KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑399/14

Grüne Liga Sachsen e.V. et

vs

Freistaat Sachsen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva, il-Ġermanja)]

“Direttiva Habitats — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Sit inkluż fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità wara li proġett ta’ kostruzzjoni jkun ġie awtorizzat fis-sit iżda qabel ma jkunu bdew ix-xogħlijiet — Neċessità eventwali li jsir eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni inizjali tal-proġett — Modalitajiet li jirregolaw dan l‑eżami mill-ġdid — Konsegwenzi tat-tlestija tal-proġett, skont l-approvazzjoni tal‑ippjanar finali, qabel ma seta’ jkun hemm deċiżjoni definittiva dwar il-validità tal-evalwazzjoni u tal-eżami mill-ġdid”

1. 

Id-Direttiva 92/43/KEE ( 2 ) hija maħsuba biex tikkontribwixxi li tkun żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, din tistipula numru ta’ rekwiżiti marbuta mal-identifikazzjoni u mal-konservazzjoni tal-habitats naturali.

2. 

B’mod partikolari, hija l-Kummissjoni Ewropea li għandha żżomm lista ta’ “siti ta’ importanza għall-Komunità”, fuq il-bażi ta’ proposti mill-Istati Membri. Ladarba sit jiġi inkluż fil-lista, dan għandu jkun ittrattat bħala “żona speċjali ta’ konservazzjoni”. L-Istati Membri għandhom, f’dawn iż-żoni, jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw id-deterjorament tal-habitats naturali. Huma għandhom iwettqu wkoll evalwazzjoni xierqa ta’ kull pjan jew proġett li ma huwiex marbut mat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx sejjer ikollu effett sinjifikattiv fuqu. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jaqblu mal-pjan jew mal-proġett biss jekk dan ma jkollux effett negattiv fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat. Madankollu, jekk, minkejja li jkun hemm konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni u fl-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi, il-pjan jew il-proġett għandu jitwettaq xorta waħda għal raġunijiet imperattivi li huma ta’ interess pubbliku prevalenti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa.

3. 

It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva) tal-Ġermanja tirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ pont fuq ix-xmara Elbe, ippjanat u approvat fi żmien meta s-sit fuq kull naħa tax-xmara ma kienx ikklassifikat bħala sit ta’ importanza għall-Komunità, iżda dan kien inbeda u tlesta wara li s-sit ġie inkluż fil-lista tal-Kummissjoni.

4. 

L-awtoritajiet nazzjonali wettqu evalwazzjoni preliminari tal-proġett fl-ewwel stadju tal-approvazzjoni tal-ippjanar, u wara wettqu eżami mill-ġdid wara li s-sit ġie inkluż fil-lista tal-Kummissjoni. Madankollu, assoċjazzjoni ta’ konservazzjoni tan-natura tkompli tikkontesta l-validità tal-approvazzjoni tal-ippjanar għar-raġuni li, inter alia, l-evalwazzjonijiet ma kinux konformi b’mod sħiħ mar-rekwiżiti tad-Direttiva Habitats, li kellhom ikunu segwiti b’mod sħiħ wara li s-sit ġie inkluż fil-lista tal-Kummissjoni.

5. 

Il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva) talab gwida dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti f’tali ċirkustanzi.

Id-Direttiva Habitats

6.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Habitats jipprevedi b’mod partikolari:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.”

7.

L-Artikolu 4(1) jeżiġi li kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li tindika liema tipi ta’ habitat naturali u liema speċi hemm fis-siti li huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Il-paragrafi 2 u 3 jipprevedu l-proċedura li permezz tagħha, fuq il-bażi tal-listi tal-Istati Membri, il-lista tas-siti ta’ importanza għall-Komunità għandha tkun adottata mill-Kummissjoni fi żmien sitt snin min-notifika tad-Direttiva, li tidentifika s-siti li għandhom fihom wieħed jew iktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità. Il-paragrafi 4 u 5 jipprevedu:

“4.   Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skont l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.   Hekk kif sit jitniżżel fil-lista [tas-siti ta’ importanza għall-Komunità] dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

8.

L-Artikolu 6 jinqara kif ġej:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza [raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku prevalenti].”

9.

L-Annessi I u II tad-Direttiva Habitats għandhom it-titoli, rispettivament, “Tipi ta’ habitat naturali ta’ interess għall-Komunità li biex ikunu kkonservati jeħtieġ li jkunu nnominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni” u “Speċi ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess għall-Komunità ’li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jkunu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni’”. F’kull anness, ċerti tipi ta’ habitat u ċerti speċi huma indikati li għandhom status ta’ prijorità.

Traspożizzjoni tad-Direttiva Habitats fil-Freistaat Sachsen (l-Istat liberu ta ’ Sachsen)

10.

L-Artikolu 22b tas-Sächsisches Naturschutzgesetz (Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura tal-Freistaat Sachsen, iktar ’il quddiem, is-‘SächsNatschG’) 1994 jittrasponi, essenzjalment, l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitats.

11.

Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jeżiġi li għandha ssir evalwazzjoni tal-effetti qabel l-implementazzjoni ta’ proġett f’sit ta’ importanza għall-Komunità, u l-paragrafu 2 jipprojbixxi l-implementazzjoni fil-każ li l-evalwazzjoni tal-effetti tiżvela riskju ta’ ħsara serja. Din il-projbizzjoni tista’ tkun irrinunzjata biss, skont il-paragrafu 3, jekk il-proġett huwa meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u jekk ir-riżultat mixtieq ma jistax jintlaħaq b’mezzi li jinvolvu inqas ħsara. Jekk is-sit ikollu habitats jew speċi ta’ prijorità, huma biss raġunijiet imsejsa fuq is-saħħa tal-bniedem, is-sigurtà pubblika (inklużi d-difiża nazzjonali u l-protezzjoni ċivili) jew effetti pożittivi sinjifikattivi ambjentali li jistgħu fil-prinċipju jiġu invokati (il-paragrafu 4). Jekk din il-projbizzjoni tiġi rrinunzjata, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-koerenza tan-network “Natura 2000” (il-paragrafu 5).

12.

L-awtoritajiet tal-Freistaat Sachsen huma meħtieġa wkoll (permezz ta’ ordnijiet ministerjali maħruġa fl-2003) li jikkonformaw mal-Arbeitshilfe zur Anwendung der Vorschriften zum Aufbau und Schutz des Europäischen ökologischen Netzes Natura 2000 (Gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien u l-protezzjoni tan-netwerk ekoloġiku ta’ Natura 2000). Skont il-Kapitolu 3.3 ta’ dik il-gwida, l-istess standards li japplikaw għas-siti li huma elenkati ta’ importanza għall-Komunità [inkluż l-Artikolu 22b(3) sa (5) tas-SächsNatschG] għandhom ikunu applikati għal siti li “potenzjalment” jaqgħu taħt id-Direttiva Habitats (inklużi s-siti nnotifikati lill-Kummissjoni iżda li ma jkunux għadhom ġew inklużi fil-lista).

Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.

Il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva) tispjega li l-Grüne Liga Sachsen e.V. hija assoċjazzjoni ta’ konservazzjoni tan-natura li tikkontesta l-approvazzjoni għall-ippjanar li ngħatat fil-25 ta’ Frar 2004 għall-kostruzzjoni tal-pont “Waldschlößchenbrücke” li jaqsam ix-xmara Elbe u l-mergħat max-xtut tagħha fejn din tgħaddi minn Dresden, ġewwa l-Freistaat Sachsen.

14.

L-approvazzjoni tal-ippjanar kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni, li tlestiet f’Jannar 2003, li eżaminat l-effetti li setgħu jirriżultaw mill-proġett ta’ kostruzzjoni fuq l-għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ konservazzjoni tas-sit ta’ konservazzjoni “Elbtal zwischen Schöna und Mühlberg” (il-wied tal-Elbe bejn Schöna u Mühlberg), inklużi l-mergħat imsemmija, li dak iż-żmien kien ikklassifikat fuq il-livell nazzjonali iżda ma kienx għadu ġie inkluż mill-Kummissjoni. Jekk kellu jinstab riskju ta’ detriment sinjifikattiv, kellha ssir evalwazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva Habitats. Ir-rapport tal-espert sab li l-proġett ma kienx jaffettwa b’mod sinjifikattiv jew permanenti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.

15.

Il-Grüne Liga Sachsen ippreżentat f’April 2004 rikors sabiex tikkontesta l-approvazzjoni tal-ippjanar. Skont il-liġi tal-proċedura nazzjonali, dan ir-rikors ma kellux effett sospensiv. Il-Grüne Liga Sachsen għalhekk talbet ukoll għall-ħruġ ta’ ordni proviżorja sabiex tipposponi l-bidu tal-kostruzzjoni.

16.

F’Diċembru 2004 il-Kummissjoni inkludiet is-sit fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, wara li ġiet innotifikata mill-Ġermanja (skont l-ordni għal riferenza) f’Marzu 2003.

17.

Ir-rikors ippreżentat mill-Grüne Liga Sachsen sabiex tingħata ordni biex tipposponi l-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ġie miċħud mis-Sächsisches Oberverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Għolja ta’ Sachsen) bħala qorti tat-tieni u l-aħħar istanza fit-12 ta’ Novembru 2007. Ix-xoghlijiet fuq il-pont bdew iktar tard dik is-sena stess.

18.

Wara li saru rapporti oħra minn esperti, l-awtorità kompetenti ħadet id-deċiżjoni, fl-14 ta’ Ottubru 2008, li tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid b’mod limitat dwar il-ħsara relatata mal-proġett ta’ kostruzzjoni, b’riferiment għad-data tal-approvazzjoni tal-ippjanar. Il-proġett reġa’ ġie approvat b’mod eċċezzjonali, suġġett għal miżuri speċifiċi.

19.

Wara li saret emenda fil-pjanti f’Settembru 2010, il-Grüne Liga Sachsen reġgħet applikat għal ordni ta’ sospensjoni, li ġie miċħud mill-ġdid mis-Sächsisches Oberverwaltungsgericht, bħala qorti tat-tieni u l-aħħar istanza, f’Ottubru 2010.

20.

Ir-rikors prinċipali u l-appell minnu tal-Grüne Liga Sachsen ġew miċħuda wkoll. Appell finali fuq punt ta’ liġi bħalissa jinsab pendenti quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva), li tikkunsidra li kemm l-evalwazzjoni tas-sena 2003 kif ukoll l-eżami mill-ġdid tas-sena 2008 ma jissodisfawx l-istandards meħtieġa mid-Direttiva Habitats. L-evalwazzjoni tas-sena 2003, wara li kkonkludiet li ma kienx sejjer ikun hemm effetti sinjifikattivi jew negattivi fit-tul, ma ġietx segwita b’analiżi iktar iddettaljata. L-eżami mill-ġdid tas-sena 2008, li kkonkluda li kien hemm effetti negattivi sinjifikattivi (li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri kumpensatorji fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitats), ikkunsidra biss żewġ tipi ta’ habitats u speċi waħda.

21.

Sabiex jiġu ddeterminati b’mod iktar preċiż ir-rekwiżiti tad-Direttiva Habitats, il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva) għalhekk titlob deċiżjoni preliminari għad-domandi li ġejjin.

“1.

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 1 , tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva Habitats’) għandu jiġi interpretat fis-sens li proġett ta’ kostruzzjoni ta’ pont, li ma jservix direttament il-ġestjoni ta’ sit u li ġie awtorizzat qabel l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja, għandu jkun suġġett għal eżami mill-ġdid tal-effetti tiegħu qabel l-implementazzjoni tiegħu jekk is-sit ikun ġie inkluż f’din il-lista wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni iżda qabel l-implementazzjoni tal-proġett u tkun sempliċement twettqet evalwazzjoni tar-riskji/eżami preliminari qabel ma tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni?

2.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1:

L-awtorità nazzjonali hija marbuta tikkonforma ruħha mar-regoli tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitats waqt l-eżami mill-ġdid a posteriori, fil-każ li tkun tixtieq tibbaża ruħha, bħala miżura preventiva, fuq dawn id-dispożizzjonijiet waqt l-evalwazzjoni tar-riskji/eżami preliminari li titwettaq qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni?

3.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1 u ta’ risposta negattiva għad-domanda 2?

Liema huma r-rekwiżiti li għandhom japplikaw skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats għall-eżami mill-ġdid a posteriori ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal proġett u għal liema data għandu jirreferi dan l-eżami?

4.

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, permezz ta’ emendi adattati tar-rekwiżiti tal-eżami, fil-kuntest ta’ proċedura addizzjonali intiża li tirrimedja żball ikkonstatat fl-eżami mill-ġdid a posteriori skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats jew ta’ evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva, il-fatt li l-istruttura setgħet tinbena u tkun operabbli peress li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet kienet direttament infurzabbli, li talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u li ma kienx iktar possibbli li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tiġi kkontestata? Fi kwalunkwe każ, dan japplika għal eżami alternattiv, li huwa neċessarju a posteriori, fil-kuntest ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitats?”

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Grüne Liga Sachsen, mill-Freistaat Sachsen (il-konvenut fil-kawża prinċipali), mir-Repubblika Ċeka u mill-Kummissjoni, u kollha kemm huma għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2015.

Fatti addizzjonali fis-sottomissjonijiet tal-partijiet

23.

Fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub, kemm il-Grüne Liga Sachsen kif ukoll il-Freistaat Sachsen elaboraw dwar l-isfond fattwali tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tesprimi xi opinjoni dwar il-fatti, jista’ jkun utli li wieħed ikollu idea iktar kompleta tal-kuntest.

24.

L-ewwel nett, il-Grüne Liga Sachsen tallega li s-sit ġie nnotifikat lill-Kummissjoni f’Ġunju 2002, u mhux f’Marzu 2003 kif intqal mill-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva).

25.

Minn dak li ntqal mill-Kummissjoni waqt is-seduta, il-Grüne Liga Sachsen tidher li għandha raġun f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet irċeviet “l-ewwel kumpilazzjoni” f’Marzu 2002 (u dan jista’ jiġi jispjega l-eventwali konfużjoni mad-data ta’ Marzu 2003) u l-proposta formali mill-Ġermanja f’Ġunju 2002. Madankollu huwa paċifiku bejn il-partijiet li s-sit ġie inkluż fil-lista tal-Kummissjoni ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità f’Diċembru 2004. Barra minn hekk, dan il-punt jidher li ma għandux rilevanza fil-kwistjonijiet imqajma billi, fi kwalunkwe ipoteżi, il-proġett tal-pont ġie approvat (fi Frar 2004) wara n-notifika u qabel l-inklużjoni tas-sit fil-lista mill-Kummissjoni.

26.

Għal dak li jirrigwarda n-natura tas-sit u l-effetti tal-kostruzzjoni tal-pont, il-Grüne Liga Sachsen tispjega li l-mergħat inkwistjoni huma tat-tip ta’ habitat ta’ “imriegħi tal-ħuxlief f’altitudni baxxa”, li għandhom bosta speċi ta’ għasafar u insetti, u li l-għanijiet tal-konservazzjoni tas-sit huma mhedda bit-telf tas-superfiċi, mill-fatt li hija maqsuma bil-pont u mill-fatt li x-xogħlijiet fuq il-pont fixklu l-habitats ta’ ċerti speċi ta’ ħut.

27.

Min-naħa tiegħu, il-Freistaat Sachsen jelenka l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ kumpens li ttieħdu sabiex inaqqsu l-effetti tal-pont: limiti ta’ veloċità f’ċerti żminijiet tas-sena, arbuxxelli sabiex ikunu ta’ gwida għall-friefet il-lejl, l-istabbiliment mill-ġdid u l-iżvilupp ta’ siti li ma humiex imriegħi tal-ħuxlief f’altitudni baxxa u l-iżvilupp ta’ habitats ta’ “xmajjar bi xtut imtajna”. Huwa jispjega li l-pont kien meħtieġ sabiex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u sabiex jittejbu r-rabtiet bejn id-distretti fuq iż-żewġ naħat tax-xmara, u li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni (li jestendi b’kollox għal iktar minn 180 km ta’ xtut ta’ xmajjar, inklużi l-meded urbani bħal dawk ta’ Dresden, fejn tmien pontijiet oħra jaqsmu x-xmara) jirrigwardaw erbatax-il tip ta’ habitats u dsatax-il speċi elenkati rispettivament fl-Annessi I u II tad-Direttiva Habitats ( 3 ).

28.

Kemm il-Grüne Liga Sachsen kif ukoll il-Freistaat Sachsen jaqblu li, fl-evalwazzjoni tagħha qabel ma ngħatat l-approvazzjoni tal-ippjanar, l-awtorità kompetenti użat bħala l-bażi tagħha l-liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitats, għalkemm is-sit ma kienx għadu ġie inkluż fil-lista bħala sit ta’ importanza għall-Komunità. Kien ġie konkluż f’dak l-istadju li l-proġett ma kienx sejjer ikollu effetti sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 6(3). Id-deċiżjoni tas-sena 2008 sabiex isir eżami mill-ġdid saret wara li kien hemm rapporti oħra li ddeċidew b’mod differenti, u kienet intiża sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(4). Madankollu, hekk kif deher b’mod ċar waqt is-seduta, il-Grüne Liga Sachsen tikkunsidra (u l-qorti ta’ rinviju bbażat ruħha fuq din il-premessa) li l-evalwazzjoni inizjali u l-eżami mill-ġdid tas-sena 2008 ma kinux konformi b’mod sħiħ ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, filwaqt li l-Freistaat Sachsen huwa tal-fehma li huma kienu konformi f’kull aspett.

Evalwazzjoni

L-istruttura, l-applikabbiltà u l-portata tal-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva Habitats

29.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Habitats jeżiġi li l-Istati Membri jissottomettu lista ta’ siti lill-Kummissjoni fi żmien tliet snin min-notifika ta’ dik id-direttiva. Il-Ġermanja damet sabiex tagħmel dan ( 4 ), iżda dan fil-fehma tiegħi ma għandux rilevanza għall-kwistjoni mressqa hawnhekk, ħlief sa fejn l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jistgħux jiksbu xi benefiċċju min-nuqqas tagħhom li jwettqu fil-ħin l-obbligi tagħhom. Skont l-Artikolu 4(2) u (3), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità f’kull Stat Membru fi żmien sitt snin min-notifika tad-Direttiva. L-Artikolu 4(4) imbagħad jeżiġi li l-Istati Membri jinnominaw dawk is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni f’mhux iktar minn sitt snin. L-Artikolu 6(1), skont liema l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta’ konservazzjoni għal dawn iż-żoni, għalhekk japplika mid-data minn meta dawn jiġu nnominati. Madankollu, skont l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 6(2), (3) u (4) japplika meta – iżda mhux qabel ( 5 ) – is-sit ikun ġie inkluż fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità.

30.

F’din il-kawża, għalhekk, l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva Habitats applika għas-sit inkwistjoni minn Diċembru 2004, meta dan ġie inkluż fil-lista tal-Kummissjoni, u l-Artikolu 6(1) mid-data meta dan ġie nnominat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni.

31.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fejn proġett huwa awtorizzat qabel ma s-sit jiġi elenkat mill-Kummissjoni, l-ebda obbligu sussegwenti ma huwa impost direttament permezz tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitats wara li dan jiġi elenkat ( 6 ). Konsegwentement, f’din il-kawża, l-Artikolu 6(3) ma ħoloq l-ebda obbligu sabiex tiġi mwettqa evalwazzjoni meta s-sit ġie elenkat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2004, billi l-proġett kien diġà ġie approvat fi Frar ta’ dik is-sena.

32.

Dan l-elenkar, barra minn hekk, lanqas joħloq obbligu sabiex isir eżami mill-ġdid dwar jekk permessi ta’ bini eżistenti jaffettwawx is-siti kkonċernati ( 7 ).

33.

Madankollu, meta sit ikun ġie nnotifikat skont id-Direttiva Habitat iżda l-Kummissjoni ma tkunx għadha ddeċidiet dwar l-inklużjoni tiegħu fil-lista, l-Istat Membru inkwistjoni ma għandux jawtorizza interventi li jistgħu jikkompromettu serjament il-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dak is-sit ( 8 ). F’din il-kawża, l-approvazzjoni tal-proġett tal-pont ingħatat wara n-notifika u kienet għalhekk suġġetta għal dik ir-restrizzjoni.

34.

Barra minn hekk, ladarba sit jiġi inkluż fil-lista tal-Kummissjoni tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, l-implementazzjoni ta’ proġett awtorizzat qabel dik l-inklużjoni taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats, li jistabbilixxi obbligu ġenerali ta’ protezzjoni li jikkonsisti fil-fatt li jiġi evitat id-deterjorament u t-tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva ( 9 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li “l-obbligu li jitwettaq kontroll sussegwenti jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats” ( 10 ) – għalkemm, kif osservat il-Kummissjoni, għadha ma speċifikatx f’liema ċirkustanzi jirriżulta dan l-obbligu.

35.

Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva Habitats għandhom jiġu interpretati fl-intier tagħhom fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni segwiti mid-Direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) u (3) huwa intiż sabiex jiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-Artikolu 6(4) sempliċement jidderoga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) ( 11 ).

36.

Għaldaqstant, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija kif ġej.

37.

L-ewwel nett, l-awtoritajiet kompetenti ma setgħux japprovaw il-proġett tal-pont fi Frar 2004 jekk kien hemm xi riskju li dan seta’ jikkomprometti b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-sit.

38.

It-tieni nett, peress li minn Diċembru 2004, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats sar applikabbli, u l-awtoritajiet kienu għalhekk meħtieġa li “ jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw [...] id-deterjorament tal-ħabitat naturali u l-ħabitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva”. Dak ir-rekwiżit jista’, f’ċerti ċirkustanzi (li għandhom jiġu ċċarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li hija mitluba tagħti f’din il-kawża), jinvolvi obbligu li jitwettaq eżami mill-ġdid tal-approvazzjoni li diġà ngħatat.

39.

It-tielet nett, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitats ma jimponix minnu nnifsu b’mod dirett obbligu fir-rigward tat-twettiq jew tal-eżami mill-ġdid tal-proċedura li twassal għall-approvazzjoni tal-proġett tal-pont fi Frar 2004; u l-Artikolu 6(4), li jidderoga biss mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), jista’ bl-istess mod ma jkollu l-ebda rilevanza diretta. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) – u għalhekk, possibbilment, dawk tal-Artikolu 6(4) – jistgħu jkunu ta’ rilevanza sabiex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2), billi l-livell ta’ protezzjoni żgurat bl-Artikolu 6(2) u (3) huwa l-istess.

L-ewwel domanda: Neċessità ta ’ eżami mill-ġdid tal-implikazzjonijiet ta ’ proġett f’sit li ġie elenkat wara li l-proġett ġie approvat iżda qabel ma ġie implementat?

40.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats kienx jitlob li l-evalwazzjoni inizjali tal-proġett għandha tiġi eżaminata mill-ġdid wara li s-sit jkun jiġi inkluż fil-lista tal-Kummissjoni ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità u qabel ma jkunu bdew ix-xogħlijiet.

41.

Dwar dawn ic-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tindika b’mod partikolari li inizjalment kienet saret biss “evalwazzjoni tar-riskju/eżami preliminari” – u mhux, apparentement, evalwazzjoni li tkun issodisfat ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 6(3) kieku din id-dispożizzjoni kienet tapplika fiż-żmien rilevanti. Il-Freistaat Sachsen jikkunsidra li l-evalwazzjoni oriġinali kienet tissodisfa dawk ir-rekwiżiti kollha. Hija biss il-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni, iżda ser nikkunsidra ż-żewġ ipoteżi sabiex inkun nista’ nipprovdi risposta iktar komprensiva.

42.

L-ewwel nett, fl-ipoteżi li l-evalwazzjoni oriġinali kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 6(3) [u, sa fejn hu meħtieġ, l-Artikolu 6(4)] tad-Direttiva Habitats, u minħabba l-fatt li l-Artikolu 6(2) u (3) huwa maħsub sabiex ikun żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni, jidher li, bħala prinċipju, ma hemm xejn fl-Artikolu 6(2) (li jeħtieġ biss li jittieħdu passi xierqa sabiex jiġi evitat id-deterjorament u t-tfixkil) li jinvolvi ħtieġa assoluta sabiex isir l-eżami mill-ġdid ta’ dik l-evalwazzjoni għar-raġuni purament formali li s-sit sadattant ġie elenkat bħala sit ta’ interess Komunitarju.

43.

Madankollu, huwa ferm possibbli li l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ sit ( 12 ) jista’ jinbidel bejn id-data tal-evalwazzjoni inizjali u d-data ta’ meta jibdew ix-xogħlijiet. Fil-kawża preżenti, kienu għaddew iktar minn erba’ snin bejn dawn iż-żewġ dati. L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats jimponi obbligu kontinwu sabiex ikun żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni bħall-Artikolu 6(3), u huwa kontra l-għanijiet tad-Direttiva li approvazzjoni tal-ippjanar tibqa’ kif inhi biss sabiex tiġi implementata wara bidla sinjifikattiva fl-istatus ta’ konservazzjoni tas-sit. Għaldaqstant, bidla fiċ-ċirkustanzi tas-sit jew fid-dettalji tal-proġett tista’ twassal għan-neċessità ta’ eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni mibdula, bħala l-“miżura xierqa” mitluba mill-Artikolu 6(2) sabiex ikun evitat id-deterjorament tal-habitats jew t-tfixkil tal-ispeċi. Hija l-qorti nazzjonali kompetenti, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, li għandha teżamina jekk din il-bidla seħħitx f’xi każ partikolari.

44.

F’dan ir-rigward, ma naħsibx li ghandha tingħata importanza għall-kwistjoni dwar jekk il-bidla setgħetx isseħħ qabel jew wara l-inklużjoni bħala sit ta’ importanza għall-Komunità: dak li huwa importanti huwa jekk il-bidla seħħitx wara d-data tal-evalwazzjoni inizjali u qabel id-data ta’ meta bdew ix-xogħlijiet.

45.

Dan l-approċċ għandu ovvjament japplika a fortiori jekk dik il-bidla tkun seħħet u l-evalwazzjoni inizjali ma tkunx konformi b’mod sħiħ mal-Artikolu 6(3) u (4)) tad-Direttiva Habitats.

46.

Madankollu, huwa importanti wkoll li tkun ikkunsidrata s-sitwazzjoni fejn l-evalwazzjoni inizjali ma kinitx konformi b’mod sħiħ iżda ma seħħet ebda bidla fiċ-ċirkustanzi tas-sit jew fid-dettalji tal-proġett wara d-data ta’ dik l-evalwazzjoni, l-unika (possibbilment) ġrajja rilevanti kienet dik meta s-sit ġie inkluż fil-lista ta’ siti ta’ interess Komunitarju.

47.

F’din is-sitwazzjoni, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitats ma jimponix eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni inizjali, hija pprevediet ukoll il-possibbiltà li dan l-obbligu jista’ jirriżulta mill-Artikolu 6(2), li huwa maħsub sabiex jiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni ( 13 ).

48.

Jidhirli li l-obbligu ma jistax ikun wieħed assolut. Li jiġi mitlub eżami mill-ġdid f’kull każ ifisser li l-Artikolu 6(3) tal-Habitats Directive ikun qed jiġi applikat għal sitwazzjonijiet barra mill-ambitu espliċitu tal-applikazzjoni ratione temporis tiegħu, u jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq.

49.

Madankollu, qorti nazzjonali kompetenti għandha dejjem ikollha għad-dispożizzjoni tagħha s-setgħa li tordna dan l-eżami mill-ġdid jekk l-evalwazzjoni oriġinali kienet daqstant nieqsa mill-istandard stabbilit mill-Artikolu 6(3) u (4) li setgħet thedded deterjorament sinjifikattiv tal-habitats jew tfixkil tal-ispeċi billi, fil-każ ta’ tali theddida, l-Artikolu 6(2) jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-passi xierqa sabiex jiġi evitat id-deterjorament u t-tfixkil. L-istess japplika jekk l-evalwazzjoni oriġinali ma kinitx identifikat b’mod ċar x’impatt il-proġett jista’ jkollu fuq il-habitats u l-ispeċi fis-sit, li tħalli l-eżistenza possibbli ta’ tali theddida waħda mhux determinata. F’ċirkustanzi bħal dawk, l-eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni oriġinali jidher li huwa pass xieraq, għalkemm għandhom ikunu previsti wkoll alternattivi oħra. Pereżempju, theddida speċifika ħafna tista’ tiġi ttrattata b’mod adegwat permezz ta’ miżura preventiva xierqa iżda ddelimitata b’mod ċar, inkella s-sitwazzjoni tista’ tkun waħda fejn l-uniku pass xieraq ikun li tiġi rrevokata kompletament l-approvazzjoni oriġinali u li jiġi ordnat li ssir proċedura ta’ evalwazzjoni mill-ġdid.

It-tieni domanda: Neċessità li jkun osservat l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitats f’eżami mill-ġdid a posteriori meta dawn id-dispożizzjonijiet diġà ġew użati bħala bażi għall-evalwazzjoni preliminari?

50.

It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tassumi li ċ-ċirkustanzi huma dawk fejn eżami mill-ġdid tal-implikazzjonijiet tal-proġett huwa meħtieġ skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats. Din tassumi wkoll li, fit-twettiq tal-evalwazzjoni inizjali, l-awtorità rilevanti kellha l-volontà li tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4). Il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk, f’dawk iċ-ċirkustanzi, l-awtorità hijiex marbuta b’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet meta tkun qiegħda twettaq l-eżami mill-ġdid tagħha.

51.

F’dan ir-rigward, naqbel mal-Freistaat Sachsen u mal-Kummissjoni li ma jistax ikun hemm raġuni li jiġi attribwit xi sinjifikat lill-għanijiet jew lill-intenzjonijiet tal-awtorità meta wettqet l-evalwazzjoni inizjali tagħha.

52.

Mir-risposta li nipproponi għall-ewwel domanda jirriżulta li huwa biss kriterju oġġettiv li jista’ jintuża meta jiġi deċiż jekk eżami mill-ġdid huwiex neċessarju: l-evalwazzjoni inizjali kienet konformi b’mod sħiħ mal-Artikolu 6(3) [u fejn xieraq, l-Artikolu 6(4)] tad-Direttiva Habitats jew le u, jekk le, in-nuqqasijiet kienu tali li setgħu jheddu deterjorament tal-habitats jew tfixkil tal-ispeċi sinjifikattiv, jew iħallu inċerta l-probabbiltà ta’ dan ir-riskju?

53.

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva Habitats dwar dan l-eżami mill-ġdid huma dawk fl-Artikolu 6(2), u mhux dawk (almenu b’mod dirett) fl-Artikolu 6(3) u (4). Li tkun meħtieġa l-osservanza stretta ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet sempliċement fuq il-bażi tal-intenzjoni li fuqha hija msejsa l-evalwazzjoni inizjali jidher li jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’dan ir-rigward ( 14 ).

54.

Madankollu, jekk kellu jkun impost tali rekwiżit mhux fuq il-bażi tad-Direttiva Habitats iżda fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali jew ta’ prassi amministrattiva ( 15 ), li ma tista’ bl-ebda mod tkun f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva, billi l-livell ta’ protezzjoni li kemm l-Artikolu 6(2) kif ukoll l-Artikolu 6(3) huma maħsuba li jiżguraw huwa l-istess. L-argument tal-Grüne Liga Sachsen li jsostni li, ladarba kellhom il-volontà li josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) u (4) fl-evalwazzjoni inizjali tagħhom, l-awtoritajiet huma marbuta li josservawhom f’eżami mill-ġdid a posteriori ma jistax għalhekk jiġi miċħud jekk dan għandu bażi fid-dritt nazzjonali. Dak li jista’ jingħad huwa li ma jistax jirriżulta mid-Direttiva Habitats nnifisha.

55.

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ din id-direttiva, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti rilevanti huma dawk tal-Artikolu 6(2), u dawn huma s-suġġett tat-tielet domanda. Nixtieq madankollu nfakkar f’dan l-istadju li, jekk jirriżulta li l-pass xieraq li kellu jittieħed skont l-Artikolu 6(2) kien li titħassar l-approvazzjoni inizjali u li tkun ordnata proċedura kompletament ġdida, allura din il-proċedura ġdida, li b’definizzjoni tkun bdiet wara li s-sit ġie inkluż fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja, ikollha neċessarjament tkun konformi b’mod dirett mal-Artikolu 6(3) u (4).

It-tielet domanda: Rekwiżiti imposti bl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats dwar l-eżami mill-ġdid a posteriori, u d-data ta ’ referenza?

56.

L-ewwel nett, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar, dwar pjanijiet u proġetti li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitats meta jkunu approvati, li “ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jkun jista’ jinvoka, b’mod analogu mal-proċedura ta’ deroga previst fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, fi proċedura ta’ dritt nazzjonali ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ pjan jew ta’ proġett li għandu mnejn jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ konservazzjoni ta’ sit, raġuni ta’ interess pubbliku u jkun jista’, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jkunu essenzjalment issodisfatti, jawtorizza attività li, sussegwentement, ma tibqax ipprojbita skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, sabiex jiġi vverfikat jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(4) tad-[Direttiva Habitats] humiex issodisfatti, l-effetti ta’ dan il-pjan jew proġett għandhom, minn qabel, jiġu eżaminati b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva” ( 16 ).

57.

It-tip ta’ sitwazzjoni li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-ġurisprudenza jidhirli li tikkorrispondi mill-qrib mal-eżami mill-ġdid imwettaq f’Ottubru 2008 fil-kawża fil-proċeduri prinċipali kif deskritta mill-qorti ta’ rinviju, dan sa fejn dan l-eżami mill-ġdid mexa mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitats u kkonferma l-approvazzjoni tal-ippjanar, b’mod ta’ deroga, fuq il-bażi tal-miżuri kumpensatorji li kellhom jitwettqu.

58.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, mil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta neċessarjament li, filwaqt li l-ħtieġa għall-eżami mill-ġdid jew għall-evalwazzjoni mill-ġdid f’Ottubru 2008 setgħet irriżultat b’mod dirett mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats, din il-proċedura kellha tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 6(3) u (4).

59.

Madankollu, dak ma jistax ikun il-każ fiċ-ċirkustanzi kollha, għal raġunijiet komparabbli ma’ dawk li ressaqt iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punt 48. Jista’ jkun hemm, pereżempju, sitwazzjonijiet fejn hemm meħtieġ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats, sabiex jiġi vverifikat li l-passi li għandhom jittieħdu skont dak il-paragrafu effettivament jevitaw kwalunkwe deterjorament jew tfixkil tal-ispeċi fis-sens tiegħu, mingħajr ma hija meħtieġa evalwazzjoni ġdida tal-implikazzjonijiet tal-proġett għall-finijiet tal-Artikolu 6(3) u mingħajr ma jkun hemm kwistjoni li ssir deroga abbażi tal-Artikolu 6(4).

60.

It-tieni punt li għandu jkun kkunsidrat fil-kuntest ta’ din id-domanda huwa dak tad-data ta’ referenza li għandha tintuża fl-eżami mill-ġdid. F’din il-kawża, l-eżami kellu jikkunsidra l-istatus ta’ konservazzjoni tas-sit u l-implikazzjonijiet tal-proġett tal-pont kif kienu u kif setgħu jiġu vverifikati fis-sena 2003 jew fis-sena 2004, jiġifieri meta l-evalwazzjoni oriġinali tal-impatt twettqet u l-approvazzjoni tal-ippjanar kienet ngħatat rispettivament, jew fis-sena 2008, meta kien sar l-eżami u fiż-żmien li kienu bdew ix-xogħlijiet fuq il-pont? Huwa ċar li d-data magħżula tista’ taffettwa l-eżitu tal-eżami mill-ġdid.

61.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta tinsab fin-natura tal-obbligi imposti mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats, li hija d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi għal kull eżami mill-ġdid jew evalwazzjoni li jkollhom jitwettqu f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. Dawn l-obbligi jirrigwardaw il-monitoraġġ kontinwu tas-sit ikkonċernat, u l-passi li għandhom jittieħdu sabiex ikun evitat id-deterjorament tal-habitats jew it-tfixkil tal-ispeċi jistgħu jkunu biss dawk li huma xierqa fiż-żmien li jittieħdu fid-dawl ta’ dak il-monitoraġġ kontinwu.

62.

Sabiex nagħlaq f’termini kemxejn differenti: sa fejn, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, kien meħtieġ l-eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni inizjali, in-neċessità għal dan l-eżami mill-ġdid kienet tirriżulta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats u kien għalhekk meħtieġ li tittieħed bħala l-bażi tagħha s-sitwazzjoni kif kienet żviluppat sa dakinhar (2008); iżda, billi l-eżami mill-ġdid wassal għal deroga abbażi tal-Artikolu 6(4), ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 6(3) kellhom ikunu osservati.

Ir-raba ’ domanda: Rilevanza, fil-kawża prinċipali, tal-fatt li l-proġett tlesta minħabba li l-approvazzjoni tal-ippjanar kienet finali u infurzabbli?

63.

Ir-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tippresupponi mhux biss li l-eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni inizjali kien meħtieġ wara li s-sit ġie indikat li kien ta’ interess Komunitarju iżda wkoll li l-eżami mill-ġdid li kien sar fis-sena 2008 ma kienx jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti tad-Direttiva Habitats. Il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-fatt li l-isfidi kollha possibbli disponibbli skont il-liġi nazzjonali kienu ġew eżawriti qabel ma bdew ix-xogħlijiet u qabel ma seħħ l-eżami mill-ġdid, u b’hekk irrenda l-approvazzjoni tal-ippjanar kienet f’dak iż-żmien waħda definittiva, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan l-istadju issa li l-pont tlesta u jgħaddi t-traffiku minn fuqu. B’mod partikolari din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dan il-fatt jistax jaffettwa l-validità ta’ deroga skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva.

64.

L-ewwel nett, ma jidhirlix li huwa possibbli li l-fatt li l-approvazzjoni tal-ippjanar saret definittiva bħala kwistjoni ta’ dritt ta’ proċedura nazzjonali tista’ b’xi mod tintuża sabiex tnaqqas in-neċessità li wieħed jikkonforma mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats. Jekk dan kien hekk, l-effettività tad-Direttiva tkun kompromessa, u jistgħu jinħolqu standards differenti fl-Istati Membri differenti, li huwa riżultat li jmur kompletament kontra l-għan li jinħoloq u jinżamm “network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni”. Ir-rekwiżiti tad-Direttiva għandhom dejjem japplikaw fl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

65.

Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats jistabbilixxi obbligi kontinwi. Anki fejn tkun ingħatat l-approvazzjoni tal-ippjanar permezz ta’ proċedura li hija konformi b’mod sħiħ mal-Artikolu 6(3) u (4), l-Istati Membri għandhom ikomplu jieħdu l-passi xierqa sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats u t-tfixkil tal-ispeċi. Dak huwa iktar u iktar minnu fejn il-proċedura ma kinitx konformi b’mod sħiħ u għandha tkun irrettifikata. Għalkemm iċ-ċertezza legali inerenti f’approvazzjoni tal-ippjanar definittiva hija fattur li għandu jiġi kkunsidrat, din ma tistax tissupera n-neċessità għal monitoraġġ kontinwu u miżuri ta’ prevenzjoni kontinwi. Pjuttost, skont iċ-ċirkustanzi, tista’ twassal għall-ħtieġa li jiġu kkumpensati dawk li kellhom aspettattivi leġittimi f’dik l-approvazzjoni u wettqu l-proġett fuq dik il-bażi.

66.

Iżda l-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din id-domanda jmorru iktar lil hinn. Mhux biss il-fatt li l-approvazzjoni tal-ippjanar kienet saret definittiva fil-proċeduri prinċipali iżda wkoll li l-pont kien inbena (bil-konsegwenza tad-deterjorament tal-habitats u tat-tfixkil tal-ispeċi, għalkemm instab li kienu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti) u huwa miftuħ għat-traffiku (b’effetti possibbilment kontinwi fuq il-habitats u l-ispeċi). F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ressqet l-ipoteżi li konstatazzjoni li l-evalwazzjoni oriġinali u l-eżami mill-ġdid kienu difettużi tista’ twassal għall-annullament tal-approvazzjoni tal-ippjanar, b’konsegwenzi serji, ekoloġiċi u fl-istess waqt ekonomiċi, jekk kellu jkun deċiż li l-pont jitwaqqa’.

67.

Jekk dik l-ipoteżi tirriżulta korretta, għandu jkun ikkunsidrat liema passi għandhom jittieħdu skont id-Direttiva Habitats.

68.

Dawn il-passi għandhom ikunu “xierqa” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats. Dawn għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi tas-sitwazzjoni kif kienet f’dak iż-żmien. Fi kliem ieħor, ikun meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pont ġie mibni, u li jiġu mwieżna l-konsegwenzi ambjentali meta dan jitħalla hemm (u jintuża) ma’ dawk li jingħalaq (jew li jiġi limitat l-użu tiegħu) jew anki li jitneħħa. Il-passi għandhom ikunu dawk li, sa fejn ikun possibbli, jevitaw id-deterjorament tal-habitats jew it-tfixkil tal-ispeċi. Madankollu, fejn id-deterjorament jew t-tfixkil ġa seħħew, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-rekwiżit skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Habitats li jiġu stabbiliti prijoritajiet għaż-żamma jew restawr tal-istatus ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ habitats jew speċi, u tar-rekwiżiti ta’ tmexxija imposti bl-Artikolu 6(1).

69.

Huwa wkoll plawżibbli li din l-evalwazzjoni ta’ interessi u prijoritajiet għandha twassal għall-fehma li l-pont għandu jitħalla fejn hu, suġġett għal passi ta’ prevenzjoni xierqa u miżuri ta’ tmexxija. Imma jekk dan ma kellux ikun il-każ, kull proposta għat-twaqqigħ għandha, fil-fehma tiegħi, titqies – hekk kif il-proposta oriġinali li jinbena pont ġiet meqjusa – bħala “pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikattiv fuqu” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitats, u fejn din stess tkun soġġetta għall-iskrutinju meħtieġ minn din id-dispożizzjoni qabel ma tkun tista’ titwettaq.

70.

Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li, meta jitwieżnu l-alternattivi differenti, l-ispiża ekonomika, pereżempju, tat-twaqqigħ tal-pont u li jiġi kkumpensat l-iżvilluppatur hija, bħala prinċipju, irrilevanti. Filwaqt li l-istess “raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti” ġew invokati fl-evalwazzjoni inizjali dawn jistgħu xorta waħda jkunu prodotti sa fejn japplika l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitats, dawn ma jistgħux jissaħħu bl-interess pubbliku manifest li jiġu ffrankati l-ispejjeż [u fi kwalunkwe każ dak l-interess mhux probabbli li jkun ikkunsidrat li huwa superjuri jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(4) kellu japplika, fil-każ ta’ habitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi ta’ prijorità]. Li wieħed jadotta dak l-approċċ ifisser li tiġi ffavorita ż-żamma ta’ proġetti li huma ta’ ħsara għall-ambjent għas-sempliċi raġuni li huwa għoli wisq li jitranġa n-nuqqas mill-osservanza korretta tar-rekwiżiti tad-Direttiva.

Konklużjoni

71.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva) kif ġej:

Meta pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament mat-tmexxija ta’ sit ta’ Natura 2000 iżda li x’aktarx jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuqu jkun ġie awtorizzat wara li s-sit ġie nnotifikat lill-Kummissjoni imma qabel ma jkun ġie inkluż fil-lista tas-siti ta’ importanza għall-Komunità, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-impatt li twettqet ukoll bejn dawn id-dati, u x-xogħlijiet ma jkunux bdew fuq il-proġett sa wara li s-sit ikun ġie inkluż fil-lista, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandhom jiġu interpretati kif ġej:

1)

Fejn l-evalwazzjoni inizjali u l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni kienu konformi b’mod sħiħ mal-Artikolu 6(3) u (4) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 6(2) ma jeżiġix, bħala regola ġenerali, li jsir eżami mill-ġdid ta’ din il-proċedura; madankollu, bidla fiċ-ċirkustanzi tas-sit jew fid-dettalji tal-proġett jistgħu jwasslu għan-neċessità ta’ eżami mill-ġdid tal‑evalwazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni mibdula, bħala pass xieraq intiż sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats jew it-tfixkil tal-ispeċi. Jekk il-proċedura inizjali ma kinitx konformi mal-Artikolu 6(3) u (4), l-eżami mill-ġdid jikkonstitwixxi pass xieraq skont l-Artikolu 6(2) jekk in-nuqqasijiet fil-proċedura kienu tali li jheddu d-deterjorament sinjifikattiv tal-habitats jew it-tfixkil tal-ispeċi, jew naqsu li jidentifikaw l-impatt tal-proġett fuq il-habitats jew l-ispeċi.

2)

Il-fatt li l-awtoritajiet li wettqu l-proċedura inizjali kellhom il-volontà li jikkonformaw mal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva 92/43 ma joħloqx l-obbligu skont dik id-direttiva li jikkonformaw mal-istess dispożizzjonijiet f’eżami mill-ġdid a posteriori ta’ dik il-proċedura; madankollu, ma huwiex inkompatibbli mad-Direttiva li dan l-obbligu jirriżulta mid-dritt nazzjonali.

3)

Fejn eżami mill-ġdid tal-proċedura inizjali jitqies li huwa l-pass xieraq skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, dak l-eżami mill-ġdid għandu jkun ibbażat fuq is-sitwazzjoni li teżisti fil-waqt li jkun qiegħed jitwettaq. Fejn dan l-eżami jwassal għall-applikazzjoni, b’analoġija, ta’ deroga skont l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, dan għandu jirrispetta wkoll ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 6(3).

4)

Fejn dan l-eżami mill-ġdid jirriżulta, min-naħa tiegħu, difettuż, wara li l-proġett jitlesta, il-fatt li l-awtorizzazzjoni kienet saret definittiva u ma setgħetx tkun iktar ikkontestata skont id-dritt nazzjonali ma huwa ta’ ebda rilevanza meta jiġu ddeterminati l-passi li għandhom jittieħdu skont id-Direttiva 92/43. Dawk il-passi għandhom ikunu tali li jevitaw deterjorament ulterjuri tal-habitats jew tfixkil tal-ispeċi ġewwa s-sit skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, għandhom ikunu intiżi fejn huwa xieraq għar-restawr tal-istatus ta’ konservazzjoni favorevoli, u, jekk dawn jinvolvu t-tneħħija tal-proġett lest, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3). Fil-każ tal-aħħar, l-ispiża ekonomika għad-twaqqigħ ma tistax tkun ikkunsidrata li hija raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku prevalenti fis-sens tal-Artikolu 6(4).


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

( 3 ) Minn informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (http://eunis.eea.europa.eu/sites/DE4545301), jidher li żewġ tipi ta’ habitats u żewġ speċi huma fost dawk elenkati bħala li għandhom l-istatus ta’ prijorità fl-annessi tad-Direttiva Habitats. Ma jidhirx madankollu li ż-żewġ tipi ta’ habitat ta’ priorità (“Foresti dojoq u fondi f’xi ħondoq tat-tip Tilio-Acerion”, u “Foresti alluvjali b’Alnus glutinosa u Fraxinus excelsior”) huma preżenti fil-viċinat tal-pont ikkontestat fuq ix-xmara Elbe fil-Belt ta’ Dresden. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ speċi ta’ prijorità (il-Jersey Tiger moth u l-ħanfusa eremita) jistgħu jinstabu mifruxa fuq is-sit kollu, kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, almenu għal dak li jikkonċerna l-Jersey Tiger.

( 4 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑71/99, EU:C:2001:433).

( 5 ) Sentenza Dragaggi et (C‑117/03, EU:C:2005:16, punti 23 sa 25). Jista’ jiġi osservat madankollu li jidher li hemm inkonsistenza bejn l-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva Habitats, sa fejn l-Artikolu 6(2) jikkonċerna b’mod espliċitu ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, filwaqt li l-Artikolu 4(5) jagħmel dik id-dispożizzjoni applikabbli hekk kif sit jiġi inkluż fil-lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità, li tista’ tiġi qabel in-nominazzjoni bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni sa sitt snin.

( 6 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, EU:C:2006:195, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punti 48 u 49).

( 7 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punti 57 sa 59).

( 8 ) Sentenzi Dragaggi et (C‑117/03, EU:C:2005:16, punti 26 u 27), Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, EU:C:2006:579, punti 44, 47 u 51), u Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 49).

( 9 ) Ara s-sentenza Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 58); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott li huwa ppreżenta f’din l-istess kawża (C‑6/04, EU:C:2005:372, punt 55).

( 11 ) Ara s-sentenzi Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 19).

( 12 ) Skont l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva Habitats, l-istatus ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser il-kumpless ta’ influwenzi li jaġixxu fuq habitat naturali u l-ispeċi tipiċi li hemm fih, li jistgħu jolqtu d-distribuzzjoni naturali fit-tul tiegħu, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll is-sopravivenza fit-tul tal-ispeċi tipiċi tiegħu.

( 13 ) Ara l-punt 34 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, EU:C:2006:195, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara l-punti 10 sa 12 iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li amministrazzjoni nazzjonali tista’ tkun marbuta bi prassi ġenerali meta tapplika d-dritt tal-UE – ara s-sentenza The Rank Group (C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara s-sentenza Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2014:214, punt 34, (li tiċċita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 156 u 157).