KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

Kawża C‑160/14

João Filipe Ferreira da Silva e Brito et

vs

Estado português

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varas Cíveis de Lisboa (il-Portugall)]

“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trasferiment ta’ impriża — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema — Obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab minħabba tali ksur għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li tkun ikkawżat dak id-dannu”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 2 ), kif ukoll it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-responsabbiltà tal-Istati minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.

2. 

Id-domandi li saru mill-Varas Cíveis de Lisboa (il-Portugall) tqajmu fil-kuntest ta’ kawża għad-danni mressqa minn Ferreira da Silva e Brito kif ukoll minn rikorrenti oħrajn kontra l-Estado português, ibbażata fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lis-Supremo Tribunal de Justiça.

3. 

L-eżami tal-ewwel domanda ser iwassalna biex ninterpretaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. Jiena ser nikkonkludi, għall-kuntrarju tas-soluzzjoni deċiża mis-Supremo Tribunal de Justiça, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju jkopri sitwazzjoni li fiha impriża attiva fis-suq tat-titjiriet tiġi stralċata b’deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li jkun huwa stess impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u li, fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-ewwel impriża:

jieħu post il-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani u fil-kuntratti tat-titjiriet ċarter għaddejjin mal-operaturi turistiċi;

iwettaq attivitajiet li qabel kienu jitwettqu mill-kumpannija likwidata;

jerġa’ jdaħħal ċerti ħaddiema li sadakinhar kienu ssekondati mal-kumpannija likwidata u jagħtihom l-istess funzjonijiet, u

jieħu xi tagħmir żgħir tal-kumpannija stralċata.

4. 

Wara, ser nagħti, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda, ir-raġunijiet għal xiex it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, bħas-Supremo Tribunal de Justiça, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet obbligata li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

5. 

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet domanda, ser nispjega għalfejn, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Köbler ( 3 ), għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li tkun ikkawżat id-dannu.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

6.

Id-direttiva kkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-salvagwardjar tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriża, kummerċ jew partijiet minn impriżi jew kummerċ ( 4 ), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 ( 5 ).

7.

Skont il-premessa 8 tad-Direttiva:

“Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtiegu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jigi ċċarat fid-dawl tal-gurisprudenza tal-Qorti tal-Gustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187/KEE skont kif interpretat mill-Qorti tal-Gustizzja.”

8.

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva jipprovdu:

“a)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ mpriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjiega bhala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

b)

Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-disposizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jigifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

9.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

B – Id-dritt Portugiż

10.

L-Artikolu 13 tas-sistema ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali tal-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn ( 6 ), adottata bil-Liġi Nru 67/2007 (Lei que aprova o Regime da Responsabilidade Civil Extracontractual do Estado e Demais Entidades Públicas), tal-31 ta’ Diċembru 2007 ( 7 ), kif emendata bil-Liġi Nru 31/2008, tas-17 ta’ Lulju 2008 ( 8 ), jipprovdi dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjonijiet ta’ kundanna kriminali inġusta u ta’ ċaħda mhux iġġustifikata tal-libertà, l-Istat huwa ċivilment responsabbli għad-danni li jirriżultaw minn deċiżjonijiet ġudizzjarji manifestament mhux kostituzzjonali jew illegali jew mhux iġġustifikati minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali.

2.   It-talba għal kumpens għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni li kkawżat ħsara mill-qorti kompetenti.”

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.

Fid-19 ta’ Frar 1993, Air Atlantis SA (iktar ’il quddiem “AIA”), stabbilita fl-1985 u attiva fis-settur tat-trasport bl-ajru mhux regolari (titjiriet ċarter), ġiet stralċata. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew suġġetti għal tkeċċija kollettiva.

12.

Mill-1 ta’ Mejju 1993, il-kumpannija Transportes Aéreos Portugueses (iktar ’il quddiem “TAP”), li kienet l-azzjonista ewlenija ta’ AIA, bdiet topera parti mit-titjiriet li AIA kienet impenjat ruħha li twettaq għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju u l-31 ta’ Ottubru 1993. TAP għamlet ukoll ċertu numru ta’ titjiriet ċarter, suq li ma kinitx attiva fih sa dakinhar, peress li dawn qabel kienu rotot koperti minn AIA. Għal dan il-għan, TAP użat parti mit-tagħmir li AIA kienet tuża għall-attivitajiet tagħha, b’mod partikolari erba’ ajruplani. TAP assumiet ukoll il-ħlas tal-kirjiet korrispondenti għall-kuntratti ta’ kiri relatati u ħadet it-tagħmir tal-uffiċċju li AIA kellha u li kienet tuża fil-bini tagħha ta’ Lisbona (il-Portugall) u ta’ Faro (il-Portugall) kif ukoll oġġetti materjali oħrajn. Barra minn hekk, TAP impjegat magħha ċerti ħaddiema li qabel kienu jaħdmu ma’ AIA.

13.

Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża quddiem it-tribunal de trabalho de Lisboa (Tribunal Industrijali ta’ Lisbona) kontra din it-tkeċċija kollettiva waqt li talbu li jiddaħħlu jaħdmu mill-ġdid ma’ TAP u li jitħallsu remunerazzjonijiet.

14.

Permezz tas-sentenza tat-tribunal de trabalho de Lisboa mogħtija fis-6 ta’ Frar 2007, l-azzjoni ppreżentata kontra t-tkeċċija kollettiva ġiet parzjalment ikkonfermata, billi l-istess tribunal ordna li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jerġgħu jiddaħħlu fil-kategoriji ta’ xogħol korrispondenti kif ukoll il-ħlas ta’ kumpens. Insostenn tas-sentenza tiegħu, it-tribunal de trabalho de Lisboa kkunsidra li, f’dan il-każ, kien hemm trasferiment ta’ negozju, tal-inqas parzjalment, peress li l-identità tan-negozju nżammet u l-attivitajiet tiegħu tkomplew, filwaqt li TAP ħadet post il-persuna li timpjega preċedenti fil-kuntratti tax-xogħol.

15.

Din is-sentenza ġiet appellata quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (Qorti tal-Appell ta’ Lisbona) li, fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2008, annulla s-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, inkwantu din kienet ikkundannat lil TAP biex terġa’ ddaħħal jaħdmu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tħallashom kumpens, billi kkonkluda li kien skada d-dritt ta’ azzjoni kontra t-tkeċċija kollettiva inkwistjoni u billi kkunsidra li ma kienx hemm trasferiment ta’ negozju jew ta’ parti bejn AIA u TAP.

16.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça li, fis-sentenza tiegħu tal-25 ta’ Frar 2009, iddeċieda li t-tkeċċija kollettiva ma kienet ivvizzjata b’ebda illegalità. L-istess qorti osservat, waqt li tenniet l-argument żviluppat mit-Tribunal da Relação de Lisboa, li ma huwiex biżżejjed li attività kummerċjali “sempliċiment titkompla” biex wieħed jikkonkludi li sar trasferiment ta’ negozju, peress li jeħtieġ ukoll li tinżamm l-identità tan-negozju. Iżda f’dan il-każ, meta TAP operat it-titjiriet matul is-sajf tas-sena 1993, hija ma użatx “entità” bl-istess identità bħall-“entità” li qabel kienet tappartjeni lil AIA, iżda użat l-istrument ta’ intervent tagħha stess fis-suq inkwistjoni, jiġifieri l-kumpannija tagħha stess. Skont is-Supremo Tribunal de Justiça, fin-nuqqas ta’ identiċità bejn iż-żewġ “entitajiet”, ma jistax jitqies li kien hemm trasferiment ta’ negozju.

17.

Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, is-Supremo Tribunal de Justiça nnota li l-Qorti tal-Ġustizzja, iffaċċjata b’sitwazzjonijiet li fihom impriża kompliet attivitajiet li sadakinhar kienu jitwettqu minn impriża oħra, kienet iddeċidiet li din is-“sempliċi ċirkustanza” ma twassalx għall-konklużjoni li seħħ trasferiment ta’ entità ekonomika, inkwantu “entità ma tistax tiġi ridotta għall-attività li hija twettaq” ( 9 ).

18.

Meta wħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu talbu lis-Supremo Tribunal de Justiça biex jippreżenta rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan tal-aħħar irrimarka li “[l]-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, jeżisti biss meta dawn l-istess qrati jikkunsidraw li r-rikors għad-dritt [tal-Unjoni] huwa meħtieġ biex tiġi deċiża l-kwistjoni pendenti quddiemhom u, barra minn hekk, meta tqum kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt”.

19.

Is-Supremo Tribunal de Justiça kkunsidra wkoll li “l-Qorti nnifisha rrikonoxxiet espressament li ’l-applikazzjoni korretta tad-dritt [tal-Unjoni] tista’ tkun meħtieġa b’mod tant evidenti li ma tħalli ebda dubju raġonevoli dwar kif għandha tiġi riżolta l-kwistjoni’, u għalhekk teskludi wkoll f’din l-ipoteżi l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, fid-dawl tal-kontenut tad-[dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni] iċċitati [mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali], minħabba l-interpretazzjoni li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] lil dawn tal-aħħar u minħabba l-elementi tal-każ [...] li ġew ikkunsidrati [...], ma hemm l-ebda dubju rilevanti fl-interpretazzjoni li teħteġ li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari”.

20.

Is-Supremo Tribunal de Justiça enfasizza, barra minn hekk, li “l-Qorti tal-Ġustizzja [kienet] żviluppat ġurisprudenza stabbilita dwar il-kwistjoni tal-interpretazzjoni tar-regoli [tad-dritt tal-Unjoni] dwar it-‘trasferiment tan-negozju’, minħabba li d-[...] Direttiva [...] tittraduċi diġà l-konsolidazzjoni tal-kunċetti li fiha skont din il-ġurisprudenza u minħabba li dawn issa huma ċari f’termini ta’ interpretazzjoni ġudizzjarja (Komunitarja kif ukoll nazzjonali), li jimplika li f’dan il-każ mhux meħtieġ li tiġi kkonsultata minn qabel il-Qorti tal-Ġustizzja”.

21.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentaw azzjoni għal responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali kontra l-Estado português bl-għan li dan tal-aħħar jiġi kkundannat jagħti kumpens għal ċerti danni patrimonjali kkawżati. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma sostnew li s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça hija manifestament illegali, peress li tinkludi interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju skont it-tifsira mogħtija fid-Direttiva u peress li din il-qorti kisret l-obbligu tagħha li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi ta’ interpretazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

22.

L-Estado português isostni li, skont l-Artikolu 13(2) tas-SRMKI, it-talba għall-kumpens għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni dannuża mill-qorti kompetenti, filwaqt li jfakkar li, billi s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça ma ġietx annullata, ma hemmx lok li jitħallas il-kumpens mitlub.

23.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li huwa importanti li wieħed ikun jaf jekk is-sentenza mogħtija mis-Supremo Tribunal de Justiça hijiex manifestament illegali inkwantu interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju ”, fid-dawl tad-Direttiva u tal-fatti li kellu quddiemu. Barra minn hekk, huwa importanti li wieħed ikun jaf jekk is-Supremo Tribunal de Justiça kellux l-obbligu li jagħmel ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kif mitlub.

24.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varas Cível de Lisboa ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva [...], b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) [tagħha], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozji” jinkludi sitwazzjoni fejn impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter hija stralċata permezz ta’ deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li huwa nnifsu huwa impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u, fil-kuntest tal-istralċ, l-impriża parent:

tassumi l-pożizzjoni tal-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani u fil-kuntratti ta’ titjiriet ċarter li jkunu għadhom fis-seħħ ma’ operaturi turistiċi;

tiżviluppa l-attività li qabel kienet tipprattika l-kumpannija stralċata;

terġa’ timpjega ċerti ħaddiema li sa dak il-mument kienu tkeċċew mill-kumpannija stralċata u tqiegħdhom jeżerċitaw funzjonijiet identiċi;

tirċievi tagħmir żgħir mill-kumpannija stralċata?

2)

L-Artikolu 267 [...] TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-Supremo Tribunal de Justiça, fid-dawl tal-fatt deskritt fid-domanda preċedenti u l-fatt li l-qrati nazzjonali inferjuri li quddiemhom tressaq il-każ adottaw deċiżjonijiet kunfliġġenti, kellu l-obbligu li jressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [...] dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ ‘trasferiment ta’ negozji’ fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [...]?

3)

Id-Dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, il-prinċipji fformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] fis-sentenza Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513) dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati fuq l-individwi bis-saħħa ta’ ksur tad-Dritt Komunitarju imwettaq minn organu ġudizzjarju nazzjonali li jiddeċiedi fl-aħħar istanza, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tirrikjedi bħala bażi għal talba għal kumpens kontra l-Istat ir-revoka minn qabel tad-deċiżjoni dannuża?”

III – L-analiżi tiegħi

A – Dwar l-ewwel domanda

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tikkostitwixxix “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, sitwazzjoni fejn impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tiġi stralċata permezz ta’ deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li jkun huwa stess impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u li, fil-kuntest tal-istralċ tal-ewwel impriża:

jassumi l-pożizzjoni tal-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani u fil-kuntratti ta’ titjiriet ċarter li jkunu għadhom fis-seħħ ma’ operaturi turistiċi;

jiżviluppa l-attività li qabel kienet tipprattika l-kumpannija stralċata;

jerġa’ jimpjega ċerti ħaddiema li sa dak il-mument kienu tkeċċew mill-kumpannija stralċata u jqegħidhom jeżerċitaw funzjonijiet identiċi, u

jirċievi tagħmir żgħir mill-kumpannija stralċata.

26.

Kif jirriżulta mill-premessa 3 u mill-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva hija maħsuba biex tipproteġi lill-ħaddiema billi tiżgura li jinżammu d-drittijiet tagħhom f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża ( 10 ). F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data ta’ trasferiment ta’ negozju għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju. Rigward l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, dan jipproteġi lill-ħaddiema kontra kull tkeċċija deċiża miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju unikament fuq il-bażi tat-trasferiment.

27.

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew fużjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ ċessjoni konvenzjonali b’mod flessibbli sabiex tikseb l-għan tad-Direttiva li huwa li jiġu mħarsa l-impjegati f’każ ta’ trasferiment tal-impriża tagħhom ( 11 ). B’dan il-mod, hija tikkunsidra li din id-direttiva hija applikabbli f’kull ipoteżi ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni tal-impriża, li tikkuntratta l-obbligi tal-persuna li timpjega fil-konfront tal-impjegati tal-impriża ( 12 ).

28.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li d-Direttiva 77/187 kienet applikabbli għat-trasferiment bejn kumpanniji fi ħdan l-istess grupp ( 13 ).

29.

Barra minn hekk, hija speċifikat il-kundizzjonijiet li fihom id-Direttiva 77/187 tapplika f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża fi stat ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja jew volontarja. Għalhekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Abels ( 14 ), li din id-direttiva ma tapplikax għat-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti ta’ negozju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment ( 15 ), min-naħa l-oħra hija ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Dethier Équipement ( 16 ), li l-imsemmija direttiva tapplika f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża f’likwidazzjoni ġudizzjarja meta l-attività tal-impriża titkompla ( 17 ). Fis-sentenza tagħha Europièces ( 18 ), hija waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward ta’ impriża ttrasferita li kienet tinsab f’likwidazzjoni volontarja ( 19 ).

30.

Jirriżulta kemm mill-interpretazzjoni flessibbli li għandha ssir tal-kunċett ta’ ċessjoni konvenzjonali kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament dwar l-ipoteżi ta’ likwidazzjoni tal-entità mibjugħa li l-istralċ u l-likwidazzjoni ta’ AIA jistgħu jikkostitwixxu “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva.

31.

It-trasferiment għandu, madankollu, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva, jiġifieri irid ikun ta’ entità ekonomika, iddefinita bħala “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”, li żżomm l-“identità” tagħha, wara t-trasferiment.

32.

Biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża, jeħtieġ għalhekk li l-kriterju deċiżiv għall-eżistenza ta’ tali trasferiment jiġi ssodisfatt, jiġifieri li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet mill-persuna ġdida li timpjega ( 20 ).

33.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħalma huma l-bini jew proprjetà, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, it-teħid lura jew le tal-parti l-kbira tal-impjegati mill-prinċipal il-ġdid, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ żmien ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma sempliċement aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat ( 21 ).

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-qorti nazzjonali, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, għandha b’mod partikolari tikkunsidra t-tip ta’ impriża jew negozju involut. Fil-fehma tagħha, jirriżulta li l-importanza rispettiva li għandhom jiġu attribwiti d-diversi kriterji tal-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva tvarja neċessarjament skont l-attività mwettqa, saħansitra l-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża, fin-negozju jew fil-parti tan-negozju inkwistjoni ( 22 ).

35.

Id-diversi fatturi li jippermettu li jiġi vverifikat jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha wara li tkun inxtrat mill-persuna ġdida li timpjega u sabiex b’hekk tikkwalifika bħala operazzjoni ta’ “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, għandhom għalhekk piż li jvarja skont it-tip ta’ attività mwettqa mill-impriża inkwistjoni.

36.

Huwa deċiżiv il-fatt li wieħed ikun jaf jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha, li jirriżulta b’mod partikolari mill-eżistenza ta’ trasferiment ta’ attiv, tanġibbli jew mhux tanġibbli, sinjifikattiv, u mill-fatt li l-operat ta’ din l-entità effettivament jitkompla jew jittieħed f’idejn il-persuna l-ġdida li timpjega għall-istess attivitajiet jew għal attivitajiet simili. Dawn iż-żewġ elementi huma preżenti f’dan il-każ.

37.

Fir-rigward tat-trasferiment ta’ attiv, tanġibbli jew mhux tanġibbli, sinjifikattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrelevat li entità ekonomika tista’, f’ċerti setturi, tiffunzjona mingħajr elementi bħal dawn, b’mod li ż-żamma tal-identità ta’ entità bħal din lil hinn mit-tranżazzjoni involuta fiha ma tkunx tiddependi, loġikament, miċ-ċessjoni ta’ dawn l-elementi ( 23 ).

38.

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija madankollu storja differenti għall-impriżi li joperaw f’setturi li jeħtieġu l-użu ta’ attiv sinjifikattiv. Dan huwa l-każ. pereżempju, fis-settur tat-trasport bil-karozzi tal-linja li jeħtieġ impjanti u tagħmir sostanzjali. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-assenza ta’ trasferiment, mingħand il-proprjetarju ta’ qabel lill-proprjetarju l-ġdid tal-kuntratt, tal-attiv tanġibbli użat għall-operat tar-rotot tal-karozzi tal-linja kkonċernati, huwa fattur li għandu jitqies ( 24 ). Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’settur bħalma huwa dak tat-trasport pubbliku regolari bil-karozzi tal-linja, fejn l-elementi tanġibbli jikkontribwixxu b’mod importanti għat-twettiq tal-attività, in-nuqqas ta’ trasferiment f’livell sinjifikattiv mingħand il-proprjetarju ta’ qabel lill-proprjetarju l-ġdid tal-kuntratt ta’ tali elementi, li huma essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-entità, iwassal biex wieħed jikkunsidra li din tal-aħħar ma żammitx l-identità tagħha ( 25 ).

39.

Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, f’każ bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda wkoll is-settur tat-trasport, it-trasferiment ta’ attiv tanġibbli sinjifikattiv għandu jitqies bħala element essenzjali biex wieħed jistabbilixxi jekk hemmx “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva.

40.

Fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali li jirrigwardaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tagħti importanza partikolari lill-fattur li jirriżulta miċ-ċessjoni tal-attiv tanġibbli sinjifikattiv lil TAP.

41.

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li TAP akkwistat il-kuntratti ta’ kiri ta’ erba’ ajruplani li qabel kienu jintużaw minn AIA bħala parti mill-attività tagħha. Jirriżulta mir-reġistru li dan l-akkwist kien immotivat, b’mod partikolari, mix-xewqa ta’ TAP li tinnewtralizza l-konsegwenzi finanzjarji negattivi li setgħu jirriżultaw mit-terminazzjoni bikrija ta’ dawn il-kuntratti. Ir-raġunijiet għad-deċiżjoni ta’ TAP li takkwista l-kuntratti ta’ kiri ta’ erba’ ajruplani li sadakinhar kienu jintużaw minn AIA huma, madankollu, irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva. Hija importanti biss il-konstatazzjoni oġġettiva li dawn il-kuntratti kienu effettivament ittrasferiti lil TAP meta AIA ġiet stralċata, u li TAP kompliet tuża l-ajruplani inkwistjoni.

42.

Kif ġustament jindikaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, wieħed ma jistax jikkunsidra li, minħabba l-fatt li TAP hija azzjonist maġġoritarju u kreditur ewlieni ta’ AIA, din hija libera li tiddisponi minn kumpannija tal-grupp tagħha u li takkwista l-attiv tagħha, mingħajr ma tassumi l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva.

43.

Huwa wkoll irrelevanti li l-ajruplani akkwistati minn TAP intużaw kemm għat-trasport skedat kif ukoll għat-trasport mhux skedat. Il-fattur importanti huwa li dawn l-ajruplani ntużaw, anki jekk parzjalment, bħala parti mill-attività ta’ trasport mhux skedat ta’ TAP, li hija l-issuktar ta’ attività li kienet qabel żgurata minn AIA.

44.

Barra minn hekk, il-fatt li l-ajruplani akkwistati kienu taħt skema ta’ kiri ma jostakolax l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju minħabba li hija l-kontinwità tal-użu ta’ dan l-attiv miċ-ċessjonarju li hija determinanti.

45.

Fl-aħħar nett, lanqas il-fatt li l-ajruplani ġew irritornati meta ntemmu l-kuntratti ta’ kiri, bejn is-sena 1998 u s-sena 2000, ma huwa rilevanti. Il-fattur importanti huwa li l-kuntratti kienu effettivament ittrasferiti u li l-ajruplani ntużaw effettivament minn TAP għal perjodu ta’ żmien sinjifikattiv.

46.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li TAP ħadet post il-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani tikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju peress li turi l-akkwist minn TAP ta’ elementi ta’ attiv essenzjali għall-issuktar tal-attività li qabel kienet imwettqa minn AIA.

47.

Barra minn hekk, ta’ min josserva wkoll li TAP akkwistat ukoll tagħmir żgħir mingħand il-kumpannija stralċata, bħal tagħmir li jkun abbord u tagħmir tal-uffiċċju. Din hija indikazzjoni oħra tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju.

48.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li TAP ħadet post il-kumpannija stralċata fil-kuntratti tat-titjiriet ċarter li kienu għadhom fis-seħħ mal-operaturi turistiċi u għall-iżvilupp tal-attivitajiet imwettqa qabel minn din il-kumpannija. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-trasferiment tal-klijentela huwa indikazzjoni rilevanti tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju ( 26 ).

49.

Is-Supremo Tribunal de Justiça jidher li jikkunsidra li l-fatt li TAP kienet awtorizzata topera fis-suq tat-titjiriet ċarter u li dan diġà għamlitu “minn żmien għal żmien” ma jindikax l-eżistenza ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tad-Direttiva. Madankollu, jien naqbel mal-fehma tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-fatt li impriża hija diġà attiva jew tista’ tkun attiva f’suq partikolari ma jżommhiex milli tissokta attivitajiet simili mwettqa minn kumpannija oħra li, sadanittant, ġiet stralċata, billi testendi għalhekk l-attivitajiet tagħha.

50.

Rigward b’mod partikolari t-titjiriet li saru fl-1994, dawn kienu, kif is-Supremo Tribunal de Justiça diġà kkonstata fis-sentenza tiegħu, kuntratti konklużi minn TAP direttament mal-operaturi turistiċi għal rotot li sadakinhar ma kinitx topera fuqhom peress li dawn kienu rotot tradizzjonali ta’ AIA. Skont is-Supremo Tribunal de Justiça, “TAP wettqet, bħalma setgħet għamlet kwalunkwe kumpannija oħra tal-ajru, attività li ma kienet tirrappreżenta xejn iktar ħlief l-okkupazzjoni ta’ spazju fis-suq li tħalla liberu bil-waqfien ta’ AIA”.

51.

Madankollu, kif ġustament jindikaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt stess li TAP bdiet twettaq attività li qabel kienet titwettaq minn kumpannija oħra tal-grupp tagħha u li, sadanittant, ġiet stralċata jikkostitwixxi indikazzjoni importanti tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju minħabba li juri l-issuktar minn TAP tal-attività li qabel kienet titwettaq minn AIA.

52.

Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça jibbaża fuq is-sentenza Süzen ( 27 ) biex jikkunsidra li s-sempliċi ssuktar ta’ attività mwettqa minn impriża oħra ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju ( 28 ). Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta dan l-issuktar ta’ attività jkun akkumpanjat mill-akkwist ta’ elementi ta’ attiv sinjifikattivi, ftit jibqa’ dubju dwar l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju.

53.

Il-fatt li TAP issoktat bl-attività li qabel kienet titwettaq minn AIA jintwera wkoll minn indikazzjoni oħra mressqa mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri r-riintegrazzjoni fi ħdan TAP ta’ impjegati li qabel kienu jaħdmu mal-kumpannija stralċata, u dan biex iwettqu funzjonijiet identiċi għal dawk li kienu jwettqu fi ħdan din il-kumpannija.

54.

Kif is-Supremo Tribunal de Justiça diġà kkonstata fis-sentenza tiegħu, ġie ppruvat li żewġ impjegati, li sadakinhar kienu ssekondati minn TAP mad-dipartiment kummerċjali ta’ AIA, wara l-istralċ ta’ din tal-aħħar, ġew allokati minn TAP fid-dipartiment kummerċjali tagħha stess f’pożizzjonijiet fil-qasam tat-titjiriet mhux skedati ad hoc u tal-kuntratti ta’ titjiriet ċarter tal-istaġun tal-avjazzjoni tas-sajf tas-sena 1993.

55.

Skont is-Supremo Tribunal de Justiça, din ma hijiex żamma minn TAP ta’ ħaddiema li qabel kienu impjegati minn AIA. Dawn il-ħaddiema kienu marbuta ma’ TAP b’kuntratt ta’ xogħol. Għaldaqstant, dawn kienu ħaddiema impjegati minn TAP u mhux minn AIA. L-impjegati kkonċernati kienu ssekondati minn TAP biex iwettqu funzjonijiet fi ħdan AIA u huma ġew lura, wara l-istralċ ta’ AIA, fil-kumpannija li kienet timpjegahom. Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça jqis għalhekk li r-ritorn tal-ħaddiema ta’ TAP fil-kumpannija tagħhom, wara l-istralċ ta’ AIA fejn kienu ssekondati, huwa r-riżultat tat-twettiq tal-kuntratt ta’ xogħol li kkonkludew mal-persuna li timpjegahom, jiġifieri TAP. Anki jekk dawn il-ħaddiema ġew integrati f’pożizzjonijiet korrispondenti għall-kategorija tagħhom u wettqu matul is-sajf tas-sena 1993 funzjonijiet fil-qasam tat-titjiriet mhux skedati mwettqa minn TAP dik is-sena, l-attività ta’ dawn il-ħaddiema fi ħdan TAP ma tippermettix, skont is-Supremo Tribunal de Justiça, l-identifikazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ entità ekonomika awtonoma ffokata fuq it-titjiriet mhux skedati.

56.

Madankollu, kif jinnotaw ġustament ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-assenjazzjoni mill-ġdid taż-żewġ impjegati fi ħdan TAP f’funzjonijiet direttament marbuta mas-settur tat-titjiriet mhux skedati hija indikattiva tal-issuktar tal-attività ta’ AIA minn TAP, attività li kienet issir qabel minn żmien għal żmien, b’mod li tikkonferma ftit iktar l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju. Barra minn hekk, dawn l-impjegati jidhru li huma “għaqda organizzata” ( 29 ), peress li huma ġew allokati, fi ħdan TAP, għal funzjonijiet simili għal dawk li huma kienu jwettqu fi ħdan AIA.

57.

Bħala indizji addizzjonali tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju, ta’ min jinnota l-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u wara t-trasferiment. Kif tinnota l-Kummissjoni, AIA kienet impriża tat-trasport bl-ajru li tispeċjalizza fit-titjiriet mhux skedati. TAP, li l-qofol tan-negozju tagħha huwa t-trasport bl-ajru, kienet awtorizzata topera kemm titjiriet skedati kif ukoll titjiriet mhux skedati, u għalhekk kienet awtorizzata topera fis-suq tat-titjiriet ċarter, ħaġa li fil-fatt kienet diġà tagħmel, għalkemm mhux fuq bażi regolari ( 30 ). Għaldaqstant hemm xebh kbir bejn l-attivitajiet imwettqa miż-żewġ impriżi.

58.

Fl-aħħar nett, rigward il-kriterju relatat ma’ sospensjoni eventwali tal-attivitajiet, ġie stabbilit li TAP kienet bdiet topera, mill-1 ta’ Mejju 1993, jiġifieri minnufih wara l-istralċ ta’ AIA, ta’ mill-inqas parti mit-titjiriet ċarter li AIA kienet intrabtet li topera għall-istaġun tas-sajf tas-sena 1993. Għalhekk ma kien hemm l-ebda sospensjoni ta’ attività ta’ tul sinjifikattiv. Għall-kuntrarju, kien hemm kontinwità tal-attività, peress li madwar ħmistax-il jum wara l-istralċ ta’ AIA, TAP ħadet postha biex teżegwixxi l-kuntratti relatati mat-titjiriet ikkonċernati.

59.

Dawn l-indikazzjonijiet kollha juru, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ “trasferiment ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva.

60.

Madankollu, is-Supremo Tribunal de Justiça wasal għal konklużjoni differenti peress li għażel interpretazzjoni wisq restrittiva tal-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità tal-entità ttrasferita. Speċifikament, ir-raġunament tiegħu f’ebda mument ma jsemmi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienet madankollu twasslu għal soluzzjoni differenti, jiġifieri s-sentenza Klarenberg ( 31 ), li ngħatat xi jiem qabel is-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça, li fil-kuntest tagħha l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet, kienu ġew ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 ( 32 ).

61.

Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça ta importanza partikolari lill-kriterju li, biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “trasferiment”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva, wieħed irid ikun jista’ jidentifika l-unità ekonomika ċeduta fil-kapital taċ-ċessjonarju ( 33 ).

62.

F’dan ir-rigward, is-Supremo Tribunal de Justiça nnota li ma ġiex ippruvat li TAP ħolqot servizz ta’ titjiriet mhux skedati li jimplementa speċifikament l-istruttura li kienet ta’ AIA. Fid-dawl tal-fatti kollha kkonstatati, TAP ma akkwistatx entità ekonomika mmirata direttament u b’mod awtonomu li tkompli l-attività tat-titjiriet ċarter li qabel kienet issir minn AIA. B’mod partikolari, ma kienx hemm trasferiment ta’ diversi elementi separati li, sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid fi ħdan TAP bit-twaqqif ta’ impriża jew negozju awtonomu. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indizju li TAP għandha unità ddedikata għall-attività tat-titjiriet ċarter organizzata b’mod awtonomu għal dan il-għan.

63.

Minn dan isegwi li, skont is-Supremo Tribunal de Justiça, l-analiżi globali tal-indizji ma tippermettix li wieħed jirrikonoxxi, fi ħdan TAP, grupp ta’ riżorsi materjali u umani li huma ta’ appoġġ għall-attività tat-titjiriet ċarter, organizzat b’mod awtonomu għal dan il-għan, jiġifieri entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha u tissokta b’mod awtonomu b’attività ta’ avjazzjoni kummerċjali mhux skedata fi ħdan TAP. Għall-kuntrarju, is-Supremo Tribunal de Justiça jirrileva li t-tagħmir ta’ AIA, li sussegwentement intuża minn TAP, tħallat mal-bqija tat-tagħmir ta’ TAP u li din għamlet titjiriet skedati u mhux skedati li għalihom użat il-persunal tagħha u t-tagħmir tal-kumpannija tal-ajru tagħha mingħajr distinzjoni.

64.

Fil-konfront ta’ dan l-argument, għandu jiġi nnotat li, fis-sens tad-Direttiva, jista’ jkun hemm trasferiment biż-żamma tal-identità tal-entità ttrasferita anki meta din ma żżommx l-istruttura organizzattiva awtonoma tagħha. Fi kliem ieħor, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċieda s-Supremo Tribunal de Justiça, il-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità ma tfissirx li l-entità ekonomika ttrasferita għandha żżomm l-awtonomija tagħha fl-istruttura taċ-ċessjonarju.

65.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Klarenberg ( 34 ), l-argument tal-konvenuta fil-kawża prinċipali kien l-istess bħal dak użat mis-Supremo Tribunal de Justiça sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju. Din il-parti argumentat, fil-fatt, li l-“entità ekonomika” ddefinita fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva, iżżomm l-identità tagħha biss jekk tinżamm ir-rabta organizzattiva li tgħaqqad lill-persuni u/jew l-elementi kollha. Għall-kuntrarju, l-entità ekonomika ttrasferita ma żżommx l-identità tagħha jekk, wara ċ-ċessjoni, hija titlef l-awtonomija tagħha mill-aspett organizzattiv, billi r-riżorsi akkwistati jiġu integrati miċ-ċessjonarju fi struttura kompletament ġdida ( 35 ).

66.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali kunċett tal-identiċità tal-entità ekonomika, li huwa bbażat unikament fuq il-fattur relatat mal-awtonomija organizzattiva, ma jistax jiġi aċċettat, u dan b’mod partikolari fid-dawl tal-għan segwit mid-direttiva, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema f’sitwazzjoni ta’ trasferiment. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni timplika, minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment tiddeċiedi li xxolji l-parti tal-impriża jew tan-negozju akkwistata u li tintegraha fl-istruttura tagħha stess, l-esklużjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva għal dik il-parti tal-impriża jew tan-negozju, u b’hekk iċċaħħad lill-ħaddiema kkonċernati mill-protezzjoni mogħtija minnha ( 36 ).

67.

Rigward il-fattur relatat mal-aspett organizzattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li dan jgħin biex jiddefinixxi l-identità ta’ entità ekonomika ( 37 ). Madankollu, hija ddeċidiet ukoll li bidla fl-istruttura organizzattiva tal-entità ttrasferita ma tipprekludix l-applikazzjoni tad-Direttiva ( 38 ).

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li “l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 jiddefinixxi l-identità ta’ entità ekonomika billi jirreferi għal ‘għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le’, b’tali mod li ma jenfasizzax biss l-element organizzattiv tal-entità ttrasferita iżda wkoll dak tat-tkomplija tal-attività ekonomika tagħha” ( 39 ). Minn dan hija ddeduċiet li l-kundizzjoni marbuta maż-żamma tal-identità ta’ entità ekonomika fis-sens tad-Direttiva għandha tiġi interpretata billi jiġu kkunsidrati ż-żewġ elementi, kif previsti fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, li, meħuda flimkien, jikkostitwixxu din l-identità, kif ukoll l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema previst mid-Direttiva ( 40 ).

69.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u biex ma ċċaħħadx id-Direttiva minn parti mill-effettività tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien jeħtieġ li tinterpreta l-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità ta’ entità ekonomika mhux fis-sens li hija teżiġi ż-żamma tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda fis-sens li hija tippreżupponi ż-żamma tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà bejn dawn il-fatturi ( 41 ).

70.

Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk ikunu integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex jissokta b’attività ekonomika identika jew simili ( 42 ).

71.

Fid-dawl tas-sentenza Klarenberg ( 43 ), ma huwiex wisq rilevanti li l-entità akkwistata ġiet xolta fl-organizzazzjoni ta’ TAP, peress li nżammet rabta funzjonali bejn, minn naħa waħda, l-elementi tal-attiv u l-persunal assorbiti u min-naħa l-oħra, l-issuktar tal-attività li qabel kienet titwettaq minn AIA.

72.

Fis-sentenza tiegħu, is-Supremo Tribunal de Justiça ta importanza partikolari lill-fatt li l-ajruplani u l-persunal akkwistati ntużaw għat-titjiriet skedati u għat-titjiriet mhux skedati. Din iċ-ċirkustanza hija, fil-fehma tiegħu, tali li turi li ma kienx hemm żamma ta’ entità ekonomika ddedikata għall-attività tat-titjiriet mhux skedati fi ħdan TAP.

73.

F’dan ir-rigward, jidhirli li ma huwiex wisq rilevanti li l-elementi ttrasferiti ma ntużawx biss għat-titjiriet mhux skedati, iżda wkoll għat-titjiriet skedati. Il-kundizzjoni dwar iż-żamma tal-identità tal-entità akkwistata ma teħtieġx l-użu esklużiv ta’ assi ttrasferiti għall-benefiċċju tal-attività ssuktata. Ir-rabta funzjonali bejn dawn l-assi u l-attività ssuktata tibqa’ anki jekk l-imsemmija elementi jintużaw ukoll għat-twettiq ta’ attività oħra, a fortiori meta tkun attività simili fis-settur tat-trasport bl-ajru.

74.

Kif issostni l-Kummissjoni, jirriżulta mis-sentenza Klarenberg ( 44 ) li l-istralċ ta’ AIA u l-integrazzjoni ta’ parti kbira mill-attiv tagħha fl-istruttura organizzattiva ta’ TAP, anki jekk ma żammewx identità “awtonoma”, ma jeskludux l-applikazzjoni tad-Direttiva. Il-fattur importanti huwa li l-mezzi ttrasferiti jżommu l-identità tagħhom u jintużaw, wara t-trasferiment, biex tissokta attività ekonomika identika jew simili.

75.

Issa, f’dan il-każ, l-assi ta’ AIA għall-ewwel (matul l-istaġun tal-avjazzjoni tas-sajf tal-1993) intużaw sabiex titkompla attività identika għal dik ta’AIA, jiġifieri t-titjiriet ċarter li AIA kienet intrabtet li twettaq, u mbagħad biex titkompla attività identika (titjiriet ċarter organizzati minn TAP) jew simili (titjiriet skedati ta’ TAP).

76.

Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Klarenberg ( 45 ), it-termini tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jikkonfermaw li, f’moħħ il-leġiżlatur tal-Unjoni, din hija maħsuba biex tapplika għal kwalunkwe trasferiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), irrispettivament minn jekk l-entità ekonomika ttrasferita żżommx jew le l-awtonomija tagħha fl-istruttura taċ-ċessjonarju ( 46 ).

77.

Naturalment, hija l-qorti tar-rinviju li finalment għandha tiddetermina jekk il-kriterji tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ negozju humiex issodisfatti f’dan il-każ. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, jekk l-identità tal-unità ekonomika ttrasferita nżammitx jew le ( 47 ).

78.

Madankollu, il-kuntest partikolari tal-każ fil-kawża prinċipali, li huwa l-konsegwenza ta’ pożizzjonijiet diverġenti ta’ qrati nazzjonali, għandu, fil-fehma tiegħi, iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi b’mod kemm iktar preċiż kif ukoll dirett lill-qorti tar-rinviju.

79.

Għaldaqstant nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju jkopri sitwazzjoni fejn impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tkun stralċata permezz ta’ deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li jkun huwa stess impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u li, fil-kuntest tal-istralċ tal-ewwel impriża:

jassumi l-pożizzjoni tal-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani u fil-kuntratti ta’ titjiriet ċarter li jkunu għadhom fis-seħħ ma’ operaturi turistiċi;

jiżviluppa l-attività li qabel kienet tipprattika l-kumpannija stralċata;

jerġa’ jimpjega ċerti ħaddiema li sa dak il-mument kienu tkeċċew mill-kumpannija stralċata u jqegħidhom jeżerċitaw funzjonijiet identiċi, u

jirċievi tagħmir żgħir mill-kumpannija stralċata.

B – Dwar it-tieni domanda

80.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, bħas-Supremo Tribunal de Justiça, fid-dawl tal-fatt deskritt fid-domanda preċedenti u l-fatt li l-qrati nazzjonali inferjuri li quddiemhom tressaq il-każ adottaw deċiżjonijiet kunfliġġenti, kellhiex l-obbligu li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “trasferiment ta’ negozju” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva.

81.

Għandu jitfakkar, fuq bażi preliminari, li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom ( 48 ).

82.

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-fatti partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 49 ).

83.

B’mod partikolari, l-obbligu ta’ rinviju, stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 KE, jaqa’ fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilita sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni t-tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-kwalità tagħhom ta’ qrati responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, u l-Qorti tal-Ġustizzja ( 50 ).

84.

Għandu jitfakkar li l-obbligu tal-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju, li jressqu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu b’mod partikolari l-għan li jevita li tiġi stabbilita, fi Stat Membru, xi ġurisprudenza nazzjonali li ma tkunx konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 51 ).

85.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-għan jintlaħaq meta jkunu marbuta b’dan l-obbligu ta’ rinviju, ħlief fil-limiti permessi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Cilfit et ( 52 ), il-qrati supremi kif ukoll kwalunkwe qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju ( 53 ).

86.

Sa fejn ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha l-obbligu, fil-prinċipju, li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE meta titqajjem quddiemha kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat FUE ( 54 ).

87.

Mir-relazzjoni bejn it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-qrati msemmija fit-tielet paragrafu jgawdu mill-istess setgħa diskrezzjonali bħall-qrati nazzjonali kollha l-oħra f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk hijiex neċessarja deċiżjoni fuq punt ta’ liġi tal-Unjoni biex dawn ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-qrati ma humiex obbligati li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tqajmet quddiemhom, jekk il-kwistjoni ma tkunx rilevanti, jiġifieri, fil-każijiet li, tkun xi tkun ir-risposta għal dik il-kwistjoni, din ma jkun jista’ jkollha l-ebda effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima ( 55 ).

88.

Min-naħa l-oħra, fil-każ li dawn jikkonstataw li huwa neċessarju li jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawża quddiemhom, l-Artikolu 267 TFUE jimponi fuqhom, bħala prinċipju, l-obbligu li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kull kwistjoni ta’ interpretazzjoni li tqum ( 56 ).

89.

B’dan il-mod, fil-każ ta’ tilwima li tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju huwa li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali għandha obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-possibbiltà li tirrinunzja milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija l-eċċezzjoni.

90.

Is-sentenza Cilfit et ( 57 ) timponi fuq il-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza dmir ikbar ta’ motivazzjoni meta jastjenu milli jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja.

91.

B’hekk, fir-rigward tal-ambitu tal-obbligu msemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif ġie limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew minn wara din is-sentenza li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali hija meħtieġa, meta titqajjem quddiemha kwistjoni dwar id-dritt tal-Unjoni, li twettaq l-obbligu tagħha ta’ rinviju, sakemm ma ssibx li l-kwistjoni mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni timponi ruħha b’mod tant evidenti li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli. L-eżistenza ta’ tali eventwalità għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi tad-dritt tal-Unjoni, tad-diffikultajiet partikolari li l-interpretazzjoni tiegħu toħloq u tar-riskju ta’ diverġenza fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 58 ).

92.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Köbler ( 59 ), il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Cilfit et ( 60 ) tħalli biss f’idejn il-qorti nazzjonali r-responsabbiltà li tevalwa jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni timponix ruħha b’mod tant evidenti li ma tħalli ebda lok għal dubju raġonevoli u, għalhekk, li tiddeċiedi jekk tastjenix jew le milli tirreferi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tqajmet quddiemha lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 61 ).

93.

Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju u minħabba l-eżistenza ta’ pożizzjonijiet diverġenti fost il-qrati nazzjonali rigward l-interpretazzjoni li għandha tingħata fir-rigward tal-fatti tal-każ, is-Supremo Tribunal de Justiça kienx iġġustifikat jew le li ma jsib “ebda dubju raġonevoli” dwar il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni mqajma u għaldaqstant setax jastjeni milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

94.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali għandhom jeżerċitaw prudenza partikolari qabel ma jeliminaw l-eżistenza ta’ kwalunkwe dubju raġonevoli. Huma għandhom jispjegaw ir-raġunijiet għaliex huma ċerti li qegħdin japplikaw b’mod korrett id-dritt tal-Unjoni.

95.

Din il-prudenza għandha twassalhom, b’mod partikolari, sabiex jiddeterminaw b’mod preċiż jekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jagħżlu tikkunsidrax debitament il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li toħloq l-interpretazzjoni tiegħu kif ukoll ir-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni.

96.

Is-Supremo Tribunal de Justiça kkunsidra li l-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva, u b’mod partikolari dak tat-trasferiment ta’ negozju, kienu ċari biżżejjed fir-rigward tal-interpretazzjoni ġudizzjarja. Dan kien ifisser, fil-fehma tiegħu, li f’dan il-każ ma kienx hemm ħtieġa li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari.

97.

Dan l-approċċ jidhirli li huwa żbaljat għaliex nafu li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju huwa kkaratterizzat minn approċċ ta’ każ b’każ. Il-każijiet li jitressqu suċċessivament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha tirfina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett. Din hija għalhekk ġurisprudenza li tevolvi kontinwament. Din il-karatteristika kellha twassal lis-Supremo Tribunal de Justiça għal approċċ prudenti qabel ma jiddeċiedi li ma jadixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja.

98.

Ma’ din il-kunfidenza eċċessiva fin-natura kkonsolidata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju hemm ukoll kunsiderazzjoni inkompleta ta’ din il-ġurisprudenza, li wasslet lis-Supremo Tribunal de Justiça biex jagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-kunċett.

99.

F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett li għandu jiġi interpretat, qorti nazzjonali li, fil-prinċipju, hija suġġetta għall-obbligu tar-rinviju u li tikkunsidra li t-tilwima li tressqet quddiemha tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha żewġ possibbiltajiet minn fejn tagħżel. Jew tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb iktar kjarifiki fid-dawl tat-tilwima li trid tiddeċiedi dwarha, jew tiddeċiedi li ma twettaqx l-obbligu tagħha tar-rinviju, iżda mbagħad ikollha taċċetta u tapplika r-risposta diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk ma tadotta l-ebda waħda minn dawn il-possibbiltajiet u tagħti interpretazzjoni oħra tal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, din il-qorti twettaq ksur ta’ dan id-dritt li għandu jitqies li huwa suffiċjentement ikkaratterizzat ( 62 ). Dan jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat b’mod suffiċjenti meta dan isir b’mod manifestament kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett ( 63 ).

100.

Fil-qosor, kieku kkunsidra sewwa u kompletament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża dik l-iktar reċenti, is-Supremo Tribunal de Justiça ma kienx ikun daqstant ċert rigward l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huwa għamel.

101.

Huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta pożizzjoni stretta rigward it-tfakkir tal-obbligu tar-rinviju li għandhom il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-każ Traghetti del Mediterraneo ( 64 ) u kif juri dan il-każ, “il-ksur ta’ tali obbligu jista’ jwassal biex il-qorti kkonċernata tagħmel żball [...], kemm jekk ikun żball fl-interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] applikabbli kif ukoll żball fid-deduzzjoni tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha għal interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jew għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt [tal-Unjoni]” ( 65 ).

102.

Barra minn hekk, insostni li n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali tal-obbligu tagħhom ta’ rinviju jċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-funzjoni fundamentali mogħtija lilha mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tiżgura “r-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati”.

103.

Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-proċess li, fil-kuntest ta’ dan il-każ, il-qrati Portugiżi kienu waslu għal pożizzjonijiet diverġenti rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju. Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kontradittorji meħuda minn qrati nazzjonali waħedha ma hijiex suffiċjenti biex jiskatta l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, din hija element kuntestwali li jsaħħaħ il-kunsiderazzjoni li s-Supremo Tribunal de Justiça kellu jkun iktar prudenti u jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

104.

Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li, fil-fehma tiegħi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, bħas-Supremo Tribunal de Justiça, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

C – Dwar it-tielet domanda

105.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tas-sentenza Köbler ( 66 ), għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li kkawżat id-dannu.

106.

Infakkar li, skont l-Artikolu 13(2) tas-SRMKI, “[it-]talba għall-kumpens għandha tkun ibbażata fuq l-annullament minn qabel tad-deċiżjoni li tikkawża d-dannu mill-qorti kompetenti”.

107.

Sabiex jiġi stabbilit jekk din il-kundizzjoni hijiex konformi jew le mad-dritt tal-Unjoni, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li għalih huwa responsabbli huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat ( 67 ).

108.

Fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli għal deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, minħabba l-ispeċifiċità tal-funzjoni ġudizzjarja kif ukoll ir-rekwiżiti leġittimi taċ-ċertezza legali, ir-responsabbiltà tal-Istat, f’ipoteżi simili, ma hijiex bla limitu. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-responsabbiltà ma tirriżultax ħlief fil-każ eċċezzjonali fejn qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkun kisret b’mod manifest id-dritt applikabbli. Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, il-qorti nazzjonali li trid tiddeċiedi dwar talba għad-danni għandha, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni quddiemha u, b’mod partikolari, il-grad ta’ ċarezza u preċiżjoni tar-regola li ma ġietx osservata, in-natura volontarja tal-ksur, in-natura skużabbli jew le tal-iżball ta’ liġi, il-pożizzjoni li ttieħdet, meta applikabbli, minn istituzzjoni tal-Unjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-qorti inkwistjoni, tal-obbligu tagħha li titlob deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ( 68 ).

109.

Kif diġà indikajt qabel, din l-inosservanza manifesta tad-dritt tal-Unjoni applikabbli hija preżunta, fi kwalunkwe każ, meta d-deċiżjoni kkonċernata tittieħed billi b’mod ċar ma tiġix kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett ( 69 ).

110.

Dritt għal kumpens jinħoloq għalhekk, jekk din il-kundizzjoni relatata mal-inosservanza manifesta tad-dritt tal-Unjoni applikabbli tkun sodisfatta, hekk kif ikun ġie stabbilit li r-regola tad-dritt miksura għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi u li hemm rabta kawżali diretta bejn l-allegat ksur manifest u d-dannu mġarrab mill-persuna kkonċernata. Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma, fil-fatt, neċessarji u suffiċjenti biex jagħtu, favur l-individwi, dritt biex jinkiseb kumpens, mingħajr madankollu ma jiġi eskluż li jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali ( 70 ).

111.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tippreċiża li, bla ħsara għad-dritt għal kumpens għad-danni li huwa msejjes direttament fuq id-dritt tal-Unjoni, ladarba dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat skont id-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm dawn ma jkunux ġestiti b’mod li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) ( 71 ).

112.

Huwa fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li wieħed jeżamina l-modalità proċedurali prevista fl-Artikolu 13(2) tas-SRMKI. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk tali modalità proċedurali hijiex ta’ natura li trendi, fil-prattika u f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impossibbli jew ferm diffiċli l-kisba ta’ kumpens mill-individwu li jkun ġarrab id-dannu.

113.

Il-punt kruċjali hawnhekk huwa li jiġi ddeterminat jekk dan l-individwu jibbenefikax jew le mill-possibbiltà ta’ azzjoni kontra s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça li kkawżatlu d-dannu. Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Gvern Portugiż, għall-ewwel wieġeb fin-negattiv għal din il-mistoqsija qabel ma biddel ftit ir-risposta tiegħu b’mod ftit li xejn konvinċenti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-istat tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar dan il-punt. Jekk din il-qorti tasal għall-konstatazzjoni li l-individwu li ġarrab id-dannu ma għandux il-possibbiltà ta’ azzjoni kontra s-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça li kkawżatlu d-dannu, ikun xieraq li tikkunsidra li l-modalità proċedurali prevista mill-Artikolu 13(2) tas-SRMKI tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività sa fejn din tagħmilha impossibbli għal dan l-individwu li jikseb kumpens.

114.

Fi kwalunkwe każ, jidhirli mid-dibattiti li saru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk tali possibbiltà ta’ azzjoni kontra sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça kellha tkun identifikata, din tidher li hija pjuttost teoretika u diffiċli biex tiġi implementata ( 72 ). Għaldaqstant, sa fejn il-modalità proċedurali prevista fl-Artikolu 13(2) tas-SRMKI toħloq, f’din l-ipoteżi, ostaklu serju għall-kisba ta’ kumpens mill-individwu ġarrab id-dannu, hija tibqa’, fil-fehma tiegħi, kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, tali modalità proċedurali tagħmilha ferm diffiċli għal dan l-individwu sabiex jikseb kumpens.

115.

Għaldaqstant jiena nikkonkludi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tas-sentenza Köbler ( 73 ), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li kkawżat id-dannu.

IV – Konklużjoni

116.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nipproponi li r-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi li saru mill-Varas Cíveis de Lisboa għandhom ikunu skont kif ġej:

1)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ trasferiment ta’ negozju jkopri sitwazzjoni fejn impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tkun stralċata permezz ta’ deċiżjoni tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, li jkun huwa stess impriża attiva fis-settur tal-avjazzjoni u li, fil-kuntest tal-istralċ tal-ewwel impriża:

jassumi l-pożizzjoni tal-kumpannija stralċata fil-kuntratti ta’ kiri ta’ ajruplani u fil-kuntratti ta’ titjiriet ċarter li jkunu għadhom fis-seħħ ma’ operaturi turistiċi;

jiżviluppa l-attività li qabel kienet tipprattika l-kumpannija stralċata;

jerġa’ jimpjega ċerti ħaddiema li sa dak il-mument kienu tkeċċew mill-kumpannija stralċata u jqegħidhom jeżerċitaw funzjonijiet identiċi, u

jirċievi tagħmir żgħir mill-kumpannija stralċata.

2)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex suġġetti għal rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, bħas-Supremo Tribunal de Justiça (Qorti Suprema, il-Portugall), għandha l-obbligu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

3)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tas-sentenza Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi sistema nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-kundizzjoni li l-ewwel tiġi annullata d-deċiżjoni li kkawżat id-dannu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 82, p. 16, iktar ’il quddiem id-“direttiva”.

( 3 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.

( 4 ) ĠU L 61, p. 26.

( 5 ) ĠU L 201, p. 88.

( 6 ) Iktar ’il quddiem is-“SRMKI”

( 7 ) Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 251, tal-31 ta’ Diċembru 2007.

( 8 ) Diário da República, l-ewwel Serje, Nru 137, tas-17 ta’ Lulju 2008.

( 9 ) Is-Supremo Tribunal de Justiça jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punt 15 tas-sentenza Süzen (C‑13/95, EU:C:1997:141).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet Gimnasio Deportivo San Andrés (C‑688/13, EU:C:2015:46, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Jouini et (C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punti 17, 20 u 21).

( 14 ) 135/83, EU:C:1985:55.

( 15 ) Punt 30.

( 16 ) C‑319/94, EU:C:1998:99.

( 17 ) Punt 32.

( 18 ) C‑399/96, EU:C:1998:532.

( 19 ) Punt 35.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Spijkers (24/85, EU:C:1986:127, punt 13); Redmond Stichting (C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 24); Süzen (C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 14), kif ukoll Abler et (C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 33).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ibidem (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ibidem (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Ibidem (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) C‑13/95, EU:C:1997:141.

( 28 ) Punt 15.

( 29 ) Sentenza Jouini et (C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 32).

( 30 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça.

( 31 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.

( 32 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2008:614).

( 33 ) Punt 3.6.1, l-aħħar paragrafu.

( 34 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.

( 35 ) Punt 42.

( 36 ) Punt 43.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 27); Mayeur (C‑175/99, EU:C:2000:505, punt 53); Liikenne (C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 34), kif ukoll Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 44).

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mayeur (C‑175/99, EU:C:2000:505, punt 54); Jouini et (C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 36), kif ukoll Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 44).

( 39 ) Sentenza Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 45).

( 40 ) Ibidem (punt 46).

( 41 ) Ibidem (punt 47).

( 42 ) Ibidem (punt 48).

( 43 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.

( 44 ) Idem.

( 45 ) Idem.

( 46 ) Punt 50.

( 47 ) Punt 49.

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schneider (C‑380/01, EU:C:2004:73, punt 20); Stradasfalti (C‑228/05, EU:C:2006:578, punt 44), kif ukoll Kirtruna u Vigano (C‑313/07, EU:C:2008:574, punt 25).

( 49 ) Sentenzi Schneider (C‑380/01, EU:C:2004:73, punt 21); Längst (C‑165/03, EU:C:2005:412, punt 31), kif ukoll Kirtruna u Vigano (C‑313/07, EU:C:2008:574, punt 26).

( 50 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ibidem (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) 283/81, EU:C:1982:335.

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Sentenza Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Ibidem (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Ibidem (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) 283/81, EU:C:1982:335.

( 58 ) Sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 33).

( 59 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.

( 60 ) 283/81, EU:C:1982:335.

( 61 ) Sentenza Intermodal Transports (C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara Pertek, J., “Renvoi préjudiciel en interprétation”, JurisClasseur Europe Traité, faxxikolu 361, 2010, § 97.

( 63 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) C‑173/03, EU:C:2005:602.

( 65 ) Punt 66.

( 66 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.

( 67 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 68 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Ibidem (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 71 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 72 ) Matul is-seduta, il-Gvern Portugiż indika, barra minn hekk, li huwa ma kienx jaf b’każijiet fejn l-Artikolu 696(f) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż il-ġdid kien ġie implementat f’sitwazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça mad-dritt tal-Unjoni.

( 73 ) C‑224/01, EU:C:2003:513.