KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ Jannar 2016 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑260/14 u C‑261/14

Județul Neamț (C‑260/14),

Județul Bacău (C‑261/14)

vs

Ministerul Dezvoltării Regionale și Administrației Publice

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bacău (qorti tal-appell ta’ Bacău, ir-Rumanija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) — Regolament (KE) Nru 1083/2006 — Għoti ta’ kuntratt, mill-benefiċjarju tal-fondi li jaġixxi bħala awtorità kontraenti, bil-għan li titwettaq l-azzjoni ssussidjata — Kunċett ta’ ‘irregolarità’ — Portata tal-kriterju dwar il-‘ksur tad-dritt tal-Unjoni’ — Kriterji ta’ għażla fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti li jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali — Natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-Istati Membri — Miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi”

1. 

Il-ksur minn awtorità kontraenti li tibbenefika minn sussidju tal-Fondi strutturali tar-regoli nazzjonali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta jingħata kuntratt li għandu bħala għan it-twettiq tal-azzjoni ssussidjata, jista’ jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 ( 2 ) jew tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 ( 3 )?

2. 

Jekk ikun il-każ, il-korrezzjonijiet finanzjarji li jagħmlu l-Istati Membri sabiex jieħdu lura l-vantaġġ indebitu miksub jikkostitwixxu miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti?

3. 

Dawn huma, essenzjalment, id-domandi li tagħmel il-Curtea de Apel Bacău (qorti tal-appell ta’ Bacău) f’dawn il-kawżi.

4. 

Dawn id-domandi saru fil-kuntest tal-kawżi bejn rispettivament il-Județul Neamț (dipartiment ta’ Neamț) (Kawża C‑260/14) u l-Județul Bacău (dipartiment ta’ Bacău) (Kawża C‑261/14), li huma l-benefiċjarji ta’ sussidju mħallas mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u l-Ministerul Dezvoltării Regionale și Administrației Publice (Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Amministrazzjoni Pubblika), li huwa l-awtorità inkarigata mill-ġestjoni u mill-kontroll, fil-livell reġjonali, tal-użu ta’ dan is-sussidju. Fil-fatt, dan tal-aħħar ikkunsidra li d-dipartiment ta’ Neamț u d-dipartiment ta’ Bacău kisru r-regoli nazzjonali tas-sejħa pubblika meta ngħataw kuntratti pubbliċi marbutin mat-twettiq ta’ operazzjonijiet issussidjati u ddeċieda, għalhekk, li jieħu lura u jirkupra 5 % tal-għajnuna finanzjarja mogħtija. Għaldaqstant, id-dipartiment ta’ Neamț u d-dipartiment ta’ Bacău kkontestaw il-legalità ta’ dawn il-korrezzjonijiet finanzjarji billi fakkru li, skont ir-Regolamenti Nri 2988/95 u 1083/2006, “irregolarità” tfisser, b’mod partikolari, il-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

5. 

Fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-ksur, mill-benefiċjarju ta’ sussidju tal-Fondi strutturali li jaġixxi bħala awtorità kontraenti, tar-regoli nazzjonali biss, jistax joħloq irregolarità li twassal għall-adozzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji?

6. 

F’dawn il-konklużjonijiet jiena ser nesponi r-raġunijiet għaliex l-irregolarità ta’ operazzjoni kkofinanzjata mill-Fondi Strutturali ma tistax, fil-fehma tiegħi, tkun limitata għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni stricto sensu.

7. 

Il-protezzjoni ta’ interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-garanzija tal-effikaċja tal-programmi operattivi ( 4 ) permezz ta’ użu legali u regolari tal-Fondi strutturali huma għanijiet li ma jkunux jistgħu jintlaħqu effettivament ħlief jekk is-sussidji mogħtija jirrigwardaw atti u nfiq li l-legalità tagħhom ma tistax tiġi kkontestata, kemm jekk dan ikun fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali.

8. 

Għalhekk qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-ksur minn awtorità kontraenti, li tibbenefika minn sussidju mħallas mill-Fondi Strutturali tar-regoli nazzjonali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta jingħata l-kuntratt intiż għat-twettiq tal-azzjoni ssussidjata, jista’ jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, sakemm dak l-att għandu jew ikollu bħala effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata.

9. 

F’dan ir-rigward nindika li interpretazzjoni bħal dik sempliċement tantiċipa l-emendi li daħlu fil-qafas tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-Fondi strutturali.

10. 

Billi dawn huma korrezzjonijiet finanzjarji li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw skont l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, ser nirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-obbligu ta’ ħlas lura ta’ vantaġġ imħallas indebitament permezz ta’ prattika irregolari ma jikkostitwixxix sanzjoni.

I – Id-dritt tal-Unjoni

A – Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

11.

It-tieni sal-ħames premessi tar-Regolament Nru 2988/95 jinqraw kif ġej:

“Billi aktar minn nofs in-nefqa tal-Komunità titħallas lil benefiċjarji tramite l-Istati Membri;

Billi regoli dettaljati li jirregolaw [...] l-amministrazzjoni [finanzjarja] deċentralizzata u l-osservazzjoni mill-qrib ta’ l-użu tagħhom huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet dettaljati li jvarjaw skond il-politika Komunitarja involuta; billi atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom, madankollu, jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;

Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità;

Billi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skont dan ir-Regolament;”

12.

Taħt it-Titolu 1, bl-isem “Il-prinċipji ġenerali”, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jgħid:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

13.

L-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament jippreċiża r-regoli applikabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri u ta’ sanzjonijiet amministrattivi. Dan jippreċiża dan li ġej:

“1.   Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità.

2.   Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunià qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.

3.   Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.

[…]”

14.

Taħt it-Titolu II bl-isem “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 jippreċiża r-regoli applikabbli għall-miżuri amministrattivi bil-mod li ġej:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3.   L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skont kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

15.

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, ir-regoli applikabbli għas-sanzjonijiet amministrattivi, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

a)

il-ħlas ta’ multa amministrattiva;

b)

il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq [...]

ċ)

it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità [...]

[...]”

B – Ir-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-Fondi strutturali

16.

Il-FEŻR huwa wieħed mill-Fondi strutturali li ġie stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea sabiex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni, skont l-għan previst fl-Artikolu 174 TFUE. Dawn il-fondi jikkontribwixxu essenzjalment għat-tnaqqis tad-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali li nħolqu, b’mod partikolari, fir-reġjuni li qegħdin lura fl-iżvilupp u f’dawk li qed jagħmlu konverżjoni ekonomika mill-ġdid u li qegħdin f’diffikultajiet strutturali billi jiġu kkofinanzjati, b’mod partikolari, investimenti nazzjonali mwettqa fl-impriżi u fl-infrastrutturi nazzjonali marbutin mar-riċerka u mal-innovazzjoni, mal-ambjent, mal-enerġija u mat-trasport kif ukoll mas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni.

17.

Bħall-predeċessur tiegħu — ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 ( 5 ) — ir-Regolament Nru 1083/2006 jistabbilixxi l-kumpless tar-regoli u tal-proċeduri applikabbli għall-intervent tal-FEŻR, tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u tal-Fond ta’ Koeżjoni.

18.

Billi l-Fondi strutturali għandhom ġestjoni konġunta, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli mill-ġestjoni u mill-kontroll tal-finanzjamenti. Minkejja dan, fl-ewwel lok, huma l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li jimplementaw u li jikkontrollaw l-operazzjonijiet immexxijin fil-qafas tal-programmi operattivi kif ukoll li jsegwu u jikkorreġu l-irregolaritajiet.

19.

Fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità” bħala “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali”.

20.

Fl-Artikoli 60 sa 61 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-prinċipji applikabbli għas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

21.

Dan jippreċiża, sussegwentement, fl-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament, ir-regoli applikabbli għall-korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-Istati Membri. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu jistabbilixxi dan li ġej:

“L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f’kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond.”

22.

Il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006 huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1828/2006 ( 6 ).

23.

Ir-Regolament Nru 1083/2006 kien tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, bir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ( 7 ), li ser neżamina fil-qosor qabel ma nikkonkludi l-analiżi tiegħi.

II – Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

24.

Fit-12 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni approvat, għall-perijodu 2007-2013, il-programm operattiv reġjonali għar-Rumanija taħt il-FEŻR. Il-baġit totali ta’ dan il-programm kien joqrob EUR 4.38 biljun u l-għajnuna Komunitarja titla’ għal EUR 3.7 biljun ( 8 ).

25.

Mill-atti tal-proċess nazzjonali ( 9 ) jirriżulta li r-rata ta’ kofinanzjament tal-FEŻR fil-programm operattiv reġjonali titla’ għal 84 % (EUR 3726021762). F’dawn il-kawżi, il-finanzjament inkwistjoni għandu jikkontribwixxi għat-twettiq tal-kisba prijoritarja Nru 3 ta’ dan il-programm (EUR 657530000) li b’mod partikolari huwa intiż sabiex itejjeb l-infrastrutturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni sabiex jissaħħaħ l-aċċess tal-popolazzjoni għas-servizzi essenzjali.

26.

Id-dipartiment ta’ Neamț (Kawża C‑260/14) u d-dipartiment ta’ Bacău (Kawża C‑261/14) kienu kkonkludew mal-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u tat-Turiżmu (Ministerul Dezvoltarii Regionale şi Turismului), bħala awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv reġjonali, kuntratt ta’ finanzjament għat-twettiq ta’ żewġ operazzjonijiet.

27.

Fil-kuntest tal-Kawża C‑260/14, il-kuntratt ta’ finanzjament huwa intenzjonat għar-riabilitazzjoni, l-estensjoni u l-modernizzazzjoni ta’ ċentru skolastiku. Id-dipartiment ta’ Neamț, benefiċjarju tal-fondi li jaġixxi bħala awtorità kontraenti, organizza proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ awditu ta’ valur ta’ madwar EUR 20264.18 u wara ġie konkluż kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ awditu ta’ valur ta’ EUR 19410.12.

28.

Mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, id-dipartiment ta’ Neamț impona kundizzjonijiet dwar il-kapaċità professjonali tal-offerenti, ikkunsidrati illegali fir-rigward tad-dritt nazzjonali mill-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Amministrazzjoni Pubblika.

29.

Fil-fatt, l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kien suġġett, minn naħa, għall-preżentazzjoni mill-offerent ta’ kuntratt konkluż fl-aħħar tliet snin li kellu l-istess suġġett bħall-kuntratt li kien is-suġġett tal-proċedura ta’ għoti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, għad-disponibbiltà tal-persuna li tmexxi s-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità fil-qasam tal-bini.

30.

Il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Amministrazzjoni Pubblika kkunsidra li l-ewwel kundizzjoni tikser il-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa, billi qies li kull operatur ekonomiku kellu jiġi awtorizzat fil-qasam speċifiku tal-kuntratt sabiex jipparteċipa fil-proċedura għall-għoti, mingħajr ma l-awtorità kontraenti, li taġixxi bħala awtorità benefiċjarja tal-finanzjament inkwistjoni, tuża s-sors ta’ finanzjament bħala kriterju ta’ eliġibbiltà. Dwar it-tieni kundizzjoni, huwa kkunsidra li, fir-rigward tan-natura tal-kuntratt pubbliku, din ma kinitx rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Amministrazzjoni Pubblika adotta korrezzjoni finanzjarja li tirrappreżenta 5 % tal-ammont tal-kuntratt inkwistjoni.

31.

Fil-kuntest tal-Kawża C‑261/14, il-kuntratt ta’ finanzjament huwa intiż għar-riabilitazzjoni ta’ triq sekondarja. Id-dipartiment ta’ Bacău organizza proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ta’ valur ta’ EUR 2820515, fejn wara ġie konkluż kuntratt ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet fis-17 ta’ Settembru 2009.

32.

Mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, id-dipartiment ta’ Bacău rrikorra għal speċifikazzjonijiet tekniċi mhux xierqa, li ġew ikkunsidrati huma wkoll li jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Amministrazzjoni Pubblika adotta wkoll korrezzjoni finanzjarja li tirrappreżenta 5 % tal-ammont tal-kuntratt inkwistjoni.

33.

Id-dipartiment ta’ Neamț u d-dipartiment ta’ Bacău għalhekk ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw korrezzjonijiet finanzjarji. Fil-kuntest ta’ dan il-kontenzjuż, il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, qed tintalab tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ “irregolarità”, fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95 jew tar-Regolament Nru 1083/2006, u, jekk ikun il-każ, fuq in-natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-awtorità ta’ ġestjoni.

34.

Peress li kellha numru ta’ dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, il-Curtea de Apel Bacău (qorti tal-appell ta’ Bacău) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin ( 10 ):

“1.

Il-fatt li awtorità kontraenti, li tibbenefika minn għajnuna għal Fondi Strutturali, ma tosservax id-dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ valur stmat li huwa inqas mill-valur limitu massimu previst fl-Artikolu 7(a) tad-Direttiva [2004/18/KE] [ ( 11 )], fl-għoti ta’ kuntratt li għandu bħala għan it-twettiq tal-azzjoni ssussidjata, jikkostitwixxi ‘irregolarità’ fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 jew ‘irregolarità’ fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-tieni sentenza tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri, meta dawn kienu applikati għan-nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali, għal nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, huma ‘miżuri amministrattivi’ fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 jew ‘penali [sanzjonijiet] amministrattivi’ fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament?

3)

Fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda hija fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri huma penali amministrattivi, il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva ta’ penali inqas severa prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 ma japplikax?

4)

[Fil-każ li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-korrezzjonijiet finanzjarji magħmulin mil-Istati Membri huma penali amministrattivi ( 12 )], meta jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji għan-nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali, għal nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2988/1995 flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, fid-dawl ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, jipprekludu l-fatt li Stat Membru japplika korrezzjonijiet finanzjarji rregolati minn att normattiv nazzjonali li daħal fis-seħħ wara li l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkun seħħ?”

35.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Rumen, mill-Gvern Ungeriż u mill-Gvern Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

III – Analiżi tiegħi

A – Fuq l-ewwel domanda, dwar il-klassifikazzjoni bħala “irregolarità ” tan-nuqqasijiet inkwistjoni

36.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ksur mill-benefiċjarju tal-fondi li jaġixxi bħala awtorità kontraenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku dwar it-twettiq ta’ operazzjoni kkofinanzjata mill-Fondi strutturali, jistax jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jew tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006.

37.

Għalhekk infakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2998/95, “‘irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata”.

38.

Id-definizzjoni ta’ irregolarità adottata fir-Regolament Nru 1083/2006 hija dik ibbażata fuq l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95. It-termini huma, parzjalment, identiċi għaliex skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, l-“irregolarità” hija “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali”.

39.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda li qed tagħmlilna l-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett għandu jiġi ddeterminat liema minn dawn iż-żewġ regolamenti japplika sa fejn id-definizzjoni ta’ irregolarità adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni tintegra mal-kumpless ta’ regoli u prinċipji li jappartjenu għall-qasam kopert mir-regolament.

1. Fuq ir-regolament applikabbli

40.

L-atti inkwistjoni għandhom jinftiehmu mil-lat tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew fir-rigward ta’ dawk li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi strutturali?

41.

Fuq dan il-punt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija stabbilita sew.

42.

L-atti inkwistjoni għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, li jikkostitwixxi, b’differenza mir-Regolament Nru 2988/95, leġiżlazzjoni settorjali.

43.

Fil-fatt, fis-sentenza tagħha Somvao ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb li tfakkar l-Artikolu 1(1) u t-tielet u l-ħames premessi tar-Regolament Nru 2988/95 biex ikkonkludiet li dan it-test jistabbilixxi leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-kontrolli u s-sanzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni minn irregolaritajiet, u li jiġi stabbilit kuntest ġuridiku komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politiki Komunitarji ( 14 ).

44.

Ir-Regolament Nru 2988/95 għalhekk joħloq sensiela ta’ prinċipji, li għandhom sussegwentement jiġu osservati fil-qafas tal-iżvilupp tal-leġiżlazzjonijiet settorjali. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(3), kif ukoll mit-tielet, mill-ħames u mit-tmien premessi ta’ dan ir-regolament, huwa effettivament fil-kuntest tal-leġiżlazzjonijiet settorjali, stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont il-politiki Komunitarji inkwistjoni, li huma ffissati l-modalitajiet tal-ġestjoni ċċentralizzata tal-baġit, ir-regoli u l-prinċipji applikabbli għas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, l-aġir li jikkostitwixxi irregolaritajiet kif ukoll il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi.

45.

Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom tassew jirreferu għad-dispożizzjonijiet settorjali sabiex jiddeterminaw jekk aġir jikkostitwixxix “irregolarità” u huwa għalhekk fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li, jekk ikun il-każ, għandhom jirkupraw fondi użati ħażin ( 15 ).

46.

Dan huwa l-għan tar-Regolament Nru 1083/2006.

47.

Kif jirriżulta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipji applikabbli għall-użu tal-Fondi strutturali, meta jistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni u l-valutazzjoni, filwaqt li jiġu ppreċiżati l-obbligi li għandhom l-Istati Membri fir‑rigward tal-kontroll tal-operazzjonijiet u fl-iffissar tal-prinċipji applikabbli biex jiġu żvelati u korretti irregolaritajiet.

48.

Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “irregolarità”, ibbażata fuq l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, kienet ġiet adattata għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċarezza legali fir-rigward tal-funzjonament u tal-prinċipji li jappartjenu lill-politiki strutturali ( 16 ).

49.

Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, u partikolarment tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, li b’differenza mir-Regolament Nru 2988/95 li huwa regolament settorjali, li għandu jiġi evalwat jekk il-prattiki inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxux irregolaritajiet.

50.

Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni differenti jkollha l-effett li ċċaħħad lir-Regolament Nru 1083/2006 mill-effettività tiegħu u tagħmel ħsara lill-użu tajjeb tal-Fondi strutturali.

51.

Issa għandu jiġi vverifikat jekk il-prattiki jistgħux jikkostitwixxu “irregolaritajiet” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006.

2. Il-portata tal-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006

52.

Infakkar li, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, “irregolarità” hija kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata lill-baġit ġenerali.

53.

Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli jista’ jwassal lill-Istati Membri jew lill-Kummissjoni li jagħmlu korrezzjonijiet finanzjarji kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikoli 98 sa 100 tar-Regolament Nru 1083/2006.

54.

F’dawn il-kawżi, il-kwistjoni hija jekk l-atti inkwistjoni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 jistgħux, madankollu, jkunu konnessi ma’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

55.

Huwa stabbilit li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni għandhom isiru b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni.

56.

Il-prinċipju tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ffinanzjata mill-Fondi strutturali mad-dritt tal-Unjoni huwa prinċipju fundamentali li jirregola l-eliġibbiltà tal-operazzjoni għal finanzjament Ewropew.

57.

Dan il-prinċipju huwa ddikjarat fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 1083/2006 li jinsab fit-Titolu I ta’ dan ir-regolament, bl-isem “Objettivi u regoli ġenerali dwar l-għajnuna”. Skont dik id-dispożizzjoni, l-“operazzjonijiet finanzjati mill-Fondi [strutturali] għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u ta’ atti adottati taħtu”.

58.

Dak il-prinċipju jidher ukoll fil-premessa 22 ta’ dan ir-regolament. Huwa ġie ritraskritt fl-Artikolu 11 tal-ftehim standard ta’ għoti ta’ sussidju tal-FEŻR ( 17 ) u, sa fejn jikkostitwixxi element ewlieni ta’ applikazzjoni għal sussidju, fil-gwidi kollha ta’ informazzjoni intiżi għall-promoturi ta’ proġetti ( 18 ) kif ukoll fil-ftehimiet ta’ finanzjament kollha li jiġu konklużi mal-benefiċjarji tal-fondi.

59.

Fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, il-prinċipju tal-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ffinanzjata mill-Fondi strutturali mad-dritt tal-Unjoni jidher fil-gwida stabbilita mill-Ministeru għall-Iżvilupp, tax-Xogħlijiet Pubbliċi u tal-Akkomodazzjoni (Ministerul Dezvoltarii, Lucrărilor Publice şi Locuinţelor) dwar l-implementazzjoni tal-kisba prijoritarja Nru 3 tal-programm operattiv reġjonali 2007-2013 u jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-finanzjament ( 19 ).

60.

Skont dan il-prinċipju, kull proġett li jiġi ffinanzjat mill-Fondi strutturali u b’hekk kull nefqa relatata miegħu għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għandhom ikunu kompatibbli mal-politiki u mal-azzjonijiet sostnuti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

61.

Għalhekk, meta, fil-kuntest tat-twettiq ta’ operazzjoni kkofinanzjata mill-Fondi strutturali, il-benefiċjarju ta’ dawn il-fondi, li jaġixxi fil-kwalità tiegħu bħala awtorità kontraenti, ma josservax ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva 2004/18 li magħhom huwa marbut, dak l-att jista’ jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, meta jkun kiser regola tad-dritt tal-Unjoni.

62.

Issa, x’jiġri meta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur tal-kuntratti huwa inferjuri għal-livelli ddefiniti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18 ( 20 ), b’mod li l-għoti ta’ dawk il-kuntratti jevita r-regoli u l-prinċipji stabbiliti f’dak it-test?

63.

In-negliġenzi, in-nuqqasijiet jew l-abbużi li kien l-awtur tagħhom il-benefiċjarju tal-Fondi strutturali jevitaw li jissejħu “irregolaritajiet” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, għar-raġuni li dawn l-atti ma jikkostitwixxux ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

64.

Jiena ma naħsibx. Dawn in-nuqqasijiet għandhom ikunu jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “irregolarità”.

65.

L-ewwel nett, għalkemm huwa veru li, fil-kawżi prinċipali, il-benefiċjarji tas-sussidju, fil-kwalità tagħhom ta’ awtorità kontraenti, ma kinux obbligati li josservaw ir-regoli stipulati mid-Direttiva 2004/18, u dan għar-raġuni tal-valur tal-kuntratti, madankollu jibqa’ l-fatt li, bħal kull att tal-Istat li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom it-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi, l-għoti ta’ dawn il-kuntratti għandu josserva l-prinċipji stabbiliti fit-Trattat FUE u huwa suġġett għar-rekwiżiti li jirriżultaw minnu, kif ġew ippreċiżati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66.

Fil-premessa 2 tad-Direttiva 2004/18, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ħa ħsieb jippreċiża li, ikun xi jkun l-ammont tal-kuntratti konklużi fl-Istati Membri f’isem l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u organi rregolati mid-dritt pubbliku oħrajn, il-proċedura tal-għoti għandha tosserva l-prinċipji tat-Trattat FUE, partikolarment il-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw minnu, bħall-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza.

67.

Kif fakkret diġà l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Impresa Edilux u SICEF ( 21 ), dan l-obbligu japplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jkollhom “interess transkonfinali ċert” ( 22 ), jiġifieri li jista’ jinteressa lill-operaturi ekonomiċi li jinsabu fl-Istati Membri l-oħrajn.

68.

L-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert huwa ddeterminat wara li jitqiesu ċerti kriterji oġġettivi, bħall-importanza ekonomika tal-kuntratt, il-post fejn jiġi eżegwit jew anki l-karatteristiċi tekniċi tiegħu ( 23 ).

69.

F’dawn il-kawżi, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel evalwazzjoni ddettaljata tal-elementi rilevanti kollha li għandha f’idejha sabiex tiddetermina jekk il-kuntratti inkwistjoni kellhomx interess bħal dak ( 24 ).

70.

Fil-fehma tiegħi, u fid-dawl ta’ ċerti elementi li għandi fl-idejn, ma tantx huwa probabbli li l-kuntratt mogħti mid-dipartiment ta’ Neamț (Kawża C‑260/14) seta’ jinteressa l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, u dan minħabba n-natura ekonomika żgħira tal-kuntratt u tal-post tal-eżekuzzjoni tiegħu. Fil-fatt, il-belt ta’ Piatra Neamţ (ir-Rumanija) tinsab 433 km mill-fruntiera Bulgara u l-ammont tal-kuntratt kien ta’ EUR 19410.

71.

Min-naħa l-oħra, il-fehma tiegħi hija iktar inċerta fir-rigward tal-kuntratt mogħti mid-dipartiment ta’ Bacău (Kawża C‑261/14). Fil-fatt, jekk il-belt ta’ Bacău tinsab madwar 370 km mill-fruntiera Bulgara, jibqa’ l-fatt li l-ammont tal-kuntratt kien ta’ EUR 2820515. Dan l-ammont ċertament ma huwiex negliġibbli. Għalhekk ma huwiex eskluż li impriżi stabbiliti fil-Bulgarija, b’mod partikolari, setgħu juru l-interess tagħhom.

72.

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li wieħed minn dawn il-kuntratti seta’ jinteressa impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, in-nuqqasijiet inkwistjoni jkunu għalhekk jistgħu jitqiesu li huma “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 billi jikkostitwixxu ksur tal-prinċipji tat-Trattat FUE. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn l-atti effettivament ippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata.

73.

It-tieni nett, wieħed ma għandux jinsa li, indipendentement min-natura tal-ksur, l-illegalità titwettaq fil-kuntest ta’ operazzjoni li tibbenefika minn finanzjament Ewropew. Issa, dan il-finanzjament neċessarjament idaħħal lill-operazzjoni kif ukoll il-kumpless ta’ regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli għaliha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

74.

Konsegwentement, naħseb li l-kriterju bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ biex b’hekk ikopri l-ksur tad-dritt tal‑Unjoni, stricto sensu, kif ukoll in-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

75.

L-għanijiet u l-istruttura tar-Regolament Nru 1083/2006 jindikaw barra minn hekk favur interpretazzjoni bħal din.

76.

Il-FEŻR, billi juża l-finanzi tal-Unjoni, jistrieħ, fl-ewwel lok, fuq il-prinċipju tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba, li jeħtieġ li l-approprjazzjonijiet tal-baġit jiġu użati skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja.

77.

Dan il-prinċipju, applikabbli fl-oqsma kollha tal-baġit ġestiti permezz ta’ ġestjoni maqsuma, huwa stabbilit fl-Artikolu 317 TFUE ( 25 ) u huwa rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita ( 26 ). Huwa wieħed mill-prinċipji bażi li fuqu jibbaża r-Regolament Nru 2988/95 u l-portata tiegħu ġiet iddefinita fil-Kapitolu 7 tat-Titolu II tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 27 ), u partikolarment l-Artikolu 27 tiegħu.

78.

Konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, ir-regoli stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1083/2006 għandhom bħala għan li jiggarantixxu li l-Fondi strutturali jintużaw b’mod legali u regolari sabiex, min-naħa, jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata implementazzjoni effikaċi tal-programmi operattivi ( 28 ).

79.

Issa, għan bħal dak ma jistax jintlaħaq ħlief jekk is-sussidji mogħtija mill-Fondi strutturali jirrigwardaw atti u nfiq li l-legalità tagħhom ma tistax tiġi kkontestata, kemm jekk dan ikun fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, huwa biss b’din l-unika kundizzjoni li tista’ tiġi ggarantita l-effikaċità tal-azzjoni tal-Fondi strutturali filwaqt li jiġi evitat li dawn tal-aħħar ma jiffinanzjawx operazzjonijiet frawdolenti li xi kultant jikkostitwixxu atti ta’ favoritiżmu jew ta’ korruzzjoni.

80.

Għalhekk, fil-qafas tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, ma nistax neskludi li, bl-użu ta’ kriterji ta’ għażla daqstant restrittivi, li jmorru kontra r-regoli nazzjonali ta’ sejħa pubblika, il-benefiċjarji tas-sussidju, li jaġixxu bħala awtorità kontraenti, ma kellhomx l-intenzjoni li jeskludu ċerti offerenti mis-suq jew, għall-kuntrarju, li jipprivileġġaw wieħed minn fosthom. Ċertament li dawn il-kriterji pprekludew, jekk mhux iddiswadew, ċerti operaturi ekonomiċi milli jagħmlu offerti għall-kuntratti inkwistjoni u, għaldaqstant, naqqsu b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ operaturi ekonomiċi kapaċi li jwettqu l-kuntratti. F’dawn l-ipoteżijiet, li huma partikolarment frekwenti fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 29 ), il-kriterji ta’ għażla inkwistjoni jistgħu jagħtu vantaġġ indebitu lil impriża, li jmur kontra l-għan stess tal-finanzjament Ewropew. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur ta l-leġiżlazzjoni jikkostitwixxi att li jista’ jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bl-istess mod bħal att li jikser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Issa, fil-punt 45 tas-sentenza tagħha Baltlanta ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tippreċiża li l-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu jiġi protett “minn kull att jew kull ommissjoni li jista’ jkun ta’ dannu għalih”. Forsi l-unika differenza qiegħda fil-gravità tal-ksur, fl-importanza tal-implikazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw minn dan u fl-intensità tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi adottata.

81.

Fi kwalunkwe każ u konformement mal-prinċipju faus omnia corrumpit il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ser iġib miegħu l-ineliġibbiltà tal-operazzjoni għall-finanzjament Ewropew.

82.

Sabiex jinżammu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni minn kull frodi u biex jiġi ggarantit it-twettiq sħiħ tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qafas tal-intervent tal-Fondi strutturali, il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kuntest ta’ operazzjoni li tibbenefika minn kofinanzjament għandu jiġi ssanzjonat bl-istess mod bħal ma huwa ssanzjonat il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u għandu għalhekk, ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006.

83.

Barra minn hekk, huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 48 tas-sentenza Baltlanta (C‑410/13, EU:C:2014:2134) li l-kunċett ta’ “irregolarità” jirrigwarda l-“użu illegali tal-fondi tal-Unjoni”. Issa, l-użu illegali tal-fondi tal-Unjoni jista’ jirriżulta mhux biss minn ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll minn ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

84.

Interpretazzjoni wiesgħa u dinamika tal-kriterju bbażat fuq ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-istruttura tar-Regolament Nru 1083/2006, u b’mod partikolari tas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li dan iqiegħed fis-seħħ.

85.

Biex jiġi żgurat li l-Fondi strutturali jiġu użati b’mod effikaċi u regolari, l-Istati Membri huma obbligati, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba ( 31 ), li jimplementaw sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li jistgħu jiggarantixxu li l-benefiċjarju tal-fondi jkun eżegwixxa l-obbligi li jagħtuh dritt li jirċievi l-għajnuna finanzjarja prevista skont id-dritt tal-Unjoni u skont id-dritt nazzjonali applikabbli ( 32 ).

86.

L-Artikolu 60(a) u (b) tar-Regolament Nru 1083/2006 jippreċiża għalhekk li l-awtorità ta’ ġestjoni hija inkarigata, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, minn naħa, li tiżgura li l-operazzjonijiet “jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom” u, min-naħa l-oħra, li tivverifika li n-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji tkun “konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali”.

87.

Bl-istess mod, l-Artikolu 61(b)(ii) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni ta’ programm operattiv hija obbligata li tiċċertifika li n-“nefqa ddikjarata tikkonforma mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli u tkun saret fir-rigward ta’ operazzjonijiet magħżula għal finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm f’konformità mar-regoli Komunitarji u nazzjonali”.

88.

L-istess obbligi jorbtu lill-awtorità ta’ verifika skont l-Artikolu 62(1) ta’ dak ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1828/2006.

89.

Għalhekk, l-Istati Membri huma obbligati li jwaqqfu l-finanzjament Ewropew għal kollox jew parzjalment meta jikkonstataw nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil‑kompatibbiltà tal-operazzjoni mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali applikabbli tkun kundizzjoni ta’ eliġibbiltà tal-operazzjoni għall-finanzjament.

90.

Il-korrezzjonijiet finanzjarji li huma obbligati li jadottaw skont l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006 għandhom l-għan, barra minn hekk, li “jistabbilixxu mill-ġdid sitwazzjoni fejn it-totalità tan-nfiq li huma s-suġġett ta’ talba ta’ kofinanzjament mill-Fondi strutturali jkunu legali u regolari, konformement mar-regoli u l-leġiżlazzjonijiet applikabbli fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 33 ).

91.

Kif qed naraw, il-kontrolli li jorbtu lill-Istati Membri għandhom b’hekk bħala għan li jiggarantixxu l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet kollha ( 34 ) fir-rigward mhux biss tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll tad-dritt nazzjonali, u dan fl-aspetti kollha tagħhom, kemm jekk huma amministrattivi, finanzjarji, tekniċi jew fiżiċi ( 35 ).

92.

F’dan il-kuntest, il-limitazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “irregolarità” unikament għall-ksur tad-“dritt tal-Unjoni”, stricto sensu, jidhirli li hija kontradittorja u barra minn hekk tipperikola li tiġi miċħuda l-effettività tal-proċeduri ta’ kontrolli stabbiliti fil-qafas tar-Regolament Nru 1083/2006.

93.

Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din jidhirli li hija artifiċjali. Fil-fatt, l-elementi kollha li għadni kif semmejt donnhom juru li l-kofinanzjament jinvolvi operazzjoni waħda u indiviżibbli li l-legalità tiegħu tista’ tinftiehem biss bħala totalità, jiġifieri mill-perspettiva tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni “u” tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Jekk l-operazzjoni kienet twettqet jew jekk saret in-nefqa bi ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali, din ma tkunx iktar eliġibbli għal finanzjament tal-FEŻR. L-osservanza tar-regoli Komunitarji u nazzjonali tagħmel parti mill-istess għan. Għalhekk, ma jkun hemm l-ebda sens li ssir distinzjoni bejn in-nuqqas skont jekk dan jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew jekk jikkonċernax id-dritt nazzjonali.

94.

Dawn l-elementi li huma bbażati fuq l-istruttura stess tar-Regolament Nru 1083/2006 jsostnu interpretazzjoni wiesgħa tal-kriterju bbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jqis il-ksur mhux biss tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

95.

Barra minn hekk, interpretazzjoni bħal din tantiċipa biss l-emendi li introduċa l-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 1303/2013, u b’mod partikolari fil-qafas tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “irregolarità”.

96.

Infakkar li dan ir-regolament iħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, ir-Regolament Nru 1083/2006.

97.

Il-kunċett ta’ “irregolarità” jipprevedi, issa fl-Artikolu 2(36) tar-Regolament Nru 1303/2013, “kwalunkwe ksur tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha” ( 36 ).

98.

Il-prinċipju ta’ kompatibbiltà tal-operazzjoni stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, bl-isem “Konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali”, issa jistabbilixxi li l-operazzjonijiet sostnuti mill-Fondi strutturali għandhom ikunu “jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli relatata mal-applikazzjoni tagħha” ( 37 ).

99.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll huma, minn issa ’l quddiem, inkarigati li jivverifikaw, skont l-Artikolu 125(4)(a) ta’ dan ir-regolament, li l-prodotti u s-servizzi kkofinanzjati kienu ġew ipprovduti u li l-infiq assoċjat huwa konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u mad-dritt nazzjonali dwar l-applikazzjoni tagħha.

100.

Issa, il-“liġi nazzjonali applikabbli relatata mal-applikazzjoni [tad-dritt tal-Unjoni]” hija kkostitwita mill-kumpless tar-regoli tal-ordinament ġuridiku intern fuq l-applikazzjoni u fuq l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Din l-espressjoni tirrigwarda mhux biss il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiġi mit-traspożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda anki mill-kumpless tar-regoli intiżi biex jimplementaw, fil-livell nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni, bħar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-eliġibbiltà tal-infiq għal finanzjament Ewropew.

101.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, naħseb għalhekk, li l-ksur minn awtorità kontraenti li tibbenefika minn sussidju tal-Fondi strutturali tar-regoli nazzjonali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta jingħata kuntratt intiż għat‑twettiq tal-azzjoni ssussidjata, jista’ jikkostitwixxi “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, sa fejn dan l-att għandu jew jista’ jkollu bħala effett li jippreġudika lill-baġit ġenerali tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata.

B – Fuq it-tieni domanda, dwar in-natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji

102.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura tal-korrezzjonijiet finanzjarji li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw skont l-ewwel subparagrafu Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006.

103.

Skont dik id-dispożizzjoni “[l]-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f’kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond”.

104.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawn il-korrezzjonijiet jikkostitwixxux “miżura amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, jew “sanzjoni amministrattiva”, fis-sens tal-Artikolu 5(ċ) ta’ dan ir-regolament.

105.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, diversi drabi, li “dan l-obbligu [li jitħallas lura vantaġġ irċevut indebitament permezz ta’ prattika irregolari] ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda s-sempliċi konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib tal-vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma ġewx osservati, u rrendew il-vantaġġ riċevut indebitu” ( 38 ).

106.

Ma narax għalfejn għandna nwarrbu din il-ġurisprudenza.

107.

Għalhekk qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw minħabba irregolarità li taffettwa l-operazzjoni kkofinanzjata jikkostitwixxu “miżura amministrattiva” fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95.

108.

Fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi li tingħata, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ domandi magħmulin mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dawn id-domandi u mill-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-Curtea de Apel Bacău (qorti tal-appell ta’ Bacău) għamlet dawk id-domandi fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l‑korrezzjonijiet finanzjarji adottati mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 jikkostitwixxu “sanzjonijiet amministrattivi” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

IV – Konklużjoni

109.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmulin mill-Curtea de Apel Bacău (qorti tal-qppell ta’ Bacău) bil-mod li ġej:

1)

Il-ksur minn awtorità kontraenti li tibbenefika minn sussidju mħallas mill-Fondi strutturali tar-regoli nazzjonali dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta jingħata l-kuntratt intiż għat-twettiq tal-azzjoni ssussidjata, jista’ jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, sa fejn dan l-att għandu jew jista’ jkollu effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata.

2)

L-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-korrezzjonijiet finanzjarji li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw minħabba irregolarità li taffettwa l-operazzjoni kkofinanzjata jikkostitwixxu “miżura amministrattiva” fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25).

( 4 ) “Programm operattiv” huwa, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, “dokument preżentat mill-Istat Membru u adottat mill-Kummissjoni li jistabbilixxi strateġija ta’ żvilupp b’sett koerenti ta’ prijoritajiet li għandha titwettaq bl-għajnuna ta’ Fond, jew, fil-każ ta’ l-objettiv ta’ Konverġenza, bl-għajnuna tal-Fond ta’ Koeżjoni u tal-FEŻR”.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006 u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 371, p. 1, u l-corrigendum ĠU 2007, L 45, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 846/2009, tal-1 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 250, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1828/2006”).

( 7 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament Nru 1083/2006 (ĠU L 347, p. 320).

( 8 ) Informazzjoni fuq dan il-programm tidher fil-proċess nazzjonali u tinsab fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni (http://ec.europa.eu/regional_policy/fr/atlas/programmes/2007-2013/romania/operational-programme-regional-operational-programme?countryCode=RO&regionId=389) u, bil-lingwa Rumena, fl-indirizz tal-internet http://www.inforegio.ro/en/regio-2007-2014-en/documente-de-programare.html.

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, id-dokument tal-kunsill dipartimentali ta’ Neamţ, bl-isem “Achizitie publică de servicii – Achiziţionarea serviciilor de audit în cadrul proiectului: ‘Reabilitarea, extinderea şi modernizarea Centrului Şcolar pentru Educaţie Incluzivă Roman’”, Mejju 2011, punt 1.1. Dan id-dokument jidher fil-proċess nazzjonali. Ara, wkoll, dwar l-implementazzjoni tal-kisba prijoritarja Nru 3 tal-programm operattiv reġjonali 2007-2013, is-sezzjoni I.4 tal-gwida tal-kandidat disponibbli, bil-lingwa Rumena, fl-indirizz tal-Internet http://www.inforegio.ro/ro/axa-3.html, taħt “qasam ewlieni ta’ intervent 3.1”.

( 10 ) Bl-eċċezzjoni tal-ewwel domanda li saret biss fil-kuntest tal-Kawża C‑260/14, il-qorti tar-rinviju tagħmel domandi identiċi f’kull kawża.

( 11 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

( 12 ) Nosserva li, għalkemm dan ir-riferiment ma jinsabx fil-formulazzjoni tar-raba’ domanda li saret fil-Kawża C‑260/14, dan jidher espressament fil-formulazzjoni tal-istess domanda magħmula fil-Kawża C‑261/14. Dan ir-riferiment huwa, barra minn hekk, perfettament koerenti fir-rigward tal-mertu tad-domanda.

( 13 ) C‑599/13, EU:C:2014:2462.

( 14 ) Punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 15 ) Punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 tad-dokument tal-Kummissjoni bl-isem “Linji gwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu applikati għan-nefqa kkofinanzjata mill-Fondi strutturali tal-Fond ta’ Koeżjoni fin-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi” (COCOF 07/0037/03).

( 17 ) L-Artikolu 11 ta’ dak il-ftehim isemmi l-irregolaritajiet li jistgħu jwasslu għal ħlas lura parzjali jew totali tas-sussidju wara l-kontroll u fosthom hemm il-ksur tal-obbligi Ewropej.

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, gwida ta’ informazzjoni ta’ fajl ta’ talba għal sussidju FEŻR, disponibbli fis-sit tal-internet tar-reġjun Centre (Franza) f’dan l-indirizz: http://www.europe-centre.eu/fr/53/PO_FEDER_Centre.html.

( 19 ) Ara t-tieni dokument li jidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, sezzjoni I.5, taħt il-kriterji ta’ eliġibbiltà (Cheltuieli eligibile), p. 8, u s-sezzjoni II, p. 13. Ara wkoll, l-indirizz tal-internet li jidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 (p. 155 tad-dokument).

( 20 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 7(a) u (c) ta’ din id-direttiva, din tapplika, minn naħa, għall-kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi li l-valur stmat mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew iktar minn EUR 162000 u, min-naħa l-oħra, għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li l-valur stmat tagħhom minbarra l-VAT huwa daqs jew iktar minn EUR 6242000.

( 21 ) C‑425/14, EU:C:2015:721.

( 22 ) Punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata. Din il-ġurisprudenza tissemma mill-Kummissjoni fil-punt 1.3 tal-komunikazzjoni interpretattiva tagħha dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti mhux suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-direttivi “kuntratti pubbliċi” (ĠU 2006, C 179, p. 2) kif ukoll fil-paġna 11 tal-linji gwida tagħha għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu applikati għall-infiq ikkofinanzjat mill-Fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni meta ma jiġux osservati r-regoli fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, imsemmijin iktar ’il fuq (p. 11).

( 23 ) Sentenzi Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE, “[i]l-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 322, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess u fil-limiti ta’ l-approprazzjonijiet, b’konsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba. L-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprazzjonijiet jkunu wżati skond il-prinċipji ta’ tmexxija finanzjarja tajba”.

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza L-Irlanda vs Il‑Kummissjoni (C‑199/03, EU:C:2005:548, punt 25).

( 27 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 390, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1605/2002”).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 61 u 66 ta’ dak ir-regolament.

( 29 ) Ara r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, bl-isem “Twettiq tal-aħjar użu tal-fondi tal-UE: analiżi panoramika tar-riskji fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2014, speċjalment p. 100, punt 14.

( 30 ) C‑410/13, EU:C:2014:2134. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta l-kunċett ta’ “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 38(1)(e) tar-Regolament Nru 1260/1999, dwar il-kontroll finanzjarju li l-Istati Membri għandhom japplikaw fir-rigward tal-interventi tal-Fondi strutturali (ir-regoli stipulati f’din id-dispożizzjoni issa jidhru fl-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament Nru 1083/2006).

( 31 ) Ara s-sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑308/05, EU:T:2007:382, punt 109).

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Baltlanta (C‑410/13, EU:C:2014:2134), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għall-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 438/2001, tat-2 ta’ Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132). Dan l-Artikolu 4 kien jippreċiża b’mod ċar ħafna li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll relatati mal-implementazzjoni ta’ programm operattiv kellhom jipprovdu għal proċeduri li kienu jippermettu li jiġi ggarantit li s-servizzi kkofinanzjati kienu josservaw ir-regoli nazzjonali u Komunitarji fis-seħħ dwar, b’mod partikolari, l-eliġibbiltà ta’ nfiq għall-għajnuna tal-Fondi strutturali skont l-intervent ikkonċernat u r-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi. Ir-Regolamenti Nri 1260/1999 u 438/2001 tħassru bir-Regolament Nru 1083/2006 u issa dawn ir-regoli jidhru fl-Artikoli 60 u 61 ta’ dan tal-aħħar.

( 33 ) Ara l-premessa 3 tad-Deċiżjoni tal Kummissjoni, tad-19 ta’ Ottubru 2011, dwar l-approvazzjoni ta’ linji gwida li jiddefinixxu l-prinċipji, il-kriterji u l-iskali indikattivi għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 99 u 100 tar-Regolament Nru 1083/2006 [C (2011) 7321 finali]. Ara, ukoll, il-p. 2 tal-linji gwida li jiddefinixxu l-prinċipji, il-kriterji u l-iskali indikattivi li għandhom jiġu applikati mis-servizzi tal-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji previsti fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/99 [C (2001) 476].

( 34 ) Ara l-premessa 66 tar-Regolament Nru 1083/2006. Ara, ukoll, l-Artikoli 28a(2)(d), u 53b(2) tar-Regolament Nru 1605/2002 [Artikolu 59(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1)] kif ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bl-isem “Ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-ġestjoni konġunta tal-Fondi strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni – sitwazzjoni attwali u prospetti għall-perijodu ġdid ta’ programmazzjoni wara l-2006” [COM(2004) 580 finali].

( 35 ) Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1828/2006.

( 36 ) Korsiv miżjud minni.

( 37 ) Idem.

( 38 ) Ara s-sentenza Somvao (C‑599/13, EU:C:2014:2462, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).