KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 ( 1 )
Kawża C‑442/14
Bayer CropScience SA-NV,
Stichting De Bijenstichting
vs
College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (tribunal amministrattiv tal-kummerċ u tal-industrija, il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Direttiva 2003/4/KE — Aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent — Derogi — Kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali — Informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent — Kunfidenzjalità — Regolament (KE) Nru 1107/2009 — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 98/8/KE — Prodotti bijoċidali”
I – Introduzzjoni
1. |
Tema rikorrenti tal-politika ambjentali Ewropea hija t-trasparenza. Mhux biss l-awtoritajiet u l-impriżi, iżda wkoll ċittadini, organizzazzjonijiet mhux governattivi u dawk xjentifiċi indipendenti għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jipparteċipaw għalkollox fid-diskussjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent u li jikkontribwixxu għalhekk għal protezzjoni aħjar. |
2. |
Diskussjoni partikolarment imqanqla tikkonċerna r-rwol ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għalhekk imsejħa “mewt tan-naħal” jiġifieri t-tnaqqis tal-popolazzjoni tan-naħal, iżda wkoll fir-rigward ta’ speċi ta’ insetti oħra li jikkontribwixxu għat-traxxix tal-polline ( 2 ). Għalhekk jeżisti interess partikolari tal-pubbliku fl-informazzjoni ppreżentata minn produtturi lill-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ aċċess irregolati mid-dritt tal-Unjoni, sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għal sustanzi attivi u għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, dawn il-produtturi jibżgħu li għandhom mnejn isofru żvantaġġi kompetittivi jekk il-kompetituri tagħhom ikollhom aċċess għal din l-informazzjoni. |
3. |
Dan il-kunflitt ta’ interessi huwa rregolat mid-Direttiva 2003/4/KE dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent ( 3 ), li hija applikabbli għall-aċċess għal din l-informazzjoni ( 4 ). Hija tipprevedi li, jekk l-awtoritajiet pubbliċi bħala prinċipju jistgħu jirrifjutaw l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent sabiex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali li huma jkollhom, huma għandhom madankollu jipprovdu l-informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent kif ukoll l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha taqa’ taħt l-interess pubbliku superjuri. |
4. |
Din il-proċedura tikkonċerna l-aċċess għal informazzjoni li titressaq fil-kuntest ta’ proċeduri għal awtorizzazzjoni dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u dwar prodott bijoċidali. Minbarra l-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni tirrigwardax emissjonijiet, għandhom b’mod partikolari jiġu ppreċiżati l-konsegwenzi tal-assenza ta’ talba għal kunfidenzjalità fuq talba għal informazzjoni dwar l-ambjent. Tali talba tista’ titressaq mill-produttur fil-kuntest ta’ proċeduri għal awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għal prodotti bijoċidali. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt internazzjonali
5. |
Id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent huwa previst mill-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ( 5 ) (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Århus”) li l-Komunità ffirmat f’Århus (id-Danimarka) fil-25 ta’ Ġunju 1998 ( 6 ). |
6. |
L-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni jirregola r-rifjut ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent minħabba kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali: “Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq: […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
7. |
Il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali li ġiet ikkomunikata lill-awtoritajiet pubbliċi hija wkoll is-suġġett tal-Artikolu 39(3) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim TRIPs”) ( 7 ): “Il-Membri, meta jeħtieġu, bħala kondizzjoni ta’ approvazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi jew agrikoli li jużaw entitajiet kimiċi, is-sottomissjoni ta’ testijiet mhux żvelati jew xi data oħra, li l-oriġini tagħhom jinvolvi sforz konsiderevoli, għandhom jipproteġu data bħal din minn użu kummerċjali nġust. Madankollu, il-Membri għandhom jipproteġu data bħal din mill-iżvelar, sakemm ma jkunx neċessarju minħabba l-ordni pubbliku, jew sakemm jittieħdu miżuri sabiex jassiguraw li d-data hi protetta mill-użu kummerċjali inġust.” |
B – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent
8. |
Id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent jingħata abbażi tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. Din tittrasponi d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent skont il-Konvenzjoni ta’ Århus. |
9. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent jiddefinixxi, fost l-oħrajn, il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-ambjent: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
10. |
Id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent huwa stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.” |
11. |
Id-derogi huma rregolati mill-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. F’dan il-każ, il-paragrafu 2(d), (e), u (g) huwa ta’ interess partikolari: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv: […]
[…]
[…] Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. […]” |
2. Id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti
12. |
Id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti ( 8 ) inizjalment kienet tirregola t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. |
13. |
Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti jikkonċerna l-evitar ta’ testijiet inutli fuq l-annimali: “Jekk, minkejja kollox, l-applikant u d-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti xorta ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri nazzjonali li jobbligaw lill-applikant u lid-detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti li jinsabu ġewwa t-territorju tagħhom sabiex ipartu l-informazzjoni bl-iskop li jiġi evitat ittestjar duplikat fuq annimali vertebrati u jiġu stabbiliti kemm il-proċedura għall-utilizzazzjoni ta’ l-informazzjoni kif ukoll il-bilanċ raġonevoli ta’ l-interessi tal-partijiet interessati.” |
14. |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti jistabbilixxi r-regola li ġejja: “L-Istati Membri [u l-Kummissjoni] għandhom, mingħajr preġudizzju għad-[Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent], jaċċertaw ruħhom li l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti li tkun tinvolvi sigrieti industrijali u kummerċjali tiġi meqjusa bħala kunfidenzjali jekk l-applikant li jixtieq jara li sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I jew l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti jitlob dan, u jekk l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jaċċetta li t-talba ta’ l-applikant tkun iġġustifikata. Il-kunfidenzjalità m’għandhiex tapplika għal: […]” |
3. Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti
15. |
Mill-14 ta’ Ġunju 2011, l-Artikolu 84 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti ( 9 ) sar applikabbli u huwa jissostitwixxi d-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti. |
16. |
Fil-premessa 39 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti huwa stabbilit: “L-istudji jirrappreżentaw investiment kbir. Dan l-investiment għandu jiġi protett sabiex jistimola r-riċerka. Għal din ir-raġuni, it-testijiet u l-istudji, minbarra dawk li jinvolvu testijiet fuq l-annimali vertebrati, li ser ikunu soġġetti għal qsim obligatorju ta’ data, depożitati ma’ Stat Membru minn applikant wieħed għandhom jiġu protetti mill-użu minn applikant ieħor. Din il-protezzjoni għandha, madankollu, tkun limitata fiż-żmien biex tippermetti l-kompetizzjoni. Din għandha tkun limitata wkoll għall-istudji li huma ġenwinament meħtieġa għal finijiet regolatorji, biex jiġi evitat li l-applikanti jestendu b’mod artifiċjali l-perijodu ta’ protezzjoni billi jippreżentaw studji ġodda li mhumiex meħtieġa. L-operaturi tan-negozju, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji, għandu jkollhom l-istess opportunitajiet fir-rigward tal-aċċess għas-suq.” |
17. |
Il-premessa 41 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti tirrigwarda t-talbiet għal informazzjoni. Din tistipula kif ġej: “Peress li jiġu applikati regoli differenti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-Awtorità b’rabta mal-aċċess għad-dokumenti u l-kunfidenzjalità tagħhom, huwa xieraq li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti fil-pussess ta’ dawn l-awtoritajiet u l-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti.” |
18. |
L-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti jikkonċerna l-proċedura ta’ approvazzjoni għal sustanzi attivi. Il-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi kif ġej: “Meta jippreżenta l-applikazzjoni, l-applikant jista’ jitlob, skont l-Artikolu 63, biex ċerta informazzjoni, inklużi ċerti partijiet mid-dossier, tinżamm kunfidenzjali u għandu jissepara fiżikament dik l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw it-talbiet għall-kunfidenzjalità. Meta ssir talba għal aċċess għall-informazzjoni, l-Istat Membru relatur għandu jiddeċiedi liema informazzjoni għandha tinżamm kunfidenzjali.” |
19. |
L-Artikolu 33 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ approvazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: “(1) Applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu japplika għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni huwa stess jew permezz ta’ rappreżentant, għand kull Stat Membru fejn hemm il-ħsieb li dak il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħed fis-suq. […] (4) Meta jippreżenta l-applikazzjoni, l-applikant jista’ jitlob, skont l-Artikolu 63, biex ċerta informazzjoni, inklużi ċerti partijiet mid-dossier, tinżamm kunfidenzjali u għandu jissepara fiżikament dik l-informazzjoni. Fl-istess ħin l-applikant għandu jippreżenta lista kompleta ta’ studji ppreżentati skont l-Artikolu 8(2) u lista ta’ rapporti ta’ ttestjar u ta’ studji li għalihom saret kwalunkwe talba għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 59. Fuq talba għal aċċess għall-informazzjoni, l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għandu jiddeċiedi liema informazzjoni għandha tinżamm kunfidenzjali. […]” |
20. |
L-Artikolu 59 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti jirregola l-protezzjoni tad-data. Dan jistipula: “(1) Ir-rapporti ta’ ttestjar u ta’ studju għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-data skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. […] Fejn rapport ikun protett, ma jistax jintuża, mill-Istat Membru li rċevieh għall-benefiċċju ta’ applikanti oħra għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, aġenti protettivi jew sinerġisti u aġġuvanti, ħlief kif previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fl-Artikolu 62 jew fl-Artikolu 80. […] (3) Il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1 għandha tingħata biss fejn l-ewwel applikant ikun talab il-protezzjoni tad-data għal rapporti ta’ ttestjar u ta’ studju dwar is-sustanza attiva, l-aġent protettiv jew is-sinerġist, l-aġġuvant u l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dossier u jkun ipprovda lill-Istat Membru kkonċernat għal kull rapport ta’ ttestjar jew ta’ studju l-informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 8(1) u fil-punt (d) tal-Artikolu 33(3) kif ukoll konferma li qatt ma ngħata perijodu ta’ protezzjoni tad-data għar-rapport ta’ ttestjar jew ta’ studju jew li kwalunkwe perijodu mogħti ma skadiex.” |
21. |
Il‑Kapitolu IV tar-Regolament, li huwa intitolat “Aċċess pubbliku għall-informazzjoni”, huwa kkostitwit mill-Artikolu 63 li jikkonċerna l-kunfidenzjalità: “(1) Persuna li titlob li l-informazzjoni ppreżentata skont dan ir-Regolament tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali għandha tipprovdi evidenza verifikabbli biex turi li l-iżvelar tal-informazzjoni jista’ jqiegħed f’periklu l-interessi kummerċjali tagħha, jew il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu. (2) L-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja għandha normalment titqies bħala li tqiegħed f’periklu l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali jew tal-privatezza u l-integrità tal-individwi kkonċernati:
Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali.” |
4. Id-Direttiva dwar il-bijoċidali
22. |
Id-Direttiva dwar il-bijoċidali ( 10 ) tistabbilixxi r-regoli tal-Unjoni għal, fost l-oħrajn, l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali għall-użu fl-Istati Membri. L‑Artikolu 19 – “Il-Kunfidenzjalità” – jistabbilixxi: “(1) Mingħajr preġudizzju għad-[Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent], applikant jista’ jindika lill-awtorità kompetenti t-tagħrif li huwa jikkunsidra bħala sensittiv kummerċjalment u li l-iżvelar tiegħu jista’ jikkawżalu ħsara industrijalment jew kummerċjalment u li għalhekk ikun jixtieq li jibqa’ kunfidenzjali minn persuni oħra għajr l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni. Trid tinħtieġ ġustifikazzjoni sħiħa f’kull każ. Mingħajr preġudizzju għat-tagħrif riferit fil-paragrafu 3 u fid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 67/548/KEE u 88/379/KEE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-kompożizzjoni sħiħa tal-formolazzjonijiet tal-prodott jekk mitluba mill-applikant. (2) L-awtorità kompetenti li tirċievi l-applikazzjoni għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi tax-xhieda dokumentarja prodotta mill-applikant, liema tagħrif għandu jkun kunfidenzjali fit-termini tal-paragrafu 1. It-tagħrif aċċettat bħala kunfidenzjali mill-awtorità kompetenti li tirċievi l-applikazzjoni għandu jiġi ttrattat bħala kunfidenzjali mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. (3) Wara li tkun ġiet konċessa l-awtorizzazzjoni, il-kunfidenzjalità ma għandha fl-ebda każ tapplika għal: […]” |
23. |
Id-Direttiva dwar il-bijoċidali ġiet issostitwita b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2013 permezz tar-Regolament dwar il-bijoċidali ( 11 ). Madankollu, peress li t-talbiet għal awtorizzazzjoni rilevanti kienu diġà ġew ippreżentati fl-2011, dan ir-regolament ma huwiex rilevanti sabiex tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24. |
Bayer CropScience SA-NV (iktar ’il quddiem, “BayerCropScience”) għandha awtorizzazzjoni għal numru kbir ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll għal prodott bijoċidali abbażi tas-sustanza attiva imidakloprid. Stichting de Bijenstichting (iktar ’il quddiem, il-“fondazzjoni tan-naħal”) li hija organizzazzjoni fil-qasam tal-mewt tan-naħal, titlob lill-awtorità Olandiża kompetenti, il-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden (iktar ’il quddiem, l-“awtorità kompetenti”), l-aċċess għad-dokumenti ta’ awtorizzazzjoni li jikkonċernaw dawn il-prodotti. |
25. |
Bayer CropScience ma talbitx li d-dokumenti mressqa fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni jinżammu kunfidenzjali, la fil-mument tal-ewwel awtorizzazzjoni tal-prodotti u lanqas fil-mument ta’ bidla ta’ dik l-awtorizzazzjoni jew tal-kundizzjonijiet statutorji għall-użu, fit-28 ta’ April 2011 u fit-8 ta’ Lulju 2011. Kien biss wara t-talbiet għal żvelar imressqa mill-fondazzjoni tan-naħal li Bayer CropScience opponiet żvelar billi invokat ksur possibbli tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data. |
26. |
B’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2012, l-awtorità kompetenti rrifjutat it-talbiet għal żvelar tal-fondazzjoni tan-naħal tal-11 ta’ Mejju 2011, tal-24 ta’ Awwissu 2011 u tal-25 ta’ Ottubru 2011 minħabba li dawn it-talbiet ma kinux jikkonċernaw informazzjoni dwar “emissjonijiet fl-ambjent” u minħabba li bbilanċjar bejn l-interess ġenerali għall-iżvelar, minn naħa, u l-interess partikolari tad-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għal kunfidenzjalità, min-naħa l-oħra, ma kienx jiġġustifika l-iżvelar. |
27. |
Wara l-ilment imressaq mill-fondazzjoni tan-naħal, l-awtorità kompetenti tat, fit-18 ta’ Marzu 2013, deċiżjoni li tilqa’ parzjalment l-ilment u ordnat l-iżvelar ta’ 35 dokument, peress li dawn kienu jinkludu informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward tad-49 dokument ieħor, hija kkonstatat li dawn ma kinux jinkludu dan it-tip ta’ informazzjoni u li lanqas ma kien jeżisti interess pubbliku superjuri li kien jiġġustifika l-iżvelar tagħhom. L-awtorità kompetenti ċaħdet l-ilment fuq dan il-punt. |
28. |
Il-35 dokument li l-awtorità kompetenti beħsiebha tiżvela jikkonsistu fi studji ta’ laboratorji, studji (imwettqa parzjalment) fuq l-art, sunt u żewġ preżentazzjonijiet. L-istudji ta’ laboratorju jinkludu data dwar testijiet imwettqa fuq l-effetti tal-imidakloprid fuq in-naħal. L-istudji (imwettqa parzjalment) jinkludu r-riżultati ta’ miżuri ta’ residwi ta’ prodott ta’ protezzjoni għall-pjanti u/jew ta’ sustanza attiva, inklużi l-metaboliti u prodotti li jiġu rrilaxxati matul id-dekompożizzjoni jew ir-reazzjoni. Dawn huma – b’mod ġenerali – sustanzi residwi li, wara l-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tal-bijoċidali, huma preżenti fuq jew ġewwa żerriegħa, weraq, polline jew nektar (li jirriżulta miż-żerriegħa), pjanti, għasel u naħal ittrattati. |
29. |
Wara din id-deċiżjoni, kemm Bayer CropScience kif ukoll il-fondazzjoni tan-naħal ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għall-kontenzjuż amministrattiv fil-qasam tal-kummerċ u tal-industrija, il-Pajjiżi l-Baxxi) għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
30. |
Minbarra Bayer CropScience u l-fondazzjoni tan-naħal, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea ħadu parti fil-fażi bil-miktub tal-proċedura. Bl-eċċezzjoni tal-Greċja u tal-Ġermanja, huma ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet waqt is-seduta tal-4 ta’ Frar 2016. |
IV – Analiżi ġuridika
31. |
Id-disa’ domandi preliminari jikkonċernaw tliet elementi. L-ewwel nett, għandu jiġi kkjarifikat jekk it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni mixtieqa jirrikjedix li l-impriżi kkonċernati jkunu talbuh mill-bidu nett (l-ewwel u t-tieni domandi, taħt A iktar ’il quddiem). Sussegwentement, għandha tiġi stabbilita l-portata tal-kunċett “emissjonijiet fl-ambjent” (it-tielet u d-disa’ domandi, taħt B iktar ’il quddiem). U fl-aħħar nett jekk dan il-kunċett għandux jiġi applikat għal ċerti tipi ta’ informazzjoni (ir-raba’ sat-tmien domanda, taħt Ċ iktar ’il quddiem). |
A – Fuq it-talba għal kunfidenzjalità
32. |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu risposti flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk talba għal kunfidenzjalità, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti, għandhiex tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni aċċessibbli għal terzi kkonċernati qabel jew meta tingħata l-awtorizzazzjoni u, jekk ikun il-każ, jekk l-informazzjoni dwar l-ambjent mitluba għandhiex tiġi żvelata meta din it-talba ssir biss wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni jew il-bidla fl-awtorizzazzjoni. |
33. |
Il-qorti tar-rinviju għalhekk teżamina l-opinjoni legali mressqa mill-fondazzjoni tan-naħal, skont liema dikjarazzjoni dwar il-kunfidenzjalità li – bħal fil-każ hawnhekk – ma saritx meta tressqet talba għal awtorizzazzjoni jew għal bidla ma tistax issir sussegwentement. Għalhekk din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali. |
34. |
Indikazzjoni favur din l-opinjoni tidher prima facie fis-sentenza Stichting Natuur en Milieu et. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti, li l-indikazzjonijiet li ġew ipprovduti mill‑applikanti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jikkostitwixxu kunfidenzjalità tal-informazzjoni industrijali jew kummerċjali, jibqgħu kunfidenzjali, jekk dawn l-applikanti jressqu t-talba f’dan is-sens u jekk l-Istat Membru, jew il-Kummissjoni, jaċċettaw il-ġustifikazzjoni pprovduta mill-persuni kkonċernati ( 12 ). |
35. |
Madankollu, din il-konstatazzjoni ma għandhiex tinftiehem fis-sens li trattament kunfidenzjali huwa meqjus biss sa fejn l-applikanti jagħmlu talba għalih. Bil-kontra, din il-konstatazzjoni hija bbażata unikament fuq l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ talba skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti. |
36. |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tapplika bla ħsara għad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, li r-rekwiżiti tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta titressaq talba ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent ( 13 ). Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tali talba tiġi miċħuda – ħlief jekk hija tikkonċerna informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent – meta l-iżvelar tal-informazzjoni jkollu effetti negattivi fuq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali, sa fejn din il-kunfidenzjalità hija prevista mid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni. |
37. |
La l-formulazzjoni u lanqas l-istruttura tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent ma jissuġġettaw is-setgħa tal-Istati Membri li jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali għal talba għal trattament kunfidenzjali minn qabel. Barra minn hekk, fid-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti, id-dritt għal tali talba huwa stabbilit sempliċement bħala possibbiltà. Jekk ma ssirx talba, l-unika konsegwenza legali li tista’ tiġi osservata hija li ma tittieħed ebda deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti f’dak il-mument dwar it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni kkonċernata. |
38. |
Madankollu anki deċiżjoni dwar il-kunfidenzjalità ma teżentax lill-awtoritajiet kompetenti mill-obbligu li jiddeċiedu fuq talba għal aċċess għal tagħrif ambjentali b’mod konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent ( 14 ). Għalhekk, anki l-assenza ta’ deċiżjoni dwar il-kunfidenzjalità ma tistax tostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 4. |
39. |
Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti lanqas ma jippermetti interpretazzjoni oħra. Skont din id-dispożizzjoni, id-detentur ta’ awtorizzazzjoni preċedenti jista’ jiġi obbligat li jaqsam ċerta informazzjoni mal-applikanti sussegwenti jekk din tippermetti li jiġu evitati testijiet duplikati fuq l-annimali. |
40. |
Il-fondazzjoni tan-naħal tiddeduċi mill-użu tal-kunċetti differenti “applikant” u “detenturi ta’ awtorizzazzjoni preċedenti” li l-“applikant” biss jista’ jitlob kunfidenzjalità. Kull min ikun “detentur ta’ awtorizzazzjoni preċedenti” ma jkunx jista’ iktar jitlob kunfidenzjalità (retroattivament). |
41. |
Madankollu ma tistax tiġi dedotta tali konklużjoni. Fil-fatt, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti jirrigwarda esklużivament il-kwistjoni speċifika dwar kif jiġi rregolat il-kunflitt bejn applikant u d-detentur ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti rigward konstatazzjonijiet li jirriżultaw minn esperimenti mwettqa fuq annimali vertebrati. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “detentur ta’ awtorizzazzjonijiet preċedenti” ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ trattament ta’ kwistjonijiet oħra fir-rigward tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti. Dan huwa iktar u iktar minnu fil-kuntest ta’ trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni fil-każ ta’ talbiet għal aċċess. |
42. |
Din ir-relazzjoni bejn id-dritt li tintalab kunfidenzjalità u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali permezz tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent barra minn hekk tikkorrispondi mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Id-dritt li titressaq talba skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti huwa intiż li jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mill-awtorità kompetenti. Ksur ta’ dan l-interess fl-effiċjenza madankollu ma jiġġustifikax id-dannu kkawżat lill-interessi ekonomiċi leġittimi (superjuri) tal-impriżi kkonċernati li, skont l-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, għandhom jinżammu permezz tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. |
43. |
Fil-prattika, l-assenza ta’ talba għal trattament kunfidenzjali tista’ madankollu jkollha konsegwenzi fuq il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. Fil-fatt, mingħajr tali talba, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu ġeneralment jassumu li informazzjoni li ovvjament ma għandhiex tiġi protetta bħala informazzjoni kummerċjali jew industrijali, tista’ tiġi żvelata. F’każijiet bħal dawn, ma humiex obbligati li jikkonsultaw lill-impriża qabel l-iżvelar. |
44. |
L-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-bijoċidali u l-Artikolu 63 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti jikkorrispondu – sa fejn din il-kwistjoni hija ta’ interess hawnhekk – fil-parti l-kbira mal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti u għalhekk ma jwasslu għal ebda konklużjoni oħra. |
45. |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li t-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni, li ġiet ikkomunikata fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni skont id-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew id-Direttiva dwar il-bijoċidali ma jeħtieġx, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, li dan it-trattament kunfidenzjali jkun intalab minn qabel skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-pjanti, l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-bijoċidali jew l-Artikolu 63(1) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti. |
B – Dwar l-interpretazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet
46. |
Il-qofol tat-talba għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-klawżola dwar l-emissjonijiet prevista mir-raba’ sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. Din tipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux, minħabba raġunijiet ta’ deroga li jinsabu fil-punti (a), (d), (f), (g) u (h) jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta hija tikkonċerna informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Għalhekk l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet ma jistax jiġi prekluż minħabba l-protezzjoni ta’ diskussjonijiet uffiċjali, kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali, data personali, persuni li jkunu pprovdew l-informazzjoni volontarjament jew interessi ambjentali. |
47. |
Madankollu, id-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent ma tiddefinixxix hija stess il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent”. Il-Konvenzjoni ta’ Århus, li kienet ġiet parzjalment trasposta permezz tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, lanqas ma tinkludi definizzjoni ta’ dan il-kunċett. |
48. |
Jiena diġà ħadt pożizzjoni dwar din il-kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħi dwar il-kawża Stichting Natuur en Milieu, billi sostnejt l-opinjoni li kemm l-informazzjoni dwar ir-rilaxx ta’ sustanzi kif ukoll l-informazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ tali rilaxx għandhom jiġu kkunsidrati bħala informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent ( 15 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar dan il-punt. |
49. |
Madankollu, id-disa’ domanda tqajjem ipoteżi li sa issa għadha ma ġietx diskussa, jiġifieri jekk għandhiex issir distinzjoni bejn emissjonijiet, minn naħa, u min-naħa l-oħra l-iskarigi kif ukoll rilaxx ieħor fl-ambjent (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Sussegwentement ser neżamina l-ewwel parti tat-tielet domanda, li hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ emissjoni jikkorrispondix mad-definizzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva PKIT ( 16 ) jew tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 17 ) (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Sussegwentement ser nagħti risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda, jiġifieri, jekk il-klawżola ta’ emissjoni għandhiex tkun limitata għal informazzjoni dwar emissjonijiet effettivi (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Madankollu l-interpretazzjoni kif żviluppata tal-klawżola dwar l-emissjonijiet għandha tiġi relativizzata fid-dawl tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). |
1. Id-distinzjoni bejn emissjonijiet, l-iskarigi u rilaxx ieħor
50. |
Permezz tad-disa’ domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga dwar kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(d) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, għandhiex issir distinzjoni bejn, minn naħa, “emissjonijiet” u, min-naħa l-oħra, “l-iskarigi u ħruġ [rilaxx] ieħor fl-ambjent”. Jekk din id-distinzjoni hija applikabbli, il-kunċett ta’ emissjoni għandu jiġi interpretat restrittivament. |
51. |
Argumenti favur id-distinzjoni jistgħu jittieħdu mill-istorja tal-oriġini u mis-sistematika tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. |
52. |
Il-proposta għad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent kienet tinkludi, fl-Artikolu 4(2)(d), regola li kienet tipprovdi li l-Istati Membri ma setgħux, fil-każ ta’ kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali, jadottaw dispożizzjonijiet li kienu jippermettulhom li jopponu rifjut għal talba li kienet tikkonċerna emissjonijiet, l-iskarigi jew rilaxx ieħor ta’ sustanzi fl-ambjent li kienu suġġetti għal dispożizzjonijiet Komunitarji ( 18 ). Leġiżlazzjoni uniformi għandha għalhekk tkun applikabbli għal emissjonijiet, l-iskarigi u rilaxx ieħor ta’ sustanzi fl-ambjent. |
53. |
Fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, il-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni madankollu kienet limitata għall-emissjonijiet minħabba li dan xtaq li ssir approssimazzjoni mill-ġdid mal-formulazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus ( 19 ). |
54. |
Min-naħa l-oħra, il-Parlament kompla jsostni użu parallel tal-kunċetti ta’ “emissjonijiet”, “l-iskarigi” u “ħruġ ieħor” ( 20 ). Madankollu, fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni huwa ma setax jimponi dik il-pożizzjoni bir-riżultat li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent ingħata l-verżjoni attwali tiegħu. |
55. |
Minn dan jista’ jiġi konkluż li l-klawżola ta’ emissjoni ma tinkludix “l-iskarigi u ħruġ [rilaxx] ieħor [ta’ sustanzi] fl-ambjent”. |
56. |
Varjazzjoni ta’ din il-pożizzjoni titressaq mill-Ġermanja u minn Bayer CropScience billi jsir riferiment għall-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. Skont din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “[t]agħrif dwar l-ambjent” jinkludi kull informazzjoni disponibbli li tikkonċerna l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, fost oħrajn, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi tal-ambjent msemmija fil-(a). |
57. |
Minn dan, il-Ġermanja u Bayer CropScience jikkonkludu li l-kunċett dwar l-emissjonijiet għandu jiġi interpretat restrittivament, peress li fil-każ kuntrarju, il-kunċetti “l-iskarigi” u “ħruġ ieħor” jisfaw mingħajr kamp ta’ applikazzjoni. |
58. |
Madankollu jiena nikkunsidra din id-distinzjoni bħala waħda żbaljata. Delimitazzjoni preċiża bejn emissjonijiet u l-iskarigi la tikkorrispondi mal-għan tal-klawżola dwar l-emissjonijiet u lanqas mas-sens tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. |
59. |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata. Issa, distinzjoni bejn emissjonijiet, l-iskarigi u rilaxx ieħor ma għandha l-ebda rilevanza ċara fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent. |
60. |
It-tifsira tal-kunċetti ta’ emissjonijiet, ta’ skarigi u ta’ rilaxx ieħor tikkonferma dan l-għan, peress li dawn jikkoinċidu ma’ xulxin b’mod estensiv. Jista’ jkun hemm tendenza li jiġu limitati l-emissjonijiet għar-rilaxx fl-atmosfera, u min-naħa l-oħra l-iskarigi jkunu riżervati għal rilaxx likwidu, iżda din id-delimitazzjoni taż-żewġ kunċetti hija pjuttost artifiċjali. |
61. |
Dan jirriżulta mid-definizzjonijiet ta’ emissjonijiet f’leġiżlazzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, li jassimilaw b’mod estensiv il-kunċett mal-kunċett ta’ rilaxx. B’dan il-mod, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva dwar emissjonijiet industrijali jiddefinixxi bħala “ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn sorsi individwali jew diffużi fl-installazzjoni għal ġewwa l-arja, l-ilma jew l-art”. Minbarra dan, l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali ( 21 ) jiddeskrivi emissjonijiet bħala r-rilaxx fl-ambjent, bħala riżultat tal-attivitajiet tal-bnedmin, ta’ sustanzi, preparazzjonijiet, organiżmi jew mikro-organiżmi. Din id-definizzjoni ma tħalli l-ebda lok għal distinzjoni bejn emissjonijiet, skarigi u rilaxx ieħor. |
62. |
L-użu komuni tat-tliet kunċetti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent lanqas ma huwa intiż sabiex jillimita l-kunċett ta’ emissjonijiet. Bil-kontra għandu jiġi kkunsidrat li qabel kollox dan jikkontribwixxi għal deskrizzjoni l-iktar wiesgħa possibbli tar-rilaxx tas-sustanzi fl-ambjent. Dan jikkorrispondi mal-iskop tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, li hija intiża, skont l-Artikolu 1(b), sabiex jinkisbu d-disponibbiltà u t-tixrid l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent fost il-pubbliku ( 22 ). Għalhekk il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-ambjent għandu jingħata tifsira wiesgħa ( 23 ). |
63. |
Għal din ir-raġuni, il-kunċetti ta’ emissjonijiet, l-iskarigi u rilaxx ieħor jissovrapponu lil xulxin neċessarjament, u din is-sovrappożizzjoni ma hijiex separata mid-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent ( 24 ). Min-naħa l-oħra, dawn ma jservux sabiex jinħolqu kategoriji ddefiniti b’mod ċar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent li jkunu suġġetti għal konsegwenzi legali differenti f’termini ta’ aċċess. |
64. |
L-użu temporanju tat-tliet kunċetti fil-klawżola dwar l-emissjonijiet, matul id-diskussjonijiet dwar id-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, ma setax kellu skop ieħor. Ma hemm ebda element favur restrizzjoni tal-kunċett ta’ emissjoni jew tal-applikazzjoni ta’ konsegwenzi legali differenti għat-tliet kunċetti. Pjuttost ir-rinunzja għall-użu tat-tliet kunċetti hija ċċarata permezz tal-konformità mal-Konvenzjoni ta’ Århus, minn naħa, u mill-fatt li l-kunċett ta’ emissjoni jiddeskrivi diġà suffiċjentement ir-rilaxxi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, min-naħa l-oħra. |
65. |
Konsegwentement, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn l-emissjonijiet, l-iskarigi u rilaxx ieħor fil-kuntest tal-klawżola dwar l-emissjonijiet tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. |
2. Fuq id-definizzjoni ta’ emissjonijiet ta’ direttivi oħra
66. |
Id-definizzjoni ta’ emissjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali twassal għall-ewwel parti tat-tielet domanda, jiġifieri jekk il-klawżola dwar l-emissjonijiet għandhiex tkun limitata għal emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet. F’dan il-każ, l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ bijoċidali ma għandux bħala prinċipju jiġi kkunsidrat bħala emissjoni peress li r-rilaxx ta’ dan il-prodott ma jirriżultax minn installazzjoni. |
67. |
Din l-opinjoni ma ssib l-ebda bażi fil-formulazzjoni tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent, peress li din ma tagħmilx riferiment għal direttivi oħra għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ emissjonijiet. Bil-kontra, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni li l-klawżola dwar l-emissjonijiet tiġi limitata għal “emissjonijiet rregolati mid-dritt Komunitarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jiġifieri għall-emissjonijiet tali li huma ddefiniti f’direttivi oħra, ma ġietx adottata ( 25 ). |
68. |
Madankollu wħud mill-partijiet ikkonċernati jinvokaw il-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus favur limitazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet għall-emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet. L-ewwel nett din tagħmel riferiment għad-definizzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva PKIT fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus ( 26 ). Fit-tieni edizzjoni hija issa tagħmel riferiment għad-definizzjoni tal-emissjonijiet tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ( 27 ) li hija identika. Iż-żewġ definizzjonijiet jillimitaw il-kunċett ta’ emissjonijiet għal rilaxx minn installazzjonijiet. |
69. |
Jekk il-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus tista’ tiġi kkunsidrata bħala dokument spjegattiv li jista’, skont il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi rilevanti oħra, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, l-analiżi fiha ma għandhiex saħħa vinkolanti u ma għandhiex il-portata normattiva li għandhom id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus ( 28 ). |
70. |
Għandu jiġi enfasizzat, għall-finijiet ta’ din id-domanda, li l-gwida ta’ applikazzjoni ma tipprovdi ebda raġuni li tiġġustifika li d-definizzjoni tad-Direttiva PKIT jew tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandha tipprevali b’mod partikolari. Pereżempju tista’ tintuża wkoll id-definizzjoni tal-Artikolu 2(8) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, li ma tagħmilx riferiment għal installazzjoni bħala sors ta’ emissjonijiet, iżda tattribwixxihom unikament għal attivitajiet tal-bnedmin. |
71. |
Lanqas ma teżisti konnessjoni partikolari bejn id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u d-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent, li tiġġustifika li tiġi applikata d-definizzjoni tal-emissjonijiet marbuta ma’ installazzjoni. Huwa minnu li d-Direttiva PKIT u s-siltiet korrispondenti tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus ( 29 ). Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni li huma relatati ma’ installazzjonijiet għandhom kamp ta’ applikazzjoni kunsiderevolment iktar ristrett mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent. |
72. |
Eżami fil-fond tal-klawżola dwar l-emissjonijiet tal-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Århus juri b’mod ċar li limitazzjoni ta’ emissjonijiet minn installazzjonijiet hija saħansitra inkompatibbli mal-iskop tal-Konvenzjoni. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata. Il-kwistjoni dwar jekk dawn l-emissjonijiet humiex ġejjin minn installazzjonijiet ma hijiex rilevanti għall-effetti fuq l-ambjent. Wieħed irid jaħseb biss dwar l-emissjonijiet li jirriżultaw mit-trasport ( 30 ). Għalhekk il-gwida tipprovdi wkoll, immedjatament qabel ma tirreferi għad-definizzjoni ta’ emissjonijiet fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, li bħala prinċipju kull informazzjoni dwar emissjonijiet taqa’ taħt il-klawżola dwar l-emissjonijiet tal-Konvenzjoni ( 31 ). |
73. |
Peress li l-klawżola dwar l-emissjonijiet għandha għalhekk tinftiehem f’sens wiesa’, jagħmel iktar sens li jintużaw definizzjonijiet differenti tal-kunċett bħala illustrazzjoni u li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet li jirriżultaw unikament mill-iskop segwit mil-leġiżlazzjoni. |
74. |
Huwa għalhekk ċar mid-definizzjoni tal-emissjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji ( 32 ), li l-kunċett ta’ emissjonijiet jinkludi l-iskarigi ta’ sustanzi. Min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni f’din id-direttiva għall-iskarigi fl-atmosfera ta’ sustanzi li ġejjin minn installazzjonijiet tal-kombustjoni tirriżulta esklużivament mill-għan limitat ħafna ta’ din id-direttiva u għalhekk hija insinjifikattiva. |
75. |
Id-definizzjoni tal-emissjonijiet tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tistabbilixxi li l-emissjonijiet jinkludu f’kull każ ir-rilaxx ta’ sustanzi. Minbarra dan, minn dan jirriżulta li r-rilaxx ta’ vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes ukoll għandu jiġi inkluż, peress li dan jista’ jkun manifestament rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent fis-sens tal-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Huwa barra minn hekk evidenti li huwa rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent mhux biss ir-rilaxx fl-arja, iżda wkoll ir-rilaxx fl-ilma jew fl-art. |
76. |
Min-naħa l-oħra il-limitazzjoni espliċita għall-emissjonijiet li ġejjin minn installazzjonijiet tikkorrispondi unikament mal-għan tad-Direttiva dwar l‑emissjonijiet industrijali li hija intiża sabiex tirregola dawn it-tipi ta’ emissjonijiet partikolari. Madankollu, dan l-għan huwa mingħajr importanza fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent. |
77. |
Id-definizzjoni tal-emissjonijiet tal-Artikolu 2(8) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali tikkonferma li l-kwistjoni dwar jekk l-emissjonijiet humiex rilaxxati minn installazzjonijiet ma hijiex determinanti. Huwa min-naħa l‑oħra determinanti, jekk dawn humiex ir-riżultat ta’ attivitajiet tal-bnedmin. Minbarra dan, din turi li r-rilaxx ta’ organiżmi jew ta’ mikroorganiżmi jista’ wkoll jikkostitwixxi emissjoni, peress li dan ukoll huwa sinjifikattiv għall-protezzjoni tal-ambjent. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ma ssemmix il-vibrazzjonijiet, is-sħanat jew il-ħsejjes ma għandux jikkostitwixxi raġuni sabiex dawn jiġu esklużi mill-klawżola dwar l-emissjonijiet. |
78. |
Konsegwentement nipproponi li l-klawżola dwar l-emissjonijiet tiġi interpretata fis-sens li tinkludi l-informazzjoni dwar ir-rilaxx fl-ambjent ta’ sustanzi, organiżmi, mikroorganiżmi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes, b’mod partikolari fl-arja, fl-ilma jew fl-art, bħala riżultat ta’ attivitajiet tal-bnedmin. |
3. Dwar il-limitazzjoni għal informazzjoni dwar emissjonijiet effettivi
79. |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda, għandu jiġi kkjarifikat jekk il-klawżola dwar l-emissjonijiet għandhiex tkun limitata għal emissjonijiet effettivi. Din tikkonċerna, l-ewwel nett, id-delimitazzjoni bejn emissjonijiet ipotetiċi [ara punt (a) iktar ’il fuq] u t-tieni nett, il-kwistjoni dwar jekk informazzjoni dwar emissjonijiet tkoprix biss l-emissjonijiet inkwantu tali jew ukoll informazzjoni dwar l-effetti tagħhom [ara punt (b) iktar ’il fuq]. |
a) Dwar id-delimitazzjoni minn emissjonijiet ipotetiċi
80. |
Il‑Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, filwaqt li tibbaża lilha nnifisha fuq il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ville de Lyon, li l-klawżola dwar l-emissjonijiet tkopri biss emissjonijiet effettivi, iżda mhux emissjonijiet ipotetiċi. Issa, din l-informazzjoni ma tikkonċernax emissjonijiet effettivi. |
81. |
Huwa minnu li, fil-konklużjonijiet tiegħi, jiena kkunsidrajt li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali tieqaf biss meta s-sustanzi kkonċernati mill-informazzjoni kunfidenzjali jiġu rrilaxxati ( 33 ). |
82. |
Barra minn hekk, il-kunċett ta’ informazzjoni kummerċjali diġà minnu nnifsu jirrikjedi, fil-każ ta’ emissjonijiet, li dawn għandhom jew jista’ jkollhom effetti fuq l-elementi tal-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. Jekk effett huwa biss ipotetikament konċepibbli, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. |
83. |
Il-Kummissjoni għalhekk hija korretta meta ssostni li informazzjoni dwar emissjonijiet ipotetiċi ma jaqax taħt il-klawżola dwar l-emissjonijiet. |
84. |
Madankollu, il-prodotti dwar il-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati huma ġeneralment rilaxxati skont l-użu intiż tagħhom. Konsegwentement, informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tagħhom ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkonċerna emissjonijiet ipotetiċi. |
b) Fuq informazzjoni dwar l-effetti tal-emissjonijiet
85. |
Iktar importanti hija l-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-klawżola dwar emissjonijiet effettivi tfissirx li din tikkonċerna biss informazzjoni dwar emissjonijiet inkwantu tali, jiġifieri li tikkonċerna biss dettalji ta’ meta u fejn seħħet emissjoni speċifika. F’dan il-każ, ikun biss ftit informazzjoni li tirriżulta minn proċeduri għal awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew bijoċidali li taqa’ taħt il-klawżola dwar l-emissjonijiet Din tikkonsisti essenzjalment f’indikazzjonijiet dwar ir-rilaxx ta’ prodotti f’testijiet fuq il-post. Min-naħa l-oħra, ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet ma għandhomx jitqiesu iktar bħala informazzjoni dwar emissjonijiet. |
86. |
Issa, kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi Stichting Natuur en Milieu et ( 34 ), il-konsegwenzi tal-emissjonijiet jikkostitwixxu proprju r-raġuni għalfejn l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent għandha ġeneralment tiġi żvelata. Fil-fatt, il-pubbliku għandu interess għoli li jkun jaf il-mod li bih jista’ jkun affettwat mill-emissjonijiet fl-ambjent. Qabel l-emissjoni, l-effetti fuq il-bniedem u fuq l-ambjent kienu pjuttost improbabbli jew almenu kienu limitati għall-isfera tad-detentur tas-sigrieti kummerċjali. Għall-kuntrarju, is-sustanzi rilaxxati bilfors jinteraġixxu mal-ambjent u forsi anki mal-bniedem. Għaldaqstant, il-linji gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus jenfasizzaw li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali għandha tieqaf fil-mument meta jkunu rilaxxati s-sustanzi msemmija fl-informazzjoni miżmuma sigrieta ( 35 ). Konsegwentement, l-effetti possibbli fuq l-ambjent ma għandhomx jitqiesu bħala informazzjoni kummerċjali. |
87. |
Is-sitwazzjoni tal-fondazzjoni tan-naħal turi n-neċessità ta’ din l-interpretazzjoni. Hija tibża’ li ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jikkawżaw ħsara lin-naħal, li hija tiżgura l-protezzjoni tagħhom. Sabiex jitneħħa dan it-tħassib, hija teħtieġ l-usa’ aċċess possibbli għall-fajl ta’ awtorizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, huwa biss dan il-fajl li jippermetti li jiġu mifhuma u li jiġu kkontrollati r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u, skont il-każ, li jiġu kkontestati għal teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-riskji għan-naħal ( 36 ). |
88. |
Konsegwentement, il-klawżola dwar l-emissjonijiet ma tinkludix biss l-indikazzjonijiet dwar l-emissjonijiet inkwantu tali, iżda wkoll l-informazzjoni dwar l-effetti tal-emissjonijiet. |
4. Fuq ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti
89. |
Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti, li ġie adottat wara l-klawżola dwar l-emissjonijiet, madankollu, jibdel is-sitwazzjoni legali, peress li l-Artikolu 63(2) jiddefinixxi dik l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. |
90. |
Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 84(1) tiegħu, dan huwa applikabbli sa mill-14 ta’ Diċembru 2009 u kellu jiġi applikat sa minn dik id-data, li jikkonferma d-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 80(5) għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ emenda pendenti. |
91. |
Formalment, il-katalogu taħt l-Artikolu 63(3) tar-Regolament dwar il‑protezzjoni tal-pjanti dwar informazzjoni sensittiva ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent. |
92. |
L-ewwel nett, il-katalogu taħt l-Artikolu 63(3) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti huwa bla ħsara għad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent u għalhekk ma jaffettwax il-klawżola dwar l-emissjonijiet. |
93. |
It-tieni nett il-katalogu jikkjarifika biss liema informazzjoni taqa’ taħt il-protezzjoni ta’ ċerti eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess. Għalhekk dan il-katalogu huwa bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk din l-informazzjoni għandhiex xorta waħda tiġi żvelata minħabba interessi pubbliċi superjuri. Hija preċiżament din il-kwistjoni li hija rregolata mill-klawżola dwar l-emissjonijiet fir-rigward ta’ informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tal-preżunzjoni legali ta’ interess pubbliku superjuri. |
94. |
Madankollu approċċ daqstant formali ma jiħux kunsiderazzjoni tal-fatt li l-leġiżlatur kellu jkun jaf, meta stabbilixxa l-katalogu, li din l-informazzjoni tirriżulta b’konnessjoni mal-approvazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Kieku dan il-leġiżlatur kien ippreżuma li l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ approvazzjoni taqa’ taħt il-klawżola dwar l-emissjonijiet peress li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma intiżi li jiġu rrilaxxati fl-ambjent, huwa kien jistabbilixxi katalogu ta’ informazzjoni partikolarment sensittiva li kien tisfa ineffettiva fil-prattika. Fil-fatt, il-preżunzjoni ta’ interess pubbliku superjuri għal żvelar tapplika dejjem għal din l-informazzjoni. Madankollu, kif il-Kummissjoni ssostni ġustament, ma jistax jiġi preżunt li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jadotta leġiżlazzjoni prattikament ineffettiva. |
95. |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur kien impliċitament evalwa mill-ġdid l-ibbilanċjar li kien sar bejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji kkonċernati, u li għalhekk huwa rrestrinġa l-portata tal-klawżola dwar l-emissjonijiet. |
96. |
Din l-evalwazzjoni mill-ġdid tistabbilixxi b’mod partikolari li l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni sħiħa tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-fdalijiet tagħhom li jinsabu fis-sustanza attiva għandha tiġi protetta. Kif dan ġie spjegat fil-proċedura li tikkonċerna l-Kawża C‑673/13, din l-informazzjoni hija fuq kollox sensittiva peress li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet dwar il-metodu ta’ produzzjoni u għalhekk tiffaċilita l-falsifikazzjoni ( 37 ). Konsegwentement, din l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-leġiżlatur tikkorrispondi mal-ibbilanċjar tal-interessi mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ABNA et ( 38 ), li Bayer CropScience tagħmel riferiment għaliha. |
97. |
Għalhekk il-klawżola dwar l-emissjonijiet ma tistax tapplika għall-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti. Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar l-aċċess għal din l-informazzjoni għandha tingħata skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent abbażi ta’ evalwazzjoni tal-każ inkwistjoni. |
98. |
Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 66 tar-Regolament dwar il-bijoċidali jinkludi dispożizzjonijiet speċjali oħra dwar l-aċċess għal informazzjoni, li madankollu ma humiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, inkluż fir-rigward tal-prodott bijoċidali. |
5. Konklużjoni
99. |
Konsegwentement, il-kunċett ta’ “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” li jinsab fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-informazzjoni dwar ir-rilaxx fl-ambjent, wara attivitajiet tal-bnedmin, ta’ sustanzi, ta’ organiżmi, ta’ mikroorganiżmi, ta’ vibrazzjonijiet, ta’ sħanat jew ta’ ħsejjes, b’mod partikolari fl-arja, fl-ilma jew fuq l-art, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet, iżda mhux l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament għall-protezzjoni tal-pjanti. |
100. |
La l-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet fundamentali tal-kunfidenzjalità tat-informazzjoni kummerċjali dwar l-informazzjoni fuq l-emissjonijiet, u lanqas l-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPs ma jipprekludu neċessarjament din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, il-leġiżlatur seta’ validament jagħti iktar importanza lill-interess fir-rigward tal-effetti tal-emissjonijiet fuq l-ambjent milli lill-interessi ekonomiċi fil-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali ( 39 ). |
101. |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Ftehim TRIPS, il-leġiżlatur seta’ jikkunsidra li, fil-każ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u bijoċidali, il-protezzjoni tal-pubbliku tirrikjedi l-aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, u li l-katalogu ta’ informazzjoni partikolarment sensittiva tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti jiggarantixxi protezzjoni suffiċjenti. Il-kwistjoni ta’ użu kummerċjali żleali fil-kummerċ hija indipendenti minnha u hija suġġetta għal regoli speċifiċi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna “protezzjoni tad-data” li taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-pjanti. |
102. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fil-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà baqgħet lura diversi drabi minn eżami għal kull każ individwali u rrikonoxxiet preżunzjonijiet ġenerali ( 40 ). Minkejja li dawn il-preżunzjonijiet kienu jikkonċernaw rispettivament ir-rifjut ta’ aċċess, preżunzjonijiet favur tal-aċċess għandhom madankollu jkunu possibbli bl-istess mod. |
C – Diversi domandi individwali
103. |
Id-domandi 4 sa 8 tat-talba għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw diversi punti ta’ dettall, li għalihom tista’ tingħata risposta b’mod relattivament faċli abbażi tal-interpretazzjoni tal-klawżola dwar l-emissjonijiet żviluppata iktar ’il fuq. Fil-fatt dawn id-domandi kollha jikkonċernaw informazzjoni użata sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi tar-rilaxx tal-prodotti. U prima facie din l-informazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 63(2) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-pjanti, għalkemm dan ikollu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali jekk jitqajmu oġġezzjonijiet f’dan is-sens. |
104. |
Għalhekk il-kunċett “tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” imsemmi fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-informazzjoni dwar l-ambjent jinkludi b’mod partikolari:
|
V – Konklużjoni
105. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Ara, pereżempju, European Academies’ Science Advisory Council, Ecosystem services, agriculture and neonicotinoids, EASAC policy report tas-26, April 2015, http://www.easac.eu/fileadmin/Reports/Easac_15_ES_web_complete_01.pdf.
( 3 ) Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).
( 4 ) Sentenza Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 43).
( 5 ) ĠU L 124 tas-17 ta’ Mejju 2005, p. 4.
( 6 ) Adottata permezz tad-Deċiżjoni 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17).
( 7 ) Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 Ċ tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
( 8 ) Direttiva tal-Kunsill 91/414/KE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332).
( 9 ) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).
( 10 ) Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3).
( 11 ) Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, p. 1).
( 12 ) Sentenza Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 50).
( 13 ) Sentenza Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 51).
( 14 ) Sentenza Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 51).
( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punti 93 sa 95).
( 16 ) Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).
( 17 ) Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17).
( 18 ) Artikolu 4(2)(d) tal-Proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, COM(2000) 402 finali, p. 25 (parzjalment riprodotta fil-ĠU C 337E tat-28 ta’ Novembru 2000, p. 156).
( 19 ) Motivazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tat-28 ta’ Jannar 2002 (dokument tal-Kunsill 11878/1/01 REV 1 ADD 1, p. 10) u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ direttiva dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, SEC(2002) 103 finali.
( 20 ) ĠU C 187E, tas-7 ta’ Awwissu 2003, p. 118.
( 21 ) Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357).
( 22 ) Ara s-sentenza Fish Legal (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 66).
( 23 ) Sentenzi Mecklenburg (C‑321/96, EU:C:1998:300, punt 19), Glawischnig (C‑316/01, EU:C:2003:343, punt 24).
( 24 ) Sentenza Office of Communications (C‑71/10, EU:C:2011:525, punt 30).
( 25 ) Ara iktar ’il fuq, punti 52 sa 54.
( 26 ) Stec/Casey-Lefkowitz/Jendrośka, The Aarhus Convention: An Implementation Guide, New York 2000, p. 60 (p. 76 tal-verżjoni Franċiża).
( 27 ) Ebbesson/Gaugitsch/Miklau/Jendrośka/Stec/Marshall, The Aarhus Convention: An Implementation Guide, It-tieni edizzjoni 2014, p. 88.
( 28 ) Sentenzi Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 36) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 27).
( 29 ) Ara l-premessa 27 tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.
( 30 ) Ara, preċedentement, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punt 90).
( 31 ) Ebbesson et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, p. 88.
( 32 ) Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2015 (ĠU L 313, p. 1).
( 33 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ville de Lyon (C‑524/09, EU:C:2010:613, punti 73 u 74).
( 34 ) Kawża C‑266/09, EU:C:2010:546, punt 95.
( 35 ) Ara, Ebbesson et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, p. 88
( 36 ) Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza Azelvandre (C‑552/07, EU:C:2009:96, punt 51).
( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi ta’ dak il-jum f’dik il-kawża, punt 21.
( 38 ) Sentenza ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punti 82 u 83).
( 39 ) Ara s-sentenzi Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 81) kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 113 sa 115) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:546, punt 95).
( 40 ) Sentenzi Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61), L‑Isvezja vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94), Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding (C‑477/10 P, EU:C:2012:394, punt 64), Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑553/10 P u C‑554/10 P, EU:C:2012:682, point 123) kif ukoll LPN vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 49).