tas-sentenza, moqri flimkien mal-punti 43 u 44.

( 45 ) L-obbligu jestendi għas-sentenza kollha u jinsab kemm fl-ambitu tat-tieni domanda preliminari (meta l-Qorti tal-Ġustizzja timponih f’każijiet fejn l-applikant jidentifika l-oġġetti u s-servizzi li hija mixtieqa l-protezzjoni tagħhom b’riferiment għall-Klassifikazzjoni), kif ukoll f’dak tat-tielet domanda preliminari (meta l-Qorti tal-Ġustizzja titlob li, f’dawn il-każijiet, l-applikant jispeċifika jekk huwiex jirreferi għall-oġġetti u s-servizzi kollha fil-lista alfabetika tal-klassi msemmija jew għal xi wħud minnhom biss). Ara l-punti 53 u 61, rispettivament, tas-sentenza.

( 46 ) Punt 47 tas-sentenza.

( 47 ) Punt 55 tas-sentenza.

( 48 ) Li jipprovdi: “[…] sitwazzjoni fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tiddependi mill-approċċ interpretattiv adottat mill-awtorità kompetenti u mhux mir-rieda effettiva tal-applikant tirriskja li tikser iċ-ċertezza legali kemm għall-imsemmi applikant kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi terzi”.

( 49 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77.

( 50 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:2004:384, punt 29.

( 51 ) Punt 27.

( 52 ) Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Punt 99 tal-appell.

( 54 ) Nirrikonoxxi li wasalt għal din il-konklużjoni wara qari pro actione tat-tieni aggravju, li r-raġunament tiegħu huwa kemxejn kumpless, u wara li l-appellanti ġiet mistoqsija, speċifikament, fuq dan il-punt waqt is-seduta.

( 55 ) L-avukat ta’ Brandconcern ammetta, fl-att tas-seduta, li l-“iżball proċedurali” jista’ jiġi deskritt bħala deċiżjoni ultra petita. Dan l-iżball jista’ jiġi invokat perfettament f’appell; ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Siemens Österreich et u Siemens Transmission & Distribution et vs Il‑Kummissjoni, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 115 et seq.

( 56 ) Kif huwa ddikjarat fil-punt 7 tas-sentenza appellata.

( 57 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Il‑Kummissjoni u Franza vs TF1, C‑302/99 P u C‑308/99 P, EU:C:2001:408, punti 26 sa 29.

( 58 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, C‑40/01, EU:C:2003:145.

( 59 ) Sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Asteris AE, 97/86, EU:C:1988:199, punt 27; u tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29.

( 60 ) Sentenza tal-25 ta’ Mejju 1993, Foyer culturel du Sart-Tilman vs Il‑Kummissjoni, C‑199/91; EU:C:1993:205, punt 17.

( 61 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, EU:C:1998:533, punti 31 u 32, u l-ġurisprudenza ċċitata.