KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-31 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

Kawża C‑573/14

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

vs

Mostafa Lounani

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju)]

“Qasam ta’ libertá, sigurtá u ġustizzja — ażil — Standards minimi għall-kwalifika u għall-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati — Direttiva 2004/83/KE — Artikolu 12(2)(c) — Kundizzjonijiet għall-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat — Kunċett ta’ ‘atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ — Tifsira ta’ instigazzjoni jew parteċipazzjoni skont l-Artikolu 12(3) — Deċiżjoni kwadru 2002/475/ĠAI — Artikoli 1 u 2 — Jekk kundanna għal reati ta’ terroriżmu hijiex rekwiżit għal esklużjoni minn status ta’ refuġjat — Evalwazzjoni tar-raġunijiet għal esklużjoni”

1. 

F’din il-Kawża l-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju) jitlob gwida dwar l-interpretazzjoni tar-raġunijiet li għalihom l-Istati Membri jistgħu jeskludu persuna minn status ta’ refuġjat skont id-Direttiva dwar il-Kwalifika ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk (u, jekk huwa hekk, sa fejn) il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw esklużjoni minn status ta’ refuġjat f’din id-Direttiva huwiex iddeterminat mid-Deċiżjoni kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu ( 3 ) Meta applikant għal status ta’ refuġjat ikun membru ewlieni ta’ grupp terroristiku, ikun jeħtieġ li huwa jinstab ħati ta’ reat skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kwadru sabiex japplikaw ir-raġunijiet għal esklużjoni minn status ta’ refuġjat skont id-Direttiva dwar il-Kwalifika? Kundanna minħabba parteċipazzjoni f’organizzazzjoni terroristika tfisser li huwa għandu jiġi eskluż awtomatikament milli jitqies għal status ta’ refuġjat? Jekk le, x’inhuma l-kriterji li awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw fl-evalwazzjoni tagħhom dwar jekk huwa għandux jiġi hekk eskluż? Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, ikun meħtieġ jiġi stabbilit fejn ikun hemm il-bilanċ bejn it-tweġiba tal-Istati Membri għal atti terroristiċi u l-obbligi tagħhom li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirriflettu r-regoli tad-dritt internazzjonali li jipproteġu l-istatus ta’ refuġjati.

Dritt internazzjonali

Karta tan-tan-Nazzjonijiet Uniti

2.

Il-premessi tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ( 4 ) jistabbilixxu ċerti għanijiet tal-Istati firmatarji. Il-Kapitolu I jirreġistra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawk il-prinċipji jirreferu għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u għall-ħtieġa li jittieħdu miżuri effettivi għal dak l-għan għall-prevenzjoni u t-tneħħija ta’ theddid għall-paċi u għat-trażżin ta’ atti ta’ aggressjoni jew ksur ieħor tal-paċi u għat-teħid ta’ miżuri xierqa għat-tisħiħ tal-paċi universali (Artikolu 1). Barra dan, il-membri tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jaghtu kull assistenza lil kull azzjoni li n-NU tieħu skont il-Karta tagħha (Artikolu 2) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU

3.

Fit-28 ta’ Settembru 2001, bi tweġiba għall-attakki terroristiċi magħmula fil-11 ta’ Settembru 2001 fi New York, Washington u Pennsylvania, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) abbażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-premessi dik ir-Riżoluzzjonijaffermaw mill-ġdid “il-ħtieġa tal-ġlieda b’kull mezz, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi”. Skont il-punt 5 ta’ din ir-Riżoluzzjoni, huwa ddikjarat li “atti, metodi u prattika ta’ terroriżmu huma atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u […] l-iffinanzjar, l-ippjanar u l-inċitament intenzjonati ta’ atti terroristiċi huma wkoll atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4.

Fit-12 ta’ Novembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1377 (2001), li fiha huwa “[j]isħaqq li atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u li l-iffinanzjar, l-ippjanar u t-tħejjija ta’, kif ukoll kull forma oħra ta’ sostenn ta’ atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma bl-istess mod kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji ta’ [din il-Karta] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

5.

Fl-14 ta’ Settembru 2005 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1624 (2005), li fiha huwa jafferma mill-ġdid li l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu hija indispensabbli, u jisħaq ukoll li l-Istati għandhom jiżguraw li kull miżura meħuda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun konformi mal-obbligi kollha tagħhom skont id-dritt internazzjonali; tali miżuri għandhom ikunu adottati f’konformità ma’, inter alia, id-dritt dwar ir-refuġjati u mad-dritt umanitarju.

6.

Fl-24 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 2178 (2014).Hemm jagħmel sejħa lill-Istati, f’konformità mad-dritt internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati inter alia, sabiex jiżguraw li l-istatus ta’ refuġjat ma jkunx abbużat minn awturi ta’ reati, organizzaturi jew minn min jiffaċilita atti terroristiċi. Ir-Riżoluzzjoni tgħid ukoll (fil-paragrafu 5) li: “L-Istati Membri […] ma għandhomx iħallu u għandhom irażżnu r-reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport u t-tgħammir ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan li jikkommettu, jippjanaw jew iħejju, jew jipparteċipaw f’atti terroristiċi jew li jħarrġu jew jitħarrġu f’atti terroristiċi, u l-finanzjament tal-vjaġġi jew tal-attivitajiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7.

Filwaqt li dawn ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (iktar ’il quddiem “UNSCR”) jidentifikaw attivitajiet li għandhom jitqiesu li jkunu kuntrarji għall-miri u l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, ma hemmx definizzjoni ġenerali fid-dritt internazzjonali ta’ terroriżmu jew terrorist ( 5 ).

Il-Konvenzjoni ta ’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati

8.

Skont l-Artikolu 1A.(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ( 6 ), li għaliha d-Direttiva dwar il-Kwalifika tagħmel riferiment, il-kelma “refuġjat” għandha tapplika għal kull persuna li, “minħabba biża’ fondat sewwa ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, ċittadinanza, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika, tkun barra mill-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha u ma tkunx tista’ jew, minħabba tali biża’, ma tkunx trid tikseb għaliha nfisha l-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.

L-Artikolu 1F.(c) jgħid li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ma tapplikax għal kull persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm raġunijiet gravi sabiex titqies li tkun instabet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti ( 7 ).

Dritt tal-Unjoni

Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

10.

L-Artikolu 2 TUE għandu lista ta’ valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni: dawn jinkludu rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem. L-Artikolu 3(5) TUE jgħid li fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi dawn il-valuri u meta tagħmel hekk hija għandha tikkontribwixxi għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, inkluża r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

11.

L-Artikolu 78(1) TFUE jgħid: “L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u mal-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti.”

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

12.

L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 8 ) jiggarantixxi d-dritt għal ażil bl-osservanza kif imiss tar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u skont it-Trattati.

13.

It-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni ta’ persuna lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li tkun soġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti huma pprojbiti skont l-Artikolu 19(2).

Id-Deċiżjoni Kwadru

14.

Id-Deċiżjoni Kwadru introduċiet definizzjoni komuni ta’ reati ta’ terroriżmu. L-Artikolu 1 jgħid li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-atti elenkati fih, kif imfissra bħala reati skont il-liġi nazzjonali, jitqiesu li jkunu reati ta’ terroriżmu meta jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet ( 9 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma li atti jitwettqu b’mod intenzjonali u minħabba n-natura u l-kuntest tagħhom, jistgħu jagħmlu ħsara serja lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, meta dawn isiru bl-iskop illi: (i) jintimidaw b’mod serju lil popolazzjoni, jew (ii) b’mod illeċitu jġiegħlu lil Gvern jew organizzazzjoni internazzjonali li jagħmlu jew jonqsu milli jagħmlu xi att, jew (iii) jiddestabbilizzaw jew ikissru l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali.

15.

Skont l-Artikolu 2(2)(a) u (b) rispettivament, it-tmexxija ta’ grupp terroristiku jew il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku wkoll jikkostitwixxu reati.

Id-Direttiva dwar il-Kwalifika

16.

Il-premessi tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jgħidu li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tipprovdi l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati ( 10 ). Għan ewlieni tad-direttiva huwa li jkun żgurat li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni sabiex jidentifikaw persuni li ġenwinament ikunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali ( 11 ). Huwa ċar li r-rispett għad-drittijiet fundamentali u, partikolarment, l-osservanza tal-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta, bħar-rispett sħiħ għad-dinjita’ tal-bniedem u għad-dritt għal ażil, huma fost l-għanijiet segwiti ( 12 ). Konsultazzjonijiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (iktar ’il quddiem “l-UNHCR”) huma magħrufa bħala li jipprovdu gwida siewja għall-Istati Membri meta jiddeterminaw status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ( 13 ).

17.

Il-premessa 22 tgħid: “Atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċiji tan-Nazzjonijiet Uniti huma dikjarati fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti u huma, fost oħrajn, ġor-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, li jiddikjaraw li ‘atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‘finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’.”

18.

L-Artikolu 2(c) jipprovdi li “‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’,din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih”.

19.

Skont l-Artikolu 4(3), l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali ( 14 )

20.

L-Artikolu 12 għandu bħala titolu “Esklużjoni” u jagħmel parti mill-Kapitolu III, li huwa stess għandu bħala titolu “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”. Ir-raġunijiet għal esklużjoni minn status ta’ refuġjat huma elenkati fl-Artikolu 12(2) u (3), li jgħid:

“2.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serja li jitqiesu li:

[…]

(c)

huwa jew hija kienu ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.   Paragrafu 2 japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew atti msemmija fih.” ( 15 )

21.

Skont l-Artikolu 21 l-Istati Membri huma soġġetti għal obbligu ta’ non-refoulement. Dan l-obbligu huwa soġġett għal eċċezzjonijiet limitati ħafna, l-iktar meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex il-persuna inkwistjoni titqies li tkun ta’ periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija jew huma preżenti jew jekk dik il-persuna tkun instabet ħatja minn ġudizzju finali ta’ delitt partikolarment serju u huwa jew hija jikkostitwixxu periklu għall-Komunità ta’ dak l-Istat Membru ( 16 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

22.

Mostafa Lounani (iktar ’il quddiem “Lounani”) huwa ċittadin Marokkin. Jidher li kien wasal il-Belġju xi darba fl-1997 u minn dak iż-żmien lil hawn kien residenti hemmhekk illegalment.

23.

Fis-16 ta’ Frar 2006 it-Tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell) (iktar ’il quddiem “it-Tribunal correctionnel”) kien sab lil Lounani ħati li kien ipparteċipa fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, iċ-ċellula Belġjana tal-“Grupp Marokkin ta’ Ġellieda Islamiċi” (iktar ’il quddiem “il-GMĠI”), bħala wieħed mill-membri ewlenin tagħha. Kien instab ħati li kien ikkommetta l-atti li ġejjin: (i) “ipprovda għajnuna loġistika lil grupp terroristiku”; (ii) “iffalsifika passaporti” u “ittrasferixxa passaporti b’mod frawdolenti”; u (iii) “parteċipazzjoni attiva fl-organizzazzjoni ta’ kanal sabiex jintbagħtu voluntiera l-Iraq”. It-Tribunal correctionnel qies li dawk l-atti kienu jikkostitwixxu reati gravi u, għaldaqstant, ikkundannah għal terminu ta’ sitt snin priġunerija. Kien ordnat ukoll iħallas multa ta’ EUR 2000, u fil-każ li kien jonqos kien ikun soġġett għal terminu ulterjuri ta’ xahrejn priġunerija.

24.

Fis-16 ta’ Marzu 2010 Lounani applika għal status ta’ refuġjat mingħand l-awtoritajiet Belġjani. Sostna li kien jibża’ minn persekuzzjoni kieku kellu jintbagħat lura l-Marokk, għaliex minħabba l-kundanna tiegħu huwa seta’ jiġi kklassifikat mill-awtoritajiet Marokkini bħala radikali Iżlamiku u ġiħadista.

25.

Fit-8 ta’ Diċembru 2010 il-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides [kummissarju ġenerali għar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat (iktar ’il quddiem “is-CGRA”)] irrifjuta l-applikazzjoni tiegħu. B’sentenza bid-data tat‑12 ta’ Frar 2013, il-Conseil du contentieux des étrangers [kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni (iktar ’il quddiem “is-CCE”)] annulla din id-deċiżjoni fl-appell u Lounani ngħata status ta’ refuġjat.

26.

Is-CGRA appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat). F’dawn il-proċeduri s-CGRA jissottometti, inter alia, li l-GMĠI kien iddaħħal fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tan-NU fl-10 ta’ Ottubru 2002 ( 17 ). Il-GMĠI huwa organizzazzjoni terroristika b’rabta mal-Al-Qaeda li kkommetta atti terroristiċi kontra korpi internazzjonali. It-Tribunal correctionnel sab ħati lil Lounani ta’ parteċipazzjoni fl-attività ta’ grupp terroristiku, ta’ komplott kriminali sabiex jiġu attakkati persuni u proprjetà, li kien il-kap ta’ ċellula li kienet tipprovdi għajnuna loġistika lit-terroriżmu, li kien jipprovdi lil attivisti Iżlamiċi b’dokumenti foloz, falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz u residenza illegali. Is-CGRA jissottometti li eżami sħiħ tal-fajl ta’ Lounani jwassal għall-konklużjoni inevitabbli li l-GMĠI kien ikkommetta reati ta’ terroriżmu speċifiċi u li Lounani kellu x’jaqsam f’dawk l-atti abbażi tas-sentenza tat-Tribunal correctional u tal-kundanna tiegħu tas-16 ta’ Frar 2006.

27.

Lounani jissottometti li, minn naħa, hemm differenza kruċjali bejn reat terroristiku kif iddefinit minn u magħmul soġġett għal pieni fil-liġi kriminali Belġjana, u, min-naħa l-oħra, reat terroristiku li jista’ jiġi interpretat bħala att kuntrarju għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti li jippermetti li persuna tiġi eskluża minn protezzjoni internazzjonali skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Fil-fehma tiegħu s-sentenza tat-Tribunal correctionnel ma tindikax li huwa kien ikkommetta att terroristiku speċifiku li jaqa’ f’din l-aħħar imsemmija kategorija. Huwa kien instab ħati li kien jappartjeni lil grupp terroristiku li ma kkommettiex, ma ppruvax jikkommetti jew hedded li jikkommetti attakk. Wisq inqas ma kien instab ħati li kkommetta att terroristiku ta’ grad ta’ gravità li jixħet dubju dwar il-bażi nfisha tal-koeżistenza tal-komunità internazzjonali taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti.

28.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li s-CCE kien korrett meta qal fis-sentenza tiegħu (fil-punt 5.9.2) li Lounani kien instab ħati li kien ipparteċipa fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Deċiżjoni Kwadru ( 18 ), iżda li ma kienx instab ħati li kien ikkommetta atti terroristiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru ( 19 ). Is-CCE qal fil-punt 5.9.7 tas-sentenza tiegħu: “lanqas ma kien beda jiġi stabbilit l-inqas element ta’ att speċifiku kopert minn dan it-tip ta’ reat min-naħa tal-GMĠI, jew ir-realtà ta’ att personali mill-applikant, li kien jagħti lok għar-responsabbiltà individwali tiegħu, immirat lejn twettiq ta’ tali att” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

29.

Il-qorti tar-rinviju qiegħda tara li tkun ċerta preċiżament x’għandhom jistabbilixxu l-awtoritajiet kompetenti sabiex ir-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(c) u (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika japplikaw. Għalhekk hija talbet għal deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“(1)

Il-punt (ċ) tal-Artikolu 12(2) [tad-Direttiva dwar il-Kwalifika] għandu jiġi interpretat bħala li neċessarjament jimplika, sabiex il-klawżola ta’ esklużjoni li huwa jipprevedi tkun tista’ tapplika, li l-applikant għall-ażil ikun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) [tad-Deċiżjoni Kwadru] li ġiet trasposta fil-Belġju permezz tal-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar ir-reati terroristiċi?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, fatti, bħal dawk imsemmija fil-punt 5.9.2. tas-sentenza kkontestata (sentenza Nru 96.933 tas-[CCE]), mogħtija fit‑12 ta’ Frar 2013, li huma imputati fuq il-konvenut permezz tad-deċiżjoni tat-[Tribunal correctionnel] tas-16 ta’ Frar 2006 u li għalihom huwa ġie kkundannat għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni terroristika, jistgħu jitqiesu bħala aġir li jmur kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-punt (ċ) tal-Aritkolu 12(2) [tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki]?

(3)

Fil-kuntest tal-eżami tal-esklużjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali [minħabba] l-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni terroristika, il-kundanna bħala membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika, li tikkonstata li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali la kien wettaq, u lanqas ma pprova jwettaq jew hedded li jwettaq att terroristiku, hija biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ att ta’ parteċipazzjoni jew ta’ instigazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 12(3) [tad-Direttiva dwar il-Kwalifika], imputabbli għall-applikant, jew, huwa neċessarju li jsir eżami individwali tal-fatti tal-kawża u li tintwera l-parteċipazzjoni fit-twettiq ta’ reat terroristiku jew l-instigazzjoni ta’ reat terroristiku ddefinit fl-Artikolu 1 [tad-Deċiżjoni Kwadru]?

(4)

Fil-kuntest tal-eżami tal-esklużjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni terroristika, jekk ikun il-każ bħala mexxej, l-att ta’ instigazzjoni jew ta’ parteċipazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 12(3) [tad-Direttiva dwar il-Kwalifika], għandu jkun relatat mat-twettiq ta’ reat terroristiku kif iddefinit fl-Artikolu 1 [tad-Deċiżjoni Kwadru] dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, jew jista’ jkun relatat mal-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku, imsemmi fl-Artikolu 2 [ta’ din id-deċiżjoni]?

(5)

Fil-qasam tat-terroriżmu, l-esklużjoni tal-protezzjoni internazzjonali, prevista fl-Artikolu 12(2)(ċ) [tad-Direttiva dwar il-Kwalifika] hija possibbli fl-assenza ta’ twettiq, ta’ instigazzjoni jew ta’ parteċipazzjoni f’att vjolenti, ta’ natura partikolarment krudili, kif imsemmi fl-Artikolu 1 [tad-Deċiżjoni Kwadru]?”

30.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mis-CGRA, minn Lounani, mill-Gvernijiet tal-Belġju, ta’ Franza, tal-Greċja, tal-Ungerija, tal-Italja, tal-Polonja, ta’ Spanja u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2016 l-istess partijiet, ħlief għall-Gvernijiet tal-Ungerija, tal-Italja u tal-Polonja, ippreżentaw sottomissjonijiet orali.

Evalwazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

31.

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra hija strument ħaj li għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ kundizzjonijiet attwali u skont żviluppi fid-dritt internazzjonali ( 20 ). L-UNHCR jaqdi funzjoni partikolari skont il-Konvenzjoni billi jipprovdi gwida għal Stati meta jiddeterminaw status ta’ refuġjat ( 21 ). Id-Direttiva dwar il-Kwalifika għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-iskema u tal-għan ġenerali ta’ din il-Konvenzjoni ( 22 ).

32.

Id-dritt dwar ir-refuġjati ċertament għandu rabta mill-qrib mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Dan huwa rifless fl-Artikolu 18 tal-Karta li jiggarantixxi d-dritt għal ażil fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u skont it-Trattati. Kif kien mistenni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li d-Direttiva dwar il-Kwalifika għandha tiġi interpetata b’mod li jkunu rrispettati drittijiet fundamentali u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta ( 23 ).

33.

L-effett tal-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika huwa li jċaħħad applikant mill-protezzjoni ta’ status ta’ refuġjat; u, għalhekk, jikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dritt għal ażil b’rabta ma’ persuna li mod ieħor kienet tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ protezzjoni ( 24 ). Fl-interpretazzjoni ta’ dawn il-klawżoli l-approċċ li għandu jittieħed għandu, għaldaqstant, ikun wieħed kawt u huma għandhom jiġu interpretati restrittivament ( 25 ).

34.

Madankollu, meta jkun japplika l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, dan ma jimplikax neċessarjament li l-persuna kkonċernata tista’ tintradd lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħha (jew tabilħaqq band’oħra) jekk, pereżempju, il-projbizzjoni kontra t-tortura jew id-dritt tagħha li ma tkunx issoġġetta għal trattament jew piena inumani jew degradanti jkunu f’riskju li jinkisru ( 26 ). L-Istati Membri jibqgħu soġġetti għall-obbligu li josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement skont l-obbligi internazzjonali tagħhom ( 27 ).

35.

Huwa importanti li wieħed iżomm ċar f’moħħu li dan ir-riferiment fil-fatt jagħmel u ma jagħmilx stedina lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi.

36.

Id-domanda (diffiċli) ta’ x’inhi jew x’ma hijiex organizzazzjoni terroristika fid-dritt internazzjonali mhix qiegħda titqajjem mill-qorti tar-rinviju ( 28 ). L-inqas ma kien ikkontestat il-fatt li l-GMĠI kien ġie inkluż fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tan-NU skont l-UNSCR 1390 (2002) fid-dokumentazzjoni ppreżentata lil din il-Qorti tal-Ġustizzja. Kif nifhimha jiena, dawn il-proċeduri għandhom, għalhekk, neċessarjament jitmexxew abbażi li l-GMĠI bħala tali huwa kkategorizzat validament min-NU bħala organizzazzjoni “terroristika”.

37.

Huwa ċar li, mill-ordni għal riferiment, is-sentenza li biha Lounani kien instab ħati kriminalment kienet dwar reati li ma implikawhx direttament fil-kommissjoni ta’ ebda wieħed mir-reati li “jitqiesu bħala reati terroristiċi” kif elenkati fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru. Skont id-dokumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, il-GMĠI għandu eżattament ikun ikkaratterizzat bħala “grupp terroristiku” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni kwadru; u l-attivitajiet ta’ Lounani’s jistgħu sewwasew jinqabdu mill-Artikolu 2(2) [jew forsi mill-Artikolu 3 (ċ)] tad-Deċiżjoni kwadru.

38.

Iżda dawn huma d-domandi tajbin li wieħed għandu jistaqsi, wara kollox? X’inhija r-rabta bejn id-Deċiżjoni Kwadru u d-Direttiva dwar il-Kwalifika? U hemm indikazzjonijiet – li awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkun jeħtiġilhom jivvalutaw, dejjem bla ħsara għall-ġurisdizzjoni ta’ superviżjoni tal-qrati nazzjonali bħala arbitri dwar fatti – li l-attivitajiet speċifiċi li għalihom Lounani kien instab ħati huma “għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” minħabba li l-frażi ta’ spjegazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (“kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti”) għandha tkun interpretata bħala li tiġbor fiha dokumentazzjoni internazzjonali oħra li b’mod ċar identifikat “atti relatati mat-terroriżmu” partikolari bħala li huma “kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”?

Il-Kawża B u D

39.

Fil-Kawża B u D ( 29 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tagħti risposti għal domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il-Ġermanja) li oriġinaw minn proċeduri miġjuba minn żewġ persuni li manifestament, qabel ma kienu waslu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, kienu involuti attivament f’attivitajiet assoċjati ma’ gruppi li kienu elenkati fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 30 ) dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. B kien jissimpatizza ma’ Dev Sol (attwalment DHKP/C) u kien jappoġġa taqbid ta’ gwerrilja armata fil-muntanji tat-Turkija, u kien arrestat, bata minn abbuż fiżiku gravi u kien imġiegħel jagħmel dikjarazzjoni taħt tortura. Kien instab ħati darbtejn għal għomru l-ħabs. Kien ħa vantaġġ minn libertà kundizzjonata għal sitt xhur mill-ħabs għal raġunijiet ta’ saħħa sabiex iħalli t-Turkija u jitlaq għall-Ġermanja, fejn applika għal ażil. D kien iddikjara insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal ażil li huwa kien ħarab lejn il-muntanji fit-Turkija fejn kien ingħaqad mal-PKK, u li kien ġellied tal-gwerrilja għal dik l-organizzazzjoni u wieħed mill-uffiċjali anzjani tagħha. Il-PKK kienet bagħtitu fl-Iraq tat-Tramuntana, iżda sussegwentement huwa kien kisirha mal-mexxejja tagħha; kien imbagħad mar joqgħod fil-Ġermanja, fejn għall-bidu kien ingħata ażil; madankollu, wara bidla fil-liġi nazzjonali, dik id-deċiżjoni kienet ġiet irrevokata ( 31 ). Id-dritt tal-applikanti sabiex jiksbu status ta’ refuġjat (B) jew sabiex iżommu status ta’ refuġjat (D) kien jiddependi mill-interpretazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

40.

L-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “atti ta’ natura terroristiċi [li hija ma ddefinitx], li huma kkaratterizzati mill-vjolenza tagħhom kontra l-popolazzjoni ċivili, anki jekk huma kommessi b’għan allegatament politiku, għandhom jiġu kkunsidrati bħala delitti serji mhux politiċi fis-sens tal-imsemmi Artikolu 12(2)(b) [tad-Direttiva dwar il-Kwalifika]”.

41.

Sa fejn kellu x’jaqsam l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-premessa 22 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika tidentifika “atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” b’riferiment għall-premessi u għall-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li huma fost l-atti identifikati fir-Riżoluzzjonijiet tan-NU b’rabta ma’ “miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali”. Dawn il-miżuri jinkludu r- Riżoluzzjonijiet 1373 (2001) u 1377 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Kien, għalhekk. “jirriżulta li l-imsemmi Kunsill jitlaq mill-prinċipju li l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma, b’mod ġenerali u indipendentement mill-parteċipazzjoni ta’ Stat, kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” ( 32 ).

42.

Nerġa’ mmur lura iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet għal elementi oħra tas-sentenza fil-Kawża B u D li huma rilevanti għall-analiżi ta’ dan ir-rinviju. Huwa, madankollu, importanti jiġi nnotat mill-bidu nett li dan ir-rinviju huwa differenti b’mod sinjifikattiv mill-Kawża B u D.

43.

Minn naħa jidher mill-fatti li, kien x’kien preċiżament stabbilit jew mhux stabbilit fir-rigward tal-GMĠI li wassal sabiex huwa jiġi elenkat fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tan-NU fl-10 ta’ Ottubru 2002, Lounani nnifsu kien instab ħati li pparteċipa f’organizzazzjoni terroristika, iżda ma kienx instab ħati ta’ att terroristiku speċifiku. Ir-reati li għalihom kien instab ħati (li pprovda għajnuna loġistika lil grupp terroristiku, li ffalsifika u pprovda passaporti, li pparteċipa sabiex jiġi organizzat kanal sabiex jintbagħtu voluntiera fl-Iraq) lanqas ma kellhom rabta ma’ kommissjoni ta’att terroristiku speċifiku mill-GMĠI.

44.

Min-naħa l-oħra, atti meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ B u D kienu atti fl-imgħoddi kommessi f’pajjiż terz. Għall-kuntrarju, l-atti li wasslu għall-kundanna ta’ Lounani kienu kommessi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu estiż meta kien residenti illegalment fil-Belġju; u l-applikazzjoni tiegħu għal ażil kienet saret waqt li kien qiegħed jiskonta s-sentenza tiegħu ta’ sitt snin ħabs fir-rigward ta’ din il-kundanna.

Fuq id-domanda 1

45.

Skont l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, applikant għal status ta’ refuġjat ikun eskluż minn protezzjoni meta huwa “[…] [kien ħati] ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti”. Permezz tad-Domanda 1 il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din ir-raġuni għal esklużjoni setgħetx tapplika biss meta applikant għal ażil ikun instab ħati ta’ wieħed mir-reati ta’ terroriżmu elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru.

46.

L-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jirrifletti u jespandi ftit fuq il-kliem tal-Artikolu 1F.(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Il-kliem “atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” tal-Artikolu 1F.(c) huwa rrikonoxxut bħala li huwa vag u ma huwiex ċari ( 33 ). Meqjusa għaliha waħidha, in-natura wiesgħa tal-għanijiet u tal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti tagħti ftit gwida dwar it-tip ta’ atti li jċaħħdu persuna mill-istatus ta’ refuġjat. Dan il-kliem ma jidentifikax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1F.(c) bi preċiżjoni. Lanqas ma jiddefinixxi t-tip ta’att li jista’ jkun skont din il-kategorija jew il-persuni li jistgħu jikkommettu tali atti.

47.

Id-dritt internazzjonali ċertament kompla jiżviluppa minn meta kienet abbozzata l-Karta tan-NU sal-lum. Għalhekk, fir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li Stati għandhom jieħdu miżuri sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u ddikjara li atti, metodi u prattiki terroristiċi huma kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi l-ippjanar u l-inċitament għal tali attivitajiet. Dikjarazzjonijiet simili jinsabu wkoll f’Riżoluzzjonijiet li ġew wara, partikolarment fir-Riżoluzzjoni 1377 (2001). Il-kliem ta’ dawn l-istrumenti jindika manifestament li l-komunità internazzjonali tqis l-atti li huma jiddeskrivu wkoll bħala “għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”. Għadd ta’ konvenzjonijiet internazzjonali jindirizzaw aspetti speċifiċi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; huma jeżiġu li l-Istati firmatarji tagħhom jinkludu fid-dritt domestiku tagħhom ir-reati kriminali meħtieġa sabiex jaqbdu, imexxu kontra u jkollhom pieni għall-forom kollha ta’ attività kollaterali li huma jidentifikaw ( 34 ). Fl-istess waqt, il-Kunsill tas-Sigurtà saħaq ukoll [fir-Riżoluzzjonijiet 1624 (2005) u 2178 (2014)] tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li miżuri ta’ Stati għall-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom ikunu konformi mad-dritt internazzjonali, partikolarment mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju.

48.

Il-kliem tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika huwa ftit differenti minn dak tal-Artikolu 1F.(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra sa fejn jagħmel riferiment għal persuna li tkun instabet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbiliti fil-premessi u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tagħha ( 35 ). Madankollu, hija wkoll ma tispeċifikax l-atti jew it-tip ta’ attivitajiet li jistgħu jagħtu lok għar-raġunijiet għal esklużjoni.

49.

Fil-Kawża B u D u sussegwentement fil-Kawża H.T., il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-approċċ kurrenti tal-Kunsill tas-Sigurtà bħala li atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti ( 36 ). Din l-interpretazzjoni hija konsistenti ma’ ċirkustanzi kurrenti. It-theddida li ġġib attivita’ ta’ terroriżmu internazzjonali hija t-tema ċentrali mill-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001 lil hawn u kienet biss enfasizzata ulterjorment mill-attakki reċenti f’Pariġi u fi Brussell.

50.

Fil-Kawża B u D, il-Qorti tal-Ġustizzja minnufih għaddiet sussegwentement sabiex tgħid li, “[I]segwi li […] l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 12(2)(ċ) […] għal persuna li, fil-kuntest tas-sħubija tagħha f’organizzazzjoni mniżżla fil-lista li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġiet implikata f’atti ta’ terroriżmu li għandhom dimensjoni internazzjonali” ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma elaboratx direttament dwar il-motivazzjoni li tgħaqqad dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet jew dwar it-tifsira ta’ “ġiet implikata f’” (atti ta’ terroriżmu); iżda passaġġi oħra fil-Kawża B u D li ser niddiskuti iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet jgħinu sabiex jixħtu dawl fuq il-motivazzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Awla Manja ( 38 ). Ninnota hawnhekk li l-pożizzjoni meħuda hija konsistenti maż-żewġ għanijiet ewlenin tal-klawżoli ta’ esklużjoni, it-tnejn tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u tal-Artikolu 1F.(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li jipprojbixxu status ta’ refuġjat lil dawk il-persuni li l-kondotta tagħhom tkun għamlithom ma jistħoqqilhomx protezzjoni internazzjonali u sabiex ma jħallux li tali individwi milli jkunu jistgħu jużaw il-protezzjoni mogħtija bi status ta’ refuġjat sabiex jevadu l-ġustizzja ( 39 ).

51.

Applikant għal status ta’ refuġjat għandu jkun instab ħati ta’ reat terroristiku skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru sabiex japplika l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika?

52.

Fil-fehma tiegħi r-risposta għal din id-domanda hija “le”.

53.

L-ewwel nett, il-kliem tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ma jissuġġerix li “atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” għandhom ikunu ristretti jew iddefiniti b’riferiment għal atti oħra tal-Unjoni, bħad-Deċiżjoni Kwadru. L-ambitu u l-għan tal-Artikolu 12(2)(c) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru ma humiex l-istess. Filwaqt li kundanna għal att terroristiku kif iddefinit mid-Deċiżjoni Kwadru hija manifestament rilevanti għall-proċess ta’ evalwazzjoni għal status ta’ refuġjat, hija ma tistax tiddetermina l-ambitu tal-applikazzjoni tal-klawżola ta’ esklużjoni. Id-Direttiva dwar il-Kwalifika kienet adottata kważi sentejn wara d-Deċiżjoni Kwadru. Il-leġiżlatur seta’ inkluda riferiment espress għal din tal-aħħar. Madankollu huwa ma għamilx hekk, forsi minħabba li restrizzjoni ta’ dik ix-xorta probabbilment setgħet kienet inkonsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

54.

It-tieni nett, il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tar-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(c) b’dan il-mod tkun inkonsistenti mal-propożizzjoni li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tipprovdi l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati ( 40 ). Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra nfisha ma tagħmilx l-applikazzjoni tal-Artikolu 1F.(c) dipendenti minn ebda kundizzjoni addizzjonali, bħal kundanna kriminali f’livell nazzjonali jew internazzjonali għal atti terroristiċi (jew kull reat ieħor). Il-fatt li l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jagħmel riferiment għall-premessi u għall-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jissuġġerixxi li kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa usa’ mil-lista ta’ reati ta’ terroriżmu tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru.

55.

It-tielet nett, hija s-sistema ta’ regoli sabiex jiġi ddeterminat l-istatus ta’ refuġjat li tipprovdi l-kuntest u l-punt tat-tluq għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, milli kunċetti li joriġinaw minn oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-miżuri bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu. Id-Direttiva dwar il-Kwalifika hija miżura essenzjalment umanitarja ( 41 ). Il-bażi legali tagħha hija dak li kien it-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar visas, immigrazzjoni u politiki oħra b’rabta mal-moviment liberu tal-persuni, li jagħmel parti mill-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja stabbilit skont l-Artikolu 61 KE ( 42 ). L-oriġini tad-Deċiżjoni Kwadru huma differenti ħafna. Din id-deċiżjoni tikkriminalizza ċerti atti terroristiċi, u teżiġi li l-Istati Membri jagħtu pieni għal ksur ta’ u għal attakki gravi fuq ċerti valuri komuni tal-Unjoni Ewropea ( 43 ). Id-Deċiżjoni Kwadru għandha bażi legali differenti, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali [Artikoli 29, 31(1)(e) u 34(2)(b) TUE] ( 44 ). Għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għanijiet taż-żewġ miżuri ma humiex l-istess ( 45 ).

56.

Ir-raba’ nett, interpretazzjoni li t-test jinkludi kundizzjoni li esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(c) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika tiddependi mill-eżistenza ta’ kundanna kriminali minn qabel għal reat terroristiku skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tintroduċi restrizzjoni doppja. Minn naħa, tkun tfisser li persuna misjuba ħatja ta’ reati oħra assoċjati mat-terroriżmu mhux elenkati fl-Artikolu 1(1), bħat-tmexxija ta’ grupp terroristiku jew il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku [Artikolu 2(2)], jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet għal esklużjoni. Min-naħa l-oħra, hija tirrestrinġi l-kunċett ta’ “atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” għal subkategorija waħda ta’ tali atti. Iż-żewġ restrizzjonijiet huma inkonsistenti mal-għanijiet tal-klawżoli ta’ esklużjoni u jkunu kompletament artifiċjali.

57.

Il-ħames nett, ninnota li d-Deċiżjoni kwadru hija miżura li hija soġġetta għal dak li huwa magħruf bħala “ġeometrija varjabbli”. Hija att li ma huwiex vinkolanti għar-Renju Unit, li għażel li ma jużax id-dispożizzjonijiet tagħha ( 46 ). Għall-kuntrarju, l-għan ewlieni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, li tapplika għat-28 Stat Membru kollha, huwa li jkunu stabbiliti kriterji komuni mal-Unjoni kollha sabiex jiġu identifikati dawk il-persuni li ġenwinament ikunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali ( 47 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li jkun inkonsistenti mal-objettivi ta’ armonizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika li nimporta restrizzjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha li ġejja minn miżura oħra tal-Unjoni li ma hijiex vinkolanti għall-Istati kollha.

58.

Għalhekk inqis li ma mhux meħtieġ jintwera li applikant għal ażil ikun instab ħati ta’ reat terroristiku skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru sabiex din il-persuna tkun eskluża mill-istatus ta’ refuġjat għar-raġuni stabbilita fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

Fuq id-Domandi 2 u 3

59.

Il-qorti tar-rinviju tispjega l-kuntest tad-Domandi 2 u 3 kif ser jingħad. Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Frar 2013 is-CCE qal li Lounani kien instab ħati ta’ delitti li kienu jinvolvu atti skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru – parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku – milli atti skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni. It-Tribunal correctionnel qies li r-reati tiegħu, kommessi minnu bħala membru ewlieni tal-GMĠI, kien jistħoqqilhom piena ħarxa ( 48 ). Skont is-CCE, madankollu, is-sħubija biss ta’ Lounani fi grupp terroristiku hija deskritta bħala “attività terroristika” fis-sentenza li wasslet għall-kundanna kriminali tiegħu. Is-sentenza tat-Tribunal correctionnel ma attribwitx responsabbiltà għal reati ta’ terroriżmu speċifiċi lill-GMĠI u Lounani ma kienx instab ħati li kellu x’jaqsam personalment f’xi att minn dawn.

60.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-atti li għalihom Lounani kien instab ħati jistgħux jitqiesu li huma “għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ skont it-tifsira tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika (Domanda 2). Tistaqsi wkoll jekk il-kundanna ta’ Lounani minħabba li kien mexxej ewlieni ta’ grupp terroristiku hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li huwa kien “[i]nstiga” jew “mod ieħor [i]pparteċipa” f’att imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għall-finijiet tal-Artikolu 12(3) tagħha ( 49 ) (Domanda 3).

Ammissibbiltà

61.

Kemm is-CGRA kif ukoll il-Gvern Belġjan jissottomettu li d-Domanda 3 hija inammissbbli. It-tnejn iqisu li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx għaliex kienet meħtieġa risposta għal din id-domanda għar-riżoluzzjoni tal-proċeduri prinċipali.

62.

Ma naqbilx.

63.

Isegwi minn ġurisprudenza stabbilita li domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dwaru jsiru domandi minn qorti nazzjonali għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li għalih din il-qorti tkun responsabbli sabiex tiddefinixxi u li l-eżattezza tiegħu ma tkunx materja għal din il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari minn qorti nazzjonali għal deċiżjoni preliminari biss meta jkun tassew manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun qiegħda tintalab ma jkollha l-ebda rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha d-dokumentazzjoni ta’ fatti u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta siewja għad-domandi li jkunu sarulha ( 50 ).

64.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi jekk il-fatt li Lounani kien instab ħati li pparteċipa fi grupp terroristiku huwiex biżżejjed sabiex jiskattaw ir-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. L-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija manifestament rilevanti għall-proċeduri prinċipali. Id-Domanda 3 għandha, għalhekk, tingħata risposta.

Ir-rilevanza tal-kundanna kriminali ta’ Lounani

65.

Lounani jissottometti li d-deċiżjoni tat-Tribunal correctionnel għandha tingħata ftit jew ebda piż. Isostni li hemm dubji serji dwar jekk dawk il-proċeduri kinux ġusti. Huwa jibbaża dan l-argument fuq is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Strasbourg”) fil-Kawża El Haski ( 51 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Strasbourg iddeċidiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB (“Dritt għal Smigħ Xieraq”), minħabba li dikjarazzjonijiet miksuba bi ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB (“Projbizzjoni kontra t-tortura”) kienu ġew ammessi bħala evidenza fl-istess proċeduri kriminali quddiem it-Tribunal correctionnel b’rabta ma’ wieħed mill-koakkużati ta’ Lounani.

66.

Ninnota li Lounani ma appellax mis-sentenza fil-kawża tiegħu; li huwa stess ma ppreżentax rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Strasbourg, u ma ġab ’il quddiem l-ebda sottomissjoni fil-mertu li tissuġġerixxi li l-proċeduri kriminali kontra tiegħu kienu vvizzjati b’xi mod jew li l-Artikolu 47 tal-Karta (jew l-Artikolu 6 tal-KEDB) kien inkiser matul il-proċess kriminal.

67.

Fin-nuqqas ta’ dokumentazzjoni li tissuġġerixxi li l-proċeduri kriminali fil-Kawża ta’ Lounani kienu difettużi jew li l-fatti stabbiliti bis-sentenza tat-Tribunal correctionnel ma humiex affidabbli, il-kundanna tiegħu tikkostitwixxi fatt stabbilit. Id-domanda vera hija, x’piż għandu jingħatalha din il-kundanna fl-evalwazzjoni ta’ jekk tapplikax l-esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika?

68.

Fil-Kawża B u D il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx il-propożizzjoni li kundanna għal parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Deċiżjoni Kwadru setgħet tiskatta b’mod awtomatiku l-klawżoli ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Qalet li l-kundizzjonijiet għal esklużjoni jippresupponu investigazzjoni sħiħa dwar iċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ individwali ( 52 ). Għal din ir-raġuni, ma naċċettax is-sottomissjoni magħmula mis-CGRA li jekk persuna tkun instabet ħatja li tkun ikkommettiet atti terroristiċi, pereżempju r-reati msemmija fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, tali persuna tista’ tiġi eskluża awtomatikament mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) u/jew (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika mingħajr ebda eżami individwali ulterjuri tar-rikors tagħha.

69.

Fil-Kawża B u D, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li għalkemm “ma hemm l-ebda relazzjoni diretta bejn il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u [d-Direttiva dwar il-Kwalifika] fir-rigward tal-għanijiet segwiti, u ma huwiex iġġustifikat li l-awtorità kompetenti, meta hija għandha l-intenzjoni li teskludi persuna mill-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva, tibbaża ruħha biss fuq is-sħubija tagħha f’organizzazzjoni li tinsab f’lista adottata barra mill-kuntest stabbilit mid-[Direttiva dwar il-Kwalifika] fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève” ( 53 ), “l-inklużjoni ta’ organizzazzjoni f’lista bħal dik li tikkostitwixxi l-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jippermetti li tiġi stabbilita n-natura terroristika tal-grupp terroristiku li kien imsieħeb miegħu il-persuna kkonċernata” ( 54 ). F’din il-kawża, għalhekk, il-punt tat-tluq għandu jkun li l-GMĠI bħala tali għandu jitqies li huwa organizzazzjoni terroristika ( 55 ).

70.

Madankollu, huwa ċar, kemm mid-deċiżjoni fil-Kawża B u D, kif ukoll sussegwentement minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża H.T. ( 56 ), li sħubija biss f’organizzazzjoni terroristika ma hijiex biżżejjed sabiex jiskattaw il-klawżoli ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, minħabba li l-inklużjoni ta’ organizzazzjoni f’lista ma tistax tiġi pparagunata ma’ evalwazzjoni individwali (obbligatorja) ta’ jekk applikant partikolari jikkwalifikax bħala refuġjat ( 57 ). Tali sħubija tindika biss li dawn il-klawżoli ta’ esklużjoni jistgħu (potenzjalment) ikunu applikabbli. Iċ-ċirkustanzi individwali li jkun hemm ma’ applikazzjoni għal ażil intrinsikament aktarx li jkunu iktar elaborati u sfumati mis-sett ta’ fatti inferjuri li fuqhom ikunu bbażati prosekuzzjoni u kundanna kriminali. Għalhekk jiena tal-fehma li – anki meta jkun hemm kundanna kriminali li mid-dehra tkun rilevanti – ir-rekwiżit għal evalwazzjoni individwali jibqa’ jeżisti.

L-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika

71.

L-Artikolu 1F.(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ma ssemmi xejn dwar “instigazzjoni” jew “parteċipazzjoni” f’atti kuntrarji għall-għanijiet u l-finijiet tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tkopri wkoll lil dawk li fil-fatt ma jikkommettux atti kuntrarji għal dawn l-għanijiet u l-prinċipji nfushom ( 58 ). Qari konġunt tal-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) jindika li persuni ħatja li kkommettew, instigaw jew mod ieħor ipparteċipaw f’atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti huma kollha fl-ambitu tal-kundizzjonijiet għal esklużjoni. Dan il-qari jaqbel kemm mal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li l-Linji gwida jiffavorixxu, kif ukoll mal-għanijiet tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ( 59 ).

72.

Isegwi li l-esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ma hijiex ristretta għall-awturi attwali ta’ atti terroristiċi. Moqrija flimkien mal-Artikolu 12(3), hija testendi għal dawk li jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi.

73.

Iżda sa fejn tasal din l-estensjoni skont l-Artikolu 12(3)? Fejn għandha tinqata’ l-linja tul il-frekwenza li tieħu minn persuna li sempliċement ixxengel landa tal-ġbir fit-triq ( 60 ) għal persuna li jkollha x’taqsam direttament f’attakk terroristiku bħala s-sewwieq tal-vettura tal-ħrib?

74.

L-istandard ta’ prova li għandu jiġi applikat huwa li għandu jkun hemm “raġunijiet serja li jitqiesu li” ( 61 ) l-applikant ikun individwalment responsabbli bħala parteċipant fil-grupp matul il-perijodu inkwistjoni u li huwa jkun instab ħati ta’ atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli ta’ esklużjoni ( 62 ). Fil-Kawża B u D il-Qorti tal-Ġustizzja qalet: “Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti għandha b’mod partikolari teżamina r-rwol li effettivament kellha l-persuna kkonċernata fit-twettiq tal-atti inkwistjoni, il-pożizzjoni tagħha fi ħdan l-organizzazzjoni, il-grad ta’ għarfien li hija kellha jew li suppost kellha tal-attivitajiet tagħha, kwalunkwe pressjoni li tkun ġiet suġġetta għaliha jew fatturi oħrajn li jistgħu jinfluwenzaw l-aġir tagħha” ( 63 ).

75.

B’rabta mal-parteċipazzjoni tal-applikant f’atti msemmija fl-Artikolu 12(2)(ċ), il-kliem introduttorju “raġunijiet serji li jitqiesu li” jindika li l-limitu sabiex jiġi invokat l-Artikolu 12(2) huwa għoli. Ir-riferiment għal “l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” juri li l-att tal-applikant għandu jkollu impatt fil-livell internazzjonali u jkun ta’ gravità li jkollha implikazzjonijiet għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, minħabba li l-premessi u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-NU essenzjalment jistabbilixxu l-prinċipji li fuqhom il-komunità internazzjonali għandha l-koeżistenza tagħha ( 64 ).

Evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika

76.

Isegwi mir-risposta tiegħi għad-Domanda 1 li jiena nqis li fil-proċess ta’ evalwazzjoni l-Artikolu 12(2) għandu jiġi interpretat indipendentement mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru. Jiena tal-istess fehma b’rabta mal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni (parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku); u nqis li hawnhekk bl-istess mod ma hemmx ħtieġa li jiġi stabbilit li applikant ikollu kundanna kriminali skont din id-dispożizzjoni.

77.

L-Istati Membri kollha għandhom obbligu li jaffermaw u jippromwovu l-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, inkluż l-istat tad-dritt [Artikolu 3(5) TUE]. Għalhekk meta applikant għal ażil ikun instab ħati wara proċess kriminali li jkun konformi mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti mil-liġi u mal-Artikolu 47 tal-Karta u wara li din il-kundanna tkun saret finali, dan ikollu piż sinjifikattiv f’kull evalwazzjoni individwali skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Fl-istess waqt, l-Artikolu 12(2)(ċ) ma jistax jitqies sempliċement bħala dispożizzjoni addizzjonali kontra t-terroriżmu li tista’ tiġi invokata awtomatikament sabiex tissupplementa kull sanzjoni diġà imposta ( 65 ). Xorta waħda għandu jkun hemm evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

78.

Il-Gvern Franċiż jissottometti li meta l-applikant ikun instab ħati ta’ reat, bħal parteċipazzjoni fi grupp terroristiku, ikun hemm preżunzjoni iuris tantum fis-sens li huwa għandu jiġi eskluż għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 12(2).

79.

Ma naqbilx dwar dan.

80.

Fejn iċ-ċirkustanzi jindikaw li huma jistgħu jkunu rilevanti, ir-raġunijiet li jista’ jkun hemm għal esklużjoni jkunu evalwati fiż-żmien tal-applikazzjoni għal status ta’ refuġjat ( 66 ). L-Istati Membri ghandhom diskrezzjoni wiesgħa skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika fir-rigward tal-proċess ta’ evalwazzjoni ( 67 ). Fil-fehma tiegħi, kundanna għal reat terroristiku għandha sempliċement titqies bħala prova ċara u kredibbli li jkun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li l-limitu tal-Artikolu 12(2) ikun ġie ssodisfatt. Dan l-approċċ għandu l-vantaġġ li jkunu żgurati l-kriterji komuni għar-rikonoxximent li refuġjati ma jiġux ippreġudikati minn Stati Membri li japplikaw regoli differenti li jirregolaw l-operazzjoni ta’ preżunzjonijiet.

81.

Ir-Renju Unit jissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha għajnuna mill-Kawża Shepherd ( 68 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ( 69 ), meta stabbiliet il-limitu li jkun biżżejjed sabiex jiġi applikat l-Artikolu 12(2)(ċ); u jsostni li kull test li jiġi applikat għandu jkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Shepherd. Nifhem li t-test li r-Renju Unit qiegħed jipproponi huwa kif ġej: billi twettaq ix-xogħlijiet tagħha fi grupp terroristiku jkun raġonevolment probabbli li l-persuna kkonċernata tkun qiegħda tgħin b’mod indispensabbli għat-tħejjija jew għall-eżekuzzjoni ta’ delitti li jagħtu lok għar-raġuni għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ), dan għandu wkoll ikun biżżejjed sabiex jagħti lok għall-Artikolu 12(3).

82.

Ma nemminx li Shepherd tgħin lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-Kawża. L-ewwel nett, Shepherd ma kinitx tikkonċerna biss ir-raġuni għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(a). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet distinzjoni ċara f’Shepherd bejn l-Artikolu 9(2)(e) u r-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(2). Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-evalwazzjoni jekk ikunx hemm riskju li jiġi kommess delitt fil-ġejjieni għall-finijiet tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 12(2) huma fundamentalment differenti. Din tal-aħħar teżiġi li jsir stħarriġ ex post sabiex jiġi stabbilit jekk, abbażi tal-azzjonijiet tiegħu fl-imgħoddi, applikant għandux jiġi eskluż mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva dwar il-Kwalifika ( 70 ). Fl-aħħar nett, Shepherd ma tgħid xejn dwar dak li jammonta għal att terroristiku skont it-tifsira tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

83.

Nissuġġerixxi li jkun hemm żewġ stadji għall-evalwazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeħtiġilhom jagħmlu għall-finijiet tal-Artikolu 12(2)(ċ).

84.

L-ewwel stadju jinvolvi l-verifika li l-organizzazzjoni li l-applikant għal ażil ikun għen, jew li huwa pparteċipa fl-attivitajiet tagħha, hija tabilħaqq organizzazzjoni terroristika ( 71 ).

85.

It-tieni stadju huwa li jiġi evalwat jekk il-fatti speċifiċi attribwiti lill-individwu kkonċernat jurux li huwa pparteċipa f’atti terroristiċi li jagħtu lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Dan jeżiġi li ssir evalwazzjoni tal-istruttura tal-organizzazzjoni, il-pożizzjoni tiegħu fiha u jekk huwa setax jinfluwenza l-attivitajiet tal-grupp ( 72 ); u eżami ta’ jekk kienx involut u sa fejn fl-ippjanar, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jew fit-tmexxija ta’ persuni oħra bil-għan li jikkommettu atti terroristiċi, u jekk iffinanzjax u sa fejn tali atti jew akkwistax għal persuni oħra l-mezzi sabiex jikkommettuhom. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ukoll ikunu ssodisfatti li huwa kkommetta jew ikkontribwixxa b’mod sustanzjali għal attivitajiet terroristiċi u li huwa jaqsam ir-responsabbiltà għalihom, minħabba li jkun aġixxa meta kien jaf li kien qiegħed jiffaċilità l-kommissjoni ta’ tali reati ( 73 ).

86.

Id-digriet tar-rinviju jindika li Lounani kien instab li kien membru ewlieni tal-GMĠI. Isegwi loġikament li presumibbilment huwa seta’ influwenza l-attivitajiet tal-grupp. Ta għajnuna b’mod loġistiku. Dan jimplika li huwa seta’ wkoll iffaċilita u għen lil oħrajn sabiex jipparteċipaw fi jew jikkommettu atti terroristiċi. Hemm dimensjoni internazzjonali għall-attivitajiet tal-GMĠI minħabba li dan jinsab fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tan-NU ( 74 ). Hemm ukoll aspett internazzjonali għall-attivitajiet ta’ Lounani sa fejn huwa kien involut fil-falsifikazzjoni ta’ passaporti u għen voluntiera li xtaqu jmorru l-Iraq. Il-motivi u l-intenzjonijiet tiegħu b’rabta mal-grupp terroristiku li fih huwa kien parteċipant huma wkoll rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà personali tiegħu.

87.

Filwaqt li huwa ċar mid-digriet tar-rinviju li Lounani ma kienx instab ħati li kien wettaq attakki terroristiċi, il-ħruxija tas-sentenza imposta hija indikazzjoni ċara tal-gravità tar-reati attribwiti lilu.

88.

Nisħaq, madankollu, li din il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss toffri gwida; u li fl-aħħar mill-aħħar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ Lounani hija kwistjoni li awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqisu, bla ħsara għall-ġurisdizzjoni ta’ superviżjoni tal-qorti nazzjonali bħala l-arbitru uniku dwar fatti.

89.

Għalhekk inqis li meta applikant għal status ta’ refuġjat ikun instab ħati li pparteċipa fi grupp terroristiku mill-qrati ta’ Stat Membru u li din il-kundanna tkun saret finali, din iċ-ċirkustanza tkun rilevanti għal u għandha tkun ta’ piż sinjifikattiv fl-evalwazzjoni individwali ta’ jekk ir-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika japplikawx. Fl-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ta’ każ ta’ applikant, għall-finijiet tal-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) moqrija flimkien, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw ukoll jekk huwa jaqsamx responsabbiltà personali, b’riferiment għall-motivi u l-intenzjonijiet tiegħu b’rabta mal-attivitajiet tal-grupp terroristiku li fih huwa jipparteċipa. L-attivitajiet tal-grupp għandu jkollhom dimensjoni internazzjonali u jkunu ta’ tali gravità li jkollhom implikazzjonijiet għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Konstatazzjoni li l-applikant kien membru ewlieni ta’ tali grupp tkun fattur rilevanti. Ma jkunx meħtieġ jiġi stabbilit li huwa nnifsu kien instiga jew ipparteċipa f’atti terroristiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru sabiex jiġu invokati r-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

Fuq id-Domanda 4

90.

Id-Domanda 4 tistaqsi jekk l-att ta’ instigazzjoni jew parteċipazzjoni msemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika għandux ikollu rabta mal-kommissjoni ta’ reat skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru jew jekk jistax ikollu rabta ma’ reat skont l-Artikolu 2 tagħha.

91.

Għar-raġunijiet imsemmija fir-risposta għad-Domandi 1, 2 u 3, ma nqisx li l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika tiddependi minn jekk id-Deċiżjoni Kwadru tapplikax. Għalhekk ma jeħtieġx jintwera li jkun ġie kommess reat skont it-tifsira tal-Artikolu 1 jew 2 ta’ din id-deċiżjoni sabiex japplika l-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

Fuq id-Domanda 5

92.

Jista’ applikant jiġi eskluż milli jikkwalifika bħala refuġjat meta la hu u lanqas il-grupp terroristiku li tiegħu jkun membru ikkommettew atti vjolenti ta’ natura partikolarment krudili kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru?

93.

Fil-fehma tiegħi, ma hemmx ħtieġa jintwera li applikant ikun instab ħati ta’ tali atti sabiex japplikaw ir-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

94.

L-ewwel nett, il-kliem “att vjolenti ta’ natura partikolarment krudili” ma jidhirx fit-test tad-Deċiżjoni Kwadru. It-tieni nett, kif diġà spjegajt, il-kommissjoni ta’ atti ddefiniti bħala atti terroristiċi minn din id-deċiżjoni ma hijiex l-unika raġuni jew anki meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika ( 75 ).

95.

F’ġieħ il-bon ordni, kont inżid ngħid li l-espressjoni “att vjolenti ta’ natura partikolarment krudili” ukoll ma hijiex kundizzjoni għal esklużjoni skont it-test tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Barra dan, l-għanijiet ta’ din id-direttiva ma juru ebda bażi sabiex l-Artikolu 12(2) jiġi interpretat bħallikieku tapplika tali kundizzjoni.

Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-opinjoni tiegħi hija li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposti għad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju) skont kif ġej:

Ma hemmx ħtieġa jintwera li applikant għal ażil ikun instab ħati ta’ reat terroristiku skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu sabiex din il-persuna tiġi eskluża milli ssir refuġjat, minħabba li hija tkun instabet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti skont it-tifsira tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

Meta applikant għal status ta’ refuġjat ikun instab ħati li jkun ipparteċipa fi grupp terroristiku mill-qrati ta’ Stat Membru u din il-kundanna tkun saret finali, din iċ-ċirkustanza tkun rilevanti għal, u għandu jkollha piż sinjifikattiv fl-evalwazzjoni individwali ta’ jekk japplikawx ir-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Fl-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-każ ta’ applikant għall-finijiet tal-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) moqrija flimkien, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw ukoll jekk huwa jaqsamx responsabbiltà personali b’riferiment għall-motivi u l-intenzjonijiet tiegħu b’rabta mal-attivitajiet tal-grupp terroristiku li fih huwa jipparteċipa. L-attivitajiet tal-grupp għandu jkollhom dimensjoni internazzjonali u jkunu ta’ tali gravità li jkollhom implikazzjonijiet għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Konstatazzjoni li l-applikant kien membru ewlieni ta’ tali grupp tkun fattur rilevanti. Ma jkunx meħtieġ jiġi stabbilit li huwa nnifsu kien instiga jew ipparteċipa f’atti terroristiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475 sabiex jiġu invokati r-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 12(2)(ċ) u (3) tad-Direttiva 2004/83.

Sabiex jiġi stabbilit li applikant għal status ta’ refuġjat ikun instiga jew mod ieħor ipparteċipa fil-kommissjoni ta’ delitti jew atti skont it-tifsira tal-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2004/83, ma hemmx ħtieġa li grupp terroristiku li fih huwa jkun ipparteċipa jkun ikkommetta att elenkat fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475, jew li l-applikant ikun instab ħati ta’ att imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

Applikant għal status ta’ refuġjat jista’ jiġi eskluż milli jikkwalifika bħala refuġjat għalkemm la hu u lanqas il-grupp terroristiku li tiegħu huwa jkun membru ma kkommettew atti vjolenti ta’ natura partikolarment krudili kif imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/475.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat taċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-Kwalifika”). Din id-Direttiva kienet ġiet irrevokata u ssostitwita b’forma ta’ riformulazzjoni mid-Direttiva 2011/95/UE (ĠU L 337, p. 9). Il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti ma nbidilx materjalment.

( 3 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18) (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni Kwadru”). Din id-deċiżjoni kienet emendata bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI, tat-28 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 330, p. 21). Id-Deċiżjoni Kwadru tapplika għall-Istati Membri kollha minbarra r-Renju Unit, li eżerċita d-dritt li jinnotifika lill-Kunsill li din id-deċiżjoni tkun att li dwaru huwa ma jaċċettax is-setgħat tal-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 anness mat-Trattati.

( 4 ) Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ffirmati f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945 (“il-Karta tan-NU”).

( 5 ) Ara pereżempju, Goodwin-Gill, Guy S., u Jane McAdam, The Refugee in International Law, Oxford University Press, it-tielet edizzjoni, paġni 192 u 193. Ara wkoll, Sarah Singer, Terrorism and Exclusion from Refugee Status in the United Kingdom, Brill Nijhoff, 2015, paġni 15 u 16.

( 6 ) Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (Ġabra tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954), kif issupplementata bil-Protokoll Dwar l-Istatus tar-Refuġjati, milħuq fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (flimkien “il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”). Il-Protokoll ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 7 ) Ir-raġunijiet għal esklużjoni jkopru wkoll persuni li jkunu kkommettew reati kontra l-paċi, delitti tal-gwerra jew reati kontra l-umanità kif iddefiniti f’atti tad-dritt internazzjonali [Artikolu 1F.(a)], u reati gravi mhux politiċi barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel ma jiġu ammessi bħala refuġjati [Artikolu 1F.(b)].

( 8 ) Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [ĠU C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem “il-Karta”)].

( 9 ) L-atti elenkati huma (a) attakki fuq il-ħajja ta’ persuna; (b) attakki fuq l-integrità fiżika tal-persuna; (c) ħtif ta’ persuna jew ħtif ta’ ostaġġi; (d) distruzzjoni estensiva lil Gvern jew faċilità pubblika; (e) ħtif ta’ ajruplani, vapuri, jew mezzi oħra tat-trasport pubbliku jew tal-merkanzija; (f) il-fabbrikazzjoni, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-kunsinna jew l-użu ta’ armi; (g) il-ħelsien ta’ sustanzi perikolużi, jew li joħolqu n-nirien, għargħar jew splussjonijiet li l-effett tagħhom huwa li joħolqu periklu għall-ħajja tal-bniedem; (h) [atti li] jinterferixxu jew ifixklu l-kunsinna ta’ ilma, dawl jew riżorsi naturali u fundamentali oħra li l-effett tagħhom huwa li joħolqu periklu għall-ħajja tal-bniedem; jew (i) jheddu li jwettqu xi waħda mill-atti msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru.

( 10 ) Premessa 3. Ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09,,EU:C:2010:661, punt 77.

( 11 ) Premessa 6. Ara wkoll il-premessi 16 u 17.

( 12 ) Premessa 10.

( 13 ) Premessa 15.

( 14 ) Ara wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar Proċeduri”). Din id-direttiva kienet ġiet irrevokata u ssostitwita f’forma ta’ riformulazzjoni mid-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L 180, p. 60).

( 15 ) L-Artikolu 12(2) jeskludi mill-istatus ta’ refuġjat (rispettivament) persuni li jkunu kkommettew: (a) delitti kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti; jew (b) delitti serji mhux politiċi barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel id-dħul tiegħu jew tagħha bħala refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anki jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu kklassifikati bħala delitti serji mhux politiċi.

( 16 ) Artikolu 21(2).

( 17 ) Din il-lista tidentifika ċerti individwi u entitajiet li jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet (iffriżar ta’ assi, projbizzjonijiet ta’ vvjaġġar jew embargos ta’ armi). Il-GMĠI ddaħħal fil-Lista ta’ Sanzjonijiet tan-NU abbażi tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Il-lista minn dak iż-żmien lil hawn kienet ġiet aġġornata u l-GMĠI għadu jidher fil-lista fil-verżjoni kurrenti.

( 18 ) Il-Gvern Belġjan spjega fis-seduta li l-Artikolu 140 tal-Kodiċi Kriminali tal-Belġju (Kodiċi penali) jimplementa l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru.

( 19 ) Il-Gvern Belġjan spjega fis-seduta li l-Artikolu 137 tal-Kodiċi Kriminali tal-Belġju jimplementa l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Kwadru.

( 20 ) Ara n-Nota introduttorja tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra mill-Uffiċċju tal-UNHCR, ta’ Diċembru 2010.

( 21 ) Ara l-premessi 15 u 22 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika. Madankollu din il-gwida kienet deskritta mill-kollega tiegħi Avukat Ġenerali Mengozzi bħala “kwantità ta’ dokumenti” li ma humiex dejjem konsistenti: ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:302, punt 43.

( 22 ) Ara wkoll l-Artikolu 78(1) TFUE, li jgħid espressament li l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-ażil għandha tkun skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u trattati rilevanti oħra.

( 23 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, EU:C:2010:105, punt 54. Ara b’mod iktar ġenerali, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-atti tal-Unjoni fid-dawl tal-linji gwida pprovduti minn strumenti internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li dwarhom l-Istati Membri kkollaboraw jew li tagħhom huma firmatarji, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi and Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 283; u ara wkoll il-premessa 10 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

( 24 ) L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika jgħid li “refuġjat” tfisser individwu li jaqa’ fid-definizzjoni li hemm hemmhekk, sakemm ma jkunux japplikaw il-kundizzjonijiet għal esklużjoni tal-Artikolu 12.

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawżi magħquda B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:302, punt 46.

( 26 ) Dawn id-drittijiet huma ggarantiti mill-Artikolu 4 tal-Karta. Id-drittijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Dritijiet tal-Bniedem (“il-KEDB”) jinsabu fl-Artikolu 3. Ara pereżempju, is-sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tal-15 ta’ Novembru 1996, Chahal vs Ir-Renju Unit, ECLI:CE:ECHR:1996:1115JUD002241493.

( 27 ) Ara l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika u l-Artikolu 19(2) tal-Karta.

( 28 ) Aspett ta’ din id-domanda ser ikun is-suġġett qudiem l-Awla Manja f’Kawża oħra li bħalissa qiegħda tistenna sabiex titressaq, jiġifieri C‑158/14.

( 29 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661.

( 30 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 344, p. 93) li għandha l-għan, inter alia, li timplementa miżuri għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li hemm fir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

( 31 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 57 sa 60.

( 32 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 81 sa 83.

( 33 ) Ara l-punt 46 tan-Nota Kuntestwali tal-UNHCR dwar l-Applikazzjoni tal-Klawżoli ta’ Esklużjoni: l-Artikolu 1F. tal-Konvenzjoni relatata mal-Istatus ta’ Refuġjati (“in-Nota Kuntestwali”).

( 34 ) Ara pereżempju l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Soppressjoni tal-Finanzjament tat-Terroriżmu, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Riżoluzzjoni 54/109 tad-9 ta’ Diċembru 1999.

( 35 ) Jidher li, minn interpretazzjoni waħda, persuni biss li kellhom pożizzjonijiet ta’ setgħa f’pajjiżi jew entitajiet bħal Stati kienu għall-bidu jitqiesu li setgħu jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1F.(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Ara pereżempju t-travaux préparatoires ta’ din il-konvenzjoni, partikolarment il-fehmiet tad-delegat Franċiż “Id-dispożizzjoni ma kellhiex l-għan għan-nies komuni, imma għal persuni li għandhom karigi governattivi, bħal kapijiet ta’ Stati, ministri u uffiċjali għolja” (E/AC.7/SR.160, 18 ta’ Awwissu 1950, p. 18), iċċitati fid-Dikjarazzjoni tal-UNHCR dwar l-Artikolu 1F. tal-Konvenzjoni tal-1951 (Lulju 2009) punt 2.3.3, nota ta’ qiegħ il-paġna 62.

( 36 ) Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 83; u l-24 ta’ Ġunju 2015, H.T.,C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 85.

( 37 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 84.

( 38 ) Ara l-punti 68 sa 70 u 74 iktar ’il quddiem.

( 39 ) Ara l-punt 2 tal-Linji gwida dwar Protezzjoni Internazzjonali: Applikazzjoni tal-Klawżoli ta’ Esklużjoni: Artikolu 1F. tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus ta’ Refuġjati tal-4 ta’ Settembru 2003 (“il-Linji gwida”).

( 40 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

( 41 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 93.

( 42 ) Attwalment it-Titolu V TFUE: ara b’mod partikolari l-Artikoli 67 u 78 TFUE.

( 43 ) Ara l-Artikolu 2 TUE, fejn huma deskritti dawk il-valuri.

( 44 ) Issostitwita rispettivament mill-Artikoli 67 u 82 TFUE [l-Artikolu 34(2)(b) TUE kien ġie rrevokat].

( 45 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 89.

( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.

( 47 ) Ara l-premessi 16 u 17 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

( 48 ) Ara l-punt 23 iktar ’il fuq.

( 49 ) It-test Ingliż tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2011/95 juża “incite” [inċita] milli “instigate” [instiga], iżda altrimenti huwa identiku għall-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

( 50 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, MA et, C‑648/11, EU:C:2013:367, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 51 ) Sentenza tal-Qorti ta’ Strasbourg tal-25 ta’ Settembru 2012, El Haski vs Il-Belġju, ECLI:CE:ECHR:2012:0925JUD000064908.

( 52 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 93.

( 53 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 89, enfasi miżjuda.

( 54 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 90, enfasi miżjuda.

( 55 ) Ma huwiex issuġġerit f’dawn il-proċeduri li l-GMĠI kien tqiegħed fil-lista b’mod invalidu.

( 56 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H.T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 57 ) Ara l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

( 58 ) Ara l-punti 17 u 18 tal-Linji gwida.

( 59 ) Ara l-premessa 22. L-ekwivalenti tal-Artikolu 12(3) ma kienx fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar livelli minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali COM(2001) 510 finali (ĠU C 51 E, p. 325). It-test iddaħħal mill-Istati Membri matul in-negozjati fil-Kunsill.

( 60 ) Fil-Kawża H.T. pereżempju, kien stabbilit li H.T. kien ġabar donazzjonijiet f’isem il-PKK u kull tant żmien kien iqassam magazin ippubblikat minn din l-organizzazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx neċessarjament isegwi minn dawk l-atti li H.T. kien jappoġġa l-leġittimità ta’ attivitajiet terroristiċi u li tali atti fihom infushom ma jikkostitwux atti terroristiċi. Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H.T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 91.

( 61 ) Ara l-kliem preċiż tal-paragrafu introduttorju tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

( 62 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 94.

( 63 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 97.

( 64 ) It-tipi kollha ta’ atti kriminali li jwasslu għal esklużjoni skont l-Artikolu 1F. tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jinvolvu livell għoli ta’ gravità [dikjarazzjoni tal-UNHCR dwar l-Artikolu 1F. tal-Konvenzjoni tal-1951 (Lulju 2009)]. Fil-punt 17 tal-Linji gwida l-UNHCR jgħid li l-Artikolu 1F.(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra aktarx jiġi invokat inqas sikwit mir-raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 1F.(a) jew (b).

( 65 ) Ara wkoll il-punt 25 tal-Linji gwida b’rabta mal-Artikolu 1F.(c) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tan-NU 1624 (2005) u 2178 (2014) li jisħqu li Stati għandhom jiżguraw li miżuri meħuda għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jkunu konformi mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u jiġu adottati skont, inter alia, id-dritt dwar ir-refuġjati u d-dritt umanitarju.

( 66 ) Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.

( 67 ) Ara wkoll l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva dwar Proċeduri.

( 68 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117.

( 69 ) Il-Kawża Shepherd kienet tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, b’mod partikolari t-tifsira tal-kliem “[…] fejn it-twettieq ta’ servizz militarju jkun jinkludi delitti jew atti li jidħlu taħt il-klawsoli ta’ esklużjoni kif dikjarat fl-Artikolu 12(2)”.

( 70 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, f’Shepherd, C‑472/13, EU:C:2015:117, punt 38

( 71 ) Ara l-punt 69 iktar ’il fuq. Mingħajr dubju dan jidher li huwa hekk f’din il-Kawża.

( 72 ) Ara l-punt 19 tal-Linji gwida. Ara wkoll b’analoġija s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H.T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 90 sa 93, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset jekk għajnuna mogħtija minn refuġjat lil grupp terroristiku kkostitwitx raġuni konvinċenti ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku skont it-tifsira tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva dwar il-Kwalifika li tiġġustifika l-irtirar tal-permess ta’ residenza tiegħu.

( 73 ) Ara l-punt 51 tan-Nota Kuntestwali.

( 74 ) Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.

( 75 ) Ara l-punti 58 u 91 iktar ’il fuq.