KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2016 ( 1 )
Kawża C‑566/14 P
Jean-Charles Marchiani
vs
Il-Parlament Ewropew
“Appell — Membru tal-Parlament Ewropew — Allowances ta’ assistenza parlamentari — Irkupru tas-somom imħallsa indebitament — Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 — Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 — Preskrizzjoni — Terminu raġonevoli — Sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134) — Sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372)”
|
1. |
Permezz tal-appell tiegħu, J.‑C. Marchiani jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Ottubru 2014, Marchiani vs Il‑Parlament (T‑479/13, EU:T:2014:866, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-irkupru ta’ somma ta’ EUR 107694.72 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u tan-nota ta’ debitu relattiva tal-5 ta’ Lulju 2013 (iktar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”). |
|
2. |
Fil-kuntest tar-raba’ aggravju mqajjem insostenn tal-appell tiegħu, J.‑C. Marchiani jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet diversi żbalji ta’ liġi dwar il-preskrizzjoni tad-djun previsti mid-deċiżjoni kkontestata. L-appellant ma kienx daqstant ċar fir-redazzjoni tal-appell tiegħu. Madankollu, fir-raba’ aggravju, tista’ tiġi identifikata r-raba’ parti li tirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli li japplika meta ebda dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni ma tipprovdi t-terminu li fih talba jew rikors għandhom jiġu ppreżentati. |
|
3. |
Din il-kwistjoni ġiet eżaminata bir-reqqa mill-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid (sentenza Eżami mill‑ġdid Arango Jaramilli et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134) ( 2 ). Din kienet analizzata wkoll iktar reċentement u f’kuntest analogu għal dak ta’ dan l-appell fis-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372), iżda l-approċċi meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iż-żewġ sentenzi jistgħu jidhru kontradittorji. |
|
4. |
Dan jispjega għaliex, skont ix-xewqa tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi ta’ din il‑kwistjoni preċiża. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Karta
|
5. |
Skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”. |
B – Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012
|
6. |
L-Artikolu 81 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir‑Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 ( 3 ), intitolat “Perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni]”, jipprevedi: “1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti speċifiċi u l‑applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom, id-drittijiet tal‑Unjoni fir-rigward ta’ partijiet terzi u d-drittijiet ta’ partijiet terzi fir‑rigward tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] ta’ ħames snin. 2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l‑Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-perjodu ta’ limitazzjoni”. |
C – Ir-Regolament ta ’ Delega (UE) Nru 1268/2012
|
7. |
L-Artikolu 93 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal‑applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ( 4 ), huwa intitolat “Regoli għall-perjodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni]”. |
|
8. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 93(1) jippreċiża li “[i]l‑perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] għall-intitolamenti tal-Unjoni fir-rigward ta’ partijiet terzi jibda jiddekorri malli tinqabeż l-iskadenza kkomunikata lid-debitur fin-nota ta’ debitu kif speċifikat fl-Artikolu 80(3)(b)”. |
II – Il-fatti rilevanti skont is-sentenza appellata
|
9. |
J.‑C. Marchiani kien Membru tal-Parlament Ewropew fil-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Lulju 1999 u d-19 ta’ Ġunju 2004. Bejn is-snin 2001 u 2004, l-appellant irrikorra għas-servizzi ta’ assistenza parlamentari tas-Sinjura T. u tas-Sur T., kif ukoll, bejn is-snin 2002 u 2004, għal dawk tas-Sinjura B. |
|
10. |
Fit-30 ta’ Settembru 2004, qorti istruttorja fi ħdan il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Pariġi (Franza) informat lill-President tal-Parlament li l-funzjonijiet eżerċitati bejn is-snin 2001 u 2004 mis-Sinjura T. u mis‑Sur T. jista’ ma jkollhom ebda rabta mal-funzjonijiet ta’ assistent parlamentari. |
|
11. |
B’deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, wara proċedura kontradittorja u wara li kkonsulta lill-Kwesturi fl-14 ta’ Jannar 2009, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) ikkonstata li l-ammont ta’ EUR 148160.27 kien tħallas indebitament lill-appellant fil-kuntest tal-Artikolu 14 tar-regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti SAM”) u talbet lill-uffiċjal awtorizzanti tal-Parlament jieħu l-miżuri neċessarji għall-irkupru ta’ dan l-ammont. |
|
12. |
Fl-istess jum, l-uffiċjal awtorizzanti tal-Parlament bagħat lill-appellant nota ta’ debitu fejn talab ir-rimbors ta’ EUR 148160.27. Fl-14 ta’ Awwissu 2009, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), wara li l-fajl dwar l-irregolaritajiet inkwistjoni kien mibgħut lilu mis-Segretarju Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2008, innotifika lill-Parlament u lill-appellant bil-ftuħ ta’ investigazzjoni. |
|
13. |
Fl-14 ta’ Ottubru 2011, l-OLAF, wara li fis-6 ta’ Lulju 2011 investiga u sema’ lill-appellant, bagħat lill-Parlament kopja tar‑rapport finali tal-investigazzjoni tiegħu. Dan tal-aħħar ikkonkluda li l-appellant kien irċieva indebitament allowances għall-funzjonijiet eżerċitati mis-Sinjura T., mis-Sur T. u mis-Sinjura B. u rrakkomanda lill-Parlament jieħu l-miżuri neċessarji għall-irkupru tas-somom dovuti. Fil-25 ta’ Ottubru 2011, l-OLAF innotifika lill-appellant dwar l-għeluq tal-investigazzjoni. |
|
14. |
Fit-28 ta’ Mejju 2013, abbażi tar-rapport tal-OLAF, is-Segretarju Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-regolamenti SAM, informa lill-appellant bl-intenzjoni tiegħu li jipproċedi għall-irkupru tal-somom kollha mħallsa mill-Parlament fir-rigward tal-attivitajiet allegati bħala assistent parlamentari tas-Sinjura T., tas-Sur T, u tas‑Sinjura B u stiednu sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. |
|
15. |
Fil-25 ta’ Ġunju 2013, is-Segretarju Ġenerali sema’ lill-appellant waqt seduta. Fis-27 ta’ Ġunju 2013, l-appellant bagħat il-minuti tas-seduta lis-Segretarju Ġenerali. Il-Kwesturi ġew ikkonsultati mis-Segretarju Ġenerali fit-2 ta’ Lulju 2013. |
|
16. |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is‑Segretarju Ġenerali kkonstata li, filwaqt li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2009 kienet tipprovdi għall-irkupru ta’ somma ta’ EUR 148160.27, ammont addizzjonali ta’ EUR 107694.72 kien tħallas indebitament lill-appellant u talab lill-uffiċjal awtorizzanti tal-Parlament jieħu l-miżuri neċessarji għall-irkupru ta’ dan l-aħħar ammont. Essenzjalment, is‑Segretarju Ġenerali qies li l-appellant ma ppreżentax provi li juru li s-Sinjura T., is-Sur T. u s-Sinjura B. kienu wettqu xogħol ta’ assistent parlamentari, fis-sens tal-Artikolu 14 tar-regolamenti SAM. Billi ġie kkonstatat li l-ammonti mħallsa bħala allowance parlamentari jirrappreżentaw it-total ta’ EUR 255854.99, li parti minnhom kienu is-suġġett tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, id-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li l-ammont addizzjonali ta’ EUR 107694.72 ma kienx konformi mar-regolamenti SAM u kellu jiġi rkuprat. |
|
17. |
Fil-5 ta’ Lulju 2013, l-uffiċjal awtorizzanti tal-Parlament ħareġ n‑nota ta’ debitu Nru 2013‑807 li tordna l-irkupru ta’ EUR 107694.72 qabel il-31 ta’ Awwissu 2013. |
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
18. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Settembru 2013, l-appellant ippreżenta rikors għal annullament, minn naħa waħda, tad-deċiżjoni kkontestata peress li, permezz ta’ din tal-aħħar, is-Segretarju Ġenerali ordna l-irkupru mingħand l-appellant tas-somma ta’ EUR 107694.72 u, min-naħa l‑oħra, tan-nota ta’ debitu relattiva. |
|
19. |
Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant invoka ħames motivi. L‑ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura prevista mid‑deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad-19 ta’ Mejju 2008 u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew ( 5 ), kif ukoll tal-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv kien ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-regolamenti SAM, it-tielet fuq żball ta’ evalwazzjoni tad‑dokumenti ta’ sostenn u r-raba’ fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tas‑Segretarju Ġenerali. Fl-aħħar nett, il-ħames motiv kien jipprevedi l‑preskrizzjoni tal-ammonti li ntalab l-irkupru tagħhom. Billi qies li l-ammonti inkwistjoni kienu preskritti, l-appellant talab ukoll lill‑Qorti Ġenerali tannulla n-nota ta’ debitu. |
|
20. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-argumenti tal-Parlament dwar l‑inammissibbiltà tar-rikors, ċaħdet fuq il-mertu t-talbiet tal-appellant intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ debitu u kkundannat lill-appellant għall-ispejjeż. |
IV – Ir-raba ’ parti tar-raba ’ aggravju u t-talbiet tal-partijiet
|
21. |
Ir-raba’ aggravju mqajjem insostenn tal-appell ta’ J.‑C. Marchiani huwa għalhekk ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi allegatament mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tar-regoli dwar il‑preskrizzjoni tad-djun previsti fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
22. |
Ir-raba’ parti tal-imsemmi aggravju tirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Skont l-appellant, fid-dawl tal-importanza tal-kwistjoni u n-nuqqas ta’ kumplessità tal-kawża, il‑Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li kien hemm ksur ta’ dan il-prinċipju f’dan il‑każ. |
|
23. |
Il-Parlament jitlob li l-appell jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. Għal dak li jirrigwarda r-raba’ parti tar‑raba’ aggravju, huwa jqis li l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ġie eżaminat mill-Qorti Ġenerali minkejja li dan ma kienx ġie invokat mill-appellant. Għalhekk ma hemmx bżonn li jiġi analizzat u dan iktar u iktar peress li l-imsemmi prinċipju ma jagħmilx parti mir-regoli li jistgħu jitqajmu ex officio mill-qorti tal-Unjoni. |
|
24. |
Sussidjarjament, il-Parlament iqis, fl-aħħar nett, fid-dawl tas-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372), li kien biss fid-data tar-rapport finali tal-OLAF li dan id-dejn seta’ jitqies bħala ċert, likwidu u dovut kif mitlub mill-Artikolu 78(2) tar‑Regolament Nru 966/2012 u l-Artikolu 81(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Għaldaqstant, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, it‑terminu raġonevoli ta’ ħames snin stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372) kien għadu ma skadiex b’tali mod li l-Parlament ma kisirx dan il‑prinċipju. |
V – Evalwazzjoni
A – Fuq l-ammissibbiltà tar-raba ’ parti tar-raba ’ aggravju
|
25. |
Fis-sentenza appellata, l-osservanza tat-terminu raġonevoli ġiet analizzata mill-Qorti Ġenerali b’dan il-mod: “[billi jiġi] preżunt, b’mod supplimentari, li bl‑argument tiegħu, ir-rikorrent jikkritika lill-Parlament talli naqas mill‑obbligi imposti fuqu skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli” ( 6 ). |
|
26. |
L-ilment li l-appellant jiżviluppa fir-rigward tat-terminu raġonevoli fil-kuntest tal-appell tiegħu għandu, konsegwentement, jitqies bħala ineffettiv. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ilmenti magħmula kontra motivi supplimentari ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall‑annullament tagħha u huma, għalhekk, ineffettivi ( 7 ). |
|
27. |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti Ġenerali, minkejja li ħabret eżami magħmul b’mod supplimentari, riedet fil-fatt teżamina b’mod eżawrjenti l-ilment ibbażat fuq azzjoni tardiva tal-Parlament. F’dan il-każ, żball ta’ liġi eventwali tal-Qorti Ġenerali fil-kunsiderazzjonijiet iddedikati għall-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għall‑annullament tas-sentenza appellata. |
|
28. |
Barra minn hekk, jidher li dan huwa l-approċċ li ħadet il-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372). Fil-fatt, fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet eżaminat ukoll l-ilment dwar it-terminu raġonevoli “sa fejn […] ir-rikorrent ried jallega li l-Parlament naqas mill-obbligi imposti fuqu mill-prinċipju ta’ terminu raġonevoli” ( 8 ). Issa, l‑argumenti dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li ġew żviluppati fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell ta’ R. Nencini, ma ġewx miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
29. |
Nassumi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ser tiċħad bħala ineffettiv l-ilment tal-appellant dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. |
B – Rimarki preliminari dwar il-klassifikazzjoni tat-terminu raġonevoli u tal-amministrazzjoni tajba
|
30. |
Insostenn tal-appell tiegħu l-appellant jinvoka “ksur tat-terminu raġonevoli” ( 9 ). Qabel neżamina dan l-ilment, jidhirli li huwa utli li nitratta l-klassifikazzjoni tal-imsemmi terminu fid-dritt tal-Unjoni. |
1. It-terminu raġonevoli
|
31. |
Teżisti ċerta inċertezza dwar ir-rikonoxximent tat-terminu raġonevoli fid-dritt tal-Unjoni. Huwa prinċipju ġenerali tad-dritt fih innifsu jew element kostituttiv ta’ prinċipji ġenerali oħra bħall-amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, dak tal-aspettattivi leġittimi jew anki tad-drittijiet tad-difiża, jew saħansitra dritt fundamentali ( 10 )? |
|
32. |
Madankollu, jidhirli li l-effett ta’ dawn il-mistoqsijiet huwa limitat. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li t-terminu raġonevoli huwa intrinsikament marbut mal-prinċipju ta’ ċertezza legali ( 11 ) u mad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba ( 12 ). Xorta jibqa’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni fih innifsu, irrikonoxxut bħala tali mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ). |
|
33. |
Għalhekk, bħala tali, huwa jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ksur tiegħu jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali jew, għall-inqas, ksur tat-Trattati jew “ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu [tagħhom]”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE ( 14 ). |
2. L-amministrazzjoni tajba
|
34. |
Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ osservanza ta’ dan it-terminu raġonevoli illum jidher espressament f’żewġ artikoli tal-Karta. |
|
35. |
Qabel xejn, l-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba” jagħti lil kull persuna “d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” ( 15 ). Imbagħad, l‑Artikolu 47 tal-Karta, iddedikat għad-“dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jagħti lil kull persuna d-dritt “għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”. |
|
36. |
Għalhekk, b’mod formali, it-terminu raġonevoli ġie integrat fid-dritt għal amministrazzjoni tajba fid-dritt tal-Unjoni. |
|
37. |
Uħud staqsew ukoll dwar il-portata u l-klassifikazzjoni ta’ din l‑“amministrazzjoni tajba”: dan huwa terminu ġeneriku, prinċipju speċifiku, prinċipju ġenerali jew saħansitra dritt fundamentali ( 16 )? It-titolu u l‑formulazzjoni tal-Artikolu 41 tal-Karta jtemmu madankollu din l‑inċertezza. Dan jirrigwarda “dritt għal amministrazzjoni tajba” ( 17 ), “dritt [li] jinkludi [b’mod partikolari] […] id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament[,] id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha [u anki] l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r‑raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha” ( 18 ). |
|
38. |
Barra minn hekk, dan l-iżvilupp formali huwa biss l-istabbiliment ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt diġà rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 19 ), l-imsemmi Artikolu 41 huwa “bbażat fuq l-eżistenza ta’ l-Unjoni bħala komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt li l-karatteristiċi tiegħu kienu ġew żviluppati fil-każistika li għamlet, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tal-liġi”. Issa, skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom “jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri”. |
|
39. |
Kemm jekk huwa prinċipju ġenerali jew element tad-dritt fundamentali ta’ amministrazzjoni tajba, id-dritt li l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni jitrattaw il-kwistjonijiet f’terminu raġonevoli jista’ għalhekk, mingħajr ekwivoku, jiġi invokat miċ-ċittadin tal-Unjoni favur tiegħu. |
C – Id-determinazzjoni tat-terminu raġonevoli fil-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja
|
40. |
L-evalwazzjoni tat-terminu raġonevoli kienet is-suġġett ta’ analiżi li tista’ tiġi deskritta bħala waħda ta’ prinċipju fis-sentenza Eżami mill‑ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134). Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li tipproċedi b’eżami mill-ġdid sabiex tiddetermina jekk l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, skont liema t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ fl-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu li fih rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat minn membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kontra att tagħha, kinitx koerenti mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ). |
|
41. |
Il-kwistjoni tat-terminu li fih istituzzjoni tal-Unjoni għandha tikkomunika nota ta’ debitu wara d-data li fiha jkun seħħ il-fatt li wassal għall‑kreditu inkwistjoni, ġiet, min-naħa tagħha, ittrattata fis-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372). |
|
42. |
Għalhekk jidher li huwa neċessarju li jingħata sunt ta’ dawn iż-żewġ sentenzi qabel ma nippruvaw naslu għal regola ġenerali li tista’ tkun applikabbli għal dan il-każ. |
1. Is-sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI
|
43. |
Fis-sentenza Arango Jaramillo et vs BEI (T‑234/11 P, EU:T:2012:311), il-Qorti Ġenerali kienet aċċettat l-interpretazzjoni tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tipprevedi li fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tiffissa t-termini għar-rikorsi applikabbli fil‑kwistjonijiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, kull rikors ippreżentat minn membru tal-persunal tal-BEI wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur, miżjud b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, kellu bħala prinċipju jitqies li kien ġie ppreżentat f’terminu mhux raġonevoli ( 21 ). |
|
44. |
Din l-interpretazzjoni ngħatat b’riferiment għall-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ( 22 ) li jillimita espressament għal tliet xhur it-terminu li fih uffiċjal jista’ jippreżenta rikors għal annullament kontra att li jikkawżalu preġudizzju. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, ir-regola li tirriżulta minn din l-interpretazzjoni tikkostitwixxi biss “[regola li] tapplika b’mod speċifiku [l-]prinċipju [ta’ terminu raġonevoli]” ( 23 ) fil-kawżi bejn il-BEI u l-membri tal‑persunal tagħha li “hija bbażata fuq preżunzjoni ġenerali li terminu ta’ tliet xhur huwa, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jippermetti lill-membri tal-persunal tal‑BEI li jevalwaw l-legalità tal-atti ta’ dan tal-aħħar li jippreġudikawhom u sabiex iħejju, fejn ikun il-każ, ir-rikorsi tagħhom [u li] ma tobbligax lill-qorti tal-Unjoni li għandha tapplikaha li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, li tibbilanċja konkretament l-interessi kkonċernati” ( 24 ). |
|
45. |
Huma preċiżament dawn l-evalwazzjonijiet li kienu s-suġġett tal‑eżami mill-ġdid. |
|
46. |
Skont l-analiżi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l‑kunċett ta’ “terminu raġonevoli” għandu jiġi applikat b’mod uniformi, ikun x’ikun il-kuntest li fih tqum il-kwistjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, “minkejja li, huwa minnu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja […] tirrigwarda l-kwistjoni tan-natura raġonevoli tat-tul ta’ żmien ta’ proċedura amministrattiva meta l-ebda dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni ma tistabbilixxi terminu speċifiku sabiex issir tali proċedura, għandu jiġi applikat il-kunċett ta’ ‘terminu raġonevoli’ bl‑istess mod meta huwa jirrigwarda rikors jew talba li għalihom l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma pprevediet terminu li fih huma għandhom jiġu ppreżentati” ( 25 ). |
|
47. |
Issa, skont il-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja, “meta t-tul ta’ żmien tal-proċedura ma huwiex stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ‘raġonevoli’ taż-żmien […] għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet” ( 26 ). Konsegwentement, minn dan ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni konkreta jirriżulta li “n-natura raġonevoli ta’ terminu ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu speċifiku, stabbilit b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata f’kull każ speċifiku skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża” ( 27 ). |
|
48. |
Għalhekk, fl-interpretazzjoni tat-terminu għar-rikors tal-membri tal-persunal tal-BEI kontra l-atti li jikkawżawlhom preġudizzju mogħtija mill-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet żnaturament tal-kunċett ta’ “terminu raġonevoli” li jippreġudika l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni ( 28 ). |
2. Is-sentenza Nencini vs Il-Parlament
|
49. |
Is-sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372) ma tistax tiġi injorata. Fil-fatt, R. Nencini, ex Membru tal-Parlament, kien ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali intiża għall-irkupru ta’ ċerti spejjeż li tħallsu lilu indebitament matul il-mandat tiegħu. Il-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell kienet għalhekk simili għal dik li għandna f’din il-kawża peress li tirrigwarda l‑preskrizzjoni ta’ kreditu tal-Parlament fil-konfront ta’ ex Membru u l‑involviment tat-terminu raġonevoli fl-irkupru ta’ dan il-kreditu. |
|
50. |
Qabelxejn, mill-qari konġunt tar-regoli applikabbli jirriżulta li t‑terminu ta’ preskrizzjoni ta’ krediti tal-Unjoni fil-konfront ta’ terzi jibda jiddekorri fid-data ta’ skadenza indikata fin-nota ta’ debitu ( 29 ). |
|
51. |
Din kienet tirrigwarda t-terminu applikabbli għall-irkupru tad-dejn. Mill-banda l-oħra, it-terminu li fih din in-nota ta’ debitu għandha tiġi kkomunikata lid-debitur, li jibda jiddekorri mid-data li fiha jkun seħħ il-fatt li wassal għall‑kreditu inkwistjoni, ma huwa speċifikat imkien ( 30 ). |
|
52. |
Issa, skont l-Avukat Ġenerali Szpunar, jeżistu krediti li huma diġà dovuti fil-mument fejn l-istituzzjoni kreditriċi tadotta l-att li jikkonstata l-kreditu. Għal dan it-tip ta’ krediti, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli jidher għalhekk li “huwa insuffiċjenti bħala strument għall-protezzjoni tal-interessi tad‑debitur li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika, peress li dan jibda jiddekorri mid-data magħżula mill-kreditur, li ma għandha ebda konnessjoni mal-mument meta l-kreditu jinħoloq jew isir dovut” ( 31 ). |
|
53. |
Quddiem din il-lakuna ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “l‑prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi, meta t-testi applikabbli ma jgħidu xejn, li l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel […] il-komunikazzjoni [tan-nota ta’ debitu] f’terminu raġonevoli. Fil-fatt, fin-nuqqas, l-uffiċjal awtorizzanti, li għandu jiddetermina, fin-nota ta’ debitu, id-data ta’ skadenza għall-ħlas li, skont il-kliem stess tal-Artikolu [93(1) tar‑Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012], jikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, jista’ liberament jistabbilixxi d-data ta’ dan il-bidu ta’ dekorrenza, mingħajr rabta mal-mument meta l-kreditu beda, li, manifestament, imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll l-għan tal-Artikolu [81 tar-Regolament Nru 966/2012]” ( 33 ). |
|
54. |
Madankollu, filwaqt li l-Avukat Ġenerali Szpunar ikkunsidra li t‑terminu raġonevoli ma jistax jiġi stabbilit b’riferiment għal limitu massimu preċiż, iddeterminat b’mod astratt ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “t-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu għandu jiġi preżunt irraġonevoli meta din il-komunikazzjoni sseħħ lil hinn minn perijodu ta’ ħames snin li jibda jgħodd mill-mument li l-istituzzjoni ġeneralment setgħet titlob il-kreditu tagħha” ( 35 ). |
|
55. |
Ħlief fil-każ li jintwera li, “minkejja l-isforzi li għamlet [l‑istituzzjoni], id-dewmien huwa dovut għall-aġir tad-debitur, b’mod partikolari għall-manuvri dilatorji jew għall-mala fide tiegħu, […] għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li l-istituzzjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli” ( 36 ). |
D – Il-kriterji ta ’ applikazzjoni uniformi tat-terminu raġonevoli
1. Id-determinazzjoni ġenerali u astratta ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni tat-terminu raġonevoli
|
56. |
Fis-sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet għalhekk preżunzjoni li, wara ħames snin li jibdew jiddekorru mill-mument li fih l-istituzzjoni normalment setgħet titlob il-kreditu tagħha, it-terminu raġonevoli jiskadi. |
|
57. |
Din l-evalwazzjoni ta’ terminu raġonevoli bħala perijodu stabbilit ta’ ħames snin tista’ eventwalment tkun interpretata bħala applikazzjoni konkreta tan-natura raġonevoli tal-imsemmi terminu limitat għal dan il-każ. |
|
58. |
Madankollu, tali qari tas-sentenza diffiċilment jirrikonċilja mal‑formulazzjoni tagħha, mal-istruttura tagħha u mar-regoli tal-appell. |
|
59. |
Fil-fatt, nosserva, qabelxejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja tesprimi ruħha b’mod ġenerali u astratt fil-punt 49 ta’ din is-sentenza meta tiddeċiedi li “t-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu għandu jiġi preżunt irraġonevoli meta din il-komunikazzjoni sseħħ lil hinn minn perijodu ta’ ħames snin li jibda jgħodd mill-mument li l-istituzzjoni ġeneralment setgħet titlob il-kreditu tagħha”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet espressament “preżunzjoni [li] tista’ tiġi kkonfutata” biss taħt ċerti kundizzjonijiet ( 37 ). |
|
60. |
L-eżistenza ta’ regola ta’ applikazzjoni ġenerali tidher, sussegwentement, ikkonfermata mill-kliem li jintroduċu l-punt segwenti. Fil‑fatt, l-espressjoni “[f]’dan il-każ”, li biha jibda l-punt 50 tas‑sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372), hija intiża li tħabbar l-applikazzjoni f’dan il-każ tar-regola ġuridika jew tal‑prinċipju li ġie mfakkar. |
|
61. |
Fl-aħħar nett, l-analiżi tal-elementi konkreti tal-kawża ma taqax, bħala prinċipju, fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell ( 38 ). |
|
62. |
L-uniku mod sabiex jiġi interpretat il-“limitu” ta’ ħames snin stabbilit fis-sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372) b’mod konformi mal-prinċipji kkonfermati fis‑sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 28 u 29) ( 39 ), huwa li jitqies bħala element li jippermetti li jiġi stabbilit min għandu l-oneru tal‑prova. |
|
63. |
Wara l-perijodu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mill-mument li fih l-istituzzjoni normalment setgħet titlob il-kreditu tagħha, li din l-istituzzjoni li għandha turi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, it-terminu raġonevoli ma skadiex. F’dan ir-rigward, il-manuvri dilatorji tad-debitur u l-mala fide tiegħu, elementi li jistgħu jiġu invokati mill-istituzzjoni, huma biss eżempji ċċitati mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif juri l-avverbju “b’mod partikolari” ta’ qabilhom fil-punt 49 tas-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372). |
|
64. |
Min-naħa l-oħra, jekk dan il-“limitu ċentrali” ikun għadu ma għaddiex, huwa d-debitur li għandu jġib prova li t-terminu raġonevoli jkun skada minħabba kriterji normalment stabbiliti mill-ġurisprudenza, jiġifieri, fost iċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-kawża, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għad-debitur, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet. |
|
65. |
Għall-kuntrarju, jekk il-punt 49 tas-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372) għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi regola ġenerali u astratta, kif naħseb jiena, tali approċċ jagħti riżultat analogu għal dak li waslet għalih il-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134). Madankollu, il-Qorti tal‑Ġustizzja kklassifikat din bħala “żnaturament tal-kunċett ta’ terminu raġonevoli” ( 40 ). |
|
66. |
Kif fakkret fl-okkażjoni ta’ din is-sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134), il‑kunċett ta’ terminu raġonevoli “huwa applikabbli independentement mill-qasam inkwistjoni” ( 41 ) u l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tippreġudika l‑koerenza tad-dritt tal-Unjoni ( 42 ). |
|
67. |
Il-kunċett ta’ terminu raġonevoli għandu għalhekk jiġi applikat b’mod uniformi, ikun x’ikun il-kuntest li fiha tqum il-kwistjoni, kemm fil-każ meta ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistabbilixxi terminu speċifiku sabiex issir proċedura amministrattiva kif ukoll fil-każ ta’ rikors jew talba li għalihom ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi terminu li fih dan ir-rikors jew din it-talba għandhom jiġu ppreżentati ( 43 ). |
|
68. |
Konsegwentement, jiena nqis li l-prinċipji ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tat-terminu raġonevoli kif miġbura mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134) għandhom jitqiesu bħala stabbiliti u predominanti. |
|
69. |
Fil-fatt, minkejja li s-sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134) u s-sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372) it-tnejn ingħataw minn awla b’ħames imħallfin u li t-tieni waħda ngħatat l‑aħħar, l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ sentenzi hija r-riżultat ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid. Issa, in-natura u l-għan ta’ din il‑proċedura eċċezzjonali jagħtuha neċessarjament awtorità partikolari peress li l-iżball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali kkonstatat f’tali sentenza jista’ jikkostitwixxi preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal‑Unjoni ( 44 ) . |
|
70. |
F’dan il-każ, dan ifisser li “n-natura raġonevoli ta’ terminu ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu speċifiku, stabbilit b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata f’kull każ speċifiku skont iċ‑ċirkustanzi tal-kawża” ( 45 ). Dan jimplika li “meta t-tul ta’ żmien tal‑proċedura ma huwiex stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ‘raġonevoli’ taż-żmien […] għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tal-kawża tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal‑kawża u l-aġir tal-partijiet” ( 46 ). |
|
71. |
Huwa minnu li, din l-interpretazzjoni ma hijiex dik li toffri l‑ikbar ċertezza legali. Madankollu, jidhirli li din hija s-“soluzzjoni ta’ għajnuna” ( 47 ) l-iktar konformi mat-tqassim ta’ kompetenzi li għandu jipprevali bejn il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-qrati. Fil-fatt, l-iffissar b’mod preċiż u definittiv tat-tul ta’ terminu (ir)raġonevoli jkun iktar jixbah l-iffissar ta’ terminu ta’ preskrizzjoni. Issa tali kompetenza jidhirli li tappartjeni biss lil-leġiżlatur ( 48 ). |
2. L-evalwazzjoni tat-terminu raġonevoli fis-sentenza appellata
|
72. |
Jekk tiġi eżaminata s-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma l-istess prinċipji mfakkra u applikati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, “l-osservanza ta’ terminu raġonevoli hija meħtieġa f’kull każ fejn, fis-silenzju tat-testi applikabbli, il‑prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jaġixxu mingħajr limitu taż-żmien […], b’kunsiderazzjoni tal-fatt li n-natura raġonevoli ta’ terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, skont l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet” ( 49 ). |
|
73. |
Barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li fil-punt 83 tas‑sentenza appellata hija kkonstatat li ebda dispożizzjoni ma tippreċiża t-terminu li fih nota ta’ debitu għandha tkun ikkomunikata, irrispettivament mid-data li fiha jkun seħħ il-fatt li wassal għall‑kreditu inkwistjoni. |
|
74. |
Konsegwentement, huwa għalhekk li mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi hija ddeduċiet minn dawn il-konstatazzjonijiet, fil-punt 84 tas‑sentenza appellata, li hemm lok li “jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Parlament [kienx] osserva l-obbligi imposti fuqu skont il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli”. |
|
75. |
Din il-verifika tikkostitwixxi, xejn iktar u xejn inqas, analiżi tal‑fatti u tal-provi invokati mill-partijiet. Fi kliem ieħor tirrigwarda evalwazzjoni fattwali. |
|
76. |
Issa, kif diġà fakkart preċedentement u skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u li, għalhekk, il-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u tevalwahom, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid‑dokumenti tal-proċess sottomessi lilha. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali ( 50 ). |
|
77. |
L-allegat żnaturament għandu jidher b’mod ċar fid-dawl tad‑dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li terġa’ ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 51 ). |
|
78. |
Madankollu, mill-provi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li f’dan il-każ twettaq żnaturament. Barra minn hekk, tali żnaturament ma huwa allegat imkien, peress li l-appellant jinvoka biss il-ksur tat-terminu raġonevoli u jitlob eżami mill-ġdid tal-elementi ta’ evalwazzjoni bħall-importanza finanzjarja tat-tilwima u l-kumplessità tal‑kawża ( 52 ). |
|
79. |
Ċertament, kieku kont kompetenti sabiex niddeċiedi dwar il-fatti, mingħajr dubju ma kontx nagħmel l-istess evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu inkwistjoni f’din il-kawża. Minkejja dan, huwa madankollu mingħajr żnaturament tal-fatt kif jirriżultaw mill-proċess sottomess lilha li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, fil-punt 86 tas‑sentenza appellata, li, “wara li sar jaf bl-informazzjoni kkomunikata minn qorti istruttorja Franċiża f’Settembru 2004 u wara li pproċeda b’numru ta’ skambji mar-rikorrent, il-Parlament [kien] aġixxa bid‑diliġenza meħtieġa u f’terminu raġonevoli, billi bagħat, f’Ottubru 2008, il-fajl lill-OLAF u implementa l-proċedura li waslet għad-deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2009”. Huwa wkoll mingħajr żnaturament tal-fatti li hija setgħet tirrikonoxxi li l-Parlament kien “wara l-ftuħ tal-investigazzjoni tal-OLAF f’Awwissu 2009 u l‑preżentazzjoni, fl-aħħar tal-proċedura ta’ investigazzjoni, tar-rapport tiegħu f’Ottubru 2011 […] aġixxa wkoll bid-diliġenza meħtieġa u f’terminu raġonevoli bl-implementazzjoni tal-proċedura li waslet għad‑deċiżjoni kkontestata” ( 53 ). |
|
80. |
Min-naħa l-oħra u għalkemm dan ma tqajjimx mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu, nixtieq inżid għal raġunijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, “li ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jistax iwassal għall-annullament ta’ att li bih huwa vvizzjat ħlief jekk l-imsemmi ksur affettwa l-eżerċizzju, mid-destinatarju tiegħu, tad-drittijiet tad-difiża”. |
|
81. |
Fil-fatt, billi imponiet il-kundizzjoni li d-drittijiet tad-difiża tal-appellant għandhom jiġu affettwati, il-Qorti Ġenerali “wettqet żball dwar il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mill-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta dispożizzjoni ta’ natura ġenerali li timponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jaġixxu f’terminu speċifikat” ( 54 ), bħall-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 966/2012. |
|
82. |
Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jesprimi ruħu b’dan il-mod, “fid‑dawl tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi li fuqhom hija msejsa din l-intenzjoni tal‑leġiżlatur, hija irrilevanti, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza, iċċitata mill-Qorti Ġenerali […] li ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jista’ jwassal għall-annullament tal-att ikkontestat fil-każ biss ta’ preġudizzju, minn dan il-ksur, għad-drittijiet tad-difiża” ( 55 ). |
|
83. |
Madankollu, peress li dan il-motiv tal-Qorti Ġenerali ngħata fis‑sentenza appellata b’mod supplimentari, il-fatt li jinstab żball fih ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija sentenza. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-kawża li tat lok għas-sentenza Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372), il-Qorti Ġenerali ċaħdet, f’dan il‑każ, ir-raġuni tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli li fuqha l-imsemmija konstatazzjoni għandha neċessarjament tkun ibbażata. |
VI – Konklużjoni
|
84. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena nqis li r-raba’ parti tar-raba’ aggravju tal-appell invokat mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu hija infondata u, għaldaqstant, ma tistax twassal għall‑annullament tas-sentenza appellata. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ara, ukoll, is-suġġett tal-eżami mill-ġdid kif iddefinit fid-deċiżjoni Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX, EU:C:2012:468).
( 3 ) ĠU L 298, p. 1.
( 4 ) ĠU L 362, p. 1.
( 5 ) ĠU 2009 C 159, p. 1.
( 6 ) Punt 81 tas-sentenza appellata. Enfasi miżjuda minni.
( 7 ) Għal applikazzjoni reċenti tal-prinċipju, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran (C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 79); Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑610/13 P, EU:C:2014:2349, punt 51), kif ukoll Wünsche Handelsgesellschaft International vs Il‑Kummissjoni (C‑7/14 P, EU:C:2015:205, punt 72).
( 8 ) Sentenza Nencini vs Il-Parlament (T‑431/10 u T‑560/10, EU:T:2013:290, punt 43).
( 9 ) Punt 92 tal-appell.
( 10 ) Fir-rigward ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet, ara b’mod partikolari, Mihaescu-Evans, B.-C., The right to good administration at the crossroads of various sources of fundamental rights in the European Union integrated administrative system, Nomos, 2015. Ara wkoll Schwarze, J., “Judicial Review of European Administrative Procedure”, Law and Contemporary Problems, Vol. 68, Nru 1, p. 85 sa 105. Dan l-awtur jistaqsi dwar l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni f’terminu raġonevoli fil-kuntest tad-drittijiet tad-difiża (p. 92) filwaqt li jqis li huwa jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (p. 93). Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħu, huwa jikklassifika l-garanziji proċedurali tal-proċedura amministrattiva tad-“drittijiet fundamentali” (p. 105). It‑terminu raġonevoli kien ikklassifikat bħala “dritt fundamentali” mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:361, punt 135). Ninnota madankollu illi dan kien fir-rigward tal-għoti ta’ sentenza f’terminu reġonevoli.
( 11 ) Ara, f’dan is-sens, Tridimas, T., The General Principles of EU Law, 2 Ed., Oxford University Press, 2006, p. 412; Hofmann, H. C. H., Rowe, G. C., u Türk, A. H., Administrative Law and Policy of the European Union, Oxford University Press, 2011, p. 196. Kif spjega tajjeb l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil‑kawża Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2022), l-applikazzjoni ta’ terminu raġonevoli “hija intiża li tipproteġi, fuq bażi ta’ każ b’każ, iċ-ċertezza ġuridika tal-individwi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni, meta ma jkunx hemm terminu legali” (punt 98).
( 12 ) Ara l-Artikolu 41 tal-Karta u, iktar ’l isfel, it-Titolu 2, intitolat “L-amministrazzjoni tajba”.
( 13 ) Ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582). Fil-punt 207 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li, “kif tfakkar fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli japplika fil‑kuntest ta’ rikors ġudizzjarju”. Issa, fil-punt 179 tal-istess sentenza, il‑Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li “[il-]prinċipju ta’ terminu raġonevoli japplika, fil‑qasam tal-kompetizzjoni, fil-proċeduri amministrattivi [...]. F’każ ta’ rikors, huwa japplika wkoll għall-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qorti Komunitarja” (enfasi miżjuda minni). Fil-punt 38 tas-sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li fis-sentenza li hija s-suġġett tal-appell, “[i]l-Qorti Ġenerali fakkret li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fl-andament tal-proċeduri amministrattivi jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni […] u li dan il-prinċipju huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, mill-Artikolu 41(1) tal-[Karta]”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabet l-ebda żball f’dawn il-kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali.
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., u Van Nuffel, P., European Union Law, 3 Ed. Sweet & Maxwell, 2011, Nru 22-036.
( 15 ) Enfasi miżjuda minni.
( 16 ) Fir-rigward ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet u l-portata tal-amministrazzjoni tajba fid-dritt tal-Unjoni, ara b’mod partikolari, Azoulay, L., u Clément-Wilz, L., “La bonne administration” f’Auby, J.‑B. u Dutheil de la Rochère, J., (flimkien mal-kollezzjoni ta’ Chevalier, E.), Traité de droit administratif européen, 2 Ed., Bruylant, 2014, p. 671 sa 697, speċjalment p. 672, 674 u 679.
( 17 ) Skont it-titolu tal-Artikolu 41 tal-Karta. Enfasi miżjuda minni.
( 18 ) Artikolu 41(2) tal-Karta. Enfasi miżjuda minni.
( 19 ) ĠU 2007 C 303, p. 17.
( 20 ) Deċiżjoni Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX, EU:C:2012:468, punt 15). L-eżami mill-ġdid kien iġġustifikat ukoll mill-effett ta’ dekadenza li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali rabtet mal-iskadenza ta’ terminu mhux stabbilit mid-dritt primarju jew sekondarju tal-Unjoni għal preżentazzjoni ta’ rikors (punt 16).
( 21 ) Punt 27 ta’ din is-sentenza.
( 22 ) Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal‑Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r‑Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jwaqqaf miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5), kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130).
( 23 ) Sentenza Arango Jaramillo et vs BEI (T‑234/11 P, EU:T:2012:311, punt 30).
( 24 ) Ibidem.
( 25 ) Sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 33).
( 26 ) Sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28).
( 27 ) Ibidem (punt 29).
( 28 ) Sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 46 u 54 kif ukoll id-dispożittiv tas-sentenza).
( 29 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2022, punt 48). Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372) kienu l-Artikolu 73a tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal‑25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1), u l-Artikolu 85b tar‑Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar‑Regolament Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir‑Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta’ April 2007 (ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 337). Dawn id‑dispożizzjonijiet huwa wkoll dawk applikabbli fil-mument tal-ħlas tas-somom inkwistjoni f’din il-kawża. Ninnota li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-dispożizzjonijiet rilevanti kienu ssostitwiti mill-Artikolu 81 tar‑Regolament Nru 966/2012 u mill-Artikolu 93(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet huma simili għar-regoli ċċitati iktar ’il fuq. Fil-fatt, kollha jipprovdu, għall-krediti tal-Unjoni fil-konfront ta’ terzi, preskrizzjoni ta’ ħames snin li tibda tiddekorri mid-data ta’ skadenza kkomunikata fin-nota ta’ debitu.
( 30 ) Sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 47).
( 31 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2022, punt 68).
( 32 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2022, punt 75).
( 33 ) Sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 48).
( 34 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2022, punt 98).
( 35 ) Sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 49). Enfasi miżjuda minni.
( 36 ) Ibidem.
( 37 ) Sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 49). Enfasi miżjuda minni.
( 38 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l‑appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi, filwaqt li l-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u tevalwahom, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha jirriżultaw mid-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 66) u YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 44).
( 39 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 40 ) Sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 45).
( 41 ) Punt 52 ta’ din is-sentenza.
( 42 ) Punt 54 ta’ din is-sentenza.
( 43 ) Sentenza Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 33).
( 44 ) Artikoli 62 u 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
( 45 ) Sentenza Eżami mill-ġdid Aranga Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 29). Id-dottrina donnha taqbel ukoll ma’ din l‑interpretazzjoni ta’ terminu raġonevoli. Ara, b’mod partikolari, Kansa, L., “Towards Administrative Human Rights in the European Union. Impact of the Charter of Fundamental Rights”, European Law Journal, 2004, Vol. 10, Nru 3, p. 296 sa 326, speċjalment p. 314; Mihaescu-Evans, B.-C., The right to good administration at the crossroads of various sources of fundamental rights in the European Union integrated administrative system, Nomos, 2015; T. Tridimas, The General Principles of EU Law, 2 Ed., Oxford University Press, 2006, p. 412; Hofmann, H. C. H., Rowe, G. C., u Türk, A. H., Administrative Law and Policy of the European Union, Oxford University Press, 2011, p. 196.
( 46 ) Sentenza Eżami mill-ġdid Aranga Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28).
( 47 ) L-espressjoni meħuda mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nencini vs Il‑Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2022, punt 96).
( 48 ) Ara, f’dan is-sens, ir-riflessjonijiet rilevanti b’mod partikolari għall-argumenti fil‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nencini vs Il-Parlament fir-rigward tal-eżistenza ta’ lakuna leġiżlattiva (C‑447/13 P, EU:C:2014:2022, punti 75 sa 93). Ara wkoll is-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat espressament li għalkemm huwa minnu li terminu ta’ preskrizzjoni għandu jkun stabbilit minn qabel, “l-iffissar ta’ dan it-terminu u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju” (punt 48). Sa fejn naf jien, l-unika deroga għal dan il-prinċipju sar fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas tal-iffissar ta’ terminu fil-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar pjan ta’ għajnuna nnotifikat lilha fi żmien xahrejn (sentenza Lorenz, 120/73, EU:C:1973:152, punt 4). Sussegwentement, dan it‑terminu ġie integrat b’mod formali fil-leġiżlazzjoni applikabbli.
( 49 ) Punt 82 tas-sentenza appellata.
( 50 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 66) u YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 44).
( 51 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens is-sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 67) u YKK et vs Il-Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 44).
( 52 ) Punti 90 u 91 tal-appell.
( 53 ) Ibidem.
( 54 ) Sentenza Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 51).
( 55 ) Ibidem (punt 54).