KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑449/14 P

DTS Distribuidora de Televisión Digital SA

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna favur RTVE — Emenda tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti — Miżuri fiskali, imposti fuq l-operaturi tax-xandir bir-radju u tat-telekomunikazzjonijiet, li jikkostitwixxu l-metodu ġdid ta’ finanzjament tal-għajnuna — Eżistenza ta’ rabta kawżali neċessarja bejn il-miżuri fiskali u l-għajnuna — Portata tal-kriterju bbażat fuq l-influwenza diretta tar-rikavat mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara s-sistema ta’ finanzjament il-ġdida kompatibbli mas-suq intern — Kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni — Ċaħda tar-rikors għal annullament mill-Qorti Ġenerali”

I – Introduzzjoni

1.

Din il-kawża toriġina mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/1/UE ( 2 ), li biha din iddikjarat bħala kompatibbli mas-suq intern l-iskema ta’ għajnuna Spanjola favur Corporación de Radio y Televisión Española SA (“RTVE”), ix-xandar pubbliku Spanjol tar-radju u tat-televiżjoni, iffinanzjata, parzjalment, permezz ta’ taxxa fuq l-operaturi tat-televiżjoni u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.

Permezz tal-appell tagħha, DTS Distribuidora de Televisión Digital SA ( 3 ) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il‑Kummissjoni ( 4 ), li biha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

3.

Telefónica de España, SA u Telefónica Móviles España SA ( 5 ) ippreżentaw appell inċidentali li bih jitolbu wkoll l-annullament ta’ dik is-sentenza.

4.

Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara l-portata tal-kriterji li għandhom jippermettu li jiġi evalwat sa fejn miżuri fiskali jikkostitwixxu l-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod li jifformaw parti integrali minn din l-għajnuna u għandhom, għaldaqstant, jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea. Dan l-eżami jeħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ “rabta ta’ allokazzjoni [kawżali] vinkolanti” bejn dawn il-miżuri u l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Hija l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali bejn it-taxxi li jħallsu l-operaturi tat-televiżjoni u tal-telekomunikazzjonijiet, bħal DTS u Telefónica, u l-għajnuna mħallsa lil RTVE, li, f’dan il-każ, hija ddibattuta mill-partijiet.

5.

Fil-fatt, filwaqt li kkonstatat l-assenza ta’ din ir-rabta kawżali vinkolanti bejn il-miżuri fiskali u l-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ikkunsidrat li l-imsemmija taxxi ma kinux jifformaw parti integrali mill-għajnuna mħallsa lil RTVE u, konsegwentement, ma kellhomx jiġu integrati fl-eżami tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Għaldaqstant, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

6.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi ta’ annullament imressqa minn DTS u Telefónica kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

7.

F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ippreżentat minn DTS.

8.

Minn naħa, ser nispjega li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, u b’mod partikolari fl-implementazzjoni tal-kriterji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn il-miżuri fiskali sostnuti minn DTS u Telefónica u l-għajnuna mħallsa lil RTVE. Min-naħa l-oħra, ser nispjega li l-Qorti Ġenerali ma tistax tkun ikkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-iskopijiet tal-analiżi tagħha, ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ukoll li żnaturat il-portata tad-dritt nazzjonali rilevanti.

9.

Ser nipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell inċidentali ppreżentat minn Telefónica, li huwa bbażat fuq motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, eżaminat perfettament l-ammissibbiltà tal-motivi ta’ annullament li Telefónica ressqu fl-ewwel istanza.

II – Il-fatti tal-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

10.

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet ( 6 ), il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE stabbilita mil-Ley 17/2006 de la radio y la televisión de titularidad estatal (Liġi Nru 17/2006, dwar ir-radju u t-televiżjoni tal-Istat) tal-5 ta’ Ġunju 2006 ( 7 ). Din l-iskema ta’ finanzjament kienet imħallta, fejn RTVE kienet tibbenefika, minn naħa, minn dħul ġej mill-attivitajiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari mill-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar u, min-naħa l-oħra, minn kumpens mill-Istat Spanjol għat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku.

11.

L-imsemmija skema ta’ finanzjament ġiet emendata b’mod sostanzjali bil-Ley 8/2009 de financiación de la Corporación de Radio y Televisión Española SA (RTVE) [Liġi Nru 8/2009, dwar il-finanzjament tal-Corporación de Radio y Televisión Española SA (RTVE)], tat-28 ta’ Awwissu 2009 ( 8 ), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2009. B’mod partikolari, sabiex tikkumpensa għat-telf ta’ dħul kummerċjali, din il-liġi introduċiet jew emendat, fl-Artikolu 2(1)(b) sa (d) tagħha u fl-Artikoli 4 sa 6 tagħha, diversi miżuri fiskali, fosthom taxxa ġdida ta’ 1.5 % fuq id-dħul tal-operaturi tat-televiżjoni bi ħlas stabbiliti fi Spanja ( 9 ). Il‑kontribuzzjoni ta’ din it-taxxa fil-baġit ta’ RTVE ma setgħetx taqbeż 20 % tal-għajnuna totali ddestinata kull sena għal RTVE. Kwalunkwe dħul fiskali lil hinn minn din il-perċentwal kien imur fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol.

12.

Barra minn hekk, il-kumpens għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, previst mil-Liġi Nru 17/2006 kien inżamm fis-seħħ. Għaldaqstant, jekk is-sorsi ta’ finanzjament imsemmija iktar ’il fuq ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż kollha ta’ RTVE għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-Istat Spanjol kien obbligat, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, jagħmel tajjeb għal dik id-differenza.

13.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 kien jipprevedi limitu massimu għad-dħul ta’ RTVE. Matul is-sentejn 2010 u 2011, it-total ta’ dan id-dħul ma setax jaqbeż EUR 1200 miljun fis-sena, li kien jikkorrispondi wkoll għal-limitu massimu tal-ispejjeż tagħha għal kull sena finanzjarja. Matul it-tliet snin 2012 sa 2014, iż-żieda massima ta’ dan l-ammont kienet stabbilita għal 1 % u, għas-snin segwenti, iż-żieda kienet iddeterminata mill-iżvilupp annwali fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum.

14.

Wara li fit-22 ta’ Ġunju 2009 irċeviet ilment dwar l-abbozz ta’ liġi li wassal għal-Liġi Nru 8/2009, il-Kummissjoni, fit-2 ta’ Diċembru 2009, innotifikat lir-Renju ta’ Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-emenda tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE ( 10 ).

15.

Fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE, peress li kkunsidrat li t-taxxa imposta fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi kienet tmur kontra l-Artikolu 12 tad-Diettiva 2002/20/KE ( 11 ). Fit-30 ta’ Settembru 2010, f’opinjoni motivata, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jneħħi din it-taxxa minħabba li kienet inkompatibbli mal-imsemmija direttiva.

16.

Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, fejn iddikjarat li l-emenda tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE prevista mil-Liġi Nru 8/2009 kienet kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-miżuri fiskali introdotti jew emendati b’din il-liġi ma kinux jagħmlu parti integrali mill-elementi ġodda ta’ għajnuna previsti minn din il-liġi u li l-eventwali inkompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri fiskali mad-Direttiva 2002/20 ma kinitx ser taffettwa l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Barra minn hekk, hija sostniet li l-iskema ta’ finanzjament emendata ta’ RTVE kienet konformi mal-Artikolu 106(2) TFUE peress li kienet tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

III – Is-sentenza appellata

17.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2010, DTS ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża Insostenn ta’ dan ir-rikors, DTS ressqet tliet motivi, ibbażati fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE għal dak li jikkonċerna s-separabbiltà tal-miżuri fiskali introdotti jew emendati bil-Liġi Nru 8/2009, tal-Artikolu 106(2) kif ukoll tal-Artikoli 49 u 63 TFUE, rispettivament.

18.

Il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, ċaħdet kull wieħed mill-motivi fuq il-mertu, u għaldaqstant, ir-rikors sħiħ.

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Permezz tal-appell tagħha, DTS titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-partijiet l-oħra għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

20.

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li DTS tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. Telefónica ppreżentaw risposta insostenn ta’ DTS. Ir-Renju ta’ Spanja u RTVE t-tnejn li huma ppreżentaw risposta insostenn tal-Kummissjoni.

21.

Telefónica ppreżentaw appell inċidentali li bih jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lill-partijiet li intervjenew insostenn tagħha jbatu l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali. RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jitolbu li dan l-appell inċidentali jiġi miċħud. DTS ma ppreżentatx risposta għall-imsemmi appell inċidentali.

V – Fuq l-appell prinċipali

22.

Permezz tal-appell tagħha, DTS tikkritika biss lill-Qorti Ġenerali li kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li hija ma kinitx obbligata teżamina l-kompatibbiltà mat-Trattat FUE tat-taxxa parafiskali ta’ 1.5 % imposta, skont il-Liġi Nru 8/2009, fuq id-dħul gross mill-attività tal-operaturi tat-televiżjoni bi ħlas.

23.

DTS trid għaldaqstant li jitneħħa dan il-vantaġġ speċifiku li għandha RTVE, billi tinsisti fuq il-fatt li t-tnejn li huma qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut awdjoviżiv.

24.

Insostenn tal-appell tagħha, DTS tinvoka tliet aggravji bbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna, fuq ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni inkwantu l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma stħarġitx kompletament l-eżistenza ta’ għajnuna u żnaturat id-dritt Spanjol, kif ukoll fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE.

A – Fuq l-ammissibbiltà tal-appell prinċipali

25.

RTVE ssostni li l-appell huwa inammissibbli inkwantu dan, li fih 40 paġna, jaqbeż b’mod sostanzjali t-tul massimu ta’ 25 paġna awtorizzat fl-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, dwar il-kawżi miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ), mingħajr ma l-appellanti tiġġustifika dan l-eċċess.

26.

Barra minn hekk, RTVE u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li l-appell ma jidentifikax bi preċiżjoni l-punti tas-sentenza appellata li huma kkontestati. L-appell għaldaqstant jillimita ruħu jtenni l-argumenti tal-ewwel istanza jew iressaq kwistjonijiet ta’ fatt.

27.

DTS tikkontesta dawn l-argumenti.

28.

Fil-fehma tiegħi, ebda wieħed mill-ilmenti dwar l-inammissibbiltà mressqa minn RTVE u mir-Renju ta’ Spanja ma jistgħu jiġu milqugħa.

29.

Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istruzzjonijiet prattiċi huma indikattivi u ma għandhomx saħħa vinkolanti. Dawn ġew adottati sabiex jikkompletaw u jiċċaraw ir-regoli li japplikaw għall-andament tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u ma humiex intiżi li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ). Għaldaqstant, għalkemm, fil-punt 20 tal-imsemmija istruzzjonijiet, hemm effettivament indikat li l-appell “idealment ma jkunx ta’ iktar minn ħamsa u għoxrin paġna”, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, dawn ma jistabbilixxux b’mod assolut numru massimu ta’ paġni ( 14 ). Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet previsti espressament fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fir-Regoli tal-Proċedura, il-fatt li l-appell ippreżentat mill-appellanti jaqbeż il-limitu massimu tan-numru ta’ paġni stabbilit fil-kuntest tal-istruzzjonijiet prattiċi ma jistax għaldaqstant iwassal għall-inammissibbiltà tiegħu.

30.

Fit-tieni lok, l-eżami tal-appell juri li l-appellanti tindika b’mod preċiż l-iżbalji ta’ liġi li bihom hija vvizzjata s-sentenza appellata u tispjega, b’mod ċirkustanzjat, ir-raġunijiet li għalihom din is-sentenza għandha tiġi annullata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja huma, fil-fehma tiegħi, issodisfatti ( 15 ).

31.

Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu RTVE u r-Renju ta’ Spanja, l-appell ippreżentat minn DTS ma jillimitax ruħu sabiex itenni l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza jew sabiex iqajjem kwistjonijiet ta’ fatt. DTS tikkontesta, fil-fatt, il-mod li bih il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tistabbilixxi li miżuri fiskali jifformaw parti integrali minn skema ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, infakkar li, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-proċedura ta’ appell, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu evidentement jiġu ddibattuti mill-ġdid matul l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u għaldaqstant appellant jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti użati diġà quddiem il-Qorti Ġenerali ( 16 ).

32.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi, konsegwentement, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-appell ippreżentat minn DTS huwa ammissibbli.

B – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta ’ għajnuna

33.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, DTS tikkritika l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 92 sa 104 tas-sentenza appellata, li fit-tmiem tagħha hija kkonkludiet li l-Kummissjoni kellha dritt tikkunsidra t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati bil-Liġi Nru 8/2009 bħala li ma kinux jifformaw parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna li minnha tibbenefika RTVE. L-appellanti ssostni, essenzjalment, li t-taxxa li għaliha hija suġġetta tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu, l-istess bħat-taxxa fuq il-bejgħ dirett ta’ mediċini msemmija fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), din tikkostitwixxi taxxa asimmettrika stabbilita bil-għan ta’ finanzjament dirett ta’ RTVE.

34.

B’kuntrast ma’ dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, fil-fehma tiegħi, l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju ma hija bl-ebda mod dubjuża inkwantu l-appellanti tikkritika l-konklużjonijiet li siltet il-Qorti Ġenerali mill-fatti u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-eżistenza, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn il-miżuri fiskali inkwistjoni u l-għajnuna mħallsa lil RTVE.

35.

Dan l-aggravju fih żewġ partijiet, ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-argumenti tal-appellanti u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament.

1. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-argumenti tal-appellanti

36.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, li hija pprovat, bl-argumenti tagħha, tikkontesta l-prinċipju applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks (C‑390/98, EU:C:2001:456), u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657). Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, wettqet żball ta’ liġi meta rreferiet għal dawn is-sentenzi inkwantu t-taxxa inkwistjoni hija differenti minn taxxa li għandha portata ġenerali u fejn l-għajnuna mogħtija lil RTVE ma tikkonsistix fl-eżenzjoni mit-taxxa msemmija.

a) Is-sentenza appellata

37.

Wara li ppreżentat l-argumenti tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, bdiet l-eżami ta’ dawn tal-aħħar billi fakkret id-distinzjoni stabbilita mit-Trattat FUE bejn, min-naħa, ir-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, dawk li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali. Hija ppreċiżat għaldaqstant li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni obbligatorja ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw li jħallsu l-imsemmija kontribuzzjoni, u tiċċita f’dan il-każ is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, (C‑390/98, EU:C:2001:456).

38.

Fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat għaldaqstant li l-appellanti kienet qiegħda tipprova tikkontesta dan il-prinċipju, peress li, skont l-approċċ tagħha, “impriża tkun tista’ toġġezzjona għall-impożizzjoni ta’ kwalunkwe taxxa għas-sempliċi raġuni li sservi sabiex tiffinanzja vantaġġ li minnu tibbenefika impriża li tkun tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni magħha”.

b) L-analiżi tiegħi

39.

L-istess bħal RTVE u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva inkwantu din hija diretta kontra kunsiderazzjonijiet li ma jagħmlux parti mir-ratio decidendi tas-sentenza appellata.

40.

Fil-fatt, il-konklużjoni li tislet il-Qorti Ġenerali fil-punti 103 u 104 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li l-Kummissjoni kellha dritt tikkunsidra t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati bil-Liġi Nru 8/2009 bħala li ma jifformawx parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna, hija bbażata fuq analiżi dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn l-imsemmija miżuri u l-għajnuna mħallsa lil RTVE kif ukoll dwar it-traspożizzjoni tas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), fil-każ inkwistjoni, traspożizzjoni li ġiet mitluba mill-appellanti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

41.

Fil-punt 92 tas-sentenza appellata, filwaqt li tibda teżamina t-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali tfakkar biss il-prinċipju li fuqu hija bbażata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trattament tat-taxxi parafiskali fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan il-prinċipju, li abbażi tiegħu l-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw impriżi oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw li jħallsu l-imsemmija taxxa jew sabiex jiksbu r-rimbors tagħha, jissemma espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), li fuqha l-appellanti tibbaża ruħha espressament, kif ukoll fis-sentenzi tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403) ( 17 ). L-imsemmi prinċipju tfakkar ukoll mill-appellanti fil-punt 42 tar-rikors promotur tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

42.

Sussegwentement, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tagħmilx ħlief tittraduċi l-argumenti tal-appellanti, mingħajr ma tislet xi konklużjoni legali.

43.

Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-appellanti ma tinvokax difett ta’ żnaturament, bħala tali. F’kull każ, għalkemm l-appellanti ssostni li hija qatt ma kellha l-intenzjoni tiddefendi tali approċċ jiġi difiż, jirriżulta ċar mill-argumenti li hija tesponi insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha li hija ttendi li twessa’ l-portata tal-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn taxxa u l-għajnuna ffinanzjata minn din it-taxxa fil-każ fejn teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn id-debituri ta’ taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna ffinanzjata mit-taxxa msemmija. B’dan il-mod, l-appellanti trid, bl-approċċ tagħha, tikkontesta l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta mill-Qorti Ġenerali fil-punt 92 tas-sentenza appellata u tikseb it-tneħħija tat-taxxa ta’ 1.5 % li ġiet imposta fuqha skont l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009.

44.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u b’mod partikolari ta’ dawk esposti fil-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli, konsegwentement, li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva.

2. Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

45.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, DTS, sostnuta minn Telefónica, tikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punti 99 sa 103 tas-sentenza appellata, fejn din ikkonkludiet li t-taxxi inkwistjoni ma humiex paragunabbli mal-miżura fiskali imposta fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528).

a) Is-sentenza appellata

46.

Fil-punti 94 sa 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tesponi r-raġunijiet li għalihom il-każ ineżami huwa differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), invokata mill-appellanti b’mod li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ. L-ewwel nett, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn id-debituri ta’ taxxa u l-benefiċjarji ta’ għajnuna ffinanzjata minn din it-taxxa ma huwiex biżżejjed sabiex jiggarantixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, fil-punti 96 sa 102 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tesponi l-aspetti speċifiċi li jiddistingwu t-taxxa msemmija fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), u t-taxxa inkwistjoni f’din il-kawża.

b) L-argumenti tal-partijiet

47.

Fl-ewwel lok, DTS issostni li t-taxxa imposta fuqha kellha titqies li tagħmel parti integrali mill-għajnuna mogħtija lil RTVE inkwantu din tikkostitwixxi taxxa asimmetrika, li tixbah lil dik imsemmija fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528). Fil-fatt, din it-taxxa hija imposta fuq kategorija waħda ta’ operaturi — l-operaturi tat-televiżjoni bi ħlas — li qegħdin f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ RTVE, kemm fis-suq tat-telespettaturi kif ukoll f’dak tal-akkwist ta’ kontenut awdjoviżiv. L-għajnuna tirriżulta mill-fatt, minn naħa, li kompetitur huwa suġġett għal taxxa u, min-naħa l-oħra, li r-rikavat minnha huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna.

48.

Fit-tieni lok, DTS issostni li l-aspetti speċifiċi rrilevati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 98 et seq tas-sentenza appellata, li jiddistingwu t-taxxa msemmija fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), u t-taxxa inkwistjoni f’din il-kawża, ma humiex rilevanti. Minn naħa, l-għan tat-taxxa ma huwiex element determinanti, peress li l-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv. Fi kwalunkwe każ, l-għan tat-taxxa imposta fuq DTS jixbah ħafna u huwa manifestament paragunabbli ma’ dak tat-taxxa eżaminata fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528). Min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn il-miżura fiskali u l-għajnuna inkwistjoni hija daqstant stretta bħal dik ikkontemplata fis-sentenza msemmija. F’dan ir-rigward, DTS issostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-inkompatibbiltà eventwali tat-taxxa mad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza diretta li titqiegħed inkwistjoni l-għajnuna kkonċernata.

49.

Fit-tielet lok, DTS issostni li t-taxxa inkwistjoni taffettwa b’mod ċar il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE inkwantu, meta tiġi imposta fuq kompetitur, hija tagħti lill-benefiċjarju tal-għajnuna vantaġġ kompetittiv.

50.

Filwaqt li intervjenew insostenn ta’ DTS, Telefónica jżidu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

51.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali jingħad li wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod restrittiv il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna jagħmel parti integrali minnha, filwaqt li r-regoli għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni teleoloġika ( 18 ).

52.

Fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet applikati mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn miżura fiskali u għajnuna, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, it-turija ta’ influwenza diretta tar-rikavat mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna, ma humiex kundizzjonijiet distinti u kumulattivi. Fil-fatt, l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna timplika minnha nfisha rabta neċessarja bejn l-ammont tad-dħul fiskali u l-portata tal-għajnuna ( 19 ). Il-Qorti Ġenerali adottat għaldaqstant interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss jekk kienx hemm rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u kkunsidrat li, fil-każ affermattiv, l-influwenza diretta tal-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna tkun konsegwenza loġika.

53.

Fit-tielet lok, Telefónica jsostnu li l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tagħti tas-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571), u tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse (C‑34/01 sa C‑38/01, EU:C:2003:640), hija żbaljata. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tippronunzjax ruħha fuq ir-rekwiżit ta’ influwenza diretta tal-miżura fiskali fuq l-ammont tal-għajnuna ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din hija kundizzjoni addizzjonali sabiex jiġi stabbilit jekk il-metodu ta’ finanzjament ta’ għajnuna jagħmilx parti minnha, iżda dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw l-ewwel kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat il-kwistjoni tas-separabbiltà.

54.

RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

c) L-analiżi tiegħi

55.

It-tieni parti tal-ewwel aggravju tqajjem, fil-fehma tiegħi, tliet kwistjonijiet dwar il-mod li bih għandha tiġi evalwata, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn miżura fiskali u skema ta’ għajnuna.

56.

L-ewwel kwistjoni, imqajma minn Telefónica, hija dik dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija mill-ġurisprudenza għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn miżura fiskali u għajnuna humiex kumulattivi.

57.

It-tieni kwistjoni, imqajma minn DTS, tikkonċerna l-punt dwar jekk, b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ir-rabta eżistenti bejn il-miżuri fiskali introdotti mil-Liġi Nru 8/2009 u l-għajnuna mħallsa lil RTVE hijiex effettivament daqshekk stretta bħal dik li torbot il-miżura fiskali u l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), b’mod li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tkun tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ.

58.

Fl-aħħar nett, it-tielet kwistjoni, imqajma minn DTS, tikkonċerna b’mod iktar partikolari l-portata tal-kriterju bbażat fuq l-“influwenza diretta tar-rikavat mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna”, fejn dan il-kriterju kien applikat sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna inkwistjoni. DTS ittendi, fil-fatt, li twessa’ l-portata tal-imsemmi kriterju, b’mod li dan ikopri s-sitwazzjoni li fiha t-taxxa, sostnuta minn kompetitur, tagħti vantaġġ kompetittiv lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

i) Fuq il-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn miżura fiskali u skema ta’ għajnuna

59.

L-analiżi dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn taxxa u għajnuna tippermetti li jiġi stabbilit jekk din it-taxxa tikkostitwixxix metodu ta’ finanzjament tal-għajnuna u, għaldaqstant, tifformax part integrali minnha. Din l-analiżi għandha tippermetti wkoll lill-Kummissjoni tipproċedi b’eżami xieraq u komplut tal-għajnuna mill-Istat ( 20 ). Fil-fatt, il-metodi ta’ finanzjament ta’ għajnuna jistgħu jirrenduha inkompatibbli mas-suq intern ( 21 ). Il-Kummissjoni ma tistax għaldaqstant tifred l-eżami ta’ għajnuna mill-evalwazzjoni tal-effetti tal-metodi ta’ finanzjament tagħha meta dawn tal-aħħar jifformaw parti integrali mill-għajnuna inkwistjoni ( 22 ). L-imsemmija analiżi għandha tippermetti, barra minn hekk, li jiġi żgurat l-effett utli tal-obbligu ta’ notifika. Bil-għan li jirrispetta dan l-obbligu, l-Istat Membru huwa għaldaqstant obbligat li jinnotifika mhux biss il-proġett ta’ għajnuna fil-veru sens tal-kelma, imma wkoll il-metodu ta’ finanzjament tal-għajnuna inkwantu dan tal-aħħar jifforma parti integrali mill-miżura maħsuba ( 23 ).

60.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-portata tal-prinċipju bbażat fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn miżura fiskali u għajnuna fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10), bil-mod segwenti:

“Sabiex taxxa, […] tkun tista’ tiġi kkunsidrata parti minn miżura ta’ għajnuna, irid neċessarjament ikun hemm rabta ta’ destinazzjoni [kawżali vinkolanti] bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li r-rikavat tat-taxxa huwa essenzjalment allokat għall-finanzjament ta’ l-għajnuna. Jekk teżisti tali rabta, ir-rikavat tat-taxxa jinfluwenza direttament l-importanza [portata] ta’ l-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni […]” ( 24 ).

61.

Waħda mill-mistoqsijiet li t-tieni parti tal-ewwel aggravju tqajjem hija dik dwar jekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna ffinanzjata minnha, jeħtieġx li jintwera mhux biss li teżisti dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna, imma wkoll li r-rikavat mit-taxxa jinfluwenza l-portata tal-għajnuna.

62.

Telefónica jsostnu, fil-fatt, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ma humiex kundizzjonijiet distinti u kumulattivi inkwantu l-influwenza diretta tal-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna hija konsegwenza loġika tar-rabta kawżali prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali interpretat għaldaqstant il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod żbaljat.

63.

Għandu jiġi ammess li l-formulazzjoni tal-prinċipju fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10) — li tinsab ukoll fis-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657), u tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528) —, twassal għal ċerta konfużjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, “[jekk ikun hemm rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti] ir-rikavat tat-taxxa jinfluwenza direttament l-importanza [portata] ta’ l-għajnuna” ( 25 ).

64.

Issa, iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna u, min-naħa l-oħra, it-turija ta’ influwenza diretta tar-rikavat mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna, huma, fi-fehma tiegħi u kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, kumulattivi.

65.

L-ewwel nett, huwa utli li jitfakkru l-bażijiet l-iktar antiki tal-prinċipju applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10), billi jsir riferiment għall-punt 17 tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il‑Kummissjoni (47/69, EU:C:1970:60). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-fatt, li “l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni għandha […] tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi diretti u indiretti kollha li jikkaratterizzaw il-miżura kontenzjuża, jiġifieri, mhux biss l-għajnuna fil-veru sens tal-kelma mogħtija lill-attivitajiet nazzjonali ffavoreġġati, imma wkoll l-għajnuna indiretta li dawn jistgħu jikkostitwixxu, u l-mod ta’ finanzjament tagħha, u r-rabta stretta li tissuġġetta l-volum tal-ewwel waħda fuq ir-rikavat mit-tieni waħda” ( 26 ).

66.

Sa fejn dħul fiskali ma jistax ikun allokat għal spiża speċifika fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ewwel kundizzjoni li hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna tikkostitwixxi rekwiżit indispensabbli. Issa, din il-kundizzjoni ma hijiex, waħidha, suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit sa fejn ir-rikavat minn dan id-dħul jinfluwenza effettivament il-portata tal-għajnuna, peress li, lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu din l-allokazzjoni, l-Istat Membru jista’ jgawdi minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fl-allokazzjoni tad-dħul tiegħu jew jimplementa mekkaniżmu ta’ aġġustament li jkisser ir-rabta kawżali stretta prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, is-saħħa tar-rabta kawżali bejn it-taxxa u l-għajnuna, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi stabbilit sa fejn l-għajnuna inkwistjoni hija effettivament iffinanzjata mir-rikavat mit-taxxa u hija dipendenti fuqu.

67.

Dan huwa dak li joħroġ b’mod evidenti, fil-fehma tiegħi, mir-riferiment li jsir fl-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 17 tas-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il‑Kummissjoni (47/69, EU:C:1970:60). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti peress li l-metodu ta’ finanzjament inkwistjoni kien jippermetti li titkabbar awtomatikament il-portata tal-għajnuna skont it-tkabbir fir-rikavat mit-taxxa ( 27 ).

68.

Sussegwentement, huwa utli li jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja rriformulat dan il-prinċipju fil-ġurisprudenza tagħha l-iktar reċenti, fejn indikat b’mod iktar ċar li teżisti rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti meta “d-dħul mit-taxxa huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ l-għajnuna u jeffettwa direttament l-ammont ta’ din” ( 28 ).

69.

Fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764), il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet għaldaqstant b’eżami ta’ kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, irriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li t-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar kienet miġbura speċifikament u unikament għall-finanzjament tal-għajnuna għax-xandir bir-radju inkwistjoni ( 29 ). Barra minn hekk, ir-rikavat nett mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar‑reklamar kien allokat b’mod esklużiv u sħiħ għall-finanzjament tal‑għajnuna għax-xandir bir-radju, u kien jaffettwa, għalhekk, direttament il-portata tagħha ( 30 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikavat mit-taxxa kien jaffettwa l-portata tal-ammont tal-għajnuna mħallsa, inkwantu l-għoti ta’ din l-għajnuna kif ukoll il-portata tagħha kienu jiddependu mir-rikavat mill-imsemmija taxxa, b’mod li din kellha titqies li tagħmel parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna għax-xandir bir-radju ( 31 ).

70.

Fl-aħħar nett, il-fatt li tiġi evitata, hekk kif tipproponi l-appellanti, din it-tieni kundizzjoni jċaħħad minn kull effett utli l-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja titkellem mhux fuq rabta “ġuridika” vinkolanti, imma fuq rabta “kawżali” vinkolanti bejn it-taxxa u l-miżura ta’ għajnuna. Issa, il-kunċett ta’ allokazzjoni, tradott fil-verżjonijiet bl-Ingliż tal-ġurisprudenza bil-kelma “hypothecation”, huwa meħud mit-terminoloġija tal-kontabbiltà u finanzjarja u tindika d-destinazzjoni ta’ dħul, li jinġabar permezz tal-impożizzjoni ta’ taxxa partikolari, għal spiża speċifika. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi stabbilit każ b’każ jekk, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-applikazzjoni prattika tal-istess leġiżlazzjoni, id-dħul fiskali inkwistjoni huwiex effettivament u speċjalment iddestinat għall-finanzjament tal-għajnuna, u dan kuntrarjament għall-prinċipju ta’ universalità tad-dħul fiskali.

71.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, naħseb li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna ma hijiex, waħidha, suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li taxxa tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna. Meta tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tkun teżisti, kif huwa l-każ f’dan il-każ ( 32 ), ikun ukoll meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk ir-rikavat mit-taxxa jinfluwenzax direttament il-portata tal-għajnuna.

72.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fir-rigward tal-ġurisprudenza li għadni kif rajt, li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma kumulattivi, u għaldaqstant l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward minn Telefónica għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

ii) Fuq it-traspożizzjoni tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528)

73.

Fil-fehma tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528) ( 33 ), ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża b’mod li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddistingwiet it-tliet miżuri fiskali inkwistjoni minn dik indikata fl-imsemmija sentenza.

74.

Għalkemm id-distinzjoni li tagħmel il-Qorti Ġenerali fil-punt 100 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-għan tal-għajnuna ma tikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, element deċiżiv, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 101 u 102 tas-sentenza msemmija jippermettu li ssir distinzjoni ċara bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528).

75.

Fl-ewwel lok, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata, ir-rabta bejn il-miżuri fiskali u l-għajnuna inkwistjoni ma tistax tkun manifestament daqshekk stretta bħar-rabta eżistenti bejn it-taxxa fuq il-bejgħ dirett ta’ prodotti mediċinali sostnuta minn Laboratoires Boiron SA u l-eżenzjoni li jgawdu minnha d-distributuri bl-ingrossa.

76.

Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528), kien hemm rabta intrinsika bejn it-taxxa u l-għajnuna (l-eżenzjoni minn din it-taxxa), “żewġ elementi, li ma jistgħux jiġu dissoċjati, ta’ miżura fiskali waħda” skont il-Qorti tal-Ġustizzja ( 34 ), li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ma kinitx tippermetti li ssir distinzjoni bejniethom, fatt li manifestament ma japplikax f’dan il-każ. L-inapplikabbiltà tal-miżura fiskali minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni wasslet għaldaqstant, b’mod loġiku u dirett ħafna, għat-tneħħija tal-għajnuna.

77.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-għajnuna mħallsa lil RTVE bħala finanzjament tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha ma jiddependix mill-ammont tad-dħul fiskali inkwistjoni miġbur mingħand l-operaturi tat-televiżjoni bi ħlas.

78.

Minn naħa, jirriżulta mill-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u mill-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 — li l-kliem tagħhom ma ġewx, fil-fehma tiegħi, żnaturati mill-Qorti Ġenerali u dan kif ser nuri fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju — li l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE bħala finanzjament tal‑obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha huwa kkalkolat abbażi tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz pubbliku sostnuti minn RTVE fis-snin finanzjarji preċedenti ( 35 ).

79.

Min-naħa l-oħra, għalkemm ċertament teżisti rabta leġiżlattiva vinkolanti bejn ir-rikavat mit-taxxa inkwistjoni u l-għajnuna mħallsa lil RTVE, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li jipprekludi, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkunsidrat li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija mill-ġurisprudenza huma ssodisfatti.

80.

Fil-fatt, l-Istat Spanjol jilgħab billi jvarja l-aġġustament kemm ’il fuq kif ukoll ’l isfel, billi fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ dħul, jimpenja ruħu jkopri l-ispejjeż kollha ta’ RTVE u billi, fil-każ ta’ eċċess, jieħu dak l-eċċess għall-baġit ġenerali tiegħu, filwaqt li jżomm ukoll marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-proporzjon mid-dħul fiskali li huwa effettivament ikollu l-intenzjoni jħallas lil RTVE ( 36 ). Għaldaqstant, ir-rabta bejn it-taxxa u l-għajnuna ma hijiex ir-rabta “diretta u indissolubbli” li semma l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2004:124).

81.

Għaldaqstant, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, li l-Qorti Ġenerali ssemmi espressament fil-punt 101 tas-sentenza appellata, jistabbilixxu prinċipju ta’ kopertura sħiħa tal-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz pubbliku sostnuti minn RTVE li jobbliga lill-Istat Spanjol jħallas. Għaldaqstant, kif tesponi l-Qorti Ġenerali fil-punti 9, 80 u 101 tas-sentenza appellata, jekk is-sorsi ta’ finanzjament li għandha RTVE, fosthom il-miżura fiskali inkwistjoni, ma jkunux suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż kollha ta’ RTVE previsti għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha, l-Istat Spanjol huwa obbligat jagħmel tajjeb għal din id-diskrepanza. Il-finanzjament tal-ispejjeż netti tal-obbligi ta’ servizz pubbliku pprovdut minn RTVE huwa għaldaqstant iggarantit indipendentement mid-dħul provenjenti mill-miżuri fiskali inkwistjoni ( 37 ).

82.

Fil-każ ta’ eċċess, dan jittieħed, min-naħa l-oħra, għall-baġit ġenerali tal-Istat, b’mod li jiġi allokat għal skopijiet oħra ( 38 ).

83.

Il-fatt li d-dħul fiskali jkun ogħla jew inqas minn dak li kien previst ma jaffettwax, għaldaqstant, l-ammont previst għall-kumpens mogħti lil RTVE għall-iskopijiet tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ( 39 ).

84.

Għalkemm is-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi għaldaqstant li r-rikavat mit-taxxa jiġi integrat mal-għajnuna mħallsa lil RTVE, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament imsemmi fl-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 kif ukoll il-marġni ta’ diskrezzjoni mħolli lill-Istat Spanjol jiżnaturaw, fil-fehma tiegħi, din ir-rabta. L-imsemmija rabta bejn it-taxxa u l-iskema ta’ għajnuna evidentement għadha teżisti, imma, fi kwalunkwe każ, ma għadhiex suffiċjentement stretta sabiex, minn naħa, tissodisfa l-kriterju tal-influwenza diretta msemmi mill-ġurisprudenza u, min-naħa l-oħra, tippermetti li tiġi trasposta għal dan il-każ is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528).

85.

Finalment, jekk hemm rabta vinkolanti permezz tal-baġit, din ir-rabta ma hijiex riflessa fl-ammont tal-għajnuna mħallsa lil RTVE.

86.

L-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-inkompatibbiltà eventwali tat-taxxa mad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza diretta li titqiegħed inkwistjoni l-għajnuna kkonċernata għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

iii) Fuq il-kriterju bbażat fuq il-vantaġġ kompetittiv li jgawdi minnu l-benefiċjarju tal-għajnuna

87.

DTS issostni li, b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, it-taxxa għandha “influwenza diretta fuq il-portata tal-għajnuna” inkwantu din hija sostnuta minn impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna, u b’hekk jingħata vantaġġ kompetittiv lil dan tal-aħħar. Fi kliem ieħor, l-għajnuna tkun ħafna iktar rilevanti meta tkun iffinanzjata minn taxxa imposta fuq il-kompetituri.

88.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-punt 102 tas-sentenza appellata meta kkunsidrat li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn id-debituri tat-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna ffinanzjata minn dik it-taxxa ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li t-taxxa tagħmel parti integrali minn dik l-għajnuna.

89.

Minn naħa, rajna li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ikunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit li taxxa tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna:

irid ikun hemm dispożizzjoni vinkolanti ta’ dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna, u

ir-rikavat mit-taxxa għandu jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna.

90.

Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx ssodisfatta, allura ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li taxxa tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna u l-kriterju bbażat fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ kompetittiv ma jkunx suffiċjenti sabiex jegħleb din il-konklużjoni.

91.

Ċertament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet fil-kawża Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2004:124), il-punt dwar jekk teżistix rabta diretta u indissolubbli bejn it-taxxa u l-għajnuna ffinanzjata permezz ta’ dik it-taxxa għandu jiġi eżaminat każ b’każ abbażi tal-kliem tal-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati, tal-istruttura tagħhom, tal-applikazzjoni prattika tagħhom “u tal-kuntest ekonomiku li fih huma jiġu applikati” ( 40 ). F’dan il-kuntest, huwa rrileva, b’mod partikolari, li l-estent sa fejn u l-mod li bih il-koppja taxxa-għajnuna tinfluwenza r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-settur jew fis-sotto-settur jew fil-kategorija ta’ impriżi kkonċernati jikkostitwixxu indizji tal-eżistenza ta’ tali rabta ( 41 ).

92.

Issa, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma huwiex element deċiżiv.

93.

Fl-ewwel lok, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, ma aħniex qegħdin fil-kuntest tal-evalwazzjoni fil-mertu tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107 TFUE u li fiha l-eżami tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni huwa manifestament l-iktar importanti ( 42 ), imma f’dak tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “rabta kawżali vinkolanti” bejn taxxa u l-iskema ta’ għajnuna ffinanzjata minnha sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 108(3) TFUE.

94.

Fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikavat mit-taxxa jinfluwenzax direttament “il-portata tal-għajnuna”, filwaqt li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fis-sens l-iktar pur tal-kompatibbiltà bħala li tirrigwarda l-ammont jew il-volum tal-għajnuna. Fil-verżjonijiet Ġermaniża u Ingliża tal-ġurisprudenza, “il-portata tal-għajnuna” hija tradotta rispettivament bl-espressjonijiet “den Umfang der Beihilfe” u “the amount of the aid” ( 43 ). Ir-risposta għal din il-kwistjoni toħroġ minn evalwazzjoni purament kontabbli u teskludi, konsegwentement, analiżi tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn id-debituri tat-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna.

95.

Fit-tielet lok, il-fatt li l-kwistjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn id-debituri ta’ taxxa u l-benefiċjarju ta’ għajnuna ffinanzjata permezz ta’ din it-taxxa tiġi stabbilita bħala kriterju supplimentari jista’, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jaffettwa l-effettività tal-kontroll li jsir mill-Kummissjoni. Fil-fatt, dan il-kontroll ikun għaldaqstant jiddependi minn evalwazzjoni minn qabel u unilaterali magħmula minn kull Stat Membru dwar l-eżistenza u l-istat tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ( 44 ). Dan ir-riskju huwa, fil-fehma tiegħi, ħafna ikbar inkwantu, fil-prattika, din it-taxxa tinġabar fuq livell settorjali, b’mod li d-debituri tat-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna joperaw fl-istess suq jew fi swieq konnessi.

96.

Jekk kellu għaldaqstant jiġi segwit l-argument tal-appellanti, dan ikun ifisser li, kull darba li taxxa tinġabar fuq livell settorjali u tkun tolqot impriżi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-għajnuna, il-kriterju bbażat fuq ir-rabta kawżali vinkolanti jkun għaldaqstant issodisfatt. Issa, tali interpretazzjoni tkun manifestament kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tinterpreta b’mod restrittiv ħafna l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti b’mod li tirrispetta d-delimitazzjoni preċiża li jistabbilixxi t-Trattat FUE bejn, minn naħa, ir-regoli li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra dawk dwar id-distorsjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet fiskali adottati mill-Istati Membri.

97.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra, konsegwentement, li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq l-allegat vantaġġ kompetittiv li tibbenefika minnu RTVE minħabba t-taxxa imposta fuq il-kompetituri tagħha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn il-miżuri fiskali inkwistjoni u l-għajnuna mħallsa lil RTVE.

98.

L-ilment imressaq f’dan ir-rigward minn DTS għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

iv) Fuq il-fatt li l-eċċess tad-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jitqiegħed f’fond ta’ riżerva u, jekk ikun il-każ, jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku ( 45 )

99.

DTS tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li r-rikavat mit-taxxa ma jinfluwenzax il-portata tal-għajnuna, peress li, kif jirriżulta mill-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, id-dħul li jeċċedi l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku jitqiegħed f’fond ta’ riżerva jew jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku u peress li ġie previst limitu assolut għad-dħul ta’ RTVE. L-eżistenza ta’ dan il-limitu assolut hija irrilevanti. Fil-fatt, skont is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764), f’dak il-każ, sabiex wieħed ikun jista’ jikkonkludi li t-taxxa tinfluwenza l-portata tal-ammont tal-għajnuna, ikun rilevanti li l-iffissar tagħha jsir ukoll, fil-limiti massimi, skont il-previżjonijiet ta’ dħul mit-taxxa, li huwa l-każ hawnhekk.

100.

Fl-opinjoni tiegħi dan l-ilment huwa infondat.

101.

Kif indikajt diġà, il-fatt li, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 u l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009, l-eċċess ta’ dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jitqiegħed f’fond ta’ riżerva u, jekk ikun il-każ, jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku jikser ir-rabta kawżali vinkolanti eżistenti bejn id-dħul fiskali u l-għajnuna inkwistjoni. F’dak il-każ, ir-rikavat mit-taxxa ma jinfluwenzax awtomatikament il-portata tal-għajnuna, peress li l-eċċess jerġa’ jiġi attribwit għal finijiet oħra u ma jippermettix li titkabbar il-portata tal-għajnuna.

102.

Il-paralleliżmu li tagħmel l-appellanti mas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764), huwa irrilevanti fil-fehma tiegħi. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, kif jirriżulta espressament mill-punt 104 ta’ dik is-sentenza, ir-rikavat mit-taxxa fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazju tar-reklamar kien allokat b’mod esklużiv u “sħiħ” għall-finanzjament tal-għajnuna għax-xandir bir-radju. Barra minn hekk, għalkemm din l-għajnuna kienet effettivament attribwita permezz ta’ kummissjoni, din ma kellhiex is-setgħa li talloka l-fondi disponibbli għal skopijiet differenti mill-imsemmija għajnuna. Issa, dan manifestament ma huwiex il-każ hawnhekk inkwantu d-dħul fiskali inkwistjoni ma huwiex iddestinat esklużivament u b’mod sħiħ għall-finanzjament tal-għajnuna peress li l-eċċess jitqiegħed f’fond ta’ riżerva u, jekk ikun il-każ, jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku sabiex jiġi allokat mill-ġdid għal skopijiet oħra.

103.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 u fl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 ma kienx jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-taxxa tinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna ddestinata għal RTVE.

104.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

105.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-ewwel aggravju invokat mill-appellanti, li huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna, bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

C – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali u fuq żnaturament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

106.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, DTS tikkritika l-analiżi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 66, 67 u 69 tas-sentenza appellata sabiex waslet għall-konklużjoni, li tinsab fil-punti 102 sa 104 tas-sentenza appellata, li t-taxxa imposta fuqha ma tinfluwenzax l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE u, għaldaqstant, ma tagħmilx parti integrali mill-iskema ta’ għajnuna.

107.

Dan it-tieni aggravju huwa bbażat fuq żewġ partijiet.

108.

L-ewwel parti hija bbażata fuq l-insuffiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna inkwistjoni.

109.

It-tieni parti hija, min-naħa tagħha, ibbażata fuq difett ta’ żnaturament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli b’mod li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, għall-iskopijiet tal-analiżi tagħha, il-fatt li l-baġit previst ta’ RTVE huwa stabbilit b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont previst tad-dħul fiskali, u għaldaqstant dan l-ammont jinfluwenza direttament il-portata tal-ammont tal-għajnuna.

1. Is-sentenza appellata

110.

Fil-punt 65 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’rigward għall-kliem tal-Liġi Nru 8/2009, li l-ammont tal-għajnuna ddestinata għal RTVE ma jiddependix mill-ammont tat-taxxi imposti fuq l-appellanti, peress li l-ammont tal-għajnuna huwa ffissat b’rigward għall-ispejjeż netti għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tagħha.

111.

Sabiex tiġġustifika din il-konklużjoni, minn naħa, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kliem tal-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009, li jiddefinixxu r-rwol tal-Istat Spanjol fl-ipoteżi fejn id-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jeċċedi l-ispejjeż għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

112.

Min-naħa l-oħra, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kliem tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009, li jiddefinixxi r-rwol tal-Istat Spanjol fl-ipoteżi fejn id-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE ma jkunx suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

2. Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali

a) L-argumenti tal-partijiet

113.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-istħarriġ ġudizzjarju li wettqet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża kien insuffiċjenti. Minn naħa, jingħad li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-qafas leġiżlattiv Spanjol, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u l-Artikolu 44 tal-mandato-marco a la Corporación RTVE previsto en el articulo 4 de la Ley 17/2006 de la radio y la televisión de titularidad estatal, aprobado por los plenos del congreso de los diputados y del senado (mandat qafas mogħti lil RTVE, previst fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 17/2006, approvat f’sessjoni plenarja mill-kamra tad-deputati u mis-senat) ( 46 ). Jirriżulta b’mod ċar minn dawn id-dispożizzjonijiet li RTVE hija legalment obbligata tħejji l-baġit tagħha stess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż previsti tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, imma wkoll id-dħul previst, li jinkludi r-rikavat mit-taxxa inkwistjoni. Dan juri li l-ammont previst tad-dħul mit-taxxa imposta fuq DTS jinfluwenza l-portata tal-għajnuna li RTVE tirċievi.

114.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx stħarriġ komplut tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764), li abbażi tagħhom, ir-rikavat mit-taxxa jinfluwenza l-portata tal-ammont tal-għajnuna meta s-sussidju mogħti jiġi kkalkolat skont ir-rikavat “limitu” [mistenni] jew il-“previżjonijiet” tad-dħul mit-taxxa. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx sa fejn l-ammont previst tad-dħul jinfluwenza l-kalkolu tal-għajnuna, iżda llimitat ruħha tapprova l-analiżi tal-Kummissjoni.

115.

RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument. RTVE u r-Renju ta’ Spanja jenfasizzaw li l-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tagħmel riferiment għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li jkunu applikabbli. L-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u l-Artikolu 44 tal-mandat qafas lanqas ġew ikkunsidrati minn DTS bħala rilevanti quddiem il-Qorti Ġenerali. Inkwantu jirrigwarda l-Kummissjoni, hija tenfasizza li DTS ma invokatx l-Artikolu 33 u l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006, l-Artikolu 44 tal-mandat qafas kif ukoll l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 la fir-rikors tagħha u lanqas fir-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tinvoka ex officio regoli tad-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-eżami tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

116.

Fi kwalunkwe każ, RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jikkunsidraw li dawn l-ilmenti ma humiex fondati.

b) L-analiżi tiegħi

i) Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u tal-Artikolu 44 tal-mandat qafas

117.

Għandu jiġi ppreċiżat mill-ewwel li, minkejja l-importanza li DTS tidher li tagħti lid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-kuntest ta’ dan l-appell, din ma semmiethomx f’ebda waħda mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-fatt li DTS ma deherilhiex li huwa utli, fil-kuntest tar-rikors promotur tagħha jew ukoll fil-kuntest tar-replika tagħha, li ssemmi l-imsemmija dispożizzjonijiet juri, fil-fehma tiegħi, li dawn ma humiex dispożizzjonijiet essenzjali jew rilevanti.

118.

Kif tenfasizza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 tal-appell tagħha, it-test tal-Liġi Nru 17/2006 u dak tal-mandat qafas ġew prodotti rispettivament bħala anness mar-risposta tal-Kummissjoni u man-nota ta’ intervent ta’ RTVE quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, fl-ewwel lok hija l-appellanti li, fil-kuntest tar-rikors għal annullament li hija ppreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, għandha tidentifika, b’mod eżawrjenti, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli li hija tqis rilevanti u wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma tkunx iddeċidiet fuq ċerti minn dawn id-dispożizzjonijiet meta l-appellanti ma tkunx għamlet espressament riferiment għalihom. Għalkemm hija tindika li esponiet l-imsemmija dispożizzjonijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ninjora kemm DTS għamlet riferiment għall-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u għall-Artikolu 44 tal-mandat qafas.

119.

Fi kwalunkwe każ, infakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika waħda li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jitressqu quddiemha ( 47 ). Għaldaqstant, din kellha perfettament id-dritt li teskludi mill-analiżi tagħha l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u l-Artikolu 44 tal-mandat qafas. Kif ser naraw fl-analiżi segwenti, dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jippermettu, fid-dawl tal-għan tagħhom, li wieħed jifhem in-natura tar-rabta kawżali eżistenti bejn it-taxxa inkwistjoni u l-għajnuna mħallsa lil RTVE.

120.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li dan l-ewwel argument ma huwiex ammissibbli.

ii) Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764)

121.

Nipproponi mill-ewwel li t-tieni argument jiġi miċħud inkwantu infondat.

122.

Fil-fatt, għar-raġunijiet li esponejt fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-paralleliżmu li tagħmel l-appellanti bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764), ma huwiex rilevanti. F’din l-aħħar kawża, mhux biss kien hemm dispożizzjoni legali li talloka r-rikavat mit-taxxa għall-għajnuna għax-xandir bir-radju, imma wkoll ir-rikavat minn dik it-taxxa kien esklużivament u b’mod sħiħ allokat għall-finanzjament ta’ dik l-għajnuna, mingħajr ma kien hemm distribuzzjoni mill-ġdid tal-eċċess għal skopijiet oħra.

123.

Fid-dawl ta’ dawn l-element, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

3. Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq l-iżnaturament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli

a) L-argumenti tal-partijiet

124.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti, sostnuta minn Telefónica, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat, fil-punti 66, 67 u 69 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 kif ukoll l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex waslet għall-konklużjoni li t-taxxa inkwistjoni ma tinfluwenzax l-ammont tal-għajnuna ddestinata għal RTVE. Jingħad li hija, fil-fatt, tat lil dawn id-dispożizzjonijiet portata li ma hijiex tagħhom meta dawn jiġu analizzati flimkien mal-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u mal-Artikolu 44 tal-mandat qafas.

125.

Telefónica jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata lil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u b’hekk żnaturat manifestament il-provi li huma pproduċewlha.

126.

RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jsostnu li dan l-aggravju huwa inammissibbli.

b) L-analiżi tiegħi

127.

B’kuntrast ma’ dak li jsostnu RTVE, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni, it-tieni parti tat-tieni aggravju hija, fil-fehma tiegħi, ammissibbli.

128.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita b’ilmenti li jirrigwardaw il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti meta l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti lilha ( 48 ). Issa, dan huwa fil-fatt il-każ hawnhekk peress li DTS tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li l-appellanti tindika b’mod preċiż, minn naħa, l-elementi li fil-fehma tagħha ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lil din tal-aħħar għal dan l-iżnaturament.

129.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipproċedi bi stħarriġ ġudizzjarju.

130.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiemha, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom, u jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux fid-dawl tal-elementi l-oħra ( 49 ).

131.

Madankollu, tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, u mingħajr ma jsir użu minn provi ġodda ( 50 ).

132.

Wara qari bir-reqqa tal-argumenti esposti minn DTS, wasalt għall-konklużjoni li hija ma rnexxilhiex turi li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 66 sa 69 tas-sentenza appellata, għamlet konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni jew li hija tat lil waħda minnhom portata li manifestament ma tixraqilhiex fid-dawl tal-elementi l-oħra tal-proċess.

i) Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni adottata, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, tal-kliem tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009

133.

Skont il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009, “fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir bir-radju, id-differenza għandha tiġi koperta permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol”.

134.

Skont DTS, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istat Spanjol jipprovdi riżorsi mill-baġit ġenerali tiegħu sabiex ikopri l-ispejjeż marbutin mal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, iżda timponilu l-obbligu li jagħmel tajjeb għall-baġit previst għal RTVE meta, fit-twettiq tal-imsemmija funzjoni, l-ammont tad-dħul fiskali jkun inqas mill-previżjonijiet baġitarji. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet tal-baġit ġenerali ma jiġux awtorizzati meta l-ispejjeż jeċċedu l-previżjonijiet baġitarji.

135.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 għandu jkun analizzat flimkien mal-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u mal-Artikolu 44 tal-mandat qafas. Skont l-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006, RTVE tistabbilixxi hija stess il-baġit tagħha filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-previżjonijiet tal-ispejjeż għall-funzjoni ta’ servizz pubbliku, imma wkoll il-previżjonijiet tad-dħul, inkluż ir-rikavat mit-taxxi previsti mil-Liġi Nru 8/2009. Konsegwentement, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009, fl-ipoteżi fejn ir-rikavat reali mit-taxxi jkun inqas mill-ammont previst tat-taxxi u ma jippermettix li jkopri l-ispejjeż tas-servizz pubbliku previsti minn RTVE, l-Istat Spanjol ikun obbligat jagħmel tajjeb għall-“baġit previst” b’kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tiegħu. Issa, il-“baġit previst” irid ikun stabbilit abbażi tal-ammont previst tad-dħul mit-taxxa u, konsegwentement, dan l-ammont jinfluwenza direttament il-portata tal-ammont tal-għajnuna. Għaldaqstant, l-effett tar-rikavat mit-taxxa fuq l-eżekuzzjoni tal-baġit ta’ RTVE ma għandux jitħawwad ma’ dak tal-ammont previst tad-dħul mit-taxxa fuq it-tħejjija inizjali tal-imsemmi baġit u, għaldaqstant, fuq il-portata tal-ammont tal-għajnuna. Huwa biss dan tal-aħħar li huwa rilevanti.

136.

Telefónica jżidu jgħidu li jeżistu indikazzjonijiet manifesti li jiċħdu l-eventwalità ta’ allegata kontribuzzjoni addizzjonali mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol; l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Nru 8/2009 tindika, b’mod partikolari, li “ma jidhirx li huwa raġonevoli li l-garanzija tal-finanzjament tinvolvi żieda fil-kontribuzzjoni mill-Istat”. Barra minn hekk, din hija ipoteżi sekondarja, peress li huma tnejn il-kundizzjonijiet li jridu jkunu sodisfatti sabiex l-Istat Spanjol jiffinanzja parti mill-ispejjeż tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Fl-ewwel lok, għal sena finanzjarja partikolari, ir-rikavat mit-taxxa jrid ikun inqas mill-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u, fit-tieni lok, l-ammont tal-fond ta’ riżerva jrid ikun insuffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ RTVE għal dik is-sena. Iktar minn hekk, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jistabbilixxi garanzija tal-Istat limitata għad-diskrepanza bejn, minn naħa, it-taxxi flimkien mal-fond ta’ riżerva u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, din hija miżura ta’ għajnuna ġdida. Dan ma jipprekludix li l-għajnuna mogħtija lil RTVE tiġi ffissata abbażi tar-rikavat mit-taxxa u li, jekk dan ikun insuffiċjenti, l-Istat Spanjol jimpenja ruħu jagħmel tajjeb għad-diskrepanza.

137.

Fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn fl-argumenti esposti mill-appellanti li jippermetti li jintwera li l-Qorti Ġenerali żnaturat, b’mod manifest, il-kliem tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009.

138.

Fl-ewwel lok, billi ssostni li, skont din id-dispożizzjoni “l-Istat Spanjol [ikun] obbligat li jagħmel tajjeb għall-‘baġit previst’ bil-kontribuzzjonijiet tal-baġit ġenerali tiegħu” jew ukoll li “[l-imsemmija] dipożizzjoni [timponi] fuq l-Istat l-obbligu li jagħmel tajjeb għall-‘baġit previst’ għal RTVE meta, fit-twettiq tiegħu, l-ammont tad-dħul fiskali jkun inqas mill-previżjonijiet baġitarji”, l-appellanti ma titbiegħedx mill-interpretazzjoni, adottata mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009.

139.

Fit-tieni lok, għalkemm l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma interpretatx din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006 u tal-Artikolu 44 tal-mandat qafas, jiena ma narax manifestament kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti.

140.

L-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006, bit-titolu “Baġits” jipprovdi kif ġej:

“1.   RTVE […] għandha tħejji baġit għall-operat li jippreċiża r-riżorsi u d-deprezzament annwali korrispondenti kif ukoll baġit kapitali li jkun iddettaljat ukoll. Il-baġit tal-operat u dak kapitali ta’ RTVE […] jagħmlu parti mill-baġit ġenerali tal-Istat.

2.   Il-baġit tal-operat u dak kapitali ta’ RTVE […] għandu jkun fihom ir-riżultati u tabella tal-previżjonijiet ta’ finanzjament għas-sena finanzjarja kkonċernata. Bilanċ previst tal-entità kif ukoll id-dokumenti addizzjonali mitluba mill-ministeru […] għandhom jiġu mehmuża ma’ dawn il-baġits.

[…]”

141.

L-Artikolu 44 tal-mandat qafas, bit-titolu “Obbligi baġitarji”, jippreċiża, barra minn hekk, dan li ġej:

“RTVE u l-kumpanniji tagħha għandhom jadattaw il-baġit tagħhom għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 17/2006. L-imsemmija baġits għandhom jitħejjew skont il-prinċipju ta’ bilanċ baġitarju u għandhom jipprevedu l-obbligi finanzjarji neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali previsti minn dan il-mandat qafas kif żviluppat fil-programm kuntrattwali fis-seħħ.”

142.

Għandu jiġi kkonstatat, kif wara kollox jirrilevaw RTVE u l-Kummissjoni, li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu biss prinċipji ġenerali u li ebda minnhom ma tippermetti li tiġi stabbilita rabta kawżali vinkolanti bejn id-dħul fiskali inkwistjoni u l-iskema ta’ għajnuna mogħtija lil RTVE.

143.

Fit-tielet lok, l-argumenti mressqa minn Telefónica lanqas ma jippermettu li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjonijiet li jmorru b’mod manifest kontra l-kliem tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009. Fir-rigward tal-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi msemmija, din ma għandha ebda saħħa vinkolanti u l-estratt imsemmi minn Telefónica manifestament ma jippermettix li tkun eskluża l-kontribuzzjoni addizzjonali tal-Istat Spanjol. Barra minn hekk, ftit huwa rilevanti, fil-fehma tiegħi, li din hija ipoteżi sekondarja. Il-Qorti Ġenerali ssemmi l-eżistenza ta’ din l-ipoteżi f’termini li huma suffiċjenti sabiex iwasslu għall-konklużjoni msemmija fil-punt 101 tas-sentenza appellata u li abbażi tagħha l-Istat Spanjol huwa obbligat li jagħmel tajjeb għad-diskrepanza bejn is-sorsi finanzjarji li għandha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE u l-ispejjeż kollha tagħha għat-twettiq tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku.

ii) Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni adottata, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, tal-kliem tal-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 u tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009

– Is-sentenza appellata

144.

Fil-punti 66 sa 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“66

[…] skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jkun iktar mill-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, dan l-eċċess għandu jiġi allokat lura. Sa fejn ma jaqbiżx l-10 % tal-ispejjeż annwali stmati ta’ RTVE, dan l-eċċess għandu jitqiegħed f’fondi ta’ riżerva u, sa fejn jaqbeż dan il-limitu, dan l-eċċess għandu jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku.

67

Fir-rigward tal-kapital imqiegħed fil-fond[] ta’ riżerva, mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li dan il-kapital jista’ jintuża biss bl-awtorizzazzjoni espliċita tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Spanjol u li, jekk ma jintużax matul erba’ snin, dan il-kapital għandu jintuża sabiex jitnaqqas il-kumpens li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol. Għaldaqstant, il-kapital imqiegħed fil-fond[] ta’ riżerva ma jistax jitqies li jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE.

68

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi limitu assolut għad-dħul ta’ RTVE, li huwa ta’ EUR 1200 miljun għas-snin 2010 u 2011. Kull ammont li jaqbeż dan il-limitu għandu jiġi allokat direttament lura lill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol.”

– L-argumenti tal-partijiet ( 51 )

145.

Fl-ewwel lok, DTS tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat, fil-punti 66 u 67 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 u tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 billi tathom portata li huma ma għandhomx. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha tafferma li, skont l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 8/2009, il-fond ta’ riżerva jista’ jintuża biss bl-awtorizzazzjoni espressa tal-Ministerio de Economía y Hacienda (ministeru tal-ekonomija u tal-finanzi Spanja), filwaqt li qabżet l-ewwel kliem ta’ din id-dispożizzjoni li jipprovdu li “l-fond jista’ jintuża biss sabiex jikkumpensa telf ta’ snin finanzjarji preċedenti u sabiex jiġu affrontati sitwazzjonijiet imprevisti fir-rigward tal-provvista tas-servizz pubbliku”. Skont l-appellanti, l-ammont ta’ dawn ir-riżorsi supplimentari jiddependi neċessarjament mir-rikavat mit-taxxi, peress li dan il-fond huwa ffinanzjat bit-taxxi.

146.

Telefónica jsostnu, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 33(1) tal-Liġi Nru 17/2006 u l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009, meta kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jeliminaw kull relazzjoni bejn l-ammont tal-għajnuna u l-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżuri fiskali. Minn naħa, il-fatt li d-dħul jista’ jitħallas fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol huwa possibbiltà sekondarja. Fil-fatt, huwa biss id-dħul li jeċċedi l-10 % tal-ispejjeż annwali ta’ RTVE li jitħallas lit-Teżor pubbliku. Min-naħa l-oħra, minn dan ma jirriżultax li l-portata tal-għajnuna hija indipendenti mill-ammont tad-dħul fiskali. L-Artikolu 33(1) tal-Liġi Nru 17/2006 jistabbilixxi, l-iktar l-iktar, limitu fuq l-ammont tal-għajnuna. Dan ma jipprekludix li r-rikavat totali mill-ammont fiskali miġbur jiġi kkonvertit f’għajnuna sal-limitu stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali. Dan il-limitu huwa kundizzjoni sine qua non tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, taħt piena ta’ kumpens eċċessiv li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

– L-analiżi tiegħi

147.

Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

148.

Fir-rigward tal-argumenti esposti mill-appellanti, nikkonstata l-ewwel nett, li, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirriproduċi, fi kliem essenzjalment identiku, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 li l-appellanti stess adottat fil-punt 10 tar-rikors promotur tagħha ( 52 ).

149.

Sussegwentement, fir-rigward tal-analiżi adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, DTS tillimita ruħha tippreċiża l-kliem ta’ dispożizzjoni, l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 8/2009, li ma tippermetti bl-ebda mod li tkun ikkontestata l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-leġiżlazzjoni Spanjola u lanqas tippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni li l-ammont tat-taxxa fiskali sostnuta mill-appellanti jinfluwenza l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE.

150.

Dwar l-argumenti esposti minn Telefónica, ebda wieħed minnhom ma jippermetti li jintwera li l-Qorti Ġenerali żnaturat b’mod manifest il-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija. Il-fatt li l-ipoteżi msemmija mill-Qorti Ġenerali hija sekondarja jew le bl-ebda mod ma jaffettwa l-fatt li, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, l-eċċess, inkwantu dan ma jaqbiżx l-10 % tal-ispejjeż annwali previsti minn RTVE, jitqiegħed f’fond ta’ riżerva u, meta dan jaqbeż dan il-limitu, jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku, fatt li assolutament ma huwiex ikkontestata minn Telefónica. Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu dawn tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali minn dan ikkonkludiet mhux li l-portata tal-għajnuna hija indipendenti mill-ammont tad-dħul fiskali, imma li l-ammont ta’ dan tal-aħħar ma jistax “jinfluwenza direttament” l-ammont tal-għajnuna mħallsa lil RTVE.

151.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali u fuq żnaturament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

D – Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq difett ta ’ żnaturament u fuq ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta ’ ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

152.

F’dan il-każ, l-appellanti ssostni b’mod suffiċjentement iddettaljat li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti li hija invokat insostenn tat-tieni motiv ta’ annullament tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, fatt li wassal lil din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi ultra petita, sabiex tbiddel is-suġġett tat-tilwima u sabiex teċċedi l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

153.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju huwa, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni RTVE, ammissibbli.

154.

Dan it-tielet aggravju huwa magħmul minn żewġ partijiet, l-ewwel waħda hija dik ibbażata fuq difett ta’ żnaturament u t-tieni waħda hija dik ibbażata fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u dan peress li l-fondatezza tal-ewwel waħda taffettwa l-eżami tat-tieni waħda.

1. Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq difett ta’ żnaturament tal-argumenti mressqa fl-ewwel istanza insostenn tal-ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

155.

Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Qorti ta-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

156.

Issa, l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 118 sa 167 tas-sentenza appellata, ma hijiex ivvizzjata, fil-fehma tiegħi, b’dan id-difett.

157.

Fl-ewwel lok, DTS issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 151 sa 152 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat it-tieni motiv ta’ annullament meta għamlet distinzjoni bejn l-“argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-effetti tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009” u l-“argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-effetti tal-elementi ta’ għajnuna previsti mill-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009”. Fil-fatt, jirriżulta ċar mill-atti ta’ proċedura li din qatt ma ressqet argumenti li jirrigwardaw l-effetti tal-għajnuna fil-veru sens tal-kelma.

158.

Ċertament, fil-punt 59 tar-rikors promotur tagħha, DTS ippreżentat it-tieni motiv ta’ annullament fejn indikat li “l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 106(2) TFUE, billi awtorizzat għajnuna li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst f’dan l-artikolu, inkwantu t-taxxi li jservu biex jiffinanzjawha jinvolvu distorsjoni tal-kompetizzjoni li tmur kontra l-interess pubbliku” ( 53 ).

159.

Issa, b’kunsiderazzjoni għall-motivazzjoni u għall-argumenti esposti mill-appellanti fil-kuntest tar-rikors promotur tagħha u tar-replika tagħha, il-Qorti Ġenerali setgħat validament tikkunsidra li din kienet qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-effetti fuq il-kompetizzjoni mhux biss tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009, imma wkoll tal-elementi ta’ għajnuna previsti mill-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE kif emendata mil-liġi msemmija.

160.

Fil-fatt, fil-punt 77 tar-rikors tagħha, DTS ressqet l-argumenti tagħha dwar l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi indikat li l-kompetizzjoni fis-suq tat-telespettaturi u fis-suq tal-akkwist tal-kontenut awdjoviżiv hija distorta b’mod li jmur kontra l-interess komuni, permezz tas-“sistema ta’ finanzjament ta’ RTVE, awtorizzata permezz tad-deċiżjoni [kontenzjuża] (u b’mod partikolari l-‘kontribuzzjoni’ ta’ 1.5 % imposta fuq l-operaturi tat-televiżjoni bi ħlas)” u, fir‑replika tagħha, DTS issemmi wkoll, b’mod ġenerali, is-“sistema ġdida [jew skema] ta’ finanzjament” ( 54 ).

161.

Barra minn hekk, fil-punti 93 sa 99 tar-rikors tagħha, DTS tikkontesta espressament “il-mekkaniżmi previsti mil-Liġi Nru 8/2009” sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-attività ta’ RTVE, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 9(1)(i) u (m) tal-Liġi Nru 8/2009.

162.

Issa, kif jirriżulta mill-punti 94 sa 99 tar-rikors ippreżentat minn DTS kif ukoll mill-punti 162 sa 164 tas-sentenza appellata, dawn il-mekkaniżmi huma distinti mill-miżuri fiskali kkontestati mill-appellanti u jaqgħu taħt l-iskema ta’ finanzjament tal-għajnuna mħallsa lil RTVE.

163.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-argumenti esposti mill-appellanti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ma jistax jiġi sostnut li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni motiv ta’ annullament meta għamlet distinzjoni bejn l-“argumenti tar-rikorrenti dwar l-effetti tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati bil-Liġi Nru 8/2009” u l-“argumenti tar-rikorrenti dwar l-effetti tal-elementi ta’ għajnuna previsti mill-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009”.

164.

Dan l-ewwel argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

165.

Fit-tieni lok, DTS issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tagħha fil-punt 120 tas-sentenza appellata meta b’mod żbaljat iddistingwiet l-argument ibbażat fuq l-offerti għolja wisq li tagħmel RTVE fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut awdjoviżiv mill-argument fejn jingħad li l-kompetizzjoni hija distorta b’mod li jmur kontra l-interess komuni. Mill-atti tal-proċedura jirriżulta ċar li DTS kienet qiegħda ssostni li l-mod ġdid ta’ finanzjament ta’ RTVE, u b’mod partikolari t-taxxa imposta fuq l-istess DTS, kien jippermetti lil RTVE toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni billi ssaħħaħ b’mod sproporzjonat il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, u b’hekk tkun tista’ tadotta aġir antikompetittiv bħall-offerti għolja wisq.

166.

Din il-kritika hija infondata.

167.

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-distinzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali hija r-riżultat tad-distinzjoni li għamlet l-appellanti stess fil-punti 80 u 81 tar-rikors promotur tagħha.

168.

Fil-punt 80 tar-rikors tagħha, DTS, fil-fatt, sostniet, “[f]l-ewwel lok, [li l-iskema ġdida ta’ finanzjament tippermetti] lil RTVE takkwista drittijiet ta’ xandir b’valur kummerċjali għoli li ma humiex neċessarjament għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku”. L-appellanti talbet, għaldaqstant, espressament lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-kumpens imħallas lil RTVE minħabba l-funzjoni ta’ servizz pubbliku tagħha. Dan l-istħarriġ jippermetti li jiġi evalwat sa fejn il-kompetizzjoni jew il-kummerċ jistgħu jkunu affettwati b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE. Skont il-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 117 tas-sentenza appellata, l-imsemmi stħarriġ għandu jippermetti li jiġi vverifikat jekk il-kumpens previst huwiex neċessarju sabiex is-servizz pubbliku inkwistjoni jkun jista’ jitwettaq f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli jew, bil-kontra, jekk il-miżura inkwistjoni hijiex manifestament mhux xierqa meta mqabbla mal-għan imfittex.

169.

Huwa fil-punti 149 sa 166 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali eżaminat għalhekk l-ilment ibbażat fuq effett jew alterazzjoni tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni. Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, l-effetti negattivi invokati mill-appellanti.

170.

Fil-punt 81 tar-rikors tagħha, DTS sostniet, “[f]it-tieni lok”, li r-riżorsi l-ġodda mogħtija lil RTVE jippermettulha tagħmel offerti għolja wisq għall-akkwist ta’ drittijiet ta’ xandir b’valur kummerċjali għoli. Fil-punti 81 sa 87 tar-rikors tagħha, l-appellanti esponiet għalhekk ċerta numru ta’ każijiet ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE li jistgħu juru l-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar.

171.

Fil-punti 129 sa 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat għaldaqstant jekk il-Kummissjoni kinitx effettivament wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna r-riskju ta’ aġir antikompetittiv ta’ RTVE fis-suq tal-akkwist ta’ drittijiet ta’ xandir ta’ avvenimenti sportivi u ta’ films, filwaqt li kkonċentrat, b’mod partikolari, fuq il-prattiki tal-offerti għolja wisq ta’ din tal-aħħar.

172.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ma tistax għaldaqstant tiġi kkritikata li ddistingwiet, fil-punt 120 tas-sentenza appellata kif ukoll fil-bqija tar-raġunament tagħha, iż-żewġ argumenti mhux biss minħabba li tali distinzjoni kienet saret mill-appellanti stess, imma wkoll minħabba li l-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom kienet teħtieġ eżami separat.

173.

Għaldaqstant dan it-tieni argument għandu wkoll jiġi miċħud.

174.

Fit-tielet lok, DTS issostni li, fil-punti 130 u 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argumenti tagħha inkwantu hija qatt ma affermat li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li din l-iskema tippermettilha tidħol tikkompeti mal-operaturi privati fis-swieq tal-akkwist ta’ kontenut awdjoviżiv. Min-naħa l-oħra, DTS allegat li t-taxxa imposta fuqha taggrava d-distorsjoni tal‑kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna fil-veru sens tal-kelma, peress li r-riżorsi finanzjarji li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha fis-swieq inkwistjoni huma mnaqqsa u l-kapaċità ta’ RTVE li tadotta aġir antikompetittiv f’dawn l-istess swieq hija msaħħa.

175.

Fil-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreżentat l-argument tal-appellanti bħala li kien ibbażat fuq il-fatt li “r-riżorsi pubbliċi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE minħabba l-iskema ta’ finanzjament tagħha jippermettulha tikkompeti mal-operaturi privati fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut”. Ċertament, fir-rikors tagħha jew fir-replika tagħha, l-appellanti ma affermatx espressament li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li din l-iskema tippermettilha tidħol f’kompetizzjoni mal-operaturi privati fis-swieq tal-akkwist ta’ kontenut awdjoviżiv.

176.

Madankollu, fil-punti 67 sa 76 tar-rikors tagħha, l-appellanti esponiet fit-tul l-istat tal-kompetizzjoni fis-suq tat-telespettaturi kif ukoll fis-swieq tal-akkwist ta’ kontenut awdjoviżiv, u insistiet fuq il-pożizzjoni kompetittiva vantaġġuża li minnha tgawdi RTVE minħabba l-iskema ta’ finanzjament il-ġdida u enfasizzat il-punt tagħha billi semmiet diversi akkwisti li din għamlet għad-detriment tal-kompetituri.

177.

Fl-aħħar parti tal-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet għalhekk li “s-sempliċi fatt li RTVE tikkompeti mal-operaturi privati fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut u, f’ċerti każijiet, tirbħilhom, ma jistax, fih innifsu, juri żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni” ( 55 ). Din il-konklużjoni jidhirli li taqbel mal-espożizzjoni tal-appellanti. Għalkemm it-termini li bihom il-Qorti Ġenerali ppreżentat l-argument ta’ DTS ma humiex, ċertament, kompluti, dawn ma jurux, min-naħa l-oħra, żball manifest ta’ interpretazzjoni.

178.

Konsegwentement, dan it-tielet argument għandu jiġi miċħud.

179.

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, DTS issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tagħha fil-punti 141 u 158 tas-sentenza appellata, inkwantu hija qatt ma affermat li l-aġir passat ta’ RTVE “ser jibqa’ jkoll[u] effetti fil-futur” jew li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE “wass[let] sabiex il-kwalità tal-offerta ta’ programmi tar-rikorrenti marret lura u sabiex jonqsu l-abbonamenti tagħha”. Min-naħa l-oħra, DTS ipprovdiet eżempji li kienu intiżi li juru t-tip ta’ aġir antikompetittiv li RTVE setgħat tadotta minħabba r-riżorsi kunsiderevoli li hija kienet tgawdi tradizzjonalment u li l-iskema l-ġdida ta’ finanzjament tippermetti li jibqa’ għaddej u li jaggrava.

180.

Fir-rigward, minn naħa, tar-riferiment li għamlet il-Qorti Ġenerali li abbażi tiegħu l-eżempji ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE ser jibqgħu, skont DTS, “ikollhom effetti fil-futur” (punt 141 tas-sentenza appellata), għandu jiġi indikat li, fil-punt 87 tar-rikors tagħha, DTS indikat li “[l-prattika tal-offerti għolja wisq] ser tibqa’ għaddejja u ser tiggrava” minħabba s-sistema l-ġdida ta’ finanzjament awtorizzata permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, u żiedet tgħid, fil-punt 28 tar-replika tagħha, li “l-iskema l-ġdida ta’ finanzjament tiżgura lil RTVE riżorsi li jippermettulha ssaħħaħ il-politika tagħha li tgaħmel offerti għolja wisq” ( 56 ). Is-sens li l-Qorti Ġenerali tat lil dan il-kliem ma huwiex kontradittorju, fil-fehma tiegħi, mal-kontenut tiegħu.

181.

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-riferiment li għamlet il-Qorti Ġenerali fejn qalet li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE “wass[let] sabiex il-kwalità tal-offerta ta’ programmi tar-rikorrenti marret lura u sabiex jonqsu l-abbonamenti tagħha” (punt 158 tas-sentenza appellata), għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali rriproduċiet testwalment il-kliem użati mill-appellanti fil-punt 28 tar-replika tagħha, fejn din kienet sostniet li “[s-]sistema ta’ finanzjament [inkwistjoni] iddgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva [tagħha] […] billi ċċaħħadha minn riżorsi importanti u tobbligaha tnaqqas l-investimenti tagħha f’kontenut, fatt li jfaqqar neċessarjament l-provvista ta’ televiżjoni bi ħlas tagħha u jiġġenera telf tal-abbonati tagħha” ( 57 ).

182.

Dan ir-raba’ argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

183.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq difett ta’ żnaturament, hija infondata.

184.

Inkwantu t-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, kienet ibbażata fuq il-fondatezza tal-ewwel parti, ma huwiex meħtieġ għalhekk li tiġi eżaminata din it-tieni parti.

185.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju, ibbażat fuq difett ta’ żnaturament u fuq ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, bħala infondat.

E – Fuq ir-raba ’ aggravju mressaq minn Telefónica, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

186.

Fil-kuntest tar-risposta tagħhom, Telefónica ressqu aggravju motiv distint minn dawk invokati minn DTS, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Telefónica jsostnu fil-fatt, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala inammissibbli l-argument tagħhom dwar il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE.

187.

Għandu jiġi enfasizzat li Telefónica ressqu dan l-aggravju fi kliem u fuq il-bażi ta’ motivazzjoni identika, fil-kuntest tal-appell inċidentali li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

188.

Skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, “[i]t-talbiet tar-risposta għall-appell għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell”.

189.

Inkwantu r-raba’ aggravju huwa intiż li jikseb l-annullament tas-sentenza appellata minħabba motiv li ma ġiex invokat mill-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħha, dan l-aggravju distint u awtonomu minn dawk invokati minn DTS huwa, fil-fehma tiegħi, inammissibbli.

190.

Min-naħa l-oħra, ser neżamina l-fondatezza tal-imsemmi aggravju inkwantu dan ġie invokat fil-kuntest tal-appell inċidentali ppreżentat minn Telefónica.

191.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-raba’ aggravju mressaq minn Telefónica, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bħala inammissibbli.

192.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-appell ippreżentat minn DTS għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

193.

Għaldaqstant ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq it-talba mressqa mir-Renju ta’ Spanja skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

VI – Fuq l-appell inċidentali

194.

Telefónica ppreżentaw, skont l-Artikolu 176 tar-Regoli tal-Proċedura, appell inċidentali kontra s-sentenza appellata li fil-kuntest tiegħu huma ressqu aggravju distint minn dawk li ġew invokati minn DTS fil-kuntest tal-appell prinċipali.

195.

Insostenn ta’ dan l-appell inċidentali, Telefónica jinvokaw aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli l-argument tagħhom dwar il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE.

196.

Dan l-aggravju jirrigwarda l-analiżi tal-Qorti tal-Ġenerali li tidher fil-punti 207 sa 219 tas-sentenza appellata.

A – Is-sentenza appellata

197.

Fil-punt 214 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ motivi ta’ annullament imressqa minn Telefónica u bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE bħala inammissibbli inkwantu dawn il-motivi ma kinux marbuta mas-suġġett tat-tilwima kif kien ġie ddefinit mill-partijiet prinċipali u kienu jbiddlu għalhekk il-kuntest ta’ din it-tilwima b’mod li jmur kontra l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

198.

Fil-punt 211 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat l-analiżi tagħha fuq il-kliem ta’ dan l-artikolu, li jippreċiża, fir-raba’ paragrafu tiegħu, li “t-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet”, kif ukoll fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 129(3) tar-Regoli tal-Proċedura u fuq il-ġurisprudenza relattiva.

199.

Wara li ppreċiżat, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, il-kuntest tat-tilwima kif kien ġie ddefinit minn DTS, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt sussegwenti, li la r-rikors u lanqas ir-risposta ppreżentati minn din tal-aħħar ma kien fihom argumenti li jikkonċernaw eventwali ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108 TFUE, peress li dan l-allegat ksur kien tressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tan-nota ta’ intervent ta’ Telefónica.

200.

Fil-punti 216 u 217 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet sussegwentement għall-argumenti mressqa speċifikament minn Telefónica fir-rigward tal-ammissibbiltà taż-żewġ motivi supplimentari.

201.

Fi tmiem din l-analiżi, ġie deċiż li dawn il-motivi kienu inammissibbli.

B – L-argumenti tal-partijiet

202.

Telefónica jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad bħala inammissibbli l-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE minħabba li, peress li tressaq għall-ewwel darba fin-nota ta’ intervent tagħhom, huwa ma huwiex marbut mas-suġġett tat-tilwima.

203.

L-ewwel nett, fil-punt 216 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547), peress li Telefónica ma kinux għamlu riferiment għal din is-sentenza.

204.

Sussegwentement, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax kif is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414), li ngħatat fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tiġġustifika li l-intervenjent ikollu iktar libertà sabiex iressaq motivi li ma jkunux ġew invokati mill-parti prinċipali. Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni (C‑474/09 P sa C‑476/09 P, EU:C:2011:522), dwar il-kawżi ta’ għajnuna mill‑Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet barra minn hekk adottat l-istess soluzzjoni bħal fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414) ( 58 ). Kieku l-intervenjent kellu jillimita ruħu għall-motivi mressqa mill-parti prinċipali, l-Artikolu 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jimponilu, b’mod partikolari, jindika l-motivi tiegħu, ma jkollux iktar sens.

205.

RTVE ssostni li l-appell inċidentali huwa inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, huwa infondat. Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jikkontestaw ukoll l-argumenti ta’ Telefónica.

C – L-analiżi tiegħi

206.

L-appell inċidentali huwa, fil-fehma tiegħi, ammissibbli.

207.

Għalkemm l-aggravju uniku li ressqu Telefónica ma kellux effettivament postu fir-risposta li huma ppreżentaw fil-kuntest tal-appell prinċipali, jidhirli, min-naħa l-oħra, li huma setgħu, skont l-Artikolu 178(1) u 3 tar-Regoli tal-Proċedura, iressqu dan l-aggravju fil-kuntest tal-appell inċidentali.

208.

Ċertament, l-Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati insostenn tal-appell inċidentali “għandhom ikunu distinti mill-motivi u argumenti invokati fir-risposta għall-appell”. Issa, inkwantu l-imsemmi aggravju, invokat fil-kuntest tar-risposta, huwa inammissibbli, jidhirli li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżaminah fil-kuntest tal-appell inċidentali.

209.

Fir-rigward, issa, tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi b’mod korrett, iddeċidiet li l-motivi mressqa fl-ewwel istanza u bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE huma inammissibbli.

210.

Fl-ewwel lok, jirriżulta ċar mill-kliem tan-nota ta’ intervent ippreżentata minn Telefónica quddiem il-Qorti Ġenerali li huma kienu qegħdin jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-Artikolu 108 TFUE minkejja li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni ma kienx ġie invokat minn DTS fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

211.

Kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 212 tas-sentenza appellata, it-tliet motivi ta’ annullament imressqa minn DTS kienu bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE, tal-Artikoli 49 u 64 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 106(2) TFUE rispettivament.

212.

Il-motiv imressaq minn Telefónica fil-kuntest tan-nota ta’ intervent tagħhom għaldaqstant ma huwiex marbut mas-suġġett tat-tilwima kif kien ġie ddefinit minn DTS, u għaldaqstant ibiddel il-kuntest ta’ din tal-aħħar b’mod li jmur kontra l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

213.

Fit-tieni lok, l-ilment li bih Telefónica jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li rreferiet għall-punt 36 tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547), jidhirli li huwa totalment ineffettiv.

214.

Għalkemm Telefónica jsostnu li ma semmewx din il-ġurisprudenza fin-nota ta’ intervent tagħhom, jiena nikkonstata li dawn ma jinvokawx b’mod iddettaljat difett ta’ żnaturament. F’dawn iċ-ċirkustanzi u inkwantu l-Qorti Ġenerali ma kellha ebda interess li teżamina ex officio sentenza li setgħat tmur kontra l-konklużjonijiet tagħha stess, nippreżumi li dan ir-riferiment għall-ġurisprudenza ġie invokat minn Telefónica matul il-proċedura tal-ewwel istanza, kif issostni l-Qorti Ġenerali.

215.

Anki kieku l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li dan l-argument tressaq minn Telefónica, tali lment ma jkollu, fil-fehma tiegħi, ebda portata. Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li jaffermaw Telefónica, l-eżami tal-punt 36 tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑150/94, EU:C:1998:547), ippermetta lill-Qorti Ġenerali mhux li tiġġustifika l-inammissibbiltà tal-motivi ta’ annullament tagħhom, imma, għall-kuntrarju, li teżamina jekk is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza setgħetx tikkontesta l-konklużjonijiet tagħha stess fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmija motivi. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun ikkritikata talli għamlet dan l-eżami.

216.

Fit-tielet lok, l-ilment li bih Telefónica jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żbalji ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw il-portata tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414), huwa infondat.

217.

Fil-fatt, b’kuntrast ma’ dak li jsostnu Telefónica, il-Qorti Ġenerali tesponi b’mod ċar u eżawrjenti, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom għandha ssir distinzjoni, fir-rigward tas-suġġett tal-intervent, bejn il-proċedura tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u dik tar-rikors għal annullament. Kif jirrilevaw RTVE u r-Renju ta’ Spanja, ir-rikors għal annullament u r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandhom għan u suġġetti differenti.

218.

Barra minn hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 132(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, in-nota ta’ intervent għandha tinkludi l-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent, dan ma jfissirx madankollu li dan tal-aħħar huwa liberu li jinvoka motivi ġodda, distinti minn dawk li jiġu invokati mir-rikorrenti.

219.

L-Artikolu 132(2) tar-Regoli tal-Proċedura jidħol fil-kuntest tal-limiti stabbiliti mill-proċedura ta’ intervent u din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jippreċeduha. Issa, skont l-Artikolu 129 ta’ dawn ir-regoli, bit-titolu, “Għan u effetti tal-intervent”, jinsab ippreċiżat li “[l]-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet”, li “[l]-intervent huwa sekondarju għall-kawża prinċipali” u li “[l]-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis”.

220.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali eżaminat perfettament l-ammissibbiltà tal-motivi ta’ annullament imressqa minn Telefónica u nipproponi, konsegwentement, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravju uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala infondat.

221.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-appell inċidentali ppreżentat minn Telefónica għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

VII – Konklużjoni

222.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi kif ġej:

1)

L-appelli huma miċħuda.

2)

DTS Distribuidora de Televisión Digital SA kif ukoll Telefónica de España, SA, u Telefónica Móviles España, SA, għandhom ibatu l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (ĠU 2011, L 1, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

( 3 ) Iktar ’il quddiem “DTS”.

( 4 ) T‑533/10, EU:T:2014:629, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.

( 5 ) Iktar ’il quddiem, flimkien, “Telefónica”.

( 6 ) Deċiżjonijiet C (2005) 1163 finali, tal-20 ta’ April 2005, dwar għajnuna mill-Istat favur RTVE (E 8/05) (sunt fil-ĠU 2006, C 239, p. 17), u C (2007) 641 finali, tas-7 ta’ Marzu 2007, dwar il-finanzjament tal-miżuri għat-tnaqqis tal-ħaddiema ta’ RTVE (NN 8/07) (sunt fil-ĠU 2007, C 109, p. 2).

( 7 ) BOE Nru 134, tas-6 ta’ Ġunju 2006, p. 21270, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 17/2006”.

( 8 ) BOE Nru 210, tal-31 ta’ Awwissu 2009, p. 74003, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 8/2009”.

( 9 ) Il-miżuri fiskali l-oħra jikkonsistu f’taxxa ġdida ta’ 3 % fuq id-dħul tal-operaturi tat-televiżjoni bla ħlas, taxxa ġdida ta’ 0.9 % fuq id-dħul gross mill-operat tal-operaturi tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni stabbiliti fi Spanja u perċentwali ta’ 80 % sa ammont massimu ta’ EUR 330 miljun, tad-dħul mit-taxxa eżistenti fuq l-użu tal-ispettru tar-radju.

( 10 ) Sunt fil-ĠU 2010, C 8, p. 31.

( 11 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

( 12 ) ĠU 2014, L 31, p. 1.

( 13 ) Premessi 1 sa 3 ta’ dawn l-istruzzjonijiet.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ April 2010, Ziegler vs Il‑Kummissjoni [C‑113/09 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2010:242, punt 33].

( 15 ) Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, “appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34).

( 16 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara l-punti 42 u 43 rispettivament.

( 18 ) Telefónica jirreferu għas-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il‑Kummissjoni (47/69, EU:C:1970:60), u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239).

( 19 ) Telefónica jirreferu għas-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Pape (C‑175/02, EU:C:2005:11); tal-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino (C‑128/03 u C‑129/03, EU:C:2005:224); u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657).

( 20 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 51).

( 21 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 47). Ara, diġà f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il‑Kummissjoni (47/69, EU:C:1970:60, punt 14).

( 22 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 49), u tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse (C‑34/01 sa C‑38/01, EU:C:2003:640, punt 44).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 51).

( 24 ) Punt 26.

( 25 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10, punt 26).

( 26 ) Korsiv miżjud minni.

( 27 ) Punt 20.

( 28 ) Sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 46), u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 99) (korsiv miżjud minni).

( 29 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 100).

( 30 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 104).

( 31 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punti 111112).

( 32 ) F’dan il-każ, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta — u din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-partijiet — peress li mill-Artikolu 5(1) u mill-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li t-taxxi imposti fuq l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet jinġabru “sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ RTVE” u mill-kliem tal-Artikolu 6(8) tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li “d-dħul mill-ġbir huwa allokat għall-finanzjament ta’ RTVE”. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-punt 13 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, li “l-preambolu jistabbilixxi espressament din ir-rabta bejn it-taxxi l-ġodda u l-kumpens finanzjarju għall-irtirar ta’ RTVE mis-suq tar-reklamar”.

( 33 ) Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-punt dwar jekk in-nuqqas ta’ impożizzjoni fuq id-distributuri bl-ingrossa ta’ taxxa fuq il-bejgħ dirett ta’ prodotti mediċinali li hija imposta fuq il-laboratorji farmaċewtiċi kienx jinvolvi kumpens żejjed favur dawk tal-ewwel u kienx jikkostitwixxi għaldaqstant, bħala tali, għajnuna illegali favur tagħhom. F’din il-kawża, it-taxxa imposta fuq il-laboratorji farmaċewtiċi kellha bħala għan li tikkumpensa l-ispejjeż żejda li jinkorru d-distributuri bl-ingrossa għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom.

( 34 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, EU:C:2006:528, punt 45).

( 35 ) Ara l-punt 32 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 36 ) Ara l-punti 15 u 33 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 37 ) Ara l-punti 14 u 34 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 38 ) Ara l-punti 15 u 33 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 39 ) Ara l-punt 34 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 40 ) Punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Punt 35 tal-imsemmija konklużjonijiet.

( 42 ) Infakkar li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tippreżerva l-kompetizzjoni bejn impriżi permezz tal-projbizzjoni ta’ kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru u li tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tagħha.

( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest (C‑174/02, EU:C:2005:10, punt 26).

( 44 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 95).

( 45 ) Dan l-argument kien jinsab oriġinarjament fil-kuntest tat-tieni aggravju ta’ annullament imressaq minn DTS. Sa fejn dan l-aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena għażilt li nittrattah fil-kuntest tal-ewwel aggravju.

( 46 ) BOE Nru 157, tat-30 ta’ Ġunju 2008, p. 28833, iktar ’il quddiem il-“mandat qafas”.

( 47 ) Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u li hija biss ukoll tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu tressqu quddiemha, sakemm il-provi li hija qieset insostenn ta’ dawn il-fatti jkunu nkisbu regolarment u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru tal-prova u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punti 106 u 107, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53).

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni (C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Fl-ewwel lok, DTS tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li r-rikavat mit-taxxa ma jinfluwenzax il-portata tal-għajnuna, peress li d-dħul li jeċċedi l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku jitqiegħed f’fond ta’ riżerva jew jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku u peress li kien previst limitu assolut fir-rigward tad-dħul ta’ RTVE, u dan b’riferiment għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764). Peress li dan l-ewwel argument huwa bbażat fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena għażilt li nittrattah fil-kuntest tal-ewwel aggravju.

( 52 ) Il-punt 10 huwa redatt kif ġej:

“Il-liġi tistabbilixxi wkoll fond ta’ riżerva li għalih huwa allokat id-dħul li jaqbeż l-ispiża netta tas-servizz pubbliku, sa perċentwali massimu ta’ 10 % tal-ispejjeż annwali stmati, fejn id-dħul li jeċċedi dan il-limitu għandu jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku […]”

( 53 ) Korsiv miżjud minni.

( 54 ) Ara l-punti 27 u 28 tar-replika ppreżentata minn DTS.

( 55 ) Korsiv miżjud minni.

( 56 ) Korsiv miżjud minni.

( 57 ) Korsiv miżjud minni.

( 58 ) Punti 108 et seq.