KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2016 ( 1 )

Kawża C‑511/14

Pebros Servizi Srl

vs

Aston Martin Lagonda Ltd

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bologna (qorti ta’ Bologna, l-Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 805/2004 — Titolu eżekuttiv Ewropew għall-krediti mhux ikkontestati — Ħruġ taċ-ċertifikat — Proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja”

I – Introduzzjoni

1.

Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [titolu eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati ( 2 ), jagħmel parti mill-ħolqien ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew unifikat fejn jidħlu materji ċivili u kummerċjali. Permezz ta’ dan ir-regolament huwa possibbli li ma tkunx meħtieġa l-proċedura għal dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva tal-krediti mhux ikkontestati li jkunu ġew ikkonstatati permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li din il-proċedura tiġi ssostitwita, f’loġika ta’ rikonoxximent reċiproku, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni mill-qorti ta’ oriġini li jippermetti, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, li d-deċiżjoni ġudizzjarja ċċertifikata b’dan il-mod tiġi ttrattata, bħala titolu eżekuttiv Ewropew, bħallikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni tagħha.

2.

Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġdida ta’ ċertifikazzjoni li t-Tribunale di Bologna (qorti ta’ Bologna) għamlet domanda preliminari dwar il-kunċett ta’ “kreditu mhux ikkontestat” sabiex jiġi ċċarat jekk dan il-kunċett għandux jinftiehem b’riferiment għad-dritt tal-Istati Membri jew, għall-kuntrarju, għandux jingħata definizzjoni awtonoma fid-dritt tal-Unjoni.

3.

Dik il-qorti, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2014 li, peress li ma kinitx is-suġġett ta’ rikors, saret definittiva, ikkundannat lil Aston Martin Lagonda Ltd, flimkien ma’ kumpanniji oħra, sabiex tħallas lil Pebros Servizi Srl somma ddeterminata, flimkien mal-interessi legali, kif ukoll l-ispejjeż.

4.

Minkejja li kienet ġiet informata u intimata sabiex tipparteċipa fil-proċedura miftuħa kontriha, Aston Martin Lagonda Ltd ma dehritx, b’tali mod li l-proċedura żvolġiet fl-assenza tagħha.

5.

Fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, Pebros Servizi Srl talbet, fl-14 ta’ Ottubru 2014, il-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv Ewropew skont ir-Regolament Nru 805/2004, sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ eżekuzzjoni li tippermetti l-irkupru tal-kreditu tagħha. Peress li għandha dubju dwar l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament sa fejn, fid-dritt Taljan, il-proċedura fil-kontumaċja (“in contumacia”) ma timplikax ammissjoni, it-Tribunale di Bologna (qorti ta’ Bologna) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-każ ta’ sentenza fil-kontumaċja (fl-assenza ta’ parti) li permezz tagħha parti li ma dehritx/assenti kienet ġiet ikkundannata, mingħajr, madankollu, ebda rikonoxximent espress tad-dritt minn naħa ta’ din il-parti, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk dan l-aġir proċedurali huwiex ekwivalenti għal nuqqas ta’ kontestazzjoni fis-sens tar-Regolament [Nru 805/2004 ], li possibbilment jista’ jiċħad, skont id-dritt nazzjonali, in-natura mhux ikkontestata tat-talba, jew abbażi tad-dritt [tal-Unjoni], kundanna fil-kontumaċja/fl-assenza ta’ parti timplika, minn natura tagħha stess, nuqqas ta’ kontestazzjoni, b’mod li r-Regolament [...] Nru 805/2004 japplika irrispettivament mill-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali?”

6.

Il-Gvern Taljan eċċepixxa l-inammissibbiltà ta’ din id-domanda billi jikkontesta l-kwalità ta’ qorti jew tribunal, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tat-Tribunale di Bologna (qorti ta’ Bologna). Skont dan il-gvern, il-proċedura segwita minn dik il-qorti, meta tintalab tiddeċiedi dwar talba għaċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew, ma tissodisfax il-kriterji oġġettivi li jippermettu li din il-proċedura tiġi kklassifikata bħala eżerċizzju ta’ attività ġudizzjarja u iktar tista’ titqies li hija proċedura purament amministrattiva jew, l-iktar l-iktar, bħala proċedura ta’ ġurisdizzjoni volontarja.

7.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel nett issib soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari. Sa fejn huwa paċifiku li t-Tribunale di Bologna (qorti ta’ Bologna) tikkostitwixxi, minn perspettiva strutturali, qorti, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għandhiex titqies li hija proċedura purament amministrattiva jew jekk għandhiex ukoll aspett ġudizzjarju.

8.

F’dawn il-konklużjonijiet, li ser jiffokaw fuq din il-kwistjoni, ser insostni li, meta jkollha quddiemha talba għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew, il-qorti ta’ oriġini ma għandhiex titqies li qiegħda taġixxi biss bħala awtorità amministrattiva mingħajr ma tkun meħtieġa tiddeċiedi tilwima, iżda għandha titqies li qiegħda teżerċita wkoll funzjoni ġudizzjarja, u minn dan ser nislet il-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

II – L-evalwazzjoni tiegħi

9.

Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali u li permezz tagħha tal-ewwel tipprovdi lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom bżonn sabiex jagħtu deċiżjoni dwar it-tilwima li jkollhom quddiemhom, hija proċedura, skont l-espressjoni użata, “bejn qorti u qorti” li tikkontribwixxi għat-tfassil ta’ deċiżjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Kif tindika l-formulazzjoni stess tal-Artikolu 267 TFUE, huma biss il-qrati u t-tribunali nazzjonali li jistgħu jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

10.

Sabiex tevalwa jekk il-korp tar-rinviju għandux il-kwalità ta’ qorti jew tribunal, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat metodu ta’ identifikazzjoni li huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru ta’ elementi, bħalma huma l-oriġini legali tal-korp, in-natura permanenti tiegħu, in-natura vinkolanti tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, ta’ dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 3 ).

11.

Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha toriġina minn qorti li, mill-aspett funzjonali, ikollha quddiemha tilwima li jkun il-kompitu tagħha li tiddeċiedi. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali jistgħu jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ biss li jkun hemm tilwima pendenti quddiemhom u fil-każ li jkunu meħtieġa jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 4 ).

12.

Din il-ġurisprudenza, li bdiet bid-digriet Borker ( 5 ), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma setgħetx tiġi adita minn bord tal-kamra tal-avukati li ma kienx qiegħed jiddeċiedi dwar tilwima li legalment kellu l-funzjoni li jiddeċiedi iżda li kien qiegħed jiddeċiedi dwar talba intiża sabiex tinkiseb dikjarazzjoni dwar tilwima bejn membru tal-kamra tal-avukati u l-qrati ta’ Stat Membru ieħor, ġiet ikkonfermata diversi drabi.

13.

Fid-digriet Greis Unterweger ( 6 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma setgħetx tiġi adita minn kummissjoni konsultattiva fir-rigward ta’ ksur fil-qasam monetarju, li l-funzjoni tagħha kienet li tagħti opinjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, u mhux li tiddeċiedi dwar tilwim ( 7 ).

14.

Kien imbagħad fis-sentenza Job Centre ( 8 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat iż-żewġ linji gwida perenni tal-ġurisprudenza tagħha.

15.

L-ewwel linja gwida hija bbażata, konformement mad-deċiżjonijiet mogħtija qabel, fuq l-introduzzjoni, fid-definizzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fid-dritt tal-Unjoni, ta’ kriterju funzjonali marbut man-“natura tal-attività eżerċita mill-korp tar-rinviju”. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula minn qorti Taljana li kienet qiegħda tiddeċiedi dwar talba għall-approvazzjoni tal-istatuti ta’ kumpannija filwaqt li osservat li l-qorti tar-rinviju, meta tkun meħtieġa tiddeċiedi dwar tali talba, “teżerċita funzjoni mhux ġudizzjarja li, barra minn hekk, fi Stati Membri oħra hija mogħtija lil awtoritajiet amministrattivi” ( 9 ) u “taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr ma tkun meħtieġa, fl-istess ħin, li tiddeċiedi tilwima” ( 10 ). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” huwa intrinsikament marbut mal-eżistenza ta’ tilwima, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkollabora biss ma’ qorti li tkun qiegħda tagħti deċiżjoni fl-eżerċizzju tal-attività ġudizzjarja tagħha.

16.

It-tieni linja gwida hija marbuta mal-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni meta jkun ġie ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti li teżerċita funzjoni mhux ġudizzjarja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, wara li ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti li quddiemha kienet tressqet it-talba għal approvazzjoni, li “[h]uwa biss fil-każ li l-persuna awtorizzata mid-dritt nazzjonali sabiex titlob l-approvazzjoni tippreżenta rikors kontra rifjut ta’ approvazzjoni [...] li l-qorti adita tista’ titqies li qiegħda teżerċita [...] funzjoni ta’ natura ġudizzjarja li jkollha bħala suġġett l-annullament ta’ att li jikkawża preġudizzju għal dritt tal-persuna li ressqet it-talba” ( 11 ). Din l-eċċezzjoni tiftaħ, b’mod opportun, il-possibbiltà li terġa’ tinbeda, fi stadju superjuri, kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja meta l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

17.

F’dan is-sens, fis-sentenza tagħha Roda Golf & Beach Resort ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domandi preliminari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 ( 13 ) billi bbażat ruħha fuq il-fatt li, b’differenza mir-reġistratur li tkun saritlu talba għal notifika jew servizz skont dan ir-regolament, li jkun qiegħed jaġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr ma jkun meħtieġ, fl-istess ħin, jiddeċiedi dwar tilwima, il-qorti li jkollha tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat kontra r-rifjut ta’ dan ir-reġistratur li jwettaq in-notifika jew is-servizz mitluba tkun adita b’tilwima u teżerċita funzjoni ġudizzjarja ( 14 ).

18.

Ma’ dawn iż-żewġ linji gwida li ħarġu mis-sentenza Job Centre ( 15 ), il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili żiedet linja gwida ġdida, ikkaratterizzata minn interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “jagħtu s-sentenza tagħhom”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Fis-sentenza tagħha Weryński ( 16 ), dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 ( 17 ), filwaqt li kkonstatat li interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett “tippermetti li jiġi evitat li diversi domandi proċedurali [...] ma jkunux jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni” ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi kunċett jinkludi “l-proċess kollu tal-għoti tas-sentenza, inklużi l-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw ir-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-proċedura” ( 19 ).

19.

Fil-loġika ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Fahnenbrock et ( 20 ), iddikjarat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li, filwaqt li kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ( 21 ), kienu tressqu fi stadju partikolarment bikri tat-tilwima, qabel in-notifika tal-att promotur lill-parti l-oħra ( 22 ).

20.

Wara li rrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tagħha fi stadju preċedenti tat-tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha issa kwistjoni li tikkonċerna l-istadju sussegwenti tat-tilwima fejn, wara li ngħatat id-deċiżjoni ġudizzjarja, il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew għandha tiġi konkluża sabiex tippermetti l-moviment ta’ din id-deċiżjoni fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew. Din il-proċedura hija proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja?

21.

Qabel tingħata tweġiba għal din il-kwistjoni, għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata neċessarjament klassifikazzjoni awtonoma fid-dritt tal-Unjoni peress li hija proċedura stabbilita permezz ta’ dan id-dritt u li hija speċifika għalih, u dan minkejja li r-Regolament Nru 805/2004 jħares l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fir-rigward, b’mod partikolari, tal-metodi ta’ notifika u ta’ servizz tal-atti.

22.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 805/2004 ma tippermettix li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi li t-talba għal ċertifikazzjoni għandha titressaq quddiem il-qorti ta’ oriġini, mingħajr ma tispeċifika liema awtorità, fi ħdan din il-qorti, għandha tkun kompetenti sabiex teżaminaha.

23.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, iċ-ċertifikazzjoni għandha aspett amministrattiv kunsiderevoli peress li tikkonsisti fil-mili tal-partijiet tal-formularju li jinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 805/2004, bl-indikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Istat Membru ta’ oriġini, tal-isem tal-qorti, tal-ammont tal-kreditu, maqsum bejn is-somma prinċipali u l-interessi, tal-ammont tal-ispejjeż, eċċ. Madankollu, din iċ-ċertifikazzjoni għandha wkoll aspett ġudizzjarju? Fil-fehma tiegħi, diversi kunsiderazzjonijiet jimmilitaw favur risposta fl-affermattiv.

24.

L-ewwel kunsiderazzjoni hija marbuta mal-pożizzjoni determinanti li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni prevista fir-Regolament Nru 805/2004 tagħti lill-osservanza tal-garanziji proċedurali minimi li jikkostitwixxu rekwiżit fundamentali ta’ dan l-istrument.

25.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-definizzjoni ta’ kreditu mhux ikkontestat mogħtija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 805/2004 tippermetti li jiġu koperti mhux biss il-każijiet fejn id-debitur ikun “espressament” irrikonoxxa l-kreditu, jew fi strument awtentiku, jew billi “qabel miegħu billi ammetta jew permezz ta’ settlement [...] quddiem qorti”, iżda wkoll il-każijiet fejn id-debitur jitqies li jkun għamel “ammissjoni siekta” tal-kreditu, jew billi ma jkun oġġezzjona qatt għall-kreditu fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, jew billi ma jkunx deher jew ma jkunx qabbad rappreżentant fis-smigħ dwar dan il-kreditu wara li jkun inizjalment ikkontestah.

26.

Fid-dawl tal-perikoli marbuta ma’ din il-possibbiltà li s-silenzju tad-debitur jiġi interpretat b’mod li jmur kontra d-debitur billi minn dan is-silenzju tiġi dedotta forma ta’ ammissjoni, ir-Regolament Nru 805/2004 jeżiġi l-osservanza ta’ garanziji proċedurali minimi sabiex jitħarsu d-drittijiet tad-difiża. Dawn il-garanziji ma jikkonċernawx biss il-metodi ta’ notifika jew ta’ servizz tal-att promotur, li dan ir-regolament jaqsamhom f’żewġ kategoriji prinċipali skont jekk ikunux akkumpanjati jew le mill-prova li d-debitur irċieva dan l-att, iżda jikkonċernaw ukoll il-kontenut informattiv tal-imsemmi att, peress li d-debitur għandu jiġi informat dwar il-kreditu kif ukoll dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jikkontestah.

27.

Minkejja li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-istandards proċedurali minimi jipprojbixxi, bħala prinċipju, iċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew, ir-Regolament Nru 805/2004 jipprevedi mezzi sabiex jiġi rrimedjat dan in-nuqqas meta n-notifika jew is-servizz tad-deċiżjoni ġudizzjarja jkunu twettqu b’osservanza tal-imsemmija standards u meta d-debitur, minkejja li kellu l-possibbiltà li jikkontesta din id-deċiżjoni permezz ta’ rikors li jirrikjedi eżami mill-ġdid komplet u minkejja li kien debitament informat b’din il-possibbiltà, ma jkunx eżerċita rikors ( 23 ). In-nuqqas ta’ osservanza tal-istandards minimi jista’ jiġi rrimedjat ukoll fil-każ li jiġi pprovat, permezz tal-aġir tad-debitur matul il-proċedura ġudizzjarja, li dan kien irċieva personalment l-att li għandu jkun is-suġġett ta’ notifika jew ta’ servizz f’mument li kien jippermettilu biżżejjed żmien sabiex ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu ( 24 ).

28.

Fl-aħħar nett, anki meta d-debitur ikun ġie informat dwar il-proċedura mibdija kontrih permezz ta’ att promotur li kien is-suġġett ta’ notifika jew ta’ servizz skont ir-regoli minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 17 tar-Regolament Nru 805/2004, l-Artikolu 19(1) ta’ dan tal-aħħar jipprovdi li, fil-każijiet previsti fil-punti (a) u (b), id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew fil-każ biss li d-debitur ikollu d-dritt, skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, li jitlob eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni inkwistjoni.

29.

Irrispettivament minn jekk ikunx fl-istadju inizjali tal-istħarriġ tal-osservanza tal-istandards minimi jew jekk hux fl-istadju sussegwenti tal-verifika tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ osservanza tagħhom, ir-Regolament Nru 805/2004 jeżiġi, għaldaqstant, sensiela sħiħa ta’ verifiki li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-modalitajiet tan-notifika jew tas-servizz tal-att promotur jew tad-deċiżjoni ġudizzjarja, l-evalwazzjoni tal-aġir tad-debitur matul il-proċedura u l-livell ta’ informazzjoni li huwa rċieva dwar il-possibbiltà u l-kundizzjonijiet ta’ rikors. Fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti ta’ oriġini għandha twettaq eżami, ta’ natura ġudizzjarja, dwar ir-regolarità tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti, sa fejn l-irregolarità ta’ din tal-aħħar hija ta’ natura li tippreġudika d-drittijiet tal-konvenut. L-istħarriġ li l-qorti ta’ oriġini għandha twettaq fl-istadju taċ-ċertifikazzjoni ma huwiex, fl-aħħar mill-aħħar, ta’ natura differenti mill-verifiki ta’ natura ġudizzjarja li hija jkollha twettaq qabel ma tagħti d-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari sabiex tivverifika, billi tapplika r-regoli tad-dritt nazzjonali tagħha konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jekk l-att promotur kienx tressaq għall-għarfien tad-debitur b’mod regolari.

30.

Barra minn hekk, ma’ dan l-istħarriġ dwar il-proċedura ġudizzjarja fl-Istat Membru ta’ oriġini, ir-Regolament Nru 805/2004 iżid stħarriġ marbut man-natura tal-kreditu, sabiex jiġi vverifikat li dan il-kreditu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, man-natura mhux ikkontestata tiegħu, mal-ġurisdizzjoni tal‑qorti ta’ oriġini ( 25 ), man-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni ġudizzjarja u, jekk ikun il-każ, mad-domiċilju tad-debitur ( 26 ). Fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċertifikazzjoni timplika sensiela ta’ verifiki fil-fond li jagħmlu parti minn eżami verament ġudizzjarju.

31.

It-tieni kunsiderazzjoni hija marbuta mal-impossibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ titolu eżekuttiv Ewropew. Peress li l-mekkaniżmu normali tar-rimedji ġudizzjarji ma jistax jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi sussegwentement adita minn qorti li tkun qiegħda tiddeċiedi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha, l-assenza ta’ rikonoxximent tal-klassifikazzjoni bħala attività ġudizzjarja jkollha l-effett li ċċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-possibbiltà li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 805/2004 jew, minn tal-inqas, li toħloq dewmien u kumplikazzjoni fl-intervent tagħha.

32.

It-tielet kunsiderazzjoni hija marbuta mal-interpretazzjoni wiesgħa li tradizzjonalment ingħatat fil-ġurisprudenza lill-kunċett ta’ “proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja”. Għalkemm il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tiżvolġi wara li t-tilwima tkun ġiet deċiża mid-deċiżjoni ġudizzjarja li tagħlaq l-istanza quddiem il-qorti ta’ oriġini, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ ċertifikazzjoni, din id-deċiżjoni ma tkunx għadha żviluppat il-potenzjal kollu tagħha peress li ma jkunx għad għandha l-kapaċità meħtieġa sabiex tgawdi minn moviment liberu fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew. F’din il-loġika, il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tidher inqas bħala fażi distinta tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti milli bħala l-istadju aħħari tagħha, meħtieġa sabiex id-deċiżjoni ġudizzjarja tiġi pperfezzjonata bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

33.

Għaldaqstant, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta soluzzjoni li, barra minn hekk, għadha kemm ġiet adottata fis-sentenza Imtech Marine Belgium ( 27 ), mogħtija fis-17 ta’ Diċembru 2015. Adita preċiżament bil-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 805/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew hija att ta’ natura ġudizzjarja u għaldaqstant irriżervata lill-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li din iċ-ċertifikazzjoni “għandha tiġi rriżervata lill-qorti” ( 28 ), sa fejn “tirrikjedi eżami ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 805/2004” ( 29 ).

III – Konklużjoni

34.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bologna (qorti ta’ Bologna).


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38.

( 3 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza Consorci Sanitari del Maresme (C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Ara d-digrieti Borker (138/80, EU:C:1980:162, punt 4) u Greis Unterweger (318/85, EU:C:1986:106, punt 4); sentenzi Job Centre (C‑111/94, EU:C:1995:340, punt 9); Victoria Film (C‑134/97, EU:C:1998:535, punt 14); Salzmann (C‑178/99, EU:C:2001:331, punt 14); Lutz et (C‑182/00, EU:C:2002:19, punt 13); Standesamt Stadt Niebüll (C‑96/04, EU:C:2006:254, punt 13); u Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 34), kif ukoll id-digrieti Amiraike Berlin (C‑497/08, EU:C:2010:5, punt 17) u Bengtsson (C‑344/09, EU:C:2011:174, punt 18).

( 5 ) 138/80, EU:C:1980:162.

( 6 ) 318/85, EU:C:1986:106.

( 7 ) Punt 4.

( 8 ) C‑111/94, EU:C:1995:340.

( 9 ) Punt 11.

( 10 ) Idem.

( 11 ) Idem.

( 12 ) C‑14/08, EU:C:2009:395.

( 13 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227).

( 14 ) Punt 37 ta’ din is-sentenza.

( 15 ) C‑111/94, EU:C:1995:340.

( 16 ) C‑283/09, EU:C:2011:85.

( 17 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121).

( 18 ) Punt 41 ta’ din is-sentenza.

( 19 ) Punt 42 tal-imsemmija sentenza.

( 20 ) C‑226/13, C‑245/13, C‑247/13 u C‑578/13, EU:C:2015:383.

( 21 ) Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79).

( 22 ) Punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza.

( 23 ) Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament.

( 24 ) Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament.

( 25 ) Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmi regolament.

( 26 ) Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004.

( 27 ) C‑300/14, EU:C:2015:825.

( 28 ) Punt 50.

( 29 ) Punt 46.