KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fis-17 ta’ Settembru 2015 ( 1 )
Kawża C‑205/14
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Portugiża
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Trasport bl-ajru — Regolament (KEE) Nru 95/93 — Allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti tal-Komunità — Artikolu 4(2)(b) — Indipendenza tal-koordinatur — Kunċett ta’ “parti kkonċernata” — Entità amministratriċi tal-ajruport — Separazzjoni funzjonali — Sistema ta’ finanzjament”
1. |
F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li, billi ma ggarantixxietx l-indipendenza funzjonali u finanzjarja tal-koordinatur tal-islots, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 95/93, tat-18 ta’ Jannar 1993, dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità ( 2 ). |
2. |
Meta ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jkun konġestjonat, jiġifieri meta l-kapaċità tiegħu ma tkunx biżżejjed, b’mod li dewmien sinjifikattiv ma jistax jiġi evitat, l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 95/93 jimponi lil dan l-Istat jinnominah bħala ajruport “ikkoordinat”. Skont l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 95/93, ajruport ikkoordinat huwa ajruport li fih it-trasportaturi bl-ajru ma jistgħux jinżlu jew itiru ħlief jekk jiġi allokat lilhom slot, filwaqt li l‑islot huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament bħala awtorizzazzjoni għall-użu tal-infrastrutturi kollha tal-ajruport neċessarji għall-inżul u għat-tlugħ f’data u f’ħin partikolari. |
3. |
L-Istat Membru responsabbli minn ajruport ikkoordinat għandu jinnomina persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita l-funzjoni ta’ “koordinatur”. Skont l-Artikolu 4(5) u (6) tar-Regolament Nru 95/93, il-koordinatur jalloka l-islots lit-trasportaturi bl-ajru u jiżgura, b’kooperazzjoni mal-entità amministratriċi tal-ajruport, li l-attivitajiet tat‑trasportaturi bl-ajru jkunu konformi mal-islots li jkunu ġew allokati lilhom. L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93 jimponi lill-Istat Membru jiżgura l-indipendenza tal‑koordinatur. |
4. |
F’din il-kawża, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Portugiża ma żguratx l-indipendenza tal-koordinatur. Għalkemm il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà ffokat fuq l-indipendenza ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli mill-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri, bħall-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji ( 3 ) jew l-awtorità ta’ sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali ( 4 ), għall-kuntrarju hija qatt ma ttrattat l-indipendenza tal‑koordinatur ta’ ajruport. Għalhekk hawnhekk hija ser ikollha tippreċiża f’liema kundizzjonijiet il-koordinatur ta’ ajruport jista’ jiġi kkunsidrat bħala indipendenti. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
5. |
It-tieni premessa tar-Regolament Nru 95/93 tindika li “l‑allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti b’konġestjoni għandha tkun ibbażata fuq regoli newtrali, trasparenti u mhux diskriminatorji”. |
6. |
Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 95/93 tippreċiża li “l-Istat Membru responsabbli għall-ajruport ikkoordinat għandu jassigura n‑nomina ta’ koordinatur li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar in‑newtralità tiegħu”. |
7. |
Fil-verżjoni oriġinali tiegħu l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93 kien jipprevedi li “Stat Membru għandu jassigura li l-koordinatur jagħmel id‑dmirijiet skond dan ir-Regolament b’mod indipendenti”. |
8. |
Ir-Regolament Nru 95/93 ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 793/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 ( 5 ). Għal iktar faċilità, minn issa ’il quddiem ser nirreferi għar-Regolament Nru 95/93 kif jirriżulta mill-emenda tiegħu permezz tar-Regolament Nru 793/2004 bħala r-“Regolament Nru 95/93, kif emendat”. |
9. |
L‑Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, jipprevedi li l-Istat Membru responsabbli minn ajruport bi skedi ffaċilitati jew ikkoordinat għandu jiżgura “l-indipendenza tal-kordinatur f’ajruport kordinat billi funzjonalment il-kordinatur jiġi separat minn xi parti waħda interessata [ikkonċernata]. Is-sistema tal-finanzjament ta’ l-attivitajiet tal-kordinatur għandha tkun tali li tiggarantixxi l-istatus indipendenti tal-kordinatur”. Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 793/2004 tiġġustifika din l-emenda b’dan il-mod: “[...] [f]’ajruporti kordinati l-kordinatur għandu rwol ċentrali importanti fil‑proċess ta’ kordinament. Għalhekk, il-kordinaturi għandhom ikun f’pożizzjoni indipendenti għal kollox u r-responsabbiltajiet tagħhom għandhom ikunu speċifikati fid-dettal”. |
10. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 lill‑Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2008”) tippreċiża l-portata tal‑Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. Skont ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-punt 1 tal-Komunikazzjoni tal-2008: “Il-Kummissjoni hija tal-fehma li separazzjoni funzjonali tfisser, fost oħrajn, li l-koordinatur għandu jaġixxi b’mod awtonomu minn, ma jieħux istruzzjonijiet minn, u ma jkollux id-dover li jirraporta lura lil xi korp li jmexxi l-ajruport, fornitur ta’ servizz jew kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera mill-ajruport konċernat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema ta’ finazjament ta’ l-attivitajiet tal-koordinatur għandha tkun imwaqqfa b’tali mod li l-koordinatur ikun awtonomu fil-finanzjament minn kwalunkwe parti unika effettwata direttament mill-, jew għandha interess fl-attivitajiet tiegħu. Għalhekk, il-koordinatur għandu jżomm kontijiet u baġits separati, u ma jiddependix għal finanzjament ta’ l-attivitajiet tiegħu fuq il-korp li jmexxi l-ajruport biss, jew il-fornitur ta’ servizz jew it-trasportatur ta’ l-ajruport uniku”. |
B – Id-dritt Portugiż
11. |
L-Artikolu 3(1) tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008, tas-26 ta’ Ġunju 2008 ( 7 ), jinnomina bħala ajruporti kkoordinati l-ajruporti ta’ Lisbona, Porto u Madeira (il-Portugall). L‑Artikolu 3(2) ta’ dan id-digriet-liġi jinnomina bħala ajruport ikkoordinat l‑ajruport ta’ Faro (il‑Portugall), iżda għall-perijodu ta’ bejn l-aħħar Ħadd ta’ Marzu u l-aħħar Sibt ta’ Ottubru biss. |
12. |
L-Artikolu 1(2) ta’ dan id-digriet-liġi jinnomina bħala koordinatur nazzjonali lil Aeroportos de Portugal, S.A. (iktar ’il quddiem “ANA”). |
13. |
L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess digriet-liġi jittratta l-indipendenza tal-koordinatur. Skont din id-dispożizzjoni: “1. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ta’ faċilitatur u ta’ koordinatur nazzjonali għall-allokazzjoni tal-islots, [ANA] għandha tiżgura li din l-attività tkun indipendenti mill-attività tagħha ta’ amministratur ta’ ajruport permezz ta’ separazzjoni xierqa. 2. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċendenti, [ANA] għandha tiggarantixxi din l-indipendenza, tal-inqas fuq livell funzjonali, u żżomm kontabbiltà speċifika għall‑attivitajiet marbuta mal-koordinament tal-islots, strettament separata minn dik tal-attivitajiet l-oħra”. |
14. |
L-Artikolu 11 tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008 jipprevedi l‑introduzzjoni, għall-benefiċċju ta’ ANA, ta’ tariffa għall-allokazzjoni tal-islots. Skont dan l-artikolu: “1. Il-provvista tas-servizzi ta’ koordinament u ta’ allokazzjoni ta’ slots hija suġġetta, inkambju għall-użu tagħhom, għal tariffa għall-allokazzjoni tal-islots, imħallsa fl-istess waqt tat-tariffi għall-inżul u għat-tlugħ, għal kull operazzjoni, u stabbilita b’digriet tal-Ministru responsabbli mill-avjazzjoni ċivili. […] 3. It-tariffa prevista fil-paragrafu 1 tikkostitwixxi dħul ta’ [ANA]”. |
II – Il-proċedura prekontenzjuża
15. |
ANA nħolqot taħt il-forma ta’ impriża pubblika fl‑1979. Din sussegwentement inbidlet f’kumpannija b’responsabbiltà limitata permezz tad-Digriet-Liġi Nru 404/98, tat-18 ta’ Diċembru 1998, u ngħatat, għal 40 sena, il-konċessjoni tas-servizzi pubbliċi ajruportwali ta’ assistenza għall-avjazzjoni ċivili fl-ajruporti ta’ Lisbona, Porto, Madeira u Faro. Permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta’ Diċembru 2012 ( 8 ), ANA ġiet ipprivatizzata: l-Istat ittrasferixxa l-kapital kollu ta’ ANA lil Vinci-Concessions SAS. |
16. |
Wara n-nomina tagħha, permezz tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008, bħala koordinatur tal-arjuporti ta’ Lisbona, Porto, Madeira u Faro, ANA ħolqot fi ħdanha diviżjoni responsabbli mill-koordinament tagħhom, id-Divisão de Coordenação Nacional de Slots (id-diviżjoni tal-koordinament nazzjonali tal-islots) (iktar ’il quddiem id-“DCNS”). |
17. |
Il-Kummissjoni qed tistaqsi dwar l-indipendenza tad-DCNS, li teżerċita l-funzjoni ta’ koordinatur f’dawn l-erba’ ajruporti, fir-rigward ta’ ANA, li tagħha hija diviżjoni u li hija l-entità amministratriċi ta’ dawn l‑istess ajruporti. Għalhekk fid-19 ta’ Lulju 2010, fl-4 ta’ Ottubru 2010 u fl-14 ta’ April 2011, hija talbet informazzjoni lir-Repubblika Portugiża f’dan ir-rigward. Ir-Repubblika Portugiża laqgħet dawn it-talbiet, fit-28 ta’ Awwissu 2010, fit-28 ta’ Ottubru 2010 u fit-28 ta’ April 2011 rispettivament. |
18. |
Fit-30 ta’ April 2012, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża, li fiha hija allegat li din tal-aħħar kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. Skont il-Kummissjoni, ma kienx hemm separazzjoni funzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b), bejn id-DCNS u ANA, peress li tal-ewwel hija diviżjoni tat-tieni. Barra minn hekk, il‑finanzjament tad-DCNS ma kienx adattat sabiex jiżgura l‑indipendenza tagħha. Fil-fatt tali indipendenza setgħet tkun żgurata biss permezz ta’ kontabbiltà u ta’ baġit speċifiċi għad-DCNS. Issa, id-DCNS kienet kompletament iffinanzjata minn ANA, filwaqt li t-tariffa għall-allokazzjoni tal-islots prevista fl-Artikolu 11 tad-Digriet Nru 109/2008 qatt ma seħħet. |
19. |
Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2012, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-ittra ta’ intimazzjoni. |
20. |
Fil-25 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża għal ksur tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. Sa fejn il-persunal assenjat lid-DCNS kien ġej minn ANA u sa fejn id-DCNA donnha ma kellhiex uffiċċju proprju tagħha, skont il‑Kummissjoni ma kienx hemm separazzjoni funzjonali bejn id-DCNS u ANA. Dwar l-indipendenza finanzjarja tad-DSNC, il-Kummissjoni tenniet li, fl-assenza ta’ tariffa għall-allokazzjoni tal-islots, ANA sa dak iż-żmien kienet ħallset l-ispejjeż kollha tad-DCNS. |
21. |
B’ittra tas-27 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-opinjoni motivata. |
22. |
Billi ma kinitx konvinta mill-argumenti tar-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
III – Ir-rikors tal-Kummissjoni
23. |
Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, peress li ma żguratx l-indipendenza funzjonali u finanzjarja tal-koordinatur. |
24. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa, fid-dawl tal-ħames premessa ta’ dan ir-regolament, li tipprevedi li “ma jkun hemm l-ebda dubju” dwar in-“newtralità” tal-koordinatur, u tal-għan tiegħu, kif iddefinit fit-tieni premessa ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-allokazzjoni tal-islots skont “regoli newtrali, trasparenti u mhux diskriminatorji”. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-emenda ta’ dan l‑Artikolu 4(2) bir-Regolament Nru 793/2004, emenda li tenfasizza, skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 793/2004, li l-koordinatur għandu jaġixxi “b’mod indipendenti” u tissostitwixxi għalhekk, is-sempliċi rekwiżit li “[l]-koordinatur jagħmel id-dmirijiet […] b’mod indipendenti” impost bit-test attwali ta’ dan l‑Artikolu 4. |
25. |
Dwar is-separazzjoni funzjonali ta’ kull parti kkonċernata, prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ “parti kkonċernata” għandu jkun interpretat f’sens wiesa’ u jinkludi kemm it-trasportaturi bl-ajru kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi, l-organi pubbliċi tal-Istati Membri u l-entità amministratriċi tal-ajruporti inkwistjoni. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-enitità amministratriċi tal-ajruport jista’ jkollha interess kummerċjali li dan isir iċ-ċentru ta’ attività ta’ trasportatur bl-ajru partikolari, u li għalhekk huwa indispensabbli li l-koordinatur ikun indipendenti minn din l-entità. F’dan il-każ, id-DCNS għandha l-istess persunal u l-istess uffiċċji bħal ANA. Għalhekk, skont il-Kummissjoni ma hemmx separazzjoni funzjonali bejn id-DCNS u ANA. Fl-aħħar nett, billi ddikjarat, fir‑risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, li, wara l-privatizzazzjoni ta’ ANA, hija kienet ser toħloq entità ġdida responsabbli mill‑koordinament tal-islots, u li l-ħolqien ta’ din l-entità kien jippermetti li tiġi żgurata indipendenza sħiħa tal-koordinatur, ir-Repubbliku Portugiża rrikonoxxiet hija stess li, bħalissa, il-koordinatur ma huwiex indipendenti funzjonalment. |
26. |
Dwar is-sistema ta’ finanzjament tal-koordinatur, din tista’ tkun indipendenti, kif jitlob l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, biss jekk il-koordinatur iżomm kontabbiltà separata, jamministra baġit separat u ma jkunx iffinanzjat minn parti kkonċernata waħda jew iktar. F’dan il-każ, id-DCNS hija ffinanzjata b’mod sħiħ minn ANA, li tapprova wkoll l-baġit tagħha. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, id‑DCNS ma hijiex indipendenti minn ANA fuq il-livell finanzjarju. |
27. |
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28. |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-DCNS tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. |
29. |
Ir-Repubblika Portugiża tallega li ANA ma tistax tkun ikkunsidrata bħala parti kkonċernata li minnha d-DCNS għandha tkun isseparata. Fil-fatt, ladarba r-Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jiddefinixxix il‑partijiet kkonċernati, huwa biss eżami każ b’każ li jippermetti l-klassifikazzjoni bħala parti “interessata [ikkonċernata]”. Issa, billi kklassifikat lil ANA bħala parti kkonċernata sempliċement fuq il-bażi tal-istatus tagħha ta’ entità amministratriċi tal-ajruporti, il-Kummissjoni naqset milli twettaq tali eżami. Barra minn hekk, l-interess ta’ ANA huwa li tirċievi l‑massimu tat-tariffi ajruportwali. Għalhekk hija għandha interess li l-massimu ta’ trasportaturi bl-ajru jingħataw slots, u mhux li trasportatur bl-ajru partikolari jiġi ffavorit mid-DCNS. Ikun mod ieħor kieku ANA kellha sehem fil-kapital ta’ trasportatur bl-ajru, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. |
30. |
Anki li kieku ANA tiġi kkunsidrata bħala parti kkonċernata, ir‑Repubblika Portugiża xorta waħda tkun osservat l-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma timponix li l-koordinatur ikun entità ġuridika separata mill-amministratur tal‑ajruport: hija teħtieġ sempliċement separazzjoni funzjonali. Hemm tassew separazzjoni funzjonali bejn id-DCNS u ANA peress li, id-DCNS tamministra waħedha l-koordinament tal-islots, mingħajr ma tirċievi istruzzjonijiet minn ANA u mingħajr ma d-deċiżjonijiet tagħha ma għandhom ikunu approvati mill-bord tad-diretturi ta’ ANA, hija għandha kontabbiltà separata u hija għandha persunal tagħha stess. |
31. |
Dwar is-sistema ta’ finanzjament xierqa sabiex tiżgura l‑indipendenza tal-koordinatur, prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, din ma hijiex kundizzjoni li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tagħha twassal awtomatikament għall-ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Din għandha titqies biss bħala wieħed mill-elementi, barra minn hekk sekondarju, meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-koordinatur huwiex indipendenti. In-nuqqas ta’ stabbiliment tat-tariffa għall-allokazzjoni tal-islots ma jippermettix għalhekk li jiġi konkluż li d-DCNS ma hijiex indipendenti. |
32. |
Ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
33. |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tallega li hija bħala entità amministratriċi tal-ajruporti li ANA għandha tkun ikkunsidrata bħala parti kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, mingħajr il-bżonn li jiġi stabbilit li, f’dan il-każ, hija għandha interess li slots jiġu allokati lil trasportatur bl-ajru wieħed pjuttost milli lill-ieħor. Fil-fatt, l-entità amministratriċi ta’ ajruport tista’, skont il-Kummissjoni, ikollha interess li slots jiġu allokati lill-partijiet kontraenti tagħha, pereżempju, lil kerrejja ta’ spazji fl-ajruport, jew lil ċerti trasportaturi bl-ajru. F’dan ir‑rigward, hija tirrileva li huwa stramb kif id-DCNS baqgħet teżerċita l‑attività ta’ koordinatur wara l-privatizzazzjoni ta’ ANA, meta din l-attività ma kinitx assenjata lil ANA fil-kuntest tal-konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi u għalhekk ANA teżerċitaha b’mod gratwit. |
34. |
Skont il-Kummissjoni ma hemmx separazzjoni funzjonali bejn id-DCNS u ANA. Peress li d-DCNA hija diviżjoni ta’ ANA, ir-rapport u l‑kontijiet annwali tagħha huma suġġetti għal eżami mill-bord tad-diretturi ta’ ANA, skont l-Artikoli 405 u 406 tal-Kodiċi Portugiż tal-Kumpanniji Kummerċjali. Huwa biss “ħajt taċ-Ċina” bejn id-DCNS u ANA li jista’ jiżgura l-indipendenza tad-DCNS. |
35. |
Iż-żamma mid-DCNS ta’ kontabbiltà separata ma tistabbilixxix l‑eżistenza ta’ finanzjament xieraq sabiex jiżgura l-indipendenza tagħha. Fil-fatt, kull diviżjoni ta’ kumpannija kummerċjali tista’ żżomm tali kontabbiltà, li mbagħad tiġi integrata ma’ dik ta’ din il-kumpannija. F’dan il‑każ, skont il-Kummissjoni, hija ANA li tħallas l-ispejjeż tad-DCNS u tiġbor id-djun dovuti lilha, u d-dikjarazzjoni tal-profitt u tat-telf ta’ ANA għas-sena finanzjarja tinkludi l-bilanċ tad-DCNS għas-sena finanzjarja. |
36. |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li t-talbiet tar‑Repubblika Portugiża, intiżi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-DCNS kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza funzjonali u li r‑Repubbliku Portugiża issodisfat l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal‑Unjoni, jikkostitwixxu kontrotalbiet inammissibbli, għaliex, b’mod partikolari, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma jipprevedix rikors li permezz tiegħu l-Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni. |
37. |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Portugiża tenfasizza li l‑Komunikazzjoni tal-2008, li teħtieġ, b’mod partikolari, li l-koordinatur ma jkunx iffinanzjat b’mod sħiħ mill-entità amministratriċi tal-ajruport, żiedet mat‑test tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. Issa, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Istati Membri. Dwar il-kunċett ta’ “parti kkonċernata”, ir-Repubblika Portugiża ttenni li, fin-nuqqas ta’ eżami ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni llimitat ruħha turi li ANA, fil-kwalità ta’ entità amministratriċi tal-ajruporti, tista’ tkun parti kkonċernata, mhux li effettivament hija parti kkonċernata. Ir-Repubblika Portugiża tenfasizza li l-allokazzjoni tal-islots hija attività ta’ natura teknika, li ma hijiex suġġetta għall-bord tad-diretturi ta’ ANA. Hija żżomm iż-żewġ kapijiet ta’ talbiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni qajmet l-inammissibbiltà. |
V – Evalwazzjoni
38. |
Qabel ma nittratta l-mertu tar-rikors, ser neżamina l-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet tar-Repubblika Portugiża, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà. |
A – Dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet tar‑Repubblika Portugiża
39. |
Ir-Repubblika Portugiża titlob, mhux biss li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, iżda wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, minn naħa, tiddikjara li “fil-Portugall, il‑koordinatur attwali jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti dwar l‑indipendenza funzjonali prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93”, kif emendat, u, min-naħa l-oħra, tiddikjara li “r-Repubblika Portugiża tissodisfa l-obbligi li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni applikabbli”. Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Portugiża tippreċiża li permezz ta’ dan l-aħħar kap tat-talbiet, hija trid titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Portugiża tissodisfa l-obbligi tagħha taħt ir‑Regolament Nru 95/93, kif emendat. |
40. |
Il-Kummissjoni ssostni li dawn il-kontrotalbiet huma inammissibbli. |
41. |
F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 259 TFUE jippermetti li Stat Membru jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kawża intiża sabiex hija tikkonstata li Stat Membru ieħor naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Dan ma jippermettix li Stat Membru jippreżenta quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja rikors intiż sabiex hija tikkonstata li huwa stess ma naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu. |
42. |
Barra minn hekk, nirrileva li ebda dispożizzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma tagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu pożizzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni pożittiva. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiċħad dan ir-rikors, hija tkun qed tirrikonoxxi li r-Repubblika Portugiża kkonformat mal-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, iżda r-Repubblika Portugiża ma tistax tressaq talba b’dan il-għan. |
43. |
Barra minn hekk, ftit huwa importanti li t-talba mressqa mir‑Repubblika Portugiża tirrigwarda l-konformità tal-azzjoni tal‑koordinatur jew ta’ dik tar-Repubblika Portugiża mar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. Fil-fatt, huwa l-Istat Membru li huwa akkużat bin-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk fl-oriġini tiegħu hemm wieħed mill-organi tiegħu ( 9 ), kemm jekk dan huwa l-leġiżlatur nazzjonali, il-qorti nazzjonali jew f’dan il-każ, il-koordinatur, li huwa responsabbli minn funzjoni statutorja (jiġifieri l‑allokazzjoni tal-islots). |
44. |
Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet tar-Repubblika Portugiża għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
B – Fuq il-mertu
45. |
L-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, jipprevedi li l‑koordinatur għandu jkun “separat [funzjonalment] minn xi parti waħda interessata [ikkonċernata]”. Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, hija l-Kummissjoni li għandha turi, minn naħa li ANA hija parti kkonċernata u, min-naħa l-oħra, li d-DCNS ma hijiex separata funzjonalment minn ANA. Ser nindirizza dawn iż-żewġ kwistjonijiet waħda wara l-oħra. Waqt l-analiżi tas-separazzjoni funzjonali, ser neżamina jekk ir-rekwiżit ta’ “sistema tal-finanzjament ta’ l-attivitajiet tal-kordinatur […] tali li tiggarantixxi l-istatus indipendenti tal‑kordinatur”, previst fit-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 4(2)(b), għandux jinftiehem bħala kundizzjoni apparti, distinta mill-kundizzjoni tas-separazzjoni funzjonali, jew jekk il-finanzjament indipendenti jikkostitwixxix biss indizju tas-separazzjoni funzjonali. |
1. Fuq il-kunċett ta’ “parti kkonċernata”
46. |
Jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkontestat li l-entità amministratriċi ta’ ajruport tista’ tkun ikklassifikata bħala parti kkonċernata. |
47. |
Fil-fatt, l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, jipprovdi li l-koordinatur għandu jkun separat funzjonalment minn “kull” parti kkonċernata. Għalhekk jidhirli li jistgħu jiġu kklassifikati bħala partijiet ikkonċernati mhux biss il-partijiet li għandhom interess dirett fl‑allokazzjoni tal-islots, jiġifieri t-trasportaturi bl-ajru li lilhom dawn huma allokati, iżda wkoll il-partijiet li għandhom interess indirett, bħall-entità amministratriċi tal-ajruport ikkoordinat. |
48. |
L-Artikolu 4(8) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, joffri appoġġ għal din il-pożizzjoni. Fil-fatt, huwa jipprevedi li l-koordinatur għandu jikkomunika lill‑“partijiet interessati [ikkonċernati], b’mod partikolari lill-membri […] tal-kumitat ta’ kordinament”, l-informazzjoni dwar l-islots mitluba, allokati u li għadhom disponibbli. Issa, l-entità amministratriċi tagħmel parti mill-kumitat ta’ koordinament ( 10 ). Għalhekk hija għandha titqies bħala parti kkonċernata. |
49. |
Barra minn hekk, nirrileva li r-Repubblika Portugiża ma tikkontestax li l-entità amministratriċi tista’ tiġi kklassifikata bħala parti kkonċernata. |
50. |
Hawnhekk id-diffikultà hija relatata mad-determinazzjoni tal-oneru tal‑prova li għandha l-Kummissjoni. Hija ssostni li l-klassifikazzjoni bħala parti kkonċernata tirriżulta mis-sempliċi kwalità ta’ entità amministratriċi tal-ajruport, filwaqt li r-Repubblika Portugiża tiddikjara li l-klassifikazzjoni bħala parti kkonċernata ma tistax tkun dedotta mill-kwalità ta’ entità amministratriċi u li l-interess tal-entità amministratriċi fl‑allokazzjoni tal-islots għandha tkun stabbilita każ b’każ. |
51. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità amministratriċi hijiex preżunta li hija parti kkonċernata jew jekk hijiex il-Kummissjoni li għandha turi li l-entità amministratriċi għandha, f’dan il-każ, interess fl-allokazzjoni tal-islots, jiena ser neżamina fl-ewwel lok, x’interess ekonomiku entità amministratriċi jista’ jkollha fl-allokazzjoni tal‑islots u, fit-tieni lok, il-konklużjonijiet li jistgħu jinstiltu minn dan dwar il‑prova ta’ tali interess. |
a) Fuq l-interess tal-entità amministratriċi fl-allokazzjoni tal-islots
52. |
L-ewwel nett, l-entità amministratriċi tista’, jidhirli, ikollha interess li trasportatur bl-ajru partikolari jkun ipprivileġġjat fl-allokazzjoni tal-islots għaliex hija jkollha sehem fil-kapital ta’ dan it-trasportatur. |
53. |
It-tieni nett, l-entità amministratriċi tista’ jkollha interess li t‑trasportaturi bl-ajru li jħallsuha l-ogħla tariffi ajruportwali jkunu pprivileġġjati fl-allokazzjoni tal-islots. It-tariffi ajruportwali, li għalihom tirreferi r-Repubblika Portugiża mingħajr ma tippreċiża l-għan tagħhom, huma, skont id-definizzjoni li tagħtihom id-Direttiva 2009/12/KE tal‑Parlament u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, dwar l-imposti [tariffi] tal‑ajruporti ( 11 ), it-tariffi li jitħallsu mit-trasportaturi bl-ajru lill-entità amministratriċi inkambju għal servizzi offruti esklużivament minnha, jiġifieri t-tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-installazzjonijiet ajruportwali u l-provvista ta’ servizzi marbuta, b’mod partikolari, mal-inżul u mat-tlugħ tal-ajruplani ( 12 ). Minkejja li d-Direttiva 2009/12 tipprojbixxi lill-entità amministratriċi milli tapplika tariffi diskriminatorji, din tawtorizzaha tvarja l‑kwalità u l-ambitu ta’ ċerti servizzi u tagħmel differenza fil-livell tat-tariffi skont il-kwalità u l-ambitu ta’ tali servizzi ( 13 ). L-entità amministratriċi tista’ għalhekk ikollha interess li t-trasportatur bl-ajru li lilu hija tipprovdi l-aħjar servizz, pereżempju t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terminal sħiħ ( 14 ), u li għalhekk mingħandu hija tirċievi l-ogħla tariffi ajruportwali, ikun ipprivileġġjat fl-allokazzjoni tal-islots. |
54. |
F’dan ir-rigward, l-argument tar-Repubblika Portugiżà, li l‑interess tal-entità amministratriċi huwa li l-ikbar numru possibbli ta’ trasportaturi bl-ajru jiġu allokati slots, għaliex b’hekk hija tiriċievi iktar tariffi ajruportwali, ma jikkonvinċinix. Dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni d-differenzjar tas-servizzi, u għalhekk tat-tariffi, deskritt fil-punt preċedenti. |
55. |
It-tielet nett, huwa possibbli li l-entità amministratriċi ma tillimitax ruħha tamministra l-infrastrutturi ajruportwali iżda teżerċita wkoll attivitajiet oħra, pereżempju li tkun preżenti fis-suq suċċessiv tal-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling. Is-servizzi ta’ groundhandling, li huma distinti mis-servizzi rremunerati mit-tariffi ajruportwali msemmija fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 15 ), jikkonsistu b’mod partikolari, skont id-definizzjoni li tagħtihom id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE, tal‑15 ta’ Ottubru 1996, dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl‑ajruporti tal-Komunità ( 16 ), fl‑ivverifikar tal-biljetti u tad-dokumenti tal-vjaġġ tal-passiġġieri, fir-reġistrazzjoni tal-bagolli u fil-ġarr tagħhom, fit-tindif tal-inġenju tal-ajru u fil-forniment tal‑karburant ( 17 ). Is-servizzi ta’ groundhandling huma servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lit-trasportaturi bl-ajru, jew mill-entità amministratriċi, jew minn fornituri indipendenti. Trasportatur bl-ajru jista’ wkoll jipprovdi dawn is-servizzi lilu nnifisu. Għaldaqstant, jekk l-entità amministratriċi tkun preżenti fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling, hija jkollha trasportaturi bl-ajru bħala klijenti jew bħala kompetituri tagħha ( 18 ). Għalhekk hija tista’ jkollha interess li trasportatur bl-ajru li huwa klijent importanti jkun ipprivileġġjat waqt l-allokazzjoni tal-islots jew, għall-kuntrarju, li trasportatur bl-ajru li jinsab f’kompetizzjoni magħha fil-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling ikun żvantaġġjat waqt l‑allokazzjoni tal-islots ( 19 ). |
56. |
Ir-raba’ nett, l-entità amministratriċi, jekk din tkun impriża pubblika jew tal-Istat, jista’ jkollha t-tentazzjoni tiffavorixxi lit-trasportatur bl-ajru nazzjonali waqt l-allokazzjoni tal-islots ( 20 ). F’dak il-każ, l-entità amministratriċi ma tkunx qed tara l-interess tagħha stess, iżda dak ta’ terzi, jiġifieri t-trasportatur nazzjonali; hija xorta waħda tista’ tinfluwenza lill‑koordinatur ( 21 ). |
57. |
Iktar ’il fuq rajna li l-entità amministratriċi jista’ jkollha interess fl‑allokazzjoni tal-islots. Għandu jiġi preżunt li bħala entità amministratriċi hija għandha tali interess, jew hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi tali interess fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu? |
b) Fuq il-prova tal-interess tal-entità amministratriċi
58. |
Fl-opinjoni tiegħi, it-tweġiba għall-mistoqsija magħmula fil-punt preċedenti għandha tkun li l-entità amministratriċi għandha, bħala tali, tiġi kklassifikata bħala parti kkonċernata, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, hija għandhiex interess fl-allokazzjoni tal-islots. |
59. |
Fil-fatt, jidhirli li jista’ jkun diffiċli tipprova l-interess tal-entità amministratriċi fl‑allokazzjoni tal-islots. Sabiex jiġi stabbilit li l-entità amministratriċi għandha, f’dan il-każ, interess fl‑allokazzjoni tal-islots, il-Kummissjoni għandha turi li hija effettivament għandha sehem fil-kapital ta’ trasportatur bl-ajru li juża l‑ajruport ikkoordinat, li hija tikri terminal sħiħ lil trasportatur bl-ajru jew li hija preżenti fis-suq tas-servizzi ta’ groundhandling. Jekk l-entità amministratriċi għandha l-kapital kollu ta’ trasportatur bl-ajru, jidher evidenti li hija għandha tkun ikkunsidrata bħala parti kkonċernata. Iżda hija għandha titqies tali jekk pereżempju għandha biss kwint mill‑kapital ta’ dan it-trasportatur? Jekk l-entità amministratriċi tikri terminal lil trasportatur bl-ajru, jidher evidenti li din għandha tiġi kklassifikata bħala parti kkonċernata. Iżda hija għandha titqies tali jekk tikri ċerti partijiet minn terminal lil dan it-trasportatur, jew jekk, minkejja li hija tkun preżenti fis-suq tas-servizzi ta’ groundhandling, hija għandha biss parti żgħira mis-suq? Id-dimostrazzjoni ta’ interess tal-entità amministratriċi fl‑allokazzjoni tal-islots timplika li għandha ssir analiżi tas-suq tal‑infrastrutturi ajruportwali u tas-swieq suċċessivi. |
60. |
Barra minn hekk, f’sitwazzjoni fejn l-entità amministratriċi nnifisha ma tikseb ebda benefiċċju mill-allokazzjoni tal-islots iżda tillimita ruħha biss tipprivileġġja lil trasportatur nazzjonali li ma huwiex marbut magħha ( 22 ), jiena ma narax kif il-Kummissjoni tista’ turi li l-entità amministratriċi nnifisha għandha interess fl-allokazzjoni tal-islots. Tali sitwazzjoni tista’ għalhekk taħrab mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, filwaqt li, kif rajna, din tista’ tagħti lok għal abbużi. |
61. |
Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni tkun meħtieġa turi li l-entità amministratriċi hija parti kkonċernata jista’ jwassal sabiex sitwazzjonijiet li fihom l-interess tal-entità amministratriċi fl-allokazzjoni tal-islots ikun żgħir (pereżempju, meta jkollha parti żgħira mis-suq tas-servizzi ta’ groundhandling) jew sempliċement futur (meta hija tkun ser tikri terminal sħiħ lil trasportatur bl-ajru) jaħarbu mill-eżami tas-separazzjoni funzjonali mill-koordinatur. Issa, verifika sistematika tas‑separazzjoni funzjonali bejn il-koordinatur u l-entità amministratriċi biss jidhirli li tissodisfa l-għan tar-Regolament Nru 95/93, jiġifieri l‑allokazzjoni tal-islots skont “regoli newtrali, trasparenti u mhux diskriminatorji” ( 23 ), fatt li jimplika li “ma jkun hemm l-ebda dubju dwar in‑newtralità” tal-koordinatur ( 24 ). A fortiori, din biss tissodisfa l-għan tar-Regolament Nru 793/2004, li huwa li jsaħħaħ l-indipendenza tal‑koordinatur billi jpoġġih “f’pożizzjoni indipendenti għal kollox” ( 25 ). |
62. |
F’dan ir-rigward, nixtieq insemmi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 26 ) li għalkemm ingħatat f’qasam ieħor, dak tal-ipproċessar tad-data personali, jidhirli li hija rilevanti. Id‑Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id‑data ( 27 ) tipprevedi, fl‑Artikolu 28(1) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu awtoritajiet responsabbli mis-sorveljanza tal-applikazzjoni, fit-territorju tagħhom, tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva, u li dawn l-awtoritajiet “għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom”. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet dwar il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tissuġġetta l‑awtorità ta’ superviżjoni għall-iskrutinju tal-Istat, b’mod iktar partikolari tal-Land ikkonċernat. Hija rrilevat li l-Gvern tiegħu “jista’ jkollu interess sabiex ma josservax id-dispożizzjonijiet relatati mal‑protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali”, jew għaliex jipproċessa huwa stess din id-data, jew għaliex għandu interess li jkollu aċċess, b’mod partikolari għall-finijiet fiskali jew ta’ repressjoni, għal data personali miżmuma minn terzi, jew għaliex għandu interess li kumpanniji li għandhom piż ekonomiku importanti għal Land ma jiġux imdejqa mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni ( 28 ). Minn dan hija kkonkludiet li, minħabba s-superviżjoni tal‑Land, l-awtorità ta’ superviżjoni ma teżerċitax il-missjoni tagħha b’mod indipendenti għalkollox, kif jeħtieġ l-Artikolu 28(1) tad‑Direttiva 95/46 ( 29 ). |
63. |
Fi kliem ieħor, f’sitwazzjoni simili għal dik tagħna, għaliex, jekk ir-Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jiddefinixxix il-partijiet ikkonċernati, id‑Direttiva 95/46 lanqas ma tippreċiża minn liema partijiet l‑awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom ikunu indipendenti, il-Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra li l-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni tiġi ppreġudikata mhux meta l-Land għandu interess jinfluwenza lil din l-awtorità, iżda sempliċement meta huwa jista’ jkollu tali interess. Tali soluzzjoni hija ferm iktar notevoli peress li l-Avukat Ġenerali Mazák kien ikkonkluda fis-sens kuntrarju: huwa kien ikkunsidra li l-Kummissjoni kellha tipproduċi l‑prova tal-falliment tas-sistema ta’ superviżjoni jew ta’ prattika stabbilita tal-Land li tostakola lill-awtorità ta’ superviżjoni fl‑eżerċizzju indipendenti tal-funzjonijiet tagħha ( 30 ). |
64. |
Nipproponi li f’din il-kawża jiġi adottat raġunament simili għal dak segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja. Huwa suffiċjenti li parti jista’ jkollha interess fl‑allokazzjoni tal-islots sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikollu jiżgura s-separazzjoni funzjonali bejnu u l-koordinatur. Fir-rigward tal-entità amministratriċi, preċedentement urejt li hija jista’ jkollha diversi interessi fl‑allokazzjoni tal-islots. Dawn l-interessi jirriżultaw mill-kwalità tagħha ta’ entità amministratriċi, bħall-interessi tal-Land elenkati mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 31 ) li jirriżultaw mill-kwalità tiegħu ta’ operatur ekonomiku u ta’ awtorità fiskali u ta’ repressjoni. |
65. |
Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala parti kkonċernata għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi dedotta mis-sempliċi kwalità ta’ entità amministratriċi tal‑ajruport ikkoordinat. |
66. |
F’dan il-każ, l-Artikolu 5(1) tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008 jinnomina lil ANA bħala l-entità amministratriċi tal-erba’ ajruporti kkoordinati inkwistjoni. Għalhekk ftit huwa importanti li l-argumenti tal-Kummissjoni jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-entitajiet amministraturi inġenerali bħala partijiet ikkonċernati u mhux il‑klassifikazzjoni tal-entità amministratriċi inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri ANA, bħala parti kkonċernata ( 32 ). Hija għandha, fil-kwalità tagħha ta’ entità amministratriċi, tiġi kkunsidrata bħala parti kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. |
67. |
Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, il-Kummissjoni għandha turi li hija ma żguratx is‑separazzjoni funzjonali bejn id-DCNS u ANA. |
2. Fuq is-separazzjoni funzjonali tal-attivitajiet tal-koordinatur
68. |
Niftakru li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, jeħtieġ li l-Istat Membru responsabbli minn ajruport ikkoordinat jiżgura l‑indipendenza tal-koordinatur billi jisseparah funzjonalment minn kull parti kkonċernata, u li s-sistema ta’ finanzjament tal-attivitajiet tal‑koordinaturi tkun xierqa sabiex tiżgura l-indipendenza tagħhom. |
69. |
Is-separazzjoni funzjonali bejn il-koordinatur u l-partijiet ikkonċernati, prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, għandha, fl-opinjoni tiegħi, tinftiehem bħala separazzjoni tal-funzjonijiet, jiġifieri tal-attivitajiet. It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, tagħmel barra minn hekk riferiment espress għall-“attivitajiet” tal-koordinatur, meta tirrikjedi sistema ta’ finanzjament “tal-attivitajiet tal-koordinaturi” li tkun xierqa sabiex tiżgura l-indipendenza tagħhom. Bl-istess mod, qabel l-emenda tiegħu permezz tar-Regolament Nru 793/2004, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93 kien jirreferi għad-“dmirijiet” tal-koordinatur: huwa kien jipprovdi li l-koordinatur “għandu jagħmel id-dmirijiet skond dan ir‑Regolament b’mod indipendenti”. Għaldaqstant l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, jimponi lill-Istati Membri jiżguraw li l‑attivitajiet tal-koordinatur, kif iddefiniti minn dan ir-regolament, jiġifieri, b’mod partikolari, l-allokazzjoni tal-islots lit-trasportaturi bl‑ajru u s-superviżjoni tal-osservanza ta’ dawn l-islots mit-trasportaturi bl-ajru ( 33 ), ikunu separati mill-attivitajiet tal-partijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, l-attivitajiet tal-koordinatur għandhom ikunu sseparati minn dawk tal-entità amministratriċi tal-ajruport ikkoordinat, kemm jekk dawn jikkonċernaw l-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ajruportwali kif ukoll jekk dawn jikkonċernaw dmirijiet oħra li hija tista’ twettaq, pereżempju il-provvista ta’ servizzi ta’ groundhandling. |
70. |
Ir-Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jagħti ebda indikazzjoni dwar il‑kriterji tas-separazzjoni funzjonali. |
71. |
Skont il-Kummissjoni, għalkemm l-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jeħtieġx li l-koordinatur ikun entità ġuridika distinta mill-partijiet ikkonċernati, huwa xorta neċessarju, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun ħoloq tali entità, li dan il-fatt jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-separazzjoni funzjonali. F’dan il-każ, id-DCNS hija diviżjoni ta’ ANA u l-persunal u l-uffiċċji tad-DCNS huma dawk ta’ ANA. Barra minn hekk, ladarba ANA hija kumpannija b’responsabbiltà limitata, il-bord tad-diretturi tagħha, skont l-Artikoli 405 u 406 tal-Kodiċi Portugiż tal-Kumpanniji Kummerċjali, jirregola l-attivitajiet tal-kumpannija, inkluż dawk tad-DCNS. Għalhekk, skont il-Kummissjoni ma jistax ikun hemm separazzjoni funzjonali bejn id-DCNS u ANA. |
72. |
Jidhirli li billi jeħtieġ separazzjoni biss tal-attivitajiet, ir‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jeħtieġx separazzjoni ġuridika, jiġifieri li dan iħalli f’idejn l-Istati Membri jiddeċiedu jekk iridux joħolqu entità ġuridika distinta għall-funzjoni ta’ koordinatur. Ser neżamina fil-qosor dan il-punt iktar ’l isfel, qabel nipproponi, b’analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra, kriterji ta’ evalwazzjoni tas‑separazzjoni funzjonali. Ser nikkunsidra mbagħad is-sistema ta’ finanzjament indipendenti, espressament prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, sabiex niddetermina jekk din għandhiex tkun ikkunsidrata bħala kriterju għas-separazzjoni funzjonali jew bħala rekwiżit apparti. |
a) Fuq il-ħolqien ta’ entità ġuridika distinta
73. |
Jidhirli li huwa inkontestabbli li l-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jimponix lill-Istati Membri joħolqu entità ġuridika distinta responsabbli mill-allokazzjoni tal-islots. |
74. |
Fil-fatt, kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jimponi l-ħolqien ta’ entità ġuridika distinta, huwa kien jgħidha espressament, kif għamel f’oqsma oħra ( 34 ). Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni, magħmula fil-kuntest tax-xogħol preparatorju tar‑Regolament Nru 793/2004, ta’ “separazzjoni istituzzjonali” bejn il‑koordinatur u l-partijiet ikkonċernati ( 35 ), ma kinitx ġiet adottata. |
75. |
Barra minn hekk, kif rajna, il-Kummissjoni ma ssostnix li l‑koordinatur għandu jkun entità ġuridika distinta. Din hija wkoll il-pożizzjoni li hija adottat fil-Komunikazzjoni tal-2008 tagħha ( 36 ). |
76. |
Għalhekk ftit huwa importanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir‑Repubblika Portugiża naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, li hija ma tatx personalità ġuridika lid-DCNS ( 37 ). |
b) Fuq il-kriterji tas-separazzjoni funzjonali
77. |
Sabiex jiġi ddeterminat liema huma l-kriterji tas-separazzjoni funzjonali, jidhirli li l-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 28(1) tad‑Direttiva 95/46 ( 38 ) tista’ tipprovdi xi indikazzjonijiet utili għal din il‑kawża. Fost il-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni toperax b’mod indipendenti għalkollox fis-sens tal‑Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 hemm l-istruzzjonijiet ta’ terz (l‑Istat) li jorbtu lill-awtorità ta’ superviżjoni ( 39 ), ir-rabta ġerarkika bejn il‑persunal tal-awtorità ta’ superviżjoni u l-Istat, li tippermettilu li jikkontrolla l-attivitajiet ta’ dan il-persunal u jostakola, jekk ikun il-każ, il-promozzjonijiet tiegħu ( 40 ), il-fatt li l-persunal tal-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni huwa kompost għalkollox minn uffiċjali federali, jiġifieri li hija marbuta mal-amministrazzjoni federali ( 41 ), u l-possibbiltà li ttemm b’avviż minn qabel il-mandat tal-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni ( 42 ). |
78. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat kriterji simili sabiex tevalwa jekk l‑entità responsabbli mill-approvazzjoni tat-terminals tat‑telekomunikazzjoni kinitx, kif jeħtieġ l-Artikolu 6 tad‑Direttiva 88/301, “indipendenti” ( 43 ) (persunal magħmul minn membri tat-terz ikkonċernat) ( 44 ), jew biex tevalwa jekk l-awtorità responsabbli mill-ħruġ ta’ opinjoni dwar l-effett ambjentali ta’ pjan tissodisfax ir-rekwiżit ta’ “separazzjoni funzjonali” (mezzi amministrattivi u umani tal-awtorità stess) ( 45 ). |
79. |
Il-kriterji elenkati fil-punti 77 u 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet jidhirli li jistgħu jiġu trasposti għall-evalwazzjoni tas-separazzjoni funzjonali tal-koordinatur, prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93. Fil-fatt, ma narax kif il‑koordinatur jista’ jippretendi li huwa indipendenti jekk huwa jirċievi mingħand parti kkonċernata istruzzjonijiet li jorbtuh, jekk ma għandux il-persunal tiegħu stess, jew jekk teżisti rabta ġerarkika bejn dan il-persunal u parti kkonċernata. Kriterji oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-fatt, jekk ikun il-każ, li l-koordinatur għandu personalità ġuridika. Kif issostni l-Kummissjoni, għalkemm ir-Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jimponix il-ħolqien ta’ entità ġuridika distinta, tali element lanqas ma huwa rileventi għal finijiet tal-evalwazzjoni tal-indipendenza tal‑koordinatur. |
c) Fuq is-sistema ta’ finanzjament indipendenti
80. |
Fir-rigward tas-sistema ta’ finanzjament indipendenti, espressament prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, din hija kriterju ta’ evalwazzjoni tas-separazzjoni funzjonali tal-koordinatur jew kundizzjoni apparti, li tiżdied ma’ dik tas-separazzjoni funzjonali? |
81. |
Jekk is-sistema ta’ finanzjament indipendenti kellha tkun ikkunsidrata bħala kundizzjoni apparti, allura l-ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, għandu jkun ikkonstatat meta l-koordinatur ma huwiex indipendenti finanzjarjament, anki jekk jissodisfa r-rekwiżit ta’ separazzjoni funzjonali mill-partijiet ikkonċernati, iddefinit permezz tal-kriterji miġbura fil-qosor fil-punti 77 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jekk, min-naħa l-oħra, il‑finanzjament indipendenti huwa biss wieħed mill-kriterji tas‑separazzjoni funzjonali, allura l-ksur tal-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat ma jistax ikun stabbilit biss minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza finanzjarja tal-koordinatur. |
82. |
Inqis li l-eżistenza ta’ sistema ta’ finanzjament indipendenti għandha tkun ikkunsidrata bħala sempliċi kriterju tas-separazzjoni funzjonali tal-koordinatur. |
83. |
Fil-fatt, ebda konġunzjoni ta’ koordinament ma torbot iż-żewġ sentenzi tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat. Ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu li jissuġġerixxi għalhekk li t‑tieni sentenza, li tistabbilixxi r-rekwiżit ta’ sistema ta’ finanzjament indipendenti, tiżdied mal-ewwel waħda, li tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw is-separazzjoni funzjonali bejn il-koordinatur u l-partijiet ikkonċernati. |
84. |
Barra minn hekk, nirrileva li, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 793/2004, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 95/93 jiġi emendat b’mod li jipprovdi li “l-indipendenza de facto tal-koordinatur għandha tkun żgurata barra minn hekk bis-separazzjoni istituzzjonali u finanzjarja ta’ kull parti kkonċernata”, u li l-Istat Membru għandu jiżgura “li jkun hemm riżorsi suffiċjenti disponibbli sabiex il-finanzjament tal-attivitajiet ta’ koordinazzjoni ma jaffettwax l-indipendenza tiegħu” ( 46 ). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali kien enfasizza, min-naħa tiegħu, li “l-Istati Membri għandhom iħallsu lill-koordinaturi b’mod li jippermettilhom li jwettqu l-mandat tagħhom u josservaw il-prinċipji stabbiliti fir-rigward tagħhom b’libertà sħiħa” ( 47 ). Madankollu, dawn il-proposti ma ġewx aċċettati. Fil-fatt l‑Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jipprovdix li l-ispejjeż tal-koordinatur għandhom jiġu rrimborsati lilu (li huwa “jitħallas”, skont l-espressjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali), inqas u inqas li huwa għandu jkollu l-baġit tiegħu. |
85. |
Għalhekk mix-xogħol preparatorju jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-koordinatur ir‑riżorsi suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ funzjonament tiegħu. Jidhirli li lanqas ma għandhom l-obbligu li jagħtuh baġit separat, għaliex il‑leġiżlatur tal-Unjoni rrifjuta li jeżiġi s-separazzjoni finanzjarja tal‑koordinatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi jkun inkoerenti, li jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ finanzjament indipendenti hija kundizzjoni apparti, għaliex l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra kunsiderevoli fir-rigward tal-mezzi sabiex jiżguraw tali finanzjament. B’mod partikolari, din il-marġni ta’ manuvra tasal sabiex tawtorizzahom ma jagħtux lill-koordinatur riżorsi suffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ funzjonament tiegħu, li tidher madankollu l-kundizzjoni sine qua non tal‑indipendenza finanzjarja tiegħu. |
86. |
F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-Komunikazzjoni tal-2008, li tagħmel riferiment għaż-żamma ta’ kontabbiltà separata mill‑koordinatur kif ukoll għal baġit distint u għad-diversifikazzjoni tas‑sorsi ta’ finanzjament tiegħu ( 48 ), bl-ebda mod ma tista’ tkun ikkunsidrata li timponi tali obbligi fuq l-Istati Membri. Fil-fatt, ir‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, għandu bħala bażi legali l-Artikolu 84(2) tat‑Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, li kien jagħti kompetenza lill-Kunsill, b’deċiżjoni ta’ maġġoranza kkwalifikata, li jadotta dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ajru. Għalhekk il‑Kunsill biss kien kompetenti sabiex jimponi fuq l-Istati Membri obbligi mhux previsti fir-Regolament Nru 95/93, kif emendat, u mhux il-Kummissjoni, permezz ta’ komunikazzjoni. |
87. |
Barra minn hekk, jidhirli li din ma kinitx l-intenzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Komunikazzjoni tal-2008 tippreċiża, fl-introduzzjoni tagħha, li l-għan tagħha huwa sempliċement li “tesprimi l-opinjoni tal‑Kummissjoni” ( 49 ). Barra minn hekk, huwa b’mod kundizzjonali li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għaż-żamma ta’ kontabbiltà separata mill‑koordinatur kif ukoll għal baġit distint u għall-finanzjament minn diversi partijiet ( 50 ). |
88. |
Fl-aħħar nett, nirrileva li l-Komunikazzjoni tal-2008 ma kinitx is‑suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li din kienet ġiet adottata erba’ snin wara r-Regolament Nru 793/2004, u li, għalkemm il-Kummissjoni kienet ippreżentat, fl-1 ta’ Diċembru 2011, proposta li tirriproduċi parzjalment il-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-2008, din, sal-lum, ma tatx lok għal emenda tar-Regolament Nru 95/93 ( 51 ). |
89. |
Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha b’mod utili fuq il-Komunikazzjoni tal-2008 sabiex tistabbilixxi li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha ( 52 ). |
d) Applikazzjoni għal dan il-każ
90. |
Fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni ma wrietx li ma kienx hemm separazzjoni funzjonali bejn d-DCNS u ANA. |
91. |
Ċertament, il-fatt li d-DCNS hija diviżjoni ta’ ANA, pjuttost milli entità distinta li għandha personalità ġuridika, ma jimmilitax favur l-indipendenza tagħha. L-istess japplika għall-fatt li d-DCNS hija ffinanzjata għalkollox minn ANA, għaliex it-tariffa għall-allokazzjoni tal-islots, prevista fl-Artikolu 11 tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008 ma ġietx implementata, u għaliex il-baġit tagħha huwa approvat minn ANA. |
92. |
Madankollu, dawn iż-żewġ elementi għandhom jiġu bbilanċjati mal-fatt li d-DCNS għandha l-persunal tagħha stess, u mal-fatt li l‑Kummissjoni ma wrietx li ANA għandha l-fakultà li tindaħal fl‑allokazzjoni tal-islots. |
93. |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li d-DCNS għandha l-persunal tagħha, li huwa ddedikat esklużivament għall‑attivitajiet ta’ allokazzjoni tal-islots. Hija ma tipproduċi ebda prova li turi li teżisti rabta ġerarkika bejn il-persunal tad-DCNS u dak ta’ ANA, pereżempju li d-direttorat ta’ ANA jiddeċiedi dwar il-promozzjonijiet tal‑persunal tad-DCNS jew jista’ jimponilu sanzjonijiet. L-uniku argument imressaq mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward jirrigwarda n‑nuqqas ta’ “ħajt taċ-Ċina” bejn id-DCNS u ANA, jiġifieri ta’ organizzazzjoni interna fi ħdan ANA li tipprojbixxi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn id-DCNS u d-diviżjonijiet l-oħra ta’ ANA. Dan l‑argument ma huwiex wieħed konvinċenti, għaliex ma narax kif ir-rekwiżit ta’ “ħajt taċ-Ċina” jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, li ma jagħmel ebda riferiment għall-persunal tal-koordinatur. |
94. |
It-tieni nett, il-Kummissjoni, ma stabbilixxietx li ANA tista’ tagħti istruzzjonijiet lid-DCNS. Għal dan il-għan, hija ma tistax tikkuntenta ruħha b’kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar id-dritt tal-kumpanniji Portugiżi, li jipprovdu li l-bord tad-diretturi ta’ kull kumpannija b’responsabbiltà limitata, bħal ANA, jamministra l-attivitajiet tal-kumpannija, diviżjonijiet inklużi, u jeżamina r-rapport annwali u l-kontijiet annwali tal-kumpannija, inkluż il-kontabbiltà separata tad-DCNS. Fil-fatt, il-fatt li jiġi sostnut li ma hemmx separazzjoni funzjonali bejn id‑DCNS u ANA għaliex il-bord tad-diretturi ta’ ANA jamministra l-attivitajiet tal-kumpannija jidhirli li fir-realtà jammonta għal li jiġi sostnut li ma hemmx separazzjoni funzjonali għaliex id-DCNS hija diviżjoni tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata li hija ANA. Issa, peress li l‑Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jimponix fuq l-Istati Membri separazzjoni ġuridika bejn il-koordinatur u l-partijiet ikkonċernati, iżda sempliċi separazzjoni funzjonali, l-argument imressaq mill‑Kummissjoni ma jistax jiġi aċċettat ( 53 ). |
95. |
F’dan ir-rigward nirrileva li l-Kummissjoni ma indirizzatx il‑proċess deċiżjonali tad-DCNS, u ma staqsietx dwar jekk l-organi diriġenti ta’ din id-diviżjoni jżommux informati lil dawk ta’ ANA u jikkonsultawhomx qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet, jew dwar jekk dawn jirċivux minn ANA istruzzjonijiet dwar każijiet individwali, jew sempliċi linji gwida ġenerali, jew dwar jekk dawn ma jirċievu minn ANA ebda istruzzjoni. Tali eżami kien ikun iktar neċessarju peress li r-Repubblika Portugiża ddikjarat, fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha, li d‑deċiżjonijiet tad-DCNS ma humiex suġġetti la għall-evalwazzjoni, u lanqas għall-approvazzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ ANA. |
96. |
It-tielet nett, ma huwiex ikkontestat li d-DCNS iżżomm kontabbiltà separata. L-Artikolu 5(2) tad-Digriet-Liġi Nru 109/2008 jipprovdi dan espressament ( 54 ). |
97. |
Dwar il-fatt li, waqt il-privatizzazzjoni ta’ ANA, ir-Repubblika Portugiża ħabbret il-ħolqien ta’ entità indipendenti li ser tkun responsabbli mill-allokazzjoni tal-islots, nirrileva, minn naħa, li d‑deċiżjoni li ANA tiġi pprivatizzata saret biss xahar qabel l-opinjoni motivata ( 55 ), u li jidher li l-privatizzazzjoni seħħet xahar wara din l-opinjoni motivata ( 56 ) u, min-naħa l-oħra, li jekk l-Istat Portugiż ma jixtieqx jiddelega l-attività ta’ koordinament lil impriża privata, fatt li r-Regolament Nru 95/93, kif emendat, ma jipprojbixxilux, huwa obbligat li joħloq entità ġdida għal dan il-għan ladarba huwa qed jipprivatizza l-entità amministratriċi, li l-koordinatur tagħha kienet diviżjoni. |
98. |
Fl-aħħar nett, huwa minnu li, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, ir‑Repubblika Portugiża ma setgħetx tippreċiża skont liema proċedura u liema modalitajiet hija nnominat il-koordinatur. Madankollu, minbarra l-fatt li l‑Kummissjoni ma indirizzatx dan il-punt la fir-rikors tagħha, u lanqas fir‑replika, nenfasizza li dawn l-elementi jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, li jimponi lill-Istati Membri jiżguraw in‑nominazzjoni ta’ persuna kkwalifikata bħala koordinatur, pjuttost milli taħt l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tallega li r‑Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) biss, għaliex hija ma ssemmi xejn dwar l-Artikolu 4(1). |
99. |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wrietx li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, li tiżgura li l-koordinatur ikun indipendenti mill-entità amministratriċi tal-ajruporti kkoordinati. |
VI – Konklużjoni
100. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3.
( 3 ) Sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑555/10, EU:C:2013:115; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C-556/10, EU:C:2013:116; Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑625/10, EU:C:2013:243; Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja, C-627/10, EU:C:2013:511; Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑412/11, EU:C:2013:462; Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑369/11, EU:C:2013:636.
( 4 ) Sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125; Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C-614/10, EU:C:2012:631; Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237.
( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 8, p. 171.
( 6 ) COM(2008) 227 finali.
( 7 ) Diário da República, L-Ewwel Serje, Nru 122, tas-26 ta’ Ġunju 2008, p. 3965.
( 8 ) Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 111-F/2012 (Diário da República, L-Ewwel Serje, Nru 251, tat-28 ta’ Diċembru 2012).
( 9 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 77/69, EU:C:1970:34, punt 15.
( 10 ) Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat.
( 11 ) ĠU L 70, p. 11.
( 12 ) Ara l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2009/12.
( 13 ) Ara l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/12.
( 14 ) L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/12 isemmi, fost is-servizzi li fir-rigward tagħhom l-entità amministratriċi tista’ tvarja l-kwalità u l-ambitu, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terminals jew ta’ partijiet minn terminals.
( 15 ) Ara l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2009/12.
( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 2, p. 496.
( 17 ) Ara l-Anness tad-Direttiva 96/67.
( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, Papy, R., L’aviation commerciale et le droit antitrust, Presses universitaires d’Aix-Marseille, 2013, paragrafu 646: “wara l-liberalizzazzjoni tal-groundhandling [bid-Direttiva 96/67], in-numru ta’ ajruporti amministraturi implikati fil-groundhandling ma nbidilx b’mod sinjifikattiv (fi ħdan 15-il Stat Membru eżistenti fl-1996). Il-partijiet mis-suq tal‑fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling sussidjarji tal-amministraturi ajruportwali naqsu iżda baqgħu f’livell għoli. Din is-sitwazzjoni toħloq kunflitti ta’ interess potenzjali li mhux kollha huma previsti mid-Direttiva u li għalhekk jistgħu jeħtieġu l-intervent komplementari tad-dritt tal-kompetizzjoni. Ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni jirrigwardaw kemm l-aċċess għas-suq stess (rifjut inġustifikat ta’ aċċess lil fornituri), kemm il‑kwalità tal-kundizzjonijiet li fihom il-fornitur jopera fis-suq (allokazzjoni diskriminatorja ta’ postijiet u ta’ żoni ta’ operazzjoni ) kif ukoll l-ispejjeż tal-aċċess għas-suq (tariffi diskrimatorji)”.
Ara, ukoll, ir-Rapport mill-Kummissjoni COM(2006) 821 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/67, li l-punt 16 tagħha jipprovdi li “[f]’għadd imdaqqas ta’ l-Istati Membri ([…] fil-Portugall) l-operatur ta’ l-ajruport huwa attiv fis-suq tal-groundhandling billi jipprovdi servizzi tal-handling u għalhekk huwa kompetitur dirett ta’ fornituri tas-servizzi tal-groundhandling u t-trasportaturi bl-ajru li jipprovdu dawn is-servizzi għall-partijiet terzi […]. Xorta waħda, jibqa’ l-fatt li f’ħafna ajruporti akbar fejn hemm numru biżżejjed ta’ fornituri ta’ servizzi interessati li jipprovdu s-servizzi tagħhom jew fejn l-utenti ta’ l-ajruport jipprovdu ukoll handling minn partijiet terzi, il-korpi ta’ ġestjoni ta’ l-ajruporti huma attivi fis-suq billi jipprovdu s-servizzi tal-handling. F’ħafna mit-tali ajruporti għandhom pożizzjoni qawwija, li tagħmilha diffiċli għal kompetitur jew għal min hu ġdid li jikseb sehem tas-suq (addizzjonali)”.
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Franċiż Nru 98‑D‑34, tat-2 ta’ Ġunju 1998, dwar is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ groundhandling fl-ajruport ta’ Orly u fis-suq tal-postijiet u żoni neċessarji għall-attivitajiet tal-kumpanniji tal-ajru mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mill-Aéroports de Paris fl-ajruport ta’ Orly (iċċitata minn Papy, R., op. cit). F’din id-deċiżjoni, il-Kunsill tal‑Kompetizzjoni kkonstata li, billi rrifjuta lit-trasportatur bl-ajru TAT il-ftuħ ta’ linji ġodda mit-terminal tal-Punent ta’ Orly u awtorizzah jiftaħhom mit-terminal tan-Nofsinhar ta’ Orly, l-entità amministratriċi tal-ajruport ta’ Orly, Aéroports de Paris, abbużat mill-pożizzjoni dominanti (monopolju) li hija għandha fis-suq tal‑infrastrutturi ajruportwali tal-ajruport ta’ Orly. Il-Kunsill jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-fatt li, filwaqt li TAT kienet tipprovdi s-servizzi ta’ groundhandling tagħha stess fit‑terminal tal-Punent ta’ Orly, dan ma kienx il-każ fit-terminal tan-Nofsinhar ta’ Orly, fejn TAT kienet għalhekk kostretta tirrikorri għas-servizzi ta’ groundhandling ipprovduti mill-entità amministratriċi: “b’kunsiderazzjoni […] għall-fatt li l-kumpannija TAT, li, meta kienet tuża t-terminal tal-Punent ta’ Orly, kienet tipprovdi s-servizzi ta’ groundhandling għat‑titjiriet tagħha bil-persunal tagħha, li lilu hija kienet tat taħriġ speċifiku, kienet kostretta minn [Aéroports de Paris] tuża esklużivament il-persunal ta’ [Aéroports de Paris] sabiex topera l-passarelli, wara t-trasferiment tagħha għat-terminal tan-Nofsinhar ta’ Orly […]; għall-fatt li billi għalhekk imponiet lill-kumpannija TAT ma tirrikorrix għall-persunal tagħha stess, iżda tuża s-servizzi ta’ groundhandling li hija tipprovdi fit-terminal tan-Nofsinhar ta’ Orly, [Aéroports de Paris] ittrattat b’mod diskriminatorju lill‑kumpannija TAT”.
( 20 ) Bl-istess mod l-entità amministratriċi jista’ jkollha t-tentazzjoni tagħti lit‑trasportaturi nazzjonali benefiċċju ta’ tnaqqis diskriminatorju fuq it-tariffi tal-inżul (ara s-sentenza Il‑Portugal vs Il‑Kummissjoni, C‑163/99, EU:C:2001:189, punt 56: “is‑sistema ta’ tnaqqis kienet tidher iktar favorevoli għal xi kumpanniji tal-ajru, f’dan il‑każ de facto għall-kumpanniji tal-ajru nazzjonali”).
( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/364/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1995, dwar proċedura skont l‑Artikolu 90(3) tat-Trattat KE (ĠU L 216, p. 8), li l-punt 17 tagħha jipprovdi: “f’dan il-każ, […] ir-[Régie des Voies Aériennes, l-entità amministratriċi tal-ajruport ta’ Bruxelles-Zaventem] ma hijiex qed tipprova tikseb il-fiduċja tal-klijentela tagħha jew tiġbed klijentela ġdida […], iżda l-Istat, permezz tal-intermedjarju tiegħu, qed jiffavorixxi impriża partikolari, f’dan il-każ il-kumpannija nazzjonali Sabena”.
( 22 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) Ara t-tieni premessa u l-Artikolu 4(2)(ċ) tar-Regolament Nru 95/93.
( 24 ) Ara l-ħames premessa tar-Regolament Nru 95/93.
( 25 ) Ara l-premessa 6 tar-Regolament Nru 793/2004.
( 26 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125.
( 27 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti : Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.
( 28 ) Enfasi tiegħi. Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, li l-punt 35 tagħha jipprovdi li: “il‑gvern tal-Land ikkonċernat jista’ jkollu interess sabiex ma josservax id‑dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar tad-data ta’ natura personali meta tiġi pproċessata din id-data mis‑settur mhux pubbliku. Dan il-gvern jista’ huwa stess ikun parti kkonċernata f’dan l-ipproċessar, jekk jipparteċipa jew jista’ jipparteċipa fih, pereżempju fil-każ ta’ sħubija pubblika-privata jew fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi mas-settur privat. Dan il-gvern jista’ jkollu wkoll interess speċifiku jekk ikun neċessarju għalih, jew sempliċement utli, li jaċċedi għall-bażijiet ta’ data sabiex iwettaq uħud mid-dmirijiet tiegħu, b’mod partikolari għal finijiet ta’ natura fiskali jew ta’ repressjoni. Dan l-istess gvern jista’ barra minn hekk ikollu wkoll it-tendenza li jipprivileġġa interessi ekonomiċi fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet minn ċerti kumpanniji importanti, minn aspett ekonomiku, għal-Land jew għar-reġjun”.
( 29 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 36: “s‑sempliċi riskju li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istat jistgħu jeżerċitaw influwenza politika fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi ostakolat l-eżerċizzju indipendenti tad-dmirijiet tagħhom”.
( 30 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2009:694, li l-punt 34 tagħhom jipprovdi: “Inqis li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha. Hija ma pprovatx la l-falliment tas‑sistema ta’ superviżjoni u lanqas l-eżistenza ta’ prattika stabbilita tal‑awtoritajiet ta’ superviżjoni li tikkonsisti f’abbuż tal-kompetenzi tagħhom li timplika li l-eżerċizzju b’indipendenza sħiħa tal-funzjonijiet mogħtija lill‑awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali ġie mxekkel”.
( 31 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125.
( 32 ) Bl-eċċezzjoni tal-argument dwar il-privatizzazzjoni ta’ ANA, imsemmi fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li madankollu ma jispjegax għaliex ANA kompliet tiżgura l-koordinament wara l-privatizzazzjoni tagħha.
( 33 ) Ara l-Artikolu 4(5) sa (8) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat.
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), li l‑Artikolu 14(2) tagħha jeħtieġ li l-amministratur tal-infrastruttura jkun “indipendenti fil-forma legali, l-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji” (enfasi tiegħi). F’kawża fejn kienet inkwistjoni l-indipendenza tal-organu responsabbli mill-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji, id-Direction des circulations ferroviaires, il-Qorti tal-Ġutizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Franċiża ma kinitx tiżgura l-indipendenza fuq il-livell ġuridiku ta’ dan l‑organu għaliex dan kien diviżjoni ta’ impriża ferrovjarja, is-Société nationale des chemins de fer français. Hija rrilevat b’mod partikolari li dan “ma [j]ibbenefikax minn personalità ġuridika distinta minn dik tas-SNCF” (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑625/10, EU:C:2013:243, punt 52).
Ara, ukoll, id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), li l-Artikolu 3(2) tagħha jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji billi jassiguraw li jkun legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi” (enfasi tiegħi).
Ara, ukoll, id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211), li l-Artikolu 10(1) tagħha jipprovdi li “[f]ejn l-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni ikun parti minn impriża integrata vertikalment, dan għandu jkun indipendenti minn ta’ l-anqas f’termini tal-forma legali tiegħu, fl-organizzazzjoni, kif ukoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, minn attivitajiet oħra li ma jkollhomx x’jaqsmu mat-trasmissjoni” (enfasi tiegħi).
( 35 ) Proposta għal Regolament COM(2001) 335 finali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 2001, li jemenda r‑Regolament Nru 95/93, ippreżentata mill‑Kummissjoni fit-22 ta’ Ġunju 2001 ,(ĠU C 270, p. 131). Ara l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93 li jipprovdi li l-Istat Membru għandu jiżgura li “fil-każ ta’ ajruport ikkoordinat, l-indipendenza fattwali tal-koordinatur tkun żgurata barra minn hekk bis-separazzjoni istituzzjonali u finanzjarja ta’ kull parti kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi tiegħi).
( 36 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Komunikazzjoni tal-2008 tiddefinixxi s‑separazzjoni funzjonali bħala li timplika, “fost oħrajn”, li l-koordinatur “jaġixxi b’mod awtonomu” fir-rigward tal-entità amministratriċi, tat-trasportaturi bl-ajru jew tal‑fornituri ta’ servizzi preżenti fl-ajruport ikkonċernat, li ma “jirċevix pariri min‑naħa tagħhom u ma huwiex marbut li jippreżentalhom rapport”, iżda ma tgħid xejn dwar il-ħolqien ta’ entità ġuridika distinta.
( 37 ) Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal‑Kummissjoni 88/301/KEE, tas-16 ta’ Mejju 1988, dwar il-kompetizzjoni fis‑swieq ta’ tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjoni (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 88/301”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 25), li jipprovdi li l-approvazzjoni tat-terminals tat-telekomunikazzjoni tingħata minn “korp li jkun indipendenti” mill-impriżi pubbliċi jew privati li joffru oġġetti jew servizzi fis-settur tat-telekomunikazzjoni, bħala li jipprojbixxi li tinħareġ tali liċenzja lil direttorat tal-Ministeru tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet għaliex dan kien ukoll responsabbli, b’mod partikolari, mill-operazzjoni tan-netwerk (sentenza Taillandier, C‑92/91, EU:C:1993:854, punt 15). Madankollu, minbarra li din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għal “entità” indipendenti, fejn l-Artikolu 4(2)(b) tar‑Regolament Nru 95/93, kif emendat, jeħtieġ biss “l-indipendenza” tal-koordinatur, tali interpretazzjoni tmur kontra x-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 793/2004, imsemmi fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Huwa minnu li, għall-kuntrarju tal‑Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx is‑separazzjoni funzjonali tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-ipproċessar tad-data personali. Madankollu, hija tagħmel riferiment għall-eżerċizzju “indipendenti għal kollox” tad-dmirijiet tagħhom minn dawn l-awtoritajiet u b’hekk tikkorrispondi għall-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat li jipprovdi li s-separazzjoni funzjonali tal-koordinatur hija biss mezz li jiżgura l-indipendenza tiegħu. L-Istat Membru għandu fil-fatt jiżgura “l-indipendenza tal-kordinatur f’ajruport kordinat billi funzjonalment il-kordinatur jiġi separat minn xi parti waħda interessata [ikkonċernata]” (enfasi tiegħi minni).
( 39 ) Sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 42, u Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 52.
( 40 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punti 48 sa 51.
( 41 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 61.
( 42 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 55.
( 43 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Sentenza Tranchant, C‑91/94, EU:C:1995:374, li l-punt 21 tagħha jipprovdi li d-direttur tal-laboratorju responsabbli milli jagħmel it-testijiet qabel l-approvazzjoni tat-terminals tat‑telekomunikazzjoni kien uffiċjali ta’ France Télécom, l-operatur tan-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet.
( 45 ) Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157) tipprevedi, fl‑Artikolu 6(3) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jinnominaw awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati dwar l-effetti ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi. Filwaqt li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li dawn l-awtoritajiet ikunu indipendenti, u lanqas li jkunu separati funzjonalment mill-partijiet li jagħmlu dawn il-pjanijiet, il-Qorti tal‑Ġustizzja introduċiet dan ir-rekwiżit. Hija ddeċidiet li, jekk, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, l-istess awtorità hija responsabbli kemm milli tipprepara pjan kif ukoll milli tagħti l-opinjoni tagħha fuq l-effetti ambjentali tiegħu, għandha tiġi organizzata fi ħdanha “separazzjoni funzjonali”. Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddefiniet din is-separazzjoni funzjonali bħala li “[t]implika b’mod partikolari [li l-entità inkwistjoni] għandha mezzi amministrattivi u umani tagħha stess” (sentenza Seaport (NI) et, C‑474/10, EU:C:2011:681, punt 42).
( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet (enfasi tiegħi).
( 47 ) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-20 ta’ Marzu 2002, dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 95/93” (ĠU C 125, p. 8), punti 4.5.2.1 u 5.2.
( 48 ) Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara l-introduzzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2008, p. 3. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-2008, p. 8, li jindikaw li “[f]id-dawl [... tal-]monitoraġġ, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk hux meħtieġa proposta biex temenda r-Regolament”.
( 50 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-2008, punt 1, p. 4 : “[g]ħalhekk, il-koordinatur għadu jżomm kontijiet u baġits separati u ma jiddependix għal finanzjament ta’ l-attivitajiet tiegħu fuq il-korp li jmexxi l-ajruport biss, jew il-fornitur ta’ servizz jew it-trasportatur ta’ l-ajruport uniku” (enfasi tiegħi).
( 51 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Unjoni Ewropea (Riformulazzjoni) tal-1 ta’ Diċembru 2011 [COM(2011) 827 finali]. Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi subparagrafu ġdid fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 95/93, kif emendat, [li sar l‑Artikolu 5(3)(ċ)]:
“Il-finanzjament previst fil-punt c) hu żgurat mit-trasportaturi bl-ajru li joperaw fl-ajruporti kordinati u permezz tal-ajruporti, b'mod li jiżguraw distribuzzjoni ugwali tal-piż finanzjarju bejn il-partijiet interessati kollha u li jevitaw li l-finanzjament ikun jiddependi l-aktar fuq parti waħda interessata. L-Istati Membri jiżguraw li l-kordinatur ikollu b'mod permanenti r-riżorsi meħtieġa, kemm finanzjarji kemm umani, tekniċi u materjali, kif ukoll l-għarfien espert biex iwettaq għal kollox l-attivitajiet tiegħu”.
( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil‑Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2012:528, punt 60 u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑556/10, EU:C:2013:116, punt 62.
( 53 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑625/10, EU:C:2013:243, punt 67.
( 54 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Id-deċiżjoni li ANA tiġi pprivatizzata kienet adottata fit-28 ta’ Diċembru 2012 u l-opinjoni motivata fil-25 ta’ Jannar 2013. Ara l-punti 15 u 20 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
( 56 ) Skont il-Kummissjoni, it-trasferiment seħħ fil-21 ta’ Frar 2013.