KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2015 ( 1 )

Kawża C‑177/14

María José Regojo Dans

vs

Consejo de Estado

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat bejn CES, UNICE u CEEP — Settur pubbliku — Persunal awżiljarju — Klawżola 2(1) — Klawżola 3(1) — Klassifikazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat — Klawżola 3(2) — Kunċett ta’ xogħol identiku jew simili — Natura partikolari tal-kompiti — Paragun imwettaq skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali — Klawżola 4 — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Raġunijiet oġġettivi”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li toriġina mit-Tribunal Supremo (Spanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat”) ( 2 ). Dan it-test li, fis-segwitu għall-Kunsill Ewropew straordinarju tal-Lussemburgu, ifittex li jitwettaq “bilanċ aħjar bejn “flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall-ħaddiema” ( 3 ), għandu żewġ għanijiet: minn naħa, huwa jipprevedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri intiżi li jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mit-tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat ( 4 ); min-naħa l-oħra, huwa jeħtieġ li l-ħaddiema għal żmien determinat ma jkunux ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli.

2. 

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan it-tieni għan. Hija, b’mod partikolari, imsejħa tinterpreta l-kunċett ta’ “[l-]istess xogħol jew xogħol/impjieg simili [xogħol/impjieg identiku jew simili]”, li jikkaratterizza l-ħaddiem għal żmien indeterminat “kumparabbli [paragunabbli]” għall-ħaddiem għal żmien determinat li jirrivendika l-benefiċċju tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, kif ukoll sabiex tiddeċiedi dwar il-karatterizzazzjoni tal-“bażi oġġettiva [raġunijiet oġġettivi]” li jistgħu jiġġustifikaw l-inugwaljanza fit-trattament.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu: huwa japplika “għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”.

4.

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tiddefinixxi l-ħaddiem għal żmien determinat u l-ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli. Skont l-ewwel punt tiegħu, “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” fis-sens tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat huwa l-“persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”. Skont it-tieni punt tiegħu, “ħaddiem kumparabbli permanenti [ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli]” skont il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, huwa l-ħaddiem li, minn naħa, għandu kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat “fl-istess stabbiliment”, minn naħa l-oħra, huwa ingaġġat “fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili [f’xogħol/impjieg identiku jew simili], wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet”. Il-klawżola 3(2) tispeċifika li meta ma jkun hemm ebda ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli fl-istess stabbiliment, “il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika”.

5.

Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tistabbilixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli. L-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi li “[f]ejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [ħaddiema għal żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti [ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli] biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva [minn raġunijiet oġġettivi]”. Il-punt 4 tiegħu jispeċifika li “[k]walifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss [ħaddiema għal żmien determinat] kif ukoll għal ħaddiema permanenti [ħaddiema għal żmien indeterminat] ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi [minn raġunijiet oġġettivi]”.

B – Id-dritt nazzjonali

6.

L-Artikolu 8 tal-Liġi dwar ir-regolamenti bażiċi relatati mal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku (Ley 7/2007 del Estatuto Básico del Empleado Público), tat-12 ta’ April 2007 ( 5 ) (iktar ’il quddiem “LEBEP”), jiddefinixxi l-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku bħala “l-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet remunerati fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fis-servizz tal-interess ġenerali”. Huwa jispeċifika li jeżistu erba’ tipi ta’ membri tal-persunal fis-servizz pubbliku: l-“uffiċjali stabbiliti”, l-“uffiċjali temporanji”, il-“membri tal-persunal bil-kuntratt” (li jistgħu jkunu għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat) u l-“persunal awżiljarju” ( 6 ).

7.

L-Artikolu 9(1) tal-LEBEP jipprovdi li “l-uffiċjali stabbiliti huma l-persuni indikati mil-liġi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika bis-saħħa ta’ relazzjoni statutorja rregolata mid-dritt amministrattiv, sabiex iwettqu servizzi professjonali permanenti mħallsin”. L-Artikolu 9(2) tal-LEBEP jipprovdi li “fi kwalunkwe każ, l-eżerċizzju tal-funzjonijiet li jinvolvi l-partiċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika jew fis-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqa’ esklużivament f’idejn l-uffiċjali, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi ta’ implementazzjoni ta’ kull amministrazzjoni pubblika”.

8.

L-Artikolu 12(1) tal-LEBEP jipprovdi li “jikkostitwixxu persunal awżiljarju l-persuni li, bis-saħħa tal-ħatra tagħhom u b’mod mhux permanenti, iwettqu biss funzjonijiet espressament ikklassifikati bħala funzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali u huma mħallsa abbażi tal-approprjazzjonijiet baġitarji allokati għal dan il-għan”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “l-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet”. Fi kwalunkwe każ, it-terminazzjoni għandha sseħħ fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir. Il-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu jindika li “r-regoli ġenerali li japplikaw għall-uffiċjali stabbiliti japplikaw għall-persunal awżiljarju sa fejn huma adegwati għan-natura tas-sitwazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali”.

9.

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-LEBEP, fit-13 ta’ Mejju 2007, ir-regoli applikabbli għall-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku kienu jinsabu fil-Liġi dwar is-servizz pubbliku ċivili (Ley articulada de Funcionarios del Estado), adottata permezz tad-Digriet 315/1964, tas-7 ta’ Frar 1964 ( 7 ) (iktar ’il quddiem l-“LFCE”), u fil-Liġi 30/1984 dwar miżuri għar-riforma tas-servizz pubbliku (Ley de Medidas para la Reforma de la Función Pública), tat-2 ta’ Awwissu 1984 ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 30/1984”). L-Artikolu 3 tal-LFCE kien jiddistingwi bejn uffiċjali stabbiliti u membri tal-persunal bil-kuntratt, dawn tal-aħħar setgħu jkunu, jew uffiċjali awżiljarji jew uffiċjali temporanji. L-Artikolu 4 tal-LFCE jipprovdi li “huwa uffiċjal stabbilit kull minn, wara li jkun ibbenefika minn ħatra ġuridika, jeżerċita l-funzjonijiet ta’ natura permanenti, jidher fit-tabella tal-persunal korrispettiva u jirċievi salarju bl-assenjazzjoni ta’ tali inkarigu lis-Servizz Finanzjarju għall-Persunal tal-Baġit Ġenerali tal-Istat”. Fir-rigward tal-persunal awżiljarju, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tal-Liġi 30/1984 jipprovdi li huwa “jeżerċita biss funzjonijiet espressament ikklassifikati bħala funzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ parir speċjali; il-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet u jaqgħu esklużivament taħt il-Ministeri u s-Segretarji tal-Istat u, fil-każ ineżami, taħt il-Konsulent tal-Gvern tal-Komunitajiet awtonomi u tal-Presidenti tal-Kunsilli Lokali. Il-ħatra tal-persunal awżiljarju tiġi awtomatikament terminata fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir”.

10.

Fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku, l-Artikolu 23 tal-LEBEP jirrigwarda r-“remunerazzjoni bażika” tal-uffiċjali stabbiliti. Huwa jiddisponi li din tinkludi, minn naħa, “is-salarju previst għal kull sottogrupp fil-klassifika professjonali jew, fl-assenza tas-sottogrupp, għal kull grupp fil-klassifika professjonali”, min-naħa l-oħra “l-allowances li jingħataw kull tliet snin, li jikkonsistu f’ammont fiss, għal kull sottogrupp fil-klassifika professjonali, jew, fl-assenza ta’ sottogrupp, għal kull grupp fil-klassifika professjonali, għal kull perijodu ta’ tliet snin ta’ servizz”.

11.

Ir-remunerazzjoni tal-persunal awżiljarju hija rregolata mil-liġijiet finanzjarji. Il-Liġi Finanzjarja l-iktar reċenti applikabbli għall-perijodi kkontestati hija l-Liġi 2/2012 tad-29 ta’ Ġunju 2012 ( 9 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja tal-2012”) ( 10 ). L-Artikolu 26(4) tiegħu jiddisponi li “l-persunal awżiljarju jirċievi r-remunerazzjonijiet bħala salarju u bħala tat-tlettax-il xahar u erbatax-il xahar korrispondenti għall-grupp jew għas-sottogrupp fil-klassifika fejn il-Ministeru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidra l-funzjonijiet tagħhom kif ukoll ir-remunerazzjonijiet komplementari korrispondenti għall-post tax-xogħol irriżervat għall-persunal awżiljarju li jokkupawhom […]. L-uffiċjali stabbiliti li, f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv jew ta’ kollokament, jokkupaw postijiet tax-xogħol irriżervati għall-persunal awżiljarju jirċievu r-remunerazzjonijiet bażiċi li jikkorrispondu għall-grupp tagħhom jew għas-sottogrupp tagħhom fil-klassifika, inkluż l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin, fil-każ ineżami, kif ukoll ir-remunerazzjonijiet komplementari korrispondenti għall-post tax-xogħol okkupat”.

II – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.

M. J. Regojo hija impjegata bħala persunal awżiljarju mill-Consejo de Estado mill-1 ta’ Marzu 1996. Hija hemmhekk tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap tas-segretarjat tal-konsulent permanenti President tat-tieni taqsima. Qabel hija kienet impjegata, ukoll bħala persunal awżiljarju, mit-Tribunal Constitucional, mill-4 ta’ Lulju 1980 sal-1 ta’ Marzu 1996, b’interruzzjoni qasira mis-7 sas-26 ta’ April 1995, fejn matul tali interruzzjoni hija ħadmet, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, mal-Consejo Económico y Social.

13.

Fil-25 ta’ Jannar 2012, M. J. Regojo Dans ressqet talba quddiem il-Consejo de Estado sabiex jiġi rikonoxxut lilha d-dritt li tirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin li jikkorrispondu għall-perijodu li matulu hija kienet impjegata bħala membru tal-persunal fis-servizz pubbliku, jiġifieri 31 sena u nofs fid-data ta’ meta ġiet ippreżentata t-talba, u sabiex jingħatalha l-ammont li jikkorrispondi għall-aħħar erba’ snin.

14.

Permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2012, il-President tal-Consejo de Estado ċaħad it-talba tagħha.

15.

M. J. Regojo Dans ippreżentat rikors kontenzjuż amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li r-rifjut milli jingħatalha d-dritt għall-allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin jikkostitwixxi differenza fit-trattament mill-membri l-oħra tal-persunal fis-servizz pubbliku, u li tali differenza fit-trattament tmur kontra l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

16.

It-Tribunal Supremo għaldaqstant iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill Qorti tal Ġustizzja:

“1)

Il-‘persunal awżiljarju’ attwalment irregolat mill-Artikolu 12 tal-[LEBEP] [...] u l-‘persunal awżiljarju’ preċedentement irregolat mill-Artikolu 20(2) tal-Liġi 30/184 [...], jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ ‘ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]’ li tinsab fil-klawżola 3(1) tal-[Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat]?

2)

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fil-klawżola 4(4) tal-imsemmi [Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat] huwa applikabbli fir-rigward ta’ dan il-‘persunal awżiljarju’, sabiex dan jingħatalu d-dritt li jirċievi u jitħallsulu r-remunerazzjonijiet imħallsa abbażi tal-anzjanità lill-uffiċjali pubbliċi [stabbiliti], lill-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat, lill-uffiċjali temporanji u lill-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat?

3)

Is-sistema ta’ ħatra libera u ta’ terminazzjoni libera, ibbażata fuq raġunijiet relatati mal-fiduċja, li tapplika fir-rigward ta’ dan il-‘persunal [awżiljarju]’ bis-saħħa taż-żewġ liġijiet Spanjoli ċċitati iktar ’il fuq, taqa’ taħt ir-raġunijiet oġġettivi invokati minn din il-klawżola 4 sabiex jiġi ġġustifikat trattament differenti?”

17.

Dawn id-domandi kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub mingħand M. J. Regojo Dans, mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

III – Analiżi ġuridika

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

18.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ħaddiem li jeżerċita “funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali” għandux jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

19.

Jidhirli li din id-domanda tkopri żewġ kwistjonijiet. Waħda minnhom tirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-persunal awżiljarju bħala “ħaddiem”, filwaqt li l-kwistjoni l-oħra tirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-ħaddiem “għal żmien determinat” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

1. Fuq il-klassifikazzjoni ta’ “ħaddiem”

20.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-persunal awżiljarju jista’ biss jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat jekk jissodisfa waħda jew iktar mit-tliet kriterji segwenti: attività li tista’ titqies li hija professjoni fis-settur privat, rabta ta’ subordinazzjoni u remunerazzjoni li tikkostitwixxi mezz ta’ manteniment għalih ( 11 ).

21.

Issa, la l-klawżola 3(1) u lanqas il-klawżoli l-oħra tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ma jagħtu definizzjoni ta’ “ħaddiem”. Fil-fatt, il-klawżola 2(1) ta’ dan il-Ftehim qafas tipprovdi li l-“kuntratt ta’ impjieg jew [ir-]relazzjoni ta’ impjieg” huwa “definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 tispeċifika li “fejn għandhom x’jaqsmu t-termini użati fil-Ftehim qafas [dwar ix-xogħol għal żmien determinat] imma mhux speċifikament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex jiddefinixxu dawn it-termini f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali”. Fis-sentenza Sibilio, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta saritilha d-domanda dwar il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni bejn ħaddiema soċjalment utli u l-amministrazzjoni Taljana, iddeċidiet li “huma l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali li għandhom jagħtu definizzjoni dwar dak li jikkostitwixxi kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg li jaqa’ taħt il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konformement mal-klawżola 2(1) tiegħu” ( 12 ). Hija l-qorti tar-rinviju, l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ( 13 ), li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ “ħaddiem” tal-persunal awżiljarju.

22.

Il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni ta’ impjieg għandha eċċezzjoni waħda biss: ma tistax, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza Sibilio, arbitrarjament tiġi eskluża kategorija ta’ persuni milli tibbenefika mill-protezzjoni offerta mid-Direttiva 1999/70 u mill-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ( 14 ). Fil-fatt, il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 tispeċifika li l-Istati Membri jiddefinixxu t-termini li ma ġewx iddefiniti minn dan il-Ftehim qafas, sakemm id-definizzjonijiet inkwistjoni jirrispettaw il-kontenut tal-imsemmi Ftehim qafas. Id-definizzjoni mid-dritt intern tal-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni ta’ impjieg ma tistax għalhekk tippreġudika l-għanijiet u l-effettività tal-istess Ftehim qafas. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu lill-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku mill-benefiċċju tal-protezzjoni tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat: “id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘ħaddiema għal terminu fiss’ skont il-Ftehim qafas [dwar ix-xogħol għal żmien determinat], mogħtija fil-klawżola 3(1) tiegħu, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li tħaddem li magħha huma marbutin” ( 15 ). Bl-istess mod, fis-sentenza Sibilio, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-Repubblika Taljana ma setgħetx tqis klassifikazzjoni formali minbarra dik tar-“relazzjoni ta’ xogħol” meta “din il-klassifikazzjoni formali hija biss fittizja, u b’dan il-mod tkun qed taħbi fir-realtà relazzjoni ta’ xogħol fis-sens [tad-]dritt [Taljan]” ( 16 ). Fis-sentenza O’Brien, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar ir-relazzjoni li torbot lill-qrati part-time mal-amministrazzjoni Irlandiża, hija tqis li l-Irlanda setgħat biss tirrifjuta li tikklassifika din bħala relazzjoni ta’ xogħol “jekk in-natura tar-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni hija sostanzjalment differenti minn dik li torbot mal-persuni li jimpjegawhom, l-impjegati li skont id-dritt nazzjonali jaqgħu taħt il-kategorija tal-ħaddiema” ( 17 ). Sabiex isir paragun tajjeb, il-qorti tar-rinviju kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet tal-ħatra u tat-tneħħija tal-imħallfin, il-mod ta’ organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom (ħinijiet, perijodi ta’ xogħol, flessibbiltà) kif ukoll il-fatt li kellhom dritt għall-benefiċċji soċjali (allowance għall-mard, allowance ta’ maternità jew paternità) ( 18 ).

23.

Fi kliem ieħor, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, ma tagħtix definizzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, hija madankollu teħtieġ li tali definizzjoni ma tiġix applikata arbitrarjament: hija teħtieġ li l-kriterji tar-“relazzjoni ta’ xogħol”, kif definiti mid-dritt nazzjonali applikabbli, jiġu applikati bl-istess mod lill-persuni kollha li jirrivendikaw il-protezzjoni ta’ dan il-Ftehim qafas ( 19 ).

24.

Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li, għalkemm huma l-Istat Membri li għandhom jiddefinixxu l-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni ta’ impjieg, hija għandha tiżġura li tali definizzjoni ma twassalx għall-esklużjoni arbitrarja ta’ kategorija ta’ persuni, fil-każ ineżami, dik tal-persunal awżiljarju, mill-benefiċċju tal-protezzjoni offerta mid-Direttiva 1999/70 u mill-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Il-persunal awżiljarju għandu fil-fatt tingħatalu tali protezzjoni peress li n-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-amministrazzjoni pubblika ma hijiex sostanzjalment differenti milli dik li torbot lill-persuni li jimpjegaw mal-persuni li jaqgħu, skont id-dritt Spanjol, fil-kategorija tal-ħaddiema.

25.

Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-persunal awżiljarju ma jistax jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat minħabba l-istatus tiegħu ta’ membru tal-persunal fis-servizz pubbliku ( 20 ).

26.

Huwa, minn naħa l-oħra, jista’ jiġi eskluż fil-każ li r-relazzjoni tiegħu mal-amministrazzjoni pubblika hija sostanzjalment differenti mir-relazzjoni li torbot mal-persuni li jimpjegaw il-ħaddiema kklassifikati bħala tali mid-dritt Spanjol. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-Artikolu 9(1) tal-LEBEP, l-uffiċjali stabbiliti huma marbuta mal-amministrazzjoni pubblika permezz ta’ “relazzjoni statutorja rregolata mid-dritt amministrattiv, sabiex iwettqu servizzi professjonali permanenti mħallsin” ( 21 ). Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-relazzjoni tal-persunal awżiljarju mal-amministrazzjoni pubblika hijiex sostanzjalment differenti minn dik deskritta fl-Artikolu 9(1) tal-LEBEP.

27.

Madankollu, ma narax l-għala l-klassifikazzjoni ġenerali ta’ “funzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali” ma tkoprix l-eżerċizzju tas-“servizzi professjonali”, u tali jidher li huwa l-parir tal-qorti tar-rinviju. Nosserva wkoll li l-Artikolu 26(4) tal-Liġi Finanzjarja tal-2012 tipprovdi li “l-persunal awżiljarju jirċievi r-remunerazzjonijiet bħala salarju [...] korrispondenti għall-grupp jew għas-sottogrupp fil-klassifika fejn il-Ministeru għall-Finanzi u għall-Amministrazzjonijiet pubbliċi jikkunsidraw il-funzjonijiet tagħhom [...]”: is-salarju bażiku tal-persunal awżiljarju huwa għalhekk identiku għal dak tal-uffiċjali stabbiliti kklassifikati fl-istess grupp. Fir-rigward tal-modalitajiet tal-ħatra u tat-terminazzjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza O’Brien, issemmihom bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata d-differenza sostanzjali, jidhirli li dawn ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, il-modalitajiet ta’ terminazzjoni huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persunal awżiljarju huwiex ħaddiem “għal żmien determinat” u mhux jekk huwiex “ħaddiem”; f’dan ir-rigward, infakkar, li s-sentenza O’Brien ingħatat sabiex tinterpreta l-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, u mhux il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ ħatra, ċertament differenti peress li l-persunal awżiljarju, għal kuntrarju tal-uffiċjali stabbiliti, ma huwiex reklutat permezz ta’ kompetizzjoni, jidhirli li dawn ma humiex determinati peress li l-persunal awżiljarju jwettaq servizzi simili għal dawk tal-uffiċjali stabbiliti u li r-remunerazzjoni tiegħu hija simili għal tagħhom.

28.

Issa ser ngħaddi biex neżamina t-tieni element tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, jiġifieri, l-“aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg” [it-tmiem tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol]. Għal kuntrarju tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, il-kunċett dwar l-“aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg” huwa ddefinit minn dan il-Ftehim qafas.

2. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ħaddiem “għal terminu fiss” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat

29.

Il-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tiddefinixxi l-ħaddiem għal żmien determinat bħala l-ħaddiem marbut mal-persuna li timpjegah permezz tal-kuntratt jew tar-relazzjoni tal-impjieg fejn “l-aħħar […] hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”.

30.

Fil-każ ineżami, ir-relazzjoni ta’ impjieg tal-persunal awżiljarju tista’ tintemm f’żewġ każijiet: awtomatikament, meta tiġi tterminata l-pożizzjoni tas-superjur ġerarkiku, u fuq bażi diskrezzjonali, meta s-superjur ġerarkiku jiddeċiedi b’dan il-mod (din tirrigwarda, skont l-espressjoni tal-Gvern Taljan, it-terminazzjoni “ad nutum”). Fil-fatt, l-Artikolu 12(3) tal-LEBEP jipprovdi li “l-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, it-terminazzjoni għandha sseħħ fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir”. Is-sitwazzjoni kienet l-istess taħt il-Liġi 30/1984. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tal-Liġi 30/1984 kien jipprovdi fil-fatt li “l-ħatra u t-terminazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet u jaqgħu esklużivament taħt il-Ministeri u s-Segretarji tal-Istat u, fil-każ ineżami, taħt il-Konsulent tal-Gvern tal-Komunitajiet awtonomi u tal-Presidenti tal-Kunsilli Lokali. Il-ħatra tal-persunal awżiljarju tiġi awtomatikament terminata fl-istess ħin li tintemm l-awtorità li taħtha tiġi eżerċitata l-funzjoni ta’ fiduċja jew ta’ parir”.

31.

Il-klassifikazzjoni tal-persunal awżiljarju bħala ħaddiem “għal żmien determinat” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tqajmet, mhux mill-qorti tar-rinviju, iżda mill-Gvern Spanjol. Madankollu jidhirli li huwa neċessarju li dan il-punt jiġi ttrattatt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet dwar dan il-punt. Dan tal-aħħar, skont ir-rikorrenti, kien ġie diskuss ukoll fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali.

32.

Il-Gvern Spanjol isostni li l-persunal awżiljarju ma jistax jitqies li huwa ħaddiem “għal żmien determinat” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Huwa fil-fatt iqis li l-prinċipju huwa dak tat-terminazzjoni li ma hijiex suġġetta għar-restrizzjonijiet tal-persunal awżiljarju, u li, f’dan il-każ, it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol ma huwiex determinat minn “kundizzjoni oġġettiva” skont din id-dispożizzjoni. Il-fatt li t-terminazzjoni tal-persunal awżiljarju sseħħ, “fi kwalunkwe każ”, awtomatikament, minħabba t-terminazzjoni tal-pożizzjoni tas-superjur ġerarkiku, ma jbiddilx din il-konklużjoni.

33.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tenfasizza li, skont l-Artikolu 12(1) tal-LEBEP, il-persunal awżiljarju jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b’mod mhux permanenti. It-terminazzjoni li ma hijiex suġġetta għar-restrizzjonijiet tkun, bħat-terminazzjoni awtomatika minħabba t-terminazzjoni tal-pożizzjoni tas-superjur ġerarkiku, determinata minn kundizzjonijiet oġġettivi. Fil-fatt, ir-rikorrenti qisha tikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni meħuda mis-superjur ġerarkiku tikkostitwixxi fiha nnifisha “kundizzjoni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

34.

Ma naqbilx mar-rikorrenti li tgħid li t-terminazzjoni li ma hijiex suġġetta għar-restrizzjonijiet mis-superjur ġerarkiku, mingħajr ma huwa jkollu għalfejn jipprovdi raġunijiet, hija “determinat[a] b’kondizzjonijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Ċertament, il-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni (“li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”) ma humiex eżawrjenti: fil-fatt, il-klawżola 3(1) tippreċedi din il-lista bil-kelma “bħal”. Madankollu, il-possibbiltà tas-superjur ġerarkiku li jittermina mingħajr restrizzjonijiet il-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-persunal awżiljarju tinkludi l-possibbiltà li dan ma jiġix itterminat: ma huwiex ċert li s-superjur ġerarkiku jiddeċiedi li jipproċedi b’tali terminazzjoni. Konsegwentement, it-terminazzjoni li ma hijiex suġġetta għar-restrizzjonijiet tal-persunal awżiljarju ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, titqies li hija determinata b’“kundizzjoni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-imsemmi Ftehim qafas ( 22 ).

35.

Madankollu, it-terminazzjoni tal-pożizzjoni tas-superjur ġerarkiku tikkostitwixxi, fiha nnifisha, kundizzjoni oġġettiva li awtomatikament tinvolvi terminazzjoni tal-persunal awżiljarju. Peress li waħda miż-żewġ każijiet għal terminazzjoni previsti fid-dritt Spanjol tista’ titqies li tiddetermina l-“aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg” [it-tmiem tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol] fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, il-persunal awżiljarju għandu jiġi kklassifikat bħala ħaddiem “għal żmien determinat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-leġiżlatur Spanjol jenfasizza huwa stess in-natura aċċessorja tat-terminazzjoni li ma hijiex suġġetta għar-restrizzjonijiet mis-superjur ġerarkiku, peress li l-Artikolu 12(3) tal-LEBEP jipprovdi li t-terminazzjoni sseħħ fi kwalunkwe każ minħabba t-terminazzjoni tal-pożizzjoni tas-superjur ġerarkiku. Il-possibbiltà ta’ terminazzjoni li ma hijiex suġġetta għar-restrizzjonijiet jidhirli li hija, barra minn hekk, wisq improbabbli fil-każ ineżami, peress li ma seħħitx fis-sittax-il sena li r-rikorrenti ħadmet mal-Consejo de Estado.

36.

Wara li eżaminajt iktar ’il fuq l-applikabbiltà tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għall-persunal awżiljarju, issa ser nivverifika jekk ir-rikorrenti hijiex ittrattata b’mod inqas favorevoli li huwa pprojbit mill-klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas.

B – Fuq it-tieni domanda preliminari

37.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4(4) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persunal awżiljarju ma jistax jiġi mċaħħad l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin lill-“uffiċjali stabbiliti”, lill-“uffiċjali temporanji” u lill-membri tal-persunal bil-kuntratt li jistgħu jkunu għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat.

38.

Issa, huwa, jidhirli jien, fir-rigward tal-klawżola 4(1) tal-imsemmi Ftehim qafas, iktar milli tal-klawżola 4(4) tiegħu, li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rifjut tal-leġiżlatur Spanjol milli jagħti lill-persunal awżiljarju l-allowance kkontestata jikkostitwixxix diskriminazzjoni. Fil-fatt, dan il-punt 4 jistabbilixxi l-istess projbizzjoni bħall-ewwel punt ( 23 ), iżda huwa jirrigwarda l-“kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg” filwaqt li l-punt 1 jirrigwarda, b’mod ġenerali, il-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”. Issa, allowance ma hijiex kwalifika ta’ servizz [kriterju ta’ anzjanità]. Il-persunal awżiljarju huwa mċaħħad mill-allowance kkontestata, mhux meta jkollu anzjanità insuffiċjenti, iżda għaliex mhux ikklassifikat bħala uffiċjal stabbilit. Barra minn hekk, fl-erba’ kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat is-suġġett tal-allowance ta’ anzjanità, hija wettqet eżami fid-dawl tal-klawżola 4(1) tal-imsemmi Ftehim qafas ( 24 ).

39.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li japplika [l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni] għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex ma jippermettix li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tiġi użata mill-persuna li timpjega biex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat” ( 25 ). Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni jeħtieġ li s-sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti sakemm dik id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata ( 26 ). L-ewwel nett għaldaqstant ser neżamina jekk il-persunal awżiljarju jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ uffiċjal stabbilit jew temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt, it-tieni nett, jekk hemmx differenza fit-trattament. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jien neżamina, fil-kuntest tar-risposta għat-tielet domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju, jekk tali differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata “fuq bażi oġġettiva” [b’raġunijiet oġġettivi] fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

1. Fuq il-kompatibbiltà tas-sitwazzjonijiet

40.

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tipprojbixxi t-trattament inqas favorevoli tal-ħaddiem għal żmien determinat minn ħaddiem kumparabbli permanenti. Il-klawżola 3(1) ta’ dan il-Ftehim qafas tiddefinixxi “ħaddiem kumparabbli permanenti” bħala “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet”. Hija tispeċifika li, “[m]eta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika”.

41.

Id-definizzjoni tal-ħaddiem “kumparabbli” għal żmien indeterminat tinkludi, fl-opinjoni tiegħi, żewġ problemi, li ser neżamina suċċessivament jiġifieri fiex jikkonsisti xogħol “l-istess jew simili” u f”liema qafas għandu wieħed ifittex lil ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli jekk ma jeżistix tali ħaddiem fl-istess stabbiliment (fil-każ ineżami l-Consejo de Estado).

a) Fuq xogħol “l-istess jew simili” fis-sens tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat

42.

L-evalwazzjoni tal-karattru “l-istess jew simili” tax-xogħol li jsir mill-ħaddiem għal żmien determinat li jqis ruħu ddiskriminat u mill-ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli bħala prinċipju għandha ssir mill-qorti tar-rinviju ( 27 ). Madankollu, dan ma jfixkilx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju kriterji sabiex jgħinuha fl-evalwazzjoni tagħha ( 28 ). Hija għalhekk indikat li, “sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jagħmlux l-istess xogħol jew xogħol simili, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-ħaddiema, fid-dawl tal-fatturi kollha, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, jistgħux jiġu kkunsidrati li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli” ( 29 ).

43.

Fiex jikkonsistu eżattament in-“natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol”?

44.

Fid-digriet Montoya Medina, il-Qorti tal-Ġustizzja tapprova l-analizi tal-qorti tar-rinviju, li kienet ibbażata fuq “eżami tal-istatus legali tal-professuri universitarji għal żmien indeterminat u tal-professuri universitarji għal żmien determinat” sabiex tosserva li “dawn iż-żewġ status jippreżupponu l-istess kwalifiki akkademiċi — peress li l-pussess ta’ dottorat huwa meħtieġ fiż-żewġ każijiet —, esperjenza professjonali simili — tliet snin f’każ minnhom u sentejn fl-ieħor —, u l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ta’ tagħlim u ta’ riċerka” ( 30 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtieġx li l-qorti tar-rinviju tipproċedi għal eżami fil-fond tar-rwoli tal-professuri universitarji għal żmien determinat u għal żmien indeterminat (pereżempju, li tivverifika jekk dawn jgħallmux suġġett wieħed jew iktar, f’liema livell huma jgħallmu, jekk jissuperviżjonawx teżijiet) jew tat-taħriġ tagħhom (pereżempju, kemm-il sena ta’ esperjenza huma effettivament għandhom) ( 31 ).

45.

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza O’Brien, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet eżami iktar fil-fond tax-xogħol imwettaq mill-ħaddiema rilevanti. Hija tosserva li ġie ppreċiżat mill-partijiet, matul is-seduta li x-xogħol tal-imħallfin part-time u tal-imħallfin full-time huwa identiku, li jiġi eżerċitat fl-istess qrati u matul l-istess seduti ( 32 ). B’approċċ differenti għal dak li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Montoya Medina, hija hawnhekk għalhekk ma hijiex kuntenta li tagħmel biss eżerċizzju sempliċi tal-istess professjoni (dik ta’ maġistrat). Peress li ġie osservat li r-rekwiżiti previsti fil-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat dwar ix-xogħol part-time huma bbażati fuq “il-kontenut tal-attività”, hija ssodisfatta, billi tikkunsidra l-qrati u s-seduti fejn issir tali attività, li għandha l-istess “kontenut” ( 33 ).

46.

Issa, huwa f’sentenza li tinterpreta l-Artikolu 157(1) TFUE, li l-Qorti tal-Ġustizzja għal l-ewwel darba għamlet riferiment għan-“natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol” ( 34 ). L-Artikolu 157(1) TFUE, jipprovdi fil-fatt għall-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili “għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali”. Barra minn hekk, id-digriet Montoya Medina, meta huwa jistabbilixxi li s-sitwazzjonijiet għandhom jiġu pparagunati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn it-tliet fatturi, jagħmel riferiment għas-sentenza Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse ( 35 ), li tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 157(1) TFUE ( 36 ). Għalhekk jidhirli li huwa rilevanti li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza rigward dan l-artikolu, iktar u iktar li s-sentenzi li jinterpretaw il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat fejn il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina x-“xogħol” tal-ħaddiema rilevanti huma vera ftit ( 37 ).

47.

Fis-sentenza Brunnhofer, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ rikorrenti li, kienet responsabbli, fi ħdan bank Awstrijak, li tivverifika self minn dipartiment “barrani”, u li tallega li ġarrbet diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija sostniet li s-sitwazzjoni tagħha kienet paragrunabbli għal dik ta’ kollega maskili li kien jaħdem għall-istess bank u li kien ikklassifikat fl-istess kategorija professjonali tal-ftehim kollettiv applikabbli, kategorija li kienet tkopri lill-impjegati li kellhom taħriġ bankarju u li kienu jwettqu b’mod indipendenti xogħol ikkwalifikat. Il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju sabiex tevalwa jekk ir-rikorrenti u l-kollega maskili tagħha, li miegħu qed isir il-paragun, wettqux xogħol paragunabbli, minkejja l-fatt li dan tal-aħħar kien inkarigat li jieħu ħsieb il-klijenti importanti u għal dan il-għan kellu s-setgħa kummerċjali, filwaqt li Brunnhofer, li kienet tivverifika s-self, kellha inqas kuntatt mal-klijenti u ma setgħetx tidħol f’impjenji li jorbtu direttament lill-persuna li timpjegaha ( 38 ). Huwa ċar, li l-Qorti tal-Ġustizzja, ma teskludix li l-ħaddiema rilevanti, minkejja l-eżerċizzju tal-istess professjoni (dik tal-impjegati f’bank), ma jwettqux l-istess xogħol: jidhirli li hija tevalwa dan il-kunċett b’mod restrittiv, peress li hija tieħu inkunsiderazzjoni d-differenza bejn il-funzjonijiet imwettqa (il-verifika tas-self u l-amministrazzjoni tal-portfolio tal-klijent) kif ukoll is-setgħa kummerċjali u l-prerogattivi differenti tal-ħaddiema rilevanti.

48.

Bl-istess mod, fis-sentenza Kenny, il-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li kienet qed tinterpreta l-kunċett “l-istess xogħol” b’mod restrittiv. F’din il-kawża, uffiċjali tal-Ministeru għall-Ġustizzja Irlandiża allegaw li kienu ġarrbu diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, minħabba l-fatt li kellhom salarju inferjuri għal dak tal-kollegi tagħhom maskili li kienu uffiċjali, mhux tal-Ministeru għall-Ġustizzja, iżda fil-pulizija, u kellhom iwettqu l-istess funzjonijiet, li kienu funzjonijiet amministrattivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-differenza fil-kwalifiki professjonali bejn l-uffiċjali tal-Ministeru għall-Ġustizzja u tal-Pulizija, u min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li wħud mill-pulizija li kellhom iwettqu funzjonijiet amministrattivi kellhom ukoll iwettqu funzjonijiet oħra, ta’ natura operazzjonali, bħal pereżempju l-komunikazzjoni mal-Europol u mal-Interpol, u li dawn il-pulizija kollha setgħu, bħala eċċezzjoni, jiġu msejħa jaħdmu fuq il-post minħabba l-bżonnijiet operazzjonali ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma teskludix li l-ħaddiema rilevanti, minkejja l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet komuni identiċi (il-funzjonijiet amministrattivi), ma jeżerċitawx l-istess xogħol: hija tevalwa l-kunċett b’mod restrittiv, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju tal-funzjonijiet l-oħra li huma differenti (il-funzjonijiet tal-pulizija). Huwa minnu li s-soluzzjoni tal-qorti tar-rinviju tista’ tiddependi, fil-kawża Kenny, mill-proporzjon bejn il-funzjonijiet amministrattivi u l-funzjonijiet tal-pulizija li jitwettqu mill-membri tal-pulizija rilevanti ( 40 ).

49.

F’din il-kawża, jidhirli, li huwa l-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Montoya Medina li huwa xieraq li jiġi segwit, iktar milli dak adottat fis-sentenzi O’Brien, Brunnhofer u Kenny: il-kunċett ta’ xogħol “l-istess jew simili”, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat b’mod wiesa’, li ma jirrikjedix eżami tal-funzjonijiet imwettqa mill-ħaddiema rilevanti.

50.

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita rigward il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, “[f]id-dawl tal-għanijiet imfittxija minn [dan] il-Ftehim qafas, il-Klawżola 4 tiegħu [...] għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv” ( 41 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ipprovdiet interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett “kundizzjonijiet tal-impjieg” imsemmi fil-klawżola 4(1) tal-imsemmi Ftehim qafas: hija ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex tiddetermina jekk miżura tikkostitwixxix kundizzjoni tal-impjieg kien preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah ( 42 ). Hija minn dan iddeduċiet li kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet tal-impjieg allowance ta’ anzjanità ( 43 ), pensjoni (meta hija tiddependi mir-relazzjoni tal-impjieg u ma tirriżultax minn sistema legali ta’ sigurtà soċjali) ( 44 ), il-kumpens għall-użu illegali ta’ kuntratt għal żmien determinat ( 45 ) u t-terminu ta’ avviż minn qabel għar-rexissjoni tal-kuntratti għal żmien determinat ( 46 ). Hija b’mod partikolari osservat, fis-sentenza Nierodzik, li interpretazzjoni tal-Klawżola 4(1), li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat, twassal sabiex tnaqqas, għad-detriment tal-għan assenjat lill-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjonijiet ( 47 ). Konstatazzjoni simili tista’ ssir, jidhirli, fir-rigward tal-kunċett ta’ xogħol “l-istess jew simili”, li t-twettiq tiegħu jiddefinixxi lill-“ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli” msemmi fil-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat: interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli” il-ħaddiem għal żmien indeterminat li ma jwettaqx eżattament l-istess funzjonijiet, twassal sabiex tnaqqas, għad-detriment tal-għan tal-klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Tali interpretazzjoni ċċaħħad lil ħaddiem għal żmien determinat li jħossu ddiskriminat meta pparagunat ma’ ħaddiem ta’ riferiment peress li l-funzjonijiet imwettqa ma humiex eżattament l-istess.

51.

Jidhirli li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ xogħol “l-istess jew simili” għandu wkoll din il-konsegwenza li t-twettiq tat-tieni attività, li hija diversa mill-attività komuni, ma jippermettix li jwassal għall-assenza ta’ tali xogħol, peress li din it-tieni attività tirrappreżenta biss attività aċċessorja, jiġifieri li l-ħaddiem rilevanti jqatta’ inqas ħin milli fl-attività komuni. Bl-istess mod, it-twettiq remotament possibbli tat-tieni attività, diversa mill-attività komuni, ma jippermettix, fl-opinjoni tiegħi, li jwassal għall-assenza ta’ xogħol l-istess jew simili. Tali soluzzjoni taqbel mas-sentenza O’Brien, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma jistax [...] jiġi argumentat li l-imħallfin full-time u l-[imħallfin part-time] ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli minħabba li dawn għandhom karrieri differenti, dan billi dawn tal-aħħar għandhom dejjem il-possibbiltà li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ avukat. Fil-fatt, l-iktar fattur importanti huwa li essenzjalment dawn jeżerċitaw l-istess attività” ( 48 ).

52.

Il-funzjonijiet imwettqa xorta għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, huma ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeterminaw jekk il-ħaddiem għal żmien determinat iwettaqx xogħol l-istess jew simili għal dak tal-ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli, iżda sabiex jiġi vverifikat jekk l-inugwaljanza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġuni oġġettiva. Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tipprovdi fil-fatt raġunament maqsum fi tnejn: l-ewwel nett, dan jirrigwarda eżami dwar jekk il-ħaddiem għal żmien determinat rilevanti huwiex, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni tal-impjieg, ittrattat b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli, u t-tieni nett, dan jirrigwarda verifika dwar jekk tali inugwaljanza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġuni oġġettiva.

53.

F’dan ir-rigward nosserva li, għalkemm fil-kuntest tal-eżami tal-inugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi, kif diġà rajna, għan-“natura tax-xogħol” ( 49 ) , fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni tal-inugwaljanza fit-trattament, hija tirreferi għan-“natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u [mill-]karatteristiċi intrinsiċi għalihom” ( 50 ): l-użu tat-termini differenti (ix-“xogħol” u l-“kompiti”) jissuġġerixxi li l-eżami tal-inugwaljanza fit-trattament għandu jiġi limitat għal paragun tax-“xogħol”, terminu ġenerali, filwaqt li l-eżami tal-ġustifikazzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-“kompiti” mwettqa, fejn il-karattru “partikolari” huwa enfasizzat. Il-“kompiti” ma għandhomx għaldaqstant jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-inugwaljanza fit-trattament.

54.

Nenfasizza li l-istess element ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni kemm sabiex tiġi stabbilita, l-ewwel nett, l-inugwaljanza fit-trattament, sussegwentement, it-tieni nett, sabiex tiġġustifikaha. Jekk is-sitwazzjoni tal-ħaddiema rilevanti tqieset li hija paragunabbli, dan ifisser li huma jwettqu xogħol l-istess jew simili fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Konsegwentement, l-inugwaljanza fit-trattament ma tistax sussegwentement tiġi ġġustifikata permezz tan-natura differenti tax-xogħol imwettaq ( 51 ). L-inugwaljanza fit-trattament tista’ biss tiġi ġġustifikata min-natura differenti tax-xogħol imwettaq jekk nagħtu lix-xogħol identiku jew simili kontenut differenti lil kull wieħed miż-żewġ stadji tal-eżami meħtieġ mill-klawżola 4: is-sempliċi “natura tax-xogħol” sabiex tiġi stabbilita l-inugwaljanza fit-trattament, in-“natura partikolari tal-kompiti” sabiex tiġġustifikaha ( 52 ).

55.

Soluzzjoni alternattiva tkun li x-xogħol imwettaq jittieħed biss inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-inugwaljanza fit-trattament: dan it-trattament ikun jista’ biss jiġi ġġustifikat minħabba t-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru ( 53 ), u mhux minħabba n-natura differenti tax-xogħol. F’ċirkustanza bħal din, ikun possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tal-kompiti sabiex tiġi stabbilita l-inugwaljanza fit-trattament. Tali ċirkustanza madankollu ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, konformi mal-għan tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat kif definit fil-klawżola 1(a) tiegħu, jiġifieri, titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Tali għan fil-fatt jirrikjedi, kif rajna iktar ’il fuq, interpretazzjoni wiesgħa tal-klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas. Barra minn hekk, jidhirli li tali huwa l-approċċ magħżul mill-Qorti tal-Ġustizzja: meta hija tinterpreta din il-klawżola 4, huwa fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni li hija tagħmel riferiment għan-natura partikolari tal-kompiti ( 54 ).

56.

Huwa xieraq għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju li, fid-dawl tal-għanijiet tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, il-kunċett ta’ xogħol “l-istess jew simili”, fis-sens tal-klawżola 3(1) ta’ dan il-Ftehim qafas, ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta. In-natura partikolari tal-kompiti mwettqa mill-ħaddiema rilevanti ma għandhiex għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn iwettqux xogħol l-istess jew simili. Min-naħa l-oħra, hija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk l-inugwaljanza fit-trattament hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-imsemmi Ftehim qafas. Bl-stess mod, it-twettiq, effettiv jew sempliċement potenzjali, ta’ attività sekondarja, differenti mill-attività komuni, ma jippermettix li jiġi konkluż li tali xogħol huwa assenti, peress li din l-attività sekondarja hija biss attività aċċessorja, jiġifieri li l-ħaddiem rilevanti jqatta’ inqas ħin f’dan ix-xogħol milli għall-attività komuni.

57.

Fir-rigward tat-taħriġ professjonali, fl-opinjoni tiegħi, huwa għandu biss importanza sekondarja fir-rigward tan-natura tax-xogħol peress li l-għan huwa l-istabbiliment dwar jekk is-sitwazzjonijiet humiex paragunabbli. Fil-fatt jidhirli li kunsiderazzjoni bħal dik li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse hija kontestabbli, li tabib u psikologu ma humiex f’sitwazzjonijiet paragunabbli minħabba l-fatt biss li l-kwalifiki tagħhom huma differenti, meta huma jwettqu eżattament l-istess xogħol ( 55 ). Dan ifisser li, peress li għandhom taħriġ professjonali differenti, ix-xogħol tagħhom huwa fir-realtà differenti, mhux minħabba li għandu għan differenti (l-attività mwettqa kienet l-istess: il-psikoterapija), iżda minħabba li huwa mwettaq b’mod differenti. Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi determinat jekk ix-xogħol huwiex l-istess jew simili, mhux biss tal-għan tax-xogħol, iżda wkoll tal-mod kif dan jitwettaq, ma jidhirlix li huwa konsistenti mal-għan tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li jitlob għal interpretazzjoni wiesgħa tal-klawżola 4(1) tiegħu.

58.

Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tqis ruħha ddiskriminata meta mqabbla mal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku kollha li jibbenefikaw mill-allowance ta’ anzjanità li jingħata kull tliet snin fejn tali benefiċċju ma ngħatax lilha, jiġifieri lill-uffiċjali stabbiliti, lill-uffiċjali temporanji u lill-membri tal-persunal bil-kuntratt.

59.

Issa, ir-rikorrenti ma tistax titqies li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli mal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku kollu, tkun xi tkun l-attività tagħhom: is-sitwazzjoni tagħha tista’ tiġi pparagunata biss ma’ dik ta’ membri tal-persunal fis-servizz pubbliku li jwettqu xogħol “l-istess jew simili” fis-sens tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

60.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol issostni li l-persunal awżiljarju ma jwettaqx xogħol l-istess jew simili għal dak tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku l-oħra, peress li jwettaq xogħol speċifiku, jiġifieri l-funzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali.

61.

Dan l-argument ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jintlaqa’.

62.

Huwa minnu li l-persunal awżiljarju, skont l-Artikolu 12(1) tal-LEBEP, iwettaq “biss funzjonijiet ikklassifikati bħala funzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali” ( 56 ). Huwa minnu wkoll li, skont l-Artikolu 9(2) ta’ din il-liġi, il-persunal awżiljarju ma jistax jeżerċita “funzjonijiet li jinvolvu l-partiċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika jew fis-salvagwardja tal-interessi ġenerali tal-Istat u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi”. It-Tribunal Supremo, fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2005, speċifika li “l-atti ta’ kollaborazzjoni professjonali li jaqgħu taħt il-funzjonijiet normali tal-amministrazzjoni pubblika, sew jekk huma funzjonijiet esterni ta’ għoti ta’ servizz u tal-pulizija vis-à-vis iċ-ċittadini, jew ta’ funzjonijiet interni ta’ natura purament organizzattiva u amministrattiva, ma jistgħux jitwettqu minn persunal awżiljarju” ( 57 ).

63.

Madankollu, minn naħa, insibha diffiċli li nifhem kif il-fiduċja tista’ tikkaratterizza x-xogħol tar-rikorrenti meta mqabbel ma’ dak tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku l-oħra: il-fiduċja tas-superjur ġerarkiku hija ċertament neċessarja għat-twettiq ta’ ċerti funzjonijiet miksuba minn membri tal-persunal fis-servizz pubbliku oħra ( 58 ). Min-naħa l-oħra, jekk il-persunal awżiljarju ma jistax iwettaq, skont il-formulazzjoni tat-Tribunal Supremo ċċitata fil-punt preċedenti, il-funzjonijiet normali tal-amministrazzjoni, madankollu, l-uffiċjali stabbiliti jistgħu jwettqu l-funzjonijiet ta’ fiduċja jew ta’ parir speċjali li jingħataw normalment lill-persunal awżiljarju. Fil-fatt, l-Artikolu 26(4) tal-Liġi Finanzjarja tal-2012, bħall-Artikolu 24(2) tal-Liġi 22/2013 dwar il-Liġi Finanzjarja tal-2014, jirreferi għall-“uffiċjali stabbiliti li, filwaqt ta’ servizz attiv jew ta’ servizzi speċjali, jokkupaw postijiet ta’ xogħol irriżervati għall-persunal awżiljarju”.

64.

Għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi eskluż, abbażi biss tal-leġiżlazzjoni Spanjola, li l-persunal awżiljarju jwettaq xogħol l-istess jew simili għal dak ta’ xi wħud mill-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tivverifika jekk ix-xogħol effettivament imwettaq mir-rikorrenti, jiġifieri, xogħol tal-uffiċċju, huwiex l-istess jew simili għax-xogħol ta’ ċerti membri tal-persunal fis-servizz pubbliku għal żmien indeterminat.

65.

F’dan ir-rigward, infakkar li r-rikorrenti hija l-Kap tas-segretarjat tal-konsulent permanenti, President tat-tieni taqsima tal-Consejo de Estado.

66.

Jeżistu segretarji oħra fi ħdan it-tieni taqsima tal-Consejo de Estado. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti hija “kap tas-segretarjat” tat-tieni taqsima, dan is-segretarjat jinkludi diversi segretarji. Ċertament jeżistu segretarji oħra fit-taqsimiet l-oħra tal-Consejo de Estado. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tivverifika jekk dawn humiex, għal kuntrarju tar-rikorrenti, impjegati b’kuntratt għal żmien indeterminat. Jekk tali huwa l-każ, ix-xogħol tagħhom, fl-opinjoni tiegħi, għandu jitqies l-istess jew simili għal dak tar-rikorrenti.

67.

Huwa possibbli li jeżistu differenzi bejn il-kompiti miksuba mir-rikorrenti, bħala Kap tas-segretarjat, u dawk ta’ sempliċi segretarji, li ma jamministrawx segretarjat. Pereżempju, ir-rikorrenti tista’ tkun qed tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-kalendarju tal-President tat-tieni taqsima u tal-kuntatti mat-taqsimiet l-oħra tal-Consejo de Estado, kompiti li ma humiex imwettqa minn sempliċi segretarji. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, tali differenzi bejn il-kompiti mwettqa mill-Kap tas-segretarjat u minn sempliċi segretarji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, mhux sabiex jiġi stabbilit jekk huma jeżerċitawx xogħol l-istess jew simili, u għalhekk sabiex jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjonijiet humiex paragunabbli, iżda sabiex jiġi stabbilit jekk id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata.

68.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż, li s-segretarji kollha tal-Consejo de Estado, sew jekk jamministraw segretarjat sew jekk le, huma marbuta b’kuntratt għal żmien determinat. Jekk tali huwa l-każ, ma għandux, fl-opinjoni tiegħi, jiġi konkluż minn dan il-fatt li r-rikorrenti ma tistax tibbenefika mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-klawżola 3(2) tiegħu jipprovdi li “meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika”. Il-Consejo de Estado jista’, fl-opinjoni tiegħi, jitqies li huwa l-ekwivalenti, fis-settur pubbliku, ta’ stabbiliment. Fi ħdan liema qafas għandna nsibu ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli jekk ma jeżisti l-ebda wieħed fi ħdan il-Consejo de Estado: segretarji tal-korpi konsultattivi Spanjoli l-oħra, segretarji fil-qrati Spanjoli jew segretarji tal-amministrazzjoni pubblika Spanjola, sew jekk huma awtoritajiet ġudizzjarji sew jekk le?

b) Fuq il-qafas ta’ riferiment, fl-assenza ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli fl-istess stabbiliment

69.

Fis-sentenza Valenza, id-digriet Bertazzi u s-sentenza Nierodzik, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli l-persuni li jaħdmu għall-istess awtorità pubblika ta’ regolamentazzjoni (l-awtorità Taljana għall-kompetizzjoni u l-awtorità Taljana għall-elettriku u l-gass) ( 59 ) jew għall-istess sptar pubbliku ( 60 ). Minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovdietx raġunijiet għall-għażliet tagħha, jidhilri li l-istess awtorità ta’ regolamentazzjoni jew l-istess sptar jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti, fis-settur pubbliku, għall-istess stabbiliment imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

70.

Madankollu , fid-digrieti Montoya Medina u Lorenzo Martínez, kif ukoll fis-sentenza Rosado Santana, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, fir-rigward ta’ professur tal-università għal żmien determinat fl-Università ta’ Alicante, il-“professuri tal-università għal żmien indeterminat tal-persunal ta’ għalliema universitarji [fl-istess] komunità awtonoma” ( 61 ) . Fir-rigward ta’ professur mhux universitarju li ħadem f’ċentru għal tagħlim pubbliku fil-komunità awtonoma ta’ Castille-León, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma ħaddiema paragunabbli l-uffiċjali stabbiliti tal-“korp tal-għalliema li ma huwiex parti mill-persunal ta’ għalliema universitarju li jaqa’ fl-[istess] komunità awtonoma” ( 62 ) . Fir-rigward ta’ uffiċjal temporanju tal-komunità awtonoma ta’ Andalousie, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma ħaddiema paragunabbli l-uffiċjali stabbiliti fl-istess komunità awtonoma u fl-istess kategorija ( 63 ). Minkejja l-fatt, li anki hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprovdix spjegazzjoni għall-għażliet tagħha, jidhirli li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jitqiesu li jappartjenu għall-istess stabbiliment jew għall-ekwivalenti tiegħu fis-settur pubbliku: li kieku tali kienet l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija kieku aċċettat lill-ħaddiema mill-istess università jew mill-istess ċentru għat-tagħlim.

71.

Min-naħa l-oħra, nosserva li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema rilevanti kienu, fil-kawżi ċċitati fil-punt preċedenti, irregolati mill-istess test jew minn test li għandu l-istess awtur. Il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-professuri universitarji għal żmien determinat u għal żmien indeterminat fil-komunità awtonoma ta’ Valence kienu rregolati mill-istess digriet tal-Gvern ta’ din il-komunità awtonoma ( 64 ) . Ir-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali temporanji u stabbiliti tal-komunità awtonoma ta’ Castille-León kienu rregolati mill-istess liġi Spanjola (il-LEBEP, inkwistjoni fil-kawża prinċipali) u mill-istess digriet annwali ta’ din il-komunità awtonoma ( 65 ) . Il-kalkolu tal-anzjanità tal-uffiċjali temporanji u stabbiliti tal-komunità awtonoma tal-Andalousie, minkejja li jidhru li huma rregolati minn żewġ testi, kienu rregolati mil-leġiżlatur Spanjol ( 66 ). Konsegwentement, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli, riedet tiddefinixxi l-qafas ta’ riferiment bħala li jinkludi l-ħaddiema li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom kienu rregolati mill-istess test, jew minn test li kellu l-istess awtur, bħal dak tal-ħaddiem għal żmien determinat li jħossu ddiskriminat.

72.

Tali definizzjoni tal-qafas ta’ riferiment tista’ tiġi spjegata permezz ta’ raġunament simili għal dak tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lawrence ( 67 ). F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 157(1) TFUE, japplika biss għall-persuni li jaħdmu għall-istess persuna li timpjega. Fil-fatt, jekk il-ħaddiema rilevanti jaħdmu għall-persuni li jimpjegaw differenti, id-differenzi fir-remunerazzjonijiet “ma jistgħux jiġu attribwiti għal sors uniku”. Konsegwentement, jonqos entità li hija responsabbli mill-inugwaljanza u li tista’ tistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament. Issa, fil-kawżi ċċitati fil-punt 70 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg setgħu jiġu attribwiti lill-istess sors, sew jekk kien jirrigwarda l-Gvern tal-komunità awtonoma sew jekk kien jirrigwarda l-leġiżlatur Spanjol. Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika, barra minn hekk, fis-sentenza Lawrence, li d-differenzi fir-remunerazzjoni jistgħu jiġu attribwiti għal sors uniku fi tliet każijiet: meta huma “għandhom direttament is-sors tagħhom fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fil-ftehim kollettiv tax-xogħol kif ukoll fil-każ li x-xogħol sar fl-istess stabbiliment jew uffiċċju, privat jew pubbliku” ( 68 ) . Il-leġiżlatur jista’ għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jitqies li huwa sors uniku, fatt li jawtorizza l-paragun mal-ħaddiema kollha li fil-konfronti tagħhom huwa stabbilixxa l-iskema ta’ remunerazzjoni.

73.

Tali definizzjoni tal-qafas ta’ riferiment issib ukoll sostenn fil-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Din tipprovdi li fl-assenza ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli fl-istess stabbiliment, il-paragun isir skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, jekk jiġu aċċettati bħala ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli l-ħaddiema li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom huma rregolati mill-istess liġi bħal kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiem għal żmien determinat rilevanti jfisser li l-qafas ta’ riferiment huwa ddefinit konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

74.

Konsegwentement, jidhirli li, jekk l-ebda ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli ma jista’ jiġi identifikat fl-istess stabbiliment, dan għandu jitfittex minn fost il-ħaddiema li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom jistgħu jiġu attribwiti lill-istess sors. Fil-każ tas-settur pubbliku fejn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol huma ddefiniti mill-awtorità pubblika ( 69 ), tali soluzzjoni tippermetti l-aċċettazzjoni ta’ definizzjoni wiesgħa tal-qafas ta’ riferiment, konformement mal-għanijiet tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Inżid biss riżerva waħda għall-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq: jidhirli li, sabiex tiġi osservata l-klawżola 3(2) ta’ dan il-Ftehim qafas, huwa neċessarju li wieħed ifittex jekk jeżistix ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli fi ħdan l-istess stabbiliment, jiġifieri, fir-rigward tas-settur pubbliku, fl-istess awtorità, fl-istess amministrazzjoni jew fl-istess dipartiment, qabel ma wieħed ifittex lil tali ħaddiem minn fost dawk li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom jistgħu jiġu attribwiti lill-istess sors.

75.

Fil-każ ineżami, huwa għalhekk fi ħdan il-Consejo de Estado li wieħed għandu jfittex lil ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli. Fil-każ li tali ħaddiem ma jeżistix fi ħdan il-Consejo de Estado, wieħed għandu jfittxu minn fost il-ħaddiema li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom huma rregolati mill-LEBEP (li tipprovdi definizzjoni tar-remunerazzjoni tal-uffiċjali stabbiliti u li tispeċifika li l-iskema tal-uffiċjali stabbiliti hija bħala prinċipju applikabbli għall-persunal awżiljarju) u mil-liġijiet finanzjarji (li jiddefinixxu r-remunerazzjoni tal-persunal awżiljarju u li jeskludu l-allowance ta’ anzjanità kontenzjuża li tingħata kull tliet snin): il-kundizzjonijiet għar-remunerazzjoni tal-persunal awżiljarju u tal-uffiċjali għandhom l-istess sors jiġifieri l-leġiżlatur Spanjol. Jien tal-opinjoni li, fl-assenza tal-ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli fi ħdan il-Consejo de Estado, wieħed għandu jfittex lil tali ħaddiem qabel kollox minn fost is-segretarji tal-korpi konsultattivi Spanjoli l-oħra u tal-qrati Spanjoli l-oħra. Fil-fatt, il-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, teħtieġ li tali ħaddiem jinsab fi ħdan l-istess stabbiliment, jiġifieri l-iċken qafas possibbli, qabel ma l-qafas ta’ riferiment jikber. Konsegwentement, it-tfittxija tal-ħaddiem fi ħdan il-korpi konsultattivi Spanjoli l-oħra u l-qrati Spanjoli qabel ma tespandi t-tfittxija, jekk ikun il-każ, għall-uffiċjali f’amministrazzjonijiet oħra, jidhirli li hija konformi mal-ispirtu tal-klawżola 3(2) ta’ dan il-Ftehim qafas.

76.

Wara li spjegat ma’ liema ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli għandha titqabbel is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, u ma’ liema kundizzjonijiet, issa ngħaddi sabiex neżamina jekk ir-rikorrenti kinitx iddiskriminata.

2. Fuq id-differenza fit-trattament

77.

Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-għoti tal-allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin prevista fl-Artikolu 23 tal-LEBEP.

78.

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat tipprojbixxi d-diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li allowance ta’ anzjanità tikkostitwixxi “kundizzjoni tal-impjieg” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 70 ). Fis-sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, kellha tiddeċiedi dwar l-allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin inkwistjoni fil-kawża prinċipali (anki jekk, f’din is-sentenza, ir-rikorrenti kienu uffiċjali temporanji, filwaqt li M. J. Regojo Dans hija uffiċjal awżiljarju) ( 71 ).

79.

L-Artikolu 23(b) tal-LEBEP jipprovdi li l-uffiċjali stabbiliti għandhom dritt għal allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin u tiddefinixxi tali allowance bħala “ammont fiss, għal kull sottogrupp fil-klassifika professjonali jew, fl-assenza ta’ sottogrupp, għal kull grupp fil-klassifika professjonali, għal kull perijodu ta’ tliet snin ta’ servizz”. L-Artikolu 25(1) tal-LEBEP jipprovdi li l-uffiċjali temporanji jirċievu allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26(4) tal-Liġi Finanzjarja tal-2012, rigward ir-remunerazzjoni tal-persunal awżiljarju, ma ssemmix l-allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin: huwa għalhekk, kif tispjega, barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, ma jirċevihiex.

80.

Għalhekk teżisti differenza fit-trattament bejn il-persunal awżiljarju, li jirreferi, kif rajna, għal ħaddiema “għal terminu fiss” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, u li ma jirċevix l-allowance kkontestata, u l-uffiċjali stabbiliti, li jirċevuha u li l-istatus tagħhom bħala ħaddiema għal żmien indeterminat ma huwiex ikkontestat.

81.

Min-naħa l-oħra, l-uffiċjali temporanji, li jirċievu l-allowance kkontestata, huma uffiċjali għal żmien determinat ( 72 ). Id-differenza fit-trattament bejn il-persunal awżiljarju u l-uffiċjali temporanji għalhekk ma taqax taħt il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, li tgħid li l-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli ( 73 ).

82.

Bl-istess mod, fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, tista’ biss teżisti differenza fit-trattament mal-membri tal-persunal li huma għal żmien indeterminat (l-Artikolu 8(2)(c) tal-LEBEP jipprovdi fil-fatt li l-membri tal-persunal huma impjegati jew għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat), peress li jirċievu l-allowance kkontestata.

83.

Peress li eżaminajt l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament issa ser ngħaddi għall-ġustifikazzjoni ta’ din id-differenza.

C – Fuq it-tielet domanda preliminari

84.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk is-sistema ta’ ħatra libera u ta’ terminazzjoni libera tal-persunal awżiljarju tikkostitwixxix raġuni oġġettiva li tista’ tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

85.

Il-klawżola 4(1) tal-imsemmi Ftehim qafas tipprovdi li l-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat permezz ta’ raġunijiet oġġettivi.

86.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv. Id-differenza fit-trattament għandha tiġi ġġustifikata permezz ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg li jirrigwardawha, fil-kuntest partikolari li hija sseħħ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti. Hija barra minn hekk għandha tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri tissodisfa bżonn reali, li tkun adattata sabiex tikseb l-għan mixtieq u neċessarja għal dan il-għan. Jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, b’mod partikolari, “in-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi”, kif ukoll “it-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru” ( 74 ).

87.

Is-sistema ta’ ħatra libera u ta’ terminazzjoni libera tal-persunal awżiljarju ma tistax tikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-aċċettazzjoni tal-argument li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll ta’ dan il-Ftehim qafas u tipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat ( 75 ).

88.

Min-naħa l-oħra, l-għan li tiġi kkumpensata l-lealtà tal-persunal permezz tal-allowance kkontestata jidhirli, kif isostni l-Gvern Spanjol, li jikkostitwixxi għan ta’ politika soċjali li jista’ jiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament. Madankollu, jibqa’ jgħodd il-fatt li l-miżura nazzjonali trid tkun adattata sabiex tilħaq tali għan u proporzjonata. Issa, infakkar li r-rikorrenti, li ilha taħdem fl-amministrazzjoni pubblika Spanjola għal 31 sena u nofs, qatt ma rċeviet l-allowance kkontestata. Niddubita għalhekk dwar kemm il-miżura hija proporzjonali.

89.

Fir-rigward tan-natura partikolari tal-kompiti, hija tikkostitwixxi, kif diġà rajna, “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Hija l-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi jekk il-kompiti mwettqa mir-rikorrenti jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut tal-allowance kkontestata. Madankollu, nosserva li, għalkemm il-kompiti tar-rikorrenti huma differenti minn dawk ta’ segretarji oħra, dan huwa minħabba l-fatt li hija teżerċita prerogattivi li segretarji oħra ma għandhomx, permezz tal-funzjonijiet organizzattivi u amministrattivi tagħha. Issa, ma nistax nifhem kif it-twettiq ta’ kompiti addizzjonali jista’ jiġġustifika r-rifjut ta’ remunerazzjoni addizzjonali.

IV – Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo:

1)

Il-klawżoli 2(1) u 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li tali definizzjoni ma twassalx sabiex teskludi arbitrarjament il-kategorija tal-persunal awżiljarju mill-benefiċċju tal-protezzjoni offerta mill-Ftehim qafas. Il-persunal awżiljarju għandu jingħata tali protezzjoni peress li n-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-amministrazzjoni pubblika ma hijiex sostanzjalment differenti minn dik li torbot mal-persuni li jimpjegaw lill-persuni li jaqgħu, skont id-dritt Spanjol, fil-kategorija tal-ħaddiema.

2)

Il-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li t-terminazzjoni awtomatika tal-ħaddiem minħabba t-terminazzjoni tal-pożizzjoni tas-superjur ġerarkiku tikkostitwixxi kundizzjoni oġġettiva li tiddetermina t-tmien tar-relazzjoni ta’ xogħol, anki jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ wkoll tintemm fuq is-sempliċi deċiżjoni tas-superjur ġerarkiku.

3)

Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol “l-istess jew simili”, fis-sens tal-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas, għandu jiġi stabbilit jekk dawn il-ħaddiema, fid-dawl tal-elementi kollha, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Il-kunċett ta’ xogħol “l-istess jew simili” ma jistax, fid-dawl tal-għanijiet tal-Ftehim qafas, jiġi interpretat b’mod ristrett. Għalhekk in-natura partikolari tal-kompiti li minħabba fihom ġie konkluż il-kuntratt għal żmien determinat u l-karatteristiċi inerenti ta’ dawn il-kompiti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol “l-istess jew simili”. Lanqas ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni t-twettiq, effettiv jew sempliċement potenzjali, ta’ attività sekondarja, differenti mill-attività komuni, peress li hija tirrappreżenta biss attività aċċessorja għall-attività komuni.

4)

Il-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, peress li ma jeżistix il-ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli fl-istess awtorità pubblika jew fl-istess dipartiment tal-amministrazzjoni pubblika, dan il-ħaddiem għandu jitfittex minn fost il-ħaddiema għal żmien indeterminat li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom kienu ġew iddefiniti mill-istess awtur u li jwettqu xogħol l-istess jew simili.

5)

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li allowance ta’ anzjanità taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjoni tal-impjieg” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

6)

Sistema ta’ ħatra libera u ta’ terminazzjoni libera tal-ħaddiema għal żmien determinat ma tistax tikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, l-għan li tiġi kkumpensata l-lealtà tal-persunal fi ħdan amministrazzjoni pubblika jikkostitwixxi tali raġuni oġġettiva. Madankollu, ir-rifjut milli jingħata allowance ta’ anzjanità membru tal-persunal li wettaq iktar minn tletin sena ħidma fi ħdan amministrazzjoni pubblika ma jitqiesx li huwa adattat sabiex jinkiseb tali għan. Fir-rigward tan-natura partikolari tal-kompiti li minħabba fihom ġie konkluż il-kuntratt għal żmien determinat u l-karatteristiċi inerenti ta’ dawn il-kompiti, dawn jikkostitwixxu raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas. L-eżerċizzju ta’ prerogattivi minn ħaddiem għal żmien determinat li ma jużufruwixxix minnu ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli ma jistax madankollu jiġġustifika t-trattament inqas favorevoli tal-ewwel.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

( 3 ) Preambolu tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, l-ewwel paragrafu.

( 4 ) Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat.

( 5 ) Boletin Oficial del Estado no89 tat-13 ta’ April 2007.

( 6 ) Il-kategorija, fid-dritt Spanjol, magħrufa bl-isem ta’ “persunal eventwali” ser tkun hawnhekk magħrufa bħala “persunal awżiljarju”.

( 7 ) Boletin Oficial del Estado no40 tal-15 ta’ Frar 1964.

( 8 ) Boletin Oficial del Estado no185 tat-3 ta’ Awwissu 1984.

( 9 ) Boletin Oficial del Estado no156 tat-30 ta’ Ġunju 2012.

( 10 ) Skont il-Gvern Spanjol, il-liġijiet finanzjarji għar-rapporti finanzjarji 2008 sa 2011 huma bejn wieħed u ieħor identiċi fuq dan il-punt għal-liġi finanzjarja tal-2012.

( 11 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari tindika fil-fatt li d-diffikultà hija li “tiġi stabbilita jekk il-kunċetti ta’ fiduċja u ta’ parir speċjali li jikkaratterizzaw il-persunal awżiljarju skont il-leġiżlazzjoni Spanjola jimponux il-fatt li tiġi rrifjutata lil din il-persuna l-element ta’ professjonaliżmu li tissemma’ fid-definizzjonijiet ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” u l-“ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli” stabbiliti fil-klawżola 3(1) u (2) tal-Ftehim qafas”. Tali “professjonaliżmu” huwa kkaratterizzat mit-tliet kriterji stabbiliti fil-punt 20 iktar ’il fuq.

( 12 ) Sentenza Sibilio (C‑157/11, EU:C:2012:148, punt 45).

( 13 ) Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas [dwar ix-xogħol għal żmien determinat] japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbtuhom mal-persuna li timpjegahom” (sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 28; Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 114; Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 42; Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 40; Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 33; Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 68; digriet León Medialdea, C‑86/14, EU:C:2014:2447, punt 39; u s-sentenza Nisttahuz Poclava, C‑117/14, EU:C:2015:60, punt 31).

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma speċifikat dak illi għandu jitqies li huwa “servizz” u “remunerazzjoni”: definizzjoni tant ġenerali ma jidhirlix li b’xi mod tfixkel il-kompetenza tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, nosserva li tali definizzjoni hija differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, li kienet tieħu inkunsiderazzjoni t-tielet kriterju, dak tar-rabta ta’ subordinazzjoni (sentenza Lawrie-Blum, 66/85, EU:C:1986:284, punt 17). Kif josservaw l-avukati ġenerali Kokott u Poiares Maduro, il-kunċett ta’ “ħaddiem” ma huwiex kunċett univoku: huwa jvarja skont l-istrument tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Wippel, C‑313/02, EU:C:2004:308, punt 43; u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawża Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:3, punt 11). Forsi hemm bżonn li, fin-nuqqas ta’ dan it-tielet kriterju, wieħed jara l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ta’ xogħol “atipiċi”, fejn id-distinzjoni bejn ħaddiem impjegat u ħaddiem indipendenti titlef is-sens tagħha: ara Barnard, C., EU Employment Law, Fourth Edition, Oxford University Press, 2012, p. 144 u 152‑154.

( 14 ) Sentenza Sibilio (C‑157/11, EU:C:2012:148, punt 51).

( 15 ) Sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 40).

( 16 ) Sentenza Sibilio (C‑157/11, EU:C:2012:148, punt 49).

( 17 ) Sentenza O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 42).Is-sentenza O’Brien ingħatat sabiex tinterpreta, mhux il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, iżda d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time”). Madankollu, dan ma għandux importanza kbira. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time (li jgħid li “dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”) tixbah ħafna tal-formulazzjoni tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, fis-sentenza Sibilio, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat is-sentenza O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 51).

( 18 ) Sentenza O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punti 45 u 46).

( 19 ) Ara Robin-Olivier, S., “Id-dritt soċjali tal-Unjoni jista’ jnaqqas il-frammentazzjoni tal-kategorija tal-ħaddiema?”, Revue trimestrielle du droit européen, 2012, p. 480. L-awtriċi tosserva, fir-rigward tas-sentenza O’Brien, li “l-abbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża, tikkonsisti fl-implementazzjoni ta’ stħarriġ intern tal-istess dritt nazzjonali, konformement mar-rekwiżit ta’ koerenza interna ta’ dan id-dritt”. L-Avukat Ġenerali Poiares Maduro jirreferi, fir-rigward tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, għal “rinviju kkundizzjonat” għad-dritt nazzjonali (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:3, punt 15).

( 20 ) Sentenzi Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 54); Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 39); Vassallo (C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 32); Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 25); Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 38); Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 34); Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 29); kif ukoll Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 67).

( 21 ) Enfasi miżjuda minni.

( 22 ) Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, rigward ħaddiem b’kuntratt għal żmien indeterminat u mkeċċi matul il-perijodu ta’ prova, li l-perijodu ta’ prova, li matulu l-kuntratt seta’ jiġi tterminat mingħajr restrizzjonijiet, ma kienx jikkostitwixxi kuntratt għal żmien determinat. Ara s-sentenza Nisttahuz Poclava (C‑117/14, EU:C:2015:60, punt 36): “[I]l-perijodu ta’ prova jservi essenzjalment sabiex jivverifika l-kapaċità u l-abbiltajiet tal-ħaddiem, filwaqt li l-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jiġi użat meta t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol jew tar-relazzjoni ta’ impjieg huwa ddeterminat minn kundizzjonijiet oġġettivi” (sentenza Nisttahuz Poclava, C‑117/14, EU:C:2015:60, punt 36).

( 23 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li “l-punt 4 [tal-klawżola 4] jistabbilixxi l-istess projbizzjoni [bħal punt 1] għal dak li jirrigwarda l-kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg” (sentenzi Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 64 u Valenza et; C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 39; kif ukoll digriet Bertazzi et, C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 29).

( 24 ) Sentenzi Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 47) u Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 50), kif ukoll digrieti Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 32) u Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 37). Ara, b’mod partikolari l-punt 50 tas-sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres: “Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest ta’ kawża dwar id-dritt tal-persunal temporanju għal allowance ta’ rtirar, interpretazzjoni tal-espressjoni ‘Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati [differenti]’, li tidher fil-klawżola 4(4) tal-ftehim qafas, għandu jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li allowance ta’ rtirar identiku għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn din kienet irriżervata mid-dritt nazzjonali għall-persunal uffiċjali permanenti tas-servizzi tas-saħħa li jaħdmu b’terminu indefinit, bl-esklużjoni tal-persunal temporanju, jaqa’ taħt il‑kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” previst fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas”.

( 25 ) Sentenza Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 23).

( 26 ) Sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65).

( 27 ) Digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 39); sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 67); digriet Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 44); sentenza Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43); digriet Bertazzi et (C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 33); u sentenza Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32).

( 28 ) Sentenza Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 54).

( 29 ) Digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 37); sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 66); digriet Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 43); sentenza Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 42); digriet Bertazzi et (C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 32),; u sentenza Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31).

( 30 ) Digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 38).

( 31 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi approċċ simili fid-Digriet Lorenzo Martínez, fejn hija tiddeċiedi, “abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju”, li l-uffiċjali stabbiliti u l-uffiċjali temporanji tal-Komunità Awtonoma ta’ Castille-León jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, peress li jeżerċitaw “funzjonijiet simili” (it-tagħlim), funzjonijiet li ma jeħtiġux “kwalifiki akkademiċi jew esperjenza differenti”. Ara d-digriet Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punti 45 u 46).

( 32 ) Sentenza O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 62.

( 33 ) Sentenza O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 61).

( 34 ) Sentenza Royal Copenhagen (C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 33).

( 35 ) Sentenza Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse (C‑309/97, EU:C:1999:241).

( 36 ) Digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 37).

( 37 ) Nosserva, għal raġuni ta’ kompletezza, li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi indizju ta’ xogħol l-istess jew simili ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti, li kienet diġà taħdem għal żmien indeterminat għall-istess persuna li timpjega, kellha l-istess pożizzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat (il-kuntratt kien kuntratt part-time, peress li r-rikorrenti xtaqet tirtira kmieni): kemm in-natura kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ xogħol kienu identiċi peress li l-pożizzjoni kienet l-istess (sentenza Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 33). Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-istess approċċ fis-sitwazzjoni għal kuntrarju, dik tar-rikorrenti li kienu ġew impjegati minn qabel għal żmien determinat mill-istess persuna li timpjega u li allegatament kienu jagħmlu l-istess funzjonijiet fil-kuntest tal-kuntratti tagħhom għal żmien indeterminat (sentenza Valenza et C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 47, kif ukoll digriet Bertazzi et, C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 36). Madankollu, dawn is-sentenzi jirrigwardaw każijiet partikolari ħafna, fejn l-istess persuna wettqet l-istess xogħol fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ kuntratt: għalhekk dawn ma humiex ta’ ħafna għajnuna.

( 38 ) Sentenza Brunnhofer (C‑381/99, EU:C:2001:358, punt 50).

( 39 ) Sentenza Kenny et (C‑427/11, EU:C:2013:122, punti 30 u 33).

( 40 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva (u tindika b’hekk jekk jirrigwardax element rilevanti) li hija ma tafx x’inhu “n-numru ta’ membri tal-[pulizija] […] li jwettqu biss kompiti amministrattivi u n-numru ta’ dawn li, barra dan, għandhom iwettqu kompiti ta’ natura operazzjonali, bħall-komunikazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Eurpol) jew l-Interpol”. Ara s-sentenza Kenny et (C‑427/11, EU:C:2013:122, punt 32).

( 41 ) Sentenza Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38); sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49); digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 31); digriet Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 36); sentenza Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 33); kif ukoll sentenza Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24).

( 42 ) Sentenzi Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35) u Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 25).

( 43 ) Sentenza Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 48).

( 44 ) Sentenza Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 134).

( 45 ) Sentenza Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 36).

( 46 ) Sentenza Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 29).

( 47 ) Sentenza Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 27).

( 48 ) Sentenza O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 62).

( 49 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara s-sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 73): “[il-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi] jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru” (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll is-sentenza Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 53); is-sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55); id-digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 41); id-digriet Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 48); is-sentenza Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 51); kif ukoll id-digriet Bertazzi et (C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 40).

( 51 ) Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “n-natura tal-funzjonijiet eżerċitati [mill-ħaddiem għal żmien determinat rilevanti] u l-esperjenza li kiseb ma jikkostitwixxux biss wieħed mill-fatturi li jistgħu jiġġustifikaw oġġettivament trattament differenti fir-rigward [tal-ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli]. Huma jinsabu wkoll fost il-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-persuna kkonċernata tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ dawn [tal-aħħar]” (sentenzi Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 69 u Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 44, kif ukoll digriet Bertazzi et, C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 34).

Ara, f’dan ir-rigward, Tobler, C., “The Prohibition of Discrimination in the Union’s Layered System of Equality Law : From Early Staff Cases to the Mangold Approach”, in The Court of Justice and the Construction of Europe: Analyses and Perspectives on Sixty Years of Case-law, Asser Press, 2013, p. 443-469: “recently, the Court confirmed in another context that the same factual elements may be relevant in the analytically different contexts of comparability and objective justification (Rosado Santana, para. 69), which is rather confusing” (p. 464) (enfasi miżjuda minni).

Madankollu, nosserva li dan il-paragrafu jidher, fis-sentenza rilevanti, qabel il-paragrafu rigward in-“natura partikolari tal-kompiti”, iċċitat fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet u skont liema l-“kompiti” jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-inugwaljanza fit-trattament hijiex iġġustifikata. Konsegwentement, il-paragrafu rigward in-“natura partikolari tal-kompiti” għandu jinqara, fl-opinjoni tiegħi, bħala kjarifika mogħtija tal-paragrafu rigward in-“natura tal-funzjonijiet”.

( 52 ) L-Avukat Ġenerali Cosmas, barra minn hekk, ġibed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt fil-kawża Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse, li kienet tirrigwarda l-Artikolu 157(1) TFUE. In-natura tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jista’ biss ikollhom “użu doppju”, jiġifieri, jiġu użati kemm sabiex jiġu pparagunati x-xogħlijiet imwettqa kif ukoll sabiex tiġi ġġustifikata l-inugwaljanza fit-trattament, jekk jiġu ddefiniti b’mod differenti f’kull waħda miż-żewġ użijiet. Skont l-Avukat Ġenerali, “sabiex il-possibbiltà li jsir użu doppju mill-kriterju tat-taħriġ professjonali jkollha sens, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-kriterju ma għandux kontenut identiku fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ użijiet”. Fil-każ ineżami, l-istess attività (il-psikoterapija) kienet eżerċitata minn tobba u minn psikologi kkwalifikati (dawn tal-aħħar ma kinux għalhekk tobba). L-Avukat Ġenerali ppropona li jittieħed inkunsiderazzjoni t-taħriġ professjonali kemm sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjonijiet kinux paragunabbli kif ukoll sabiex jiġi eżaminat, fil-każ ineżami, jekk id-differenza fit-trattament kinitx iġġustifikata. Huwa għalhekk issuġġerixxa li jingħata kontenut differenti lill-kriterju tat-taħriġ professjonali lil kull waħda miż-żewġ stadji: il-paragun tas-sitwazzjonijiet seta’, fl-opinjoni tiegħu, jiġi eskluż biss fil-każ li t-taħriġ professjonali kien “fundamentalment differenti”, filwaqt li l-ġustifikazzjoni setgħet tiġi ammessa fejn it-taħriġ professjonali kien sempliċement “differenti” [konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse, C‑309/97, EU:C:1999:8, punt 33].

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mad-distinzjoni proposta mill-Avukat Ġenerali: hija tqis li s-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli u għalhekk ma tiħux deċiżjoni dwar il-ġustifikazzjoni u l-kriterji għal din il-ġustifikazzjoni (sentenza Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse, C‑309/97, EU:C:1999:241, punt 20). Hija lanqas ma pprovdiet stampa iktar ċara dwar dan il-punt fis-sentenzi Royal Copenhagen u JämO (C‑400/93, EU:C:1995:155, punt 42) u JämO (C‑236/98, EU:C:2000:173, punti 48 u 52).

( 53 ) Ara l-punt 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Nosserva li t-teħid inkunsiderazzjoni tan-“natura partikolari tal-kompiti”, mhux sabiex jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjonijiet humiex paragunabbli, iżda sabiex jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata, jista’ jkollha bħala konsegwenza li tnaqqas l-oneru tal-prova li għandu l-ħaddiem għal żmien determinat, fatt li nqis huwa konformi mal-għan tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] kif definit fil-klawżola 1(a) tiegħu. Ċertament, dan il-Ftehim qafas ma jgħid xejn rigward it-tqassim tal-oneru tal-prova, u l-ġurisprudenza relattiva għal dan ma tipprovdi għall-ebda kjarifika. Madankollu, jidhirli li l-ħaddiem għal żmien determinat li jħossu ddiskriminat jista’ jkollu diffikultajiet sabiex jistabbilixxi li huwa għandu l-istess kompiti bħal ħaddiem għal żmien indeterminat li jibbenefika mill-vantaġġ li ma jingħatax lilu, b’mod partikolari jekk dan jaħdem fi stabbiliment ieħor. Konsegwentement, jekk ikun meħtieġ minnu li jistabbilixxi, mhux li jwettaq xogħol l-istess jew simili, iżda li jwettaq eżattament l-istess kompiti, jista’ jkun li, fil-prattika, tkun impossibbli għalih li jirrivendika l-protezzjoni tal-klawżola 4 tal-imsemmi Ftehim qafas.

( 55 ) Sentenza Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse (C‑309/97, EU:C:1999:241, punt 20): “mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, għalkemm il-psikoloġi u t-tobba impjegati bħala psikoterapisti […] iwettqu attività apparentement identika, huma jagħmlu użu, sabiex jittrattaw il-pazjenti tagħhom, minn għarfien u kapaċitajiet miksuba f’dixxipplini differenti, waħda bbażata fuq studji ta’ psikoloġija u l-oħra fuq studji ta’ mediċina”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-Kawża Angestelltenbetriebsrat der Wiener Gebietskrankenkasse (C‑309/97, EU:C:1999:8, punt 35): “minkejja l-fatt li, sa fejn b’riferiment għas-suġġett tagħha, huma jwettqu l-istess attività, jiġifieri l-psikoterapija, huma jippossjedu għarfien u esperjenza differenti u għalhekk idoneità terapetwika fundamentalment differenti, ċikustanza li għandha influwenza sostanzjali fuq ix-xogħol imwettaq”.

( 56 ) Enfasi miżjuda minni.

( 57 ) Sentenza tat-Tribunal Supremo tas-17 ta’ Marzu 2005, Awla għal proċeduri amministrattivi kontenzjużi, is-seba’ taqsima, rikors Nru 4245/1999 (ROJ STS 1711/2005).

( 58 ) Ir-rikorrenti tiddikjara li ma twettaqx, bħala segretarja, funzjonijiet ta’ “pariri speċjali”.

( 59 ) Sentenza Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43) u digriet Bertazzi et (C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 33).

( 60 ) Sentenza Nierodzik (C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32).

( 61 ) Digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 39).

( 62 ) Digriet Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 46).

( 63 ) Sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 67 u 83).

( 64 ) Digriet Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 13).

( 65 ) Digriet Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punti 10 sa 17).

( 66 ) Sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 10 sa 12).

( 67 ) Sentenza Lawrence et (C‑320/00, EU:C:2002:498, punt 18). Ara, ukoll, is-sentenza Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 46).

( 68 ) Sentenza Lawrence et (C‑320/00, EU:C:2002:498, punt 17). Enfasi miżjuda minni.

( 69 ) F’dan ir-rigward, nosserva, li d-definizzjoni tal-qafas ta’ riferiment bħala li tinkludi lill-ħaddiema li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom jistgħu jiġu attribwiti lil sors uniku tista’, applikata għas-settur privat, twassal għal definizzjoni ta’ qafas ristrett. Il-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat għalhekk tipprovdi li, meta ma jkun hemm ebda ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli: fil-każ li l-ftehim kollettiv applikabbli huwa ftehim kollettiv tal-impriża, il-qafas ta’ riferiment ser ikun ristrett għall-ħaddiema tal-impriża rilevanti. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-qafas ta’ riferiment skont is-sors tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tista’ twassal sabiex jiġi aċċettat, għall-istess xogħol (segretarja), qafas iktar ristrett għall-ħaddiema fis-settur privat (għas-segretarji għal żmien determinat fis-settur privat, is-segretarji għal żmien indeterminat fl-istess impriża, peress li l-ftehim kollettiv applikabbli huwa ftehim tal-impriża) milli għall-ħaddiema fis-settur pubbliku (għas-segretarji għal żmien determinat fis-settur pubbliku, is-segretarji għal żmien indeterminat fl-amministrazzjoni pubblika kollha kemm hi). Madankollu, tali konsegwenzi jidhru, fl-opinjoni tiegħi, li jirriżultaw mill-klawżola 3(2) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Din tipprovdi fil-fatt paragun b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli jew skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika nazzjonali. Hija għalhekk tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-qafas ta’ riferiment.

( 70 ) Sentenzi Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 47 sa 48) u Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 50) kif ukoll digrieti Montoya Medina (C‑273/10, EU:C:2011:167, punt 32) u Lorenzo Martínez (C‑556/11, EU:C:2012:67, punt 37).

( 71 ) Sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 20).

( 72 ) Fis-sentenza Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat kien japplika għall-uffiċjali temporanji Spanjoli (li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom kienu rregolati, bħal f’din il-kawża, mil-LEBEP).

( 73 ) Nenfasizza li s-sitwazzjoni li fuqha għandha tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża hija differenti minn dik li waslet għad-digriet Rivas Montes (C‑178/12, EU:C:2013:150).

F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar id-dispożizzjoni Spanjola li kienet tipprovdi, fir-rigward tal-uffiċjali stabbiliti, it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-allowance ta’ anzjanità, tal-perijodi kollha preċedenti fis-servizz, kienet liema kienet l-amministrazzjoni fejn kienu ġew ikkompletati dawn is-snin fis-servizz. Min-naħa l-oħra l-istess dispożizzjoni tipprovdi, fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-perijodi fis-servizz ikkompletati fl-istess amministrazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni Spanjola mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Hija osservat li l-membri tal-persunal bil-kuntratt kienu impjegati jew għal żmien determinat jew inkella għal żmien indeterminat, u li l-membri tal-persunal bil-kuntratt kollha kienu ttrattati bl-istess mod (bit-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-perijodi fis-servizz ikkompletati fl-istess amministrazzjoni). Minn dan hija ddeduċiet li d-differenza fit-trattament allegat kienet ibbażata, mhux fuq iż-żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol, iżda fuq in-natura ġuridika tar-relazzjoni (in-natura ta’ servizz pubbliku tagħha jew in-natura kuntrattwali tagħha). Tali differenza fit-trattament għalhekk ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

Issa, fid-digriet Rivas Montes, fejn membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat invoka l-benefiċċju tal-imsemmija klawżola 4, mhux kull membru tal-persunal bil-kuntratt kien għal żmien determinat, uħud kienu għal żmien indeterminat, madankollu, kollha kienu ttratati bl-istess mod. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, fejn membru tal-persunal awżiljarju jinvoka l-benefiċċju tal-istess klawżola 4, il-membri tal-persunal awżiljarju kollha huma għal żmien determinat u huma ttrattati bl-istess mod (l-ebda wieħed ma għandu d-dritt għall-allowance kkontestata).

Fi kwalunkwe każ, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Rivas Montes jidhirli li tista’ tiġi kkontestata. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti kienet ġiet impjegata għal żmien determinat jew fejn ċerti ħaddiema għal żmien indeterminat (l-uffiċjali stabbiliti) kienu jibbenefikaw mill-vantaġġ li kien ġie rrifjutat lilha, kien ikun aħjar, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi kkunsidrat li dan kien każ ta’ inugwaljanza fit-trattament projbit mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat milli tagħti lil R. Rivas Montes il-benefiċċju ta’ din il-klawżola 4, hija qiegħda effettivament teħtieġ li l-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli kollha (uffiċjali stabbiliti u membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat), u mhux biss ċerti ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli (l-uffiċjali stabbiliti), jibbenefikaw mill-vantaġġ li huwa miċħud lill-ħaddiem għal żmien determinat li jħossu ddiskriminat. Fl-opinjoni tiegħi, din hija interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmija klawżola 4, filwaqt li l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim qafas u l-effettività tiegħu jirrikjedu interpretazzjoni wiesgħa ta’ din l-istess klawżola. Finalment, nosserva li, fid-digriet Vino, li fuqu sserraħ il-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet Rivas Montes, l-ebda ħaddiem għal żmien indeterminat ma seta’ jibbenefika mill-vantaġġ mitlub mir-rikorrenti, peress li tali vantaġġ kien jikkonsisti f’dikjarazzjoni mandatorja, fil-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, tar-raġuni għalfejn dan il-kuntratt kien għal żmien determinat (l-ommissjoni ta’ tali dikjarazzjoni twassal għall-klassifikazzjoni mill-ġdid f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat). Għalhekk kien hemm differenza fit-trattament bejn ċerti ħaddiema għal żmien determinat (dawk li jaħdmu, bħar-rikorrenti, fl-uffiċċji tal-posta Taljani, fejn test kien jipprovdi li l-kuntratt ma kellux għalfejn isemmi r-raġuni għalfejn huwa kien għal żmien determinat) u ħaddiema oħra għal żmien determinat (dawk li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-liġi komuni, jiġifieri li l-kuntratt tagħhom kellu jiddikjara r-raġuni li minħabba fiha l-kuntratt kien għal żmien determinat) Ara digriet Vino (C‑20/10, EU:C:2010:677, punti 15, 16 u 57).

( 74 ) Sentenza Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punti 50 u 51) kif ukoll digriet Bertazzi et (C‑393/11, EU:C:2013:143, punti 39 u 40).

( 75 ) Sentenza Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 52) kif ukoll digriet Bertazzi et (C‑393/11, EU:C:2013:143, punt 41).