KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawża C‑455/14 P

H

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Espert nazzjonali kkollokat mal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja‑Ħerzegovina — Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid — Artikolu 24(1) TUE — Artikolu 275 TFEU — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Kompetenzi tal-qrati nazzjonali — Kategoriji ta’ atti li jaqgħu taħt il-PESK — Kunċett ta’ ‘miżuri restrittivi’”

1. 

It-Trattat ta’ Lisbona neħħa l-istruttura tat-tliet pilastri tal-Unjoni Ewropea u daħħal fil-qafas ġenerali tal-UE d-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”). Iżda, dan ma wassalx għall-“komunitarizzazzjoni” tal-PESK, billi l-politika għadha suġġetta “għal regoli u proċeduri speċifiċi” ( 2 ).

2. 

Waħda mill-karatteristiċi sinjifikattivi tal-qafas speċjali mfassal għall-PESK mill-awturi tat-Trattati huma l-kompetenzi limitati mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“QĠUE”), fil-kapaċità tagħha bħala istituzzjoni tal-Unjoni, f’dan il-qasam. Jista’ jingħad liberament li, minkejja twessigħ relattiv tal-ġurisdizzjoni tagħha, l-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-QĠUE fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-PESK jinqalgħu biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Minkejja dan, id-delimitazzjonijiet preċiżi ta’ din il-ġurisdizzjoni ma humiex ċari għal kollox.

3. 

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja waħda mill-ewwel opportunitajiet sabiex tiġi ddeterminata l-firxa tal-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-PESK. Fil-fatt, il-kwistjoni ewlenija f’dawn il-proċeduri hija jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex ġurisdizzjoni tisma’ kawża għall-annullament ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kap ta’ missjoni tal-UE stabbilita skont il-PESK. Il-kumplessità u s-sensittività tal-kwistjoni hija riflessa wkoll fil-fatt li l-pożizzjonijiet difiżi mit-tliet partijiet f’dawn il-proċeduri huma sostanzjalment differenti bejniethom. B’mod interessanti, dawn il-partijiet kollha huma tal-fehma li r-raġunijiet mogħtija fid-digriet appellat huma żbaljati, għalkemm għal raġunijiet differenti.

I – Il-kuntest ġuridiku

4.

Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EUPM’”) fil-Bosnja-Ħerzegovina twaqqfet għall-ewwel darba mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/210/PESK tal-11 ta’ Marzu 2002 ( 3 ) għall-perijodu ta’ sena, li sussegwentement ġie estiż diversi drabi, l-iktar reċenti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK, tat-8 ta’ Diċembru 2009, dwar l-EUPM fil-Bosnja u Ħerzegovina (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2009/906”) ( 4 ). Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2009/906 huma dawn li ġejjin.

5.

L-Artikolu 5 (“Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili”) jistabbilixxi li:

“1.

Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPM.

2.

Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUPM fil-livell strateġiku.

3.

Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

4.

Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.”

6.

L-Artikolu 6 (“Kap tal-Missjoni”) jipprovdi li:

“1.

Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post.

2.

Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik mill-assi, mir-riżorsi u mill-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUPM.

3.

Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-EUPM għat-twettiq effikaċi tal-EUPM fil-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

[...]

5.

Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali, jew tal-UE, konċernata.

[...]”

7.

L-Artikolu 7(2), fil-parti rilevanti, jistabbilixxi li “L-EUPM għandha tikkonsisti primarjament f’persunal sekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-UE.”

8.

L-Artikolu 8(2) (“Status tal-Missjoni u tal-persunal tal-EUPM”) jistabbilixxi li:

“L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli għall-bidu ta’ kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata”.

9.

L-Artikolu 9 (“Linja ta’ kmand”) jipprovdi li:

“1.

L-EUPM għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.

2.

Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM.

3.

Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EUPM fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.

Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.

Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.”

10.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10 (“Kontroll politiku u direzzjoni strateġika”) jistabbilixxi li:

“1.

Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat [UE] [...] Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUPM għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.

Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.

Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

11.

L-appellanti f’dan il-każ hija H, maġistrat Taljan li ġiet ikkollokata mal-EUPM f’Sarajevo b’digriet tal-Ministeru tal-Ġustizzja Taljan tas-16 ta’ Ottubru 2008, sabiex twettaq id-dmirijiet ta’ “Criminal Justice Unit Adviser” mill-14 ta’ Novembru 2008. Il-kollokament tagħha ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2009, sabiex hija tkun tista’ twettaq id-dmirijiet ta’ “Chief Legal Officer”, u wara ġie estiż għal darb’oħra sal-31 ta’ Diċembru 2010.

12.

B’deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, iffirmata mill-Kap tal-Persunal tal-EUPM, l-appellanti ġiet assenjata mill-ġdid għal raġunijiet operattivi fil-post ta’ “Criminal Justice Adviser – Prosecutor” fl-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka (Bosnja‑Ħerzegovina), mid-19 ta’ April 2010.

13.

Wara li rċeviet id-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010, l-appellanti ressqet ilment mal-awtoritajiet Taljani, billi kkunsidrat li din id-deċiżjoni kienet illegali għal numru ta’ raġunijiet. B’messaġġ elettroniku tal-15 ta’ April 2010, uffiċjal mir-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika Taljana għall-Unjoni Ewropea informa lill-appellanti li d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 kienet ġiet sospiża.

14.

B’deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, il-Kap tal-Missjoni rrisponda l-ilment tal-appellanti billi kkonferma d-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 u spjega li kien huwa stess li ħadha minħabba l-bżonn ta’ pariri fil-qasam kriminali fl-uffiċċju ta’ Banja Luka.

15.

Fl-4 ta’ Ġunju 2010, l-appellanti ressqet kawża kontra l-EUPM quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio (qorti amministrattiva reġjunali tal-Lazio) għall-annullament tad-deċiżjoni tas-7 April 2010 u għal kumpens għad-dannu mġarrab.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

16.

B’rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2010, l-appellanti ressqet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-7 ta’ April 2010 u, fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjonijiet ikkontestati”). Barra minn hekk, H talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkundanna lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-EUPM għall-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu mġarrab.

17.

B’rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2010, l-appellanti talbet is-sospensjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. B’digriet tat-22 ta’ Lulju 2010, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din il-talba (iktar ’il quddiem id “digriet għal miżuri provviżorji”) ( 5 ).

18.

B’digriet mogħti fl-10 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem “id-digriet appellat”) ( 6 ), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni bħala inammissibbli u ordnat lil H tħallas l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

19.

B’appell ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż;

20.

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tissostitwixxi l-argumenti legali tal-Qorti Ġenerali dwar id-delega ta’ setgħat;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

21.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn huwa indirizzat lill-Kummissjoni, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-kumplament;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

22.

H, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit-18 ta’ Jannar 2016.

V – L-evalwazzjoni tal-aggravji tal-appell

A –L-ewwel aggravju tal-appell

1. L-argumenti tal-partijiet

23.

Bl-ewwel aggravju tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni li, meta l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni tagħha bħala inammissibbli mingħajr ma żammet seduta, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar il-quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”).

24.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad dan l-aggravju.

2. Analiżi

25.

Jiena wkoll nemmen li dan l-aggravju huwa infondat.

26.

L-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura ma jobbligax lill-Qorti Ġenerali li żżomm seduta meta parti titlob deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ azzjoni mingħajr ma wieħed jidħol fil-mertu tal-każ. Fil-fatt, skont it-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-“proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor” ( 7 ). Għaldaqstant, huwa jipprovdi espressament li l-Qorti Ġenerali tista’, f’dawn il-każijiet, tiddeċiedi mingħajr ma tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

27.

F’diversi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura ma jagħtix lill-partijiet id-dritt għal seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti Ġenerali ( 8 ), u d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ma jinkisrux bis-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi każ mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali ( 9 ). F’dawn il-proċeduri, l-appellanti ma offriet l-ebda prova insostenn tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

28.

F’dan il-kuntest, bilkemm għandu għalfejn jiġi indikat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, id-digriet għal miżuri provviżorji ma jammontax għar-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża. Fil-fatt, f’dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li ma kienx meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-azzjoni ( 10 ).

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha d-dritt tiddeċiedi li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tipproċedi bil-kawża mingħajr ma żżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

B –It-tieni aggravju tal-appell

1. L-argument tal-partijiet

30.

It-tieni aggravju tal-appell huwa mmirat lejn il-punti 29 sa 48 tad-digriet appellat fejn il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża. Il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li s-sitwazzjoni tal-appellanti ma kinitx taqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali li l-qrati tal-UE ma għandhomx ġurisdizzjoni f’kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK. Il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjonijiet kkontestati ġew adottati mill-Kap tal-Missjoni bis-saħħa tas-setgħat iddelegati mill-awtoritajiet Taljani. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li kienu l-qrati Taljani li kellhom jistħarġu l-legalità tad-deċiżjonijiet kkontestati u jieħdu konjizzjoni tal-kawża għad-danni. Fl-aħħar nett, hija żiedet tgħid li jekk il-qorti Taljana li jkollha ġurisdizzjoni tqies li d-deċiżjonijiet kkontestati kienu illegali, hija tista’ tiddeċiedi hekk u tiġbed il-konklużjonijiet meħtieġa, anki fir-rigward tal-eżistenza stess ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

31.

L-appellanti tikkritika dawn il-konstatazzjonijiet primarjament għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, hija tissottometti li l-ġurisdizzjoni tal-QĠUE hija eskluża biss fir-rigward ta’ atti adottati għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 25 TUE, skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 31 TUE. Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ membru tal-persunal hija sempliċi deċiżjoni amministrattiva u mhux att li jaqa’ taħt il-PESK għall-finijiet tal-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE. It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-kunċett ta’ “miżuri restrittivi” fl-Artikolu 275 TFEU jinkludi l-atti kollha tal-UE li jaffettwaw ħażin l-interessi tal-individwi, inklużi d-deċiżjonijiet kkontestati. Din il-pożizzjoni hija sostnuta, fil-fehma tagħha, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Sogelma ( 11 ).

32.

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma infondati: il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qalet li ma kellhiex ġurisdizzjoni. Madankollu, il-Kunsill huwa tal-fehma illi l-motivazzjoni fid-digriet appellat fil-fatt fiha żewġ żbalji ta’ liġi. L-ewwel nett, billi ddeċieda li H tiġi assenjata mill-ġdid, il-Kap tal-Missjoni ma eżerċitax is-setgħat iddelegati lilu mill-Istat Membru ta’ oriġini, iżda mill-istituzzjoni tal-UE kompetenti (il-Kunsill innifsu). It-tieni nett, il-qorti nazzjonali li ħadet konjizzjoni tal-kawża ma għandhiex il-kompetenza li tannulla l-att ikkontestat. Minkejja dan, dawn l-iżbalji — fil-fehma tal-Kunsill — ma jinvalidawx il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali.

33.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni taqbel ma’ parti mill-kritika li saret mill-appellanti kontra d-digriet appellat, minkejja li qieset li l-azzjoni hija inammissibbli. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-ġurisdizzjoni mogħtija lill-QĠUE biex tistħarreġ l-atti li jaqgħu taħt il-PESK ma hijiex daqstant limitata kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikoli 24(1) TUE u 375 TFUE għandhom jinqraw bħala li jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fir-rigward biss tal-atti li jaqgħu taħt il-PESK li huma espressjoni ta’ politika estera sovrana (“actes de Gouvernement”), u mhux fir-rigward ta’ atti li sempliċiment jimplementaw din il-politika. Sussidjarjament, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE jeskludu l-istħarriġ tal-QĠUE ta’ allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-PESK biss, iżda mhux ta’ allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-UE. Għalhekk, il-QĠUE tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ atti adottati fil-qafas tal-PESK meta l-allegata invalidità tirriżulta minn ksur possibbli ta’ dispożizzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-PESK. Madankollu, skont il-Kummissjoni dan l-appell huwa inammissibbli għar-raġunijiet li ġejjin: l-ewwel nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jitqiesu li huma sempliċi atti ta’ implementazzjoni, billi huma ta’ natura operattiva; it-tieni nett, il-motivi għall-annullament li qajmet l-appellanti fl-ewwel istanza kienu jeħtieġu li l-Qorti Ġenerali tinterpreta d-Deċiżjoni 2009/906 (ħaġa li dik il-qorti ma setgħetx tagħmel minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni) jew inkella kellhom jiġu indirizzati kontra l-awtoritajiet Taljani (u għalhekk imqajma fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-qrati Taljani).

2. Evalwazzjoni

34.

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-appellanti, naħseb li jkun utli li l-ewwel inpoġġihom fil-kuntest legali xieraq. Għal dan l-iskop, ser nuri fil-qosor xi aspetti ewlenin tas-sistema tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona. Sussegwentement ser nittratta kull wieħed minn dawn l-argumenti, qabel ma nislet il-konklużjonijiet xierqa fir-rigward tal-allegati żbalji fid-digriet appellat.

a) Introduzzjoni: fuq il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK

35.

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-Trattati stabbilixxew sistema kompleta ta’ rimedji u proċeduri legali intiżi sabiex jiżguraw l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-UE, u fdaw dan l-istħarriġ lill-QĠUE. Bħala riżultat, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà msemmija fl-Artikolu 263(4) TFUE, jikkontestaw direttament atti tal-UE ta’ applikazzjoni ġenerali huma protetti mill-applikazzjoni ta’ dawn l-atti fil-konfront tagħhom. Meta r-responsabbiltà għall-implementazzjoni ta’ dawn l-atti tkun f’idejn l-istituzzjonijiet tal-UE, dawn il-persuni huma intitolati li jressqu azzjoni diretta quddiem il-qrati tal-UE kontra l-miżuri ta’ implementazzjoni skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 263(4) TFUE, u li jeċċepixxu, bis-saħħa tal-Artikolu 277 TFUE, insostenn ta’ dik il-kawża, l-illegalità tal-att ġenerali inkwistjoni. Meta, bil-maqlub, l-implementazzjoni hija kwistjoni għall-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jeċċepixxu l-invalidità tal-att tal-UE inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jitolbu lil dawn tal-aħħar li jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE ( 12 ).

36.

Madankollu, dawn il-prinċipji ma humiex applikabbli kompletament fir-rigward tal-atti tal-UE adottati fil-qasam tal-PESK. Fil-fatt, l-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE jgħidu, essenzjalment, li l-QĠUE ma għandux ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-PESK jew atti adottati fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief f’żewġ sitwazzjonijiet speċifiċi. L-ewwel nett, il-QĠUE tista’ tistħarreġ il-konformità mal-Artikolu 40 TUE li jistabbilixxi regola ta’ assenza ta’ ndħil reċiproka bejn il-PESK u l-kompetenzi oħrajn tal-UE. It-tieni nett, il-QĠUE għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawżi għall-annullament mressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra deċiżjonijiet li jipprovdu għal “miżuri restrittivi” adottati mill-Kunsill skont il-PESK.

37.

Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi rrikonoxxut li, fil-qasam tal-PESK, l-Unjoni għandha s-setgħa li tadotta atti li huma legalment vinkolanti mhux biss fuq l-istituzzjonijiet tagħha, imma wkoll fuq l-Istati Membri. Il-kliem tal-Artikoli 24(3) ( 13 ) u 31(1) ( 14 ) TUE huwa partikolarment informattiv f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-PESK, l-Unjoni ma hijiex intiża sabiex tadotta atti li jistabbilixxu regoli astratti u ġenerali li joħolqu drittijiet u obbligi għall-individwi ( 15 ).

38.

Dan jispjega għaliex, essenzjalment, ġiet ikkonċepita l-PESK, mill-ħolqien tagħha mit-Trattat ta’ Maastricht, bħala sett ta’ regoli li jiena niddefinixxi bħala lex imperfecta ( 16 ), u dan minn perspettiva doppja.

39.

Fl-ewwel lok, it-Trattati ma jistabbilixxu espressament l-ebda proċedura ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni u ta’ sanzjoni f’każijiet ta’ ksur. Għaldaqstant, ma tantx hemm mezz kif tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-regoli minn Stati Membri li huma diżubbidjenti b’mod stinat ( 17 ) jew istituzzjonijiet tal-UE ( 18 ) li ma jikkonformax mar-regoli.

40.

Fit-tieni lok, huma disponibbli biss rimedji limitati għal individwi li d-drittijiet tagħhom jistgħu jinkisru b’atti adottati fil-qafas tal-PESK. Fil-fatt, l-aċċess għall-QĠUE — direttament permezz ta’ azzjonijiet diretti, jew indirettament permezz ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari — huwa severament limitat.

41.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-individwi jistgħu jiksbu ċerti forom ta’ protezzjoni billi jirrikorru għall-proċeduri ġudizzjarji disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE li ġie mtenni fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 19 ). B’mod sinjifikattiv, l-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” ( 20 ). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 274 TFUE jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-[QĠUE] fit-Trattati, it-tilwim li fih l-Unjoni tkun parti, m’għandhomx għal dik ir-raġuni jkunu esklużi mill-kompetenza ta’ qrati jew tribunali nazzjonali”.

42.

Kif qalet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali, f’kollaborazzjoni mal-QĠUE, iwettqu dmir fdat lilhom ukoll li jiżguraw li fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati tiġi osservata l-liġi ( 21 ). Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rimedji u proċeduri legali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 22 ).

43.

Billi ma hemmx regoli tal-UE dwar dan is-suġġett, hija s-sistema ġuridika nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u sabiex tistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw azzjonijiet għas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi għandhom mid-dritt tal-UE. Ir-regoli proċedurali li jirregolaw dawn l-azzjonijiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jistgħux jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-UE (prinċipju ta’ effettività) ( 23 ).

44.

Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, għalija huwa ċar li l-kompetenzi mogħtija lill-qrati nazzjonali, fil-każijiet fejn il-QĠUE ma għandhiex ġurisdizzjoni skont it-Trattati, huma neċessarjament limitati. Ser nispjega dan fid-dettall fil-punti 101 u 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

45.

In-natura ta’ lex imperfecta tas-sett ta’ regoli tal-PESK hija b’mod ċar wirt tan-natura sui generis tat-tieni pilastru maħluq mit-Trattat ta’ Maastricht: sistema ibrida li amalgamat il-karatteristiċi tad-dritt Komunitarju (ta’ dak iż-żmien) u tad-dritt internazzjonali pubbliku ( 24 ). In-nuqqas ta’ mekkaniżmu vinkolanti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim ta’ natura ġudizzjarja huwa naturalment karatteristika li tappartjeni għal-lat intergovernattiv tal-PESK. Barra minn hekk, f’ħafna mill-Istati Membri (jekk mhux kollha) tal-UE, il-qrati nazzjonali tradizzjonalment jipprattikaw ċerti forom ta’ moderazzjoni meta tkun involuta il-possibbiltà li tittieħed konjizzjoni ta’ atti tal-Istat fl-isfera tal-politika estera ( 25 ).

46.

Madankollu, il-PESK issa hija parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-UE, minkejja li żżomm ċerti karatteristiċi partikolari. Bħala konsegwenza, il-mekkaniżmi tas-soltu ta’ eżekuzzjoni u sanzjoni li jeżistu fil-qafas tad-dritt pubbliku internazzjonali ma jistgħux japplikaw għaliha.

47.

L-ewwel nett, għad-differenza ta’ Stati li jaġixxu skont ir-regoli tad-dritt pubbliku internazzjonali, l-Istati Membri tal-UE ma jistgħux jagħżlu liberament kif jixtiequ jirriżolvu tilwima li tkun inqalgħet bejniethom ( 26 ). Il-kliem tal-Artikolu 344 TFUE huwa ċar fuq dan il-punt ( 27 ) u l-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma interpretazzjoni pjuttost rigoruża ta’ din id-dispożizzjoni ( 28 ). Għaldaqstant, minkejja l-ġurisdizzjoni pjuttost limitata mogħtija lill-QĠUE (u lill-qrati nazzjonali) fil-qasam tal-PESK, l-ebda korp ġudizzjarju ieħor ma jista’ jingħata l-kompitu esklużiv, f’dan il-qasam, li jiżgura li “d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati” ( 29 ).

48.

It-tieni nett, l-ebda forma ta’ ritaljazzjoni, jew sanzjoni oħra imposta mill-Istat ma hija aċċettabbli fis-sistema tal-UE ( 30 ), inkluż fil-qasam tal-PESK. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru fl-ebda ċirkustanza ma jista’ unilateralment jadotta, bl-awtorità tiegħu stess, miżuri protettivi jew korrettivi “maħsuba biex jipprevjenu xi nuqqas min-naħa ta’ Stat Membru ieħor biex jikkonforma mar-regoli previsti mit-Trattat” ( 31 ), jew maħsuba “sabiex jevita[w] nuqqas ta’ osservanza eventwali, minn istituzzjoni, tar-regoli tad-dritt [tal-UE]” ( 32 ).

49.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jenfasizzaw iktar u iktar il-limitazzjonijiet inerenti fis-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju kif stabbilita mit-Trattati fir-rigward tal-PESK. Jekk sistema bħal din hijiex kompatibbli mal-prinċipju li l-UE hija bbażata fuq l-istat tad-dritt ma huwa ta’ ebda rilevanza fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Fil-fatt, din is-sistema hija r-riżultat ta’ għażla konxja magħmula mill-awturi tat-Trattati, fejn ġie deċiż li l-QĠUE ma tingħatax ġurisdizzjoni ġenerali u assoluta fuq it-Trattati UE kollha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinterpreta r-regoli stabbiliti fit-Trattati sabiex twessa’ l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mill-ittra ta’ dawn ir-regoli jew toħloq rimedji ġodda mhux previsti fihom ( 33 ). Bħal kwalunkwe istituzzjoni oħra tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għandha tosserva l-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 13(2) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha “taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom.” Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom, jekk ikun meħtieġ, jirriformaw is-sistema li bħalissa hija fis-seħħ, skont l-Artikolu 48 TUE ( 34 ).

50.

Minkejja dan, il-ġurisdizzjoni mogħtija mit-Trattati lill-QĠUE f’dan il-qasam, għalkemm limitata, ma għandhiex tiġi injorata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-dispożizzjonijiet li jeskludu l-ġurisdizzjoni tagħha li tiddeċiedi dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-UE huma eċċezzjonijiet u, bħala tali, għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett ( 35 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti li, minkejja li ġew adottati fil-kuntest tal-PESK, kienu bbażati fuq bażijiet legali orizzontali jew li ma jaqgħux taħt il-PESK, sostantivi ( 36 ) jew proċedurali ( 37 ). Barra minn hekk, il-QĠUE għandha l-kompetenza li tivverifika, minn naħa, jekk att tal-PESK kellux jiġi adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni li ma taqax taħt il-PESK ( 38 ) u, min-naħa l-oħra, jekk att li jaqa’ taħt il-PESK li fil-konfront tiegħu l-ġurisdizzjoni tagħha tidher li hija eskluża kellux, minħabba n-natura, il-portata u l-effetti tiegħu, jiġi adottat fil-forma ta’ att li jaqa’ taħt il-PESK li fil-konfront tiegħu hija għandha, b’mod eċċezzjonali, ġurisdizzjoni ( 39 ).

51.

Huwa f’dan il-kuntest li issa ser nevalwa d-diversi argumenti mressqa, fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell tal-appellanti, insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-Qorti Ġenerali kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża tagħha.

b) L-ewwel parti: fuq id-dispożizzjonijiet u l-atti esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-QĠUE

52.

L-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell tqajjem kwistjoni ta’ natura kostituzzjonali, li tirrigwarda l-limiti tal-qasam tad-dritt fejn hija eskluża l-ġurisdizzjoni tal-QĠUE. Id-domanda ewlenija tista’ tiġi fformulata b’dan il-mod: bħala prinċipju, l-esklużjoni mill-ġurisdizzjoni tal-QĠUE tkopri l-atti kollha li jaqgħu taħt il-PESK jew tkopri biss ċerti kategoriji ta’ atti li jaqgħu taħt il-PESK?

53.

Fuq din il-kwistjoni, naqbel mal-Kunsill li, ħlief għal eċċezzjonijiet speċifiċi previsti fit-Trattati, il-QĠUE ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawżi li jirrigwardaw atti li jaqgħu taħt il-PESK.

54.

Qabelxejn, għandi nenfasizza li l-Artikolu 24(1) TUE huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet ċentrali fir-rigward tal-PESK. Fil-fatt, dan jiġi wara d-dispożizzjoni li tiftaħ it-Taqsima 1 (“Dispożizzjonijiet Komuni”) tal-Kapitolu 2 (“Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”) tat-Titolu V tat-TUE. Filwaqt li l-Artikolu 23 TUE jiddefinixxi l-għanijiet tal-PESK, l-Artikolu 24 TUE jistabbilixxi l-portata tal-PESK, il-qafas istituzzjonali bażiku tagħha, u l-prinċipji ta’ gwida.

55.

B’mod partikolari, l-Artikolu 24(1) TUE jibda billi jiddefinixxi l-portata tal-PESK: din tkopri “l-oqsma kollha tal-politika estera u l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni”. Sussegwentement jistabbilixxi l-qafas istituzzjonali bażiku, u jagħmilha ċara li l-PESK “hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi”, u jindika r-rwoli ewlenin li għandhom f’dan il-qasam il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24(1) TUE jistabbilixxi li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, il-QĠUE “m’għandhiex ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet”.

56.

Għaldaqstant, meta moqri fil-kuntest, il-kliem “dawn d-dispożizzjonijiet” jistgħu jirreferu biss għad-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti fit-TUE għall-PESK: jiġifieri, il-Kapitolu 2 sħiħ tat-Titolu V tat-TUE. Din l-interpretazzjoni hija riflessa wkoll fit-test tal-Artikolu 275 TFUE li jeskludi espressament il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK.

57.

Għaldaqstant, la qari litterali u lanqas wieħed sistematiku tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rilevanti ma jsostni l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-Kummissjoni, li jissuġġerixxu li għandha ssir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ atti tal-PESK skont in-natura u l-kontenut tagħhom.

58.

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti, nosserva li l-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE jinkludi mhux biss, minn naħa, dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 25 u 31 TUE li jirrigwardaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ politika ewlenin f’dan il-qasam mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill; iżda wkoll, min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni, permezz ta’ proċeduri differenti, ta’ varjetà ta’ atti (ta’ natura eżekuttiva, operattiva jew ta’ implementazzjoni) minn korpi oħrajn; jiġifieri, ir-Rappreżentant Għoli ( 40 ), l-Istati Membri ( 41 ) u l-KPS ( 42 ). Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE għandha titqies li hija eskluża wkoll fir-rigward tal-atti li jaqgħu taħt il-PESK maħruġa minn kwalunkwe korp ieħor tal-UE, stabbiliti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-PESK, li lilhom l-istituzzjonijiet u l-korpi msemmija fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE setgħu ddelegaw setgħat statutorji. Fil-fatt, l-Artikolu 275 TFUE jżid li l-QĠUE ma għandhiex ġurisdizzjoni “fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi [tad-dispożizzjonijiet tal-PESK].”

59.

Fi kwalunkwe każ, jidhirli li l-biċċa l-kbira tal-atti previsti fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE għandhom jitqiesu bħala “amministrattivi”, jekk b’dan ifisser li jirregolaw l-aġir tal-UE jew tal-amministrazzjonijiet nazzjonali. Kif intqal iktar ’il fuq, l-Unjoni ma għandhiex is-setgħa li tadotta atti leġiżlattivi f’dan il-qasam u, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-PESK huma neċessarjament ikkonċernati bi x’għandhom u x’ma għandhomx jagħmlu dawn l-amministrazzjonijiet. Min-natura tagħha stess, il-PESK tidher li hija politika operattiva: waħda li permezz tagħha l-Unjoni ssegwi l-għanijiet (iddefiniti b’mod wiesa’) permezz ta’ sett ta’ azzjonijiet (iddefiniti b’mod wiesa’), primarjament ta’ natura eżekuttiva u politika. Madankollu, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “att amministrattiv” li ssostni l-appellanti tnaqqas il-portata tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFEU sal-punt li bilkemm tkun rikonċiljabbli mal-formulazzjoni wiesgħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

60.

Sussegwentement, fir-rigward tal-argumenti li ressqet il-Kummissjoni, għandi ngħid li ma narax li hija konvinċenti d-distinzjoni proposta bejn atti ta’ politika estera sovrana (jew actes de gouvernement) u atti ta’ implementazzjoni.

61.

L-ewwel nett, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment fit-Trattati jew fil-ġurisprudenza rilevanti tal-QĠUE, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni ddettaljata mill-Kummissjoni, għalija ma huwiex ċar għal kollox kif dawn iż-żewġ kunċetti għandhom jinftiehmu. Fil-fatt, anki meta ntalbet li telabora din il-kwistjoni waqt is-seduta, il-Kummissjoni sabet diffikultà sabiex tipprovdi xi kriterji jew prinċipji li setgħu jintużaw sabiex issir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ atti. Il-Kummissjoni donnha li sabet diffikultà wkoll bit-talba sabiex tipprovdi eżempji konkreti ta’ atti ta’ implementazzjoni, adottati f’kuntest simili għal dak ta’ dawn il-proċeduri, u li ma jinvolvu l-ebda element ġenwin ta’ politika estera.

62.

Hu x’inhu l-każ, għandi nindika li hemm diversi dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE li jikkostitwixxu l-bażi legali għall-adozzjoni tal-atti ta’ implementazzjoni ( 43 ). Għandi l-impressjoni li, minħabba n-natura u l-funzjonament tal-PESK ( 44 ), dawn l-atti jistgħu jkunu ta’ spiss ta’ sinjifikat kbir u ta’ sensittività politiċi kbira. B’mod iktar ġenerali, anki meta jkun hemm aspetti ta’ natura eżekuttiva jew organizzattiva, l-atti ta’ implemetazzjoni jidhru li huma komponent integrali tal-azzjoni tal-PESK li fil-kuntest tagħha jiġu adottati. Insibha diffiċli li niddetermina l-element amministrattiv tal-att mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-politika estera sottostanti li qed jiġi segwit.

63.

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-esklużjoni mill-ġurisdizzjoni tal-QĠUE ta’ atti ta’ politika estera sovrana biss tikkorrispondi mal-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati. Minkejja dan, kif jindika l-Kunsill, il-Kummissjoni ma toffri l-ebda prova sabiex tikkorrabora l-affermazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-istorja tal-abbozzar tat-Trattat ta’ Lisbona ma tidhirx li ssostni l-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE ssuġġerita mill-Kummissjoni ( 45 ).

64.

Fil-fehma tiegħi, kieku l-awturi tat-Trattati kellhom l-intenzjoni li jintroduċu eċċezzjoni b’portata iktar limitata għall-ġurisdizzjoni tal-QĠUE — essenzjalment li tiġi ristretta għall-atti ta’ politika estera sovrana — kienu jabbozzaw b’mod differenti l-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE. Fil-fatt, il-formulazzjoni wiesgħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tikkuntrasta bil-qawwi mal-kliem iktar limitat tal-Artikolu 276 TFUE li jipprovdi għal eċċezzjoni għall-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fir-rigward tal-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja ( 46 ).

65.

F’dan l-istadju, nemmen li l-interpretazzjoni alternattiva tal-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE proposta mill-Kummissjoni għandha tiġi indirizzata wkoll. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE mhux fir-rigward ta’ atti ta’ ċerta natura u kontenut, imma fir-rigward biss ta’ ċerti motivi mqajma quddiem il-QĠUE. Fi kliem ieħor, dawn jipprekludu lill-QĠUE milli tinterpreta dispożizzjonijiet dwar il-PESK, imma probabbilment ma jipprevjenux lill-QĠUE milli tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-UE (inkluż fejn ikun adottat fil-kuntest tal-PESK) meta l-motivi ta’ invalidità invokati jirrigwardaw dispożizzjonijiet li ma humiex relatati mal-PESK.

66.

Għalija anki din l-interpretazzjoni alternattiva tal-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE ma hijiex konvinċenti. Għal darb’oħra, il-Kummissjoni tidher li qed tinjora l-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-formulazzjoni wiesgħa tagħhom. Kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, l-Artikolu 275 TFUE jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fir-rigward “ta’ l-atti adottati abbażi [tad-dispożizzjonijiet tal-PESK]”. Għaldaqstant, ħlief fil-każ li tkun tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet espressament imsemmija hemmhekk, il-QĠUE ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tinterpreta jew tistħarreġ il-validità ta’ att adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tal-PESK, irrispettivament mill-allegati motivi ta’ invalidità. Għalhekk, ma nara l-ebda bażi testwali għal distinzjoni bbażata fuq in-natura tal-motivi, kif propost mill-Kummissjoni.

67.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-validità tal-atti li jaqgħu taħt il-PESK qatt ma tista’ tiġi mistħarrġa meta dawn jidħlu f’kunflitt mar-regoli li ma jaqgħux taħt il-PESK. Fil-fatt, il-QĠUE hija kompetenti sabiex tissorvelja l-konformità mal-klawżola ta’ assenza ta’ ndħil reċiproka stabbilita fl-Artikolu 40 TUE ( 47 ).

68.

Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ripetutament li l-ex Artikolu 47 TUE ta lill-ġudikatura tal-UE s-setgħat sabiex tiżgura li atti li kienu ġew adottati fil-qafas tal-PESK ma jinterferixxux mas-setgħat mogħtija mit-Trattat tal-KE lill-Komunità ( 48 ). Bit-Trattat ta’ Lisbona, din id-dispożizzjoni ġiet imħassra u ssostitwita, essenzjalment, bl-Artikolu 40 TUE. Minkejja l-emendi sinjifikattivi li saru lil din id-dispożizzjoni, jidhirli li l-qofol tal-ġurisprudenza baqa’ validu ( 49 ): il-QĠUE tista’ tivverifika jekk l-atti tal-PESK kellhomx jiġu adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirrigwardaw politiki oħrajn. Il-QĠUE għandha b’hekk tapplika test ta’ “ċentru tal-gravità” sabiex tiddetermina l-bażi legali xierqa ta’ att adottat fil-kuntest tal-PESK, imma li allegatament kellu jiġi adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni sostantiva li ma taqax taħt il-PESK ( 50 ).

69.

Barra minn hekk, bir-riskju li l-portata u s-sinjifikat tal-Artikolu 40 TUE jitnaqqsu severament, jidhirli li l-QĠUE għandha tkun kompetenti wkoll li tivverifika li att li jaqa’ taħt il-PESK ma jemendax bil-moħbi att adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-PESK. Kieku kellu jagħmel hekk, ikun ċar li l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa tas-setgħat tal-istituzzjonijiet stabbiliti mit-Trattati għall-eżerċizzju ta’ kompetenzi oħrajn tal-Unjoni jiġu affettwati ( 51 ).

70.

F’dan ir-rigward, nosserva li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ħaditx pożizzjoni definittiva dwar jekk att tal-UE jistax ikollu bażijiet legali sostantivi doppji jew multipli li jgħaqqdu dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK u dawk li ma jaqgħux taħtha ( 52 ). Jidhirli li, għall-inqas fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dispożizzjoni li taqa’ taħt il-PESK u dispożizzjoni li ma taqax taħt il-PESK ma jkunux kompatibbli, billi l-proċeduri stabbiliti għall-adozzjoni tagħhom huma differenti wisq biex jiġu rrikonċiljati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, att li jaqa’ taħt il-PESK li jinkludi komponenti li ma jaqgħux taħt il-PESK u li ma humiex anċillari għall-komponent ewlieni li jaqa’ taħt il-PESK, jew li jista’ jipproduċi effetti f’oqsma oħra tad-dritt tal-UE li ma humiex sempliċiment inċidentali, huwa probabbilment illegali billi kellhom jiġu adottati żewġ atti separati minfloku.

71.

Għaldaqstant, l-Artikolu 40 TUE, meta jiġi interpretat b’mod korrett, jippermetti lill-QĠUE li tistħarreġ ċerti motivi li jallegaw l-invalidità ta’ att li jaqa’ taħt il-PESK minħabba kunflitt possibbli ma’ atti jew dispożizzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-PESK ( 53 ). Madankollu, ir-regola ġenerali li, ħlief fejn dan jiġi espressament awtorizzat, il-QĠUE ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-qasam tal-PESK ma tistax tiġi injorata. Ma nemminx li l-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-QĠUE tieħu konjizzjoni ta’ kull allegazzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjoni li ma taqax taħt il-PESK minn att li jaqa’ taħt il-PESK.

72.

Bħala konklużjoni, ma nara l-ebda bażi fit-Trattati sabiex issir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ atti li jaqgħu taħt il-PESK, skont jekk, abbażi tan-natura u tal-kontenut tagħhom, jaqgħux jew le fil-ġurisdizzjoni tal-QĠUE. Lanqas ma nista’ nara ebda bażi fl-argument li l-atti li jaqgħu taħt il-PESK jistgħu jiġu mistħarrġa mill-QĠUE kull darba li jkun hemm ksur ta’ dispożizzjoni li ma taqax taħt il-PESK.

c) It-tieni parti: fuq il-kunċett ta’ “miżuri restritivi”

73.

It-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell tqajjem kwistjoni importanti oħra, li tirrigwarda l-kunċett ta’ “miżuri restrittivi” skont l-Artikolu 275 TFUE.

74.

Ma nemminx li l-kunċett ta’ “miżuri restrittvi”, għalkemm ma huwa ddefinit imkien fit-Trattati, jista’, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, jitqies li jkopri l-atti kollha tal-UE li jaffettwaw ħażin l-interessi tal-individwi. Interpretazzjoni testwali, sistematika u storika tal-Artikolu 275 TFUE tiżvela, fil-fatt, li l-kunċett huwa ta’ portata ferm iktar limitata.

75.

Il-kliem “miżuri restrittivi” jista’ jinsab ukoll fl-Artikolu 215 TFUE li, fil-paragrafu 2 tiegħu, jirriferi preċiżament għal dawn il-miżuri li jiġu adottati “kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali”. Huwa rilevanti li jiġi nnutat li kemm l-Artikolu 215 TFUE kif ukoll l-Artikolu 275 TFUE jagħmlu riferiment għad-deċiżjonijiet tal-UE adottati skont ir-regoli tal-PESK. Iż-żewġ dispożizzjonijiet jirreferu manifestament għall-istess kategorija ta’ miżuri.

76.

Dawn il-miżuri huma, evidentement, dawk imsejħa komunement bħala “sanzjonijiet”. Huma strumenti li jappartjenu lill-qasam tal-azzjoni esterna tal-UE u li huma adottati bħala reazzjoni għall-aġir ta’ pajjiż, entità jew individwu li l-UE tqis li huwa illegali. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ ta’ ksur ta’ ftehim internazzjonali fejn l-UE hija parti jew ta’ ksur ta’ regoli konswetudinali tad-dritt internazzjonali pubbliku. Jista’ jkun ukoll il-każ ta’ aġir li jhedded il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Matul l-aħħar snin, ġew imposti sanzjonijiet, fost oħrajn, fuq pajjiżi responsabbli għal ksur ripetut ta’ drittijiet fundamentali, jew fuq entitajiet u individwi marbuta ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi.

77.

In-natura ta’ dawn il-miżuri hija bħal dik ta’ sanzjoni: ir-restrizzjoni tal-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet li normalment tgawdi l-persuna fil-mira. L-għan tagħhom huwa primarjament li jipperswadu jew iġiegħlu lill-awtur tal-aġir sanzjonabbli sabiex jieqaf jew jibdel dak l-aġir ( 54 ).

78.

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “miżuri restrittivi” huwa relattivament wiesa’: jinkludi sanzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi (bħall-iffriżar tal-assi jew limitazzjonijiet fuq l-investimenti), miżuri li jirrigwardaw l-ivvjaġġar (inter alia, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u d-dħul), miżuri kummerċjali (bħal embargos totali, restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, sospensjoni jew denunzja ta’ ftehim kummerċjali jew ta’ programmi ta’ għajnuna), u miżuri diplomatiċi (pereżempju, qtugħ tar-relazzjonijiet diplomatiċi) ( 55 ). Minkejja dan, dan il-kunċett ma jistax jiġi estiż iżjed, kif issostni r-rikorrenti, sabiex jiġu koperti l-atti tal-UE li ma għandhomx il-karatteristiċi ta’ “sanzjoni” u l-għan li jipperswadu jew iġiegħlu l-konformità ma’ regola jew prinċipju allegatament miksur.

79.

Il-ġenesi tad-dispożizzjonijiet ġodda fit-Trattati tikkonferma din l-interpretazzjoni. Bl-inklużjoni ta’ “miżuri restrittivi” fost l-atti li jistgħu jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament fl-Artikolu 275 TFUE, l-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona kellhom l-intenzjoni li jirrimedjaw anomalija tas-sistema antika tat-Trattat li kienet tippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju tas-sanzjonijiet tal-UE li, wara li ġew deċiżi fil-kuntest tal-PESK, ġew implementati permezz ta’ miżuri Komunitarji ( 56 ), iżda mhux tas-sanzjonijiet li ġew deċiżi u eżegwiti biss permezz ta’ atti li jaqgħu taħt il-PESK ( 57 ). Għaldaqstant, skont it-Trattati kurrenti, il-QĠUE għandha ġurisdizzjoni li tistħarreġ il-legalità tas-sanzjonijiet tal-UE kollha deċiżi fil-kuntest tal-PESK, li huma immirati lejn persuni fiżika jew ġuridika, irrispettivament minn kif inhuma implementati. Sanzjonijiet implementati permezz tal-atti li jaqgħu taħt il-PESK jistgħu jiġu mistħarrġa biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275 TFUE, filwaqt li sanzjonijiet implementati permezz ta’ atti li ma jaqgħux taħt il-PESK huma suġġetti għal-istħarriġ standard tal-legalità fuq il-bażi ta’ regoli ordinarji dwar il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE.

80.

Għaldaqstant, l-Artikolu 275 TFUE ma huwiex intiż sabiex jippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti kollha li jaqgħu taħt il-PESK li jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq individwi, iżda biss ta’ “sanzjonijiet” kontra individwi li jkunu ġew deċiżi u implementati fil-kuntest tal-PESK.

81.

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Sogelma lanqas ma toffri sostenn għall-allegazzjonijiet tal-appellanti. Kif iddeċidiet b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punti 36 sa 38 tad-digriet appellat, l-att li din l-istess qorti qieset li jista’ jiġi mistħarreġ ġudizzjarjament fil-kawża Sogelma kien att maħruġ minn korp tal-UE li kien ġie stabbilit f’dak li kien il-pilastru Komunitarju ( 58 ), u mhux fil-kuntest ta’ dak li kien it-tieni pilastru. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali interpretat (b’mod estensiv iżda, fil-fehma tiegħi, korrett) dak li kien l-Artikolu 230 KE li ta lill-qrati tal-UE ġurisdizzjoni ġenerali sabiex jistħarrġu l-validità ta’ atti Komunitarji intiżi sabiex jipproduċu effetti legali. Fil-każ preżenti, billi l-EUPM twaqqfet u topera fil-qasam tal-PESK, l-argumenti tal-appellant iwasslu għal interpretazzjoni contra legem tal-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE kurrenti.

d) Il-kawża ineżami

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li t-tieni aggravju tal-appell li ressqet l-appellanti huwa infondat ukoll.

83.

Fl-ewwel lok, ma hemmx dubju li d-deċiżjonijiet ikkontestati jidħlu kompletament fil-kunċett ta’ atti adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-PESK, fit-tifsira tal-Artikoli 24 TUE u 275 TFUE. B’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kap tal-Missjoni tal-EUPM eżerċita s-setgħat mogħtija lilu mid-Deċiżjoni 2009/906, att adottat bis-saħħa tal-Artikolu 43(2) TUE.

84.

Iktar ’il fuq spjegajt għaliex jiena nikkunsidra li huma infondati l-argumenti li l-esklużjoni mill-ġurisdizzjoni tal-QĠUE ta’ atti li jaqgħu taħt il-PESK ma tkoprix atti ta’ amministrazzjoni jew atti ta’ implementazzjoni, anki jekk ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux atti li, minħabba n-natura u l-kontenut tagħhom, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QĠUE.

85.

Fi kwalunkwe każ, anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-argumenti mressqa mill-appellanti u mill-Kummissjoni, ma nemminx li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jitqiesu bħala sempliċi atti ta’ amministrazzjoni jew atti ta’ implementazzjoni. Kif isostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, id-deċiżjoni — meħuda mill-Kap tal-Missjoni tal-EUPM — sabiex timtela pożizzjoni ta’ prosekutur f’uffiċċju reġjonali tal-missjoni, minflok ma jkun hemm konsulent ġuridiku fis-sede tagħha, hija deċiżjoni operattiva u mhux kwistjoni purament amministrattiva. Fil-fatt, din id-deċiżjoni għandha konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-mod kif l-EUPM taqdi l-kompiti tagħha u l-effettività tal-azzjoni tagħha. L-element amministrattiv fid-deċiżjonijiet kkontestati (l-allokazzjoni tar-riżorsi umani) b’hekk huwa biss sekondarju għall-element tal-politika estera ewlenija, li jirrigwarda r-riorganizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-EUPM fil-livell tal-operazzjonijiet fil-post. F’dan il-kuntest, jaf ikun utli li wieħed jindika li l-istatus legali u ekonomiku tal-appellanti ma nbidilx, essenzjalment, bid-deċiżjoni li tiġi assenjata mill-ġdid fl-uffiċċju reġjonali ta’ Banja Luka. B’mod partikolari, la l-grad tal-impjieg tagħha u lanqas ir-remunerazzjoni tagħha ma ġew affettwati b’din id-deċiżjoni. Iktar minn hekk, l-appellanti kienet qablet espliċitament li sservi f’pożizzjoni fl-EUPM differenti minn dik li applikat għaliha, meta bagħtet l-applikazzjoni formali tagħha għall-kollokament ( 59 ).

86.

Madankollu, fl-appell tagħha, l-appellanti tallega li l-vera motivi wara l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha ma kinux ta’ natura operattiva, iżda ta’ natura dixxiplinari. B’mod ċar, jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jitqiesu bħala r-riżultat ta’ azzjoni dixxiplinarja, il-legalità tagħhom tkun tista’ titpoġġa fid-dubju, peress li l-Kap tal-Missjoni ma jistax jeżerċita setgħa dixxiplinari fir-rigward ta’ persunal ikkollokat ( 60 ). Madankollu, l-allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-Kap tal-Missjoni li jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxi biss motiv għal annullament ( 61 ), li għandu jiġi invokat quddiem il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tistħarreġ dawn id-deċiżjonijiet. Fi kliem ieħor, is-sempliċi fatt li l-korp li ħareġ id-deċiżjonijiet ikkontestati seta’ ma kellux il-kompetenza li jadottahom ma jistax jiġġustifika li tingħata ġurisdizzjoni lill-QĠUE b’mod kuntrarju għall-kliem tat-Trattati.

87.

Fit-tieni lok, l-ebda waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet speċifiċi għall-prinċipju li l-atti li jaqgħu taħt il-PESK huma esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-QĠUE ma tidher li hija applikabbli fir-rigward tad-deċiżjonijiet kkontestati. L-ewwel nett, l-ebda parti ma qiegħda tippretendi — biex nuża t-terminoloġija użata fl-Artikolu 40 TUE — li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jolqtu l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni li ma jaqgħux taħt il-PESK. It-tieni nett, u iktar importanti minn hekk, deċiżjoni sabiex il-persunal ta’ missjoni jiġi assenjat mill-ġdid ma tistax titqies li hija “miżura restrittiva” fis-sens tal-Artikolu 275 TFUE.

88.

Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud ukoll.

VI – Konsegwenzi tal-evalwazzjoni

89.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonkludiet li ma kellhiex ġurisdizzjoni tistħarreġ il-validità tad-deċiżjonijiet kkontestati u, għaldaqstant, huma l-qrati nazzjonali tal-Istat Membru li għamel l-kollokament (l-Italja) li għandhom jeżaminaw il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati u jiddeċiedu dwar it-talba għad-danni relatata ( 62 ). Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud.

90.

Minkejja dan, ma jistax jiġi eskluż li l-qrati nazzjonali kompetenti jista’ jkollhom dubji dwar il-firxa tal-istħarriġ tagħhom tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll dwar il-konsegwenzi possibbli ta’ dan l-istħarriġ.

91.

Jekk dan ikun il-każ, infakkar lil dawk il-qrati li huma għandhom il-possibbiltà — u kultant jistgħu jkunu obbligati — li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tista’ tgħin lil dawn il-qrati sabiex jiddeċiedu l-każ li jkollhom quddiemhom, filwaqt li tibqa’ fil-limiti stabbiliti mill-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE. Naħseb li tali talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu milqugħa favorevolment, billi jġibu magħhom żewġ vantaġġi li huma immedjatament perċettibbli. L-ewwel nett, jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, għandhiex ġurisdizzjoni tinterpreta l-att ikkontestat quddiem il-qorti nazzjonali jew id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-PESK invokati mir-rikorrent ( 63 ). Fil-fatt, jista’ ma jkunx ċar għall-qorti nazzjonali jekk l-att jew id-dispożizzjonijiet tal-UE inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont ir-regola ġenerali li hemm fl-Artikoli 24(1) TUE u 275 TFUE jew, bil-maqlub, jistgħux jaqgħu taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għal din ir-regola (pereżempju, għaliex japplika l-Artikolu 40 TUE). It-tieni nett, u iktar importanti minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tinterpreta dispożizzjonijiet tal-UE ta’ natura orizzontali (sostanzjali jew proċedurali) ( 64 ) jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE (bħall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jew l-obbligu ta’ diliġenza) ( 65 ) li jistgħu jkunu applikabbli wkoll fil-kawża prinċipali ( 66 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċċara l-limiti għall-awtonomija proċedurali nazzjonali, billi tispjega l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-obbligu tal-qorti nazzjonali li tipprovdi, f’konformità mal-Artikolu 19(1) TUE, rimedji suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni legali effettiva tal-individwi.

92.

Hu x’inhu l-każ, sabiex tiġi indirizzata waħda mill-kritiki li għamel il-Kunsill kontra d-digriet appellat, u sabiex nesprimi l-fehmiet tiegħi fuq ċerti kwistjonijiet li ġew diskussi fit-tul matul is-seduta, nixtieq nelabora ftit tliet aspetti addizzjonali tal-proċeduri nazzjonali: (i) ir-regoli legali applikabbli; (ii) l-identità tal-konvenut; u (iii) il-kompetenzi tal-qrati nazzjonali.

93.

L-ewwel nett, fir-rigward tar-regoli li huma applikabbli fil-kawża prinċipali, nixtieq nosserva dan li ġej. Fir-rigward tar-regoli proċedurali, spjegajt iktar ’il fuq li huma applikabbli r-regoli nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Iżda, fir-rigward tar-regoli sostantivi, għandi nenfasizza li l-legalità ta’ att li jaqa’ taħt il-PESK tista’ tiġi eżaminat biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE li japplikaw għas-sitwazzjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-istituzzjonijiet tal-UE għandu jkollhom fil-qasam tal-PESK ( 67 ). Bil-kontra, il-validità ta’ att tal-UE qatt ma tista’ tiġi mistħarrġa fil-konfront tad-dispożizzjonijiet jew tal-prinċipji tad-dritt nazzjonali.

94.

It-tieni nett, jidhirli li huwa importanti li jiġi ċċarat min għandu jiddefendi l-miżuri tal-PESK ikkontestati quddiem qorti nazzjonali. Jiena tal-fehma li dan jiddependi min-natura tas-setgħat eżerċitati taħt l-att kkontestat. Jekk is-setgħat eżerċitati f’dak l-att ġew iddelegati direttament mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, li lilhom jirrapporta l-korp u li fuqu huma jżommu ċertu setgħa ta’ kontroll, il-konvenut għandu jkun dak l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, meta s-setgħat eżerċitati minn dak il-korp joriġinaw mill-poteri li t-Trattati jagħtu lill-Unjoni, il-konvenuta għandha tkun l-Unjoni.

95.

Fir-rigward ta’ din il-kawża, naqbel mal-Kunsill li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta, fil-paragrafi 50 u 51 tad-digriet appellat, qalet li l-Kap tal-Missjoni kien aġixxa bis-saħħa tas-setgħat li ddelegalu l-Istat Membru ta’ oriġini tal-appellanti.

96.

L-EUPM, missjoni ċivili għall-ġestjoni ta’ kriżi, tikkostitwixxi azzjoni operattiva tal-Unjoni stabbilita bis-saħħa tal-Artikolu 43(2) TUE. Skont l-Artikolu 38 TUE, huwa l-KPS li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill jista’ jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni.

97.

It-tmexxija attwali u l-ġestjoni ta’ kuljum ta’ missjoni bħall-EUPM huma, madankollu, kwistjoni għal-linja ta’ kmand tal-missjoni: li l-kap tagħha huwa l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili fil-livell strateġiku u l-Kap tal-Missjoni fil-livell ta’ fuq il-post ( 68 ). It-tnejn jinħatru, u jingħataw is-setgħat rispettivi tagħhom, mill-Kunsill u/jew mill-KPS. Huma jirrapportaw ukoll, direttament jew indirettament, lill-Kunsill u lill-KPS ( 69 ).

98.

Huwa veru li l-kontroll operattiv fuq il-persunal ikkollokat mill-Istati Membri lill-EUPM ġie ittrasferit mill-Istati ta’ kollokament lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili li, min-naħa tiegħu, assenjah lill-Kap tal-Missjoni ( 70 ). Madankollu, dan ma jikkostitwixxix delegazzjoni ta’ setgħat vera u diretta, għall-inqas għall-finijiet imsemmija fil-punt 51 tad-digriet appellat.

99.

Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kap tal-Missjoni aġixxa bħala korp tal-UE, bis-saħħa tas-setgħat li tawh il-Kunsill jew il-KPS, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE. Għalhekk, dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu attribwiti lill-awtoritajiet Taljani, kif qalet il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tad-digriet appellat: ma ttiħdux għan-nom ta’ jew f’isem dak l-Istat Membru, iżda għan-nom tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa kontra l-Unjoni li l-appellanti għandha tressaq kawża quddiem il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni, billi titlob dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tad-deċiżjonijiet kkontestati u/jew kumpens għad-danni.

100.

Quddiem il-qrati nazzjonali l-Unjoni hija rrappreżentata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 335 TFUE.

101.

It-tielet nett, fir-rigward tal-kompetenzi tal-qrati nazzjonali nerġa’ naqbel mal-Kunsill li — kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tad-digriet appellat — dawk il-qrati ma jistgħux jannullaw att adottat minn istituzzjoni tal-UE, jew minn korp imwaqqaf mill-UE, sakemm dak l-att ma jkunx ġie adottat fuq il-bażi ta’ setgħat ddelegati mill-Istat Membru inkwistjoni.

102.

Reċentement, fil-kawża Schrems ( 71 ), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid il-prinċipju ewlieni li jirriżulta mis-sentenza Foto-frost ( 72 ), li jgħid li l-qrati nazzjonali għandhom id-dritt li jeżaminaw il-validità ta’ att tal-Unjoni, iżda ma għandhomx il-ġurisdizzjoni li jikkonstataw, huma nnifishom, l-invalidità ta’ tali att. Dan il-prinċipju huwa, fil-fehma tiegħi, applikabbli wkoll fir-rigward tal-qasam tal-PESK, minkejja l-fatt li ma hemmx qorti tal-UE li tista’ teżerċita din is-setgħa. Il-proċeduri nazzjonali — bir-regoli tagħhom stess dwar, fost oħrajn, il-locus standi, l-ammissibbiltà, ir-rappreżentanza legali, il-preskrizzjoni, il-provi u l-kunfidenzjalità — jistgħu ma jkunux xierqa sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-validità ta’ atti tal-UE. Dawn huma proċeduri kkonċepiti għal finijiet oħrajn u jistgħu ma jiggarantixxux lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri drittijiet proċedurali paragunabbli ma’ dawk li jgawdu quddiem il-QĠUE ( 73 ). L-impossibbiltà jew id-diffikultà għal dawn il-partijiet li jissottomettu osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri għall-istħarriġ tal-validità ta’ att tal-UE ttellef, min-naħa tagħha, il-kapaċità tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi legali u fattwali rilevanti kollha. Dan mingħajr ma nsemmi r-riperkussjonijiet gravi potenzjali fuq il-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jista’ jimplika l-annullament minn qorti nazzjonali ta’ att li jaqa’ taħt il-PESK.

103.

Għaldaqstant, meta qorti nazzjonali li quddiemha jiġi kkontestat att tal-UE tiġi għall-konklużjoni li l-att huwa tassew illegali, għaliex jikser ir-regoli tal-UE ta’ natura superjuri, l-iktar li tista’ tagħmel huwa li tissospendi l-applikabbiltà tal-att fil-konfront tar-rikorrent u, meta jkun xieraq, tagħtih kumpens għad-danni. F’dan il-kuntest, wieħed għandu jiftakar li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod konsistenti li l-qrati nazzjonali jistgħu jadottaw miżuri ta’ sospensjoni fir-rigward ta’ atti tal-UE meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza Zuckerfabrik ( 74 ). Meta l-QĠUE ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali, hija l-istituzzjoni tal-UE responsabbli għall-att li għandha tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa mid-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali; billi tħassar jew temenda l-att li l-applikazzjoni tiegħu fil-konfront tar-rikorrent ġie sospiż. Biex nagħmilha ċara: d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali dwar il-legalità ta’ att tal-UE ma għandhiex, bil-maqlub, effetti erga omnes.

104.

Bħala konklużjoni, iż-żewġ żbalji ta’ liġi li hemm fil-motivazzjoni tad-digriet appellat ma jaffettwawx il-validità tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali f’dak id-digriet: skont l-Artikoli 19(1) TUE, 24 TUE u 275 TFUE, il-QĠUE ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża mressqa mill-appellanti, billi din il-ġurisdizzjoni tappartjeni lill-qrati Taljani.

VII – Spejjeż

105.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu .

106.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-evalwazzjoni tiegħi tal-appell, allura, skont l-Artikoli 137, 138 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura, H għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.

VIII – Konklużjoni

107.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lil H għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 24(1) TUE.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278.

( 4 ) ĠU 2009 L 322, p. 22.

( 5 ) Digriet H vs Il‑Kunsill et, T‑271/10 R, EU:T:2010:315.

( 6 ) Digriet H vs Il‑Kunsill et, T‑271/10, EU:T:2014:702.

( 7 ) Enfasi miżjuda minni.

( 8 ) Ara, fost l-oħrajn, id-digriet Regione Puglia vs Il‑Kummissjoni, C‑586/11 P, EU:C:2013:459, punt 19.

( 9 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, C‑417/04 P, EU:C:2006:282, punt 3537.

( 10 ) H vs Il‑Kunsill et, T‑271/10 R, EU:T:2010:315, punt 26.

( 11 ) Sentenza Sogelma vs EAR, T‑411/06, EU:T:2008:419.

( 12 ) Ara s-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 9293 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Din id-dispożizzjoni, fil-parti rilevanti, tistabbilixxi li: “L-Istati Membri għandhom isostnu l-politika esterna u ta’ sigurtà ta’ l-Unjoni attivament u mingħajr riserva fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom jirrispettaw l-azzjoni ta’ l-Unjoni f’dan il-qasam [...] Għandhom joqgħodu lura minn kull azzjoni li tkun kontra l-interessi ta’ l-Unjoni jew li x’aktarx tagħmel ħsara għall-effettività tagħha bħala forza b’koeżjoni fir-relazzjonijiet internazzjonali. Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jassiguraw li dawn il-prinċipji jkunu rispettati” (enfasi miżjuda minni).

( 14 ) Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li: “Meta jastjeni minn xi vot, kull membru tal-Kunsill jista’ jikkwalifika l-astensjoni tiegħu billi jagħmel dikjarazzjoni formali skond dan is-subparagrafu. F’dak il-każ, hu ma jkunx obligat li japplika dik id-deċiżjoni, imma għandu jaċċetta li dik id-deċiżjoni tikkommetti lill-Unjoni. Fi spirtu ta’ solidarjetà reċiproka, l-Istat Membru kkonċernat għandu joqgħod lura minn xi azzjoni li aktarx toħloq kunflitt ma’, jew tostakola l-azzjoni ta’ l-Unjoni li tkun ibbażata fuq dik id-deċiżjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jirrispettaw il-pożizzjoni tiegħu” (enfasi miżjuda minni).

( 15 ) Dan huwa kif nifhem il-projbizzjoni għall-Unjoni sabiex tadotta “atti leġiżlattivi” fil-qasam tal-PESK, kif jingħad fl-Artikoli 24(1) u 31(1) TUE.

( 16 ) Dan huwa terminu qadim li joriġina mid-dritt Ruman, ġeneralment użat sabiex jiddeskrivi liġi li timponi jew tipprojbixxi aġir iżda li ma tipprevedi l-ebda sanzjoni fil-każ li tinkiser.

( 17 ) Nemmen li jista’ jkun raġonevoli li jingħad li l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7 TUE għal ksur serju tal-valuri tal-UE għandhom japplikaw fir-rigward tal-azzjonijiet (jew ommissjonijiet) tal-Istati Membri fil-qafas ukoll tal-PESK. Min-naħa l-oħra, proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikoli 258 sa 260 TFUE jidher li huma esklużi għall-kollox għal ksur sempliċi tar-regoli tal-PESK. Madankollu, ġie ssuġġerit li dawn il-proċeduri jistgħu jkunu disponibbli meta ksur sistematiku u persistenti tar-regoli tal-PESK (flimkien ma’, possibbilment, ksur ta’ regoli oħra tal-UE) jista’ jammonta għal ksur tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar azzjoni esterna tal-UE, jew tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċita fl-Artikolu 4(3) TUE u li huwa ta’ sinjifikat speċjali fil-PESK [ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 24(3) TUE]. Ara, pereżempju, Hillion, C., “A powerless court? The European Court of Justice and the Common Foreign and Security Policy”, The ECJ and External Relations: Constitutional Challenges, Hart Publishing, Oxford, 2014, paġni 24 sa 28. Madankollu, din il-kwistjoni ma għandhiex għalfejn tiġi indirizzata f’din il-kawża.

( 18 ) Pereżempju, jidher li ma hemmx proċedura sabiex jiġi mistħarreġ jekk l-azzjonijiet (jew l-ommissjonijiet) tal-istituzzjonijiet fil-qasam tal-PESK humiex konformi mad-dispożizzjonijiet mat-Titolu V tal-Kapitolu 2 tat-TUE.

( 19 ) Ara s-sentenza Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Skont l-Artikoli 4(1) u 5(2) TUE, il-kompetenzi li ma jingħatawx lill-Unjoni jibqgħu tal-Istati Membri. Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni, meta l-awturi tat-Trattati ma jkunux taw ġurisdizzjoni lill-QĠUE. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill (C‑354/04 P, EU:C:2006:667), punt 104; u l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-proċedura ta’ opinjoni 2/13, EU:C:2014:2475, punt 96.

( 21 ) Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Sentenza T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 23 ) Sentenza Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 3943 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 202.

( 25 ) Ara, b’mod ġenerali, Crawford, J., Brownlie’s Principles of Public International Law, it-tmien edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2008, paġni 88 u 103 et seq.

( 26 ) Fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku, ara l-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, Status tal-Carelia tal-Lvant, Opinjoni Konsultattiva, 1923 P.C.I.J. (ser. B) Nru 5 (Lulju 23), f’27. Ara wkoll Shaw, M.N., International Law, is-sitt edizzjoni, Cambridge University Press, Cambridge, 2008, p. 1014.

( 27 ) Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li: “L-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jippreżentawx kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati”.

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, l-opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, punti 201 sa 214.

( 29 ) Ara l-Artikolu 19(1) TUE.

( 30 ) Ara, f’dak is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-każ Hedley Lomas, C‑5/94, EU:C:1995:193, punt 27.

( 31 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, 232/78, EU:C:1979:215, punt 9.

( 32 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑45/07, EU:C:2009:81, punt 26.

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 44.

( 34 ) Sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 45.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Segi et vs Il‑Kunsill, C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 53; u Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill, C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 53.

( 36 ) Sentenza Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punti 41 sa 50.

( 37 ) Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 69 sa 74.

( 38 ) Artikolu 40 TUE.

( 39 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, Segi et vs Il‑Kunsill, C‑355/04 P, EU:C:2007:116; u Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill, C‑354/04 P, EU:C:2007:115.

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 27 u 34(4) TUE.

( 41 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 24(3), 28(2) sa (5), 32, 34 u 35 TUE.

( 42 ) Ara l-Artikolu 38 TUE.

( 43 ) Ara, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 40 sa 42.

( 44 ) Iktar ’il fuq, il-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara b’mod speċjali d-dokumenti tal-Konvenzjoni CONV 734/03, Articles on the Court of Justice and the High Court; u CONV 689/1/03 REV1, Supplementary report on the question of judicial control relating to the common foreign and security policy. Dawn id-dokumenti jirrigwardaw l-abbozzar tal-Artikolu III‑282 tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa li essenzjalment huwa ekwivalenti għall-Artikolu 275 TFUE. Dwar din il-kwistjoni, ara l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-proċedura ta’ opinjoni 2/13, EU:C:2014:2475, punt 90.

( 46 ) Dik id-dispożizzjoni tgħid: “Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha […] dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-[QĠUE] m’għandiex tkun kompetenti sabiex tivverifika l-validità jew il-proporzjonalità ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-pulizija jew minn servizz ieħor ta’ l-infurzar tal-liġi fi Stat Membru jew sabiex tiddeċiedi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna” (enfasi miżjuda minni).

( 47 ) Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li: “L-implimentazzjoni tal-[PESK] m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 tat-[TFUE]. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politika prevista f’dawk l-Artikoli m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni taħt [il-Kapitolu dwar il-PESK].”

( 48 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (“ECOWAS”), C‑91/05, EU:C:2008:288 punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 49 ) Bil-maqlub, huwa dibatibbli jekk għadhiex liġi valida l-preżunzjoni li dispożizzjonijiet mhux tal-PESK ġeneralment għandhom jipprevalu fil-każ ta’ kunflitt mad-dispożizzjonijiet tal-PESK. Madankollu, dan huwa irrilevanti fil-proċeduri tal-lum.

( 50 ) Wieħed jista’ jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tivverifika wkoll is-sitwazzjoni kuntrarja: jekk att li kien adottat fil-kuntest ta’ politika mhux tal-PESK kellhiex tiġi adottata fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tal-PESK.

( 51 ) Dak kien ikun partikolarment il-każ kieku l-Unjoni kellha tadotta, bi ksur tal-projbizzjoni prevista fl-Artikoli 24(1) u 31(1) TUE, atti li, minħabba l-effetti tagħhom, huma essenzjalment ta’ natura leġiżlattiva u jistgħu jaffettwaw politiki oħrajn tal-UE.

( 52 ) Din il-kwistjoni qamet fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, li għadha pendenti.

( 53 ) Madankollu, kif tgħid il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 40 TUE ma huwiex applikabbli f’dawn il-proċeduri. Fil-fatt, ir-rikorrenti lanqas ma invokat din id-dispożizzjoni.

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 82.

( 55 ) Għal ħarsa iktar iddettaljata, ara Beaucillon C., Les mesures restrictives de l’Union européenne,, Bruylant, Brussell, 2013, paġni 25 u 26.

( 56 ) Dawk il-miżuri kienu bbażati fuq dak li kien l-Artikolu 301 KE (issa l-Artikolu 215 TFUE) u, meta l-individwi kienu fil-mira, dak li kien l-Artikolu 308 KE (issa l-Artikolu 352 TFUE). Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fuq dawk il-miżuri: ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461.

( 57 ) Ara d-dokumenti tal-Konvenzjoni CONV 734/03 (paġni 27 u 28); CONV 689/1/03 REV1 (paġni 3, 5 u 6) imsemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45.

( 58 ) Dan il-korp kien l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (EAR), stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2454/1999, tal-15 ta’ Novembru 1999, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1628/96 dwar l-għajnuna lill-Bosnija-Ħerżegovina, lill-Kroazja, lir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, b’mod partikolari bit-twaqqif tal-EAR (ĠU L 299, p. 1).

( 59 ) Ara l-formula ta’ applikazzjoni “Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM)” iffirmata minn H fl-10 ta’ Novembru 2008. Ara wkoll it-Taqsima 2.6 (“Assenjazzjonijiet mill-ġdid”) tal-Kapitolu VI (“Ġestjoni tal-Persunal”) tal-Proċeduri Standard Operattivi, li jipprevedu li, “il-membri tal-Persunal Issekondat Internazzjonali tal-EUPM huma mistennija li jibqgħu fil-pożizzjonijiet tagħhom għas-sena tal-mandat tagħhom normali. Madankollu, jekk ikun hemm raġunijiet operattivi, personali jew/u mediċi, jistgħu jiġu assenjati mill-ġdid f’pożizzjoni oħra ġewwa l-EUPM skont d-deċiżjoni li jieħu [l-Kap tal-Missjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 60 ) Ara l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni 2009/906.

( 61 ) Ara l-Artikolu 263 TFEU.

( 62 ) Din il-konklużjoni hija konsistenti wkoll mal-prinċipju sottostanti l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2009/906 li, fil-parti rilevanti, jipprevedi li “L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal.”

( 63 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi Segi et vs Il‑Kunsill, C‑355/04 P, EU:C:2007:116; u Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill, C‑354/04P, EU:C:2007:115.

( 64 ) Fosthom, b’mod partikolari, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

( 65 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:341, punt 28.

( 66 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386.

( 67 ) Ara, f’dak is-sens, b’analoġija, is-sentenza Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), C‑465/93, EU:C:1995:369, punt 37.

( 68 ) Ara, rispettivament, l-Artikoli 5(2) u 6(1) tad-Deċiżjoni 2009/906.

( 69 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 9 u 10 tad-Deċiżjoni 2009/906.

( 70 ) Ara l-Artikoli 5(4) u 6(2) tad-Deċiżjoni 2009/906.

( 71 ) Sentenza Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 62.

( 72 ) Sentenza Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punti 15 sa 20.

( 73 ) Ara, speċjalment, l-Artikoli 23, 40, 42 u 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikoli 37(1), 38(4), 76(3) u 96 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 74 ) Dawk il-kundizzjoni huma, essenzjalment, kif ġej: (i) il-qorti nazzjonali għandu jkollha dubji serji dwar il-validità tal-miżura tal-UE u, jekk il-validità tal-miżura kkontestata ma hijiex diġà kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-qorti nnifisha għandha tirrinvija l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja; (ii) għandu jkun hemm urġenza, fis-sens li r-rimedju provviżorju għandu jkun neċessarju sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu serju u irreparabbli lill-parti li qed titlob ir-rimedju; (iii) il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra debitament l-interessi tal-Unjoni Ewropea; u (iv) fl-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn il-kundizzjonijiet kollha, il-qorti nazzjonali għandha tikkonforma ruħha ma’ kwalunkwe deċiżjoni tal-qrati tal-UE dwar il-legalità tal-miżura tal-UE jew dwar talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex jinkisbu, fuq il-livell tal-UE, miżuri provviżorji simili. Ara s-sentenzi Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65; u Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), C‑465/93, EU:C:1995:369.