KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑301/14

Pfotenhilfe-Ungarn eV

vs

Ministerium für Energiewende, Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein

[Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il‑Ġermanja)]

“Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Trasport ta’ annimali ‘inkonnessjoni ma’ attività ekonomika’ — Direttiva 90/425/KEE — Iċċekkjar veterinarju u zootekniku f’kummerċ intra-Komunitarju — ‘Negozjanti ta’ kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali’ — Assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tittrasporta klieb mingħajr sid minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor bil-ħsieb li tallokahom lil terzi għal ħlas nominali”

1. 

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joriġina minn kawża quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja; il-“qorti tar-rinviju”) bejn Pfotenhilfe-Ungarn, assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-annimali Ġermaniża, u l-Ministeru tat-Tranżizzjoni fl-Enerġija, l-Agrikoltura, l-Ambjent u Żoni Rurali tal-Land Schleswig-Holstein (il-“Ministeru”). Pfotenhilfe-Ungarn tittrasporta klieb mingħajr sid mill-Ungerija għall-Ġermanja bil-ħsieb li jiġu allokati lil terzi għal ħlas nominali. Il-Ministeru jqis dan it-trasport u l-allokazzjoni bħala attività ekonomika. Abbażi ta’ dan, iqis li Pfotenhilfe-Ungarn injorat ir-rekwiżiti tan-notifika u reġistrazzjoni li jinsabu fid-dritt Ġermaniż li jittrasponi d-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku ( 2 ), fuq naħa, u r-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport ( 3 ), fuq in-naħa l-oħra. Pfotenhilfe-Ungarn targumenta illi dan it-trasport ma jsirx għal profitt u li għalhekk hija minflok suġġetta għal dispożizzjonijiet inqas stretti li jinsabu fir-Regolament dwar il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi ( 4 ).

2. 

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar jekk it-trasport ta’ annimali mingħajr ħsieb ta’ profitt jistax iseħħ xorta waħda “inkonnessjoni ma’ attività ekonomika” u, għal din ir-raġuni, taqa’ taħt ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk assoċjazzjoni bħal ma hija Pfotenhilfe-Ungarn, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hijiex “negozjant ta’ kummerċ intra-Komunitarju” ta’ annimali fis-sens tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku (jekk inhu hekk, l-assoċjazzjoni hija suġġetta għar-rekwiżiti ta’ notifika u reġistrazzjoni skont din id-direttiva).

3. 

Din it-talba tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-iskop u l-portata ta’ diversi skemi tal-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw it-trasport ta’ annimali bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, ser nibda billi nissottolinja r-rekwiżiti taħt dawn l-iskemi differenti.

Id-dritt tal-Unjoni

TFUE

4.

L-Artikolu 13 TFUE jipprovdi:

“Fil-formolazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiċi ta’ l-Unjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, it-trasport, is-suq intern, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u ta’ l-ispazju, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri ta’ l-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.”

Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport

5.

Ir-Regolament għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport essenzjalment għandu l-għan, skont il-premessa 6 tiegħu, li jipprevjeni l-okkorrenza u t-tixrid ta’ mard infettiv tal-annimali u li jitpoġġew rekwiżiti iktar stretti għall-prevenzjoni tal-uġigħ u t-tbatija fis-sens li jiġu salvagwardjati l-benesseri u s-saħħa tal-annimali matul u wara t-trasport. Skont il-premessa 11, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għadhom jiġu interpretati u applikabbli abbażi tal-prinċipju li l-annimali ma għandhomx ikunu ttrasportati b’mod li jista’ jikkawżalhom uġigħ jew tbatija żejda ( 5 ).

6.

Il-premessa 12 tipprovdi illi trasport għal skopijiet kummerċjali ma huwiex limitat għal trasport fejn jivverifika ruħu skambju immedjat ta’ flus, merkanzija jew servizzi, iżda jinkludi, b’mod partikolari, trasport li jinvolvi direttament jew indirettament jew jimmira lejn gwadann finanzjarju.

7.

Ir-Regolament għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport japplika għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin (jiġifieri inklużi l-klieb) li jsir fl-Unjoni Ewropea (Artikolu 1(1)), bla ħsara għal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-UE (Artikolu 1(4)). L-Artikolu 1(5) jispeċifika, madankollu, li r-regolament ma japplikax, inter alia, għat-trasport ta’ annimali li ma jsirx inkonnessjoni ma’ attività ekonomika ( 6 ).

8.

L-Artikolu 2(m) jiddefinixxi “vjaġġ twil” bħala vjaġġ li jaqbeż it-8 sigħat, li jibda minn meta l-ewwel annimal tal-konsenja jiġi mobilitat. Skont l-Artikolu 2(w), “trasport” tfisser il-moviment tal-annimali magħmul minn mezz tat-trasport wieħed jew iktar u l-operazzjonijiet relatati, inklużi l-ħatt, it-trasferiment u l-mistrieħ, sakemm ikun intemm il-ħatt tal-annimali fil-post ta’ destinazzjoni. L-Artikolu 2(x) jiddefinixxi “trasportatur” bħala kull persuna naturali jew legali li tittrasporta annimali f’ismu, jew f’isem persuna terza.

9.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, l-ebda persuna ma għandha tittrasporta annimali jew twassal li annimali jiġu ttrasportati b’mod li jista’ jwassal għal korriment jew tbatija bla bżonn. It-tieni paragrafu jispeċifika numru ta’ kundizzjonijiet ġenerali għat-trasport tal-annimali, intiżi li jimminimizzaw it-tbatijiet tat-trasport fuq l-annimali kkonċernati.

10.

Ir-Regolament tal-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport jipprovdi wkoll rekwiżiti rigward, inter alia: (i) dokumentazzjoni tat-trasport (Artikolu 4); (ii) obbligi tal-ippjanar għat-trasport tal-annimali (Artikolu 5); (iii) dritt li topera bħala trasportatur, inkluż l-awtorizzazzjoni li tagħmel vjaġġi twal (Artikoli 6 u 10 sa 12); (iv) spezzjoni minn qabel u approvazzjoni ta’ mezzi tat-trasport, speċjalment għal vjaġġ twil (Artikolu 7); (v) l-obbligu għal gwardjani tal-annimali fil-post ta’ tluq, trasferiment jew destinazzjoni sabiex jassiguraw li ċerti regoli tekniċi fir-rigward tal-annimali ttrasportati jkunu rrispettati u l-obbligi tal-gwardjani tal-annimali f’post ta’ tranżitu jew post ta’ destinazzjoni li jiċċekkjaw l-annimali kollha sabiex jiddeterminaw jekk l-annimali humiex jew kinux suġġetti għal vjaġġ twil (Artikolu 8); (vi) spezzjonijiet li għandhom isiru minn awtorità kompetenti f’kull stadju ta’ vjaġġ twil fuq bażi bla sekwenza jew fil-mira (Artikolu 15); u (vii) l-għoti ta’ ċertifikati ta’ approvazzjoni ta’ mezzi tat-trasport bit-triq użati għal vjaġġi twal (Artikolu 18).

11.

Skont l-Artikolu 6(3), l-annimali għandhom jiġu ttrasportati skont ir-regoli tekniċi stabbiliti fl-Anness I. Dawn ir-regoli tal-aħħar jipprovdu b’mod partikolari li l-annimali li jkunu korrew jew li għandhom dgħufija fiżjoloġika jew proċessi patoloġiċi ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala tajba għat-trasport (Anness I, Kapitolu I, paragrafu 2). Il-mezzi ta’ trasport, kontenituri u l-fittings tagħhom għandhom ikunu ddisinjati, mibnija, miżmuma u operati b’mod li jkunu evitati korriment u tbatija u sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-annimali; li jipproteġu lill-annimali minn temp ħażin, temperaturi estremi u tibdil negattiv fil-kondizzjonijiet klimatiċi; li jkunu mnaddfa u diżinfettati; li jiżguraw li l-l-kwalità tal-arja u l-kwantità xierqa tkun miżmuma għall-ispeċi ttrasportati; u li jkollhom qiegħ li ma jiżloqx u li jnaqqas li jiskappaw minnu awrina u ħmieġ (Anness I, Kapitolu II, paragrafu 1.1). Għandu jiġi pprovdut spazju biżżejjed ġewwa l-kompartiment tal-annimali u f’kull wieħed mil-livelli tiegħu sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ventilazzjoni adegwata fuq l-annimali meta jkunu f’pożizzjoni naturali bil-wieqfa mingħajr ma jkun imfixkel il-moviment naturali tagħhom għal ebda raġuni (Anness I, Kapitolu II, paragrafu 1.2).

12.

Ir-regoli tekniċi jipprojbixxu wkoll, b’mod partikolari swat jew għoti bis-sieq, rfiegħ jew tkaxkir mir-ras, widnejn, qrun, denb jew mantell jew l-użu ta’ elettrodi jew oġġetti oħra li jispiċċaw bil-ponta (Anness I, Kapitolu III, paragrafu 1.8). Barra minn hekk, annimali ta’ qies jew etajiet differenti, annimali maskili u femminili maturi u annimali ostili għal xulxin għandhom jiġu mmaniġġjati u ttrasportati b’mod separat (Anness I, Kapitolu III, paragrafu 1.12). Klieb u qtates li jiġu trasportati għandhom jiġu mitmugħa f’intervalli ta’ mhux iktar minn 24 siegħa u mogħtija ilma f’intervalli ta’ mhux iktar minn tmien sigħat, skont istruzzjonijiet ċari bil-miktub dwar l-ikel u x-xorb (Anness I, Kapitolu V, paragrafu 2.2)

Id-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku

13.

Id-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku għandha l-għan li jitlesta s-suq intern. Din tissostitwixxi l-ostakoli għall-moviment liberu tal-annimali u prodotti agrikoli li kienu jirriżultaw minn spezzjonijiet veterinarji u zootekniċi li awtoritajiet nazzjonali kienu jwettqu fil-fruntieri interni tal-Komunità ( 7 ) b’sistema armonizzata għal spezzjonijiet veterinarji u zootekniċi fil-post ta’ oriġini (jew post ta’ tluq) u fil-post ta’ destinazzjoni ( 8 ).

14.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, Stati Membri ma jistgħux iktar iwettqu ċċekkjar veterinarju fuq il-fruntieri fuq annimali ħajjin u prodotti koperti, inter alia, mid-direttivi elenkati fl-Anness A, iżda minflok huma meħtieġa li jwettqu dan l-iċċekkjar skont dik id-direttiva. L-Anness A jirreferi b’mod partikolari għad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE ( 9 ), li kienet tapplika għall-klieb. Dan ir-riferiment issa għandu jiġi interpretat bħala riferiment għar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, li ħassar u ssostitwixxa lil dik id-direttiva u li japplika wkoll għall-klieb ( 10 ). B’riżultat ta’ dan, id-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku tapplika għall-klieb.

15.

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 jipprovdi illi d-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku ma tapplikax għal iċċekkjar veterinarju fuq movimenti bejn Stati Membri ta’ annimali domestiċi akkumpanjati minn jew taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna naturali, meta dawn il-movimenti ma humiex suġġetti għal tranżazzjoni kummerċjali.

16.

L-Artikolu 2(3) jiddefinixxi “kummerċ” bħala “kummerċ bejn Stati Membri fit-tifsira tal-Artikolu 9(2) [KEE; illum l-Artikolu 28(2) TFUE]” ( 11 ).

17.

Skont l-Artikolu 3(1), Stati Membri għandhom jiżguraw li annimali koperti mid-direttiva jistgħu jkunu biss suġġetti għal kummerċ kemm-il darba dawn jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet. Dawn l-annimali għandhom, b’mod partikolari, jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-direttivi rilevanti elenkati fl-Anness A u jiġu minn ażjendi, ċentri jew organizzazzjonijiet li huma suġġetti għall-iċċekkjar veterinarju uffiċjali regolari. Għandhom ukoll ikunu akkumpanjati, meta jiġu ttrasportati, minn ċertifikati tas-saħħa u/jew kwalunkwe dokumenti oħra kif ipprovdut mid-direttivi rilevanti elenkati fl-Anness A, u maħruġa mill-veterinarju uffiċjali responsabbli għal dik l-ażjenda, ċentru jew organizzazzjoni ta’ oriġini.

18.

Skont l-Artikolu 4(1), l-Istati Membri tat-tluq għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex b’mod partikolari jiżguraw li fil-prinċipju annimali koperti mid-Direttiva huma tal-inqas iċċekkjati sew, minn lat veterinarju, bħallikieku huma hekk maħsuba għas-suq nazzjonali, u jiġu ttrasportati f’mezzi ta’ trasport xierqa li jissodisfaw ir-regoli tal-iġjene.

19.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)(a), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’, b’mod partikolari, twettaq spezzjonijiet waqt it-trasport tal-annimali meta jkollha informazzjoni li tista’ twassal għal suspett ta’ ksur ta’ xi wieħed mir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 3.

20.

L-Artikolu 12 jirrikjedi li l-Istati Membri, inter alia, jiżguraw li kull negozjant li huwa ingaġġat f’kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali koperti mid-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku jkun meħtieġ, fuq talba tal-awtorità kompetenti, li jirreġistra minn qabel f’reġistru uffiċjali u li jżomm rekord tat-tqassim.

Id-Direttiva dwar is-saħħa tal-annimali fil-kummerċ

21.

Id-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku kienet kompluta bid-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE, tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) għad-Direttiva 90/425/KEE ( 12 ). Din id-direttiva għandha l-għan li tilliberalizza l-kummerċ fl-annimali u l-prodotti oriġinati minn annimali, bla ħsara għal rimedju ta’ miżuri possibbli ta’ salvagwardja ( 13 ).

22.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, id-Direttiva dwar is-saħħa tal-annimali għall-kummerċ tipprovdi għal regoli dwar is-saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq ta’, inter alia, annimali li ma humiex bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż, żwiemel, tjur, ħut u molluski bivalvi ( 14 ). Għalhekk, tapplika għat-tqegħid fis-suq ta’ klieb.

23.

L-Artikolu 2(1)(a) jipprovdi li “kummerċ” għandha l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku ( 15 ).

24.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-kummerċ ma jkunx ipprojbit jew ristrett minħabba raġunijiet ta’ saħħa tal-annimali apparti minn dawk li jinħolqu mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva jew minn leġiżlazzjoni tal-UE, u partikolarment xi miżuri ta’ salvagwardja li jkunu ttieħdu.

25.

Skont l-Artikoli 4 u 10(2), fil-prinċipju klieb jistgħu jkunu suġġetti għall-kummerċ kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, dawn għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi ( 16 ). Iċ-ċertifikat li jakkumpanja l-klieb irid jikkonferma illi, 24 siegħa qabel id-dispaċċ tal-annimali, twettaq eżami kliniku minn veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti li juri illi l-annimali kienu b’saħħithom u kapaċi jissaportu l-ġarr għad-destinazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-klieb għandhom jiġu minn aġenziji jew negozji li huma rreġistrati mill-awtorità kompetenti. Dawn l-aġenziji jew negozji partikolarment jippromettu: (i) li l-annimali miżmuma jkunu eżaminati regolarment mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku; (ii) li jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti bit-tifqigħ ta’ ċertu mard; (iii) li jqiegħdu biss fis-suq għal skop ta’ kummerċ dawk l-annimali li ma jurux sinjali ta’ mard u li jiġu minn aġenziji jew żoni li ma humiex suġġetti għal xi projbizzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa tal-annimali, u (iv) li jikkonformaw ma’ rekwiżiti li jiżguraw il-benesseri tal-annimali miżmuma.

26.

L-Artikolu 12(3) jipprovdi li, għal skop ta’ kummerċ, l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku japplika għal, inter alia, negozjanti li jżommu klieb fuq bażi permanenti jew okkażjonali.

Ir-Regolament dwar il-moviment mhux kummerċjali ta ’ annimali domestiċi

27.

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi, dan ir-regolament jistabbilixxi l-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi u r-regoli li japplikaw għall-iċċekkjar fuq tali moviment.

28.

L-Artikolu 3(a) jiddefinixxi “annimali tal-gost [domestiċi]” bħala “annimali ta’ l-ispeċji elenkati fl-Anness I li jkunu jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom jew persuna naturali responsabbli minn dawn l-annimali f’isem is-sid matul il-moviment tagħhom u ma jkunux maħsuba li jinbigħu jew li jiġu ttrasferiti għal għand sid ieħor”. Parti A tal-Anness I jirreferi b’mod partikolari għall-klieb. Skont l-Artikolu 3(c), “moviment” ifisser “kull moviment ta’ annimal tal-gost [domestiku] bejn l-Istati Membri jew id-dħul tiegħu jew id-dħul mill-ġdid fit-territorju tal-Komunità minn pajjiż terz”.

29.

Skont l-Artikolu 5(1), meta annimali domestiċi jkunu ttrasportati bejn Stati Membri, dawn għandhom ikunu identifikati b’tattwaġġ li jista’ jinqara b’mod ċar jew b’sistema ta’ identifikazzjoni elettronika u jkunu akkumpanjati b’passaport maħruġ minn veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti li jiċċertifika, partikolarment, tilqim validu kontra r-rabbja.

Id-dritt Ġermaniż

30.

Il-paragrafu 4 tal-Binnenmarkt-Tierseuchenschutzverordnung (Ordinament għall-Protezzjoni kontra Mard tal-Annimali fis-Suq Intern; il-“Verordnung”), li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż il-punt (a) tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku, essenzjalment jipprovdi li kull minn, fil-kors tan-negozju (“gewerbsmäβig”), ikollu l-ħsieb li jċaqlaq annimali fi ħdan l-Unjoni jew jimportahom fl-Unjoni għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti mbagħad tirreġistra tali persuni u tassenjalhom numru ta’ reġistrazzjoni.

Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

31.

Pfotenhilfe-Ungarn hija assoċjazzjoni li tipproteġi l-annimali rreġistrata fil-Ġermanja. Għall-finijiet tal-liġi fiskali Ġermaniża, hija assoċjazzjoni karitatevoli.

32.

L-attivitajiet ta’ Pfotenhilfe-Ungarn jinkludu l-allokazzjoni ta’ klieb mingħajr sid li joriġinaw minn faċilitajiet ta’ protezzjoni tal-annimali fl-Ungerija, lejn sidien ġodda fil-Ġermanja. Fuq is-sit elettroniku tagħha, Pfotenhilfe-Ungarn tippubblika riklami li jikkonċernaw klieb li jirrikjedu allokazzjoni. Persuna interessata li tadotta kelb tiffirma “kuntratt ta’ protezzjoni” ma’ Pfotenhilfe-Ungarn, b’dan illi taċċetta li tidħol għal kura responsabbli tal-annimal u li tagħmel tajjeb għal ħlas nominali (normalment EUR 270) lil dik l-assoċjazzjoni. Il-ħlas nominali jirrappreżenta kontribuzzjoni għall-ispejjeż li Pfotenhilfe-Ungarn ikollha sabiex tieħu ħsieb dawn il-klieb u tittrasportahom lejn djar ġodda. Membri tal-Pfotenhilfe-Ungarn jittrasportaw il-klieb sabiex jiġu allokati fil-Ġermanja u jgħadduhom lis-sidien ġodda. Ma hemmx trasferiment ta’ proprjetà. Pfotenhilfe-Ungarn hija intitolata li titlob lura l-annimal jekk is-sid il-ġdid jikser il-kuntratt ta’ protezzjoni. Fis-seduta, Pfotenhilfe-Ungarn spjegat illi s-sid il-ġdid jaċċetta, partikolarment, li jsewwi lill-kelb allokat lilu u li ma jgħaddihx lil terzi. Jekk kelb li jkun marid jew anzjan ikollu jitraqqad, is-sid il-ġdid huwa meħtieġ li l-ewwel jikkuntattja lil Pfotenhilfe-Ungarn u jikseb l-awtorizzazzjoni tagħha.

33.

Fid-29 ta’ Diċembru 2009, Pfotenhilfe-Ungarn ittrasportat grupp ta’ 39 kelb mill-Ungerija għall-Ġermanja. Il-Ministeru skopra li evidenza dwar is-saħħa u l-istat tat-tilqim ta’ wieħed mill-klieb kienet nieqsa. Għalhekk bagħat ċirkolari lill-uffiċini ta’ spezzjoni veterinarja lokali bi struzzjonijiet sabiex jiċċekkjaw l-annimali kollha ta’ dik il-kunsinna. Meta Pfotenhilfe-Ungarn ikkontestat iċ-ċirkolari, il-Ministeru stqarr li t-trasport u l-allokazzjoni ta’ klieb imwettaq minn dik l-assoċjazzjoni kien jikkostitwixxi attività ekonomika. B’riżultat ta’ dan, l-assoċjazzjoni kellha tkun konformi mal-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ notifika kif stabbiliti fil-paragrafu 4 tal-Verordnung u mar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport.

34.

Il-kontestazzjoni ta’ Pfotenhilfe-Ungarn għad-deċiżjoni tal-Ministeru hija attwalment fi stadju ta’ appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju, li ssospendiet il-proċeduri u talbet deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1.

Huwa każ ta’ trasport ta’ annimali li ma jseħħx fil-kuntest ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tar-[Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport] it-trasport li jsir minn assoċjazzjoni tal-protezzjoni tal-annimali rikonoxxuta bħala karitatevoli u li jservi sabiex klieb mingħajr sid jiġu allokati lil terzi bi ħlas ta’ remunerazzjoni (‘ħlas nominali’ – ‘Schutzgebühr’) li:

a)

ma tkoprix, jew bilkemm tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-assoċjazzjoni għall-annimali, għat-trasport u għall-allokazzjoni tal-annimali; jew

b)

teċċedi dawn l-ispejjeż, iżda l-profitt iservi sabiex ikopri l-ispejjeż tal-allokazzjoni ta’ annimali oħra mingħajr sid, l-ispejjeż marbuta mal-annimali mingħajr sid u l-ispejjeż marbuta ma’ proġetti oħra ta’ protezzjoni tal-annimali?

2.

Huwa każ ta’ negozjant ta’ kummerċ intra-Komunitarju, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-[Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku] meta assoċjazzjoni tal-protezzjoni tal-annimali rikonoxxuta bħala karitatevoli tittrasporta klieb mingħajr sid lejn il-Ġermanja u tallokahom lil terzi bi ħlas ta’ remunerazzjoni (‘ħlas nominali’ – ‘Schutzgebühr’) li:

a)

ma tkoprix, jew bilkemm tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-assoċjazzjoni għall-annimali, għat-trasport u għall-allokazzjoni tal-annimali;

b)

teċċedi dawn l-ispejjeż, iżda l-profitt iservi sabiex ikopri l-ispejjeż tal-allokazzjoni ta’ annimali oħra mingħajr sid, l-ispejjeż marbuta mal-annimali mingħajr sid u l-ispejjeż marbuta ma’ proġetti oħra ta’ protezzjoni tal-annimali?”

35.

Pfotenhilfe-Ungarn, il-Ministeru, il-Gvern Awstrijak u Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Pfotenhilfe-Ungarn, il-Ministeru u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Ġunju 2015.

Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

36.

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “attività ekonomika” fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u ta’ “negozjant [...] li huwa ingaġġat f’kummerċ intra-Komunitarju” ta’ annimali skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku, neċessarjament jinvolvix skop ta’ profitt.

37.

Sabiex din id-domanda ta’ prinċipju titwieġeb, ma huwiex neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi xi jkopri eżattament il-ħlas nominali li Pfotenhilfe-Ungarn tirċievi għal kull kelb li talloka. Id-domandi magħmula jissuġġerixxu li l-ħlas nominali jista’ jkun inqas mill-ispejjeż li l-assoċjazzjoni jkollha sabiex iżżomm kelb partikolari, tipprovdilu l-kura u tittrasportah lejn is-sid il-ġdid tiegħu, jew eżatt kemm tkopri dawn l-ispejjeż. Il-ħlas nominali jista’ jkun ukoll ogħla minn dawk l-ispejjeż, f’liema każ il-ħlas żejjed jintuża sabiex jiffinanzja spejjeż sabiex jiġu allokati klieb oħra bla sid jew sabiex ikopri spejjeż relatati ma’ annimali bla sid jew proġetti oħra għall-protezzjoni tal-annimali. Din il-kwistjoni ta’ fatt għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali kompetenti, fejn meħtieġ.

38.

Sussegwentement, Pfotenhilfe-Ungarn issottomettiet li l-eżitu tar-rinviju jista’ jħalli impatt fuq l-istat tagħha bħala organizzazzjoni karitatevoli skont il-liġi fiskali tal-Ġermanja. L-uniku skop ta’ dan ir-rinviju huwa madankollu li l-qorti tar-rinviju tingħata l-gwida meħtieġa sabiex effettivament issolvi l-kwistjoni pendenti quddiemha ( 17 ). Dan jinkludi kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku, u mhux li jiġu esplorati l-konsegwenzi li dik l-interpretazzjoni jista’ jkollha fuq Pfotenhilfe-Ungarn lil hinn mill-kuntest tal-kawża prinċipali.

39.

Fl-aħħar nett, l-atti tad-dritt sekondarju tal-UE li ddeskrivejt iktar ’il fuq ( 18 ) essenzjalment jipprevedu żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet, kull waħda minnhom suġġetta għal reġim distint. L-ewwel waħda tikkonċerna l-movimenti ta’ annimali domestiċi li jkunu jakkumpanjaw lil sidhom jew persuna naturali li tkun responsabbli għal dawk l-annimali f’isem is-sid waqt il-moviment tagħhom. Dawn il-movimenti jaqgħu taħt ir-Regolament dwar il-movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi, ħlief f’każijiet meta l-annimal huwa ttrasportat sabiex ikun mibjugħ jew ittrasferit lil sid ġdid ( 19 ). It-tieni waħda tikkonċerna movimenti transkonfinali ta’ annimali fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. Dawn huma suġġetti għar-regoli iktar stretti li jinsabu fir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, id-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku u d-Direttiva dwar is-saħħa tal-annimali għall-kummerċ.

40.

Kif naraha jien, ir-raġunament sottostanti ta’ din id-distinzjoni huwa doppju.

41.

L-ewwel nett, kif spjegat il-Kummissjoni fis-seduta, il-moviment transkonfinali ta’ annimali domestiċi mis-sidien tagħhom normalment jinvolvi inqas kuntatt ma’ annimali u persuni oħra milli trasport ta’ annimali fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. B’riżultat ta’ dan, ir-riskju tat-tixrid ta’ mard kontaġjuż huwa iktar baxx f’dawk il-każijiet u għalhekk ma huwiex meħtieġ li japplikaw għal tali movimenti d-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku u d-Direttiva dwar is-saħħa tal-annimali għall-kummerċ ( 20 ).

42.

It-tieni nett, hemm preżunzjoni illi sid ta’ annimal domestiku jittrasporta l-annimal tiegħu b’manjiera li x’aktarx ma tikkawżax korriment jew tbatija żejda lill-annimal. Il-leġiżlatur tal-UE b’hekk ikkunsidra li ma kienx hemm ħtieġa li japplika r-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, għal dawn il-movimenti ( 21 ).

43.

Manifestament, il-leġiżlatur ma pprevediex b’mod speċifiku s-sitwazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet li, bħal Pfotenhilfe-Ungarn, jimpenjaw ruħhom għall-protezzjoni tal-annimali billi jittrasportawhom u jallokawhom lil sidien ġodda għal ħlas nominali.

44.

Fl-opinjoni tiegħi jidher li, fi kwalunkwe risposta li tingħata għad-domandi magħmula, xi wħud mil-lakuni leġiżlattivi jistgħu jkunu sfortunati. Jekk għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti dettaljati tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u d-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku, il-piż finanzjarju u amministrattiv addizzjonali fuq assoċjazzjonijiet bħalma hija Pfotenhilfe-Ungarn jistgħu jillimitaw sew l-abbiltà tagħhom li jippromwovu l-benesseri tal-annimali kif jagħmlu illum. Jekk dawn ir-rekwiżiti ma japplikawx, hemm ir-riskju li l-annimali jiġu ttrasportati taħt kundizzjonijiet li jistgħu jippermettu t-tixrid ta’ mard u jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa u l-benesseri tal-annimali (u tal-bnedmin).

L-ewwel domanda: it-trasport ta ’ annimaliinkonnessjoni ma ’ attività ekonomikafi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimal waqt it-trasport.

45.

Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport jikkonċerna biss trasport li jseħħ “inkonnessjoni ma’ attività ekonomika” ( 22 ). L-attività ta’ allokazzjoni ta’ Pfotenhilfe-Ungarn, ikkunsidrata b’mod sħiħ (jiġifieri, li tiġbor klieb mingħajr sid, tipprovdilhom il-kura meħtieġa, tirreklama klieb li għandhom jitpoġġew fuq is-sit elettroniku, tiffirma kuntratti ta’ protezzjoni u tittrasporta l-klieb lejn is-sidien ġodda tagħhom għal ħlas nominali), tikkostitwixxi attività ekonomika anki jekk din issir mingħajr skop ta’ profitt?

46.

Filwaqt li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” jista’ ma jkollux l-istess tifsira fid-dritt tal-UE ( 23 ), f’diversi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività tista’ tkun ekonomika anki jekk il-persuna li twettaqha ma tagħmilhiex għal profitt.

47.

Għaldaqstant, hija ġurisprudenza stabbilita li attivitajiet li jikkonsistu fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq, jaqgħu taħt il-portata tar-regoli tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni. ( 24 ) Il-fatt li persuna ma għandhiex skop ta’ profitt ma jżommx lil dik il-persuna milli tkun “entità” suġġetta għal, inter alia, l-projbizzjonijiet dwar ftehimiet antikompetittivi jew għajnuna mill-istat jekk dik il-persuna toffri prodotti jew servizzi fis-suq li huma f’kompetizzjoni ma’ dawk l-operaturi li jagħmlu profitt ( 25 ). Kif jispjega l-Avukat Ġenerali Jacobs, it-test bażiku fl-evalwazzjoni jekk attività hijiex fin-natura tagħha ekonomika u b’hekk taqa’ taħt ir-regoli ta’ kompetizzjoni tal-UE huwa “jekk tistax, tal-inqas fil-prinċipju, issir minn entità privata sabiex tagħmel profitti” ( 26 ).

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet approċċ simili f’kuntesti oħra. Pereżempju, il-fatt li kuntrattur għandu forma legali ta’ assoċjazzjoni taħt id-dritt privat u li din hija mingħajr skop ta’ profitt ma tipprekludihiex milli twettaq attività ekonomika. Ċirkustanzi bħal dawn huma għalhekk irrilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE dwar kuntratti pubbliċi ( 27 ). Bl-istess mod, il-fatt li persuna hija involuta f’attivitajiet mingħajr skop ta’ profitt fih innifsu ma huwiex suffiċjenti sabiex iċaħħad tali attivitajiet min-natura ekonomika tagħhom u sabiex ineħħihom mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE li jikkonċernaw il-libertà li tipprovdi servizzi ( 28 ). Lanqas ma jeżonera lil din il-persuna mir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE dwar is-salvagwardja ta’ drittijiet tal-impjegati fl-eventwalità ta’ trasferiment ta’ negozji ( 29 ). Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT ( 30 ) jirriżulta b’mod ċar li, fil-prinċipju, id-direttiva tapplika irrispettivament minn jekk attività hijiex magħmula għal skop ta’ profitt. Taħt din id-dispożizzjoni, “Persuna taxxabbli” tfisser “kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.” L-Artikolu 132(l) u (m) tad-Direttiva dwar il-VAT, li teżenta ċerti attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, ikompli jsostni din il-konklużjoni. Dawn l-attivitajiet ma jkunux jinħtieġu eżenzjoni speċjali jekk ma jkunux attivitajiet ekonomiċi ( 31 ).

49.

Kemm il-kliem kif ukoll il-kuntest tal-Artikolu 1(5) u l-iskop tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport isostnu l-pożizzjoni li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” f’din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem differenti mit-tifsira normali tagħha fid-dritt tal-UE.

50.

Qabelxejn, meta jingħad li r-regolament “ma għandux japplika għat-trasport ta’ annimali li ma jkunx qiegħed isir b’konnessjoni ma’ attività ekonomika”, l-Artikolu 1(5) ma jiddistingwix bejn attivitajiet ekonomiċi intiżi għal gwadann finanzjarju minn dawk li ma jkunux. Lanqas ma juża l-kunċett ta’ “trasport għal skopijiet kummerċjali”.

51.

Issa, il-premessa 12 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport tispjega biss li “trasport għal skopijiet kummerċjali” għandha tiġi mifhuma b’mod wiesa’. Għalhekk, ma tagħtix gwida utli meta tinterpreta l-kunċett ta’ “attività ekonomika” fl-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament.

52.

B’kuntrast, il-premessa 21 donnha tindika li ċerti attivitajiet li ma humiex għal skop ta’ profitt jistgħu madankollu jkunu “ekonomiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(5). Fil-kliem ta’ dik il-premessa, żwiemel irreġistrati jiġu ħafna drabi ttrasportati “għal skopijiet li ma humiex kummerċjali”, pereżempju għal kompetizzjoni, tlielaq, attivitajiet kulturali jew sabiex jgħammruhom. Dan jiġġustifika derogar minn ċerti (iżda mhux kollha) dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt tali trasport. Huwa għalhekk ċar illi t-trasport ta’ annimali “għal skopijiet mhux kummerċjali” jista’ jseħħ “inkonnessjoni ma’ attività ekonomika”. Kieku xorta oħra, l-ebda deroga espressa ma kienet tkun meħtieġa.

53.

Barra minn hekk, li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport għal attivitajiet ekonomiċi li huma intiżi għal profitt, tirriskja b’mod ċar li tippreġudika l-għan prinċipali ta’ din il-leġiżlazzjoni li jipproteġi lill-annimali waqt it-trasport ( 32 ). Fis-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali, numru sinjifikattiv ta’ klieb ġew ittrasportati fi ħdan il-fruntieri interni tal-Unjoni f’kunsinna waħda. Dawn l-annimali kienu għalhekk potenzjalment esposti għal, tal-inqas, ċerti riskji għas-saħħa u l-benesseri tal-annimali li r-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport huwa intiż li jindirizza ( 33 ). Sa fejn – kif Pfotenhilfe-Ungarn u l-Kummissjoni essenzjalment it-tnejn li huma issottomettew fis-seduta – klieb mingħajr sid huma ġeneralment f’kundizzjoni ta’ saħħa iktar dgħajfa minn klieb oħra, jidhirli li sensibbilment dawn ir-riskji ma jistgħux jiġu injorati.

54.

Lanqas ma nista’ naċċetta s-sottomissjoni ta’ Pfotenhilfe-Ungarn li r-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport ma għandux japplika għall-attività tagħha ta’ allokazzjoni sempliċement għaliex l-iskop ta’ din l-assoċjazzjoni huwa speċifikament li tipproteġi l-annimali. Dan l-għan hu ta’ min ifaħħru. Madankollu, minnu innifsu ma jeliminax il-possibbiltà li – bla dubju, involontarjament – tali assoċjazzjoni tista’ tittrasporta annimali b’manjiera li tista’ tikkawżalhom korriment jew tbatija bla bżonn jew bla ma wieħed jintebaħ jaggrava marda li ma tkunx għadha identifikata.

55.

Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) hija konsistenti mhux biss mal-Artikolu 13 TFUE iżda wkoll mal-Konvenzjoni Nru 193 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport internazzjonali (il-“Konvenzjoni”), li l-Unjoni ffirmat ( 34 ) u li riferiment għaliha jinsab fil-preambolu tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport ( 35 ). Għalkemm il-movimenti tal-annimali bejn Stati Membri ma humiex fil-fatt irregolati mill-Konvenzjoni ( 36 ), din tal-aħħar u r-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport essenzjalment isegwu l-istess għan li jissalvagwardja l-benesseri tal-annimali waqt it-trasport ( 37 ), Iż-żewġ strumenti legali huma bbażati wkoll fuq l-istess prinċipji ( 38 ). Ir-rapport ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjoni, adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-11 ta’ Ġunju 2003, jipprovdi espliċitament li trasport kopert mill-Konvenzjoni “jista’ jkun għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali”.

56.

Għalhekk jien nikkonkludi li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ profitt tittrasporta annimali “inkonnessjoni ma’ attività ekonomika” sa fejn dan it-trasport jifforma parti minn offerta ta’ prodotti u servizzi f’suq partikolari. Huwa dan il-każ hawn?

57.

Jidhirli li huwa ċar illi assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ profitt tkun attiva fis-suq għal annimali domestiċi meta twettaq attività bħal ma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-fatt li prodotti u servizzi jkunu, sa ċertu punt, tali li jservu ħtiġijiet identiċi jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti ċertu livell ta’ sostituzzjoni bejniethom ( 39 ) u huma għalhekk offruti fl-istess suq. Għalkemm il-kuntratt ta’ protezzjoni ffirmat minn Pfotenhilfe-Ungarn u individwu ma jistax jinvolvi trasferiment ta’ proprjetà ( 40 ) wara li jsir il-ħlas nominali, dik il-persuna ssir is-sid il-ġdid tal-kelb u tikkommetti ruħha li tassumi kura responsabbli tal-annimal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni ma hijiex fundamentalment differenti minn dik li fiha kelb ikun inxtara minn ħanut tal-annimali domestiċi. Iktar minn hekk, assoċjazzjonijiet bħal Pfotenhilfe-Ungarn potenzjalment joffru firxa wiesgħa ta’ klieb ta’ diversi razez, età u daqs ( 41 ). Tal-inqas, hemm għalhekk ċertu grad ta’ sovrapożizzjoni bejn l-attività li tqiegħed klieb ma’ sidien ġodda għal ħlas nominali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u l-attività li l-bejgħ ta’ klieb isir minn ħwienet ta’ annimali domestiċi ( 42 ).

58.

Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi assoċjazzjoni bħal Pfotenhilfe-Ungarn tittrasporta annimali inkonnessjoni ma’ attività ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport meta tittrasporta klieb bejn Stati Membri bl-iskop li tallokahom lil terzi għal ħlas nominali, irrispettivament minn jekk din l-attività hijiex għal skop ta’ profitt jew le.

It-tieni domanda: “kummerċ intra-Komunitarju ” bl-annimali fis-sens tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku

59.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku. Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, jeħtieġ li l-ewwel jiġi eżaminat jekk il-moviment tal-annimali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex fil-fatt kopert b’din id-direttiva. Kif spjegajt, din id-direttiva ma tapplikax għal iċċekkjar veterinarju ta’ annimali domestiċi akkumpanjati minn u taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna naturali fuq movimenti bejn Stati Membri, fejn dawn il-movimenti ma jkunux is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali ( 43 ).

60.

Mill-kliem tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, huwa ċar li din tkopri biss movimenti ta’ annimali domestiċi (i) akkumpanjati minn u (ii) taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna naturali. ( 44 ) Dawn il-movimenti huma rregolati mir-Regolament dwar movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi sakemm l-annimali ma jkunux intiżi li jinbigħu jew li jiġu ttrasferiti lil proprjetarju ieħor. Kif il-Kummissjoni tirrileva, id-deroga li din id-dispożizzjoni tinkludi ma tikkonċernax trasport magħmul taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna legali (anki meta l-klieb huma fil-fatt ittrasportati minn persuna naturali, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali). Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiġġudika l-fatti sabiex tivverifika, fejn meħtieġ, jekk Pfotenhilfe-Ungarn (li jidher li hija persuna legali skont id-dritt Ġermaniż) baqgħetx responsabbli għall-klieb waqt it-trasport u sal-mument li dawn ingħataw lis-sidien ġodda tagħhom, jew jekk kienx hemm xi trasferiment xieraq ta’ responsabbiltà legali lill-persuna(i) naturali li wettqu t-trasport u operazzjonijiet sussegwenti ( 45 ).

61.

Assoċjazzjoni bħal Pfotenhilfe-Ungarn hija “negozjant li huwa ingaġġat f’kummerċ intra-Komunitarju” ta’ annimali skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku meta tittrasporta klieb bejn Stati Membri bil-ħsieb li tallokahom lil terzi għal remunerazzjoni iżda mhux għal profitt?

62.

Fir-rigward tal-ewwel diċitura, l-użu fl-Artikolu 12 tal-kelma “Unternehmer” (verżjoni Ġermaniża), “επιχειρήσεις” (verżjoni Griega), “dealers” (verżjoni Ingliża), “handelaars” (verżjoni Olandiża) u “handlare” (verżjoni Svediża) ma huwiex deċiżiv. Anki jekk tassumi li kull waħda minn dawn il-kliem awtomatikament tinvolvi motiv għal profitt (li huwa dubjuż fih innifsu), dan huwa ċar li mhux il-każ għall-kelma korrispondenti f’verżjonijiet lingwistiċi oħra li fihom ġiet adottata din id-dispożizzjoni fl-1990 ( 46 ).

63.

Il-kunċett ta’ “kummerċ” għandu l-istess tifsira fid-Direttiva dwar l-iċċekkjar zootekniku bħal fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-prodotti ( 47 ). Dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattati huma element essenzjali tas-suq intern, li huwa parti mill-pedament tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, il-kunċett ta’ “kummerċ fi prodotti” fl-Artikolu 28 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs l‑Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja fissret il-kunċett ta’ “prodotti” fis-sens ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 28 TFUE bħala “prodotti li jista’ jkollhom valur monetarju u li huma kapaċi, fil-fatt, li jifformaw is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali” ( 48 ). Għalhekk, fil-prinċipju, dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-prodotti japplikaw irrispettivament minn jekk il-prodotti kkonċernati humiex qed jiġu ttrasportati bejn il-fruntieri għal skop ta’ bejgħ jew bejgħ mill-ġdid, jew inkella għal użu jew konsum personali ( 49 ).

64.

A fortiori, il-kwistjoni dwar jekk “moviment ta’ prodotti” (inkluż annimali) jifformax parti minn tranżazzjoni għal skop ta’ profitt hija irrelevanti għall-kwistjoni dwar jekk dak il-moviment huwiex kopert mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-moviment liberu u, b’estensjoni, mill-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku.

65.

L-iskop ta’ din id-direttiva li tissostitwixxi s-sistema preċedenti ta’ ċċekkjar veterinarju u zootekniku fil-fruntieri interni tal-Unjoni b’sistema armonizzata ta’ ċċekkjar fl-Istat Membru ta’ oriġini u fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, ikompli jenfasizza dan l-approċċ. Din is-sistema armonizzata, li hija bbażata fuq fiduċja ikbar għall-iċċekkjar veterinarju magħmul fl-Istat ta’ oriġini ( 50 ), għandha l-għan kemm li tlesti s-suq intern u kif ukoll li tissalvagwardja s-saħħa pubblika u dik tal-annimali ( 51 ).

66.

Ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 12 li kull negozjant li huwa involut f’kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali kopert mid-direttiva għandu jirreġistra minn qabel f’reġistru uffiċjali fuq talba tal-awtorità kompetenti u jżomm rekord tal-kunsinni, essenzjalment jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. B’hekk, pereżempju, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini għandha d-dmir li twettaq spezzjonijiet fuq, inter alia, aġenziji, ċentri jew organizzazzjonijiet sabiex tkun issodisfatta li annimali u prodotti intiżi għall-kummerċ ikunu konformi ma’ rekwiżiti Komunitarji, inklużi r-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku ( 52 ). B’mod partikolari, huma biss annimali li jiġu minn aġenziji, ċentri jew organizzazzjonijiet suġġetti għal spezzjonijiet veterinarji regolari uffiċjali li jistgħu jkunu suġġetti għall-kummerċ ( 53 ). F’dan l-isfond, huwa ċar li l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini teħtieġ li jkollha reġistru tal-postijiet kollha li fihom għandha twettaq spezzjonijiet veterinarji regolari.

67.

Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tista’ jew twettaq spezzjonijiet sorpriża fil-post ta’ destinazzjoni sabiex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3, jew tagħmel spezzjonijiet waqt it-trasport tal-annimali u prodotti fit-territorju fejn għandha informazzjoni li twassalha sabiex tissuspetta ksur ( 54 ). Jekk tistabbilixxi l-preżenza ta’, inter alia, zoonosi jew marda, jew xi kawża li tista’ tikkostitwixxi perikolu serju għall-annimali jew il-bnedmin, id-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku tirrikjedi li minn dik l-awtorità kompetenti tordna li l-annimal jew il-kunsinna ta’ annimali jitqiegħdu fi kwarantina jew, jekk inhu meħtieġ, jinqatlu ( 55 ). Dik l-awtorità għandha d-dmir li tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni immedjatament bil-miktub bis-sejbiet li tkun waslet għalihom, bid-deċiżjonijiet meħuda u bir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet ( 56 ). Għandha wkoll tikkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini mingħajr dewmien, sabiex tippermetti lil dawn tal-aħħar sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha ( 57 ). Jekk ikun hemm riskju ta’ epidemija, dawn il-miżuri jistgħu jinvolvu, inter alia, li tibgħat il-bhejjem fi kwarantina fl-aġenzija ta’ oriġini u tinforma lill-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet kollha fejn l-annimali li oriġinaw minn din l-aġenzija ġew mibgħuta. Dawn il-proċeduri jissottolinjaw l-importanza kemm tar-reġistru uffiċjali tan-negozjanti kif ukoll tar-rekord ta’ kunsinni fl-iskema ġenerali tad-Direttiva dwar l-iċċekjar veterinarju u zootekniku.

68.

Din l-iskema tista’ tkun ippreġudikata u l-għanijiet ta’ din id-direttiva jkunu mdgħajfa jekk l-Artikolu 12 kellu jkun inapplikabbli f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali. Li tiddistingwi bejn trasport ta’ kunsinni ta’ annimali domestiċi inkonnessjoni ma’ attivitajiet bi skop ta’ profitt u dawk li ma humiex, jista’ jkun diffiċli fil-prattika (speċjalment fil-kuntest ta’ spezzjonijiet sorpriża) u għalhekk jinvolvi riskju korrispondenti ta’ frodi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt espliċitament jirrikonoxxi dan ir-riskju. Il-preambolu tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 388/2010 ( 58 ) jirreferi għall-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament dwar movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi li turi li hemm riskju għoli ta’ moviment kummerċjali ta’ klieb, qtates u inmsa li b’mod frawdolenti jiġu mgħoddija bħala movimenti mhux kummerċjali ( 59 ). Sabiex jiġu evitati dawn il-prattiċi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissuġġetta movimenti ta’ iktar minn ħames annimali domestiċi għar-rekwiżiti u għall-iċċekkjar ipprovdut fid-Direttiva dwar is-saħħa tal-annimali għall-kummerċ. L-istess ġustifikazzjoni hija riflessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 576/2013 ( 60 ), li jispeċifika li movimenti ta’ iktar minn ħames annimali domestiċi bejn Stati Membri huma fil-prinċipju suġġetti għal rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali kif jinsabu fid-Direttiva dwar is-saħħa tal-annimali għall-kummerċ u għall-iċċekkjar veterinarju kif jinsab fid-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku ( 61 ).

69.

Għalhekk, nikkonkludi li assoċjazzjoni bħal ma hija Pfotenhilfe-Ungarn tkun negozjant involut fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku meta tittrasporta klieb bejn Stati Membri bil-ħsieb li jiġu allokati lil terzi għal ħlas nominali, irrispettivament minn jekk din l-attività ssirx bi skop ta’ profitt jew le.

70.

Madankollu, għandi dubju serju dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax tkun ta’ bażi kontra Pfotenhilfe-Ungarn fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna tilwima bejn din l-assoċjazzjoni u awtorità pubblika fil-Ġermanja. Hija ġurisprudenza stabbilita li direttiva ma tistax fiha nfisha timponi obbligi fuq individwu u li dispożizzjoni ta’ direttiva ma tistax isservi direttament ta’ bażi kontra tali persuna quddiem qorti nazzjonali ( 62 ). B’riżultat ta’ dan, awtorità nazzjonali ma għandhiex tibbaża ruħha, kontra individwu, fuq dispożizzjoni ta’ direttiva li tkun għadha ma ġietx implementata (korrettament) fid-dritt nazzjonali ( 63 ). Din il-ġurisprudenza tfittex li tipprekludi lill-Istat milli jieħu vantaġġ min-nuqqas tiegħu stess li jkun konformi mad-dritt tal-UE ( 64 ).

71.

Ir-raba’ paragrafu tal-Verordnung, li ttraspona l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku fid-dritt Ġermaniż, japplika biss “fil-kors tan-negozju” (“gewerbsmäβig”). Hija ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu fuq il-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom fid-dawl tal-kliem u tal-għan tad-direttiva huwa limitata mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li jifformaw parti mid-dritt tal-UE u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Dan l-obbligu ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali contra legem ( 65 ). Mill-provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li l-attivitajiet ta’ Pfotenhilfe-Ungarn ma humiex“fil-kors ta’ negozju”, u li interpretazzjoni ta’ din il-frażi intiża sabiex taqbel mal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku li ssuġġerejt iktar ’il fuq tirrikjedi interpretazzjoni contra legem. Finalment, dawn huma madankollu materji li l-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi dwarhom.

Rimarka addizzjonali

72.

Il-fatti li jwasslu għar-rinviju preżenti juru b’mod mill-iktar ċar li hemm lakuna fl-iskemi leġiżlattivi tal-UE eżistenti li jirregolaw il-movimenti transkonfinali ta’ annimali. Filwaqt li nirrakkomanda dawn ir-risposti għall-Qorti tal-Ġustizzja, ninsab ferm konxja tal-fatt li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ profitt li ssalva klieb mingħajr sid f’wieħed mill-Istati Membri u tallokahom lil sid ġdid fi Stat Membru ieħor ikollha ftit li xejn riżorsi li bihom tilħaq ir-rekwiżiti dettaljati ta’ leġiżlazzjoni li hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni għas-saħħa tal-annimali fil-kuntest ta’ attività kummerċjali għal skop ta’ profitt. Uħud jistgħu jaħsbu, tabilħaqq, li l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni għal assoċjazzjonijiet bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ixxaqleb lejn il-pervers. Min-naħa l-oħra, lanqas ma jkun korrett li sempliċiment tiġi applikata l-leġiżlazzjoni inqas stretta li tirregola l-moviment transkonfinali ta’ annimali domestiċi individwali għal din is-sitwazzjoni.

73.

Kultant, huwa possibbli li problema evidenti tiġi solvuta b’interpretazzjoni inventiva ta’ test eżistenti. Jien wasalt għall-konklużjoni li din ma hijiex possibbli f’dan il-każ. Lanqas ma naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja hija attrezzata sabiex tilħaq il-bilanċ (ġdid) xieraq bejn li tiffaċilita l-moviment liberu tal-annimali għal kawża ġusta u li tiżgura l-protezzjoni xierqa tas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, filwaqt li titqies il-ħtieġa ta’ ħarsien kontra l-frodi u l-abbuż. Dan il-kompitu huwa wieħed li l-leġiżlatur għandu jassumi. Nispera li din il-kawża issottolinjat il-ħtieġa li jagħmel dan.

Konklużjoni

74.

Għar-raġunijiet kollha hawn fuq elenkati, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja):

(1)

Assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-annimali tittrasporta annimali inkonnessjoni ma’ attività ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2005 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 meta tittrasporta klieb bejn Stati Membri bil-ħsieb li tallokahom lil terzi għal ħlas nominali, irrispettivament minn jekk din l-attività hijiex bi skop ta’ profitt jew le.

(2)

Barra minn hekk, f’din is-sitwazzjoni, tali assoċjazzjoni hija negozjant involut fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi invokata kontra Pfotenhilfe-Ungarn fil-kawża prinċipali.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10 p. 138), kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku”).

( 3 )   Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005 L 3, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport”).

( 4 )   Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 3, Vol. 39,p. 75) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi”). Dak ir-regolament ġie mħassar bir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi (ĠU 2013 L 178, p. 1), li ma kienx japplika fiż-żmien rilevanti (ara l-punt 33 iktar ’il quddiem). Il-verżjoni tar-Regolament tal-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi li hija rilevanti għall-fatti tal-kawża prinċipali hija dik tal-aħħar emendata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 898/2009, tal-25 ta’ Settembru 2009 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-listi tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU 2009 L 256, p. 10).

( 5 )   Ara wkoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3.

( 6 )   Il-kliem tal-Artikolu 1(5) ivarja mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport għat-trasport “għal skopijiet kummerċjali”. Ara l-Artikolu 1(1) tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u attivitajiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KEE, COM(2003) 425 finali.

( 7 )   It-tieni premessa tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku. Essenzjalment, spezzjonijiet veterinarji għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa pubblika u dik tal-annimali, filwaqt li spezzjonijiet zootekniċi huma intiżi għal titjib dirett jew indirett tar-razzez. Ara l-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

( 8 )   Il-ħames premessa.

( 9 )   Tad-19 ta’ Novembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 03, Vol. 12, p. 133).

( 10 )   Artikoli 1(1) u 33 tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport.

( 11 )   Skont l-Artikolu 28(2) TFUE, it-tneħħija ta’ dazji doganali fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u ta’ piżijiet ekwivalenti pagabbli (Artikolu 30 TFUE) kif ukoll l-Artikolu 33 TFUE rigward koperazzjoni doganali japplikaw għal “prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll għal prodotti ġejjin minn pajjiżi mhux membri li huma f’ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri”.

( 12 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 154 (id-“Direttiva dwar is-saħħa tal-annimali għall-kummerċ”), kif l-aħħar emendata, fiż-żmien rilevanti fil-kawża prinċipali, bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li tissimplifika l-proċeduri tal-elenkar u tal-pubblikazzjoni tat-tagħrif fl-oqsma veterinarji u żootekniċi u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE, 77/504/KEE, 88/407/KEE, 88/661/KEE, 89/361/KEE, 89/556/KEE, 90/426/KEE, 90/427/KEE, 90/428/KEE, 90/429/KEE, 90/539/KEE, 91/68/KEE, 91/496/KEE, 92/35/KEE, 92/65/KEE, 92/66/KEE, 92/119/KEE, 94/28/KE, 2000/75/KE, id-Deċiżjoni 2000/258/KE u d-Direttivi 2001/89/KE, 2002/60/KE, u 2005/94/KE (ĠU 2008, L 219, p. 40).

( 13 )   Id-disa’ premessa.

( 14 )   Ara wkoll ir-raba’ u l-ħames premessi.

( 15 )   Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.

( 16 )   Ara l-punt 29 iktar ’il quddiem.

( 17 )   Ara, inter alia, is-sentenzi fil-kawżi Foglia, 244/80, EU:C:1981:302, punt 18, u Pohotovost, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 29.

( 18 )   Ara l-punti 5 sa 29 iktar ’il fuq.

( 19 )   Artikolu 3(a) tar-Regolament dwar il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi.

( 20 )   Madankollu, ninnota li issa r-Regolament Nru 576/2013 jissuġġetta movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi ta’ speċi suxxettibbli għar-rabbja (inkluż il-klieb) għal rekwiżiti iktar stretti dwar is-saħħa tal-annimali minn kif kien ir-Regolament preċedenti dwar il-moviment mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi.

( 21 )   Madankollu, regoli nazzjonali li jippenalizzaw it-trattament ħażin tal-annimali jistgħu (u hekk għandu jkun) japplikaw meta individwu, sid ta’ annimal, jittrasporta l-annimal tiegħu b’mod li jmur kontra din il-preżunzjoni.

( 22 )   Artikolu 1(5).

( 23 )   Sentenza fil-kawża Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 31 sa 33. Ara, għal analiżi tal-kunċett “attività ekonomika” f’diversi politiki tal-UE, Odudu, O., “Economic Activity as a Limit to Community Law”, f’Barnard, C., Odudu, O. (Eds), The Outer Limits of European Union Law, Oxford, Hart Publishing, 2009, p. 225-243.

( 24 )   Ara, inter alia, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 118/85, EU:C:1987:283, punt 3; Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C 35/96, EU:C:1998:303, punt 36; u Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 75.

( 25 )   Ara, inter alia, is-sentenzi Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430, punt 85; Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 123; u Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawżi AOK Bundesverband et, C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2003:304, punt 27 (enfasi miżjuda). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li assigurazzjoni obbligatorja għall-mard u l-maternità ma tilħaqx dik il-kundizzjoni għaliex hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali u hija kollha kemm hi mingħajr skop ta’ profitt: ara s-sentenza Poucet u Pistre, C‑159/91 u C‑160/91, EU:C:1993:63, punti 1819.

( 27 )   Ara s-sentenza riċenti Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH, C‑574/12, EU:C:2014:2004, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 )   Ara s-sentenzi Schindler, C‑275/92, EU:C:1994:119, punti 35 u 36; Smits and Peerbooms, C‑157/99, EU:C:2001:404, punti 50 sa 59; u Jundt, C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 33.

( 29 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑382/92, EU:C:1994:233, punti 4445.

( 30 )   Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).

( 31 )   Ara, għal illustrazzjoni riċenti, is-sentenza The Bridport and West Dorset Golf Club, C‑495/12, EU:C:2013:861.

( 32 )   Ara s-sentenza Danske Svineproducenter, C‑316/10, EU:C:2011:863, punt 44.

( 33 )   Dawk ir-riskji jistgħu jirriżultaw pereżempju mill-użu ta’ mezzi ta’ trasport li ma humiex xierqa jew il-ksur ta’ regoli tekniċi li jikkonċernaw spazji minimi għal kull annimal u l-għalf u t-tisqija waqt it-trasport.

( 34 )   Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/544/KE, tal-21 ta’ Ġunju 2004, dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonali (ĠU L 352M, p. 1).

( 35 )   Premessa 4

( 36 )   Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni.

( 37 )   Ara b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni.

( 38 )   Ara pereżempju d-dispożizzjonijiet segwenti tal-Konvenzjoni: Artikolu 5 (“Awtorizzazzjoni ta’ trasportaturi”), Artikolu 6 (“Disinn u kostruzzjoni” tal-mezz ta’ trasport), Artikolu 7 (“Ippjanar” tat-trasport), Artikolu 9 (“Kundizzjoni tajba għat-trasport”) u Artikolu 11 (Serħan, tisqija u għalf qabel it-tagħbija”).

( 39 )   Ara s-sentenzi De Landtsheer Emmanuel, C‑381/05, EU:C:2007:230, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Lidl, C‑159/09, EU:C:2010:696, punt 32.

( 40 )   Ara l-punt 32 iktar ’il fuq.

( 41 )   Dan joħroġ ċar mis-sit elettroniku ta’ Pfotenhilfe-Ungarn: www.pfotenhilfe-ungarn.de/zu_vermitteln.html.

( 42 )   Sal-punt li Pfotenhilfe-Ungarn, għall-kuntrarju ta’ ħanut tal-annimali domestiċi, ma hijiex qed teżiġi li tiġġenera xi profitt mill-allokazzjoni ta’ kelb, is-sid il-ġdid jista’ jħallas inqas sabiex jakkwista l-annimal. Fil-konfront tal-ovvja spiża iktar baxxa, madankollu, jista’ potenzjalment iġorr spejjeż addizzjonali iktar ’il quddiem jekk kelb ta’ sfond inċert jimrad jew ikun ġie ttrawmatizzat bl-esperjenzi anteċedenti tiegħu bħala kelb bla sid.

( 43 )   Punt 15 iktar ’il fuq.

( 44 )   Ara l-Artikolu 3(a) tar-Regolament. Mill-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali, jidher li l-proprjetà tal-klieb ma għaddietx formalment għand is-sidien il-ġodda. Madankollu, normalment f’kull każ individwali sar ħlas u l-kelb ġie mbagħad “ittrasferit”. Dan kien, fil-fatt, l-iskop kollu tal-operazzjoni ta’ salvataġġ tal-kelb. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li t-trasferiment għandu jiġi assimilat ma’ “[bejgħ] jew [trasferiment] għal sid ieħor” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

( 45 )   Għar-raġuni mogħtija fil-punti 70 u 71 iktar ’il quddiem, finalment din tista’ ma tkunx meħtieġa hawn.

( 46 )   Ara b’mod partikolari l-verżjoni Spanjola (“Agentes”), il-verżjoni Daniża (“Ehrvervsdrivende”), il-verżjoni Franċiża (“opérateurs”), il-verżjoni Taljana (“operatori”), u l-verżjoni Portugiża (“operadores”). Ara wkoll il-verżjoni Rumena (“operatorii”).

( 47 )   Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar l-ispezzjonijiet veterinarji u zootekniċi.

( 48 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 7/68, EU:C:1968:51 (enfasi miżjuda). Dik id-definizzjoni tkopri annimali domestiċi. Ara, pereżempju, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑100/08, EU:C:2009:537, punt 42.

( 49 )   Sentenza fil-Kawża Schumacher, 215/87, EU:C:1989:111, punt 22. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑2/90, EU:C:1991:344, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 50 )   Is-sitt premessa.

( 51 )   Dan l-aħħar għan jirriżulta minn diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 8(1)(b), is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(1).

( 52 )   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3).

( 53 )   Artikolu 3(1)(b).

( 54 )   Artikolu 5(1)(a).

( 55 )   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(a).

( 56 )   It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(a).

( 57 )   L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1).

( 58 )   Tas-6 ta’ Mejju 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-numru massimu ta’ annimali domestiċi ta’ ċerti speċji li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ moviment mhux kummerċjali (ĠU 2010 L 114, p. 3).

( 59 )   Premessa 6.

( 60 )   Premessa 11.

( 61 )   Artikolu 5(4).

( 62 )   Ara, inter alia, is-sentenzi Marshall, 152/84, EU:C:1986:84, punt 48; Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, EU:C:1987:431, punt 9; u Rieser Internationale Transporte, C‑157/02, EU:C:2004:76, punt 22.

( 63 )   Sentenzi Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, EU:C:1987:431, punt 10, u Arcaro, C‑168/95, EU:C:1996:363, punti 36 sa 38.

( 64 )   Sentenza Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 22.

( 65 )   Ara, inter alia, is-sentenzi Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, EU:C:1987:431, punt 13, u Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 61.