KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-28 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑439/14 u C‑488/14

SC Star Storage SA

vs

Institutul Naţional de Cercetare-Dezvoltare în Informatică (ICI)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell, Bukarest, ir-Rumanija)]

u

SC Max Boegl România SRLSC UTI Grup SA,Astaldi SpA,

SC Construcții Napoca SA

vs

RA Aeroportul Oradea

SC Porr Construct SRL

Teerag-Asdag Aktiengesellschaft

SC Col-Air Trading SRL

AVZI SA

Trameco SA

Iamsat Muntenia SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell, Oradea, ir-Rumanija)]

“Kuntratti pubbliċi — Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE — Liġi nazzjonali li titlob ‘garanzija ta’ kondotta tajba’ sabiex jingħata aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri — Prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività — Artikoli 47 u 52 tal-Karta — Dritt għal rimedju effettiv — Limitazzjoni — Proporzjonalità”

1. 

F’dawn il-kawżi l-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell, Bukarest, ir-Rumanija) u l-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell, Oradea, ir-Rumanija) essenzjalment qegħdin jitolbu gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix Stat Membru milli jeżiġi li rikorrent jiddepożita “garanzija ta’ kondotta tajba” sabiex ikollu aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni għal deċiżjonijiet dwar kuntratti pubbliċi minn awtoritajiet kontraenti. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, awtoritajiet kontraenti jżommu għandhom il-garanzija ta’ kondotta tajba meta l-korp kompetenti sabiex jistħarreġ id-deċiżjonijiet tagħhom jiċħad il-kontestazzjoni jew meta r-rikorrent jirrinunzja għaliha.

2. 

Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal rimedju effettiv fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, dritt li ma huwiex iggarantit biss mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), iżda huwa espress speċifikament ukoll f’direttivi tal-Unjoni li jirregolaw proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Sa fejn jistgħu l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti finanzjarji sabiex jikkontestaw deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti bil-għan li jnaqqsu r-riskju ta’ kontestazzjonijiet frivoli, jiġifieri kontestazzjonijiet li minnhom infushom aktarx ma jirnexxux u li l-għan tagħhom ikun sempliċement li jfixklu proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi?

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull min jinkisrulu d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

4.

Skont it-tielet premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE ( 2 ), il-ftuħ ta’ kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni fl-Unjoni jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni. Rimedji effettivi u rapidi għandhom, għalhekk, ikunu disponibbli fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jimplementaw dik il-liġi.

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2004/18/KE […] [ ( 3 ) ], sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skond l-Artikoli 10 sa 18 ta’ din id-Direttiva.

Il-kuntratti fis-sens ta’ din id-Direttiva jinkludu kuntratti pubbliċi, ftehim qafas, konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi u sistemi dinamiċi ta’ xiri.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/18/KE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi [tal-Unjoni] fil-qasam tal-appalti [kuntratti] pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn impriżi li jiddikjaraw li jkunu sofrew dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt b’riżultat tad-distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jkunu qed jimplimentaw liġi [tal-Unjoni] u regoli nazzjonali oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[…]”

6.

Il-ħames premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE ( 4 ) tgħid li l-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali għall-kompetizzjoni fl-Unjoni jimplika li proċeduri xierqa ta’ reviżjoni jkunu disponibbli għal fornituri jew għal kuntratturi fil-każ ta’ ksur tal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew tar-regoli nazzjonali li jimplementaw dik il-liġi.

7.

L-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jikkorrispondu essenzjalment mal-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 ( 5 ).

Id-dritt Rumen

8.

Skont l-Artikolu 43a tad-Digriet ta’ Urġenza Nru 34/2006 dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, għal xogħlijiet u għal servizzi (Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 34/2006, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 34/2006”), kull offerent potenzjali għandu jiddepożita garanzija (iktar ’il quddiem il-“garanzija ta’ aġġudikazzjoni”) sabiex jieħu sehem fil-proċedura fil-każijiet kollha li fihom l-OUG Nru 34/2006 titlob li awtorità kontraenti tippubblika sejħa għal offerti jew sejħa għal proposti. Il-garanzija ta’ aġġudikazzjoni, li tista’ tirrappreżenta sa 2 % tal-valur stmat tal-kuntratt pubbliku, hija intiża sabiex tipproteġi lill-awtorità kontraenti kontra r-riskju ta’ kondotta mhux xierqa mill-offerent tul il-perijodu kollu qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

9.

Skont l-Artikolu 256(1) tal-OUG Nru 34/2006, kull parti li tqis li tkun intlaqtet ħażin għandu jkollha d-dritt li tressaq il-kwistjoni quddiem il-kunsill nazzjonali għal riżoluzzjoni ta’ tilwim (Consiliului Naţional de Soluţionare a Contestaţiilor, iktar ’il quddiem iċ-“CNSC”). Skont l-Artikolu 281(1), deċiżjonijiet taċ-CNSC jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem awtorità ġudizzjarja.

10.

L-Artikolu 278(1) tal-OUG Nru 34/2006 jgħid li ċ-CNSC jew il-qorti kompetenti jiddeċiedu preliminarjament fuq l-eċċezzjonijiet proċedurali jew fil-mertu. Jekk jiddeċiedu li dawn ikunu fondati huma ma jeżaminawx il-mertu tat-tilwima.

11.

L-Artikolu 278a tal-OUG Nru 34/2006 jipprovdi li l-awtorità kontraenti żżomm parti mill-garanzija ta’ aġġudikazzjoni jekk iċ-CNSC jew il-qorti kompetenti ma jilqgħux kontestazzjoni mibdija mill-offerent jew jekk l-offerent jabbanduna l-kontestazzjoni tiegħu.

12.

Id-Digriet ta’ Urġenza Nru 51/2014 (Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 51/2014, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 51/2014”) ħassar l-Artikolu 278a tal-OUG Nru 34/2006 u introduċa d-dispożizzjonijiet li ġejjin f’dik il-leġiżlazzjoni ( 6 ):

“Artikolu 271a

1.   Għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-awtorità kontraenti kontra r-riskju ta’ kondotta mhux xierqa, ir-rikorrent għandu jagħti garanzija ta’ kondotta tajba li tkopri l-perijodu kollu mid-data li fiha l-appell/ir-rikors/l-ilment jitressaq sad-data li fiha d-deċiżjoni taċ-[CNSC]/is-sentenza tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti tkun saret finali.

2.   Il-[kontestazzjoni] għandha tiġi [miċħuda] jekk ir-rikorrent jonqos milli jġib prova li l-garanzija msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet iddepożitata.

3.   Il-garanzija ta’ kondotta tajba għandha tingħata permezz ta’ trasferiment bankarju jew strument ta’ garanzija maħruġ f’konformità mar-rekwiżiti legali minn istituzzjoni bankarja jew kumpannija ta’ assigurazzjoni; il-garanzija oriġinali għandha tiġi ddepożitata fl-uffiċċji tal-awtorità kontraenti u kopja tagħha għandha tingħata liċ-[CNSC] jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-istess ħin meta tiġi ppreżentata l-[kontestazzjoni].

4.   L-ammont totali tal-garanzija ta’ kondotta tajba għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-valur stmat tal-kuntratt li għandu jingħata, skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun inqas mill-ammonti massimi msemmija fl-Artikolu 55(2)(a) u (b) [ ( 7 ) ];

(b)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun inqas mill-ammonti massimi msemmija fl-Artikolu 55(2)(c) [ ( 8 ) ], iżda ma jkunx iktar mill-ekwivalenti f’RON ta’ EUR 10000, skont ir-rata tal-kambju […] applikabbli fid-data li fiha tingħata l-garanzija;

(c)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun ugwali għal jew iktar mill-ammonti massimi stabbiliti fl-Artikolu 55(2)(a) u (b), iżda ma jkunx iktar mill-ekwivalenti f’RON ta’ EUR 25000 skont ir-rata tal-kambju […] applikabbli fid-data li fiha tingħata l-garanzija;

(d)

1 % tal-valur stmat, jekk dan ikun ugwali għal jew iktar mill-ammonti massimi stabbiliti fl-Artikolu 55(2)(c), iżda ma jkunx iktar mill-ekwivalenti f’RON ta’ EUR 100000 skont the rata tal-kambju […] applikabbli fid-data li fiha tingħata l-garanzija.

5.   Il-garanzija ta’ kondotta tajba għandha tkun valida għal perijodu ta’ mill-inqas 90 jum, tkun irrevokabbli u tipprevedi l-ħlas mingħajr ebda kundizzjoni meta jintalab l-ewwel darba mill-awtorità kontraenti meta l-[kontestazzjoni] tiġi [miċħuda].

6.   Jekk, fil-jum li fih il-garanzija ta’ kondotta tajba tkun waslet biex tiskadi, id-deċiżjoni taċ-[CNSC] jew is-sentenza tal-awtorità ġudizzjarja ma tkunx saret finali u l-parti li tkun qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tkun naqset milli testendi l-validità tal-garanzija ta’ kondotta tajba skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5, l-awtorità kontraenti għandha żżomm il-garanzija. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 271b(3) sa (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

[…]

Artikolu 271b

1.   Jekk il-kontestazzjoni tiġi miċħuda miċ-[CNSC] jew mill-awtorità ġudizzjarja, meta l-parti li tkun qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tkun ressqet proċeduri direttament quddiem din tal-aħħar, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li żżomm il-garanzija ta’ kondotta tajba minn meta d-deċiżjoni taċ-[CNSC]/is-sentenza tal-awtorità ġudizzjarja ssir finali. Ir-rekwiżit li l-garanzija tinżamm tapplika għal-partijiet tal-kuntratt li fir-rigward tagħhom il-kontestazzjoni tkun ġiet miċħuda.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll meta l-parti li tikkontesta d-deċiżjoni tirrinunzja għall-[kontestazzjoni].

3.   Il-miżura msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika meta ċ-[CNSC]/l-awtorità ġudizzjarja tiċħad il-kontestazzjoni bħala nieqsa minn motivazzjoni jew meta jkun hemm rinunzja għall-[kontestazzjoni] wara li l-awtorità kontraenti tkun adottat miżuri korrettivi meħtieġa skont l-Artikolu 256c(1).

4.   Meta ċ-[CNSC] jilqa’ l-kontestazzjoni, jew l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tilqa’ r-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni taċ-[CNSC] li tkun ċaħdet il-kontestazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha tħallas lura l-garanzija ta’ kondotta tajba lill-parti li tkun ikkontestat id-deċiżjoni mhux iktar tard minn ħamest ijiem wara d-data li fiha d-deċiżjoni/is-sentenza tkun saret finali.

5.   Meta l-parti li tkun qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni tkun ressqet proċeduri direttament quddiem l-awtorità ġudizzjarja u din tal-aħħar tilqa’ r-rikors, il-paragrafu 4 għandu japplika mutatis mutandis.

6.   L-ammonti rċevuti mill-awtorità kontraenti skont il-garanzija ta’ kondotta tajba għandhom jiġu kklassifikati bħala dħul ta’ dik l-awtorità kontraenti.”

13.

B’risposta għal talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati tar-rinviju kkonfermaw li, f’sentenza mogħtija fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Curtea Constituțională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija) kienet iddikjarat li l-Artikolu 271b(1) u (2) tal-OUG Nru 34/2006 jikser il-kostituzzjoni. Il-qorti kostituzzjonali waslet għal din il-konklużjoni essenzjalment abbażi tal-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jeżiġu li l-awtorità kontraenti żżomm il-garanzija ta’ kondotta tajba meta l-kontestazzjoni tkun ġiet miċħuda jew irtirata, mingħajr ma ċ-CNSC jew il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kontestazzjoni ma jkunu ngħataw ebda flessibbiltà sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-kondotta tar-rikorrent. Kondotta mhux xierqa biss għandha tiġġustifika t-telf tal-garanzija ta’ kondotta tajba. Fl-4 ta’ Novembru 2015, il-qorti kostituzzjonali ddikjarat, għal raġunijiet essenzjalment simili, li l-Artikolu 271a(5) tal-OUG Nru 34/2006 jikser il-kostituzzjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet tirrikjedi li l-garanzija ta’ kondotta tajba tipprevedi l-ħlas mingħajr ebda kundizzjoni, jekk il-kontestazzjoni tiġi miċħuda, mal-ewwel talba tal-awtorità kontraenti.

14.

Fis-seduta l-Gvern Rumen spjega li l-Artikoli 271a u 271b tal-OUG Nru 34/2006 kienu għadhom fis-seħħ sa fejn ma kienx ġie ddikjarati li dawn jiksru l-kostituzzjoni. Huwa kkonferma li l-bqija tad-dispożizzjonijiet ( 9 ) kienu għadhom jimponu l-obbligu li r-rikorrent jiddepożita garanzija ta’ kondotta tajba, iżda li ma kienx għad hemm bażi legali sabiex l-awtorità kontraenti żżommha. B’riżultat ta’ dan, l-awtorità kontraenti kellha issa tħallas lura l-garanzija ta’ kondotta tajba lir-rikorrent fi tmiem il-proċedura, irrispettivament mir-riżultat tal-kontestazzjoni u a fortiori minn jekk ir-rikors kienx frivolu jew le.

Il-fatti, il-proċedura fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Fuq il-Kawża C‑439/14

15.

L-Institutul Naţional de Cercetare-Dezvoltare în Informatică (istitut nazzjonali għal riċerka u żvilupp fl-informatika, iktar ’il quddiem l-“INCDI”) organizza proċedura sabiex jingħata kuntratt pubbliku għal provvisti u għal servizzi bil-għan li tiġi żviluppata u titlesta pjattaforma għal cloud computing. Il-valur stmat tal-kuntratt, wara t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), kien ta’ RON 61287713.71 (madwar EUR 13700000). L-INCDI ħejja d-dokumenti rilevanti tal-kuntratt u ppubblika sejħa għal offerti, fl-1 ta’ April 2014, fis-Sistemul Electronic de Achiziţii Publice (sistema elettronika ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi). Il-kriterju tal-għoti kien dak tal-“inqas prezz”.

16.

Diversi operaturi ekonomiċi talbu lill-INCDI sabiex jikkjarifika r-regoli stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. L-INCDI wieġeb billi ppubblika diversi noti ta’ spjegazzjoni fis-sistema elettronika ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

17.

Fit-30 ta’ Ġunju 2014, SC Star Storage SA (iktar ’il quddiem “Star Storage”) ikkontestat tlieta minn dawn in-noti ta’ spjegazzjoni quddiem iċ-CNSC. Fit-18 ta’ Lulju 2014, iċ-CNSC ċaħad dak ir-rikors bħala inammissibbli minħabba li Star Storage ma kinitx tat garanzija ta’ kondotta tajba ( 10 ). Star Storage appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell, Bukarest), li ssospendiet il-proċeduri quddiemha u talbet deċiżjoni preliminari dwar id-domanda li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 1(3) tad-[Direttiva 89/665] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-aċċess għall-proċeduri ta’ rikors [reviżjoni] kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti għall-obbligu ta’ depożitu bil-quddiem ta’ “garanzija ta’ kondotta tajba”, bħal dik irregolata mill-Artikolu 271a u mill-Artikolu 271b tal-[OUG Nru 34/2006]?”

Fuq il-Kawża C‑488/14

18.

Fil-21 ta’ Jannar 2014, RA Aeroportul Oradea (iktar ’il quddiem l-“ajruport ta’ Oradea”) ippubblika avviż ta’ kuntratt fis-sistema elettronika ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi bil-għan li jingħata kuntratt pubbliku għall-estensjoni u l-modernizzazzjoni ta’ dan l-ajruport. Il-valur stmat tal-kuntratt, wara t-tnaqqis tal-VAT, kien ta’ RON 101232054 (madwar EUR 22800000). Il-kriterju tal-għoti kien dak tal-“offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament”.

19.

Erba’ operaturi ekonomiċi ssottomettew offerti. Skont ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti tat-28 ta’ Marzu 2014, l-offerta sottomessa mill-konsorzju ta’ SC Max Boegl România SRL (iktar ’il quddiem “Max Boegl”), SC UTI Grup SA u Astaldi SpA ġie ddikjarat mhux konformi. L-istess rapport indika li l-offerta sottomessa mill-konsorzju ta’ SC Construcţii Napoca SA (iktar ’il quddiem “Construcţii Napoca”), SC Aici Cluj SA u CS Icco Energ SRL ġiet ikklassifikata t-tieni.

20.

Fl-10 ta’ Lulju 2014, iċ-CNSC ċaħad bħala infondati l-kontestazzjonijiet li dawn iż-żewġ konsorzji ressqu kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti.

21.

Il-konsorzju li tiegħu Max Boegl hija membru u Construcţii Napoca appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell, Oradea). Fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2014, il-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell, Oradea) ġibdet l-attenzjoni tal-appellanti għar-rekwiżit ta’ depożitu ta’ garanzija ta’ kondotta tajba wara d-dħul fis-seħħ, fit-30 ta’ Ġunju 2014, tal-Artikoli 271a u 271b tal-OUG Nru 34/2006 ( 11 ). Il-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell, Oradea) issospendiet il-proċeduri quddiemha u talbet deċiżjoni preliminari dwar id-domanda li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1), (2) u (3) tad-[Direttiva 89/665] u tal-Artikolu 1(1), (2) u (3) tad-[Direttiva 92/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti għall-obbligu li tiġi ddepożitata minn qabel “garanzija ta’ kondotta tajba”, bħal dik irregolata bl-Artikolu 2711 u bl-Artikolu 2712 [tal-OUG Nru 34/2006]?”

22.

Fit-13 ta’ Novembru 2014, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad iż-żewġ kawżi għall-finijiet kemm tal-proċeduri bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. Star Storage, il-Gvern Grieg u l-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Max Boegl, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

23.

Il-valur tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-Kawża C‑439/14 huwa ogħla mil-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18 għal kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi. Id-Direttiva 89/665, għalhekk, tapplika għal dawn il-proċeduri ( 12 ). Bl-istess mod, il-valur tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-Kawża C‑488/14 jilħaq il-limiti massimi għal kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet kemm tal-Artikolu 7(c) tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll tal-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2004/17.

24.

Madankollu, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar il-kuntest ġuridiku rilevanti għall-proċeduri prinċipali fil-Kawża C‑488/14. Il-Gvern Rumen jissottometti li dawn huma rregolati biss mid-Direttiva 2004/18 u, b’estensjoni, mid-Direttiva 89/665. Il-Kummissjoni tissottometti li, peress li l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni tirrigwarda l-estensjoni u t-titjib ta’ faċilitajiet ta’ ajruporti, din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 ( 13 ) u hija, għalhekk, irregolata mid-Direttiva 92/13 ( 14 ).

25.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni biżżejjed dwar dan il-kuntratt sabiex tiddetermina jekk tapplikax id-Direttiva 89/66 jew id-Direttiva 92/13 għall-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt. Madankollu, dan ma joħloqx diffikultà f’dan il-kuntest. Minn naħa, huwa ċar mill-fatti fil-proċeduri prinċipali fil-Kawża C‑488/14 li d-domanda li l-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell, Oradea) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ipotetika sa fejn tirrigwarda d-Direttiva 92/13. Min-naħa l-oħra, l-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva essenzjalment jikkorrispondu mal-ewwel tliet paragrafi tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665. Iż-żewġ domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju huma, għalhekk, essenzjalment l-istess u għandhom jiġu indirizzati flimkien.

26.

Sussegwentement, l-impatt fuq il-proċeduri prinċipali tas-sentenzi tal-Curtea Constituțională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija) mogħtija fil-15 ta’ Jannar 2015 u fl-4 ta’ Novembru 2015 ma huwiex ċar. Fis-seduta, il-Gvern Rumen issottometta li l-qrati tar-rinviju issa ser ikollhom japplikaw is-sistema tranżitorja. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ipprovat tislet distinzjoni bejn iż-żewġ kawżi. Fil-Kawża C‑488/14, ir-rekwiżit għall-garanzija ta’ kondotta tajba tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti ser ikollha, għalhekk, tapplika s-sistema tranżitorja. Għall-kuntrarju, fil-Kawża C‑439/14, ir-rekwiżit tqajjem inizjalment fil-proċeduri quddiem iċ-CNSC – jiġifieri qabel ma kienu ngħataw is-sentenzi mill-qorti kostituzzjonali. Il-Kummissjoni, għalhekk, tissottometti li l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ser ikollha tapplika s-sistema oriġinali wara li tkun waslitilha r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jkunu rilevanti għall-eżitu tal-proċeduri prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha pjuttost tqis, skont it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest leġiżlattiv, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, li fih saritilha d-domanda preliminari ( 15 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt Komunitarju li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha ( 16 ). Minħabba li ma huwiex ċert jekk tapplikax is-sistema oriġinali jew is-sistema tranżitorja għall-proċeduri prinċipali fil-Kawża C‑439/14, ser neżaminahom it-tnejn f’dawn il-konklużjonijiet.

28.

Fl-aħħar nett, l-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika li, skont l-OUG Nru 34/2006, kontestazzjoni tista’ tinbeda jew quddiem iċ-CNSC (li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu sussegwentement jiġu appellati quddiem qorti tal-appell) jew direttament quddiem qorti. Minħabba li tkun meħtieġa garanzija ta’ kondotta tajba f’kull każ, dan ma jaffettwax ir-raġunament segwenti ( 17 ).

Il-metodoloġija tal-analiżi

29.

L-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva 89/665 u l-ewwel, it-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 92/13 jagħmluha ċara li dawn id-direttivi huma intiżi sabiex jissaħħu l-mekkaniżmi eżistenti, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Komunitarju, sabiex jiġi żgurat li direttivi relatati ma’ kuntratti pubbliċi japplikaw b’mod effettiv, partikolarment fi stadju meta jkun għadu possibbli jkun hemm rimedju għal ksur ( 18 ). F’dan is-sens, l-Artikolu 1(1) ta’ kull direttiva jitlob li l-Istati Membri jiggarantixxu li deċiżjonijiet illegali ta’ awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal reviżjoni effettiva li ssir kemm jista’ jkun malajr ( 19 ). Għandhom jiżguraw li tali reviżjoni tkun ġeneralment disponibbli għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li tkun ġarrbet jew tkun f’riskju li ġġarrab ħsara minħabba l-ksur allegat ( 20 ).

30.

Madankollu, dawn id-direttivi jistabbilixxu biss il-kundizzjonijiet minimi li l-proċeduri ta’ reviżjoni skont il-liġi nazzjonali għandhom jissodisfaw sabiex ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ( 21 ). Jekk il-qasam ma jkun irregolat minn ebda dispożizzjoni speċifika, ikun għal kull Stat Membru li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji li jirregolaw azzjonijiet għall-ħarsien ta’ drittijiet li individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Dawn ir-regoli ddettaljati ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet (il-prinċipju ta’ effettività) ( 22 ). Dan l-aħħar rekwiżit huwa essenzjali sabiex jinkiseb l-għan ewlieni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, jiġifieri li kuntratti pubbliċi jinfetħu għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha ( 23 ).

31.

Kif il-Kummissjoni tinnota, la d-Direttiva 89/665 u lanqas id-Direttiva 92/13 ma għandhom regoli dwar rekwiżiti finanzjarji li operaturi ekonomiċi għandhom jissodisfaw sabiex jiksbu aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti. Dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, għalhekk, jaqgħu fl-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. Ser neżamina d-domandi preliminari magħmula fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ( 24 ).

32.

Madankollu ż-żewġ direttivi jesprimu b’mod speċifiku, fil-qasam partikolari tal-kuntratti pubbliċi, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jinkludi d-dritt għal rimedju effettiv ( 25 ). Dan iqajjem żewġ kwistjonijiet relatati mill-qrib li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività.

33.

L-ewwel nett, jista’ dan il-prinċipju jkun limitat għall-verifika li rekwiżit proċedurali nazzjonali bħal dak inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal proċeduri ta’ reviżjoni stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 u tad-Direttiva 92/13? Jew huwa usa’ fis-sens li jeżiġi li kull regola nazzjonali li ddgħajjef dawn id-dispożizzjonijiet għandha titwarrab?

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat diversi drabi jekk regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw rimedji intiżi sabiex jipproteġu drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti li jkunu ġarrbu ħsara b’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti kinux jikkawżaw preġudizzju għall-effettività tad-Direttiva 89/665 ( 26 ). Madankollu, ma hemmx metodu uniformi fil-ġurisprudenza dwar kif dan l-eżami ta’ effettività jorbot mal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u mal-prinċipju ta’ effettività li jillimitaha ( 27 ). F’xi kawżi, l-eżami kkonċentra esklużivament fuq l-effettività tad-Direttiva 89/665, mingħajr ma sar riferiment għall-awtonomija proċedurali u għal-limitazzjonijiet tagħha ( 28 ). Kawżi oħra jissuġġerixxu li l-eżami ta’ effettività jissupplimenta l-eżami ta’ awtonomija proċedurali fejn ma jkunx hemm dispożizzjoni speċifika li tirregola l-qasam fid-Direttiva 89/665 ( 29 ). Xi drabi, il-kliem użat jindika li t-test ta’ effettività jagħmel parti mill-eżami ta’ awtonomija proċedurali (u jtih kontenut speċjali) ( 30 ).

35.

Fil-fehma tiegħi dak li fl-aħħar mill-aħħar huwa importanti huwa li jiġi żgurat li d-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil individwi jingħataw iktar, milli inqas, protezzjoni. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13 jesprimu b’mod speċifiku d-dritt għal rimedju effettiv. Għalhekk ma huwiex possibbli li l-analiżi tal-prinċipju ta’ effettività tkun limitata għal jekk rekwiżit proċedurali bħal dak inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali jistax irendi l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Għall-kuntrarju, f’dan il-kuntest speċifiku, l-eżami ta’ effettività ċertament għandu jinvolvi l-eżami ta’ jekk tali rekwiżit jistax idgħajjef id-dritt għal proċeduri ta’ reviżjoni effettiva li dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu.

36.

It-tieni nett, x’impatt għandu d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, fuq il-prinċipju ta’ effettività bħala limitazzjoni tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri?

37.

Regoli proċedurali bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali manifestament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13. Barra minn hekk, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv li dawn id-dispożizzjonijiet jesprimu speċifikament ikopri tali regoli ( 31 ). Għaldaqstant, l-Artikolu 47 tal-Karta japplika fil-proċeduri prinċipali ( 32 ) . L-għoti ta’ garanzija ta’ kondotta tajba hija kundizzjoni minn qabel sabiex jinkiseb eżami ta’ kull kontestazzjoni ( 33 ). Dan ir-rekwiżit, għalhekk, jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont it-tifsira tal-Artikolu 47 ( 34 ). Għaldaqstant, tali limitazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tkun prevista f’liġi, jekk hija tosserva l-qofol ta’ dan id-dritt u, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk tkun meħtieġa u ġenwinament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn ( 35 ). Dan l-eżami huwa simili għall-eżami li l-qorti ta’ Strasbourg tapplika meta teżamina jekk restrizzjonijiet finanzjarji għall-aċċess għal qrati jkunux kompatibbli mal-Artikolu 6(1) QEDB ( 36 ).

38.

Mill-ġdid, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma toffrix gwida ċara dwar dan ( 37 ). Kif naraha jiena, f’kawżi bħal dawn it-tnejn, jeħtieġ ikun hemm l-eżami stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex jitħares il-livell ta’ protezzjoni li l-Artikolu 47 tal-Karta jagħti lil individwi. L-applikazzjoni ta’ metodoloġija differenti jkollha l-effett sorprendenti (u fil-fehma tiegħi inaċċettabbli) li l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw dan l-eżami għar-raġuni biss li jkunu qegħdin jaġixxu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtonomija proċedurali tagħhom, f’qasam fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun esprima b’mod speċifiku d-dritt għal rimedju effettiv.

39.

F’dan li ġej, għalhekk, ser neżamina jekk regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, li jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, humiex konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. Madankollu, minħabba li l-Artikolu 1(1) u (3) kemm tad-Direttiva 89/665 kif ukoll tad-Direttiva 92/13 jirregolaw tali regoli u li dawn id-dispożizzjonijiet jesprimu, fil-qasam partikolari tal-kuntratti pubbliċi, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jiena ser nagħmel hekk abbażi tal-fatt li l-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li wieħed jitkixxef dwar jekk dawn ir-regoli nazzjonali, li jillimitaw dan id-dritt, jissodisfawx l-eżami ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Jekk ma jissodisfawhx huma jdgħajfu l-effettività tal-Artikolu 1(1) u (3) ta’ kull waħda miż-żewġ direttivi.

Is-sistema oriġinali

40.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 92/13 jesprimu b’mod speċifiku l-prinċipju ta’ ekwivalenza. Dan il-prinċipju jitlob li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika, mingħajr distinzjoni, għal azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom skop u kawżalità simili ( 38 ).

41.

Ma naqbilx ma’ Star Storage meta tikkontendi li regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali ma humiex kompatibbli ma’ dan il-prinċipju. Filwaqt li huwa minnu li dawn joħolqu piż finanzjarju speċifiku sabiex jinbdew proċeduri ta’ reviżjoni relatati ma’ kuntratti pubbliċi, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jeżiġix trattament ugwali ta’ regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal proċeduri ta’ natura differenti (bħal proċeduri ċivili, minn naħa, u proċeduri amministrattivi, min-naħa l-oħra), jew applikabbli għal proċeduri li jkunu ta’ żewġ oqsma differenti tad-dritt ( 39 ). Barra minn hekk, fis-seduta, il-Gvern Rumen ikkonferma li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali japplikaw għall-proċeduri kollha ta’ reviżjoni mibdija kontra deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti, kemm jekk regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi jirregolaw il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt jew le.

42.

Xi ngħidu dwar il-prinċipju ta’ effettività u l-eżami ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 52(1) tal-Karta?

43.

Ma huwiex ikkontestat li l-limitazzjoni li tirriżulta mill-Artikoli 271a u 271b tal-OUG Nru 34/2006 hija prevista mil-liġi.

44.

It-tieni kundizzjoni tal-eżami ta’ proporzjonalità hija li l-miżura għandha ssegwi għan leġittimu (jiġifieri għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn). Huwa minnu li l-garanzija ta’ kondotta tajba hija sors ta’ dħul finanzjarju għall-awtorità kontraenti meta din tal-aħħar iżżommha. Din il-garanzija ma sservix, għalhekk, sabiex tiġi ffinanzjata s-sistema ġudizzjarja ( 40 ). Minflok, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-garanzija ta’ kondotta tajba huma intiżi essenzjalment għall-protezzjoni ta’ awtoritajiet kontraenti, taċ-CNSC u tal-qrati minn kontestazzjonijiet frivoli li operaturi ekonomiċi (inklużi dawk li ma jkunux offerenti) jistgħu jibdew għal finijiet ħlief dawk li għalihom il-proċeduri ta’ reviżjoni kienu stabbiliti ( 41 ). Tali għan bla dubju huwa leġittimu ( 42 ). B’mod partikolari, in-nuqqas ta’ inkuraġġament għal kontestazzjonijiet frivoli jgħin lill-korpi responsabbli mir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti sabiex jikkonċentraw fuq kontestazzjonijiet “ġenwini”. Dan jista’ jikkontribwixxi sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun meta jiġi allegat li tali deċiżjonijiet jiksru l-liġi tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi ( 43 ).

45.

Id-domanda li jmiss hija jekk dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali jistgħux jiksbu dan l-għan.

46.

Kif juru dawn il-proċeduri ( 44 ), tali dispożizzjonijiet jistgħu joħolqu spejjeż sostanzjali għal operatur ekonomiku li jitlef il-kontestazzjoni tiegħu jew inkella jirrinunzja għaliha ( 45 ). Dawn l-ispejjeż jistgħu jilħqu l-ekwivalenti ta’ EUR 25000 għal kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi u EUR 100000 għal kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, flimkien mal-ispejjeż b’rabta mad-depożitu tal-garanzija ( 46 ). Fis-seduta, il-Gvern Rumen ikkonferma li, skont is-sistema oriġinali, ir-rikorrent jitlef l-ammont kollu tal-garanzija ta’ kondotta tajba minħabba li l-awtorità kontraenti kellha l-obbligu li żżommha. Iċ-CNSC jew il-qorti li jiddeċiedu l-kontestazzjoni ma għandhomx is-setgħa jordnaw lill-awtorità kontraenti żżomm biss parti mill-garanzija ta’ kondotta tajba, abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ.

47.

Fil-fehma tiegħi spejjeż ta’ dak il-kobor huma tali li jżommu lil dak li jkun milli jippreżenta kontestazzjonijiet frivoli minħabba li dawn tal-aħħar aktarx li, min-natura tagħhom, jiġu miċħuda u, għalhekk, iġibu magħhom b’mod awtomatiku t-telf kollu kemm hu tal-garanzija ta’ kondotta tajba u l-ispejjeż relatati ( 47 ). Il-fatt li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-kawża Orizzonte Salute ( 48 ), impriżi li jkunu jixtiequ jieħdu sehem f’kuntratti pubbliċi skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi jkun jeħtiġilhom ikollhom kapaċità ekonomika u finanzjarja xierqa ma jixħetx dubju fuq din il-konklużjoni. L-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali japplikaw għall-operaturi ekonomiċi kollha li jikkontestaw deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti u, għalhekk, mhux biss għal offerenti. Sussegwentement, ir-rekwiżit li huma għandhom ikollhom kapaċità ekonomika u finanzjarja ma huwiex assolut. L-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi li operatur ekonomiku jista’ joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura tar-rabtiet li huwa jkollu magħhom, sabiex jistabbilixxi din il-kapaċità ( 49 ). Għaldaqstant parti ma għandhiex tiġi eliminata minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku sempliċement minħabba li tipproponi, sabiex twettaq il-kuntratt, li tuża riżorsi li ma jkunux tagħha stess iżda jkunu ta’ entità waħda jew iktar distinti minnha ( 50 ). Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja fil-kawża Orizzonte Salute kienet saret b’rabta ma’ limitazzjonijiet finanzjarji tal-aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni ħafna iżgħar minn dawk inkwistjoni f’dawn iż-żewġ kawżi ( 51 ).

48.

Il-parti finali tal-eżami ta’ proporzjonalità hija li l-miżuri inkwistjoni ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom ( 52 ). Meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, l-Istat Membru għandu jirrikorri għal dik l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet imfittxija ( 53 ).

49.

Skont is-sistema oriġinali, ir-rikorrent jitlef awtomatikament il-garanzija ta’ kondotta tajba meta l-kontestazzjoni tiegħu tiġi miċħuda jew meta huwa jirrinunzja għaliha. Dan huwa minnu wkoll meta ma jkunx hemm elementi b’implikazzjoni ta’ abbuż tal-proċedura ta’ reviżjoni (pereżempju minħabba li l-kontestazzjoni tkun manifestament infondata, jew tkun ġiet ippreżentata għall-finijiet biss li ddewwem il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt). Għal raġunijiet simili għal dawk li jiena ddeskrivejt iktar ’il fuq ( 54 ), is-sistema oriġinali, għalhekk, tostakola b’mod sinjifikattiv l-aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti għal persuni li (anki jekk il-kontestazzjoni tagħhom fl-aħħar mill-aħħar tfalli) ikollhom “pretensjonijiet fondati” ( 55 ). Għaldaqstant, hija tista’ tiskuraġġixxi parti sostanzjali ta’ litiganti potenzjali milli jippreżentaw kontestazzjoni jekk ma jkunux raġonevolment ċerti li għandha tirnexxi. Eżempji ta’ tali ċirkustanzi jinkludu, fl-opinjoni tiegħi, il-każ meta ma jkunx hemm ġurisprudenza stabbilita dwar il-punt inkwistjoni jew meta l-kontestazzjoni tipprova tikkontesta evalwazzjoni tal-awtorità kontraenti li għaliha din tal-aħħar tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni.

50.

Jidhirli li dan l-effett ħażin (u l-ostakolu sinjifikattiv għad-dritt għal rimedju effettiv) seta’ jiġi evitat mingħajr ma jiddgħajjef l-għan li jiġu skuraġġuti kontestazzjonijiet frivoli. Meta kontestazzjoni tiġi miċħuda jew irtirata, iċ-CNSC jew il-qorti kompetenti setgħu, pereżempju, ingħataw il-possibbiltà li jaċċertaw jekk din il-kontestazzjoni tkunx frivola jew le, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ( 56 ) u, b’riżultat ta’ dan, jiddeċiedu jekk kienx iġġustifikat li tinżamm il-garanzija ta’ kondotta tajba (kollha jew parti minnha).

51.

Naqbel, għalhekk, ma’ Star Storage, Max Boegl u mal-Kummissjoni li s-sistema oriġinali tinvolvi limitazzjoni sproporzjonata tad-dritt għal rimedju effettiv protett mill-Artikolu 47 tal-Karta u, għalhekk, iddgħajjef l-effettività tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 u tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 92/13. Din is-sistema tolqot ukoll il-qofol ta’ dan id-dritt minħabba li tista’ fil-prattika ċċaħħad operaturi ekonomiċi li jkollhom jew li kellhom interess jiksbu kuntratt partikolari milli jkollhom aċċess għal rimedju kontra deċiżjonijiet allegatament illegali ta’ awtoritajiet kontraenti.

52.

Għal dawn ir-raġunijiet nikkonkludi li l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 u Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 92/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, li teżiġi li rikorrent jiddepożita “garanzija ta’ kondotta tajba” sabiex jikseb aċċess għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li tipprevedi li l-awtorità kontraenti għandha żżomm din il-garanzija jekk il-kontestazzjoni tiġi miċħuda jew irtirata, irrispettivament minn jekk il-kontestazzjoni tkunx frivola jew le.

Is-sistema tranżitorja

53.

Ngħaddi issa għas-sistema tranżitorja, li hija differenti mis-sistema oriġinali fis-sens li r-rikorrent jieħu lura l-garanzija ta’ kondotta tajba irrispettivament mir-riżultat tal-kontestazzjoni.

54.

Ir-raġunament dwar l-ekwivalenza li żviluppajt iktar ’il fuq japplika bl-istess mod għal dan il-każ ( 57 ).

55.

Fir-rigward tal-effettività, huwa manifest li rekwiżit proċedurali bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 271a(1) tal-OUG Nru 34/2006 neċessarjament jillimita minnu nnifsu d-dritt ta’ aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti. Dan ir-rekwiżit huwa kondizzjoni minn qabel għall-eżami tal-merti ta’ kontestazzjoni ( 58 ). Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrent jieħu lura l-garanzija ta’ kondotta tajba fi tmiem il-kontestazzjoni tiegħu, id-depożitu tagħha neċessarjament jinvolvi piż finanzjarju għalih. Għalhekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 271a(3) tal-OUG Nru 34/2006 tiddeskrivi żewġ metodi sabiex tiġi pprovduta l-garanzija ta’ kondotta tajba. Jekk ir-rikorrent jagħmel trasferiment bankarju, jiġi miċħud lilu l-użu ta’ somma potenzjalment sinjifikattiva għall-perijodu kollu mid-data li fiha tinbeda l-kontestazzjoni sad-data li fiha d-deċiżjoni taċ-CNSC jew is-sentenza tal-qorti kompetenti ssir finali. B’hekk ir-rikorrent ibati l-ispiża ta’ opportunità relatata mill-fatt li ma jkunx jista’ juża dawk il-fondi għal finijiet oħra. Jekk ir-rikorrent jagħżel, minflok, strument ta’ garanzija pprovdut minn bank jew minn kumpannija ta’ assigurazzjoni, huwa jkollu jħallas l-ispejjeż relatati ma’ dak l-istrument ( 59 ).

56.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa ċar li tali rekwiżit proċedurali ma jipproteġix l-awtoritajiet kontraenti b’mod adegwat minn kontestazzjonijiet frivoli. Skont is-sistema tranżitorja, l-awtorità kontraenti għandha tħallas lura l-garanzija ta’ kondotta tajba lir-rikorrent fi żmien ħamest ijiem wara d-data li fiha d-deċiżjoni taċ-CNSC jew is-sentenza tkun saret finali, anki meta r-rikorrent manifestament ikun abbuża mid-dritt tiegħu għal aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni. Għaldaqstant, l-ispejjeż li s-sistema tranżitorja tinvolvi jistgħu ma jiskuraġġux operatur ekonomiku milli jippreżenta kontestazzjoni għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom huma previsti l-proċeduri ta’ reviżjoni – pereżempju, meta ssir ħsara lil kompetitur. Madankollu huma jistgħu jkunu ta’ ostakolu għal operatur ekonomiku bi pretensjoni fondata iżda b’mezzi limitati.

57.

Fl-aħħar nett, is-sistema tranżitorja – bħas-sistema oriġinali – ma tagħmilx distinzjoni bejn pretensjonijiet fondati u dawk frivoli. Għal din ir-raġuni, il-limitazzjoni tal-aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni li hija tinvolvi tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan li tiddisswadi kontestazzjonijiet frivoli.

58.

Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 92/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħas-sistema tranżitorja, li teżiġi li rikorrent jiddepożita “garanzija ta’ kondotta tajba” sabiex jikseb aċċess għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti u li tipprevedi li dan ir-rikorrent awtomatikament jieħu lura l-garanzija fi tmiem il-kontestazzjoni, irrispettivament mill-eżitu.

Konklużjoni

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Bucureşti (qorti tal-appell, Bukarest, ir-Rumanija) u mill-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell, Oradea, ir-Rumanija) kif ġej:

L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata, u l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, li teżiġi li rikorrent jiddepożita “garanzija ta’ kondotta tajba” sabiex jikseb aċċess għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti relatati mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li tipprevedi li l-awtorità kontraenti għandha żżomm din il-garanzija jekk il-kontestazzjoni tiġi miċħuda jew irtirata, irrispettivament minn jekk il-kontestazzjoni tkunx frivola jew le.

L-istess dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li rikorrent jiddepożita “garanzija ta’ kondotta tajba” sabiex jikseb aċċess għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorità kontraenti u li tipprevedi li dan ir-rikorrent awtomatikament jieħu lura l-garanzija fi tmiem il-kontestazzjoni, irrispettivament mill-eżitu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31).

( 3 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315).

( 5 ) Ħlief li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13 jagħmel riferiment għad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19) u mhux għad-Direttiva 2004/18.

( 6 ) F’dan li ġej jiena ser inkun qiegħda nagħmel riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet bħala s-“sistema oriġinali”.

( 7 ) L-Artikolu 55(2)(a) u (b) tal-OUG Nru 34/2006 jirrigwarda kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizz.

( 8 ) L-Artikolu 55(2)(c) tal-OUG Nru 34/2006 jirrigwarda kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet.

( 9 ) Il-bqija tad-dispożizzjonijiet (kif nifhimha jiena) huma magħmula essenzjalment mill-Artikolu 271a bl-eċċezzjoni tar-rekwiżit ta’ ħlas mingħajr ebda kundizzjoni fil-paragrafu 5 tiegħu, u mill-Artikolu 271b(3) sa (5) tal-OUG Nru 34/2006. F’dawn il-konklużjonijiet jiena nagħmel riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet bħala s-“sistema tranżitorja” u niddistingwiha kemm mis-“sistema oriġinali”, kif ukoll mis-sistema l-ġdida li, kif indika l-Gvern Rumen fis-seduta, il-leġiżlatur Rumen jipprospetta li jadottaha xi darba fil-ġejjieni.

( 10 ) L-ammont tal-garanzija dovuta kien l-ekwivalenti f’RON ta’ EUR 25000.

( 11 ) Mill-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont ta’ kull garanzija ta’ kondotta tajba meħtieġ fil-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali kien l-ekwivalenti f’RON ta’ EUR 100000.

( 12 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665.

( 13 ) Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/17.

( 14 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13.

( 15 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 271a(1) u 271b(1) u (5) tal-OUG Nru 34/2006.

( 18 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Alcatel Austria et (C‑81/98, EU:C:1999:534, punt 33); tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C‑315/01, EU:C:2003:360, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 26).

( 19 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, Hackermüller (C‑249/01, EU:C:2003:359, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), u GAT (C‑315/01, EU:C:2003:360, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C‑166/14, EU:C:2015:779, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Strabag et (C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, EvoBus Austria (C‑111/97, EU:C:1998:434, punt 16).

( 22 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C‑13/01, EU:C:2003:447, punt 49), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 3334).

( 24 ) Ara l-punti 40 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits [C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punt 28]. L-oriġini ta’ dik il-motivazzjoni jmorru lura għas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punti 1819).

( 26 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C‑470/99, EU:C:2002:746, punti 7172); tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45, punt 27); u tat-30 ta’ Settembru 2010, Strabag et (C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 34).

( 27 ) Dan in-nuqqas ta’ uniformità jagħmilha diffiċli li jiġi previst liema metodoloġija l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ser issegwi f’kull każ partikolari. Ara Prechal, S., Widdershoven, R., “Redefining the Relationship between ‘Rewe-effectiveness’ and Effective Judicial Protection”, 4 Review of European Administrative Law (2011), p. 39.

( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C‑470/99, EU:C:2002:746, punt 71), u tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK) (C‑406/08, EU:C:2010:45, punti 26 sa 28).

( 29 ) Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2010, Strabag et (C‑314/09, EU:C:2010:567, punt 34), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punti 475072).

( 30 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166, punti 40 – ara speċjalment il-kliem introduttorju: “B’mod partikolari,…” – u 41. Fis-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra, EU:C:2008:223, punti 4748), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżiġenzi ta’ ekwivalenza u effettività kienu jesprimu l-obbligu ġenerali li l-Istati Membri għandhom jassiguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tal-liġi Komunitarja. L-istess formula ttenniet fid-digriet tal-24 ta’ April 2009, Koukou (C‑519/08, EU:C:2009:269, punt 98). Il-Qorti tal-Ġustizzja assimilat, bl-istess mod, il-prinċipju ta’ effettività bħala limitazzjoni għall-awtonomija proċedurali mad-dritt għal rimedju effettiv li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, Ġabra, EU:C:2015:656, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 49). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall (C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 51). Sa fejn japplika għall-Istati Membri, l-Artikolu 47 tal-Karta jixbah it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u jippreċiża l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Dwar dan l-aħħar punt ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 37).

( 33 ) Artikolu 271a(2) tal-OUG Nru 34/2006.

( 34 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:307, punt 37). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“qorti ta’ Strasbourg”) tqis tariffa tal-qorti jew garanzija għall-spejjeż bħala limitazzjoni, bħala prinċipju, għad-dritt ta’ aċċess għal qorti kif protett mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jekk il-ħlas ikun kundizzjoni minn qabel għall-eżami tal-kawża. Ara, inter alia, is-sentenzi tal-qorti ta’ Strasbourg tat-13 ta’ Lulju 1995, Tolstoy Miloslavski vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1992:0220DEC00181399), § 59 sa 67; tal-4 ta’ Mejju 2006, Weissman et vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2006:0524JUD006394500), § 32 à 44, u tat-12 ta’ Lulju 2007, Stankov vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2007:0712JUD006849001), § 53.

( 35 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis (C‑562/12, Ġabra, EU:C:2014:2229, punt 72), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:157, punt 80).

( 36 ) Il-qorti ta’ Strasbourg għamlitha ċara li, filwaqt li l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilhom jimponu tali restrizzjonijiet, dawn ir-restrizzjonijiet ma għandhomx jirrestrinġu jew inaqqsu l-aċċess għal qorti b’tali mod li l-qofol veru tad-dritt jiddgħajjef, għandhom isegwu għan leġittimu u għandu jkun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-qorti ta’ Strasbourg tat-13 ta’ Lulju 1995, Tolstoy‑Miloslavsky vs Ir‑Renju Unit, tal-QEDB (CE:ECHR:1992:0220DEC00181399), §§ 59 sa 67, u tad-19 ta’ Ġunju 2001, Kreuz vs Il Polonja (CE:ECHR:2001:0619JUD002824995), §§ 54 u 55 [iċċitata fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 47). Ara wkoll is-sentenza tal-qorti ta’ Strasbourg tal-14 ta’ Diċembru 2006, Markovic et vs L‑Italja (CE:ECHR:2006:1214JUD000139803), § 99.

( 37 ) Fis-sentenza Orizzonte Salute, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu hija llimitat ruħha, fl-analiżi tagħha tal-prinċipju ta’ effettività, għall-verifika li s-sistema ta’ tariffi tal-qorti inkwistjoni f’dik il-kawża ma setgħetx trendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Salute, C‑61/14, EU:C:2015:655, punti 4972). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx eżami ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Kuntrarjament għal dan, f’kawżi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-eżami ta’ proporzjonalità sabiex tevalwa limitazzjonijiet għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punti 61 sa 66), u tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punti 84 sa 88).

( 38 ) Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Surgicare (C‑662/13, EU:C:2015:89, punt 30).

( 39 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Dan jiddistingwi l-garanzija ta’ kondotta tajba mit-tariffi tal-qorti inkwistjoni fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655).

( 41 ) Skont l-introduzzjoni tal-OUG Nru 51/2014, kontestazzjonijiet li jkunu manifestament infondati jew li jkollhom biss l-għan li jdewmu proċeduri għandhom diversi konsegwenzi ta’ ħsara. B’hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jitilfu fondi esterni (inklużi tal-Unjoni) minħabba dewmien mhux normali fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u ma jkunux jistgħu jwettqu proġetti importanti ta’ interess pubbliku. Barra minn dan, kontestazzjonijiet frivoli jgħabbu żżejjed lil persunal involut fid-difiża ta’ awtoritajiet kontraenti quddiem iċ-CNSC jew quddiem qrati u b’mod iktar ġenerali jdgħajfu l-effiċjenza taċ-CNSC.

( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punti 7374). Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-qorti ta’ Strasbourg. Ara, inter alia, is-sentenzi tal-qorti ta’ Strasbourg tat-12 ta’ Lulju 2007, Stankov vs Il‑Bulgaria (CE:ECHR:2007:0712JUD006849001), § 57, u tat-3 ta’ Ġunju 2014, Harrison McKee vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2014:0603JUD002284007), § 27.

( 43 ) It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 u tad-Direttiva 92/13.

( 44 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 10 u 11.

( 45 ) Ħlief meta l-awtorità kontraenti ma għandhiex iżżomm il-garanzija ta’ kondotta tajba skont l-Artikolu 271b(3).

( 46 ) Ara l-punt 55 iktar ’il quddiem.

( 47 ) Dan huwa minnu iktar għal offerenti li jkun jeħtiġilhom, minbarra dan, li jiddepożitaw garanzija ta’ aġġudikazzjoni sa 2 % tal-valur stmat tal-kuntratt (Artikolu 43a tal-OUG Nru 34/2006). Għalkemm il-Gvern Rumen issottometta fis-seduta li ż-żewġ garanziji jaqdu għanijiet differenti, jibqa’ l-fatt li offerent jista’ jitlifhom it-tnejn matul proċedura waħda ta’ għoti ta’ kuntratt.

( 48 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 64).

( 49 ) Ara wkoll l-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, p. 65).

( 50 ) Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (C‑176/98, EU:C:1999:593, punt 26; tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom (C‑314/01, EU:C:2004:159, punt 43), u tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino (C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 32).

( 51 ) It-tariffi standard tal-qorti eżaminati f’dik il-kawża kienu fl-ammont ta’ EUR 2000, EUR 4000 jew EUR 6000 skont il-valur tal-kuntratt pubbliku.

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 74).

( 53 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Léger (C‑528/13, EU:C:2015:288, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Qiegħed nissellef din l-espressjoni mill-ġurisprudenza tal-qorti ta’ Strasbourg, li skontha l-għan tal-Artikolu 13 tal-KEDB huwa li jiġi ggarantit rimedju effettiv għal “pretensjonijiet fondati”. Ara, inter alia, is-sentenza tal-qorti ta’ Strasbourg tat-23 ta’ Ġunju 2011, Diallo vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2011:0623JUD002049307), § 56.

( 56 ) Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jinkludu l-kwistjoni dwar jekk hemmx ġurisprudenza stabbilita dwar punt partikolari ta’ dritt, jekk il-kontestazzjoni ttennix biss waħda preċedenti jew jekk din tkunx ibbażata sempliċement fuq qari ħażin tal-miżura kkontestata jew fuq premessa fattwali manifestament żbaljata.

( 57 ) Ara l-punti 40 u 41 iktar ’il fuq.

( 58 ) Artikolu 271a(2) tal-OUG Nru 34/2006.

( 59 ) Ma huwiex ċar jekk ir-rikorrent jingħatax rimbors ta’ dawn l-ispejjeż mill-awtorità kontraenti meta ċ-CNSC jew il-qorti jilqgħu l-kontestazzjoni. Anki jekk dan ikun il-każ, ir-rikorrent li jirbaħ il-kawża xorta waħda jkun ġarrab l-ispejjeż inizjali sabiex jikseb aċċess għall-proċedura ta’ reviżjoni. Għalhekk ir-rekwiżit li tiġi pprovduta garanzija xorta waħda jkun ikkostitwixxa ostakolu għal aċċess.