KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Ottubru 2015 ( 1 )

Kawża C‑94/14

Flight Refund Ltd

vs

Deutsche Lufthansa AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Kúria (qorti suprema, l-Ungerija))

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Talba għal kumpens fir-rigward ta’ titjira li għandha d-dewmien — Ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa fi Stat Membru li ma jkollux rabta mat-talba — Indikazzjoni tal-qorti kompetenti li tisma’ proċeduri kontenzjużi”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Kúria (qorti suprema Ungeriża) tqajjem kwistjonijiet mhux tas-soltu li jinvolvu l-Konvenzjoni ta’ Montreal ( 2 ), ir-Regolament Brussell I ( 3 ), ir-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru ( 4 ) u r-Regolament dwar Ordni ta’ Ħlas Ewropea (iktar ’il quddiem “ir-Regolament EOP”) ( 5 ).

2. 

Iċ-ċirkustanzi kumplessi – u pjuttost imħabbla – fil-kawża prinċipali jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Passiġġiera Ungeriża fuq titjira mdewma minn Newark (New Jersey, l-Istati Uniti tal-Amerika) għal Londra (ir-Renju Unit) sostniet li kellha dritt għal kumpens, abbażi tar-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru, mingħand trasportatur tal-ajru stabbilit fil-Ġermanja. Hija ċediet dak id-dritt lil kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, li kisbet ordni ta’ ħlas Ewropea mingħand nutar fl-Ungerija, billi użat il-proċedura stabbilita fir-Regolament EOP. Il-kompetenza tan-nutar kienet ibbażata fuq traduzzjoni Ungeriża (ħażina) tad-dispożizzjoni li tirregola l-ġurisdizzjoni fil-Konvenzjoni ta’ Montreal. It-trasportatur tal-ajru ppreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea u ċaħad li kien opera t-titjira inkwistjoni. F’ċirkustanzi bħal dawn, skont ir-Regolament EOP, il-proċeduri għandhom jissoktaw “quddiem il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini” (jiġifieri l-Ungerija, fejn kienet inħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea). Madankollu, ma jidhirx li hemm bażi fir-Regolament Brussell I għal ebda qorti f’dak l-Istat Membru biex tiġi eżerċitata l-ġurisdizzjoni għat-talba għal kumpens. Hija l-Kúria li għandha taħtar qorti kompetenti, iżda l-Kúria tħoss li ma tistax tagħmel hekk mingħajr iktar gwida dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni.

Il-kuntest legali

Il-Konvenzjoni ta ’ Montreal

3.

Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, trasportaturi jkunu responsabbli għad-danni kkawżati minn dewmien fit-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, bagalji jew tagħbija.

4.

L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għandu bħala titolu “Ġurisdizzjoni”. L-Artikolu 33(1) jipprovdi: “Azzjoni għad-danni għandha tinġieb, skont kif jagħżel l-attur, fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn ikollu post tan-negozju li permezz tiegħu jkun sar il-kuntratt jew quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni.”

5.

Konsegwentement, dik id-dispożizzjoni toffri żewġ għażliet bażiċi – il-qrati tal-post tad-domiċilju tat-trasportatur jew tan-negozju tiegħu jew dawk tal-post tad-destinazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, dawk il-qrati għandhom ikunu fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet.

6.

Madankollu, l-Artikolu 33 kien tradott għall-Ungeriż b’mod li “fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet” tista’ tidher li hija (t-tielet) għażla awtonoma għall-attur, iktar milli kundizzjoni li tapplika għaż-żewġ għażliet li jsegwu ( 6 ). Għalhekk, f’kuntrast ma’ mill-inqas il-verżjonijiet awtentiċi bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol ( 7 ), jista’ għall-bidu jidher mit-test Ungeriż li tista’ tinġieb azzjoni għad-danni, skont kif jagħżel l-attur, (a) fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet, (b) quddiem il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post ewlieni tan-negozju tiegħu, jew jekk ikollu post tan-negozju li permezz tiegħu jkun sar il-kuntratt, jew (c) quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni. (Madankollu, meta l-frażi tinqara t-tieni darba, tali interpretazzjoni tista’ titwarrab malajr, sa fejn l-għażliet (b) u (c) jkunu rilevanti biss jekk l-azzjoni kellha tinġieb barra mit-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Partijiet – u, għalhekk, fi Stat li ma jkunx marbut bil-Konvenzjoni ta’ Montreal.)

Ir-Regolament Brussell I

7.

Bħala regola ġenerali, skont l-Artikoli 2(1), 3(1) u 5(1) u (5) tar-Regolament Brussell I, moqrija flimkien, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ titħarrek għal kumpens li joriġina minn obbligazzjoni kuntrattwali biss fil-qrati ta’ dak l-Istat jew f’dawk tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligazzjoni inkwistjoni. Dak il-post huwa, fil-każ ta’ għoti ta’ servizzi, il-post fi Stat Membru fejn, skont il-kuntratt, is-servizzi jkunu ngħataw jew kien imisshom ingħataw. Barra dan, meta tqum tilwima li tkun ġejja mill-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, tali persuna tista’ titħarrek fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment ikunu jinsabu.

8.

Filwaqt li hemm għadd ta’ eċċezzjonijiet possibbli għal dik ir-regola ġenerali, tlieta biss jidhru li jistgħu, għall-inqas fit-teorija, ikunu rilevanti għall-każ fil-kawża prinċipali.

9.

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 16(1), konsumatur jista’ jressaq proċeduri kontra l-parti l-oħra f’kuntratt jew fil-qrati tal-Istat Membru li fih dik il-parti tkun domiċiljata jew fil-qrati tal-post fejn il-konsumatur ikun domiċiljat. Madankollu, skont l-Artikolu 15(3), dik l-eċċezzjoni ma tapplikax għal kuntratt ta’ trasport ħlief għal kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni. F’dan il-każ ma hemmx indikazzjoni dwar jekk it-titjira inkwistjoni setgħetx għamlet parti minn pakkett ta’ vvjaġġar bħal dan.

10.

It-tieni nett, l-Artikolu 23 (moqri, b’rabta ma’ kuntratti tal-konsumatur, flimkien mal-Artikolu 17) jirregola l-kundizzjonijiet li skonthom partijiet f’relazzjoni legali jistgħu jiftiehmu li qorti jew il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu tilwim b’rabta ma’ dik ir-relazzjoni. F’dan il-każ, ma hemmx indikazzjoni dwar jekk kienx hemm ftehim bħal dan.

11.

It-tielet nett, skont l-Artikolu 24, qorti ta’ Stat Membru li quddiemha jidher konvenut għandha ġurisdizzjoni, indipendentement mill-ġurisdizzjoni li toriġina minn dispożizzjonijiet oħra tar-regolament, ħlief meta l-konvenut jidher biex jikkontesta l-ġurisdizzjoni. B’kuntrast, skont l-Artikolu 26(1), meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed jitħarrek f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u ma jidhirx, il-qorti għandha tiddikjara ex officio li ma jkollhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispożizzjonijiet tar-regolament.

12.

Dispożizzjoni oħra li tista’ tkun ta’ rilevanza għall-kawża prinċipali hija l-Artikolu 27(1), li jipprovdi: “Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.”

Ir-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru

13.

Ir-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru jistabbilixxi drittijiet minimi għal passiġġieri meta ma jitħallewx jitilgħu abbord jew meta t-titjira tagħhom titħassar jew tiddewwem (Artikolu 1(1)). Dan japplika għal passiġġieri li jkunu qed iħallu ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat (Artikolu 3(1)(a)) jew, jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira kkonċernata jkun trasportatur Komunitarju, li jaslu f’ajruport bħal dak minn ajruport f’pajjiż terz (Artikolu 3(1)(b)). Trasportatur Komunitarju għal dak l-għan ikun trasportatur tal-ajru b’liċenzja li jopera valida mogħtija minn Stat Membru (Artikolu 2(ċ)).

14.

Meta titjira titħassar, l-Artikolu 5(1)(ċ) jagħti lill-passiġġieri dritt għal kumpens skont l-Artikolu 7. Skont l-Artikolu 7(1)(ċ), għal kull titjira ta’ iktar minn 3500 kilometru li ma tkunx titjira intra-Komunitarja (il-kategorija li fiha tidħol it-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali), l-ammont ta’ kumpens għandu jkun ta’ EUR 600. Madankollu, skont l-Artikolu 7(2)(ċ), għall-istess kategorija ta’ titjira, dak l-ammont jista’ jitnaqqas b’50 % jekk il-passiġġier jiġi offrut titjira b’rotta alternattiva li l-ħin tal-wasla tagħha ma jkunx jaqbeż il-ħin skedat tal-wasla tat-titjira oriġinarjament maqtugħa b’erba’ sigħat. Għal kategoriji oħra ta’ titjira, id-dewmien rilevanti fil-ħin tal-wasla huwa ta’ sagħtejn jew tliet sigħat, skont il-każ.

15.

L-Artikolu 6 jirrigwarda, mill-kliem tiegħu, l-obbligi ta’ trasportaturi tal-ajru f’każ ta’ dewmien raġonevolment mistenni ta’ titjira lil hinn mill-ħin skedat tat-tluq tagħha. Dawk l-obbligi japplikaw, f’każ ta’ titjira ta’ iktar minn 3500 kilometru li ma tkunx titjira intra-Komunitarja, meta d-dewmien fit-tluq jaqbeż erba’ sigħat. Skont iċ-ċirkustanzi preċiżi, trasportaturi għandhom jipprovdu kura (fl-għamla ta’ ikel u xorb ħafif, akkomodazzjoni, trasport, eċċ.) u/jew rimborż jew rotta alternattiva.

16.

Dak l-artikolu ma jipprovdix li l-passiġġieri jirċievu kumpens fil-każ ta’ dewmien, u ma jagħmilx riferiment għal dewmien lil hinn mill-ħin skedat tal-wasla. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 5, 6 u 7 flimkien, fid-dawl tal-għan tar-regolament li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għal passiġġieri bl-ajru irrispettivament minn jekk jitħallewx jitilgħu abbord jew jekk it-titjira tagħhom titħassarx jew tiddewwimx, bħala li jfissru li passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jiddewmu jistgħu jiġu ttrattati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens, bħala passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jitħassru u huma għalhekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 7 tar-regolament meta jġarrbu, minħabba titjira mdewma, telf ta’ ħin daqs jew iktar minn tliet sigħat ( 8 ).

17.

Ir-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru ma fih ebda regola speċifika ta’ ġurisdizzjoni f’każ li tinqala’ tilwima dwar l-applikazzjoni tiegħu.

Ir-Regolament EOP

18.

L-għan tar-Regolament EOP huwa b’mod partikolari li jkunu ssimplifikati, jitħaffu u jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’kawżi transkonfinali dwar talbiet ta’ flus mhux ikkontestati (Artikolu 1(1)(a)). Dan japplika, skont l-Artikoli 2(1) u 3(1), moqrija flimkien, għal materji ċivili u kummerċjali f’kawżi fejn għall-inqas waħda mill-partijiet tkun domiċiljata jew residenti abitwalment fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża. L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-proċedura għall-ordni ta’ ħlas Ewropea “għall-ġbir ta’ talbiet ta’ flus ta’ ammont speċifiku li jridu jitħallsu fil-waqt meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea”. Madankollu, il-persuna li tagħmel it-talba ma tinżammx milli ssegwi talba bħal dik permezz ta’ kull proċedura oħra li tkun disponibbli skont liġi nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 1(2)). Skont l-Artikolu 5(1), l-Istat Membru li fih tinħareġ ordni ta’ ħlas Ewropea jkun “Stat Membru ta’ oriġini”, u l-Artikolu 5(3) jiddefinixxi “qorti” bħala “awtorità fi Stat Membru bil-kompetenza dwar ordnijiet għal ħlas Ewropej jew kwalunkwe kwistjonijiet relatati oħra”.

19.

L-Artikolu 6(1) jgħid: “Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001.”

20.

Skont l-Artikolu 7(1), applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard kif stabbilita fl-Anness I. Flimkien mad-dettalji dwar it-talba nnifisha, l-applikazzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni. It-Taqsima 3 tal-formola standard telenka 13-il raġuni possibbli li ma jeħtiġux iktar speċifikazzjonijiet, filwaqt li l-14-il raġuni hija “Oħrajn (Jekk jogħġbok ispeċifika)”. Il-“Linji gwida biex timtela l-formola ta’ applikazzjoni”, ukoll fl-Anness I, tgħid, inter alia: “Jekk l-applikazzjoni hija dwar talba kontra konsumatur b’rabta ma’ kuntratt ta’ konsumatur, hija għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru fejn il-konsumatur ikun iddomiċiljat. F’każijiet oħra, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont ir-regoli tar-[Regolament Brussell I]. […]”

21.

Skont l-Artikolu 8, il-qorti li quddiemha titressaq applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha teżamina, abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti msemmija, inter alia, fl-Artikolu 6 (dwar il-ġurisdizzjoni) ikunux sodisfatti; l-eżami jista’ jieħu l-għamla ta’ “proċedura awtomatizzata” (għalkemm ma tingħata ebda indikazzjoni dwar x’tista’ tinkludi fiha proċedura bħal din). Skont l-Artikolu 11, jekk ir-rekwiżiti ma jkunux sodisfatti, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda, iżda ċaħda bħal din la tkun tista’ ssir is-suġġett ta’ appell u lanqas ma tkun tikkostitwixxi ostaklu għal iktar proċeduri ta’ kull xorta. Jekk ir‑rekwiżiti speċifikati kollha jkunu sodisfatti, madankollu, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ u tiġi nnotifikata lill-konvenut, skont l-Artikolu 12.

22.

L-Artikolu 16 huwa intitolat “Oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea”. Skont l-Artikolu 16(1) sa (3), il-konvenut jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni quddiem il-qorti ta’ oriġini, fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni, billi juża formola standard li fuqha huwa jkun jeħtieġlu biss jindika li huwa jikkontesta t-talba, mingħajr ma jkollu jispeċifika r-raġunijiet.

23.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) jgħid: “Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti” (li hija tista’ titlob billi timla l-Appendiċi 2 tal-formola ta’ applikazzjoni standard). Skont l-Artikolu 17(2), tali trasferiment għal proċeduri ċivili ordinarji għandu jkun irregolat mil-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

24.

Jekk ma tkun ippreżentata ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fiż-żmien stabbilit, l-Artikolu 18(1) jeħtieġ li l-qorti ta’ oriġini tiddikjara bla dewmien li l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun eżegwibbli.

25.

L-Artikolu 20 jipprovdi għal “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”. B’mod partikolari l-Artikolu 20(2) jipprovdi: “Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra”. Skont l-Artikolu 20(3), jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni tkun iġġustifikata, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u bla effett; inkella, din tibqa’ fis-seħħ.

26.

L-Artikolu 26 jipprovdi: “Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

Il-liġi Ungeriża

27.

Permezz tal-Artikolu 59(1) tal-Liġi Nru 50 tal-2009 dwar proċedura għal ordni ta’ ħlas (2009. évi L. törvény a fizetési meghagyásos eljárásról), in-nutara għandhom ġurisdizzjoni joħorġu ordni ta’ ħlas Ewropea, b’kompetenza mal-Ungerija kollha.

28.

Skont l-Artikolu 38(1) u (3) tal-istess liġi, f’każ ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas, in-nutar għandu jgħaddi l-fajl tal-każ lill-qorti indikata mill-persuna li tagħmel it-talba jew, jekk ebda qorti bħal dik ma tkun indikata, lill-qorti li jkollha kompetenza territorjali bis-saħħa tar-regoli stabbiliti fil-Liġi Nru 3 tal-1952 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (1952. évi III. törvény a polgári perrendtartásról).

29.

Skont il-punt 30(2) ta’ dak il-kodiċi, f’azzjoni kontra persuna ġuridika li ma jkollhiex uffiċċju rreġistrat fl-Ungerija, il-qorti b’ġurisdizzjoni territorjali għandha tkun stabbilita abbażi tal-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li tagħmel it-talba li tkun persuna ġuridika residenti, jew tal-indirizz tad-dar jew tar-residenza abitwali tal-persuna li tagħmel it-talba li tkun persuna fiżika residenti.

30.

Skont il-punt 36(2), azzjonijiet għal talbiet li joriġinaw minn kull tranżazzjoni konkluża minn operatur ekonomiku li jaġixxi fl-attività tan-negozju tiegħu jistgħu jinġiebu quddiem il-qorti tal-post tat-tranżazzjoni jew tal-post tal-eżekuzzjoni. Skont il-punt 37, azzjoni għad-danni tista’ tinġieb quddiem il-qorti tal-post fejn ikunu ġew ikkawżati jew attwalment seħħew id-danni.

31.

Il-punt 43(1) jeħtieġ li l-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża tinvoka n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali tagħha ex officio, iżda hija tista’ teżamina l-akkurattezza tal-fatti ppreżentati b’rabta mal-ġurisdizzjoni territorjali biss jekk dawn ikunu jikkontradixxu dak li jkun magħruf minn kulħadd jew ikunu inkompatibbli mal-informazzjoni li jkunu uffiċjalment għad-dispożizzjoni tal-qorti, jekk jitqiesu li ma jkunux probabbli jew jekk ikunu kkontestati mill-konvenut.

32.

Fejn ikun hemm kunflitt ta’ kompetenza, il-punt 45(1) u (2)(c) jeħtieġ li l-Kúria tindika l-qorti kompetenti.

33.

Skont il-punt 130(1), il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandha tiċħad it-talba sommarjament jekk ikun hemm provi li, b’mod partikolari, (i) il-kawża tkun barra mill-ġurisdizzjoni ta’ kull qorti Ungeriża skont att ta’ ftehim internazzjonali, (ii) qorti jew awtorità oħra jkollhom ġurisdizzjoni ratione materiae biex jisimgħu t-talba jew (iii) qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni territorjali biex tisma’ l-proċeduri.

34.

Skont il-punt 157, il-kawża għandha titwaqqaf jekk it-talba kellha tiġi miċħuda sommarjament għal tali raġunijiet. Skont il-punt 157/A(1), f’każijiet fejn ma kienx hemm tali raġuni għal ċaħda sommarja iżda l-ġurisdizzjoni ta’ qorti Ungeriża ma tkunx tista’ tiġi stabbilita b’ebda regola ġurisdizzjonali, il-qorti għandha tiċħad il-proċeduri jekk, inter alia, il-konvenut ikun naqas milli jidher għall-ewwel seduta, u jkun naqas milli jissottometti difiża bil-miktub.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

35.

Id-digriet tar-rinviju ta d-deskrizzjoni li ġejja tal-isfond fattwali u proċedurali tal-kawża prinċipali.

36.

Passiġġiera ta’ linja tal-ajru ċediet id-drittijiet għal kumpens tagħha għal titjira mdewma lil Flight Refund Ltd (iktar ’il quddiem “Flight Refund”), kumpannija rreġistrata fir-Renju Unit u speċjalizzata fl-irkupru ta’ talbiet bħal dawn. Flight Refund imbagħad applikat għand nutar Ungeriż għal ordni ta’ ħlas Ewropea kontra Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”), kumpannija stabbilita fil-Ġermanja. Hija bbażat it-talba tagħha għal EUR 600 għar-raġuni li, wara ċ-ċessjoni, hija kellha dritt għal kumpens mingħand Lufthansa minħabba dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat għat-titjira LH7626 ( 9 ).

37.

In-nutar ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea mingħajr ma aċċertat ruħha dwar il-post fejn kien sar il-kuntratt, il-post tal-eżekuzzjoni tiegħu, il-post fejn oriġinaw id-danni allegati, il-post tan-negozju tat-trasportatur li permezz tiegħu kien sar il-kuntratt, jew id-destinazzjoni tat-titjira. Hija ddikjarat li kienet kompetenti minħabba li l-Ungerija hija Stat Parti tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Lufthansa ppreżentat dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, billi qalet li ma kinitx it-trasportatur operatorju tat-titjira speċifikata, li kienet operata minn United Airlines ( 10 ).

38.

L-avukat ta’ Flight Refund iddikjarat li ma setgħetx tindika l-qorti kompetenti minħabba li l-proċeduri kienu saru kontenzjużi. In-nutar wara talbet lil Kúria tindika l-qorti kompetenti, billi ddikjarat li: il-qrati Ungeriżi kellhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal; ma kienx possibbli li jiġi stabbilit liema qorti kienet attwalment awtorizzata tisma’ l-proċeduri, minħabba li l-ebda parti ma kellha uffiċċju rreġistrat fl-Ungerija; lanqas il-post fejn kien sar il-kuntratt jew il-post tal-eżekuzzjoni tiegħu ma kienu jidhru mit-talba; minħabba li t-titjira LH7626 kienet issir bejn Newark u Londra, id-danni setgħu oriġinaw fl-Istati Uniti jew fir-Renju Unit; u Lufthansa sostniet li l-operatur tar-rotta kienet United Airlines.

39.

Abbażi ta’ kif fehmet is-sitwazzjoni, il-Kúria rreferiet ħames domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn l-ewwel tlieta minnhom kienu relatati ma’ talba għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u r-relazzjoni bejn ir-regoli tal-ġurisdizzjoni li jinsabu f’dik il-konvenzjoni u dawk fir-Regolament EOP u fir-Regolament Brussell I. Ir-raba’ domanda kienet tirrigwarda l-possibbiltà ta’ stħarriġ ex officio ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa bi ksur tar-regoli rilevanti, jew biex il-proċeduri jintemmu, filwaqt li l-ħames domanda kienet tikkonċerna l-possibbiltà ta’ obbligu li tiġi indikata qorti Ungeriża biex tisma’ proċeduri kontenzjużi dwar ordni bħal din anki fin-nuqqas ta’ kull fattur ta’ konnessjoni li jiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi.

40.

Osservazzjonijiet bil-miktub intbagħtu inizjalment mill-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Ungerija u mill-Kummissjonii, u kienu nnotifikati, inter alia, lill-partijiet fil-kawża prinċipali.

41.

L-avukat ta’ Flight Refund imbagħad kitbet lill-Qorti tal-Ġustizzja u indikat li hija kienet għarrfet lil Kúria li t-talba għal kumpens kienet ibbażata mhux fuq l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal iżda fuq ir-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru, għalkemm il-bażi pretiża tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi kienet l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Hija spjegat li ma kinitx indikat il-bażi tat-talba fil-formola ta’ applikazzjoni għax ma kienx hemm taqsima li kienet titlob dik l-informazzjoni; iżda hija kienet speċifikat l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal bħala l-bażi għall-ġurisdizzjoni skont il-punt 14 tat-taqsima 3 tal-formola minħabba li kienet dispożizzjoni li kien fiha regola ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ talbiet għal danni dovuti għal dewmien fi trasport bl-ajru, filwaqt li r-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru ma kellux tali regola.

42.

Fid-dawl ta’ dik il-komunikazzjoni u skont l-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet kjarifika mill-Kúria dwar il-bażi legali tat-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-identità tat-trasportatur operatorju tal-ajru għall-fini tar-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru.

43.

Bi tweġiba, il-Kúria speċifikat li t-talba ta’ Flight Refund kienet tabilħaqq ibbażata fuq l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru, iżda li d-dipendenza tagħha fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi kienet ibbażata fuq l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Fid-dawl ta’ dan, il-Kúria rtirat l-ewwel tliet domandi tagħha u emendat il-ħames waħda. Madankollu, minħabba li b’regoli proċedurali nazzjonali ma setgħetx tisma’ xhieda dwar il-mertu tal-każ, hija ma setgħetx tagħti iktar informazzjoni dwar l-identità tat-trasportatur operatorju tal-ajru.

44.

Iż-żewġ domandi li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni preliminari issa jaqraw kif ġej:

“1)

Ordni ta’ ħlas Ewropea li nħarġet bi ksur tal-għan tar-[Regolament EOP] jew minn awtorità li ma għandiex ġurisdizzjoni [internazzjonali] tista’ tiġi eżaminata mill-ġdid ex officio? Jew inkella, il-proċedura kontenzjuża mibdija wara t-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha, fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni, tiġi mitmuma ex officio jew fuq talba?

2)

Sa fejn il-qrati Ungeriżi jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu l-każ, għandha r-regola rilevanti li tirregola l-ġurisdizzjoni tiġi interpretata fis-sens li l-Kúria, meta tassenja ġurisdizzjoni lil qorti, għandha tindika minn tal-inqas qorti waħda li, fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni u kompetenza stabbiliti mil-liġi proċedurali tal-Istat Membru, tkun jeħtiġilha tmexxi l-proċeduri fuq il-mertu ta’ każ mibdi wara dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni?”

45.

Fir-risposta tagħha, il-Kúria kompliet tgħid li kien għadu essenzjali li jiġi aċċertat jekk, fil-każ li r-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru ma kellux ir-regoli meħtieġa, il-ġurisdizzjoni għal proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea li tiddikjara talba skont dak ir-regolament kellhiex tkun irregolata mill-Konvenzjoni ta’ Montreal, mir-Regolament Brussell I jew minn regoli oħra. Barra dan, kien jeħtiġilha tkun taf jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament EOP jipprovdix regola ta’ ġurisdizzjoni li, indipendentement mir-Regolament Brussell I, tistabbilixxi l-kompetenza tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini.

46.

Wara n-notifika tar-risposta u tad-domandi kif ifformolati mill-ġdid tal-Kúria, l-Ungerija biss bagħtet osservazzjonijiet bil-miktub ulterjuri. Ma ntalbitx seduta u ma saritx waħda.

Analiżi

L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

47.

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-gvern Ġermaniż issuġġerixxa li t-talba għal deċiżjoni preliminari setgħet tkun inammissibbli jew kollha, minħabba li kien jidher mis-sit elettroniku ta’ Flight Refund li l-kumpannija kienet issospendiet l-attivitajiet tagħha, jew fir-rigward tal-ewwel tliet domandi, minħabba li interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ma kinitx rilevanti biex ikunu ddeterminati l-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali.

48.

Minħabba li l-Kúria kkonfermat li kien għad hemm proċeduri pendenti quddiemha u rtirat l-ewwel tliet domandi tagħha, ma huwiex meħtieġ li dawk l-aspetti jitqiesu ulterjorment.

Il-mertu tat-talba għal deċiżjoni preliminari

49.

Id-domanda bażika f’dan il-każ hija: x’għandu jsir meta tkun inħarġet ordni ta’ ħlas Ewropea minn awtorità fi Stat Membru li l-qrati tiegħu ma jkollhomx ġurisdizzjoni jittrattaw it-talba ddikjarata fl-ordni u meta, wara dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, proċeduri kontenzjużi jkollhom jiġu segwiti quddiem “il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini”? Kif innota l-gvern Ġermaniż, ma hemmx regola fir-Regolament EOP biex tiġi ttrattata sitwazzjoni bħal din.

50.

Permezz tad-domandi tagħha, il-Kúria tipprevedi l-possibbiltà ta’ żewġ soluzzjonijiet. L-ewwel, li hija stess jista’ jkollha s-setgħa, mingħajr ma jkollha taħtar qorti biex tittratta l-mertu tat-talba bażika, li tistħarreġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea, li twassal – jekk wieħed jassumi li l-ordni kienet b’mod ċar inħarġet ħażin, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament EOP – biex issib li l-ordni kienet nulla u bla effett jew li ttemm il-proċeduri. It-tieni, il-Kúria tista’ tkun meħtieġa, anki fin-nuqqas ta’ kull motiv identifikabbli għal ġurisdizzjoni, tindika qorti Ungeriża biex tittratta t-talba.

51.

Madankollu, qabel ma neżamina jekk jistax jiġi segwit xi wieħed minn dawn l-approċċi (ebda wieħed, jidher ċar, ma jista’ jiġi interpretat bħala li huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni, u jidher li jkun aħjar jekk jiġu eżaminati flimkien), ikun, fil-fehma tiegħi, ta’ siwi li jerġa’ jiġi eżaminat mill-ġdid x’seħħ u x’ma seħħx sa issa fil-każ, b’paragun ma’ dak li kellu jseħħ. Naħseb li jkun ġust ngħid, dwar dan, li l-kumplessità li l-Kúria għandha teħles minnha hija dovuta essenzjalment għal żbalji elementari magħmula l-ewwel nett minn Flight Refund u mill-avukat tagħha u, imbagħad, min-nutar li ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea. Dawk l-iżbalji effettivament iġibu fix-xejn l-għan tar-Regolament EOP biex tiġi ssimplifikata u mħaffa l-litigazzjoni f’kawżi transkonfinali dwar talbiet ta’ flus mhux ikkontestati ( 11 ).

52.

L-ewwel nett, Flight Refund ma misshiex ipprovat tistrieħ fuq il-Konvenzjoni ta’ Montreal biex tibbaża l-ġurisdizzjoni biex toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea kontra Lufthansa fl-Ungerija ( 12 ). Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament EOP, il-kompetenza għandha tiġi ddeterminata skont “ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 44/2001”. Għalkemm “regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja” jistgħu fil-prinċipju jinkludu l-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet, kif kien innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub, li l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ talba skont ir-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru hija rregolata mir-Regolament Brussell I waħdu ( 13 ). Barra minn hekk, il-“Linji gwida biex timtela l-formola ta’ applikazzjoni” għal ordni ta’ ħlas Ewropea jagħmluha ċara li r-regoli tar-Regolament Brussell I huma dawk li għandhom ikunu osservati (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). F’kull każ, għandu jkun evidenti li kull regola ġurisdizzjonali li tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Montreal tikkonċerna proċeduri mressqa b’rabta ma’ talbiet irregolati minn dik il-konvenzjoni, u mhux ma’ talbiet irregolati minn strumenti oħra. Kuntrarjament għar-Regolament Brussell I, il-Konvenzjoni ta’ Montreal ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli b’mod ġenerali.

53.

It-tieni nett, anki meta straħet fuq il-Konvenzjoni ta’ Montreal, l-avukat ta’ Flight Refund missha kienet taf li kien hemm żewġ verżjonijiet Ungeriżi differenti minn xulxin ta’ dak l-istrument ( 14 ), li ebda waħda minnhom ma kienet awtentika iżda għall-inqas waħda minnhom setgħet tiġi interpretata bħala li tfisser li “fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet”ma kienx motiv awtonomu u awtosuffiċjenti għall-ġurisdizzjoni, u, għalhekk, riferiment għal verżjoni awtentika tal-Konvenzjoni kien essenzjali.

54.

It-tielet nett, in-nutar li rċeviet l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea missha vverifikat dak li ssostni Flight Refund li l-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Huwa minnu li l-Artikolu 8 tar-Regolament EOP jippermetti li verifika bħal din tieħu l-għamla ta’ “proċedura awtomatizzata”, li tista’, ċertament, tkun sors ta’ żball. Min-naħa l-oħra, nutar Ungeriż huwa, għall-finijiet tar-Regolament EOP, awtorità ġudizzjarja u għandu, bħala tali, jitqies li jkun jaf il-liġi li huwa jew hija huma msejħa jamministraw u jieħdu r-responsabbiltà għall-mod li bih tiġi amministrata.

55.

Għalhekk, kemm l-avukat kif ukoll in-nutar ta’ Flight Refund misshom eżaminaw il-motivi possibbli għall-kompetenza fid-dawl tar-Regolament Brussell I waħdu. Dawk il-motivi possibbli jidher li huma kif ġej.

56.

L-ewwel li għandhom ġurisdizzjoni fl-iskema tar-Regolament Brussell I huma l-qrati tal-Istat Membru li fih il-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu (Artikolu 2(1)) – f’dan il-każ il-Ġermanja. It-tieni, f’materji relatati ma’ kuntratt, huma l-qrati tal-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu inkwistjoni (Artikolu 5(1)(a)). Peress li t-talba għal kumpens toriġina minħabba allegat dewmien fil-wasla, il-post ta’ eżekuzzjoni għandu, fil-fehma tiegħi, ikun il-post tal-wasla – jiġifieri, Londra. Konsegwentement, il-qrati l-iktar ovvji li mingħandhom tintalab ordni ta’ ħlas Ewropea, u dawk li l-iktar huwa ċert li għandhom ġurisdizzjoni, kienu dawk tal-Ġermanja jew tal-Ingilterra.

57.

It-tielet possibbiltà tista’ tkun il-qrati tal-post li fih il-fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor ta’ Lufthansa kienu stabbiliti (Artikolu 5(5)), jekk il-biljett inxtara minn tali fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor. Jidher li dak huwa l-każ u, minħabba li l-passiġġiera tidher li hija residenti fl-Ungerija, dak jista’ jkun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi. Madankollu, ikun meħtieġ li l-Kúria tistħarreġ dik il-kwistjoni, minħabba li jidher li ma hemmx prova f’dan l-istadju dwar fejn inxtara l-biljett.

58.

Jista’ jiġi nnotat – għalkemm ma hijiex prova rilevanti – li t-tliet motivi għall-ġurisdizzjoni msemmija iktar ’il fuq jaqblu ma’ dawk tal-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, malli l-motiv fieragħ ta’ sempliċement “fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet” ma jitqiesx iktar.

59.

Motiv ieħor li jista’ jkun hemm li fuqu setgħet tiġi ddikjarata l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi huwa relatat mad-domiċilju tal-passiġġier. Huwa minnu li r-regola tal-liġi Ungeriża li tippermetti li titressaq azzjoni fl-Ungerija minn persuna fiżika ddomiċiljata jew residenti abitwalment fl-Ungerija kontra persuna ġuridika li ma jkollhiex uffiċċju rreġistrat hemmhekk ( 15 ) ma tidhirx li hija għalkollox kompatibbli mar-Regolament Brussell I, jekk tkun regola applikabbli b’mod ġenerali. Regola bħal din tkun eżattament l-oppost tar-regola ġenerali tar-Regolament Brussell I, li tagħti preferenza lill-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut ( 16 ). Madankollu, hemm ċirkustanzi li fihom dak ir-regolament fil-fatt jippermetti possibbiltà bħal din – jiġifieri, meta l-persuna fiżika tkun konsumatur u tressaq proċeduri kontra l-parti l-oħra f’kuntratt ta’ konsumatur li, jekk ikun kuntratt ta’ trasport, ikun jagħmel parti minn pakkett ta’ vvjaġġar ( 17 ).

60.

F’kull każ, iċ-ċirkustanzi tal-kuntratt inkwistjoni jkollhom jerġgħu jiġu investigati mill-Kúria. Barra minn hekk, niddubita kemm tali bażi għall-ġurisdizzjoni tkunx ta’ min joqgħod fuqha meta l-konsumatur inkwistjoni jkun ċeda t-talba lil aġenzija ta’ ġbir bħal Flight Refund. Għalkemm ċessjoni ta’ talba ma hijiex punt indirizzat fir-Regolament Brussell I ( 18 ) u ma naf b’ebda ġurisprudenza li tittrattah, huwa ċar li r-regola eċċezzjonali li biha l-qrati tal-post tad-domiċilju tal-konsumatur jistgħu jingħataw kważi l-istess piż daqs dawk tal-post tad-domiċilju tal-konvenut hija maħsuba biex teħles lill-parti l-iktar dgħajfa tal-kuntratt mill-ħtieġa li ssegwi talba fi qrati barranin ( 19 ). Dak il-ħsieb ma japplikax iktar meta l-persuna li tagħmel it-talba ma tkunx il-parti iktar dgħajfa tal-kuntratt – jiġifieri l-konsumatur – iżda aġenzija professjonali ta’ ġbir ta’ flus ( 20 ).

61.

Finalment, huwa possibbli li t-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-bejgħ tal-biljett kellhom klawżola ta’ ġurisdizzjoni. Jekk dan huwa l-każ, il-validità tagħha jkollha titkejjel mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 u, jekk japplika, mal-Artikolu 17 tar-Regolament Brussell I ( 21 ).

62.

Għalhekk jidhirli li mill-informazzjoni disponibbli, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ungeriżi biex jittrattaw it-talba għal kumpens skont ir-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru ma tistax tiġi eleminata għalkollox abbażi tar-Regolament Brussell I, għalkemm la din il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Kúria ma għandhom xi informazzjoni li tagħmel ċara ġurisdizzjoni bħal din. Li jista’ jingħad huwa li l-ġurisdizzjoni ma’ tistax tiġi bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Montreal u li hija meħtieġa iktar informazzjoni biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni abbażi tar-Regolament Brussell I.

63.

Il-Kúria għarrfet lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma għandhiex is-setgħa tisma’ xhieda dwar il-mertu tal-każ. Għalkemm ma huwiex għal din il-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-liġi Ungeriża, jidhirli li jista’ jkun li d-dispożizzjonijiet imsemmija minn Kúria u stabbiliti fil-punt 29 et seq. iktar ’il fuq jistgħu ma jipprekludux is-smigħ tax-xhieda dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà. F’kull każ inqis li, f’konformità mal-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ungeriż għandu jiġi interpretat b’mod tali li jingħata effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk li jirregolaw il-ġurisdizzjoni ( 22 ).

64.

Kieku eżami sħiħ tal-fatti rilevanti kollha għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, fid-dawl tar-Regolament Brussell I, kien juri li l-qrati Ungeriżi kienu kompetenti jittrattaw it-talba ta’ Flight Refund kontra Lufthansa abbażi tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru, il-Kúria ma kienx ikollha diffikultajiet.

65.

Għalhekk, f’dak li ġej ser nassumi li eżami bħal dan kien sar u wassal għall-konklużjoni li dawk il-qrati ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jittrattaw dik it-talba. F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Kúria sempliċement ma hijiex f’pożizzjoni tindika qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li quddiemha l-proċeduri jistgħu jissoktaw skont ir-regoli ordinarji ta’ proċedura ċivili, kif ipprovdut mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament EOP.

66.

Madankollu, l-istorja ma tintemmx bil-ħruġ xejn għaqli min-nutar tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

67.

Dik l-ordni ntbagħtet lil Lufthansa, li ppreżentat dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni. Għalkemm ma kienx jeħtiġilha tagħmel hekk, Lufthansa indikat il-motiv li fuqu hija ċaħdet ir-responsabbiltà, jiġifieri li hija ma kinitx it-trasportatur operatorju tal-ajru għat-titjira kkonċernata. Jekk dak seta’ tqies bħala li l-konvenuta dehret għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I, dan seta’ ta ġurisdizzjoni lill-qrati Ungeriżi ( 23 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-preżentata ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, anki meta jkollha argumenti dwar il-mertu tal-każ, ma tistax titqies bħala li jkun deher il-konvenut għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I ( 24 ).

68.

L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni huwa, l-ewwel nett, li l-ordni ta’ ħlas Ewropea ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata eżegwibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament EOP u, it-tieni nett, li l-proċeduri jkollhom jissoktaw quddiem “il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini” skont l-Artikolu 17(1) ta’ dak ir-Regolament.

69.

Sakemm il-proċeduri jkunu jistgħu jissoktaw hekk, it-talba ta’ Flight Refund tidher li tkun raqdet. Ordni ta’ ħlas Ewropea tkun inħarġet iżda ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata eżegwibbli. Ir-Regolament EOP jgħid b’mod ċar li l-proċeduri għandhom jissoktaw fl-Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri, fl-Ungerija.

70.

Ċertament dak huwa l-iter korrett jekk wieħed jassumi li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru huma kompetenti internazzjonalment biex jittrattaw it-talba, li fil-prinċipju jkun il-każ jekk l-awtorità li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun eżaminat b’mod korrett il-kompetenza tagħha stess skont l-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament EOP. Madankollu, il-leġiżlatura ma tidhirx li pprevediet kompletament il-possibbiltà li l-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini jistgħu ma jkunux kompetenti internazzjonalment biex jittrattaw it-talba bażika.

71.

Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament EOP jipprovdi li r-regolament ma jżommx lil persuna li tagħmel it-talba milli ssegwi t-talba b’kull proċedura oħra, dan ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikun interpretat bħala li t-talba tkun tista’ tiġi segwita, jew li l-ordni tiġi eżegwita fl-istess waqt bi proċedura oħra, bir-riżultat li jista’ jkun hemm eżekuzzjoni doppja. Minflok, sakemm il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea ma tkunx intemmet, l-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell I jista’ jidher li jżomm lil kull qorti oħra milli tittratta t-talba.

72.

Kif issuġġerejt ( 25 ) u kif ġie nnotat fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix speċifikatament għal soluzzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Konsegwentement, dak li għandu jinstab hija soluzzjoni li ma tkunx inkonsistenti mal-leġiżlazzjoni u li tippermetti li l-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tinġieb fi tmiemha, li Flight Refund issegwi t-talba tagħha (jekk għadha tixtieq tagħmel dan) u li Lufthansa tiddefendi lilha nnifisha f’forum li jkun kompetenti għall-finijiet tar-Regolament Brussell I.

73.

Lufthansa, fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tagħha, ma qajmitx il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ kompetenza territorjali tan-nutar. Madankollu, anki kieku għamlet hekk, ma narax kif dan seta’ jibdel is-sitwazzjoni proċedurali. L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, li ma hijiex maħsuba li tinkludi dikjarazzjoni tal-motivi ta’ oppożizzjoni, kien, kif naraha jiena, jibqa’ l-istess bħal fiċ-ċirkustanzi attwali tal-kawża prinċipali: it-talba xorta kien ikollha tissokta quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, u l-impossibbiltà li tinstab qorti bħal din kienet tibqa’ l-istess.

74.

Lufthansa setgħet, forsi, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament EOP, qajmet il-kwistjoni tal-kompetenza territorjali tan-nutar wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-oppożizzjoni tagħha (u, b’hekk, impliċitament, biss malli l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli), għar-raġuni li l-ordni kienet “b’mod ċar inħarġet ħażin, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament” – kunċett li, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi li l-ordni kienet inħarġet minn awtorità li b’mod ċar ma kellhiex kompetenza internazzjonali skont ir-Regolament Brussell I. Dak kien ikollu jinvolvi l-applikazzjoni ta’ reviżjoni tal-ordni mill-“qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini”, li kien ikun jeħtiġilha, kieku sabet li r-reviżjoni kienet iġġustifikata, tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea nulla u bla effett. U hemmhekk il-proċeduri kienu jintemmu (bla ħsara li t-talba terġa’ titressaq, bl-istess jew bi proċedura differenti, f’forum kompetenti).

75.

Ma nissuġġerix li Lufthansa missha segwiet proċedura ta’ azzjoni bħal din – ma huwiex probabbli, mill-aspett kummerċjali, li kien ikun fl-interess tagħha li tagħmel hekk. Madankollu naħseb li jkun sewwa li jkun hemm waqfa żgħira biex titqies sitwazzjoni bħal din u titqabbel ma’ dik fil-kawża prinċipali.

76.

Meta l-konvenut japplika għal reviżjoni skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament EOP, huwa ċar, l-ewwel nett, li għandu dejjem ikun hemm “qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini” biex twettaq dik ir-reviżjoni, anki jekk – kif x’aktarx ikun il-każ – ma jkunx hemm qorti f’dak l-Istat b’ġurisdizzjoni biex tittratta t-talba bażika. Jekk dan ma jkunx hekk, ikun impossibbli jissewwew sitwazzjonijiet li fihom ordni ta’ ħlas Ewropea tkun inħarġet minn awtorità nieqsa minn kompetenza internazzjonali, u għandu jkun possibli li jsir hekk.

77.

Huwa ċar ukoll li, minħabba li l-identifakazzjoni tal-qorti kompetenti ma hijiex ittrattata fir-Regolament EOP, hija għandha tkun irregolata mil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 26 ta’ dak ir-regolament. Fl-Ungerija, għalhekk, dik il-liġi nazzjonali ( 26 ) għandha tkun interpretata fis-sens li, jekk l-indikazzjoni tal-qorti kompetenti ma tkunx issegwi awtomatikament minn, pereżempju, il-post fejn ikun stabbilit in-nutar li jkun ħareġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-Kúria għandha tkun kemm f’pożizzjoni, kif ukoll obbligata tindika l-qorti kompetenti. Jekk l-ordni tkun inħarġet ħażin, dik il-qorti għandha ttemm il-proċeduri billi ssib li l-ordni tkun nulla u bla effett. Madankollu, il-qorti kompetenti f’dik is-sitwazzjoni ma tkunx il-qorti kompetenti biex tittratta t-talba bażika. Tkun il-qorti kompetenti biex tistħarreġ il-legalità tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

78.

Iżda dik hija wkoll, fil-qofol, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hawnhekk. Il-Kúria jeħtiġilha fil-prinċipju, bis-saħħa tal-obbligi tagħha skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ungeriż, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament EOP, u skont id-dmir tagħha li tiżgura l-effettività sħiħa tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, tindika qorti kompetenti biex tittratta t-talba bażika. Biex tagħmel hekk hija għandha teżamina l-fatti rilevanti kollha biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni. Is-sitwazzjoni waħdanija li fiha ma tkunx tista’ tagħti indikazzjoni bħal din hija dik li fiha hija tkun aċċertat li l-qrati Ungeriżi ma jkollhomx ġurisdizzjoni internazzjonali.

79.

Proċedura loġika li għandha tiġi segwita f’dik is-sitwazzjoni tkun għalhekk, li tiġi indikata qorti li kienet tkun kompetenti biex tistħarreġ il-validità tal-ordni ta’ ħlas Ewropea jekk il-konvenut kien applika għal reviżjoni skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament EOP u li tkun ukoll kompetenti materjalment biex tittratta talbiet tax-xorta inkwistjoni. Dik il-qorti jkun imbagħad jeħtiġilha, skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Brussell I, tiddikjara li ma għandhiex kompetenza biex tittratta t-talba sakemm il-konvenut ma jidhirx ħlief biex jikkontesta l-ġurisdizzjoni tagħha. Il-persuna li tagħmel it-talba tkun imbagħad ħielsa ssegwi talba f’kull forum kompetenti ieħor. Jekk il-konvenut fil-fatt ikun deher għal kull skop ieħor, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tiġi stabbilita skont l-Artikolu 24 tar‑Regolament Brussell I u l-proċeduri jkunu jistgħu jissoktaw skont l-Artikolu 17 tar-Regolament EOP.

80.

Soluzzjoni bħal din, li taqbel ħafna ma’ dik prevista fit-tieni domanda tal-Kúria, jidhirli li ma tkun f’konflitt bl-ebda mod ma’ kull waħda mil-leġiżlazzjonijiet rilevanti. Tista’, bla ebda dubju, tippreżenta problemi kieku ma kienx ikun hemm qorti identifikabbli li kienet tkun kompetenti tistħarreġ il-validità tal-ordni ta’ ħlas Ewropea u kompetenti tittratta talbiet tax-xorta inkwistjoni.

81.

Is-soluzzjoni l-oħra prevista minn Kúria, fl-ewwel domanda tagħha, tkun tinvolvi reviżjoni ex officio tal-ordni ta’ ħlas Ewropea mill-Kúria nnifisha. Filwaqt li din tikseb tabilħaqq ir-riżultat ovvjament meħtieġ b’mod mhux differenti ħafna mis-soluzzjoni l-oħra, għalija tidher li tkun taqbel ftit inqas aħjar mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament EOP, billi l-Artikolu 20 ta’ dak ir-regolament ma jipprovdix għal reviżjoni ex officio iżda biss għal reviżjoni meta jintalab mill-konvenut.

Osservazzjonijiet finali

82.

L-ammont inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa f’dan il-każ żgħir ( 27 ), għalkemm nirrikonoxxi li l-interessi jistgħu jkunu kunsiderevolment ogħla fi proċeduri oħra ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea. Iżda fis-sitwazzjonijiet paragunabbli kollha s-soluzzjoni aħħarija għall-problema mqajma hija ċara: fl-interessi tal-partijiet kollha, il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tintemm biex it-talba titħalla tiġi segwita, jekk ikun mixtieq, quddiem qorti kompetenti. Kieku l-problema tqajmet quddiem qorti inferjuri, huwa kważi konċepibbli li setgħet tinstab soluzzjoni prattika, mingħajr ma tintalab deċiżjoni preliminari mingħand din il-Qorti tal-Ġustizzja.

83.

Madankollu, il-kwistjoni jeħtiġilha tinqata’ minn qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma hemmx rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali u li, għalhekk, skont it-tielet punt tal-Artikolu 267 TFUE, ma kellhiex għażla ħlief li titlob għal deċiżjoni bħal din. Il-Kúria lealment kienet konformi ma’ dak l-obbligu. Konsegwentement, għalkemm iż-żewġ soluzzjonijiet li l-Kúria stess identifikat kienu (fil-fehma tiegħi) jipprovdu riżultat sodisfaċenti, il-każ kellu jiġi ttrattat fit-tul mill-Qorti tal-Ġustizzja.

84.

Jidhirli li dan huwa, par excellence, it-tip ta’ każ li għalih xi forma inqas intensiva ta’ trattament tkun tidher adatta – kemm jekk tkun il-proċedura “green light” (dawl aħdar) sikwit irrakkomandata mill-predeċessur tiegħi fil-kariga, Sir Francis Jacobs ( 28 ), jew xi mekkaniżmu ieħor. Fid-dawl tax-xogħol dejjem jiżdied tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-pressjoni fuqha biex taqta’ sentenzi bla telf ta’ żmien bi tweġiba lil qrati nazzjonali, jista’ jkun ta’ siwi li terġa’ tinfetaħ id-diskussjoni dwar din il-kwistjoni.

Konklużjoni

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Kúria f’dan is-sens:

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta

(a)

ordni ta’ ħlas Ewropea tkun inħarġet minn qorti jew awtorità ta’ Stat Membru iżda ma jkunux jistgħu jiġu identifikati motivi biex tiġi stabbilita l-kompetenza territorjali tal-qrati ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward tat-talba segwita,

(b)

il-konvenut ikun ippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni bir-riżultat li, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, il-proċeduri jkollhom jissoktaw quddiem il-qrati kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont ir-regoli ordinarji ta’ proċedura ċivili u

(ċ)

qorti superjuri jkun jeħtiġilha, skont dawk ir-regoli, tindika qorti kompetenti bħal dik,

allura l-qorti superjuri għandha tindika qorti li kienet tkun kompetenti tirrevedi l-validità tal-ordni ta’ ħlas Ewropea jekk il-konvenut kien ikun applika għal stħarriġ skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 u li tkun ukoll kompetenti materjalment tittratta talbiet tax-xorta inkwistjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, milħuqa f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 abbażi tal-Artikolu 300(2) KE, approvata f’isem il-KE bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001 L 12, p. 1).

( 4 ) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

( 5 ) Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006 L 399, p. 1).

( 6 ) Jidher li hemm żewġ verżjonijiet “uffiċjali” tal-Konvenzjoni ta’ Montreal bl-Ungeriż, waħda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, edizzjoni speċjali bl-Ungeriż, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 492, l-oħra fl-2005. évi VII. törvény (Liġi Nru 7 tal-2005) li inkorporat il-Konvenzjoni fil-liġi Ungeriża. Madankollu ebda waħda minnhom ma hija verżjoni awtentika tal-Konvenzjoni ta’ Montreal innifisha. Iż-żewġ verżjonijiet tal-Artikolu 33(1) huma differenti b’mod sinjifikanti fil-kliem attwali, iżda fit-tnejn il-kliem “either […] or […]” fil-verżjoni Ingliża nqalbu f’“vagy […] vagy […]”. Fil-verżjoni tal-Ġurnal Uffiċjali ma hemmx virgola qabel l-ewwel “vagy”, biex tinqara iktar faċilment bħala “or” minflok “either”. Il-verżjoni tal-Liġi Nru 7 tal-2005, iżda, għandha fil-fatt virgola, għalkemm il-Kúria tikkwotaha mingħajr virgola fid-digriet tar-rinviju. Fiż-żewġ verżjonijiet hemm virgola qabel it-tieni “vagy”.

( 7 ) Il-verżjonijiet awtentiċi l-oħra huma dik Għarbija, Ċiniża u Russa. Fil-Franċiż l-ekwivalenti ta’ “either […] or […]” hija ‘soit […] soit […]”, filwaqt li fl-Ispanjol hija “sea […] sea […]”. Fiż-żewġ lingwi hemm virgola qabel l-ewwel element tal-par, biex b’hekk ikun ċar li “fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet” hija kundizzjoni li tapplika għaż-żewġ għażliet ta’ wara.

( 8 ) Sentenzi Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 40 sa 69, u Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punti 28 sa 40. Ara wkoll is-sentenza Folkerts, C‑11/11, EU:C:2013:106. Fi Sturgeon et (fil-punti 57 u 58 tas-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal kriterju mhux differenzjat ta’ telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar għat-titjiriet kollha (kuntrarju għal dewmien differenzjat ta’ sagħtejn, tlieta jew erba’ sigħat, skont il-kategorija tat-titjira, stabbilit fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament dwar Passiġġieri bl-Ajru) b’kalkolu maħdum ibbażat fuq l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii), li jikkonċerna rotta alternattiva wara kanċellazzjoni avżata meta passiġġieri jitħallew jitilqu mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin skedat tat-tluq u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom f’inqas minn sagħtejn wara l-ħin skedat tal-wasla. Meta żiedet dawk iż-żewġ perijodi ta’ siegħa u sagħtejn flimkien, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal kunċett ta’ “telf ta’ ħin” ta’ tliet sigħat, irrispettivament mill-kategorija tat-titjira li dwarha l-kumpens speċifikat fl-Artikolu 7 kellu jitħallas fil-każ ta’ dewmien fil-wasla.

( 9 ) Il-ftehim ta’ ċessjoni u l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, fil-proċess tal-kawża mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kúria, juru li l-passiġġiera kienet mara b’indirizz f’Budapest, li Flight Refund qabbdet lill-avukat Ungeriż tagħha biex taġixxi għaliha u li kienet dik l-avukat li ppreżentat l-applikazzjoni għand in-nutar.

( 10 ) Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, li tinsab ukoll fil-fajl tal-kawża, turi li din l-affermazzjoni kienet żdiedet fi spazju vojt isfel fit-tarf tal-formula standard, li ma fihiex taqsima li tippermetti li r-raġunijiet għall-oppożizzjoni jiġu ddikjarati. Lufthansa ma qajmet ebda kwistjoni ta’ kompetenza fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tagħha.

( 11 ) “Oh, what a tangled web we weave, when first we practise to deceive!” (O! X’xibka mħabbla jinseġ min, l-ewwel jipprattika biex iqarraq (traduzzjoni libera), kiteb Sir Walter Scott f’“Marmion” (Canto VI, XVII). Ma nakkuża lil ebda parti li tipprattika biex tqarraq, iżda x-xibka minsuġa hawnhekk hija mħabbla tabilħaqq, u denja tal-professuri fil-liġi l-iktar makakki li jridu jħawdu lill-istudenti f’mistoqsija ta’ eżami.

( 12 ) Ma hemmx indikazzjoni dwar jekk Flight Refund għamlitx kuntatt ma’ Lufthansa qabel ma applikat għall-ordni ta’ ħlas Ewropea. Milli jidher dik hija l-prattika tagħha bħalissa, skont is-sit elettroniku tagħha (http://flight-refund.eu/). Huwa possibbli li hekk għamlet u Lufthansa sempliċement ma weġbitx. Jekk huwa hekk, Lufthansa għandha ġġorr ċerta responsabbiltà għall-konfużjoni li kien hemm wara, minħabba li risposta qasira fis-sens li United Airlines kienet it-trasportatriċi bl-ajru li kienet qed topera kienet (x’aktarx) twaqqaf ħesrem il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea kontriha.

( 13 ) Sentenza Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 26 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.

( 15 ) Punt 30(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili: ara l-punt 29 iktar ’il fuq.

( 16 ) Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 17 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.

( 18 ) B’kuntrast, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6) jipprovdi: “Ir-relazzjoni bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju f’ċessjoni volontarja jew surroga kuntrattwali ta’ dritt kontra persuna oħra (“id-debitur”) għandha tkun regolata mil-liġi li tapplika għall-kuntratt bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju taħt dan ir-regolament.” Sfortunatament, dik ir-regola tal-għażla tal-liġi ma tgħinx dwar il-kwistjoni separata ta’ ġurisdizzjoni biex tittratta t-talba kontra Lufthansa. Kieku kienet tgħin, il-kwistjoni kienet tkun waħda sempliċi, minħabba li l-ftehim ta’ ċesssjoni bejn Flight Refund u l-passiġġiera jistipula li kwistjonijiet li ma jkunux irregolati fil-ftehim għandhom ikunu rregolati mil-liġi Ungeriża u li tilwim bejn dawk il-partijiet jinsabu fil-ġurisdizzjoni esklussiva tal-Budai Központi Kerületi Bíróság (Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda). Madankollu, minkejja li, bis-saħħa tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 593/2008, il-liġi Ungeriża għandha, għalhekk, tiddetermina “il-kondizzjonijiet li taħthom iċ-ċessjoni jew is-surroga tista’ tiġi invokata kontra d-debitur”, dak ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi estiż biex Lufthansa, li ma hijiex parti tal-ftehim, tiġi ssuġġettata għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti li l-kompetenza tagħha ma toriġinax mir-Regolament Brussell I.

( 19 ) Regoli simili japplikaw għal azzjonijiet imressqa minn detentur ta’ polza, persuna assigurata jew benefiċjarju kontra assiguratur, jew minn impjegat kontra min jimpjegah, u l-premessa 13 tar-Regolament Brussell I tagħmilha ċara li dawk id-dispożizzjonijiet kollha huma maħsuba biex iħarsu lill-parti dgħajfa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli.

( 20 ) Fis-sit elettroniku tagħha, Flight Refund tiddeskrivi lilha nnifisha bħala “Your Legal Attendant” [Fis-Servizz Legali Tiegħek] u bħala speċjalista fl-infurzar ta’ każijiet ta’ eżekuzzjoni. Jidher ukoll mis-sit elettroniku li Flight Refund issa tinnegozja bħala “Flight Refund Kft.’, kumpannija b’responsabbiltà limitata rreġistrata fl-Ungerija bl-uffiċċju prinċipali tagħha f’Budapest, u hija membru assoċjat ta’ PannonHitel Zrt., kumpannija privata rreġistrata wkoll fl-Ungerija. Il-bdil ta’ uffiċċju reġistrat ma huwa, madankollu, ta’ ebda rilevanza, fil-fehma tiegħi, għaliex (i) il-proċeduri tressqu minn Flight Refund Ltd, irreġistrata fir-Renju Unit, u (ii), peress li kumpannija b’responsabbiltà limitata ma hijiex konsumatur, il-post ta’ stabbiliment tagħha ma jistax ikun il-bażi tal-ġurisdizzjoni.

( 21 ) Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.

( 22 ) Ara, b’rabta mal-Konvenzjoni ta’ Brussell li ġiet qabel ir-Regolament Brussell I, is-sentenza Hagen, C‑365/88, EU:C:1990:203, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, bħala eżempju b’rabta mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u l-materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, li ħassar ir-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1), is-sentenza Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 23 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

( 24 ) Sentenza Goldbet Sportwetten, C‑144/12, EU:C:2013:393, punti 38 sa 41.

( 25 ) Ara l-punt 49 iktar ’il fuq.

( 26 ) Il-paġna tas-sit elettroniku Ewropew ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja (http://www.europe-eje.eu/sites/default/files/pj/dossiers/ipe_hongrie_english.pdf) dwar il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea fl-Ungerija tgħid sempliċement li: “ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 20, punt 2, tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 huwa rregolat mir-regolamenti Ungeriżi dwar l-ammissibbiltà tal-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri (Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)”.

( 27 ) It-talba ewlenija hija għal EUR 600. Skont il-ftehim ta’ ċessjoni bejn Flight Refund u l-passiġġiera, Flight Refund hija intitolata għal 25 % ta’ dak l-ammont (EUR 150) jekk it-talba tirnexxi, xejn jekk ma tirnexxix. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma huwiex sorprendenti li Flight Refund ma għamlet ebda sforz jew spiża partikolari biex tassisti lill-Kúria jew lil din il-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni tal-problema ppreżentata, li tqum parzjalment min-naħa tal-leġiżlatura li ma ħasbitx għaliha u parzjalment minħabba nuqqas ta’ eżerċizzju professjonali b’reqqa min-naħa ta’ Flight Refund innifisha, tal-avukat tagħha u tan-nutar tagħha li ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea. Flimkien ma’ dan, fid-dawl tas-somma involuta u l-konvinzjoni soda tagħha li kienet ħielsa għalkollox mir-responsabbiltà f’kull każ, ma huwiex sorprendenti li Lufthansa żammet ugwalment kalma f’dan ir-rigward.

( 28 ) Ara, pereżempju, id-diskors tiegħu “The European Courts and the UK – What Future? A New Role for English Courts’, [Il-Qrati Ewropej u r-Renju Unit – x’Futur? Rwol Ġdid għall-Qrati Ingliżi] mogħti fit-13-il Lecture Annwali tal-Kumitat għar-Riforma tal-Liġi, 18 ta’ Novembru 2014 (http://www.barcouncil.org.uk/media-centre/speeches,-letters-and-reports/speeches-of-interest/).