KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑235/14

Safe Interenvios, SA

vs

Liberbank, SA

Banco de Sabadell, SA

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja)]

“Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu — Direttiva 2005/60/KE — Miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni tad-data personali — Direttiva 2007/64/KE — Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern”

1. 

Din il-kawża tinvolvi tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu (Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, S.A. (iktar ’il quddiem “BBVA”), Banco de Sabadell, S.A. (iktar ’il quddiem “Sabadell”) u Liberbank, S.A. (iktar ’il quddiem “Liberbank”); (kollettivament iktar ’il quddiem “il-banek”) u istituzzjoni ta’ ħlas (Safe Interenvios, S.A.; iktar ’il quddiem “Safe”) ( 2 ). Il-banek għalqu l-kontijiet li Safe kellha magħhom minħabba suspetti ta’ ħasil ta’ flus. Safe ssostni li din kienet prattika kummerċjali żleali.

2. 

Dan wassal sabiex iqumu domandi dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, partikolarment id-Direttiva 2005/60/KE, (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus”) ( 3 ), tipprekludix Stat Membru milli jawtorizza istituzzjoni ta’ kreditu tapplika miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti għal istituzzjoni ta’ ħlas. Din id-Direttiva tipprovdi tliet tipi ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti (normali, ssemplifikati u msaħħa) skont ir-riskju tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 8 jinkludu, pereżempju, l-identifikazzjoni tal-klijent u l-kisba ta’ informazzjoni dwar l-għan u n-natura prevista ta’ relazzjoni ta’ negozju. L-Artikolu 11(1) jipprevedi li diliġenza ssemplifikata fir-rigward tal-klijent għandha tapplika meta l-klijenti ta’ istituzzjoni jew persuna koperti minn din id-Direttiva (iktar ’il quddiem “entità koperta”) ikunu istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu (inklużi istituzzjonijiet ta’ ħlasijiet) li jkunu huma stess koperti mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. L-Artikolu 13 jeżiġi li jkun hemm diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijent f’sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Barra dan, l-Artikolu 5 jawtorizza lill-Istati Membri jimponu obbligi iktar stretti minn dawk stabbiliti f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

3. 

Fil-każ li istituzzjoni ta’ kreditu tkun tista’ tiġi awtorizzata tapplika miżuri ta’ diliġenza (imsaħħa) fir-rigward tal-klijent għal istituzzjoni ta’ ħlas li tkun hija stess koperta mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti gwida dwar il-kundizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu dan. L-applikazzjoni tagħhom tiddependi minn analiżi tar-riskju u miżuri bħal dawn jistgħu jimplikaw li istituzzjoni ta’ ħlas tkun meħtieġa tittrasferixxi lil istituzzjoni ta’ kreditu data tal-klijenti tagħha stess u tad-destinatarji tal-fondi trażmessi barra mill-pajjiż? Dawn id-domandi jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis ukoll id-Direttivi 95/46/KE (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar id-data personali”) ( 4 ), 2005/29/KE (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali”) ( 5 ) u 2007/64/KE (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas”) ( 6 ).

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.

Skont l-Artikolu 16(1) TFUE, “[k]ull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5.

L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”) jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”. Skont l-Artikolu 8(2), “[d]in id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”.

6.

L-Artikolu 52(1) jipprovdi li “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus

7.

Il-premessa 5 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tipprovdi li miżuri meħuda fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu għandhom ikunu konsistenti ma’ azzjonijiet oħra meħuda f’fora internazzjonali u jieħdu partikolarment inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Financial Action Task Force (Grupp Operazzjonali Finanzjarju, iktar ’il quddiem it-“TFAF”) ( 7 ), li jikkostitwixxi l-korp internazzjonali ewlieni attiv fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandha tkun konformi mar-Rakkomandazzjonijiet TFAF kif riveduti u estiżi sostantivament fl-2003 (iktar ’il quddiem “ir-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2003”) ( 8 ).

8.

Il-premessa 10 tgħid li entitajiet koperti għandhom jidentifikaw u jivverifikaw l-identità tas-sid benefiċjarju. Meta jagħmlu hekk, għandu jkollhom diskrezzjoni dwar jekk jużawx rekords pubbliċi ta’ sidien benefiċjarji, jekk jistaqsux lill-klijenti tagħhom għal data rilevanti jew jakkwistawx l-informazzjoni b’mod ieħor, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-portata ta’ dawn il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tiddependi mir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li jvarja skont it-tip ta’ klijent, ir-relazzjoni tan-negozju, il-prodott jew it-tranżazzjoni.

9.

Il-premessa 22 tirrikonoxxi li r-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ma huwiex l-istess f’kull każ. Konformement ma’ metodu bbażat fuq ir-riskju, għandu jkun introdott il-prinċipju li, f’każijiet xierqa, tiġi aċċettata forma ssemplifikata tad-diliġenza fir-rigward tal-klijenti.

10.

Fl-istess waqt, skont il-premessa 24, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tirrikonoxxi li ċerti sitwazzjonijiet jippreżentaw riskju ikbar. Għalhekk, għalkemm għandhom jiġu stabbiliti l-identità u l-profil tan-negozju tal-klijenti kollha, ikun hemm każijiet fejn ikunu meħtieġa proċeduri partikolarment rigorużi tal-identifikazzjoni u tal-verifika tal-klijenti.

11.

Il-premessa 33 tgħid li l-iżvelar ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 28 ( 9 ) għandu jkun skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali lill-pajjiżi terzi kif stabbilit fid-Direttiva dwar id-data personali, u li, barra minn hekk, l-Artikolu 28 ma jistax jinterferixxi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-protezzjoni tad-data u tas-segretezza professjonali.

12.

Skont il-premessa 37, l-Istati Membri għandhom jadattaw implementazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet skont il-karatteristiċi tad-diversi professjonijiet u d-differenzi fl-iskala u fid-daqs tal-entitajiet koperti.

13.

Il-premessa 48 tipprovdi li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tirrispetta d-drittijiet fundamentali, tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta u ma għandhiex tiġi interpretata jew implementata b’mod inkonsistenti mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

14.

L-Artikolu 1(1) jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu jkunu pprojbiti”. L-Artikolu 1(2) jidentifika erba’ tipi ta’ komportament li, meta jitwettqu deliberatament, għandhom jitqiesu li huma ħasil ta’ flus:

“(a)

il-konverżjoni jew it-trasferiment ta’ proprjetà, bil-konoxxenza li tali proprjetà [tkun] ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività, għall-iskop ta’ ħabi jew travestiment ta’ l-oriġini illeċita tal-proprjetà jew sabiex tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun involuta fit-twettiq ta’ tali attività sabiex tevadi l-konsegwenzi legali ta’ l-azzjoni tagħha;

(b)

il-ħabi jew it-travestiment tan-natura, is-sors, il-lokalità, id-dispożizzjoni, il-moviment, jew is-sidien veri tal-proprjetà jew tad-drittijiet veri fir-rigward tagħha, bil-konoxxenza li tali proprjetà [tkun] ġejja minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività;

(c)

l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ proprjetà, bil-konoxxenza, fiż-żmien tar-riċezzjoni tagħha, li tali proprjetà [tkun] ġiet minn attività kriminali jew minn kompliċità f’tali attività;

(d)

il-kompliċità, l-assoċjazzjoni, it-tentattiv, u l-għoti ta’ għajnuna, l-istigazzjoni, l-aġevolazzjoni u l-għoti ta’ pariri fit-twettiq jew għat-twettiq ta’ xi waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti hawn fuq.”

15.

Skont l-Artikolu 2(1), id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tapplika għal (1) istituzzjonijiet ta’ kreditu, (2) istituzzjonijiet finanzjarji u (3) kategoriji ta’ persuni ġuridiċi jew fiżiċi meta jaġixxu fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħhom. Bnadi oħra fid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, dawn il-kategoriji jissejħu, kollettivament, “l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti” (“entitajiet koperti” f’dawn il-konklużjonijiet).

16.

L-Artikolu 3(1) jiddefinixxi “istituzzjoni ta’ kreditu” b’riferiment għad-definizzjoni ta’ din l-istess frażi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/12/KE ( 10 ), jiġifieri, “intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depositi jew fondi oħra [rimborsabbli] mill-pubbliku u li tagħti krediti mill-kont tagħha stess”.

17.

Id-definizzjoni ta’ “istituzzjoni finanzjarja” tinkludi “impriża għajr istituzzjoni ta’ kreditu li twettaq waħda jew iżjed mill-operazzjonijiet inklużi fil-punti 2 sa 12 u l-punt 14 ta’ l-Anness I mad-Direttiva 2000/12/KE” ( 11 ) (Artikolu 3(2)(a)). Din il-lista ta’ operazzjonijiet tinkludi, fil-punt 4, “[s]ervizzi ta’ ħlas kif definiti fl-Artikolu 4(3) [tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas]” ( 12 ) u, fil-punt 5, “[ħ]ruġ u amministrazzjoni ta’ mezzi oħra ta’ ħlas […] sakemm din l-attività ma tkunx koperta mill-punt 4”. Skont id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, servizz ta’ ħlas jinkludi l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas u istituzzjonijiet ta’ ħlas huma impriżi li jipprovdu servizzi ta’ ħlas li barra minn hekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva ( 13 ).

18.

L-Artikolu 5 jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert [mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus] sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu”.

19.

Il-Kapitolu II (“[Diliġenza fir-rigward tal-klijenti]”) fih, minbarra dispożizzjonijiet ġenerali dwar diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti (Artikoli 6 sa 10), taqsimiet separati dwar diliġenza ssemplifikata fir-rigward tal-klijenti (Artikoli 11 u 12) u diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti (Artikolu 13).

20.

Skont l-Artikolu 7, entitajiet koperti għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti: (a) meta jistabbilixxu relazzjoni ta’ negozju; (b) meta jagħmlu tranżazzjonijiet okkażjonali li jammontaw għal EUR 15000 jew iżjed; (c) fejn ikun hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu, indipendentement minn kull deroga, eżenzjoni jew ammont operattiv; u (d) meta jkun hemm dubji dwar il-veraċità jew ir-rilevanza ta’ data ta’ identifikazzjoni tal-klijent miksuba preċedentement.

21.

Miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti jinkludu “l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika ta’ l-identità tal-klijent fuq il-bażi ta’ dokumenti, data jew informazzjoni li jinkisbu minn sors affidabbli u indipendenti” (Artikolu 8(1)(a)); “l-identifikazzjoni, fejn ikun applikabbli, tas-sid benefiċjarju u t-teħid ta’ miżuri li jieħdu kont tar-riskji u li jkunu adegwati sabiex tiġi [vverifikata] l-identità tiegħu […]” (Artikolu 8(1)(b)); “il-ksib ta’ informazzjoni dwar l-iskop u n-natura prevista tar-relazzjoni ta’ negozju” (Artikolu 8(1)(ċ)); u “l-eżerċizzju ta’ sorveljanza kontinwa tar-relazzjoni ta’ negozju inkluż skrutinju tat-tranżazzjonijiet matul il-kors ta’ dik ir-relazzjoni […]” (Artikolu 8(1)(d)).

22.

L-Artikolu 8(2) jipprovdi li entitajiet koperti jistgħu jiddeterminaw il-portata ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti skont ir-riskju assoċjat mat-tip ta’ klijent, ir-relazzjoni ta’ negozju, il-prodott jew it-tranżazzjoni. Huma għandhom ikunu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti li l-portata tal-miżuri tkun adattata fid-dawl tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

23.

Skont l-Artikolu 9(1), l-Istati Membri għandhom, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, jeżiġu li l-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju jiġu vverifikati qabel ma tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ negozju jew qabel ma titwettaq it-tranżazzjoni.

24.

Meta entitajiet koperti ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-Artikolu 8(1)(a) sa (ċ), l-Istati Membri għandhom, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5), jeżiġu li “dawn ma [jkunux] jistgħux iwettqu tranżazzjonijiet permezz ta’ kont bankarju, jew jistabbilixxu relazzjoni ta’ negozju jew iwettqu t-tranżazzjoni, jew [għandhom] itemmu r-relazzjoni ta’ negozju, u jikkonsidraw li jagħmlu rapport lill-unità ta’ l-intelliġenza finanzjarja (FIU) skond [l-]Artikolu 22 [ ( 14 ) ] fir-rigward tal-klijent”. Skont l-Artikolu 9(6), l-Istati Membri għandhom jeżiġu li entitajiet koperti japplikaw proċeduri ta’ diliġenza mhux biss mal-klijenti ġodda iżda wkoll, fi żmien xieraq, ma’ klijenti eżistenti fuq il-bażi tal-konoxxenza tar-riskji.

25.

L-Artikolu 11(1) jipprovdi: “B’deroga mill-Artikoli 7(a), (b) u (d), 8 u 9(1), [entitajiet koperti] minn din id-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżiti msemmija f’dawn l-artikoli fejn il-klijent ikun istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja koperta minn din id-Direttiva, jew istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja li tkun tinsab f’pajjiż terz li jimponi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva u li tkun sorveljata għall-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti”. L-Artikolu 11(2) isemmi ċirkustanzi oħra li fihom, b’deroga mill-Artikoli 7(a), (b) u (d), 8 u 9(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil entitajiet koperti ma japplikawx id-diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti. Skont l-Artikolu 11(3), entitajiet koperti għandhom fi kwalunkwe każ jiġbru biżżejjed informazzjoni sabiex jistabbilixxu jekk il-klijent jikkwalifikax għal eżenzjoni kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ( 15 ).

26.

Skont l-Artikolu 13(1), flimkien mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 7, 8 u 9(6), l-Istati Membri għandhom jeżiġu mill-entitajiet koperti li japplikaw, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskju, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti, partikolarment f’sitwazzjonijiet li min-natura tagħhom jistgħu joħolqu riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ ffinanzjar tat-terroriżmu. Huma għandhom jagħmlu dan mill-inqas fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti 2 sa 4 tal-Artikolu 13, iżda wkoll f’sitwazzjonijiet oħra li jirrappreżentaw riskju kbir li jissodisfaw il-kriterji tekniċi stabbiliti skont l-Artikolu 40(1)(ċ) ( 16 ). Is-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 13(2) sal-Artikolu 13(4) jinkludu dawk fejn il-klijent ma kienx preżenti fiżikament għall-finijiet ta’ identifikazzjoni; dawk ta’ relazzjoni ta’ korrispondenza bankarja transkonfinali ma’ istituzzjonijiet rispondenti minn pajjiżi terzi; u dawk ta’ tranżazzjonijiet jew relazzjonijiet ta’ negozju ma’ persuni esposti politikament li jkunu residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Għal sitwazzjonijiet bħal dawn hemm elenkati miżuri speċifiċi ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti (jew eżempji ta’ miżuri xierqa).

27.

Skont l-Artikolu 20, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-entitajiet koperti jagħtu attenzjoni partikolari għal kull attività li huma jqisu li, min-natura tagħha, tista’ partikolarment tkun relatata ma’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

28.

L-Artikolu 22, li flimkien mal-Artikolu 23 fih obbligi ta’ rapportaġġ, jeżiġi li entitajiet koperti (u fejn applikabbli, id-diretturi u l-impjegati tagħhom) jikkooperaw b’mod sħiħ billi, inter alia, jinformaw minnufih lill-FIU, minn rajhom, meta jkunu jafu, meta jissuspettaw, jew meta jkollhom motivi raġonevoli li jissuspettaw li jkun qiegħed jitwettaq jew li twettaq jew li jkun sar attentat sabiex jitwettaq ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu (Artikolu 22(1)(a)).

29.

L-Artikolu 28 jipprekludi lill-entitajiet koperti, lid-diretturi u lill-impjegati tagħhom milli jiżvelaw, lill-klijent ikkonċernat jew lil terzi oħra, il-fatt li tkun intbagħtet informazzjoni lill-FIU skont l-Artikoli 22 u 23 jew li tkun qiegħda ssir jew tista’ ssir investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

30.

Skont l-Artikolu 34(1) l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-entitajiet koperti jistabbilixxu linji ta’ kondotta u proċeduri adattati u xierqa ta’ diliġenza, ta’ rapportaġġ, ta’ żamma ta’ rekords, ta’ kontroll intern, ta’ analiżi tar-riskju, ta’ mmaniġġar tar-riskju, ta’ mmaniġġar tal-konformità u ta’ komunikazzjoni sabiex jiġu antiċipati u preklużi operazzjonijiet marbuta mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

31.

L-Artikoli 36 u 37 jikkonċernaw is-“superviżjoni”. L-Artikolu 37(1), b’mod partikolari, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti tal-inqas jissorveljaw b’mod effikaċi u jieħdu l-miżuri neċessarji bil-għan li jiżguraw li l-entitajiet koperti jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva.

32.

Skont l-Artikolu 40(1)(ċ), il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implementazzjoni li jistabbilixxu kriterji tekniċi sabiex jiġi eżaminat jekk sitwazzjonijiet partikolari jirrappreżentawx riskju kbir ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 13.

Id-Direttiva dwar id-data personali

33.

Il-premessa 8 tad-Direttiva dwar id-Data personali tipprovdi li “l-grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fl-ipproċessar ta’ dik id-data [personali] għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha”. Il-premessa 9 tirrikonoxxi li, filwaqt li l-Istati Membri ma humiex ser ikunu jistgħu jipprekludu iżjed il-moviment liberu bejniethom ta’ data personali għal raġunijiet minħabba l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, huma ser jibqgħu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni li jista’ (fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva dwar id-Data personali), ikun ukoll eżerċitat minn sieħba ekonomiċi u soċjali.

34.

L-Artikolu 1 jipprovdi: “Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali”. Skont l-Artikolu 1(2), “Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu [t]-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1”.

35.

L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi “data personali” bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’)” u “persuna identifikabbli” bħala “min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”.

36.

L-“ipproċessar ta’ data personali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

37.

Skont l-Artikolu 3(1), id-Direttiva dwar id-data personali tapplika “għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”.

38.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-kriterji li jiddeterminaw jekk ipproċessar ta’ data huwiex leġittimu. Skont l-Artikolu 7(ċ) u (f) rispettivament, dan japplika meta l-ipproċessar ikun meħtieġ “biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur” u “għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1)”.

Id-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali

39.

Il-premessa 8 tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali tipprovdi li din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur u indirettament negozji leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma josservawx ir-regoli stabbiliti minnha. Għaldaqstant, din id-direttiva tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fl-oqsma kkoordinati minnha.

40.

“Konsumatur” fis-sens tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali huwa “kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha” (Artikolu 2(a)). “Kummerċjant” tfisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant” (Artikolu 2(b)). “Prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” jew “prattiċi kummerċjali” jfissru “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott [jiġifieri kwalunkwe prodott jew servizz ( 17 )] lil konsumaturi” (Artikolu 2(d)).

41.

L-Artikolu 3(1) jipprovdi li d-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali “għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5 [li jistabbilixxi l-projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali u jiddefinixxi xi jkunu prattiċi bħal dawn], qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”.

42.

L-Artikolu 3(4) jipprovdi li “[f]il-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet [tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali] u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi”.

Id-Direttiva dwar is-servizzi ta ’ ħlas

43.

Id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas tistabbilixxi, inter alia, ir-regoli għad-distinzjoni bejn sitt kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, inklużi istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2006/48 (Artikolu 1(1)(a)) u istituzzjonijiet ta’ ħlas fis-sens tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas (Artikolu 1(1)(d)).

44.

L-Artikolu 4(3) jiddefinixxi “servizz ta’ ħlas” bħala “kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness”, li jinkludi eżekuzzjoni ta’ transazzjonijiet ta’ ħlas. “Istituzzjoni ta’ ħlas” hija, skont l-Artikolu 4(4), “persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 10 [li jeżiġi li impriżi li jkollhom il-ħsieb ifornu servizzi ta’ ħlas jiksbu awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ ħlas qabel ma jibdew il-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas] biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ ħlas fil-Komunità kollha”. “Servizz ta’ ħlas” tfisser “kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness” (Artikolu 4(3)). “Aġent” tfisser “persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi akkont ta’ istituzzjoni tal-ħlas fil-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas” (Artikolu 4(22)).

45.

Skont l-Artikolu 5, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ ħlas għandha tinkludi serje ta’ dokumenti, inkluż “deskrizzjoni tal-mekkaniżmi interni ta’ kontroll li l-applikant ikun stabbilixxa sabiex jikkonforma ma’ l-obbligi f’relazzjoni mal-[ħasil tal-flus] u l-finanzjament tat-terroriżmu skond [id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus]”. L-Artikolu 10(2) jipprovdi li awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw “jekk l-informazzjoni u l-evidenza flimkien ma’ l-applikazzjoni [jikkonformaw] mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 5 u jekk il-valutazzjoni ġenerali ta’ l-awtoritajiet kompetenti, wara li jkunu eżaminaw l-applikazzjoni bir-reqqa, tkun favorevoli”. Skont l-Artikolu 12(1), awtorizzazzjonijiet jistgħu jiġu rtirati biss f’ċirkustanzi ddefiniti, inkluż fejn l-istituzzjoni tal-ħlas ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni (Artikolu 12(1)(ċ)).

46.

Skont l-Artikolu 17(1), istituzzjoni ta’ ħlas intiża li tipprovdi servizzi ta’ ħlas permezz ta’ aġent għandha tikkomunika lill-Istat Membru tad-domiċilju tagħha ċerta informazzjoni li permezz tagħha dan l-aġent ikun jista’ jitniżżel f’reġistru aċċessibbli għall-pubbliku kif ipprovdut fl-Artikolu 13. Din l-informazzjoni tinkludi l-isem u l-indirizz tal-aġent u deskrizzjoni tal-mekkaniżmu intern ta’ kontroll li ser jintuża minn aġenti sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu.

47.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1), l-Istati Membri għandhom jaħtru bħala awtoritajiet kompetenti “[…] jew awtoritajiet pubbliċi, jew korpi rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew mill-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom is-setgħa speċifika għal dak il-għan mil-liġi nazzjonali, inklużi banek ċentrali nazzjonali”. It-tieni subparagrafu jipprovdi li tali awtoritajiet għandhom jiggarantixxu indipendenza minn korpi ekonomiċi u jevitaw kunflitti ta’ interess. Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, awtoritajiet bħal dawn ma għandhomx huma stess ikunu istituzzjonijiet ta’ ħlas, istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi jew istituzzjonijiet ta’ kontijiet postali (post office giro).

48.

L-Artikolu 21 (“Superviżjoni”) jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jikkontrollaw il-konformità kontinwa ma’ dan it-Titolu [‘Fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas’] [i]kunu proporzjonali u adegwati u li jkunu kapaċi jirreaġixxu għar-riskji li għalihom ikunu esposti l-istituzzjonijiet tal-ħlas.

Biex tkun ikkontrollata l-konformità ma’ dan it-Titolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati jieħdu l-passi li ġejjin, b’mod partikolari:

(a)

jirrikjedu li l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tkun monitorjata l-konformità;

(b)

iwettqu spezzjonijiet fil-post tal-istituzzjoni tal-ħlas, ta’ kwalunkwe aġent jew fergħa li jfornu servizzi ta’ ħlas taħt ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas, jew ta’ kwalunkwe entità li lilha jiġu outsourced operazzjonijiet ta’ servizzi ta’ ħlas;

(ċ)

joħorġu rakkomandazzjonijiet, linji gwida u, jekk applikabbli, dispożizzjonijiet amministrattivi li jorbtu; u

(d)

jissospendu jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni f’każijiet imsemmija fl-Artikolu 12.

2.   […]l-Istati Membri għandhom [jipprovdu] li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, jistgħu, kontra l-istituzzjonijiet tal-ħlas jew dawk li effettivament jikkontrollaw in-negozju ta’ istituzzjonijiet tal-ħlas li jiksru liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw is-superviżjoni jew is-segwitu tan-negozju tagħhom ta’ servizzi ta’ ħlas, jadottaw jew jimponu [...] penali jew miżuri mmirati b’mod speċifiku biex itemmu l-ksur osservat jew il-kawżi ta’ tali ksur.

[...]”

49.

L-Artikolu 79 dwar “Protezzjoni tad-data” jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jippermettu l-ipproċessar ta’ data personali minn sistemi ta’ ħlas u minn fornituri tas-sistemi ta’ ħlas meta dan ikun meħtieġ biex jitħarsu l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u s-sejba ta’ frodi fil-ħlasijiet. L-ipproċessar ta’ tali data personali għandu jsir skond [id-Direttiva dwar id-data personali]”.

Id-dritt nazzjonali

50.

Il-Liġi 10/2010, tat-28 ta’ April, dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (Ley 10/2010, de 28 de abril, de prevención del blanqueo de capitales y de la financiación del terrorismo, iktar ’il quddiem il-“Liġi 10/2010”), li ttrasponiet id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus fid-dritt Spanjol, tiddistingwi bejn tliet tipi ta’ miżura ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti: (i) miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti (Artikoli 3 sa 6); (ii) miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti (Artikolu 9) ( 18 ); u (iii) miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti (Artikolu 11).

51.

Miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti jinkludu l-identifikazzjoni formali tal-persuni kkonċernati (Artikolu 3), l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji reali (Artikolu 4), il-kisba ta’ informazzjoni dwar is-suġġett u n-natura tar-relazzjoni tan-negozju prevista (Artikolu 5) u superviżjoni kostanti tar-relazzjoni tan-negozju (Artikolu 6).

52.

Skont l-Artikolu 7(3), il-persuni suġġetti għal-Liġi 10/2010 ma jistgħux jibdew relazzjoni ta’ negozju jew iwettqu tranżazzjoni jekk ma jkunux jistgħu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti previsti minn din il-liġi. Jekk jirriżulta li dan huwa impossibbli matul ir-relazzjoni ta’ negozju, huma għandhom itemmu dik ir-relazzjoni.

53.

L-Artikolu 9(1)(b) jgħid li persuni suġġetti għal-Liġi 10/2010 huma awtorizzati li ma japplikawx ċerti miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward ta’ klijenti li jkunu istituzzjonijiet finanzjarji u li jkollhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fl-Unjoni Ewropea jew f’pajjiżi terzi ekwivalenti u li l-konformità tagħhom ma’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tkun suġġetta għal superviżjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, l-użu tal-kelma “awtorizzati” tissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix obbligu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar it-tifsira eżatta tagħha.

54.

Skont l-Artikolu 11, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijent għandhom jittieħdu meta, abbażi ta’ analiżi tar-riskju, ikun hemm riskju kbir ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Ċerti sitwazzjonijiet, min-natura tagħhom, jippreżentaw riskju bħal dan, b’mod partikolari, servizzi li bihom jintbagħtu flus.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

55.

Safe hija kumpannija li tittrasferixxi fondi ta’ klijenti barra mill-pajjiż (jiġifieri, għal Stati Membri oħra u għal Stati terzi) permezz tal-kontijiet li għandha ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

56.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tindika li l-banek għalqu l-kontijiet ta’ Safe magħhom wara li rrifjutat li tagħtihom informazzjoni (dwar il-klijenti tagħha u d-destinazzjoni ta’ fondi ttrasferiti) li huma kienu talbu abbażi tal-Liġi 10/2010, b’reazzjoni għal irregolaritajiet fir-rigward ta’ aġenti li kienu awtorizzati minn Safe sabiex jagħmlu trasferimenti permezz tal-kontijiet tagħha u li kienu vverifikati mill-Banco de España (iktar ’il quddiem il-“Bank ta’ Spanja”).

57.

Fil-11 ta’ Mejju 2011, BBVA kkomunikat dawn l-irregolaritajiet lis-Servicio Ejecutivo de la Comisión de Prevención del Blanqueo de Capitales e Infracciones Monetarias del Banco de España (Servizz Eżekuttiv tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u Reati Kriminali tal-Bank ta’ Spanja; iktar ’il quddiem “SEPBLAC”). Fit-22 ta’ Lulju 2011, BBVA nnotifikat lil Safe bl-għeluq irrevokabbli tal-kont tagħha.

58.

Safe kkontestat id-deċiżjoni ta’ BBVA li tagħlaq il-kont tagħha (u deċiżjonijiet simili miż-żewġ banek l-oħra) quddiem il-Juzgado de lo Mercantil No 5 de Barcelona (Qorti Kummerċjali Nru 5, Barċellona; iktar ’il quddiem “il-Qorti Kummerċjali”), abbażi tal-fatt li l-għeluq kien att ta’ kompetizzjoni inġusta li kien jipprekludiha milli taħdem b’mod normali billi tittrasferixxi fondi barra mill-pajjiż. Skont Safe: (i) it-trasferimenti ta’ flus barra mill-pajjiż bilfors kienu jimplikaw li hija żżomm kontijiet; (ii) hija tikkompeti fis-suq mal-banek; (iii) il-banek qatt qabel ma kienu talbuha tagħtihom id-data mitluba dwar il-klijenti ta’ Safe u l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi (il-prattika bdiet meta l-banek ibbażaw ruħhom fuq il-Liġi 10/2010); u (iv) li l-għoti lill-banek ta’ data bħal din imur kontra l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Il-banek wieġbu li l-miżuri tagħhom kienu skont Liġi 10/2010, kienu ġġustifikati partikolarment minħabba riskji relatati mat-trasferiment ta’ fondi barra mill-pajjiż, u ma kinux kontra l-liġi tal-kompetizzjoni.

59.

Fil-25 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Kummerċjali ċaħdet ir-rikors ta’ Safe. Iddeċidiet li l-banek kienu intitolati jitolbu lil Safe tadotta miżuri msaħħa ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u li tipprovdi data relatata mal-klijenti tagħha, bla ħsara għall-kundizzjoni li jidentifikaw, fl-aġir ta’ Safe, sinjali ta’ tmexxija li jiksru l-Liġi 10/2010. Jekk il-banek kinux iġġustifikati jagħlqu l-kontijiet ta’ Safe kellu jiġi eżaminat f’kull każ. Filwaqt li ebda wieħed mill-banek ma kien kiser projbizzjoni speċifika ta’ mġiba antikompetittiva, Sabadell u Liberbank (iżda mhux BBVA) kienu aġixxew b’mod żleali meta naqsu milli jistabbilixxu r-raġunijiet abbażi tal-miżuri tagħhom. L-imġiba ta’ BBVA tqieset li kienet iġġustifikata minħabba li kienet ibbażata fuq kontrolli li wrew li 22 % tat-trasferimenti magħmula permezz tal-kont ta’ Safe matul il-perijodu mill-1 ta’ Settembru sat-30 ta’ Novembru 2010 ma kinux saru minn aġenti li kienu awtorizzati minn Safe u vverifikati mill-Bank ta’ Spanja. Barra minn hekk, matul dan il-perijodu, kienu saru trasferimenti minn 1291 persuna, numru li kien jeċċedi ferm dak tal-aġenti ta’ Safe. Rapport perizju kien ukoll ta prominenza lir-riskji ta’ trasferimenti li ma kinux tmexxew minn aġenti identifikati.

60.

Safe, Sabadell u Liberbank appellaw minn din is-sentenza quddiem Audiencia Provincial, Barcelona (Qorti Provinċjali, Barċellona; iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”), li qed tisma’ t-tliet appelli flimkien.

61.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-partijiet kollha involuti kienu suġġetti għal-Liġi 10/2010, minħabba li jaqgħu fil-kategoriji li hemm fil-lista tal-Artikolu 2 ta’ din il-Liġi, li jinkludu istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet ta’ ħlas. Barra minn hekk, il-partijiet kollha jikkompetu fis-suq u jwettqu l-istess attività li jittrasferixxu fondi barra mill-pajjiż. Madankollu, istituzzjonijiet ta’ ħlas (bħal Safe) ikollhom jagħmlu hekk permezz ta’ kontijiet miżmuma ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (bħall-banek).

62.

Safe targumenta, l-ewwel nett, li BBVA ma kinitx meħtieġa tadotta miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet finanzjarji minħabba li dawn jingħataw superviżjoni diretta mill-awtoritajiet pubbliċi, partikolarment mill-Bank ta’ Spanja. It-tieni nett, fi Spanja, hija biss SEPBLAC li jista’ jkollha aċċess għal data relatata mal-klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ ħlas. It-tielet nett, anki jekk BBVA kienet meħtieġa tadotta miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, hija kellha tmexxi studju fid-dettall u eżawrjenti tal-politika ta’ Safe għall-konformità ma’ leġiżlazzjoni rilevanti qabel ma tadotta tali miżuri. F’dan il-każ, BBVA kienet sempliċement talbet rapport perizju li kien tħejja bl-użu tad-data ta’ BBVA. Ir-raba’ nett, il-Liġi 10/2010 ma tapplikax għal persuni, bħal aġenti, li joffru għajnuna lil istituzzjonijiet finanzjarji għal trasferimenti ta’ fondi.

63.

L-appell ta’ Sabadell jindirizza l-fatt li s-sentenza tal-Qorti Kummerċjali aċċettat li Sabadell setgħet fil-prinċipju tadotta miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti, iżda mhux li hija setgħet tagħmel hekk f’dan il-każ. Liberbank targumenta li l-għeluq tal-kont kien iġġustifikat minħabba li Safe kienet naqset li tipprovdi l-informazzjoni mitluba.

64.

F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1)

Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) [tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus]:

a.

Fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ried jistabbilixxi eċċezzjoni vera għall-possibbiltà, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jadottaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħhom stess meta dawn tal-aħħar huma istituzzjonijiet ta’ ħlas, li huma stess huma suġġetti għas-sistema ta’ sorveljanza tagħhom stess, jew din hija sempliċi awtorizzazzjoni sabiex tiġi prevista eċċezzjoni?

b.

Fir-rigward tal-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jittrasponi l-eċċezzjoni prevista mir-regola inkwistjoni f’termini differenti minn dawk tal-formulazzjoni tagħha?

c.

L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tapplika fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fl-istess termini bħal fir-rigward tal-miżuri ta’ diliġenza?

2)

Sussidjarjament, fil-każ fejn ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fis-sens li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jadottaw miżuri ta’ diliġenza u miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:

a.

Il-possibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissorveljaw l-operazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas sa fejn testendi? L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jitqiesu bħala li huma awtorizzati mid-dispożizzjonijiet [tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus] sabiex jikkontrollaw il-proċeduri u l-miżuri ta’ diliġenza adottati mill-istituzzjoni ta’ ħlas jew huma biss [l-awtoritajiet] pubbliċi msemmija [fid-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas], jiġifieri, f’dan il-każ, il-Bank ta’ Spanja li għandhom din is-setgħa?

b.

L-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jadottaw miżuri teħtieġ xi ġustifikazzjoni partikolari marbuta mal-atti tal-istituzzjoni ta’ ħlas jew din il-possibbiltà tista’ tiġi eżerċitata b’mod ġenerali, minħabba s-sempliċi fatt li l-istituzzjoni ta’ ħlas teżerċità attivita riskjuża bħat-trasferiment ta’ fondi barra mill-pajjiż?

c.

Jekk jiġi deċiż li hija meħtieġa ġustifikazzjoni konkreta sabiex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu jadottaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:

i.

Liema huwa l-aġir rilevanti li l-istituzzjoni bankarja għandha tieħu inkunsiderazzjoni bil-għan li tadotta miżuri ta’ diliġenza?

ii.

L-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ titqies bħala li hija awtorizzata tevalwa, għal dan il-għan, il-miżuri ta’ diliġenza li l-istituzzjoni ta’ ħlas tapplika fil-proċeduri tagħha?

iii.

L-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà teħtieġ li l-istituzzjoni bankarja tkun identifikat, fl-operazzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ ħlas, xi aġir li jġegħla tissuspetta dwar kollaborazzjoni f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus jew dwar finanzjament tat-terroriżmu?

3)

Barra minn hekk, fil-każ li jiġi deċiż li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma awtorizzati jadottaw miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas:

a.

Huwa aċċettabbli li dawn il-miżuri jinkludu dik li [teħtieġ] li tingħata informazzjoni dwar l-identità tal-klijenti kollha tal-istituzzjoni ta’ ħlas li minnhom joriġinaw il-fondi ttrasferiti kif ukoll informazzjoni dwar l-identità tad-destinatarji ta’ dawn il-fondi?

b.

Il-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ ħlas għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni relatata mal-klijenti tagħhom lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li magħhom huma obbligati li joperaw u li magħhom huma [jinsabu] f’kompetizzjoni simultanja fis-suq huwa konformi [mad-Direttiva dwar id-data personali]?”

65.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn BBVA, Safe, mill-Gvern Spanjol u Portugiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tas-6 ta’ Mejju 2015, ħlief għal BBVA u għall-Gvern Portugiż, l-istess partijiet ippreżentaw argument orali.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

66.

Il-qofol tat-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali hija dwar jekk il-banek kinux intitolati jew kinux meħtieġa jieħdu l-azzjoni li ħadu skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus (kif debitament implementata), jew jekk kinux qed jużaw b’mod inġustifikabbli din id-Direttiva bħala skuża għal imġiba kompetittiva żleali.

67.

Id-domandi preliminari magħmula jqumu biss sa fejn il-banek u Safe huma entitajiet koperti skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ( 19 ). Ebda parti ma kkontestat id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha, sabiex tikkaratterizzahom bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjoni ta’ ħlas, rispettivament, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

68.

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, partikolarment dwar jekk din id-dispożizzjoni, meta moqrija flimkien mal-Artikoli 5 u 7, tipprekludix Stat Membru milli jawtorizza jew jitlob istituzzjoni ta’ kreditu tapplika miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti b’rabta ma’ klijent li jkun istituzzjoni ta’ ħlas u suġġett ukoll għad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus (Domandi 1(a) u (b)). Permezz tal-ewwel domanda, ittra (c), hija tistaqsi domanda simili b’rabta ma’ miżuri msaħħa ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 13.

69.

Kif naraha jiena, ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi l-ewwel u qabel kollox mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7, 11(1) u 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. Jekk, fl-implementazzjoni ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri ma jkunux preklużi milli jawtorizzaw jew jeżiġu istituzzjoni ta’ kreditu tagħlaq il-kontijiet ta’ istituzzjoni ta’ ħlas f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni, ma jkunx meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5, minħabba li l-obbligi skont id-dritt nazzjonali jkunu għalhekk jikkorrispondu biss ma’ dawk taħt id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

70.

Kuntrarjament, jekk l-Artikoli 5, 7, 11(1) u 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jinqraw fis-sens li jipprekludu lill-Istati Membri milli jawtorizzaw jew jitolbu istituzzjonijiet ta’ kreditu, bħall-banek, sabiex japplikaw miżuri (msaħħa) ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti f’ċirkustanzi li jitolbu diliġenza ssemplifikata fir-rigward tal-klijenti, it-tieni u t-tielet domanda ma jibqgħux iktar rilevanti minħabba li ma seta’ jkun hemm ebda bażi skont il-liġi għall-miżuri tal-banek.

71.

Jekk id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jawtorizzaw jew jeżiġu miżuri ta’ diliġenza (imsaħħa) fir-rigward tal-klijenti f’ċirkustanzi bħal dawn, it-tieni u t-tielet domanda jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri bħal dawn u l-kundizzjonijiet li bihom huma jistgħu jkunu imposti. B’mod partikolari, tista’ liġi nazzjonali tipprevedi li istituzzjonijiet ta’ kreditu jissorveljaw l-operazzjonijiet u l-proċeduri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u l-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet ta’ ħlas u, jekk hu hekk, sa liema estent (it-tieni domanda, ittra (a))? Għandu jkun hemm ġustifikazzjoni speċifika għall-eżerċizzju tad-dritt tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza (imsaħħa) fir-rigward tal-klijenti, jew ikun biżżejjed li l-klijent iwettaq attività riskjuża (it-tieni domanda, ittra (b))? Jekk tkun meħtieġa ġustifikazzjoni speċifika, fuq liema kriterji għandha tkun ibbażata analiżi bħal din (it-tieni domanda, ittra (c))? Fl-aħħar nett, jistgħu tali miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti jeżiġu li istituzzjonijiet ta’ ħlas jipprovdu data ta’ identifikazzjoni għall-klijenti tagħhom kollha li mingħandhom joriġinaw il-fondi ttrasferiti u l-identitajiet tad-destinatarji, u dan huwa konformi mad-Direttiva dwar id-data personali (it-tielet domanda, ittri (a) u (b))?

72.

Fl-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, il-partijiet kollha bbażaw ruħhom fuq rakkomandazzjonijiet u materjal ieħor ipprovdut mit-TFAF, li huwa korp intergovernattiv li jistabbilixxi normi u jiżviluppa u jippromwovi politika li tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ( 20 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus (bħad-Direttiva 91/308/KEE preċedenti) kienet adottata sabiex jiġu applikati u jsiru vinkolanti fl-Unjoni Ewropea r-Rakkomandazzjonijiet TFAF ( 21 ). Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus għandha, għalhekk, tiġi interpretata b’mod konformi mar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2003 ( 22 ), li essenzjalment huma normi minimi f’dan il-qasam. Għaldaqstant, ser neħodhom inkunsiderazzjoni fejn ikun rilevanti.

73.

F’ċerti domandi, il-qorti tar-rinviju rreferiet għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni. F’oħrajn, hija ma għamlitx hekk. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata risposta sodisfaċenti għad-domandi preliminari magħmula, din il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis li jkun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għalih ma jkun sar ebda riferiment ( 23 ). Jiena adottajt dan l-approċċ meta ssuġġerixxejt risposti għad-domandi preliminari magħmula.

74.

Filwaqt li t-tielet domanda, ittra (b), ma tirreferix għad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, il-qorti tar-rinviju, madankollu, tesprimi dubji dwar ir-relazzjoni bejn id-drittijiet skont din id-Direttiva u d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. Madankollu, id-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali ma tapplikax għal dan il-każ minħabba li Safe ma hijiex qed “taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha” ( 24 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-termini “klijent” u “kummerċjant” f’din id-Direttiva huma dijametrikament opposti u li t-terminu “konsumatur” jirreferi għal “[kull individwu] li ma [huwiex involut] f’attivitajiet kummerċjali jew [ta’ negozju]” ( 25 ). Għaldaqstant, Safe ma hijiex konsumatur fis-sens ta’ din id-Direttiva.

Kamp ta ’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus (l-ewwel domanda, ittri (a) sa (c))

75.

Filwaqt li l-qorti tar-rinviju ma qalitx dan espliċitament, l-informazzjoni fil-proċess tal-kawża u l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali jissuġġerixxu li BBVA beda jkollha suspetti dwar ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu wara li skopriet irregolaritajiet fl-informazzjoni dwar aġenti li kienu ttrasferixxew fondi permezz tal-kont ta’ Safe ma’ BBVA.

76.

BBVA għalqet il-kont ta’ Safe abbażi tal-Liġi 10/2010 li, minn naħa, tawtorizza l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti fil-konfront ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li l-konformità tagħhom ma’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti hija suġġetta għal sorveljanza u, min- naħa l-oħra, teżiġi li entitajiet koperti japplikaw, skont l-analiżi tagħhom tar-riskju, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti f’sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom stess, jippreżentaw riskju kbir ta’ ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu, bħat-trasferiment ta’ fondi.

77.

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli tirregola miżuri ta’ diliġenza (ssemplifikati u msaħħa) fir-rigward tal-klijenti f’dan is-sens.

78.

Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tipprovdi tliet tipi differenti ta’ miżuri ta’ diliġenza (normali, ssemplifikati u msaħħa) fir-rigward tal-klijenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni xierqa ta’ dawn il-miżuri sabiex jipprekludu li s-sistema finanzjarja tintuża għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu. Miżuri bħal dawn jista’ jkun neċessarju li jiġu applikati qabel jew wara li tkun ġiet stabbilita relazzjoni ta’ negozju jew twettqet tranżazzjoni. Il-grad maħsub ta’ deterrenza ta’ kull tip ta’ miżura jiddependi mill-grad ipperċepit tar-riskju li s-sistema finanzjarja tintuża għal tali għanijiet. Dan il-grad ta’ riskju neċessarjament ivarja u, għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri li jkollhom jiġu applikati jkunu adatti għas-sitwazzjoni f’kull każ ( 26 ). Għaldaqstant, inqis li d-deċiżjoni dwar liema livell ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti għandu jiġi applikat għandu dejjem ikun ibbażat fuq motivi verifikabbli.

79.

Fil-fehma tiegħi, il-punt tat-tluq għall-interpretazzjoni tal-Kapitolu II ([“Diliġenza fir-rigward tal-klijenti”]) fid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u tar-relazzjoni bejn l-Artikoli 5, 7, 11(1) u 13 huwa l-obbligu tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti.

80.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi s-sitwazzjonijiet li awtomatikament jagħtu lok għall-obbligu tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, peress li jitqiesu li jippreżentaw riskji ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jistgħu jiġu preklużi bil-miżuri skont l-Artikoli 8 u 9 ( 27 ). Dawn is-sitwazzjonijiet jikkonċernaw: (a) l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ negozju; (b) it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet okkażjonali li jammontaw għal EUR 15000 jew iżjed; (ċ) is-suspetti ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu; (d) id-dubji dwar il-veraċità jew ir-rilevanza ta’ data ta’ identifikazzjoni tal-klijent miksuba preċedentement. Għalhekk, miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti jistgħu japplikaw qabel ma tissawwar relazzjoni ta’ negozju jew titwettaq tranżazzjoni (Artikoli 7(a) u (b)), jew irrispettivament minn jekk dak ikunx il-każ jew le (Artikolu 7(ċ) u (d)). B’mod partikolari, ma hemm xejn fl-Artikolu 7(ċ) li jindika li s-suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu għandu jitnissel qabel ma tiġi stabbilita relazzjoni ta’ negozju jew tranżazzjoni pjuttost milli matulhom.

81.

Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma tiddefinixxix “suspett ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu”. Għalkemm l-Artikolu 22(1)(a) (dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ rapportaġġ lill-FIU) jindika li “suspett” ma huwiex l-istess bħal “motivi raġonevoli sabiex tissuspetta” li jkun qiegħed jitwettaq (jew li twettaq) ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, inqis li din id-distinzjoni ma tistax tinqara fis-sens li “suspett” fl-Artikolu 7(ċ) huwa purament suġġettiv. Fl-opinjoni tiegħi, suspett għandu jkun ibbażat fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jiġu mistħarrġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-Artikolu 7(ċ) u ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ( 28 ). Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ikun hemm “suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu” fis-sens tal-Artikolu 7(ċ) meta, b’mod partikolari, b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi individwali ta’ klijent u tat-tranżazzjonijiet tiegħu (inkluż dak li jirrigwarda l-użu u t-tmexxija tal-kont(ijiet) tiegħu), ikun hemm raġunijiet verifikabbli li juru riskju li jkun qiegħed iseħħ jew li jista’ jseħħ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu b’rabta ma’ dan il-klijent.

82.

Skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi li, fejn hemm tali suspett (u fis-sitwazzjonijiet l-oħra elenkati fl-Artikolu 7), entitajiet koperti għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, inklużi l-identifikazzjoni tal-klijent u l-verifika tal-identità tiegħu (Artikolu 8(1)(a)); l-identifikazzjoni, fejn ikun applikabbli, tas-sid benefiċjarju (Artikolu 8(1)(b)); (ċ) il-ksib ta’ informazzjoni dwar l-iskop u n-natura prevista tar-relazzjoni ta’ negozju (Artikolu 8(1)(ċ)); u l-eżerċizzju ta’ sorveljanza kontinwa ta’ relazzjoni ta’ negozju u tranżazzjonijiet diġà mwettqa (Artikolu 8(1)(d)). L-Artikolu 8(1)(d) jista’ jiġi applikat biss ex post. It-tliet tipi l-oħra ta’ miżuri jistgħu jiġu applikati f’kull stadju. Dan huwa konsistenti mal-Artikolu 9(6), li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżiġu li entitajiet koperti japplikaw proċeduri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti ġodda kollha, u fi żmien xieraq, ma’ klijenti eżistenti abbażi ta’ konoxxenza tar-riskju. Madankollu, qabel ma tiġi stabbilita relazzjoni ta’ negozju jew titwettaq tranżazzjoni rilevanti, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju tiġi vverifikata (Artikolu 9(1)).

83.

Għalhekk l-Artikoli 7, 8 u 9 jidentifikaw iċ-ċirkustanzi li fihom il-leġiżlatur Komunitarju qies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi miżuri kawtelatorji “normali” fejn hemm riskju ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, u jkun iddefinixxa l-miżuri adatti sabiex ma dan ir-riskju ma jseħħx.

84.

F’ċirkustanzi oħra (skont, pereżempju, it-tip ta’ klijent, ir-relazzjoni tan-negozju, il-prodott jew it-tranżazzjoni ( 29 )), ir-riskju jista’ jkun iżgħar jew ikbar. L-Artikoli 11 u 13 jittrattaw dawk is-sitwazzjonijiet rispettivament, u jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw li jiġu applikati gradi differenti ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti.

85.

Bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti fl-Artikoli 8 u 9(1) ma għandhomx jiġu applikati f’ċirkustanzi fejn inkella, skont l-Artikolu 7(a), (b) u (d), ikunu japplikaw. Il-kundizzjonijiet jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlatur Komunitarju jkun qies li jkun hemm riskju iżgħar ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu minħabba, pereżempju, l-identità tal-klijent jew il-valur u l-kontenut tat-tranżazzjoni jew il-prodott.

86.

Dan huwa l-każ meta klijent ta’ entità koperta jkun huwa stess istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja koperta mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. Skont l-Artikolu 11(1) l-Istati Membri ma għandhomx jeżiġu li entitajiet koperti (bħall-banek) japplikaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti tagħhom (bħal Safe) skont l-Artikoli 8 u 9(1) fir-rigward fiċ-ċirkustanzi elenkati fl-Artikolu 7(a), (b) u (d).

87.

Il-fatt li l-Artikolu 11(1) jeżiġi li entitajiet koperti ma għandhomx ikunu suġġetti għal miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti, filwaqt li paragrafi oħra tal-Artikolu 11 (bħall-Artikolu 11(2)) jippermettu lill-Istati Membri jawtorizzaw diliġenza ssemplifikata, ma jibdilx dik il-konklużjoni. L-użu ta’ din il-forma tal-aħħar fil-kumplament tal-Artikolu 11 li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jimponu miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati msemmija fl-Artikolu 11; miżuri ta’ diliġenza normali skont l-Artikolu 8; jew obbligi ta’ diliġenza msaħħa jew iktar stretta konformement mal-Artikoli 13 u 5 rispettivament. Fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ forma tassattiva fl-Artikolu 11(1) ifisser li hemm inqas għażliet f’dan l-artikolu: jew tiġi applikata diliġenza ssemplifikata jew, fejn ikun rilevanti u neċessarju, obbligi ta’ diliġenza msaħħa jew iktar stretta konformement mal-Artikoli 13 u 5 rispettivament. Dak li ma huwiex applikabbli hija d-diliġenza normali bħala tali. Għaldaqstant, ma ninterpretax l-Artikolu 11(1) fis-sens li jipprojbixxi dispożizzjonijiet iktar stretti bbażati fuq l-Artikolu 5.

88.

Ir-raġuni għad-deroga fl-Artikolu 11(1) hija li l-klijent innifsu huwa kopert mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. Dan il-klijent għandu jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti rilevanti kollha f’din id-Direttiva kif implementata fid-dritt nazzjonali, inklużi dawk dwar miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li entità koperta għandha tapplika b’rabta mal-klijenti tagħha stess, u huwa suġġett għar-rekwiżiti ta’ rapportaġġ u ta’ sorveljanza skont din id-Direttiva u għal rekwiżiti oħra. F’ċirkustanzi bħal dawn, in-neċessità li tittieħed azzjoni preventiva tkun mitigata.

89.

Din ir-raġuni hija wkoll konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012. Il-punt 16 tan-nota interpretattiva għar-rakkomandazzjoni 10 jirrikonoxxi li jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom ir-riskju ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu jkun inqas u, bla ħsara għal analiżi xierqa tar-riskju, jista’ jkun raġonevoli li istituzzjonijiet finanzjarji jitħallew japplikaw miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti ( 30 ). Il-punt 17 jindika espressament l-eżempju ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, huma stess suġġetti għal rekwiżiti li jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu konformement mar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012, li jkunu implementaw b’mod effettiv dawn ir-rekwiżiti u jkunu suġġetti għal kontroll li jiggarantixxi li huma josservaw l-obbligi tagħhom ( 31 ).

90.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 11(1) jirrifletti l-prinċipju li miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti għandhom ikunu proporzjonati mar-riskji identifikati ( 32 ). L-Artikolu 11(1) jassumi riskju mnaqqas għar-raġuni li, minħabba li l-klijent huwa entità koperta, miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, miżuri ta’ rapportaġġ u miżuri ta’ sorveljanza diġà jkunu qegħdin joperaw sabiex jikkontrollaw ir-riskju li din l-entità koperta u partikolarment il-klijenti stess ta’ din l-entità jistgħu jippreżentaw. Għaldaqstant, l-Artikolu 11(1) ifittex li jirrikonċilja l-interessi ta’ regolamentazzjoni effettiva, ta’ kontroll tal-ispejjeż tal-ġestjoni tar-riskju u ta’ prevenzjoni adatta u proporzjonata tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

91.

L-Artikolu 11(1) japplika għall-entitajiet koperti kollha, anki jekk uħud mill-entitajiet jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet addizzjonali, kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ ħlas. L-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex joperaw bħala istituzzjonijiet ta’ ħlas tkun tiddependi mill-konformità mad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u, fejn ikunu beħsiebhom jużaw aġenti reġistrati, huma għandhom ikollhom mekkaniżmu intern ta’ kontroll għall-verifika ta’ tali konformità ( 33 ).

92.

Madankollu, minkejja l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni ( 34 ), protezzjoni f’liġijiet eżistenti tal-Unjoni (u f’liġijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni) kontra r-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ma tistax tiggarantixxi li ma jkun hemm ebda riskju ( 35 ).

93.

Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 11(1) ma jidderogax mill-Artikolu 7(ċ). Irrispettivament minn kull deroga, eżenzjoni jew limitu u, għalhekk, irrispettivament minn jekk il-klijent ikunx entità koperta, l-Artikolu 7(ċ) jipprovdi li miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti jkunu dejjem meħtieġa meta jkun hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu ( 36 ). Fi kliem ieħor, meta jkun hemm suspett, Stat Membru jkun prekluż milli jippermetti jew jeżiġi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti. Għalhekk, jekk il-qorti kompetenti nazzjonali f’dan il-każ tikkonstata li BBVA u ż-żewġ banek l-oħra kienu ġustament ikkunsidraw li kien hemm suspett bħal dak fir-rigward ta’ Safe, id-dritt tal-Unjoni jitlob li hija tinterpreta (sa fejn huwa possibbli) il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li tfisser li l-banek kienu meħtieġa, skont l-Artikolu 7(ċ), japplikaw (mill-inqas) miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti ( 37 ).

94.

Lanqas il-fatt li l-klijent ikun huwa stess entità koperta mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma jfisser li Stat Membru ma għandux jeżiġi li jiġu applikati miżuri ta’ diliġenza msaħħa fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ dan il-klijent jekk, minkejja l-garanziji diġà pprovduti mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, mid-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas u minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, ikun jeżisti riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu kif previst minn din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 11 jidderoga biss minn miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti f’sitwazzjonijiet ta’ riskju iżgħar. Minħabba li ma jagħmilx riferiment għall-Artikolu 13, huwa ma għandux rilevanza għad-diliġenza fir-rigward tal-klijenti li tkun meħtieġa meta jkun hemm riskju ikbar.

95.

L-Artikolu 13 jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu li entitajiet koperti japplikaw, abbażi tal-evalwazzjoni tagħhom tar-riskju, miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti partikolarment f’sitwazzjonijiet li min-natura tagħhom jistgħu jippreżentaw riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu u għall-inqas f’sitwazzjonijiet ta’ riskju ikbar identifikat fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 13. It-trasferiment ta’ fondi barra mill-pajjiż ma huwiex elenkat f’dawn il-paragrafi. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma ssuġġerixxiet li japplika wieħed minn dawn il-paragrafi ( 38 ). Madankollu l-Artikolu 13 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jidentifikaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, billi jieħdu metodu bbażat fuq ir-riskju, sitwazzjonijiet oħra li min-natura tagħhom jippreżentaw riskju ikbar u, għalhekk, jiġġustifikaw jew anki jeżiġu l-applikazzjoni ta’ diliġenza msaħħa (flimkien ma’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti).

96.

Għalhekk, minkejja d-deroga fl-Artikolu 11(1), l-Artikoli 7 u 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw li entitajiet koperti japplikaw f’sitwazzjonijiet li jinvolvu klijenti li jkunu huma nfushom entitajiet koperti skont id-Direttiva (i) miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikoli 8 u 9(1) meta jkun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 7(ċ) u (ii) miżuri msaħħa ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 13 f’sitwazzjonijiet previsti skont din id-dispożizzjoni.

97.

Anki fejn l-Istati Membri jkunu ttrasponew korrettament l-Artikoli 7, 11 u 13 fid-dritt nazzjonali ( 39 ), l-Artikolu 5 jippermettilhom jadottaw jew iżommu fis-seħħ “dispożizzjonijiet aktar stretti” li jfittxu li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ( 40 ), u jikkonferma li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus twettaq biss armonizzazzjoni minima ( 41 ). Dawn id-“dispożizzjonijiet aktar stretti”, fil-fehma tiegħi, jistgħu jikkonċernaw sitwazzjonijiet li għalihom id-Direttiva tipprovdi ċerta tip ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u wkoll ma’ sitwazzjonijiet oħra li l-Istati Membri jqisu li jippreżentaw riskju.

98.

L-Artikolu 5 jagħmel parti mill-Kapitolu I (“Suġġett, Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”) u japplika fir-rigward tad-“dispożizzjonijiet” kollha “fil-qasam kopert [mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus] sabiex l-Istati Membri jipprevenu l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu”. Għaldaqstant, il-mandat tiegħu ma huwiex limitat għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ([“Diliġenza fir-rigward tal-klijenti”]). Stat Membru jista’, għalhekk, jipprovdi li miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti japplikaw minn istituzzjoni ta’ kreditu b’rabta ma’ istituzzjoni ta’ ħlas anki meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) jiġu ssodisfatti (u, għalhekk, anki meta ma jkunx hemm suspett fis-sens tal-Artikolu 7(ċ)) u f’sitwazzjonijiet barra dawk elenkati fl-Artikoli 7 u 13, meta dan ikun iġġustifikat u barra minn hekk konsistenti mad-dritt tal-Unjoni ( 42 ).

99.

Fil-qosor, dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 8 jew 13 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jagħtu lill-Istati Membri grad sinjifikattiv ta’ libertà fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, fir-rigward tal-mod preċiż li bih għandhom jagħtu effett lill-obbligi sabiex jipprovdu għal tipi differenti ta’ diliġenza, skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni u skont l-obbligi globali tagħhom li jevalwaw ir-riskju u jagħmlu liġijiet li jeżiġu li jiġu applikati miżuri li jkunu jaqblu mar-riskju identifikat u li jkunu konformi ma’ obbligi oħra applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 5 sussegwentement jipprovdi għal marġni addizzjonali ieħor ta’ libertà minħabba li jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ “dispożizzjonijiet aktar stretti” fejn iqisu li huma meħtieġa, bil-kundizzjoni li meta jagħmlu hekk, huma josservaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni.

Istituzzjonijiet ta ’ kreditu jistgħu jissorveljaw miżuri ta ’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti adottati minn istituzzjonijiet ta ’ ħlas (Domandi 2(a) u 2(c)(ii))?

100.

Permezz tat-tieni domanda, ittra (a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-setgħat ta’ superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus u d-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, b’rabta mal-operazzjonijiet u l-proċeduri ta’ diliġenza u miżuri ta’ istituzzjonijiet ta’ ħlas li jkunu l-klijenti tagħhom. It-tieni domanda, ittra (c)(ii), li hija relatata mill-qrib, tistaqsi jekk istituzzjoni ta’ kreditu tistax tevalwa miżuri ta’ diliġenza applikati minn istituzzjoni ta’ ħlas.

101.

Jidhirli li dawn id-domandi huma bbażati fuq il-preżunzjoni li l-kontijiet ta’ Safe ngħalqu minħabba li Safe naqset tagħti informazzjoni mitluba mill-banek fil-kuntest ta’ miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti applikati minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, l-għeluq għandu jitqies li huwa mezz sabiex ikunu eżegwiti l-obbligi ta’ Safe skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, u possibbilment id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas, li fir-rigward tagħhom huma kompetenti l-awtoritajiet kompetenti biss u mhux il-banek ( 43 ).

102.

Ma narax kif l-azzjoni tal-banek tista’ tiġi interpretata li hija superviżorja fin-natura tagħha. Id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tikkonċerna rekwiżiti ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li japplikaw għal entitajiet koperti, mhux għal klijenti minħabba l-istatus tagħhom bħala klijenti. Id-Direttiva ma teżiġix li klijenti jipprovdu lil entitajiet koperti b’informazzjoni li dawn tal-aħħar għandhom jiksbu u jivverifikaw sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom stess ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti. Hekk, pereżempju, l-Artikolu 8 jiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ relazzjoni ta’ negozju li dwarhom għandha tinkiseb u tiġi vverifikata informazzjoni. Ma jispeċifikax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi li l-informazzjoni jkollha tinkiseb mill-klijent u li dan tal-aħħar huwa meħtieġ, skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus kif implementata korrettament, iwieġeb għal talbiet bħal dawn (anki jekk il-klijent ikollu interess qawwi li jagħmel hekk sabiex jevita l-konsegwenzi deskritti fl-Artikolu 9(5)) ( 44 ).

103.

Konsegwentement, miżura tat-tip bħal dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(5) (inkluż, fejn relazzjoni ta’ negozju tkun diġà ġiet stabbilita, it-tmiem ta’ dik ir-relazzjoni) hija l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ abbiltà ta’ entità koperta li tikkonforma mal-obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 8(1)(a) sa (ċ) kif implementat mill-Istati Membri. Din il-konsegwenza hija ġġustifikata mir-riskju li jirriżulta li klijenti, tranżazzjonijiet u relazzjonijiet jintużaw (jew jistgħu jintużaw) għall-finijiet ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

104.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 9(5) ma tiddependix mill-punt dwar għaliex entità koperta ma tistax tikkonforma mal-miżuri meħtieġa ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 8(1)(a) sa (ċ). Għalhekk, il-fatt li klijenti ta’ entità koperta ma jikkooperawx billi jipprovdu informazzjoni sabiex hija tkun tista’ tikkonferma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-Artikolu 8 la huwa meħtieġ u lanqas huwa dejjem suffiċjenti sabiex jimplika l-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 9(5).

105.

Huwa minnu li l-Artikolu 37 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jeżiġi li awtoritajiet kompetenti jissorveljaw b’mod effettiv u jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li entitajiet koperti, inklużi istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet ta’ ħlas li japplikaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward ta’ kull klijent tagħhom, ikunu konformi mad-Direttiva. Kif sostna l-Avukat Ġenerali Bot, l-effikaċja tal-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u ta’ żvelar ikunu ggarantiti billi jingħataw setgħat ta’ superviżjoni u ta’ sanzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 45 ). Naqbel miegħu li l-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, ta’ rapportaġġ, ta’ superviżjoni u ta’ monitoraġġ flimkien jikkostitwixxu miżuri preventivi u dissważivi għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod effettiv, u għall-ħarsien tas-solidità u tal-integrità tas-sistema finanzjarja.

106.

Madankollu, dan ma jfissirx li entitajiet koperti, meta jaġixxu abbażi ta’ liġijiet nazzjonali li jimplementaw l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, jassumu rwol superviżorju li huwa rriżervat għall-awtoritajiet kompetenti.

107.

Lanqas ma jfisser li entitajiet koperti jistgħu jimminaw il-kompiti ta’ superviżjoni li għandhom jeżerċitaw awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas fuq istituzzjonijiet ta’ ħlas sabiex jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (“Fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas”) f’din id-Direttiva ( 46 ). Filwaqt li dawn l-awtoritajiet jistgħu, f’ċirkustanzi xierqa, jirtiraw ir-reġistrazzjoni ta’ aġenti, tal-fergħa jew tal-istituzzjoni tal-ħlas infisha skont din id-Direttiva ( 47 ), setgħat bħal dawn jeżistu flimkien mal-miżuri preventivi li għandhom jiġu applikati minn entitajiet koperti u mas-setgħat superviżorji ta’ awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

Hija meħtieġa ġustifikazzjoni speċifika sabiex jiġi eżerċitat id-dritt li jkunu applikati miżuri ta ’ diliġenza (imsaħħa) fir-rigward tal-klijenti, jew huwa biżżejjed li l-klijent iwettaq attività riskjuża (it-tieni domanda, ittra (b))? Jekk tkun meħtieġa ġustifikazzjoni speċifika, liema kriterji għandhom japplikaw (it-tieni domanda, ittra (c)(i) sa (iii))?

108.

Jekk Stati Membri jawtorizzaw jew jeżiġu li istituzzjonijiet ta’ kreditu japplikaw miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijent għal istituzzjoni ta’ ħlas, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, permezz tad-Domandi 2(b) u 2(c)(i) sa (iii), jekk miżuri bħal dawn jistgħux ikunu bbażati biss fuq it-tip ġenerali ta’ attività segwita minn dik l-istituzzjoni ta’ ħlas jew jekk atti individwali ta’ dik l-istituzzjoni għandhomx jiġu analizzati.

109.

Infakkar li d-domandi jqumu fil-kuntest ta’ kawża li tinvolvi entitajiet koperti li jsostnu li bbażaw il-miżuri ta’ diliġenza tagħhom fir-rigward tal-klijenti fuq id-dritt nazzjonali applikabbli għal sitwazzjonijiet li l-leġiżlatur qies li jippreżentaw riskju kbir (bħall-provvista ta’ servizzi sabiex jintbagħtu flus) u li ma humiex elenkati fl-Artikolu 13. Barra minn hekk, jiena diġà indirizzajt il-kwistjoni dwar dak li jkun meħtieġ fil-każ ta’ suspett ta’ ħasil ta’ flus fis-sens tal-Artikolu 7(ċ) ( 48 ).

110.

Għaldaqstant, nifhem li d-Domandi 2(b) u 2(c)(i) sa (iii) huma relatati ma’ ċirkustanzi li fihom Stat Membru jkun qiegħed jaġixxi fil-libertà mogħtija lilu mid-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

111.

Meta Stat Membru jaġixxi f’din il-libertà, huwa għandu, madankollu, jeżerċita din il-kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni, partikolarment skont il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati ( 49 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-għan tal-ġlieda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu, li huwa l-bażi tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, għandu jkun ibbilanċjat mal-protezzjoni ta’ interessi oħra, inkluża l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għalhekk, f’Jyske Bank Gibraltar, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonstatat li restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw minn rekwiżit ta’ informazzjoni “sakemm tali leġiżlazzjoni hija intiża li ssaħħaħ, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu” kienu permissibbli ( 50 ). Fejn (bħal f’dan il-każ) id-dritt tal-Unjoni ma jkunx kompletament armonizzat, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-libertajiet fundamentali tista’ tkun iġġustifikata minħabba li tkun tissodisfa rekwiżit imperattiv relatat mal-interess pubbliku, sakemm dak l-interess ma jkunx diġà protett mir-regoli li għalihom il-fornitur ta’ servizzi jkun suġġett fl-Istat Membru fejn huwa jkun stabbilit, sakemm hija tkun tali li tiggarantixxi l-kisba tal-għan segwit minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq ( 51 ).

112.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huma għanijiet leġittimi li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal-libertà tal-forniment ta’ servizzi ( 52 ).

113.

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni hija adatta sabiex tiġi ggarantita l-kisba ta’ dan l-għan minħabba li tnaqqas ir-riskju u, b’mod iktar ġenerali, tirrifletti ġenwinament tħassib li jinkiseb l-għan b’mod konsistenti u sistematiku? ( 53 ) Leġiżlazzjoni nazzjonali li tidentifika, wara analiżi xierqa tar-riskju (inkluż b’rabta ma’ klijenti li jkunu istituzzjonijiet ta’ ħlas), riskju kbir fir-rigward ta’ tip ta’ (pereżempju) klijent, pajjiż, prodott jew tranżazzjoni, u li fuq dik il-bażi tawtorizza jew anki teżiġi li entitajiet koperti japplikaw, wara analiżi tar-riskju minn kull entità stess, waħda waħda, miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti, jidhirli li tissodisfa dan ir-rekwiżit.

114.

L-evalwazzjoni ta’ jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tkunx proporzjonata tinvolvi d-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni mixtieqa mill-Istat Membru fir-rigward tal-livell identifikat tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Ninterpreta d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus fis-sens li tikkonferma li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, pereżempju, livell ta’ protezzjoni li jkun ogħla minn dak magħżul mil-leġiżlatur Komunitarju, jidentifikaw sitwazzjonijiet oħra ta’ riskju (kbir) u jawtorizzaw jew jeżiġu li jkun hemm miżuri oħra ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti minbarra dawk previsti minn din id-Direttiva.

115.

Meta jagħmlu hekk, Stati Membri jistgħu, pereżempju, jidentifikaw il-miżuri speċifiċi li jkollhom jiġu applikati f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi jew jagħtu lil entitajiet koperti diskrezzjoni li japplikaw, abbażi ta’ analiżi adatta tar-riskju, il-miżuri meqjusa li huma proporzjonati mar-riskju inkwistjoni f’sitwazzjoni speċifika. Fiż-żewġ okkażjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti jkunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-livell ta’ riskju ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward ta’ klijent, ta’ relazzjoni ta’ negozju, ta’ kont, ta’ prodott jew ta’ tranżazzjoni, skont il-każ. Mingħajr evalwazzjoni bħal din, la jkun possibbli għall-Istat Membru, u lanqas, fejn rilevanti, għall-entità koperta, li jiddeċiedu f’kull każ partikolari liema miżuri jkollhom jiġu applikati. Barra minn hekk, fejn ma jkunx hemm riskju ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, ma tkunx tista’ tittieħed azzjoni preventiva abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet (leġittimi).

116.

Din l-analiżi tar-riskju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, mill-inqas, il-fatti kollha rilevanti li jkunu jistgħu juru r-riskju (il-livell tiegħu) ta’ wieħed mit-tipi ta’ aġir li jitqies li huwa ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Riskji bħal dawn (u l-livell tagħhom) jistgħu jiddependu, inter alia, minn klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, servizzi, tranżazzjonijiet jew mezzi ta’ distribuzzjoni. Għalhekk, jista’ jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat, abbażi tal-informazzjoni disponibbli diġà, (pereżempju) min huwa involut fi trasferiment ta’ proprjetà, l-oriġini ta’ dik il-proprjetà, id-drittijiet ittrasferiti, jekk kienx hemm tagħrif dwar attività kriminali, il-grad ta’ involviment ta’ persuni u entitajiet partikolari fl-akkwist, pussess, użu jew trasferiment ta’ proprjetà, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull tranżazzjoni jew relazzjoni, il-portata ġeografika ta’ kull operazzjoni li tinvolvi l-proprjetà, il-valur tal-proprjetà jew tranżazzjoni li tinvolvi din il-proprjetà, jew ir-regolarità jew id-dewmien tar-relazzjoni ta’ negozju.

117.

Tali evalwazzjoni tagħmilha possibbli f’każijiet ġenerali u partikolari li jiġi deċiż kif ikun ikkontrollat riskju billi jiġu adottati miżuri adatti. Meta jintgħażlu miżuri bħal dawn, tkun meħtieġa (għaż-żewġ Stati Membri u, fejn rilevanti, għall-entitajiet koperti) evalwazzjoni ta’ sa fejn ir-riskju pperċepit ikun diġà kkontrollat u l-livell ta’ protezzjoni huwa diġà żgurat b’miżuri oħra, inklużi dawk ibbażati fuq id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni (jew nazzjonali). Huwa ftit probabbli li diliġenza fir-rigward tal-klijenti jew miżura oħra jistgħu jeliminaw kull riskju ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Minflok, leġiżlazzjoni tal-Unjoni tindika li l-Istati Membri għandhom jadottaw diversi tipi differenti ta’ risposti għal riskji bħal dawn.

118.

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex proporzjonata tiddependi wkoll mill-grad li fih il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li tipprovdi jistgħu jinterferixxu ma’ drittijiet u interessi oħra protetti mid-dritt tal-Unjoni, bħall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta) u l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa bejn entitajiet li joperaw fl-istess suq. L-għanijiet tagħhom għandhom ikunu bbilanċjati ma’ interessi leġittimi oħra bħal dawn.

119.

Fl-aħħar nett, jekk liġi nazzjonali hijiex proporzjonata jkun jiddependi minn jekk ikunx hemm mezzi alternattivi u inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-istess livell ta’ protezzjoni. Għalhekk, pereżempju, minflok liġi ġenerali li tassumi li meta jintbagħtu fondi barra mill-pajjiż dejjem ikun hemm riskju kbir ( 54 ), liġi li tiddistingwi bejn pajjiżi riċevituri ta’ trasferimenti (abbażi tar-riskju li jkun hemm meta jintbagħtu flus hemmhekk) jew li teżiġi li entitajiet koperti jiddistingwu b’dan il-mod tista’ tkun inqas restrittiva u xorta waħda tilħaq il-livell mixtieq ta’ protezzjoni mill-Istat Membru.

Miżuri ta ’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti u l-protezzjoni tad-data personali (it-tielet domanda, ittri (a) u (b))

120.

Permezz tat-tielet domanda, ittra (b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar id-data personali tipprekludix lill-Istati Membri milli jeżiġu li istituzzjonijiet ta’ ħlas jipprovdu data dwar l-identità tal-klijenti tagħhom lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jkunu f’kompetizzjoni diretta magħhom, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti applikati minn dawn tal-aħħar. It-tielet domanda, ittra (a), hija simili, għalkemm la tirreferi għal dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni u lanqas għar-relazzjoni kompetittiva bejn l-istituzzjoni ta’ ħlas u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (iżda, bil-maqlub, tirreferi fil-fatt għal data ta’ destinatarji ta’ fondi trażmessi permezz tal-kontijiet ta’ Safe).

121.

Hemm ċerti dubji dwar jekk it-tielet domanda kinitx ammissibbli, peress li BBVA tinsisti li hija qatt ma talbet data personali dwar il-klijenti ta’ Safe jew dwar id-destinatarji ta’ fondi trażmessi; hija talbet biss informazzjoni dwar l-aġenti li kienu aġixxew f’isem Safe u użaw il-kontijiet ta’ Safe.

122.

Jekk il-preżentazzjoni tal-fatti minn BBVA hija korretta u tikkorrispondi wkoll ma’ dak li ġara fil-kawża bejn iż-żewġ banek l-oħra u Safe, it-tielet domanda tidher tabilħaqq li ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha taċċerta u tevalwa l-fatti li taw lok għat-tilwima. Dan il-kompitu huwa l-prerogattiva ta’ qrati nazzjonali ( 55 ) u l-ġurisdizzjoni tagħhom f’dan ir-rigward hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali. Għalhekk, ser nagħti risposta għat-tielet domanda sa fejn huwa possibbli.

123.

Entitajiet koperti, bħal istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet ta’ ħlas, jistgħu jkollhom jiġbru u jivverifikaw data li tkun mill-inqas tal-klijenti tagħhom stess skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus jew, bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar stretti skont kif jippermetti l-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva, skont regoli oħra tad-dritt nazzjonali li huma konsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Fejn dan ikun jinvolvi trattament ta’ data personali li tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-data personali (id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma hijiex speċifika dwar dan), japplikaw fil-prinċipju r-rekwiżiti skont iż-żewġ direttivi. Il-premessa 33 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus tikkonferma dan fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 28. Dan japplika wkoll għall-premessa 48, li tirreferi għar-rispett għad-drittijiet fundamentali u għalhekk tirreferi wkoll għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikolu 8 tal-Karta.

124.

Ma nara ebda bażi għaliex għandi ninterpreta “l-klijent” fl-Artikolu 8(1)(a) ( 56 ) jew fl-Artikolu 13 fis-sens li tirreferi wkoll għall-klijent(i) tal-klijent tal-entità koperta. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw essenzjalment ir-relazzjoni bejn entità koperta u l-klijent(i) tagħha u tranżazzjonijiet mibdija fil-kuntest ta’ dik ir-relazzjoni. Ċertament huwa minnu li l-Artikolu 13(4)(ċ) jelenka miżuri sabiex ikunu stabbiliti s-sors tal-ġid u l-fondi involuti f’relazzjoni ta’ negozju jew tranżazzjoni ma’ persuni politikament esposti u residenti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. Madankollu, xejn fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jissuġġerixxi li dik hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ.

125.

Fid-dawl ta’ dan, naħseb li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma tipprekludix neċessarjament li liġijiet nazzjonali jeżiġu jew jawtorizzaw entità koperta, meta jkun ġustifikabbli, milli tikseb informazzjoni dwar il-klijenti tal-klijent tagħha. Informazzjoni dwar dawn il-klijenti tista’ tkun rilevanti sabiex ikun evalwat jekk il-klijent tal-entità koperta, it-tranżazzjonijiet u r-relazzjonijiet ta’ negozju tiegħu jippreżentawx riskji ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

126.

Għaldaqstant, ma naqbilx li entità koperta skont id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus qatt ma tista’ tkun awtorizzata jew tintalab skont id-dritt nazzjonali tikseb informazzjoni dwar il-klijenti tal-klijenti tagħha stess sabiex tipprekludi ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Lanqas id-Direttiva dwar id-data personali, partikolarment l-Artikolu 7, ma jidhru li jipprekludu pproċessar ta’ data personali f’ċirkustanzi bħal dawn.

127.

Madankollu, tali liġijiet nazzjonali għandhom ukoll ikunu konsistenti mal-obbligi l-oħra ta’ dan l-Istat Membru skont id-dritt tal-Unjoni, inklużi r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar id-data personali u l-Artikoli 8 u 52(1) tal-Karta.

Konklużjoni

128.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lil Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fis-sens li:

Minkejja d-deroga fl-Artikolu 11(1), fl-Artikoli 7 u 13 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw li entitajiet koperti japplikaw, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu klijenti li jkunu huma nfushom entitajiet koperti skont dik id-Direttiva, (i) miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikoli 8 u 9(1) meta jkun hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 7(ċ); u (ii) miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikolu 13 f’sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

Ikun hemm “suspett ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu” fis-sens tal-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 2005/60/KE partikolarment meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali tal-klijent u tat-tranżazzjonijiet tiegħu (inkluż fir-rigward tal-użu u t-tmexxija tal-kont(ijiet) tiegħu), ikun hemm raġunijiet verifikabbli li juru riskju li hemm ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jew li dawn ser iseħħu fir-rigward ta’ dan il-klijent. L-Artikolu 11(1) ma jidderogax mill-Artikolu 7(ċ). Irrispettivament minn kull deroga, eżenzjoni jew limitu u, għalhekk, irrispettivament minn jekk il-klijent huwiex entità koperta, l-Artikolu 7(ċ) jipprovdi li miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti dejjem jintalbu fejn ikun hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Meta jkun hemm suspett bħal dan, Stat Membru jkun għalhekk prekluż milli jawtorizza jew jeżiġi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza ssemplifikati fir-rigward tal-klijenti.

Il-fatt li l-klijent ikun huwa stess entità koperta mid-Direttiva 2005/60/KE ma jfissirx li Stat Membru ma għandux jeżiġi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ dan il-klijent jekk, minkejja l-garanziji diġà pprovduti bid-Direttiva 2005/60/KE u b’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, ikun jeżisti riskju ikbar ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu kif previst minn din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 11 jidderoga biss minn miżuri ta’ diliġenza normali fir-rigward tal-klijenti f’sitwazzjonijiet ta’ riskju iżgħar. Minħabba li ma jirreferix għall-Artikolu 13, huwa ma huwiex rilevanti għad-diliġenza fir-rigward tal-klijenti li hija meħtieġa fejn ikun hemm riskju ikbar.

Anki meta l-Istati Membri jkunu ttrasponew korrettament l-Artikoli 7, 11 u 13 tad-Direttiva 2005/60/KE fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 5 jippermettilhom jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u din id-Direttiva 2005/60/KE twettaq biss armonizzazzjoni minima. Il-mandat tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60/KE ma huwiex limitat għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ([“Diliġenza fir-rigward tal-klijenti”]) ta’ din id-Direttiva. Għaldaqstant, Stat Membru jista’ għalhekk jipprovdi miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti sabiex jiġu applikati minn istituzzjoni ta’ kreditu fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ ħlas anki meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) ikunu ssodisfatti u f’sitwazzjonijiet minbarra dawk elenkati fl-Artikoli 7 u 13, jekk dan ikun iġġustifikat u barra minn hekk konsistenti mad-dritt tal-Unjoni.

Meta l-Istati Membri jaġixxu fil-libertà mogħtija lilhom mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60/KE, huma għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati. Fejn (bħal f’dan il-każ), id-dritt tal-Unjoni ma jkunx ġie armonizzat kompletament, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-libertajiet fundamentali tista’ tkun iġġustifikata minħabba li tkun tissodisfa rekwiżit imperattiv relatat mal-interess pubbliku, sa kemm ikun xieraq sabiex tiġi ggarantita l-kisba tal-għan segwit minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

L-evalwazzjoni dwar jekk il-liġi nazzjonali hijiex proporzjonata timplika li jiġi stabbilit il-livell ta’ protezzjoni mixtieqa mill-Istat Membru fir-rigward tal-livell identifikat tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livell ta’ protezzjoni li jkun ogħla minn dak magħżul mil-leġiżlatur Komunitarju, jidentifikaw sitwazzjonijiet oħra ta’ riskju (kbir) u jawtorizzaw jew jeżiġu li jkun hemm miżuri oħra ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti applikati jkunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-livell ta’ riskju ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward ta’ klijent, tar-relazzjoni ta’ negozju, ta’ kont, ta’ prodott jew ta’ tranżazzjoni, skont il-każ. Fl-għażla tal-miżuri li jkollhom jiġu applikati, ikun meħtieġ (kemm għall-Istati Membri, kif ukoll, fejn ikun rilevanti, għall-entitajiet koperti) li ssir evalwazzjoni sa fejn ir-riskju pperċepit ikun diġà kkontrollat u l-livell ta’ protezzjoni huwa diġà żgurat b’miżuri oħra, inklużi dawk ibbażati fuq id-Direttiva 2005/60/KE, id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni (jew nazzjonali). Jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tkunx proporzjonata jkun jiddependi wkoll mill-grad li fih il-miżuri ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti li għalihom tipprovdi jistgħu jinterferixxu bla bżonn fuq drittijiet protetti u interessi oħra skont id-dritt tal-Unjoni, bħall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) u l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa bejn entitajiet li joperaw fl-istess suq. Fl-aħħar nett, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tkunx proporzjonata jkun jiddependi minn jekk ikunx hemm mezzi alternattivi u inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-istess livell ta’ protezzjoni.

Entitajiet koperti skont id-Direttiva 2005/60/KE ma għandhomx jippreġudikaw il-kompiti ta’ superviżjoni li awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2007/64/KE għandhom jeżerċitaw fuq istituzzjonijiet ta’ ħlas sabiex jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (“Fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas”) ta’ din id-Direttiva. Filwaqt li dawn l-awtoritajiet jistgħu, f’ċirkustanzi adatti, jirtiraw ir-reġistrazzjoni ta’ aġenti, il-fergħa jew l-istituzzjoni tal-ħlas infisha skont din id-Direttiva, setgħat bħal dawn jeżistu flimkien mal-miżuri preventivi li għandhom jiġu pprovduti minn entitajiet koperti u mas-setgħat superviżorji ta’ awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2005/60/KE.

Id-Direttiva 2005/60/KE ma tipprekludix neċessarjament liġijiet nazzjonali li jeżiġu jew jawtorizzaw li entità koperta, meta jkun ġustifikabbli, tikseb informazzjoni dwar il-klijenti tal-klijent tagħha. Madankollu, liġi nazzjonali bħal din għandha wkoll tkun konsistenti mal-obbligi l-oħra ta’ dak l-Istat Membru skont id-dritt tal-Unjoni, inklużi r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data u tal-Artikoli 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Għad-definizzjonijiet ta’ “istituzzjoni ta’ kreditu” u “istituzzjoni ta’ ħlas” skont id-dritt tal-Unjoni rilevanti, ara l-punti 16, 17 u 44 iktar ’il quddiem.

( 3 ) Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, p. 15), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 331, p. 120).

( 4 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif emendata f’ċerti aspetti bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).

( 5 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali)”) (ĠU L 149, p. 22).

( 6 ) Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1), kif emendata.

( 7 ) Ara wkoll il-punt 72 iktar ’il quddiem.

( 8 ) Hemm verżjoni iktar reċenti, dik ta’ Frar 2012: Normi Internazzjonali dwar il-Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni: Ir-Rakkomandazzjonijiet TFAF (iktar ’il quddiem “Ir-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012”). Iż-żewġ verżjonijiet jinsabu fis-sit internet tat-TFAF: http://www.fatf-gafi.org/.

( 9 ) Ara l-punt 29 iktar ’il quddiem.

( 10 ) Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272), kif emendata.

( 11 ) Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 177, p. 1). Din id-Direttiva ħassret id-Direttiva 2000/12.

( 12 ) Ara l-punt 44 iktar ’il quddiem.

( 13 ) Id-definizzjoni sħiħa ta’ “istituzzjoni ta’ ħlas” tinsab fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas: ara l-punt 44 iktar ’il quddiem.

( 14 ) Ara wkoll il-punt 29 iktar ’il quddiem.

( 15 ) Regoli ta’ implementazzjoni ġew adottati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, tal-1 ta’ Awwissu 2006, li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ persuni esposti politikament u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU L 214, p. 29). Filwaqt li din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward, inter alia, ta’ kriterji tekniċi sabiex jiġi evalwat jekk sitwazzjonijiet jirrappreżentawx riskju żgħir ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 11(2) u (5) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus, hija ma tkoprix l-Artikolu 11(1).

( 16 ) Ara l-punt 32 iktar ’il quddiem.

( 17 ) Ara l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali.

( 18 ) L-Artikolu 10 jikkonċerna miżuri ssemplifikati iżda fir-rigward ta’ prodotti jew tranżazzjonijiet.

( 19 ) Jiġifieri istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji kif elenkati fl-Artikolu 2(1)(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

( 20 ) Ara r-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2003, Introduzzjoni, nota ta’ qiegħ il-paġna 1, u r-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012, Introduzzjoni, paġna 7. Il-Kummissjoni hija elenkata bħala waħda mill-membri tat-TFAF.

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2013:270 (iktar ’il quddiem “sentenza Jyske Bank Gibraltar”), punti 46 u 63.

( 22 ) Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 23 ) Ara s-sentenza Jyske Bank Gibraltar, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali.

( 25 ) Sentenza Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 33.

( 26 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 8(2) u 34(1) u l-premessi 22 u 24 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

( 27 ) Jista’ jkun hemm ċirkustanzi oħra li fihom jiġi kkonstatat li jeżisti tali riskju.

( 28 ) Bħall-Artikoli 22(1)(a), 24 u 27.

( 29 ) Ninnota li, filwaqt li d-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus ma tidhirx li tiddefinixxi t-terminu “prodott”, il-kuntest li fih dan it-terminu jintuża jissuġġerixxi li huwa maħsub li jkopri diversi għażliet finanzjarji u kummerċjali.

( 30 ) Ara wkoll in-nota interpretattiva 9 għar-rakkomandazzjoni 5 tar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2003.

( 31 ) Ara wkoll in-nota interpretattiva 10 għar-rakkomandazzjoni 5 tar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2003.

( 32 ) Ara l-premessi 22 u 24 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus. Ara wkoll ir-rakkomandazzjoni 1 tar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012.

( 33 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 17 u 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.

( 34 ) Il-leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tikkonċerna l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tinkludi r-Regolament (KE) Nru 1781/2006, tal-15 ta’ Novembru 2006, dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 345, p. 1); ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005, tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (ĠU L 309, p. 9); ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70).

( 35 ) It-TFAF ħadet ukoll il-pożizzjoni li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju ma huwiex approċċ ta’ “ebda nuqqas” u jista’ jkun hemm drabi meta istituzzjoni tkun ħadet il-miżuri kollha raġonevoli sabiex tidentifika u timmitiga r-riskju iżda tkun għadha qed tintuża għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Ara TFAF, Gwida għal Approċċ b’Bażi ta’ Riskju – Is-Settur Bankarju (Ottubru 2014), punt 10.

( 36 ) Din l-implikazzjoni kienet il-bażi tal-proposta tal-Parlament Ewropew sabiex jiġi eskluż (dak li llum huwa) l-Artikolu 7(ċ) mid-deroga: ara r-Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għal skopijiet ta’ riċiklaġġ ta’ flus, inkluż il-finanzjament tat-terroriżmu (COM(2004)0448 – C6‑0143/2004 – 2004/0137(COD)), p. 43.

( 37 ) Dan huwa wkoll konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2003. In-nota interpretattiva 13 għar-rakkomandazzjoni 5 tipprovdi li “[m]iżuri ta’ [diliġenza ssemplifikati] ma humiex aċċettabbli meta jkun hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu jew meta jkunu japplikaw sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ riskju ikbar”. Ara wkoll in-nota interpretattiva 2 għar-rakkomandazzjoni 1 tar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012.

( 38 ) Huwa minnu li l-Istati Membri għandhom jipprovdu obbligi simili f’sitwazzjonijiet barra minn dawk elenkati fil-paragrafi 2 sa 4, li jippreżentaw riskju kbir ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu u li jissodisfaw il-kriterji tekniċi stabbiliti għall-implementazzjoni ta’ miżuri meħuda mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 40(1)(ċ). Fil-fehma tiegħi, miżuri ta’ implementazzjoni bħal dawn għadhom sa issa ma ġewx adottati.

( 39 ) Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.

( 40 ) Sentenza Jyske Bank Gibraltar, punt 61.

( 41 ) Ara s-sentenza Jyske Bank Gibraltar, punt 61.

( 42 ) Ara l-punti 108 sa 119 iktar ’il quddiem.

( 43 ) Ara l-Artikolu 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.

( 44 ) Ara wkoll il-premessa 10 tad-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus.

( 45 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Jyske Bank Gibraltar, C‑212/11, EU:C:2012:607, punt 61.

( 46 ) Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.

( 47 ) Ara l-Artikolu 17(6) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas.

( 48 ) Ara l-punti 81 u 82 iktar ’il fuq.

( 49 ) Ara, pereżempju, s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 50 ) Sentenza Jyske Bank Gibraltar, punt 49, moqri flimkien mal-punti 59 u 60.

( 51 ) Sentenza Jyske Bank Gibraltar, punti 57 sa 60 (u, b’mod partikolari, l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60).

( 52 ) Sentenza Jyske Bank Gibraltar, punti 62 sa 64 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 53 ) Sentenza Jyske Bank Gibraltar, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 54 ) In-nota interpretattiva 15, moqrija flimkien man-nota interpretattiva 14, tar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012 fiha eżempji li joffru gwida dwar indikaturi siewja ta’ riskju kbir. Madankollu, it-test tan-nota 14 jipprovdi espressament li dawn l-eżempji jistgħu ma jkunux rilevanti fil-każijiet kollha. Fil-punt (c) hemm elenkati: atti bankarji privati, tranżazzjonijiet privati, relazzjonijiet ta’ negozju jew tranżazzjonijiet mhux fi preżenza fiżika, ħlas irċevut minn terzi mhux magħrufa jew mhux assoċjati.

( 55 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Accor, C-310/09, EU:C:2011:581, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u ProRail, C-332/11, EU:C:2013:87, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 56 ) Fid-dawl ta’ dan, naqbel li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll lil dawk kollha li l-imġiba tagħhom, meta jaġixxu fil-kapaċità ta’ aġent, tkun tinvolvi r-responsabbiltà tal-entità li għaliha jkunu qegħdin jaġixxu. L-Artikolu 9(4), li jagħmel riferiment għal tranżazzjonijiet li jkunu qed jitwettqu “mill-klijent jew f’ismu”, jikkonferma din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(a). Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mar-rakkomandazzjoni 5 tar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2003 u man-nota interpretattiva 4 tagħha li tipprovdi li, meta l-klijent ikun persuna ġuridika, il-miżura ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijent għall-identifikazzjoni u l-verifika tal-identità ta’ din il-persuna tinkludi l-obbligu li “[j]iġi vverifikat li kull persuna li jkun fl-intenzjoni tagħha li taġixxi f’isem il-klijent tkun hekk awtorizzata, u li dik il-persuna tiġi identifikata”. Ara wkoll in-nota interpretattiva 4 għar-rakkomandazzjoni 10 tar-Rakkomandazzjonijiet TFAF 2012.