KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fil-15 ta’ Ottubru 2015 ( 1 )

Kawża C‑430/14

Valsts ieņēmumu dienests

vs

Artūrs Stretinskis

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Qorti suprema, il-Latvja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali — Valur doganali — Kunċett ta’ ‘persuni relatati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali’ — Rabtiet tal-familja jew ta’ parentela bejn ix-xerrej, persuna fiżika, u d-direttur tal-kumpannija li biegħet il-merkanzija”

I – Introduzzjoni

1.

L-użu tal-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dazji doganali għal merkanzija importata jista’ jitqiegħed fid-dubju għar-raġuni li d-direttur tal-kumpanniji, li biegħu din il-merkanzija, ikun ħu x-xerrej, fejn dan tal-aħħar ikun jixtieq ipoġġiha f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni Ewropea? Dan huwa l-qofol ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2.

A. Stretinskis importa ġewwa l-Latvja, bejn is-sena 2008 u s-sena 2010, ħwejjeġ użati mixtrijin mingħand żewġ kumpanniji Amerikani sabiex jitpoġġew f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni. Mid-dokumenti ta’ kontabbiltà redatti minn A. Stretinskis jirriżulta li l-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni kien ġie kkalkolat skont il-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni.

3.

Dan il-metodu huwa l-metodu ta’ prinċipju applikat sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija importata fid-dawl tal-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni. L-Artikolu 29(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jiddefinixxi l-valur tat-tranżazzjoni bħala l-“prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm […] [i]x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2”.

4.

Wara verifika, il-Valsts ieņēmumu dienests (l-awtorità fiskali tal-Latvja, iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali”) ikkunsidrat li d-dokumenti pprovduti ma kinux jirriflettu l-valur doganali reali tal-merkanzija. Id-dubji tagħha huma bbażati fuq il-fatt li d-direttur taż-żewġ kumpanniji Amerikani jiġi ħu x-xerrej. Issa, l-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju ( 3 ), jipprevedi li:

“Għall-iskopijiet ta’ l-Artikol[u] 29 [tal-Kodiċi Doganali], persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk:

[...]

(h)

huma membri ta’ l-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri ta’ l-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

[...]

aħwa (sew jekk ta’ l-istess ġenituri jew aħwa minn genitur wieħed),

[...]”.

5.

B’deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2010, l-awtorità fiskali għamlet determinazzjoni ġdida tal-valur tal-merkanzija fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali u wara bagħtet avviż ta’ aġġustament dwar id-dazji fuq l-importazzjoni u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien ma’ interessi moratorji u multa. L-imsemmija awtorità mmotivat, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tagħha billi indikat li ħu r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ipparteċipa fl-attività ekonomika meta ħa r-responsabbiltà għall-ispejjeż tat-trasport, li kellu r-riżultat li l-valur iddikjarat tal-merkanzija kien kunsiderevolment iktar baxx minn dak tal-merkanzija ekwivalenti li kienet tiġi skambjata bejn żewġ persuni mhux relatati.

6.

A. Stretinskis l-ewwel nett ippreżenta rikors quddiem id-direttriċi ġenerali tal-awtorità fiskali, li ġie miċħud. Huwa mbagħad adixxa l-qorti tal-ewwel istanza b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali, rikors li ġie miċħud ukoll. Wara dan, huwa appella minn din id-deċiżjoni. Il-qorti tal-appell iddeċidiet li d-dubji tal-awtorità fiskali ma kinux ġew issostanzjati biżżejjed u li ż-żewġ aħwa ma setgħux, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġu kkunsidrati bħala “persuni relatati” fis-sens tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93, partikolarment minħabba l-fatt li l-awtorità fiskali ma kinitx stabbiliet li ħu A. Stretinskis kien il-proprjetarju taż-żewġ kumpanniji li mingħandhom kienet inxtrat il-merkanzija.

7.

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-awtorità fiskali ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Billi sabet ruħha f’diffikultà fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Augstākā tiesa (il-Qorti suprema) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Settembru 2014, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, iż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

“1.   L-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tirreferi mhux biss għal sitwazzjonijiet li fihom il-partijiet fi tranżazzjoni huma biss persuni fiżiċi, iżda wkoll għal sitwazzjonijiet li fihom jeżistu rabtiet tal-familja jew ta’ parentela bejn direttur ta’ waħda mill-partijiet – persuna ġuridika – fi tranżazzjoni u l-parti l-oħra f’din it-tranżazzjoni (persuna fiżika) jew direttur ta’ din tal-aħħar (fil-każ ta’ persuna ġuridika)?

2.   Fil-każ ta’ risposta affermattiva: il-qorti adita bil-kawża għandha twettaq analiżi iktar fil-fond taċ-ċirkustanzi tal-kawża sabiex tiddetermina l-influwenza reali eżerċitata mill-persuna fiżika inkwistjoni fuq il-persuna ġuridika?”

8.

Dawn id-domandi kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub li saru mill-Gvern tal-Latvja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

II – Analiżi ġuridika

9.

Biż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq li jiġu ppreċiżati l-limiti tal-kunċett ta’ “persuni relatati” fis-sens tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

10.

La l-Kodiċi Doganali u lanqas ir-Regolament Nru 2454/93 ma fihom riferimenti għad-drittijiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Għaldaqstant, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut, kemm mir-rekwiżiti u kemm mill-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sens tagħha u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tinstab kemm billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni kif ukoll l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 4 ).

11.

Issa, minn ġurisprudenza daqstant ieħor repetuta tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ugwali, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri għal skopijiet doganali arbitrarji jew fittizji” ( 5 ).

12.

Fir-rigward tal-kuntest li jinsab fih l-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tiegħu, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu huwa dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, u għalhekk għal mument għandna naraw is-sistema stabbilita minn dan tal-aħħar għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata.

13.

L-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali jissanċixxi l-prinċipju li l-valur doganali tal-merkanzija huwa kkostitwit mill-valur tat-tranżazzjoni tagħha, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li jrid jitħallas. Is-sistema tistrieħ fuq il-fiduċja li bħala prinċipju tingħata lill-operaturi, fejn il-valur tat-tranżazzjoni jirrifletti l-valur ekonomiku reali tal-merkanzija. Għalhekk, b’mod ċar il-prijorità tingħata lill-valur tat-tranżazzjoni, fejn “dan il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali huwa meqjus bħala l-iktar wieħed adattat u l-iktar wieħed użat ta’ spiss” ( 6 ), jekk ikun il-każ wara li jsiru l-aġġustamenti previsti fl-Artikoli 32 u 33 tal-Kodiċi Doganali ( 7 ).

14.

Madankollu, il-fiduċja li l-awtoritajiet doganali jpoġġu fuq il-valur tat-tranżazzjoni tiswa biss sakemm ix-xerrej u l-bejjiegħ ma jkunux relatati jew, jekk ikunu relatati, bil-kundizzjoni li dan il-valur ikun aċċettabbli għall-finijiet doganali ( 8 ). F’dan ir-rigward, il-Kodiċi Doganali jistabbilixxi espliċitament li l-“fatt li x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin m’għandux fih innifsu jkun raġuni suffiċjenti biex il-valur tat-transazzjoni jitqies bħala mhux aċċettabbli” ( 9 ).

15.

Il-fatt li x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin huwa element, neċessarju imma mhux suffiċjenti, li jippermetti li wieħed jissupponi li l-prezz tal-merkanzija – u għalhekk il-valur tat-tranżazzjoni – seta’ jiġi influwenzat mir-relazzjoni partikolari bejn iż-żewġ operaturi ekonomiċi. Iċ-ċirkustanzi partikolari għall-bejgħ għandhom għalhekk jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk il-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija huwiex, minkejja r-rabtiet bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, aċċettabbli ( 10 ). Jekk l-awtoritajiet doganali jissuspettaw influwenza fuq il-prezz u għalhekk jekk hemm dubju fuq il-fatt li l-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija jirrifletti l-valur ekonomiku reali tal-merkanzija, dawn l-awtoritajiet jikkomunikaw lid-dikjarant ir-raġunijiet tagħhom u jagħtuh il-possibbiltà li jirreaġixxi għal din il-komunikazzjoni ( 11 ).

16.

Għalhekk, mid-deskrizzjoni tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li dak li huwa determinanti hija l-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-valur tat-tranżazzjoni tal-merkanzija seta’ ġie mmanipulat sabiex jitnaqqsu d-dazji u t-taxxi li jridu jitħallsu fil-mument tad-dħul ta’ din il-merkanzija fit-territorju tal-Unjoni.

17.

It-test tal-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali, kif għedt iktar ’il fuq, ġie ppreċiżat mir-Regolament Nru 2454/93, li jikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni doganali ta’ implementazzjoni u, iktar speċifikament, mill-Artikolu 143(1) ta’ dan tal-aħħar.

18.

L-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jelenka b’mod li jidher eżawrjenti (“persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk” ( 12 )) tmien każijiet fejn il-persuni jitqiesu li huma relatati. Dawn il-każijiet jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji. Minn naħa, hemm sitwazzjonijiet li jikkonċernaw rabta ta’ natura pjuttost “organika” ( 13 ) bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ. Min-naħa l-oħra, hemm sitwazzjonijiet li jikkonċernaw rabta ta’ natura “ġerarkika”, jiġifieri rabta ta’ subordinazzjoni ( 14 ). Fl-aħħar nett, hemm sitwazzjoni li tikkonċerna rabtiet tal-familja ( 15 ).

19.

Għalkemm ċerti xenarji elenkati fl-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93 jistgħu japplikaw għal kollox għal persuni ġuridiċi, huwa evidenti li, għal dak li jirrigwarda din l-aħħar ipoteżi u mal-ewwel daqqa ta’ għajn, rabtiet tal-familja jistgħu jgħaqqdu biss persuni fiżiċi.

20.

Għalhekk, jekk persuna tbiegħ direttament merkanzija lil ħuha, dan ix-xerrej u dan il-bejjiegħ jitqiesu li huma persuni relatati fis-sens tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93.

21.

Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 jipprekludi li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-merkanzija kienet ġiet skambjata minn persuni relatati. Formalment, ħu A. Stretinskis ma jidhirx bħala l-bejjiegħ. Għall-kuntrarju, huma ż-żewġ kumpanniji li tagħhom huwa direttur li ttrasferixxew il-merkanzija.

22.

Fl-aħħar nett, jekk wieħed joqgħod ma’ din l-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 u sabiex tiġi evitata l-kwalifikazzjoni ta’ “persuna relatata”, ikun biżżejjed li l-persuni magħqudin b’rabta tal-familja jwettqu t-tranżazzjonijiet tagħhom permezz tal-finzjoni ta’ persuna ġuridika. Issa, meta r-realtà tal-kummerċ internazzjonali hija ta’ spiss li jkun hemm atturi ekonomiċi kkostitwiti taħt din il-forma, faċli li dak li jkun jifhem ir-riskji li ġġib magħha interpretazzjoni bħal din ( 16 ).

23.

Huwa għalhekk li wieħed għandu jmur lil hinn mill-ittra tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 u li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu għandha titpoġġa f’bilanċ mal-għan ġenerali li ssegwi l-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni kif ukoll mal-għan partikolari segwit mill-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, il-kwistjoni hawnhekk hija li jiġu identifikati l-każijiet fejn ikun jeżisti riskju potenzjali ta’ influwenza fuq il-prezz u, għalhekk, il-każijiet fejn ikun jeżisti riskju li l-valur tat-tranżazzjoni ma jkunx għadu jirrappreżenta l-valur ekonomiku reali tal-merkanzija. F’din il-perspettiva ta’ identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet “fil-limitu”, hemm bżonn li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aħjar identifikazzjoni sabiex wieħed jasal għal applikazzjoni ġusta tal-Kodiċi Doganali.

24.

Sabiex l-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali ma jiġix imċaħħad parzjalment mill-effettività tiegħu, hemm bżonn li l-kunċett ta’ “persuni relatati” jinftiehem b’mod wiesa’.

25.

Billi l-fatt li żewġ persuni jkunu relatati, fi kwalunkwe każ, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni, il-fatt li l-kunċett ta’ “persuni relatati” jiġi interpretat b’mod wiesa’ ma jistax ipoġġi f’dubju l-prijorità li l-Kodiċi Doganali jagħti lil dan il-metodu ( 17 ).

26.

Jiena għalhekk naħseb li l-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ix-xerrej u l-bejjiegħ huma relatati. Għalhekk, il-personalità ġuridika għandha, b’xi mod jew ieħor, titwarrab sabiex tiżvela aħjar ir-realtà tar-rabtiet li jgħaqqdu x-xerrej u d-direttur tal-persuna ġuridika li biegħet il-merkanzija.

27.

Din il-konklużjoni hija evidentement iffaċilitata mill-fatt li, f’dan il-każ u skont il-kliem tal-qorti tar-rinviju, ħu A. Stretinskis huwa d-direttur taż-żewġ kumpanniji li mingħandhom xtara l-merkanzija.

28.

Fil-fatt, f’sitwazzjoni fejn fit-tranżazzjoni kienet involuta persuna ġuridika u meta rabta ta’ parentela tiġi kkonstatata mill-awtoritajiet doganali bejn ix-xerrej u membru tal-imsemmija persuna ġuridika, dawn tal-aħħar ma jistgħux joqogħdu fuq din ir-rabta sabiex jikkontestaw l-applikazzjoni tal-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni. Fi kliem ieħor, is-sempliċi fatt li membru tal-familja tax-xerrej jaħdem fi ħdan il-persuna ġuridika li biegħet il-merkanzija ma huwiex biżżejjed sabiex iservi ta’ bażi għad-dubji tal-awtoritajiet doganali.

29.

L-imsemmija awtoritajiet għandhom jeżaminaw il-prezz indikat mid-dikjarant u, jekk ikun il-każ, jirrifjutawh ( 18 ) wara li jitqiesu ċ-“ċirkostanzi wara l-bejgħ” ( 19 ) jiġifieri a) ir-rabta tal-familja bejn il-bejjiegħ u l-membru tal-persuna ġuridika, b) il-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar fi ħdan l-imsemmija persuna ġuridika, jiġifieri l-kapaċità tiegħu li jkun jista’ jeżerċita influwenza reali fuq il-politika tariffarja pprattikata mill-persuna ġuridika jew fuq il-kundizzjonijiet stess tat-tranżazzjoni kkonċernata kif ukoll c) kull ċirkustanza rilevanti oħra.

30.

Imbagħad, huwa x-xerrej li għandu jegħleb id-dubji tal-awtoritajiet doganali billi juri li l-valur tat-tranżazzjoni jibqa’ aċċettabbli fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 29(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

31.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta persuna ġuridika tbiegħ merkanzija lil persuna fiżika li jkollha l-intenzjoni tqiegħed din il-merkanzija f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni u meta din il-persuna ġuridika tkun immexxija minn ħu x-xerrej, il-bejgħ għandu jitqies li sar bejn persuni relatati.

32.

L-awtoritajiet doganali ma jistgħux iwarrbu l-applikazzjoni tal-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni ħlief wara li jkunu kkomunikaw ir-raġunijiet li wassluhom sabiex jaħsbu li din ir-rabta setgħet influwenzat il-prezz li bih inbiegħet il-merkanzija. B’mod partikolari, dawn ir-raġunijiet ma għandhomx ikunu bbażati biss fuq ir-rabta tal-familja jew ta’ parentela imma wkoll fuq il-pożizzjoni konkreta okkupata mill-membru tal-familja fi ħdan il-persuna ġuridika inkwistjoni li għandha tkun ta’ natura li probabbilment ippermettietlu jeżerċita influwenza fl-okkażjoni tal-bejgħ ta’ merkanzija kif ukoll fuq kull ċirkustanza rilevanti oħra. Imbagħad, huwa x-xerrej li għandu, jekk ikun il-każ, jegħleb id-dubji tal-awtoritajiet doganali billi juri li l-valur tat-tranżazzjoni jibqa’ aċċettabbli, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 29(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

III – Konklużjoni

33.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi magħmula mill-Augstākā tiesa (Qorti suprema) kif ġej:

L-Artikolu 29(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, moqri fid-dawl tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna ġuridika tbiegħ merkanzija lil persuna fiżika sabiex titqiegħed f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u meta din il-persuna ġuridika tkun immexxija minn ħu x-xerrej, il-bejgħ għandu jitqies li sar bejn persuni relatati.

L-awtoritajiet doganali ma jistgħux iwarrbu l-applikazzjoni tal-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni ħlief wara li jkunu kkomunikaw ir-raġunijiet li wassluhom sabiex jaħsbu li din ir-rabta setgħet influwenzat il-prezz li bih inbiegħet il-merkanzija. B’mod partikolari, dawn ir-raġunijiet ma għandhomx ikunu bbażati biss fuq ir-rabta tal-familja jew ta’ parentela imma wkoll fuq il-pożizzjoni konkreta okkupata mill-membru tal-familja fi ħdan il-persuna ġuridika inkwistjoni li għandha tkun ta’ natura li probabbilment ippermettietlu jeżerċita influwenza fl-okkażjoni tal-bejgħ ta’ merkanzija kif ukoll fuq kull ċirkustanza oħra rilevanti. Imbagħad, huwa x-xerrej li għandu, jekk ikun il-każ, jegħleb id-dubji tal-awtoritajiet doganali billi juri li l-valur tat-tranżazzjoni jibqa’ aċċettabbli, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 29(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

( 3 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.

( 4 )   Ara, fost ġurisprudenza abbundanti, is-sentenza Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-garanzija ta’ applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali hija preokkupazzjoni wkoll tal-leġiżlatur (ara s-seba’ premessa tal-Kodiċi Doganali), u dan iktar u iktar meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam titqies “kompleta” (ara l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 2454/93).

( 5 )   Sentenza Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 )   Ibidem (punt 44).

( 7 )   Ara l-Artikolu 29(1) Kodiċi Doganali. Ara wkoll is-sentenza Mitsui & Co. Deutschland (C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prijorità li tingħata lill-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni tfisser li l-metodi l-oħrajn huma kkonċepiti bħala li huma sussidjarji għalih: ara l-Artikoli 30(1) (“għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment […]”), u 31(1) tal-Kodiċi Doganali. Fuq din ir-rabta ta’ sussidjarjetà, ara s-sentenza Christodoulou et (C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 43).

( 8 )   Artikolu 29(1)(d) tal-Kodiċi Doganali.

( 9 )   Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali.

( 10 )   Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali.

( 11 )   Idem.

( 12 )   Il-korsiv miżjud minni.

( 13 )   Dawn huma l-każijiet previsti fl-Artikolu 143(1)(a) u (d) tar-Regolament Nru 2454/93.

( 14 )   Dawn huma l-każijiet previsti fl-Artikolu 143(1)(b), (ċ) u (e) sa (g) tar-Regolament Nru 2454/93.

( 15 )   Dawn huma l-każijiet previsti fl-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93.

( 16 )   Barra minn hekk, it-terminu “persuni” użat fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni jirreferi kemm għall-persuni fiżiċi u kemm għall-persuni ġuridiċi. Dan jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi Doganali. Għalhekk, it-terminu “persuni”, użat ukoll fl-Artikolu 143(1) tar-Regolament Nru 2454/93, għandu jkollu l-istess portata. Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll, kif tagħmel il-Kummissjoni, li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 143(1)(h) tar-Regolament Nru 2454/93 tkun skont id-dritt tal-kummerċ internazzjonali. Fil-fatt, din d-dispożizzjoni għandha l-oriġini tagħha fl-Artikolu 15(4) tal-Ftehim dwar l-Implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ tal-1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 205), li huwa akkumpanjat b’noti interpretattivi. Issa, in-nota dwar dan l-Artikolu 15 tistabbilixxi espliċitament li “t-terminu ‘persuna’ japplika, jekk ikun il-każ, għal persuna ġuridika”, li jagħti lok għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “persuni” u għalhekk tal-kunċett ta’ “persuni relatati”.

( 17 )   Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 )   Sentenza Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 37).

( 19 )   Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali.