KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2016 ( 1 )
Kawża C‑421/14
Banco Primus SA
vs
Jesús Gutiérrez García
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Santander (qorti tal-ewwel istanza Nru 2 ta’ Santander, Spanja)]
“Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratt ta’ self ipotekarju — Dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja li tipprovdi terminu ta’ dekadenza għall‑preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni bbażata fuq in‑natura inġusta ta’ klawżola — Prinċipju ta’ effettività — Klawżola ta’ skadenza antiċipata — Klawżola dwar il-kalkolu tal-interessi ordinarji — Obbligi tal-qorti nazzjonali”
I – Introduzzjoni
1. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha mill-ġdid quddiemha domanda preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 93/13/KEE ( 2 ) fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju. |
2. |
F’kawża li tirrigwarda oppożizzjoni straordinarja għall-proċedura ta’ sekwestru ta’ immobbli ipotekat (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sekwestru ipotekarju”) li permezz tagħha d-debitur iqajjem in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, id-domandi preliminari magħmula lill‑Qorti tal-Ġustizzja mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Santander (qorti tal-ewwel istanza Nru 2 ta’ Santander) jirrigwardaw il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli u l-portata tal-obbligi tal-qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ din l‑evalwazzjoni. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha problema li taqa’ taħt ġurisprudenza diġà żviluppata ħafna iżda f’konfigurazzjoni unika peress li l-oppożizzjoni inkwistjoni toffri lill‑qorti tar-rinviju l-okkażjoni li tistħarreġ ex officio l-klawżoli kuntrattwali l-oħra li ma humiex is-suġġett tal-oppożizzjoni. |
3. |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, b’mod partikolari, tistabbilixxi jekk il-protezzjoni li l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jiżguraw timplikax li l-eżistenza ta’ stħarriġ fil-bidu ex officio li jirrigwarda klawżola kuntrattwali waħda jew iktar tillimita l‑obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt fi stadju sussegwenti tal-proċedura. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Id-dsatax-il premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi: “Billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima [evalwazzjoni] ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il‑prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l‑kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti; […]” |
5. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal‑merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il‑kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu. 2. L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad‑definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l‑oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.” |
6. |
l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
7. |
Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din l-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
B – Id-dritt Spanjol
8. |
Il-Liġi 1/2013, dwar miżuri intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad‑debituri ipotekarji u dwar ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u dwar il‑kirjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali (Ley 1/2013 de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), tal-14 ta’ Mejju 2013 ( 3 ), emendat il-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Ley de enjuiciamiento civil, iktar ’il quddiem, il-“kodiċi ta’ proċedura ċivili”), tas-7 ta’ Jannar 2000 ( 4 ). |
9. |
Il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju hija rregolata mill‑Artikoli 681 sa 698 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. L-Artikolu 695 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, anki fil-verżjoni li tirriżulta mil‑Liġi 1/2013, huwa fformulat kif ġej: “1. Fil-proċeduri msemmija f’dan il-kapitolu, l-oppożizzjoni tal‑intimat għall-eżekuzzjoni għandha tintlaqa’ biss meta tkun ibbażata fuq il-motivi li ġejjin: […]
[…] 4. Id-deċiżjoni li tordna li ma hemmx lok għall-eżekuzzjoni jew in‑nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ klawżola inġusta tista’ tkun suġġetta għal appell. Ħlief f’dawn il-każijiet, id-deċiżjonijiet dwar l-oppożizzjoni msemmija f’dan l-artikolu ma jistgħux jiġu appellati u l-effetti tagħhom huma esklużivament limitati għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni li fil-kuntest tagħha ngħataw.” |
10. |
Skont l-Artikolu 556(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, l‑oppożizzjoni skont l-Artikolu 695 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, anki fil-verżjoni tiegħu li toħroġ mil-Liġi 1/2003, għandha tkun ippreżentata f’terminu ta’ għaxart ijiem min-notifika tal‑att li jordna l-eżekuzzjoni. Dan it-terminu huwa applikabbli għas‑sekwestri ipotekarji minħabba li hemm riferiment għal dan it‑terminu fl-Artikolu 557 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, emendat ukoll bil-Liġi 1/2003, dwar il‑proċedura ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ titoli mhux ġudizzjarji jew arbitrali (li jinkludi b’mod partikolari l-atti awtentiċi fi kwistjonijiet ta’ self ipotekarju li jservu bħala bażi għas-sekwestri ipotekarji). |
11. |
Skont l-Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, kif redatt fil-Liġi 1/2003, dwar l‑iskadenza antiċipata tad-djun li jitħallsu b’pagamenti mensili: “2. Jekk il-kuntratt jipprovdi li f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament tal-inqas ta’ tliet pagamenti mensili jew fin-nuqqas ta’ numru ta’ pagamenti b’tali mod li jimplika li d-debitur naqas mill-obbligu tiegħu għall-perijodu ta’ mhux inqas minn tliet xhur, u jekk dan il-ftehim joħroġ mill-att li jikkostitwixxi d-dejn, il-kreditur jista’ jitlob id-dejn kollu dovut bħala kapital u interessi.” |
12. |
L-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 tistabbilixxi: “Din il-liġi tapplika għall-proċeduri ġudizzjarji jew extra ġudizzjarji ta’ sekwestru ipotekarju pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi, fejn l‑iżgumbrament ma jkunx ġie eżegwit.” |
13. |
Ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 (iktar ’il quddiem ir-“raba’ dispożizzjoni tranżitorja”) tirrigwarda l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni miftuħa qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013 u li għadhom pendenti. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:
|
14. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 136 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili jipprevedi: “Kull parti li tħalli jiskadi t-terminu li fih għandu jsir l-att proċedurali tkun suġġetta għall-preskrizzjoni. Ir-Reġistratur jirreġistra l-iskadenza tat-terminu, jordna l-miżuri li għandhom jiġi adottati jew javża lill-qorti sabiex tagħti d‑deċiżjoni li għandha tagħti.” |
15. |
L-Artikolu 207 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jipprevedi: “[…] 3. Id-deċiżjonijiet definittivi jsiru res judicata u l-qorti li kellha quddiemha l-proċedura li fiha dawn ġew adottati għandha fi kwalunkwe każ tikkonfermahom. 4. Fl-iskadenza tat-termini tal-appell, kull deċiżjoni li ma hijiex ikkontestata ssir definittiva u jkollha l-awtorità ta’ res judicata, u l-qorti li kellha quddiemha l‑proċedura li fiha din tkun ġiet adottata għandha fi kwalunkwe każ tikkonfermaha.” |
16. |
L-Artikolu 222(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jipprevedi li “[s]-saħħa ta’ res judicata mogħtija lis-sentenzi definittivi, kemm jekk jilqgħu kif ukoll jekk jiċħdu t-talba, teskludi, skont il-liġi, kull proċedura sussegwenti li l-għan tagħha jkun identiku għal dak tal-proċedura li fiha jkunu ngħataw”. |
III – Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
17. |
Fit-12 ta’ Ġunju 2008, Banco Primus SA (iktar ’il quddiem “Banco Primus” ta lil J. Gutiérrez García self marbut ma’ garanzija ipotekarja fuq l-akkomodazzjoni tiegħu. Dan is-self kien mogħti għal żmien ta’ 47 sena, u l-ħlas lura kellu jsir fuq 564 pagament mensili. |
18. |
Fit-23 ta’ Marzu 2010, minħabba nuqqas min-naħa tal-konvenut fil-kawża prinċipali li jwettaq l-obbligu tiegħu li jħallas seba’ pagamenti mensili konsekuttivi tal-ħlas lura ta’ dan is-self, l-istabbiliment bankarju talab, skont il-klawżola tal-iskadenza antiċipata li tinsab fil-kuntratt ta’ self, il-ħlas tal-ammont prinċipali kollu flimkien mal-interessi ordinarji u moratorji u ta’ spejjeż diversi kif ukoll il-bejgħ bis-subbasta tal-immobbli ipotekat. |
19. |
Fil-11 ta’ Jannar 2011, sar l-imsemmi bejgħ bis-subbasta iżda ma kien hemm l-ebda offerent. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ deċiżjoni eżekuttiva tal-21 ta’ Marzu 2011, tat l-immobbli lil Banco Primus għas-somma ta’ EUR 78482.34, li tirrappreżenta 50 % tal-valur ta’ stima tiegħu. Fis-6 ta’ April 2011, Banco Primus talab li jingħata bidu għat-tgawdija ta’ dan l-immobbli, li kien ġie pospost minħabba tliet kwistjonijiet suċċessivi, li l-aħħar waħda minnhom ingħalqet b’deċiżjoni tat-8 ta’ April 2014 u b’hekk intemmet il-proċedura inċidentali ta’ sospensjoni tal-iżgumbrament. |
20. |
Fil-11 ta’ Ġunju 2014, J. Gutiérrez García ppreżenta, skont l-Artikolu 695 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, oppożizzjoni straordinarja għall-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, minħabba n-natura inġusta tal‑klawżola tal-kuntratt ta’ self dwar l-interessi moratorji. Madankollu, din diġà kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ex officio li permezz tiegħu dawn l-interessi kienu, permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ġunju 2013, tnaqqsu għal żero ( 5 ). |
21. |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014, il-qorti tar-rinviju ddikjarat l-oppożizzjoni bħala ppreżentata u ssospendiet il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, u informat lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2014. |
22. |
Fil-kuntest tal-eżami tal-oppożizzjoni, din il-qorti rrilevat li jistgħu jitqiesu li huma inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13, uħud mill‑klawżoli tal-kuntratt ta’ self minbarra dik relatata mal-interessi moratorji, jiġifieri, minn naħa waħda, il-klawżola relatata mal-iskadenza antiċipata, li permezz tagħha Banco Primus seta’ jeżiġi l-ħlas lura immedjat tal-kapital, tal-interessi u ta’ diversi spejjeż fosthom f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fid-data miftiehma tal-ammont kollu dovut bħala ammont prinċipali, interessi jew antiċipi, u min-naħa l-oħra, il-klawżola relatata mal-interessi ordinarji, li tipprevedi l-kalkolu tagħhom fuq il-bażi ta’ formola li taqsam il-kapital li għadu dovut u l-interessi dovuti bin‑numru ta’ ġranet li fiha sena kummerċjali, jiġifieri b’360 ġurnata. |
23. |
Madankollu, l-oppożizzjoni kienet ġiet ippreżentata biss madwar sena wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza stabbilit fir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja. B’hekk, din id-dispożizzjoni ostakolat, f’dan il-każ, l-eżami mill-qorti tar-rinviju ta’ wħud mill‑klawżoli tal-kuntratt ta’ self li setgħu jitqiesu li huma inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13. Il-qorti tar-rinviju qajmet madankollu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni mad-Direttiva 93/13. Hija tfittex ukoll li tikseb kjarifika dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ wħud mill-klawżoli u tal-obbligi imposti fuq il-qorti nazzjonali meta tikkonstata l-eżistenza ta’ klawżola inġusta. |
24. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Santander (qorti tal-ewwel istanza Nru 2 ta’ Santander), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2014 ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja dakinhar stess, iddeċidiet li żżomm is-sospensjoni tal‑proċedura u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
25. |
Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l‑kawża għall-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Novembru 2014, għar-raġuni, b’mod partikolari, li kif hija informat lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-ittra tad-29 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ssospendiet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2014, b’tali mod li J. Gutiérrez García ma kellux riskju imminenti li jitlef l-akkomodazzjoni tiegħu. |
26. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Banco Primus, mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
27. |
Il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw is‑sottomissjonijiet orali matul is-seduta li nżammet fl-24 ta’ Settembru 2015. |
IV – Analiżi
A – Dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
28. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula minħabba li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex ser ikunu utili għall-qorti tar‑rinviju biex tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Fil-fatt, din il‑qorti ma baqgħetx kompetenti ladarba hija għalqet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni billi ordnat l-iżgumbrament tad-debitur u tal-okkupanti permezz ta’ digriet li issa sar res judicata tat-8 ta’ April 2014. |
29. |
Banco Primus ma jqajjimx espressament l-inammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari, iżda jinvoka argumenti simili. |
30. |
Jiena ma naħsibx li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu ddikjarati inammissibbli. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali mill-qorti tar-rinviju tippermetti li jinftiehem b’mod ċar li l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju inkwistjoni ma hijiex magħluqa. Ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tipprovdi li din il-liġi tapplika “għal kull proċedura ta’ eżekuzzjoni li ma tkunx wasslet għat-teħid tal-pussess tal-proprjetà immobbli mix-xerrej”. Il‑proċedura ta’ eżekuzzjoni ma tkunx magħluqa ladarba d-dħul fit-tgawdija tal‑immobbli jkun għadu ma seħħx, kif il-Gvern Spanjol stess ikkonferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ( 6 ). |
31. |
Barra minn hekk, ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tippermetti preċiżament li terġa’ tiġi kkontestata d‑deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni definittiva minħabba l-iskadenza tat-terminu ordinarju għall-oppożizzjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. |
32. |
Konsegwentement, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw it-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ikkonfutata bl-oġġezzjonijiet magħmula mill-Gvern Spanjol u Banco Primus ( 7 ) u għalhekk id-domandi preliminari huma kollha ammissibbli. |
B – Fuq il-mertu
1. Fuq l-ewwel domanda
a) Fuq l-ewwel domanda, punti (a) u (b)
33. |
Permezz tal-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta lill-konsumaturi għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-liġi li tinkludi din id-dispożizzjoni, sabiex iressqu oppożizzjoni bbażata fuq in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju pendenti. |
34. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat reċentement kwistjoni essenzjalment identika fil-kuntest tal-kawża BBVA ( 8 ), li fiha jiena kkonkludejt, fit-13 ta’ Mejju 2015 ( 9 ), favur l-illegalità tat-terminu ta’ dekadenza stabbilit mil-Liġi 1/2013. Filwaqt li segwiet din il‑pożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha BBVA (C-8/14, EU:C:2015:731), iddeċidiet li “l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva [93/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja […] li tissuġġetta lill-konsumaturi, li fir-rigward tagħhom infetħet proċedura ta’ sekwestru ipotekarju qabel id-data tad‑dħul fis-seħħ tal-liġi li taħtha din id-dispożizzjoni taqa’ u mhux magħluqa f’din id-data, għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi, sabiex titressaq oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni obbligatorja, ibbażata fuq in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali”. |
35. |
Peress li l-legalità ta’ dan it-terminu diġà ġie kkontestat mill‑Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw biss l‑aspetti li għadhom ma humiex indirizzati fil-kuntest tal-kawża BBVA ( 10 ). Għall-aspetti l-oħra, nirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja kif ukoll għall-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża. |
b) Fuq l-ewwel domanda, punt (c)
i) Osservazzjonijiet preliminari
36. |
Qabel ma nipproċedi għall-analiżi ta’ din id-domanda, jidhirli li huwa utli li nfakkar li, wara li ngħatat is-sentenza Aziz ( 11 ), il‑Liġi 1/2013 emendat l-artikoli tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili relatati, b’mod partikolari, mal-proċedura ta’ sekwestru ta’ beni ipotekati jew maqbuda sabiex tadatta l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju għal din il‑ġurisprudenza. B’mod iktar speċifiku, il-leġiżlatur Spanjol emenda l‑kodiċi ta’ proċedura ċivili, minn naħa waħda, billi ppermetta lill-qorti ta’ eżekuzzjoni tevalwa ex officio, fi kwalunkwe mument tal-proċedura, in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali ( 12 ) u, min-naħa l-oħra, billi żied motiv ta’ oppożizzjoni ġdid, ibbażat fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li tkun ippermettiet li jiġi stabbilit l-ammont dovut ( 13 ). |
37. |
Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat il-punt (c) tal‑ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
ii) Riformulazzjoni tal-ewwel domanda, punt (c)
38. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk essenzjalment, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jobbligawx lill-qorti nazzjonali tistħarreġ ex officio l‑eżistenza ta’ klawżoli inġusti, u dan anki meta hija ma tkunx preċedentement għamlet dan l-eżerċizzju jew ikkonkludiet li ma kinux inġusti b’deċiżjoni li saret res judicata skont id-dritt nazzjonali. |
39. |
Fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ssemmi żewġ possibbiltajiet, jiġifieri dik fejn il-qorti nazzjonali ma tkunx preċedentement stħarrġet klawżola u dik fejn hija tkun iddikjarat li din il-klawżola ma hijiex inġusta f’digriet nazzjonali li sar res judicata. |
40. |
Nosserva madankollu, fuq il-bażi tal-proċess nazzjonali ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fit-test tad-deċiżjoni nazzjonali ċċitat mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri d-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2013, din il-qorti kkonstatat biss ex officio n-natura inġusta tal-klawżola dwar l‑interessi moratorji, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-klawżoli l-oħra tal‑kuntratt jew invokathom ( 14 ). Konsegwentement, jiena nwarrab mill-analiżi tiegħi t-tieni possibbiltà li għaliha tirreferi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ladarba din hija ta’ natura manifestament ipotetika. |
41. |
Għal din ir-raġuni, ma nistax naqbel mal-argument imressaq mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jipprovdi li l-qorti tar-rinviju tippretendi l-eżami mill-ġdid tat-titolu ipotekarju li dwaru hija ddeċidiet favur l-assenza ta’ klawżola inġusta f’digriet li sar res judicata ( 15 ). |
42. |
Sabiex nirrispondi b’mod utili għal mistoqsijiet tal-qorti tar‑rinviju u fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tosserva fir-rigward tal-qorti nazzjonali, jiena nipproponi r‑riformulazzjoni tad-domanda intiża sabiex tistabbilixxi jekk il‑protezzjoni li l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jiżguraw timplikax li l-eżistenza ta’ stħarriġ ex officio fil-bidu dwar klawżola kuntrattwali waħda jew iktar tillimita l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt fi stadju ulterjuri tal-proċedura. |
43. |
Huwa fuq din il-kwistjoni li issa ser nieqaf jien, billi nfakkar, preliminarjament, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
iii) Tfakkir fil-qosor tal-ġurisprudenza rilevanti
44. |
L-ewwel nett, jidhirli li huwa importanti li nfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal‑bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni ( 16 ). |
45. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id‑drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar ( 17 ). |
46. |
Fir-rigward tal-obbligu ta’ stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel irrikonoxxiet il-fakultà tal‑qorti nazzjonali li teżerċita tali stħarriġ ( 19 ) sabiex, imbagħad, iddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ bejn il-partijiet kontraenti, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan ( 20 ). Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja bidlet il-fakultà tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali f’obbligu impost fuq din tal-aħħar. Dan l-iżvilupp jimplika li l-irwol b’hekk mogħti mid-dritt tal-Unjoni lill-qorti nazzjonali fil‑qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi “ma huwiex limitat għas‑sempliċi possibbiltà li tiddeċiedi dwar in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li teżamina ex officio din il-kwistjoni” ( 21 ). |
47. |
Għandu jitfakkar ukoll li l-ġustifikazzjoni ta’ tali obbligu hija bbażata fuq in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tiżgura għall-konsumaturi ( 22 ). Għaldaqstant, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża hija mitluba tiżgura l-effett utli tal-protezzjoni mixtieqa mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
48. |
Għalhekk, jiena tal-opinjoni li, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, il‑fatt li l-qorti nazzjonali, ladarba tkun adita b’mod validu, ma tistħarriġx klawżola kuntrattwali fi stadju proċedurali partikolari ma jipprekludix li hija tistħarreġ klawżoli oħra fi stadju proċedurali sussegwenti ( 23 ). |
49. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nipproponi li r-risposta għall-punt (c) tal-ewwel domanda preliminari tal-qorti tar‑rinviju għandha tkun li l-protezzjoni żgurata għall-konsumaturi mill‑Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 timplika li l-eżistenza ta’ stħarriġ ex officio fil-bidu dwar klawżola kuntrattwali waħda jew iktar ma tistax tillimita l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt fi stadju sussegwenti tal-proċedura. |
2. Fuq it-tieni u t-tielet domandi
50. |
Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu analizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal‑Ġustizzja, dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta tal‑klawżoli relatati mal-kalkolu tal-interessi ordinarji u mal-iskadenza antiċipata, kif stipulati fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll dwar l-obbligi li għandha l-qorti nazzjonali, skont l-Artikolu 4 tad‑Direttiva 93/13, sabiex tkun taf jekk, waqt l-eżami ta’ tali klawżoli kuntrattwali, din tal-aħħar għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni kwalità/prezz tal-provvista jew tas-servizz li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ self kollu, il-limiti tal-prezz imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u l‑fatti li seħħew wara l-iffirmar tal-kuntratt. |
51. |
Sabiex nirrispondi għal dawn id-domandi, jiena ser nibda billi nfakkar il-kriterji ġenerali ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta tal‑klawżoli kuntrattwali, kif ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. Imbagħad ser nindirizza, fid-dawl ta’ din il‑ġurisprudenza, l-eżami, minn naħa waħda, tal-klawżola relatata mal‑interessi ordinarji fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u, min-naħa l-oħra, tal-klawżola tal-iskadenza antiċipata fid-dawl tal‑Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. |
a) Tfakkir tal-ġurisprudenza dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan‑natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali
52. |
L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li hija kompetenti, sabiex minn naħa waħda, tinterpreta l-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 u fl-Anness tagħha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tistabbilixxi l-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl ta’ din id-direttiva. Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ tal-kawża prinċipali ( 24 ). L-eżami komplet tal-konsegwenzi li jista’ jkollha l-klawżola kkonċernata fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, jimplika eżami tas-sistema ġuridika nazzjonali li l-qorti nazzjonali biss tista’ twettaq ( 25 ). Peress li hija għandha tiddeċiedi wkoll dwar in-natura inġusta tal-klawżoli kkontestati ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar imbagħad hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl‑evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata ( 27 ). |
53. |
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li filwaqt li jirreferi għall‑kunċetti ta’ “bona fide” u ta’ “żbilanċ sinjifikattiv” għad‑detriment tal-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali ( 28 ). |
54. |
F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Kokott fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Aziz ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola toħloqx “żbilanċ sinjifikattiv” bejn id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli fid-dritt nazzjonali, fil-każ li l‑partijiet infushom ma jkunu stabbilixxew l-ebda regola [għal każ simili]. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ din l-analiżi komparattiva l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis‑seħħ. Bl-istess mod, għal dan l-iskop, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab dan il-konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti ( 30 ). |
55. |
It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi jinħoloq tali żbilanċ “kontra l-ħtieġa ta’ buona fede [minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide]”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas‑sittax-il premessa tad‑Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan l‑iskop jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal‑konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali ( 31 ). |
56. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-anness li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 fih biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti ( 32 ). Hija ppreċiżat li skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, fl‑evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-merkanzija jew tas-servizzi li għalihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u jsir riferiment, fil-mument tal‑konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li fihom ikun ġie konkluż il-kuntratt. Minn dan jirriżulta, f’dan il-kuntest, li għandhom ukoll jiġu evalwati l-konsegwenzi li jista’ jkollha l-klawżola msemmija fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, li jimplika eżami tas‑sistema legali nazzjonali ( 33 ). |
57. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji ġenerali li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola relatata mal-kalkolu tal‑interessi ordinarji u ta’ dik relatata mal-iskadenza antiċipata, li għalihom tirreferi din il-qorti. |
b) Fuq il-klawżola relatata mal-interessi ordinarji
58. |
Il-klawżola 3 tal-kuntratt ikkontestat tipprevedi li “l-formola matematika li tippermetti li jinkiseb, billi tibda mir-rata ta’ interessi nominali annwali, l-ammont ta’ interessi dovuti għal kull perijodu hija s-segwenti: C × d × r/360 × 100; taqsiriet użati: C = il-kapital li għadu dovut fil-bidu tal-perijodu ta’ likwidazzjoni; d = in-numru ta’ ġranet li fih il-perijodu ta’ likwidazzjoni; r = ir-rata ta’ interessi nominali annwali. […] Għall-kalkolu tal-interessi, is-sena għandha titqies li fiha 360 ġurnata”. |
59. |
Il-klawżola kkontestata taqa’ fil-kategorija tal-klawżoli previsti mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u li għalhekk huma esklużi mill‑eżami tal-qorti nazzjonali. Madankollu, dan l-artikolu jippermetti l‑istħarriġ ta’ dawn il-klawżoli kuntrattwali biss jekk dawn ma jkunux fformulati b’mod sempliċi u ċar, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali. |
60. |
Il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni jiddubitaw li l‑klawżola kkontestata, sa fejn hija bbażata fuq formola matematika kumplessa li l-konsumatur medju probabbilment ma jifhimx il-portata tagħha, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ formulazzjoni u ta’ trasparenza tal‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kalkolu ta’ dawn l-interessi fuq il-bażi ta’ sena kummerċjali ta’ 360 ġurnata jwassal għat-tkabbir tar-rata tal-interessi meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-kalkolu li jirreferi għas-sena ċivili ta’ 365 ġurnata ( 34 ). |
61. |
Konsegwentement, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li din il‑klawżola ma hijiex ifformulata b’mod sempliċi u ċar u li, minħabba dan il-fatt, hija taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, hija għandha teżaminaha fid-dawl tal-kriterji ġenerali ta’ evalwazzjoni mfakkra fil-punti 52 sa 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet u, b’mod iktar preċiż, tivverifika jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, il-klawżola kkontestata toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt. B’hekk, din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tar-regoli nazzjonali li fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet, isiru applikabbli u tal-mezzi li l‑konsumatur għandu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l‑użu ta’ dan it-tip ta’ klawżoli. |
62. |
Waqt din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 93/13, jiġifieri, tikkunsidra n-natura tal-merkanzija jew tas-servizzi li huma l-oġġett tal-kuntratt u tirreferi għall-mument tal‑konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li wasslu għalih, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt, jew ta’ kuntratt ieħor li fuqu jiddependi. F’dan ir-rigward, jista’ jkun importanti, b’mod partikolari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti tal-prezzijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll jekk din il-formola tal-kalkolu hijiex kompatibbli ma’ regola supplimentari oħra tad-dritt Spanjol. |
63. |
L-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju għandha tkun intiża, fost oħrajn, sabiex tistabbilixxi f’liema ċirkustanzi jista’ jinħoloq żbilanċ possibbli “kontra l-ħtieġa ta’ buona fede [minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide]”. F’dan ir-rigward, infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rekwiżit ta’ “bona fide” jimplika li l-bejjiegħ jew il‑fornitur, fuq il-bażi ta’ aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta l-klawżola kkonċernata wara negozjati individwali ( 35 ). |
64. |
Fi kwalunkwe każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma kienx traspost mil‑leġiżlatur nazzjonali. Jekk dan huwa effettivament il-każ, infakkar li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern jimplika li, billi tawtorizza l‑possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju komprensiv tan-natura inġusta tal‑klawżoli, bħal dawk previsti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ipprovduti minn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżgura lill-konsumatur, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 ( 36 ), livell ogħla ta’ protezzjoni effettiva minn dik stabbilita minn dan tal-aħħar ( 37 ), u dan anki jekk din il-klawżola tirrigwarda l-oġġett prinċipali tal‑kuntratt jew ir-relazzjoni tal-kwalità/prezz tal-provvista. |
c) Fuq il-klawżola relatata mal-iskadenza antiċipata
65. |
Il-klawżola 6a tal-kuntratt ikkontestat ( 38 ) tippermetti lill-entità bankarja titlob il-ħlas lura antiċipat tal-kapital kif ukoll il-ħlas tal‑interessi u tal-ispejjeż diversi f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ xi parti tal-kapital u l-interessi ( 39 ). |
66. |
Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aziz ( 40 ), din il‑klawżola għandha tkun eżaminata fid-dawl ta’ ċerti kriterji. Hija l‑qorti tar-rinviju li b’mod partikolari għandha tivverifika, fl-ewwel lok, jekk il-possibbiltà għall-bejjiegħ jew għall-fornitur li jiddikjara dovut l‑ammont kollu tas-somma mislufa tiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tal-konsumatur ta’ obbligu li jkun ta’ natura essenzjali fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, fit-tieni lok, jekk din il-possibbiltà hijiex prevista għall-każijiet fejn tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ta’ natura suffiċjentement gravi meta mqabbla mat-tul u mal-ammont tas-self, fit-tielet lok, jekk din il-possibbiltà tidderogax mir-regoli applikabbli f’dan il-qasam u, fir-raba’ lok, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedix mezzi adegwati u effikaċi li permezz tagħhom il‑konsumatur li jkun suġġett għall-applikazzjoni ta’ tali klawżola jkun jista’ jirrimedja l-effetti tal-fatt li jkun dovut l-ammont kollu tas-somma mislufa ( 41 ). |
67. |
Fil-kuntest tal-verifika tal-kriterji mfakkra fil-punt preċedenti, il‑qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà li tinvoka n-natura prevedibbli jew le tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13. B’mod iktar preċiż, hija tirrileva li l-assenza ta’ gravità tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni twassalha sabiex tistaqsi, mill-angolu tat-tielet kriterju espost hawn fuq, dwar il-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni — sabiex tevalwa jekk il-klawżola kkontestata tqegħidx lill-konsumatur f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik prevista mid-dispożizzjonijiet supplimentari — iċ-ċirkustanzi ta’ wara l‑konklużjoni tal-kuntratt, u għalhekk sabiex tistaqsi dwar in-natura prevedibbli jew le tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, peress li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jirreferi għall-fatti li jwasslu għall-konklużjoni tal‑kuntratt “fil-mument tal-konklużjoni tiegħu”. |
68. |
Skont din il-qorti, id-dritt Spanjol kien jippermetti, fl-assenza ta’ klawżola kuntrarja, it-terminazzjoni tal-kuntratt b’mod antiċipat peress li kien prevedibbli (fatt wara l-konklużjoni tal-kuntratt) li l-konsumatur kien ser ikun responsabbli għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni gravi ( 42 ). B’hekk, minkejja li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ seba’ pagament mensili minn total ta’ 564 ma huwiex, skont il-qorti tar-rinviju, gravi biżżejjed, dan in-nuqqas kien jirrendi tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevedibbli ( 43 ). |
69. |
Fir-rigward tar-regoli supplimentari li jippermettu l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet, kif teħtieġ il‑ġurisprudenza, jidhirli li l-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt bħala ċirkustanza marbuta mal-istess konklużjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, l‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi ta’ wara l-konklużjoni tal-kuntratt b’dan illi r-riferiment għal tali ċirkustanzi futuri jirriżulta mill-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali supplimentari fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
70. |
Madankollu, għandu jiġi nnotat, kif argumentat diversi drabi l‑Kummissjoni, li ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-konklużjoni ta’ kuntratt jinkludu wkoll iċ-ċirkustanzi futuri faċilment prevedibbli u ċ-ċirkustanzi diġà preżenti iżda magħrufa biss minn parti waħda. F’dan ir-rigward, l‑eżami tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-previżjonijiet li jirrigwardaw l-iżvilupp tas-suq li l‑konsumatur jinjora iżda li jistgħu jkunu magħrufa sew mal-bejjiegħ jew mill-fornitur. |
d) Fuq il-possibbiltà li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni r‑relazzjoni tal-kwalità/prezz waqt l-istħarriġ tan-natura inġusta tal‑klawżoli kuntrattwali
71. |
Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni tal-kwalità/prezz waqt l-istħarriġ tan‑natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, il-Gvern Spanjol argumenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, skont l-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 93/13, l-eżami tar-relazzjoni tal-kwalità/prezz waqt l‑istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali huwa possibbli biss jekk din il-klawżola tkun ifformulata b’mod mhux sempliċi u ċar, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
72. |
Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li dan ma huwiex l-eżami ta’ klawżola relatata mar-relazzjoni tal-kwalità/prezz tal-provvista iżda mal-possibbiltà li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni b’mod ġenerali r-relazzjoni tal‑kwalità/prezz waqt l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali. F’dan ir‑rigward, infakkar li d-dsatax-il premessa tad‑Direttiva 93/13 tistabbilixxi li, anki jekk l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ma tirrigwardax il-klawżoli li jiddeskrivu s-suġġett tal-kuntratt u lanqas il‑proporzjon bejn il‑kwalità/prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti, is-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn il-kwalità/prezz jistgħu, madankollu, jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli oħra. Konsegwentement, xejn ma jipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tikkunsidra dan il-fattur. |
e) Konklużjoni intermedjarja
73. |
Għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest tal-eżami tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżola dwar l-iskadenza antiċipata, bħal dik stipulata fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, l-ewwel nett, jekk l-użu ta’ din il‑klawżola jiddependix min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konsumatur ta’ obbligu essenzjali tal-kuntratt, it-tieni nett, jekk dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni huwiex suffiċjentement gravi meta mqabbel mat-tul u l‑ammont tas-self, it-tielet nett, jekk hijiex deroga mir-regoli supplimentari nazzjonali applikabbli fil-qasam u, ir-raba’ nett, jekk il‑liġi nazzjonali tipprovdix mezzi adegwati u effiċjenti li jippermettu lill-konsumatur jirrimedja l-effetti ta’ tali klawżola. |
74. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jkun interpretat fis-sena li hija l-qorti nazzjonali li għandha, waqt l-eżami tal‑klawżoli kuntrattwali, tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni tal‑kwalità/prezz tal-provvista jew tas-servizz li tirriżulta mill-kuntratt ta’ self kollu, il-limiti tal-prezzijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iċ‑ċirkustanzi futuri faċilment prevedibbli u dawk diġà ppreżentati iżda magħrufa biss minn parti waħda fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, kif ukoll iċ-ċirkustanzi ta’ wara din il-konklużjoni, b’dan illi r-riferiment għal tali ċirkustanzi futuri jirriżulta mill-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
3. Fuq ir-raba’ domanda
75. |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa waħda, dwar jekk id‑Direttiva 93/13 għandhiex tkun interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, dwar l-iskadenza antiċipata fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju u, min-naħa l-oħra, dwar l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddikjara nulla u bla effett klawżola relatata mal-iskadenza antiċipata, wara li tikkonstata n-natura inġusta tagħha, anki meta dak li jsellef, fil-prattika, ikun osserva l-kundizzjonijiet previsti minn din id‑dispożizzjoni nazzjonali. |
76. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 693(2) tal‑kodiċi ta’ proċedura ċivili mad-Direttiva 93/13, infakkar qabelxejn li skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva “l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”. Barra minn hekk, skont it-tlettax-il premessa tal-istess direttiva, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 “ikopr[i] wkoll ir-regoli li, skond il-liġi [nazzjonali], għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra”. |
77. |
F’dan il-kuntest, il-kwistjoni li tqum, preliminarjament, hija dik dwar jekk l-Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. |
78. |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li l-klawżola kkontestata, li tirriproduċi l-aħħar verżjoni tal‑Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, ma tirriflettix dispożizzjoni statutorja jew regolatorja “mandatorja”. It-tieni nett, mid‑deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol u tal-Kummissjoni jirriżulta li dan l-artikolu lanqas ma huwa dispożizzjoni ta’ natura supplimentari, peress li ma jistax jiġi applikat fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-bejjiegħ jew il-fornitur u l-konsumatur. Għall-kuntrarju, dan l-artikolu jindika li ftehim espliċitu bejn il-partijiet huwa neċessarju sabiex ikun jista’ jkollu effetti ( 44 ). Fil-verżjoni tiegħu kif emendata wara l-Liġi 1/2013, dan l-artikolu jippermetti lill-entità bankarja tirrikorri għall-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju sabiex tirkupra d-dejn kollu dovut bħala kapital u interessi, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ mill-inqas tliet pagamenti mensili, b’dan illi din il-klawżola tkun tinsab fl-att ipotekarju li jikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv. |
79. |
Konsegwentement, minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, fil-verżjoni tiegħu qabel il‑Liġi 1/2013 ( 45 ), huwa riprodott fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod iktar preċiż fil-klawżola tal-iskadenza antiċipata kkontestata, jiena nikkonstata li, minkejja n-natura statutorja u regolatorja tagħha, din id-dispożizzjoni nazzjonali ma għandhiex natura la mandatorja u lanqas supplimentari. Jidher għalhekk li, skont it‑tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, din id-dispożizzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, li kienet intiża li tapplika ( 46 ). |
80. |
Għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili ma jostakolax li l-qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha klawżola inġusta, tista’ tiskarta ex officio din il-klawżola, id‑Direttiva 93/13 ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali ( 47 ). Madankollu, peress li din id-dispożizzjoni teħtieġ ftehim espliċitu bejn il-partijiet, donnu jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha li din ma hijiex applikabbli fin-nuqqas ta’ tali ftehim. |
81. |
Fl-opinjoni tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 93/13 għandha tkun interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali dwar l-iskadenza antiċipata fil‑kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju meta, l-ewwel nett, din id-dispożizzjoni la hija ta’ natura mandatorja u lanqas supplimentari, it-tieni nett, l‑applikazzjoni tagħha tiddependi biss fuq ftehim bejn il-partijiet, it-tielet nett, ma tippreġudikax l-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali adita mill‑proċedura ta’ sekwestru ipotekarju ta’ dan il-kuntratt, tan-natura inġusta tal-klawżola dwar l-iskadenza antiċipata u, ir-raba’ nett, ma tostakolax li l-qorti tiskarta l-imsemmija klawżola jekk hija tikkonkludi li hija ta’ natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva ( 48 ). |
82. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk in‑nuqqas ta’ applikazzjoni, mal-ewwel nuqqas ta’ ħlas, mill-entità bankarja ta’ klawżola li l-qorti nazzjonali kkonstatat in-natura inġusta tagħha jirrendix mhux neċessarju l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din il‑klawżola, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-klawżola 6a tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-iskadenza antiċipata tas-self ipotekarju f’każ ta’ dewmien tal-ħlas lura, tikkostitwixxi klawżola inġusta. |
83. |
Din il-qorti tibbaża ruħha fuq il-fatt li din il-klawżola kuntrattwali tippermetti lill-entità bankarja li timplementa kuntest ta’ żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur, peress li hija tipprovdi li l-entità bankarja tista’ tirrikjedi l-ħlas lura immedjat tal‑kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż diversi, b’mod partikolari, f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fid-data miftiehma tal-ammont kollu dovut bħala ammont prinċipali, interessi jew antiċipi. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-entità bankarja għandha 564 okkażjoni sabiex tagħti bidu għal effetti legali inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ bona fide. Fi kliem ieħor, din il-klawżola tippermetti lill-bank mhux biss li jirkupra d-dejn kollu dovut filwaqt li jimponi diversi spejjeż, iżda wkoll li jibda proċedura ġudizzjarja straordinarja u sommarja li tillimita r-rimedji ġudizzjarji. |
84. |
Kif diġà tfakkar fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nosserva li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni ( 49 ). Għalhekk, u sabiex ikun żgurat l-effett dissważiv tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, il‑prerogattivi tal-qorti nazzjonali li tikkonstata l-preżenza ta’ klawżola abbużiva, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ma jistgħux jiddependu fuq l-applikazzjoni jew le ta’ din il-klawżola fil-fatti ( 50 ). |
85. |
F’dan il-każ, il-fatt li l-entità bankarja bdiet il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju wara n-nuqqas ta’ ħlas ta’ seba’ pagamenti mensili konsekuttivi huwa element fattwali li ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali intiża, fir-realtà, sabiex tippermetti lill-entità bankarja tipproċedi bis-sekwestru ipotekarju f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ pagament mensili wieħed. F’dan ir-rigward, ninnota li fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, aġir raġonevoli f’kuntest kuntrattwali inġust ma jistax jibdel in-natura inġusta ta’ klawżola. |
86. |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jistax jinftiehem fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali, fil-każ fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tirrevedi l-kontenut tal-imsemmija klawżola minflok sempliċement ma tapplikahiex fil-konfronti tal-konsumatur ( 51 ). Din il‑possibbiltà ma kinitx aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief f’każ ta’ annullament tal-kuntratt kollu, sabiex tevita li l-konsumatur jista’ jkun espost għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju ( 52 ), li ma huwiex il-każ fil‑kawża prinċipali, peress li l-klawżola kkontestata hija aċċessorja u separabbli mill-bqija tal-kuntratt ta’ self. |
87. |
Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li d-Direttiva 93/13 għandha tkun interpretata fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali dwar l‑iskadenza antiċipata bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tostakolax l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tiddikjara klawżola nulla u bla effett, wara li tikkonstata n-natura inġusta tagħha, anki jekk min isellef, fil-prattika, josserva l-kundizzjonijiet previsti minn dispożizzjoni nazzjonali. |
V – Konklużjoni
88. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill‑Juzgado de Primera Instancia no 2 de Santander (qorti tal-ewwel istanza Nru 2 ta’ Santander) bil-mod segwenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
( 3 ) BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373.
( 4 ) BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575.
( 5 ) Ir-reviżjoni tal-kalkolu tal-interessi seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013.
( 6 ) Mill-kuntest ġuridiku ppreżentat mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tirrigwarda l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni miftuħa qabel id‑dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013 u li għadhom ma ngħalqux.
( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 34).
( 8 ) Sentenza BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731).
( 9 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:321). F’din il-kawża, jiena kkonkludejt li, “[f]ir-rigward tal‑prinċipju ta’ effettività, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva [93/13] jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja […] li tissuġġetta lill-konsumaturi għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-liġi li tinkludi din id-dispożizzjoni sabiex iressqu oppożizzjoni bbażata fuq in‑natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju pendenti”.
( 10 ) Sentenza BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731).
( 11 ) C‑415/11, EU:C:2013:164. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża BBVA (EU:C:2015:321, punti 30 sa 33).
( 12 ) Ara l-Artikolu 552(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Dan l-artikolu huwa inkluż fost id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għal kull proċedura ta’ eżekuzzjoni. Konsegwentement, l-istħarriġ ex officio tal-qorti jikkonċerna kemm il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ordinarja kif ukoll il-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju.
( 13 ) Fir-rigward tal-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, ara l-punt 4 tal-Artikolu 695(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ordinarja, ara l-punt 7 tal-Artikolu 557(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili.
( 14 ) Għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ dawn il-Konklużjonijiet kif ukoll mill-punti 30 sa 33 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:321), qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, il-qorti ta’ eżekuzzjoni ma setgħetx tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self. Peress li d-digriet nazzjonali ċċitat kien datat 12 ta’ Ġunju 2013, jidher li kien preċiżament id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, fil-15 ta’ Mejju 2013, li ppermetta lill-imsemmija qorti twettaq ex officio l-istħarriġ li kellu l-konsegwenza tat-tnaqqis tal-interessi moratorja għal żero. Ninnota wkoll li dan id-digriet jirreferi għas-sentenzi Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164) u Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340).
( 15 ) B’mod iktar preċiż, il-Gvern Spanjol jinvoka l-awtorità ta’ res judicata formali ta’ dan id-digriet u jiċċita f’dan ir-rigward, l-Artikolu 207 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-awtorità ta’ res judicata materjali, prevista fl-Artikolu 222 ta’ dan il-Kodiċi, ninnota, b’mod partikolari, li parti mid‑dottrina tiċħad l-eżistenza tal-awtorità ta’ res judicata materjali ta’ digriet li jtemm l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni. Dan ir-rifjut huwa bbażat, minn naħa waħda, fuq l-Artikolu 561(1) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili li, dwar l‑oppożizzjoni għal raġunijiet fil-mertu, jipprovdi li “wara li tisma’ l-partijiet dwar l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mhux bbażata fuq ksur tal-proċedura u wara s-seduta li għandha tinżamm eventwalment, il-qorti tadotta, permezz ta’ digriet, għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni biss, waħda mid-deċiżjonijiet segwenti” (enfasi magħmula minni). Min-naħa l-oħra d-dottrina tikkunsidra li dan ir-rifjut tal-eżistenza tal-awtorità ta’ res judicata materjali ta’ digriet li jtemm l-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni hija bbażata fuq il‑fatt li d-deċiżjonijiet definittivi ta’ proċedura sommarja huma nieqsa mill‑awtorità ta’ res judicata materjali. Ara, f’dan ir-rigward, De la Oliva Santos, A., Objeto del proceso y cosa juzgada en el proceso civil, Thomson-Civitas, 2005, p. 119 sa 124.
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25); Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 44); id-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C 116/13, EU:C:2013:759, punt 39), kif ukoll is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 22).
( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 36) u Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 30).
( 18 ) Ninnota li, f’dan il-każ, din ma hijiex sitwazzjoni li fiha l-qorti diġà kkonstatat in‑natura inġusta jew le tal-klawżoli kuntrattwali, jiġifieri ma huwiex stħarriġ doppju ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, li fil-kuntest tiegħu l‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkopri d-dritt ta’ aċċess mhux għal grad doppju ta’ protezzjoni ġudizzjarja, iżda sempliċement għal qorti jew tribunal”. Ara s-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 36). Mill-banda l-oħra, dan huwa, kif jirriżulta mill-proċess nazzjonali li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, stħarriġ ex officio ta’ klawżoli inġusti differenti f’żewġ stadji differenti tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni mill-istess qorti. Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 19 ) Sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C-240/98 sa C-244/98, EU:C:2000:346, punt 29).
( 20 ) Sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 41).
( 21 ) Enfasi magħmula minni. Sentenza Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32) u kif ukoll Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 22 u 23 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Sentenza Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 38).
( 23 ) Għal dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ ordni għal ħlas, ara l-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Finanmadrid E.F.C. (C‑49/14, EU:C:2015:746, punti 72 sa 74).
( 24 ) Sentenzi Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 22) u Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 66).
( 25 ) Sentenza Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 30). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Aziz (C‑415/11, EU:C:2012:700, punt 66).
( 26 ) Sentenzi Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 22) u Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 66).
( 27 ) Sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 66).
( 28 ) Ibidem (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) C‑415/11, EU:C:2012:700, punt 71.
( 30 ) Sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 68).
( 31 ) Ibidem (punt 69) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Aziz (C‑415/11, EU:C:2012:700, punt 74).
( 32 ) Sentenzi Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 25) u Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 70).
( 33 ) Sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Skont il-qorti tar-rinviju, “[b]illi tiddividi b’360, iżda timmultiplika n-numru ta’ ġranet effettivi li jinkludu tal-inqas (365, jew 366 f’sena biżestili), [il-bank] jirbaħ ħamest ijiem għal kull sena koperta mill-ipoteka”.
( 35 ) Sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 69) kif ukoll id-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 66).
( 36 ) L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumaturi”.
( 37 ) Ara s-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punti 42 u 43): li tispeċifika li “fl-ordinament ġuridiku Spanjol, kif osserva t-Tribunal Supremo [(qorti suprema)], qorti nazzjonali tista’ f’kull ċirkustanza tevalwa, fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, in‑natura inġusta ta’ klawżola li ma ġietx innegozzjata individwalment, li hija b’mod partikolari dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, anki fl-ipoteżi fejn din il-klawżola ġiet ifformulata minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur b’mod sempliċi u ċar”.
( 38 ) Il-Kummissjoni fakkret, ġustament, li l-klawżoli tal-iskadenza antiċipata jippermettu lill-entità bankarja tirrikorri għas-sekwestru sabiex tirkupra d-dejn kollu, anki jekk in-nuqqas jirrigwarda biss pagament mensili wieħed, b’dan illi din il-klawżola tkun tinsab fil-kuntratt li jikkostitwixxi s-self. Madankollu, wara s‑sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164), il-leġiżlatur Spanjol emenda l‑Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili billi pprovda li n-nuqqas ta’ ħlas għandu jkun tal-inqas ta’ tliet pagamenti mensili.
( 39 ) Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-klawżola kkontestata hija inkompatibbli mal‑Artikolu 693(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, kif emendat bil-Liġi 1/2013, peress li tippermetti l-irkupru tad-dejn kollu biss meta l-partijiet ikunu qablu fuq tali sanzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ tliet pagamenti mensili, jew fin-nuqqas ta’ numru ta’ ħlasijiet li jimplikaw li d-debitur naqas mill-obbligu tiegħu għall‑perijodu ta’ mhux inqas minn tliet xhur.
( 40 ) C‑415/11, EU:C:2013:164.
( 41 ) Ibidem (punt 73).
( 42 ) Skont il-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà tal-iskadenza antiċipata prevista mill‑kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidderoga mir-regoli supplimentari, b’mod partikolari mill-Artikoli 1124, 1467 u 1504 tal-kodiċi ċivili, u tnaqqas id‑drittijiet li għandu l-konsumatur fin-nuqqas tal-klawżola kkontestata.
( 43 ) Għandu jiġi nnotat, kif issostni l-Kummissjoni, li n-natura suffiċjentement gravi tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ pagament mensili wieħed mill-564 previsti f’kuntratt konkluż għal tul ta’ 47 sena hija tal-inqas dubjuża. Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ ħlas lura ta’ pagament mensili ta’ EUR 448.62 għal self ta’ EUR 81,600 ma jistax jikklassifika bħala nuqqas ta’ eżekuzzjoni gravi.
( 44 ) Waqt is-seduta l-Kummissjoni spjegat li din id-dispożizzjoni tippermetti lil min isellef jirkupra d-dejn kollu dovut bħala kapital u interessi fil-kuntest ta’ proċedura sommarja bħal proċedura ta’ sekwestru ipotekarju.
( 45 ) B’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ pagament mensili wieħed.
( 46 ) Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 42).
( 47 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑602/13, EU:C:2015:397, punt 45).
( 48 ) Ara, f’dan is-sens, ibidem (punt 46).
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 32).
( 50 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑602/13, EU:C:2015:397, punt 50).
( 51 ) Sentenza Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 71).
( 52 ) Sentenza Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 83).