KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-15 ta’ Ottubru 2015 ( 1 )

Kawża C‑431/14 P

Ir-Repubblika Ellenika

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l‑2008 u l-2009 — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Għajnuna mill-Istat li tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Qafas Komunitarju temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika”

1. 

Bl-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 2 ), li fiha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/157/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2011, dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l‑2008 u l-2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 3 ).

Il-kuntest ġuridiku

TFUE

2.

L-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi li, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

3.

Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna maħsuba b’mod partikolari sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

Qafas Komunitarju temporanju għal miżuri ta ’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika

4.

Fit-22 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni dwar Qafas Komunitarju temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (iktar ’il quddiem il-“QKT”) ( 4 ). Din il-komunikazzjoni nnotat b’mod partikolari li din il-kriżi globali kienet tirrikjedi reazzjonijiet eċċezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, li jmorru lil hinn mis-sostenn ta’ emerġenza mogħti lis-sistema finanzjarja ( 5 ). Fid-dawl tas-serjetà tal-kriżi finanzjarja attwali u tal-impatt tagħha fuq l-ekonomija globali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni qieset għalhekk li xi kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat kienu ġġustifikati, għal perijodu limitat, biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu u li dawn jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ dak li minn dakinhar sar l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

5.

Filwaqt li ħabbret li kienet qiegħda tawtorizza b’mod temporanju u taħt ċerti kundizzjonijiet l-għoti ta’ għajnuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni speċifikat li din l-awtorizzazzjoni ma kinitx tikkonċerna l-iskemi ta’ għajnuna favur impriżi speċjalizzati fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli ( 6 ).

6.

Fil-punt 7 tal-QKT, il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat is-segwenti:

“Il-Kummissjoni se tapplika din il-Komunikazzjoni [mis-17 ta’ Diċembru 2008, data li fiha hija adottat il-kontenut tagħha fil-prinċipju, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u finanzjarju li kien jeħtieġ azzjoni immedjata]. Din il-Komunikazzjoni hija ġustifikata mill-problemi eċċezzjonali u tranżitorji attwali ta’ finanzjament konnessi mal-kriżi bankarja u ma tiġix applikata wara l-31 ta’ Diċembru 2010. Wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tirrevediha qabel dik id-data fuq il-bażi ta’ konsiderazzjonijiet ekonomiċi importanti jew konsiderazzjonijiet ta’ politika tal-kompetizzjoni. […]

[…]

Skond l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li mhix skond il-liġi [ ( 7 )], il-Kummissjoni se tapplika dan li ġej fil-każ ta’ għajnuna mhix notifikata:

a)

din il-Komunikazzjoni, jekk l-għajnuna ngħatat wara is‑17 ta’ Diċembru 2008;

[…]”

7.

Il-Kummissjoni emendat il-QKT permezz ta’ komunikazzjoni ppubblikata fil-31 ta’ Ottubru 2009 ( 8 ). Skont il-punt 1 ta’ din il-komunikazzjoni:

“[…]

Il-possibbiltà skont il-punt 4.2 [tal-QKT] li jingħata ammont limitat kompatibbli ta’ għajnuna ma japplikax għall-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli. Il-bdiewa, madankollu, iltaqgħu ma’ diffikultajiet akbar biex jiksbu l-kreditu bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja.

[…] [J]ixraq li jiġi introdott ammont limitat kompatibbli separat għall-għajnuna lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli.”

8.

Il-paragrafu 3(h) tal-punt 4.2.2 tal-QKT, kif emendat minn din il-komunikazzjoni, jiddisponi dan li ġej:

“Il-Kummissjoni se tqis għajnuna mill-Istat bħal din kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu [107](3)(b) tat-[TFUE] sakemm l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

[…]

h)

“l-iskema tal-għajnuna tapplika kif inhi għal dawk l-impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli […], sakemm l-għajnuna tkun kundizzjonali fuq li tingħadda parzjalment jew kollha lill-produtturi primarji. Meta l-għajnuna tingħata lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli […], l-għotja ta’ flus (jew l-ekwivalenti gross tal-għotja) ma taqbiżx EUR 15000 l-impriża […]”

9.

Din l-emenda tal-QKT saret effettiva mit-28 ta’ Ottubru 2009.

Id-dritt Grieg

10.

Il-Liġi Nru 1790/1998 stabbilixxiet organu ta’ interess pubbliku msejjaħ “Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola” (ELGA). L-ELGA, li hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li tappartjeni kollha kemm hi għall-Istat, għandha l-għan b’mod partikolari li tiżgura l-produzzjoni veġetali u tal-annimali kif ukoll il-kapital veġetali u l-kapital tal-annimali tal-operaturi agrikoli mid-danni li jirriżultaw minn riskji naturali.

11.

B’konformità mal-Artikolu 3a tal-Liġi Nru 1790/1988, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża, l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-ELGA hija obbligatorja u tkopri riskji naturali bħal għargħar u nixfa. Għal dan l-għan, l-Artikolu 5a jimponi kontribuzzjoni speċjali tal-assigurazzjoni favur l-ELGA li għandha titħallas mill-produtturi ta’ prodotti agrikoli li jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ assigurazzjoni. Ir-rata ta’ din il-kontribuzzjoni, li d-dħul minnha jidħol fil-baġit tal-Istat, tvarja skont jekk l-assigurazzjoni tkoprix prodott li joriġina minn annimali jew prodott veġetali.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

12.

Fit-30 ta’ Jannar 2009, il-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi u l-Ministru tal-Iżvilupp Rurali u tal-Alimentazzjoni adottaw id-Digriet Interministerjali Nru 262037 dwar il-kumpens b’mod eċċezzjonali minħabba danni għall-produzzjoni agrikola (iktar ’il quddiem id-“Digriet Interministerjali”). Id-Digriet Interministerjali kien jipprevedi li kumpens, f’ammont ta’ EUR 425 miljun, kellhom jitħallsu b’mod eċċezzjonali mill-ELGA minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni ta’ ċerti wċuħ tar-raba’ li seħħ matul is-sena ta’ tkabbir 2008, dovut għal kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena. L-ispejjeż magħmula b’applikazzjoni tiegħu fuq il-baġit tal-ELGA kienu ġew iffinanzjati permezz ta’ self minn din l-organizzazzjoni mingħand xi banek, bil-garanzija tal-Istat.

13.

B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2009, mibgħuta b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ellenika informat lil din tal-aħħar li l-ELGA barra minn hekk kienet ħallset ukoll kumpens lill-bdiewa fl-2008 għal danni koperti mill-assigurazzjoni, f’ammont ta’ EUR 386986648. Dan l-ammont kien parzjalment provenjenti mill-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi u parzjalment mid-dħul miksub permezz ta’ self ta’ EUR 444 miljun li l-ELGA kisbet mingħand bank bil-garanzija tal-Istat.

14.

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2010 ( 9 ), il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, fil-Kawża C 3/10 (ex NN 39/09), dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-ELGA matul is-snin 2008 u 2009.

15.

Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li b’mod partikolari tiddisponi kif ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-kumpens imħallsa mill-[ELGA] lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli matul is-snin 2008 u l-2009 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

2.   Il-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija fl-2008 taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni speċjali obbligatorja huma kompatibbli mas-suq intern f’dak li jirrigwarda għajnuna sa EUR 349493652,03 li l-ELGA tat lill-produtturi sabiex tpatti għal telf fil-produzzjoni tal-ħxejjex tagħhom kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-għajnuna relatata mat-telf fil-produzzjoni tal-ħxejjex minħabba l-ors sa EUR 91500 u ma’ azzjonijiet korrettivi li ttieħdu fil-kuntest tal-għajnuna msemmija hawn fuq. Il-ħlas ta’ kumpens li jikkorrispondi għall-ammont li jifdal u li tħallas fl-2008 taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni speċjali, huwa inkompatibbli mas-suq intern.

3.   Il-ħlas ta’ kumpens f’ammont ta’ EUR 27614905 li [ngħata] fl-2009 skont id-[Digriet Interministerjali] [huwa] kompatibbli mas-suq intern.

Il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 387404547, li [ngħata] lill-produtturi f’dati qabel dik tat-28 ta’ Ottubru 2009 [ma huwiex] kompatibbli mas-suq intern. Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-għajnuna li, meta ngħatat, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament [tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal‑20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli (107 u 108 TFUE) għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35)].

Artikolu 2

1.   [Ir-Repubblika Ellenika] għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tirkupra, mingħand il-benefiċjarji tagħha, l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 u li diġà tqiegħdet illegalment għad-dispożizzjoni tagħhom.

[…]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Frar 2012, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika Ellenika ressqet, abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, talba għal miżuri provviżorji, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni ( 10 ), ġiet ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tordna lir-Repubblika Ellenika biex tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji tagħha.

17.

Ir-Repubblika Ellenika invokat seba’ motivi biex tappoġġa r-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u t-talbiet tal-partijiet

18.

Bl-appell tagħha, ippreżentat b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19.

Ir-Repubblika Ellenika tinvoka tliet aggravji insostenn ta’ din it-talba. L-ewwel wieħed, li huwa bbażat essenzjalment fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żnaturament tal-provi, huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel waħda, ir-Repubblika Ellenika takkuża lill-Qorti Ġenerali li kklassifikat bħala “riżorsi tal-Istat” il-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa fl-2008 u l-2009 mill-bdiewa li kienu bbenefikaw mill-ħlasijiet ta’ kumpens matul dawn is-snin. Fit-tieni parti, tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammonti korrispondenti għal dawn il-kontribuzzjonijiet kellhom jitnaqqsu mill-għajnuna li kellha tiġi rkuprata, ladarba dawn l-ammonti ma setgħux jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-bdiewa kkonċernati li x’aktarx jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni lill-bdiewa kkonċernati. Bit-tieni aggravju tagħha, li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-Repubblika Ellenika essenzjalment takkuża lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-ħlasijiet ta’ kumpens magħmula mill-ELGA fl‑2009 kienu taw lill‑benefiċjarji tagħhom vantaġġ ekonomiku selettiv li jista’ jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u li b’hekk kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Is-sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ kriżi li kienet qed tesperjenza l-ekonomija Griega f’dak iż-żmien kienet tostakola tali konklużjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Fl-ewwel parti, ir-Repubblika Ellenika takkuża lill-Qorti Ġenerali li qieset li l-ħlasijiet ikkontestati magħmula fl-2009 ma setgħux jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn l-iskema li tagħmel l-għajnuna mill-Istat inqas stretta prevista mill-QKT ma tapplikax għall-għajnuna mogħtija lil impriżi speċjalizzati fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ kriżi mfakkra iktar ’il fuq. Fit-tieni parti, hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument tagħha li skontu d-deċiżjoni kkontestata kienet eċċessiva fis-sens li kienet tordna, f’Diċembru 2011, l-irkupru tal-ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-ELGA matul is-snin 2008 u 2009, għalkemm din il-kriżi sadanittant kienet aggravat.

20.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala inammissibbli jew bħala infondat kif ukoll biex tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

21.

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika Ellenika ressqet talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE intiża, b’mod partikolari, biex il-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sakemm tiddeċiedi dwar l-appell tagħha. Il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba għal miżuri provviżorji minħabba li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni b’rabta mal-fumus boni juris ( 11 ).

22.

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ellenika, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala Awla Manja.

23.

Waqt il-laqgħa ġenerali tagħha tat-30 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja l-kawża lill-Awla Manja b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, hija qieset li l-kawża la kienet teħtieġ seduta u lanqas il-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet.

24.

Waqt l-ewwel deliberazzjoni tagħha, l-Awla Manja madankollu qieset li t-trattament tal-ewwel parti tat-tielet aggravju kien jiġġustifika seduta u l-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet. Waqt il-laqgħa ġenerali tagħha tat‑2 ta’ Settembru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja konsegwentement iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u stiednet lill-partijiet jiffokaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq din il-parti.

25.

Ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fis-6 ta’ Ottubru 2015.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

26.

Jien ser nillimita ruħi sabiex neżamina l-ewwel parti tat-tielet aggravju. Kif fakkart iktar ’il fuq, fil-fatt hija biss din il-parti tal-argument tar-Repubblika Ellenika li wasslet lill-Awla Manja sabiex tqis, minkejja d-direzzjoni li ħadet inizjalment fil-laqgħa ġenerali tat‑30 ta’ Ġunju 2015, li din il-kawża kienet teħtieġ seduta u l-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet.

27.

L-ewwel nett, nixtieq nenfasizza li dawn il-konklużjonijiet għandhom biss l-għan li jeżaminaw l-ammissibbiltà u l-fondatezza ta’ dan l-argument, li essenzjalment huwa dwar il-prinċipju nnifsu tal-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, indipendentement mill-kundizzjonijiet previsti mill-QKT. Dan l-eżami tad-dritt bl-ebda mod ma jimplika li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ekonomika sottostanti. B’hekk, ser noqgħod lura milli nikkonferma jew niċħad id-diffikultajiet li kien għaddej minnhom is-settur agrikolu fil-Greċja mill‑2008 jew milli nqis il-portata tagħhom ( 12 ).

Eżami tal-ewwel parti tat-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

28.

Skont ir-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma kkonstatatx li l-ħlasijiet ikkontestati magħmula mill-ELGA fl-2009 kienu kompatibbli mas-suq intern direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Il-kriżi li kienet qed tiffaċċja dak iż-żmien kienet ħolqot taħwid serju tal-ekonomija tagħha fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li kien jiġġustifika l-għoti tal-għajnuna lill-impriżi tas-settur agrikolu. L-esklużjoni ta’ tali għajnuna mill-iskema li tirrendi l-għajnuna inqas stretta, prevista mill-QKT qabel l-emenda tiegħu f’Ottubru 2009 ma għandhiex importanza. Iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi li kienu qed jaffettwaw lill-ekonomija Griega meta ngħatat din l-għajnuna fil-fatt kienu differenti mis-sitwazzjoni finanzjarja fil-livell globali li kienet iġġustifikat l-adozzjoni ta’ din il-komunikazzjoni.

29.

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti tal-argument tar-Repubblika Ellenika hija inammissibbli. Minn naħa, dan l-ilment għandu l-għan li jqajjem dubji dwar l‑evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-argument ippreżentat għal dan l-għan kien tardiv ladarba r-Repubblika Ellenika, fl-ewwel istanza, ma wrietx iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi li qed tinvoka fl-appell tagħha. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-fondatezza tal-ewwel parti tat-tielet aggravju.

Evalwazzjoni

30.

L-argument tal-Kummissjoni ma jistax jiġi segwit meta hija tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tielet aggravju.

31.

Huwa minnu li, b’konformità mal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex tevalwa l-provi, peress li l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 13 ).

32.

L-ewwel parti tat-tielet aggravju madankollu ma għandhiex l-għan li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ twettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika dwar il-kriżi ekonomika li kienet għaddejja minnha fl-2009. B’dan l-aspett tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika tesponi biss l-iżball ta’ liġi li allegatament twettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, billi tqis li din id-dispożizzjoni ma setgħetx tiġi applikata direttament u b’mod indipendenti mill-QKT.

33.

Ma ninsabx iktar konvinta bir-raġunament tal-Kummissjoni, li skontu dan l-argument jinvoka b’manjiera tardiva fatti li ma ġewx żvelati quddiem l-ewwel qorti.

34.

Mill-proċess tal-ewwel istanza jirriżulta li r-Repubblika Ellenika, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 135 tas-sentenza appellata, invokat, sabiex issostni r-rikors għal annullament tagħha, l-eżistenza ta’ kriżi serja li kienet ilha taffettwa lill-ekonomija tagħha minn tmiem l-2008. Dan l-argument kellu l-għan, fost affarijiet oħrajn, li juri li l-ħlasijiet ikkontestati magħmula mill-ELGA fl-2009 kellhom jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Madankollu, il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma ħaditx deċiżjoni dwar l-eżistenza bħala tali ta’ taħwid serju tal-ekonomija Griega f’dan iż-żmien, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. B’risposta għar-raba’ motiv tar-rikors għal annullament, essenzjalment din qieset li l-Kummissjoni kienet marbuta mill-QKT u li għalhekk ma kellhiex tiddikjara l-ħlasijiet magħmula mill‑ELGA fl-2009 bħala kompatibbli mas-suq intern direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 14 ). Kif indikajt qabel ( 15 ), l-uniku suġġett tal-ewwel parti tat-tielet aggravju huwa dan ir-raġunament legali.

35.

Fuq il-mertu, l-ewwel nett jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej fil-punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata:

“185

Fir-rigward tal-argumenti mqajma fil-kuntest tar-raba’ motiv, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni kellha tibbaża fuq il-[QKT] u mhux tapplika l-Artikolu 107(3)(b) TFUE direttament biex tevalwa l-kompatibbiltà tal-ħlasijiet magħmula mill-ELGA fl‑2009 minħabba l-kriżi ekonomika li kien hemm il-Greċja.

186

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, [C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482], punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata, is-sentenza […] Holland Malt vs Il-Kummissjoni, C‑464/09 P, [EU:C:2010:733, punt 46).

187

Għaldaqstant, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa u l-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-trattat (ara s-sentenza Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, [C‑464/09 P, EU:C:2010:733], punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata)

188

Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, skont liema minħabba t-taħwid serju fl-ekonomija Griega minħabba l-kriżi ekonomika li kien hemm il-Greċja minn tmiem is-sena 2008 u fl-2009, il-Kummissjoni kellha tiddikjara l-ħlasijiet magħmula mill-ELGA fl-2009 kompatibbli direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

36.

Sussegwentement, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita sew li skontha l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta peress li huwa jadotta deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni ( 16 ).

37.

Għaldaqstant, l-għajnuna li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni ma hijiex ex lege kompatibbli mas-suq intern, iżda tista’ titqies kompatibbli mal-imsemmi suq mill-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ din l-istituzzjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni ( 17 ).

38.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 161 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tivverifika l-legalità tal-eżerċizzju ta’ tali libertà b’hekk ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar is-suġġett ma’ dik tal-Kummissjoni, iżda għandha tillimita ruħha li teżamina jekk din l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew abbuż ta’ poter ( 18 ).

39.

F’dan il-każ, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija mill-ELGA fl-2009 lill-impriżi speċjalizzati fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli fil-Greċja fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-Kummissjoni llimitat l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali bl-adozzjoni tal-QKT. Fil-verżjoni oriġinali tagħha, din il-komunikazzjoni fil-fatt kienet teskludi tali għajnuna mill-iskema li tirrendi l-għajnuna mill-Istat inqas stretta li hija kienet stabbilixxiet ( 19 ). Matul is-seduta, il-Kummissjoni essenzjalment indikat li din l-esklużjoni kienet iġġustifikata mill-partikolaritajiet tas-settur tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, li jibbenefika minn miżuri ta’ għajnuna fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Kien ukoll fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha li l-Kummissjoni ddeċidiet sussegwentement li temenda l-QKT dwar dan il-punt sabiex, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna mogħtija mit-28 ta’ Ottubru 2009. Din l-evalwazzjoni kienet, skont il-Kummissjoni, immotivata mid-diffikultajiet li kienu dejjem qed jikbru tal-bdiewa sabiex jiksbu kreditu.

40.

Madankollu, kif tfakkar ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa u l-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-trattat jew minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt primarju ( 20 ).

41.

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika, bl-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell tagħha, ma għandhiex l-għan li tqajjem dubju dwar il-parti tas-sentenza appellata li fiha l-Qorti Ġenerali eżaminat l-eċċezzjoni ta’ illegalità li kienet qajmet fir-rigward tal-paragrafu 3(h) tal-punt 4.2.2 tal-QKT, u li rriżultat mill-fatt li din tal-aħħar eskludiet mingħajr motivazzjoni mill-iskema li tirrendi inqas stretta l-għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fis-settur tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli. Barra minn hekk, hija ma għandhiex l-għan li tikkritika l-parti ta’ din is-sentenza li fiha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħha li l-Kummissjoni kienet obbligata tapplika l-emenda tal-QKT li saret f’Ottubru 2009 b’effett retroattiv fis-17 ta’ Diċembru 2008.

42.

Għaldaqstant, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ewwel parti tat-tielet aggravju fis-sens li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Kummissjoni ma setgħetx titbiegħed mill-QKT, u b’mod partikolari, mill-esklużjoni stabbilita fil-paragrafu 3(h) tal-punt 4.2.2 tiegħu, fir-rigward tal-għajnuna kkontestata mogħtija mill-ELGA fl-2009, mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 21 ).

43.

Il-fatt li l-QKT ġie adottat mingħajr ma nkisbet l-approvazzjoni tar-Repubblika Ellenika ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward, hekk kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni matul is-seduta b’risposta għal domanda magħmula lill-partijiet. Ċertament, il-linji gwida proposti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skont tal-Artikolu 108(1) TFUE, jirrappreżentaw, skont ġurisprudenza stabbilita, element ta’ kooperazzjoni regolari u perijodika li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni twettaq mal-Istati Membri eżami permanenti tal-għajnuna eżistenti u tipproponilhom il-miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew il‑funzjonament tas-suq komuni ( 22 ). Meta dawn il-proposti għal miżuri xierqa jiġu aċċettati minn Stat Membru, huma jkollhom effett vinkolanti fir-rigward ta’ dan tal-aħħar ( 23 ). Evidentement, madankollu, dawn il-prinċipji ma japplikawx għal komunikazzjoni bħall-QKT, li biha l-Kummissjoni tillimita l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tgawdi minnha skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li huwa impost fuqha sakemm l-imsemmija komunikazzjoni ma tidderogax mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Konklużjoni

44.

Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tat-tielet aggravju bħala manifestament infondat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑52/12, EU:T:2014:677.

( 3 ) ĠU 2012, L 78, p. 21.

( 4 ) ĠU C 16, p. 1.

( 5 ) It-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-QKT.

( 6 ) Il-paragrafu 3(h) tal-punt 4.2.2 tal-QKT.

( 7 ) ĠU 2002, C 119, p. 22.

( 8 ) ĠU C 261, p. 2.

( 9 ) ĠU C 72, p. 12.

( 10 ) T‑52/12 R, EU:T:2012:447.

( 11 ) Digriet Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P‑R, EU:C:2014:2418.

( 12 ) Ċertu numru ta’ spjegazzjonijiet addizzjonali rigward dawn id-diffikulatijiet matul is-seduta, fil-fehma tiegħi, ma humiex rilevanti għall-eżami ta’ dan l-appell.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet Industrias Alen vs The Clorox Company, C‑422/12 P, EU:C:2014:57, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Punti 185 sa 188 tas-sentenza appellata, li jien niċċita wkoll fil-punt li ġej ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Punt 32 iktar ’il fuq.

( 16 ) Sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑301/96, EU:C:2003:509, punt 106), u Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni (C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punt 98).

( 17 ) Sentenza Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 135); Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 99), u Unicredito Italiano (C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 71).

( 19 ) Il-paragrafu 3(h) tal-punt 4.2.2 tal-QKT. Tali għajnuna baqgħet għalkollox suġġetta għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE] għal għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 348M, p. 925), li n-noti ta’ qiegħ il-paġna 17 u 18 tal-QKT jagħmlu riferiment għalih.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 62); Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑382/99, EU:C:2002:363, punt 24), u Holland Malt vs Il-Kummissjoni (C‑464/09 P, EU:C:2010:733, punt 47).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kkonfermat, essenzjalment, li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tinjora l-Artikolu 107(3) TFUE, tiddikjara għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq intern biss minħabba li din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU 2008, C 270, p. 8) (ara l-punti 66 sa 75 tas-sentenza).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi IJssel-Vliet, C‑311/94, EU:C:1996:383, punti 3637, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑242/00, EU:C:2002:380, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Sentenzi IJssel-Vliet (C‑311/94, EU:C:1996:383, punti 4243); Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑111/10, EU:C:2013:785, punt 51); Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑117/10, EU:C:2013:786, punt 63); Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑118/10, EU:C:2013:787, punt 55), u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑121/10, EU:C:2013:784, punt 52). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 35).