KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑153/14

Minister van Buitenlandse Zaken

vs

K u A

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 2003/86/KE — Riunifikazzjoni tal-familja — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi — Artikolu 7(2) — Miżuri ta’ integrazzjoni — Prova ta’ għarfien bażiku tal-lingwa uffiċjali u ta’ għarfien kulturali tal-pajjiż”

I – Introduzzjoni

1.

Il-kawża preżenti tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jistax ikun obbligat jagħmel eżami lingwistiku u kulturali ta’ Stat Membru qabel ma jiġi awtorizzat, fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja, jidħol f’dan l-Istat Membru fejn huwa legalment residenti l-konjuġi tiegħu li huwa wkoll ċittadin ta’ pajjiż terz.

2.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tinterpreta l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/86 ( 2 ) dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja”) u tevalwa jekk l-eżami inkwistjoni huwiex “miżura ta’ integrazzjoni” permissibbli li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru jista’ jimponi fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jixtieq jingħaqad mal-familja tiegħu.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Il-kunċett ta’ miżura ta’ integrazzjoni ma jidhirx biss fid-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, iżda wkoll fid-Direttiva 2003/109 ( 3 ) dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul”) kif ukoll fid-Direttiva 2009/50 ( 4 ) dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva dwar ċittadini bi kwalifiki għoljin”).

1. Id-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja

4.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja huwa li “li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi”.

5.

Il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”. L-Artikolu 7(2) tiegħu jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ integrazzjoni u jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jikkonformaw ruħhom mal-miżuri ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tar-refuġjati u/jew membri tal-familja ta’ refuġjati li jirreferi għalihom l-Artikolu 12 il-miżuri ta’ integrazzjoni li jirreferi għalihom l-ewwel subparagrafu jistgħu biss ikunu applikati meta l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.”

6.

Fil-Kapitolu VII (“Pieni u rimedju”), l-Artikolu 17 tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu [debitament] n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

2. Id-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul

7.

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul, Stat Membru jista’ jeżiġi li ċittadin ta’ pajjiż terz li jixtieq ikollu l-istatus ta’ persuna residenti fit-tul, jikkonforma ma’ “kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni” skont il-liġi nazzjonali.

8.

Fil-każ li persuna li tkun residenti fit-tul fi Stat Membru tapplika għal permess ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, dan l-Istat Membru jista’, skont l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul, jeżiġi lill-persuna kkonċernata tikkonforma ma’ miżuri ta’ integrazzjoni, skont id-dritt nazzjonali, sakemm dan ma jkunx diġà ntalab jissodisfa kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar ċittadini residenti għat-tul, għall-finijiet tal-kisba tal-istatus ta’ residenti fit-tul.

3. Id-Direttiva dwar ċittadini bi kwalifiki għoljin

9.

Id-Direttiva dwar ċittadini bi kwalifiki għoljin tiffavorixxi ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex tinkoraġġixxi l-immigrazzjoni tagħhom. L-Artikolu 15(3) ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“B’deroga […] mill-Artikolu 7(2) [tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja] […], il-kondizzjonijiet u l-miżuri ta’ integrazzjoni msemmijin fiha jistgħu japplikaw biss wara li l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw ir-riunifikazzjoni tal-familja.”

B – Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

10.

Skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-konjuġi li jixtieq jingħaqad mal-familja tiegħu għandu jagħti prova, qabel ma jidħol fil-pajjiż, ta’ għarfien bażiku tal-lingwa Olandiża fil-Livell A1 ( 5 ) tal-Qafas ta’ Riferiment Komuni Ewropew għal-Lingwi ( 6 ) u ta’ għarfien bażiku tal-Pajjiżi l-Baxxi.

11.

Sabiex jagħti prova ta’ dan, huwa għandu jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni bi ħlas. Kull min ma jħallasx l-ammont tal-eżami ta’ integrazzjoni ta’ EUR 350, ma jkunx awtorizzat jagħmel l-eżami.

12.

Eżenzjoni mill-eżami ta’ integrazzjoni tista’ tingħata fil-każ ta’ diżabbiltà mentali jew fiżika serja.

13.

Barra minn hekk, il-persuna li tixtieq tingħaqad mal-familja tagħha tista’ tibbaża ruħha fuq klawżola ta’ salvagwardja, jekk minħabba ċirkustanzi individwali speċjali ħafna, ma jkunx possibbli għaliha, permanentement, li tgħaddi mill-eżami, u tagħti prova li hija għamlet kull sforz raġonevolment mistenni li hija tagħmel sabiex tgħaddi mill-eżami.

14.

Fl-aħħar nett, iċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi huma wkoll eżentati mill-obbligu ta’ eżami.

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.

K, ċittadina tal-Azerbajġan, u A, ċittadina tan-Niġerja, jixtiequ jemigraw lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, fejn diġà jirrisjedu l-konjuġi tagħhom, li huma wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 7 ).

16.

Sabiex jiġu eżentati mill-eżami ta’ integrazzjoni, huma invokaw diffikultajiet fiżiċi jew mentali. Madankollu, l-awtorità kompetenti ma qisitx li dawn id-diffikultajiet kienu suffiċjentement serji u għalhekk ċaħdet l-applikazzjonijiet tas-Sinjura K u tas-Sinjura A.

17.

Ir-Raad van State, li issa huwa adit bil-kawża prinċipali, għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tar-regoli Olandiżi dwar l-eżami ta’ integrazzjoni mad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fir-rigward tad-domandi li ġejjin:

1.a

Il-kunċett ta’ “miżuri ta’ integrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li membru tal-familja ta’ sponsor jippreżenta prova li għandu għarfien tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru sa livell li jikkorrispondi għal-livell A1 tal-qafas ta’ riferiment komuni Ewropew għal lingwi barranin, u li għandu għarfien bażiku dwar is-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, qabel ma dawn l-awtoritajiet jawtorizzaw id-dħul u r-residenza ta’ dan il-membru tal-familja?

1.b

Għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, anki fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, kif deskritt fil-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea [ ( 8 )] skont ir-regoli nazzjonali, li jinkludu l-obbligu msemmija fid-domanda 1.a, sakemm il-membru tal-familja ma jkunx stabbilixxa li, minħab[b]a diżabbiltà mentali jew fiżika huwa ma j[i]nsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għad-dħul u għar-residenza hija miċħuda biss jekk ikunu ssodisfatti ċirkustanzi personali partikolari ħafna li jiġġustifikaw il-preżunzjoni li l-membru tal-familja ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ integrazzjoni?

2.

L-għan tad-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja u b’mod partikolari tal-Artikolu 7(2) tagħha, fid-dawl tal-eżami tal-proporzjonalità, kif deskritt fl-imsemmija Green Paper, jipprekludi li, għall-eżami li permezz tiegħu jiġi stabbilit jekk il-membru tal-familja jissodisfax l-imsemmija rekwiżiti ta’ integrazzjoni, ikollu jitħallas ammont ta’ EUR 350 għal kull darba li jittieħed l-eżami u li, fir-rigward tal-fajl għall-preparazzjoni għall-eżami, ikollu jitħallas ammont ta’ darba li jammonta għal EUR 110?

IV – L-analiżi ġuridika

A – L-ewwel domanda preliminari

18.

L-ewwel domanda hija magħmula minn żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-eżami ta’ integrazzjoni Olandiż jistax jitqies li huwa “miżura ta’ integrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtoritajiet Olandiżi humiex jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta japplikaw kundizzjonijiet stretti għal kwalunkwe eżenzjoni minn dan ir-rekwiżit ta’ eżami għal membri tal-familja li jixtiequ jingħaqdu mal-familji tagħhom.

1. L-eżami ta’ integrazzjoni Olandiż bħala “miżura ta’ integrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja

19.

Bħala kunċett tad-dritt tal-Unjoni, “miżura ta’ integrazzjoni” għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu.

20.

Minkejja li, fid-dritt tal-Unjoni, ma hemm ebda definizzjoni tal-miżura ta’ integrazzjoni li tagħti l-possibbiltà li ssir evalwazzjoni dwar jekk tkoprix ukoll eżamijiet ta’ integrazzjoni bħal dawk Olandiżi, il-kunċett ta’ “miżura” huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkorpora eżami ta’ integrazzjoni ( 9 ).

21.

Dan ma huwiex ikkonfutat mill-fatt li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja jużaw l-istess kliem. Filwaqt li l-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ( 10 ) jirreferu għal “miżuri ta’ integrazzjoni”, il-verżjoni Olandiża tgħid “integratievoorwarden”, jiġifieri kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni.

22.

Minn naħa, il-kliem tal-verżjoni Olandiża jista’ effettivament jinftiehem fis-sens li eżami ta’ integrazzjoni huwa kundizzjoni preliminari għar-riunifikazzjoni tal-familja.

23.

Min-naħa l-oħra, “miżuri ta’ integrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja huma, irrispettivament mill-kliem tal-verżjoni lingwistika partikolari, intiżi bħala “rekwiżit” għar-riunifikazzjoni tal-familja, kif jindika t-titolu tal-Kapitolu IV tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. Il-fatt li kien hemm konformità mal-miżura ta’ integrazzjoni inkwistjoni, u għaldaqstant ir-“rekwiżit għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja” fis-sens tal-Kapitolu IV ġie ssodisfatt, għandu konsegwentement ikun verifikabbli mill-Istat Membru kkonċernat, speċjalment peress li l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija waħda mill-għanijiet tad-direttiva.

24.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex inkonċepibbli, la kunċettwalment u lanqas sistematikament jew teleoloġikament, li miżura ta’ integrazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja tinkorpora eżami intiż li jiġi stabbilit li ġiet issodisfatta kundizzjoni relatata mal-integrazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

25.

Barra minn hekk, il-fatt li persuna li tixtieq tingħaqad mal-familja tagħha ġeneralment tintalab tagħmel tali eżami qabel huwa wkoll indikat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li jeskludi miżuri ta’ integrazzjoni qabel ir-riunifikazzjoni tal-familja biss fil-każ ta’ refuġjati, kif ukoll l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar ċittadini bi kwalifiki għoljin, li jipprovdi l-istess eżenzjoni fil-każ ta’ membri tal-familja li jagħmlu parti mill-grupp privileġġat ta’ immigranti.

26.

Mid-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul, li fir-rigward tagħha l-konsultazzjoni nżammet fl-istess perijodu tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, lanqas ma jistgħu jiġu dedotti argumenti fir-rigward tar-raġuni li għaliha miżuri ta’ integrazzjoni fis-sens tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ma għandhomx jiġu assoċjati ma’ teħid ta’ eżami.

27.

Skont id-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jkun suġġett għal “kundizzjoni ta’ integrazzjoni” fl-ewwel Stat Membru, iżda jekk jissodisfahom, ma huwiex meħtieġ jikkonforma ruħu ma’ “miżuri ta’ integrazzjoni” addizzjonali fit-tieni Stat Membru meta japplika għal permess ta’ residenza hemmhekk.

28.

Id-differenza kunċettwali bejn “kundizzjoni ta’ integrazzjoni” u “miżura ta’ integrazzjoni” wasslet lill-Avukat Ġenerali Szpunar jikkonkludi, fir-rigward tad-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul, li sempliċi miżuri ta’ integrazzjoni ma jistgħux jeżiġu “kundizzjonijiet”; b’mod partikolari, ma jistgħux “jistabbilixxu strument de iure jew de facto għall-għażla ta’ persuni jew għall-kontroll tal-immigrazzjoni” ( 11 ).

29.

Għad irid jiġi kkjarifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex tal-istess fehma. Indipendentement minn dan, madankollu, ma huwiex neċessarju, li l-kunċett ta’ miżura ta’ integrazzjoni jiġi interpretat bl-istess mod fid-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja u fid-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul ( 12 ). Dan għaliex is-sitwazzjonijiet irregolati minn dawn id-direttivi huma differenti.

30.

Id-distinzjoni kunċettwali bejn miżuri u kundizzjonijiet fid-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul hija ġġustifikata bil-fatt li l-intenzjoni hija li jiġi żgurat li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom dritt ta’ residenza permanenti u li diġà għaddew minn eżami ta’ integrazzjoni fi Stat Membru wieħed, u li għalhekk issodisfaw kundizzjoni ta’ integrazzjoni hemmhekk, ma humiex meħtieġa jgħaddu minn eżamijiet ta’ integrazzjoni mill-ġdid fi Stat Membru ieħor. L-influss inizjali ta’ membri tal-familja fl-Unjoni Ewropea, li huwa s-suġġett tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, madankollu, għandu kwalità differenti: ma kien hemm ebda raġuni li ssir l-istess distinzjoni kunċettwali fid-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja bħal dik li saret fid-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul, peress li d-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja tikkonċerna membri tal-familja li jingħaqdu ma’ persuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u ma kien hemm ebda riskju li jiġu imposti mill-ġdid miżuri ta’ integrazzjoni wara li dawn jkunu ġew issodisfatti diġà f’post ieħor.

31.

Għaldaqstant, bħala kundizzjoni ta’ dħul, l-eżami ta’ integrazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’ jitqies li huwa “miżura ta’ integrazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, minkejja t-terminoloġija tad-Direttiva dwar ċittadini residenti fit-tul tal-familja ( 13 ).

32.

Madankollu, il-miżura tal-Pajjiżi l-Baxxi inkwistjoni għandha wkoll tkun proporzjonata mal-għan tal-integrazzjoni previst u ma għandhiex tippreġudika l-effettività tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ( 14 ), li għandha tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità.

2. Dwar il-proporzjonalità tal-eżami ta’ integrazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi

33.

Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-eżami ta’ integrazzjoni huwa intiż li jtejjeb il-pożizzjoni inizjali tal-persuni li jingħaqdu mal-familji tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, u għalhekk li jrawwem l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi.

34.

Għaldaqstant, id-dispożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi ssegwi għanijiet leġittimi li huma intiżi għall-integrazzjoni tal-persuni li ser jingħaqdu mal-familja ( 15 ) u tagħmel użu minn mezzi xierqa sabiex tagħmel dan, peress li t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż huwa rekwiżit preliminari essenzjali għall-integrazzjoni ( 16 ). Għarfien sod tal-lingwa mhux biss itejjeb il-prospetti taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol ( 17 ), iżda jippermettilhom ifittxu għajnuna b’mod indipendenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-pajjiż ospitanti ( 18 ). Għarfien bażiku dwar il-pajjiż jiżgura wkoll li l-persuna li tkun ser tingħaqad mal-familja tkun familjari mar-regoli bażiċi importanti ta’ koeżistenza ( 19 ) li jistgħu jgħinu jevitaw nuqqas ta’ fehim u ksur tad-dritt.

35.

Huwa minnu li korsijiet tal-lingwa u ta’ integrazzjoni mwettqa fl-Istat Membru ospitanti stess jistgħu jkollhom effett ikbar minn taħriġ li jkun segwit barra mill-pajjiż. Madankollu, dan ma jnaqqasx il-bżonn ta’ miżura ta’ integrazzjoni magħżula mill-Pajjiżi l-Baxxi u applikata qabel ir-riunifikazzjoni tal-familja. Fil-fatt, it-tħassib tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa preċiżament li tingħata għajnuna għat-titjib tal-pożizzjoni inizjali tal-persuna li ser tingħaqad mal-familja tagħha. Għaldaqstant, taħriġ li jibda wara l-wasla tal-persuna fil-pajjiż ma huwiex daqstant effettiv.

36.

L-eżami ta’ integrazzjoni huwa wkoll fundamentalment adattat fir-rigward tal-istruttura tiegħu: għarfien tal-lingwa fil-Livell A1 tal-Qafas ta’ Riferiment Ewropew, kif meħtieġ mill-eżami ta’ integrazzjoni, huwa għarfien bażiku li jista’ jinkiseb normalment, partikolarment bl-għajnuna ta’ materjal preparatorju ( 20 ), mingħajr sforz kbir.

37.

Barra minn hekk, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni ta’ migrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiż terz għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja hija deċiżjoni personali kunsiderevoli, ikun ukoll loġiku li l-persuna li tkun tixtieq tingħaqad mal-familja tagħha għandha tistudja minn qabel aspetti ġenerali tal-Istat ospitanti u tar-regoli tiegħu, peress li dan ma huwiex biss fl-interess tal-pajjiż ospitanti iżda wkoll fl-interess tal-persuni li jixtiequ jingħaqdu mal-familja tagħhom.

38.

Il-fatt li ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi, bħal dawk tal-Kanada jew tal-Istati Uniti tal-Amerika, ma humiex meħtieġa jagħmlu l-eżami ta’ integrazzjoni ma għandux ifisser li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi hija inkonsistenti, peress li, skont l-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa liberu, abbażi ta’ ftehim bilaterali, li jagħti trattament favorevoli lil ċerti pajjiżi terzi. Dan għandu japplika iktar u iktar fir-rigward ta’ miżuri ta’ integrazzjoni nazzjonali, li fir-rigward tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li l-adozzjoni tagħhom għandha tkun diskrezzjoni tal-Istati Membri.

39.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tkunx adattata jekk iċ-ċirkustanzi individwali ma jittieħdux debitament inkunsiderazzjoni meta tiġi applikata l-leġiżlazzjoni ( 21 ). Il-fatt li applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi ddeterminata l-iktar fuq evalwazzjoni ta’ każ b’każ jirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li tipprovdi, partikolarment, li għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni n-natura u s-solidità tar-rabtiet tal-familja.

40.

Skont il-qorti tar-rinviju, applikanti b’diżabbiltà severa kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi privileġġati huma kompletament eżentati mill-obbligu li jagħmlu eżami ta’ integrazzjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju rreferiet għal klawżola ta’ salvagwardja, li tapplika meta ma jkunx possibbli għal applikant, permanentement, li jgħaddi mill-eżami, u jagħti prova li għamel kull sforz raġonevolment mistenni sabiex jgħaddi mill-eżami.

41.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema sitwazzjonijiet jistgħu jkunu koperti mill-klawżola ta’ salvagwardja.

42.

Fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, il-klawżola ta’ salvagwardja, flimkien mal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-eżami tal-integrazzjoni, hija madankollu adattata biss jekk tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-applikant, partikolarment il-ħiliet lingwistiċi tiegħu u l-livell ta’ edukazzjoni tiegħu u teżentah mill-obbligi li jagħmel eżami f’każ ta’ irraġonevolezza.

43.

Minbarra l-istat tas-saħħa, il-kapaċitajiet konjittivi u l-livell ta’ edukazzjoni tal-persuna kkonċernata, fatturi bħad-disponibbiltà tal-materjal preparatorju li huwa jista’ jifhem, l-ispejjeż koperti u l-impenn temporali jistgħu wkoll ikunu fatturi sinjifikattivi.

44.

Fir-rigward ta’ persuna li tixtieq tingħaqad mal-familja tagħha u li ma għandhiex għarfien ta’ waħda mit-18-il lingwa li fiha huwa disponibbli l-materjal ta’ taħriġ li jista’ jintuża għall-preparazzjoni tal-eżami ma jistax, pereżempju, jiġi mistenni li hija tibda titgħallem waħda minn dawn il-lingwi sabiex sussegwentement tibda l-preparazzjoni effettiva għall-eżami.

45.

Barra minn hekk, il-fatt li persuna ma tgħaddix mill-eżami ta’ integrazzjoni ma għandux iwassal awtomatikament għar-rifjut tar-riunifikazzjoni tal-familja fil-każ li jkun hemm motivi għall-awtorizzazzjoni tagħha f’każ partikolari. Sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tippermetti li dawn il-fatturi speċifiċi jittieħdu inkunsiderazzjoni, partikolarment il-klawżola ta’ salvagwardja, ma hemmx inkompatibbiltà mad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja.

46.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ.

47.

Għaldaqstant, id-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ integrazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-obbligu ta’ eżami li tinkorpora din il-miżura jkun inapplikabbli meta dan l-obbligu jkun irraġonevoli għall-persuni li jixtiequ jingħaqdu mal-familja tagħhom, b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom jew jekk, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ individwali, hemm raġunijiet li għalihom għandha tiġi awtorizzata r-riunifikazzjoni tal-familja minkejja li l-persuna ma tkunx għaddiet mill-eżami. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.

B – It-tieni domanda preliminari

48.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandu jitħallas l-ammont ta’ EUR 350 kull darba li jsir eżami ta’ integrazzjoni, flimkien ma’ ammont ta’ darba ta’ EUR 110 għall-materjal ta’ studju għall-preparazzjoni tal-eżami.

49.

Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-ispejjeż jikkorrispondu għall-ħlas effettivament sostnut u għalhekk huma proporzjonati. Fil-każ li applikant ma jkollux biżżejjed fondi sabiex iħallas l-ispejjeż, is-sitwazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata permezz tal-applikazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja.

50.

Id-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ma tirregolax il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn l-Istati Membri jistgħu jimponu spejjeż meta jaġixxu skont il-poter mogħti lilhom mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva kif ukoll miżuri ta’ integrazzjoni fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Konsegwentement, il-leġiżlatur nazzjonali għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tiegħu.

51.

Madankollu, l-ispejjeż ma għandux ikollhom l-għan jew l-effett li joħolqu ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, għaliex inkella jkunu jippreġudikaw l-għan tad-direttiva ( 22 ). Jekk l-ispejjeż ikollhom impatt finanzjarju kunsiderevoli fuq il-persuni kkonċernati, dawn jistgħu jċaħħdu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-possibbiltà li jinvokaw id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti lilhom minn din id-direttiva ( 23 ).

52.

Dan ir-riskju huwa preżenti f’dan il-każ.

53.

L-ispejjeż fl-ammont indikat jistgħu jkunu piż finanzjarju kunsiderevoli f’diversi partijiet tad-dinja, fid-dawl tad-dħul per capita f’tali postijiet. Għaldaqstant, f’każijiet individwali, dawn jistgħu joħolqu ostakolu sproporzjonat li jippreġudika l-għan tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-effettività tagħha, speċjalment peress li l-ispejjeż tal-eżami japplikaw kull darba li jsir l-eżami. F’każijiet bħal dawn, soluzzjoni tista’ tkun, fost oħrajn, dik li tingħata eżenzjoni jew differiment. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk u sa fejn dan huwa possibbli skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi.

54.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu spejjeż ta’ eżami ta’ integrazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk dawn l-ispejjeż u l-impożizzjoni tagħhom jipprekludu lill-persuna li tixtieq tingħaqad mal-familja tagħha milli teżerċita d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

V – Konklużjoni

55.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

1)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja u l-prinċipju tal-proporzjonalità ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ integrazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-obbligu ta’ eżami li tinkorpora din il-miżura jkun inapplikabbli meta dan l-obbligu jkun irraġonevoli għall-persuni li jixtiequ jingħaqdu mal-familja tagħhom, b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom jew jekk, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ individwali, hemm raġunijiet li għalihom għandha tiġi awtorizzata r-riunifikazzjoni tal-familja minkejja li l-persuna ma tkunx għaddiet mill-eżami. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.

2)

Id-Direttiva 2003/86/KE tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu spejjeż ta’ eżami ta’ integrazzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk dawn l-ispejjeż u l-impożizzjoni tagħhom jipprekludu lill-persuna li tixtieq tingħaqad mal-familja tagħha milli teżerċita d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 224).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE, tal-25 ta’ Mejju 2009, dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, p. 17).

( 5 ) Livell A1 (prinċipjant), huwa deskritt kif ġej fis-sit https://europass.cedefop.europa.eu/editors/mt/lp/compose : “Kapaċi jifhem u juża espressjonijiet familjari ta’ kuljum u frażijiet bażiċi ħafna għall-finijiet ta’ sodisfazzjon ta’ bżonnijiet ta’ natura konkreta. Kapaċi jintroduċi ruħu u lill-oħrajn u jistaqsi u jwieġeb mistoqsijiet dwar dettalji personali bħal fejn joqgħod, in-nies li jaf u affarijiet li għandu. Kapaċi jikkollabora b’mod sempliċi bil-kundizzjoni li l-persuna l-oħra titkellem bil-mod u b’mod ċar u tkun lesta tgħin.”

( 6 ) Ara s-sit bl-Ingliż http://www.coe.int/t/dg4/linguistic/source/framework_en.pdf.

( 7 ) Mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax b’mod ċar liema hija n-nazzjonalità tal-konjuġi. Madankollu, fid-dawl tan-nuqqas ta’ provi, iktar ’il quddiem huwa preżunt li dawn ma humiex persuni li l-pożizzjoni legali tagħhom hija affettwata bi ftehim speċjali bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (ara s-sentenza Dogan, C‑138/13, EU:C:2014:2066).

( 8 ) COM(2011) 735 finali.

( 9 ) Dwar il-prova ta’ għarfien lingwistiku adattat bħala kundizzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, ara l-opinjoni tar-Repubblika tal-Awstrija (Dokument tal-Kunsill 10857/02 tad-9 ta’ Awwissu 2002, p. 12, nota ta’ qiegħ il-paġna 3, u Dokument tal-Kunsill 14272/02 tas-26 ta’ Novembru 2002, p. 12, nota ta’ qiegħ il-paġna 1).

( 10 ) Ara, pereżempju, il-verżjonijiet bil-Bulgaru, bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Grieg, bit-Taljan, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bl-Isvediż, bis-Slovakk, bl-Ispanjol, biċ-Ċek u bl-Ungeriż tad-Direttiva.

( 11 ) Konklużjonijiet fil-kawża P u S (C‑579/13, EU:C:2015:39, punt 47).

( 12 ) Ara, madankollu, il-konklużjonijiet fil-kawża P u S (C‑579/13, EU:C:2015:39, punt 46).

( 13 ) La kunsiderazzjonijiet tad-dritt primarju u lanqas il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li hemm riferiment għall-Artikolu 8 tagħha fit-tieni premessa tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, ma jipprekludu din l-interpretazzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tal-KEDB ma jagħti ebda dritt inkundizzjonat lill-konjuġi li jidħlu jew li jirrisjedu fi Stat partikolari; ara, f’dan ir-rigward, il-punti 63 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2005 fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑540/03, EU:C:2005:517) u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta’ Awwissu 2001 fil-kawża Boultif vs L-Isvizzera (Nru 54273/00), Ġabra tas-Sentenzi u tad-Deċiżjonijiet 2001-IX, § 39, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 1996, fil-kawża Gül vs L-Isvizzera (Nru 23218/94), § 38, li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat: “Article 8 […] cannot be considered to impose on a State a general obligation to […] authorise family reunion in its territory”. Ara, ukoll reċentement, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta’ Marzu 2014, Biao vs Id-Danimarka (Nru 38590/10), § 53.

( 14 ) Ara l-punt 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Dogan (EU:C:2014:287), li jgħidu li “l-espressjoni ‘miżuri ta’ integrazzjoni’ hija wiesgħa biżżejjed biex tiġbor fiha wkoll ‘obbligi tar-riżultat’, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ikunu proporzjonati mal-għan ta’ integrazzjoni prevista mill-Artikolu 7(2) [tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja] [...] u li l-effettività ta’ din tal-aħħar ma tkunx kompromessa.”

( 15 ) Ara l-premessa 15 kif ukoll l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja.

( 16 ) Ara l-punt 4 tal-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta’ integrazzjoni tal-Immigranti fl-Unjoni Ewropea (Dokument tal-Kunsill 14615/04 tad-19 ta’ Novembru 2004, p. 16), li jipprovdi li għarfien bażiku tal-lingwa, tal-istorja u tal-istituzzjonijiet tal-Istat ospitanti huwa indispensabbli għall-integrazzjoni.

( 17 ) Ara Kummissjoni Ewropea, Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi, KUMM/2011/0455 finali, p. 5.

( 18 ) Il-Gvern Ġermaniż enfasizza, matul is-seduta, li din hija kunsiderazzjoni importanti fil-każ ta’ nisa fi żwieġ sfurzat, peress li, jekk in-nisa kkonċernati diġà jkollhom għarfien bażiku tal-lingwa tal-Istat ospitanti meta jidħlu fil-pajjiż, huma jkunu jistgħu jgħinu lilhom infushom aħjar f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

( 19 ) Il-parti tal-eżami li tikkonċerna l-għarfien bażiku tas-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi tinkludi mistoqsijiet prattiċi, pereżempju mistoqsijiet dwar jekk l-irġiel u n-nisa għandhomx l-istess drittijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi, dwar jekk il-Pajjiżi l-Baxxi jirrikonixxix is-separazzjoni tal-knisja u tal-istat jew dwar l-età li fiha t-tfal għandhom jibdew imorru l-iskola.

( 20 ) Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jipprovdi pakkett għall-istudju awtonomu għall-użu tal-preparazzjoni tal-eżami. Huwa disponibbli fi 18-il lingwa u għaldaqstant, skont l-argumenti tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-seduta, għandu jinftiehem b’mod immedjat minn madwar 75 % tal-persuni li jagħmlu l-eżami.

( 21 ) Ara s-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

( 22 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑216/05, EU:C:2006:706, punt 43) u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 69).

( 23 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑216/05, EU:C:2006:706, punt 44) u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 70).