KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑83/14

“CHEZ Razpredelenie Bulgaria” AD

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija)]

“Direttiva 2000/43/KE — Prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ta’ persuni indipendentement mir-razza jew mill-oriġini etnika — Diskriminazzjoni indiretta — Miżura ġenerika u kollettiva — Effett stigmatizzanti — Persuna li ma tappartjenix mal-grupp etniku ddiskriminat, iżda hija madankollu vittma ta’ diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni (‘discrimination par association’, ‘discrimination par ricochet’) — Distretti li, fil-parti l-kbira, huma abitati minn persuni tal-komunità Roma — Installazzjoni tal-arloġġi tad-dawl f’għoli li ma huwiex aċċessibbli għall-konsumaturi — Ġustifikazzjoni — Ġlieda kontra l-frodi u l-abbuż — Direttivi 2006/32/KE u 2009/72/KE — Possibbiltà għal kull utent finali li jikkontrolla l-konsum tal-elettriku tiegħu”

I – Introduzzjoni

1.

Kultant, diskussjonijiet dwar problemi ta’ diskriminazzjoni jkunu jirrigwardaw sitwazzjoni ta’ persuna waħda. Dan ma huwiex il-każ inkwistjoni, li jikkonċerna l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika skont id-dritt tal-Unjoni. Għalkemm, fl-aħħar mill-aħħar, il-kawża toriġina minn ilment ta’ individwu, madankollu, il-qofol tal-interess huwa n-natura ġenerali u kollettiva ta’ miżuri li jaffettwaw komunità sħiħa u li jistgħu jistigmatizzaw il-membri kollha ta’ dan il-grupp kif ukoll l-ambjent soċjali tagħhom.

2.

B’mod speċifiku, hawn inkwistjoni prattika prevalenti fil-belt Bulgara ta’ Dupnitsa, għalkemm mhux hemmhekk biss, fejn l-arloġġi tad-dawl tal-utenti finali, f’żoni li, b’mod predominanti, huma abitati minn Roma, jiġu installati f’għoli ta’ madwar 6 metri b’mod li jkunu inaċċessibbli għal spezzjonijiet viżivi normali, filwaqt li, f’inħawi oħra, l-istess arloġġi tad-dawl jiġu installati f’għoli ta’ madwar 1.70 metri u għalhekk huma faċilment viżibbli għall-konsumaturi. Din il-prattika hija ġġustifikata minħabba tbagħbis fl-arloġġi tad-dawl u minħabba serq tal-elettriku li jidher li jseħħu ta’ spiss f’“żoni Roma”.

3.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov ( 2 ) indirizzajt din il-problema fid-dettall għall-ewwel darba u eżaminajtha fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ oriġini etnika skont id-dritt tal-Unjoni. F’dawn il-konklużjonijiet, għamilt ukoll referenza għall-kuntest tal-esklużjoni soċjali tar-Roma, kif ukoll għall-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi estremament prekarji li fihom tgħix din il-komunità f’ħafna postijiet fl-Ewropa.

4.

Il-każ preżenti jipprovdi opportunità sabiex nelabora ċerti aspetti tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti. L-ewwel nett, għandha tiġi elaborata d-differenza bejn id-diskriminazzjoni diretta u dik indiretta abbażi ta’ oriġini etnika. It-tieni nett, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk u sa fejn, persuni li ma jkunux huma nfushom membri tal-grupp etniku żvantaġġat, jistgħu madankollu jkunu vittmi ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” (bil-Franċiż: “discrimination par association” jew ukoll “discrimination par ricochet”) minħabba l-prattika inkwistjoni. Barra minn hekk, bħal fil-kawża Belov, ser ikun hemm inkwistjoni l-possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ miżuri kollettivi ta’ natura stigmatizzanti.

5.

Il-każ preżenti ma jqajjem ebda kwistjoni rigward ġurisdizzjoni jew ammissibbiltà, kif kien il-każ fil-kawża Belov ( 3 ), peress li, din id-darba, huwa paċifiku li l-korp tar-rinviju Bulgaru huwa qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

6.

Din il-kawża għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-Direttiva 2000/43/KE ( 4 ). Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għad-Direttiva 2006/32/KE ( 5 ) u d-Direttiva 2009/72/KE ( 6 ) li jinkludu regoli dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku, rispettivament.

1. Id-Direttiva 2000/43

7.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/43, huwa:

“li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

8.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/43 jinkludi, fost l-oħrajn, id-definizzjoni li ġejja:

“(1)   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

(2)   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a)

diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

(b)

diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.

(3)   Il-fastidju għandu jitqies bħala diskriminazzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 1, meta tiġri kondotta mhux mixtieqa li jkollha x’taqsam ma’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità bl-għan jew bl-effett li tiġi disprezzata d-dinjità tal-persuna u l-ħolqien ta’ ambjent li jintimida, ostili, degradanti, umiljanti u offensiv. F’dan il-kuntest, il-kunċett tal-fastidju jista’ jiġi ddefinit skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

[…]”

9.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/43 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“1.   Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’:

[…]

(h)

l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment [provvista] tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.

[…]”

10.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/4, dwar l-oneru tal-prova, jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.”

11.

Fl-aħħar, għandu jsir ukoll riferiment għall-premessa 16 tad-Direttiva 2000/43:

“Huwa importatni li jiġu protetti l-persuni naturali kollha kontra d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn approprjat skond it-tradizzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali tagħhom, il-protezzjoni lill-persuni legali fejn isofru minn diskriminazzjoni msejsa fuq l-origini tar-razza jew l-etniċità tal-membri tagħhom.”

2. Id-direttivi dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku u dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija

12.

Id-Direttiva 2006/32 kellha l-għan li żżid l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija fl-Istati Membri permezz ta’ diversi miżuri, intiżi, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali. Il-premessa 29 tagħha tipprovdi kif ġej:

“Sabiex il-konsumaturi finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni aħjar rigward il-konsum individwali tagħhom ta’ l-enerġija, iridu jkunu provduti b’ammont raġonevoli ta’ informazzjoni dwaru u ta’ informazzjoni relevanti oħra […]. Apparti minn hekk, il-konsumaturi għandhom jiġu mħeġġa b’mod attiv biex jiċċekkjaw regolarment il-qari tal-miter tagħhom.”

13.

Barra minn hekk, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/32 kien jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward ta’ l-iffrankar potenzjali ta’ l-enerġija, il-konsumatur finali ta’ l-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u ta’ l-ilma sħun fid-djar jingħataw meters individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum reali ta’ enerġija mill-konsumatur u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali ta’ l-użu.

[…]”

14.

Id-Direttiva 2009/72 tinkludi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni u għall-provvista tal-elettriku u tiddefinixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-elettriku. Skont l-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu “l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali”, li jinkludu, minn tal-inqas fir-rigward tal-klijenti domestiċi, dawk elenkati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

15.

Skont il-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur”, “il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jiżguraw li l-klijenti:

[…]

(h)

ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data dwar il-konsum tagħhom, […]; [u]

(i)

huma infurmati korrettament dwar l-konsum u l-ispejjeż attwali tal-elettriku ta’ spiss biżżejjed biex ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tal-elettriku tagħhom. […] Għandha titqies kif jixraq l-effiċjenza ta’ miżuri ta’ dan it-tip meta mqabbla mal-ispejjeż tagħhom. Il-konsumatur ma jista’ jiġi mġiegħel iħallas l-ebda spiża addizzjonali għal dan is-servizz;

[…]”

B – Id-dritt Bulgaru

16.

Sabiex jiġu trasposti sensiela ta’ atti oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/43, ir-Repubblika tal-Bulgarija adottat il-Liġi dwar il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni ( 7 ) (iktar ’il quddiem iż-“ZZD”), li l-Artikolu 4 tagħha jipprovdi kif ġej:

“(1)   Kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess, ir-razza, in-nazzjonalità, l-etniċità, il-ġenoma tal-bniedem, iċ-ċittadinanza, l-oriġini, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-edukazzjoni, il-konvinzjonijiet, l-affiljazzjoni politika, l-istatus personali jew soċjali, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, is-sitwazzjoni finanzjarja jew kwalunkwe karatteristika oħra li hija stabbilita bil-liġi jew bi trattat internazzjonali li r-Repubblika tal-Bulgarija hija parti kontraenti tiegħu, għandha tiġi prekluża.

(2)   Diskriminazzjoni diretta titqies li tkun twettqet meta persuna tiġi ttrattata inqas favorevoli minn persuna oħra li hija, li kienet jew li ser tiġi ttrattata f’kundizzjonijiet personali paragunabbli jew simili abbażi ta’ karatteristiċi msemmija fil-punt 1.

(3)   Diskriminazzjoni indiretta tikkonsisti fit-tqegħid ta’ persuna, abbażi ta’ karatteristiċi personali msemmija fil-punt 1, f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħra permezz ta’ dispożizzjoni, ta’ kriterju jew ta’ prattika ta’ apparenza newtrali, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux iġġustifikati b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu adattati u neċessarji.”

17.

Barra minn hekk, il-paragrafu 1 tad-“dispożizzjonijiet addizzjonali” taż-ZZD jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

7)

‘trattament sfavorevoli’: tfisser kull att, aġir jew omissjoni li jippreġudikaw direttament jew indirettament d-drittijiet jew l-interessi leġittimi;

8)

‘abbażi ta’ karatteristiċi personali skont l-Artikolu 4(1)’: tfisser abbażi tal-preżenza effettiva, preżenti jew passata, jew preżunta ta’ waħda jew iktar minn dawn il-karatteristiċi personali tal-persuna ddiskriminata jew tal-persuna li hija assoċjata ma’ jew allegatament assoċjata ma’ din il-persuna, meta din ir-rabta hija l-bażi tad-diskriminazzjoni;

[…]”

18.

Barra minn hekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi għal dispożizzjonijiet nazzjonali oħra taż-ZZD u tal-liġi dwar l-enerġija ( 8 ) (iktar ’il quddiem iż-“ZE”), li ma humiex riprodotti hawnhekk.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

A – Il-fatti

19.

Anelia Georgieva Nikolova taħdem fil-belt Bulgara ta’ Dupnitsa bħala negozjant indipendenti. Hija għandha ħanut tal-merċa fid-distrett Gizdova Mahala, b’elettriku pprovdut mill-kumpannija CHEZ Razpredelenie Bulgaria ( 9 ).

20.

Id-distrett ta’ Gizdova Mahala huwa magħruf bħala l-ikbar distrett Roma ta’ Dupnitsa. Il-popolazzjoni ta’ dan id-distrett tappartjeni prinċipalment mal-grupp etniku Roma. Madankollu, A.G. Nikolova nfisha ma tagħmilx parti minn dan il-grupp ( 10 ).

21.

Fis-snin 1999 u 2000 ġew installati arloġġi tad-dawl ( 11 ) għall-utenti kollha li issa huma pprovduti bl-elettriku minn CHEZ, fuq l-arbli tad-dawl konnessi ma’ netwerk elettriku f’għoli ta’ madwar 6 metri, jiġifieri li huma inaċċessibbli għal kontrolli viżivi normali. Huwa paċifiku li din il-prattika ( 12 ) hija applikata biss f’distretti b’popolazzjoni predominantement Roma, u tapplika għall-klijenti kollha ta’ dawn id-distretti, irrispettivament minn jekk jappartjenux ma’ dan il-grupp etniku jew le. Din hija ġġustifikata kemm bin-numru kbir ta’ tbagħbis mhux awtorizzat tal-arloġġi tad-dawl kif ukoll bl-okkorrenza frekwenti ta’ konnessjonijiet illegali man-netwerk tal-elettriku f’dawn id-distretti. F’postijiet oħra, madankollu, l-arloġġi tad-dawl tal-utenti kollha, inkluż dawk li jappartjenu mal-grupp etniku tar-Roma, jitqiegħdu f’għoli ta’ madwar 1.7 metru, b’mod li huma faċilment aċċessibbli, ġeneralment fir-residenzi tal-utenti mal-ħitan esterni tal-bini tagħhom, jew anki mas-sisien ċirkostanti.

22.

Sabiex l-utenti jkunu jistgħu jivverifikaw il-konsum tagħhom inkluż fuq l-arloġġi tad-dawl imqiegħda f’għoli sostanzjali, CHEZ impenjat ruħha, fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ tagħha, li fi tlett ijiem tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti li jressqu talba bil-miktub, mingħajr ħlas, vettura mgħammra bi pjattaforma li permezz tagħha l-impjegati ta’ CHEZ ikunu jistgħu jaċċedu għall-arloġġi tad-dawl sabiex jaqrawhom. Madankollu, sa issa, ebda utent ma għamel użu minn din il-possibbiltà. Il-konsumaturi għandhom ukoll il-possibbiltà li jitolbu li l-arloġġ tad-dawl jiġi installat fir-residenza tagħhom, bi spejjeż tagħhom. Minbarra dawn iż-żewġ soluzzjonijiet, ma hemm ebda possibbiltà oħra għar-residenti ta’ dan id-distrett sabiex ikunu jistgħu jaqraw l-arloġġ tad-dawl tagħhom.

23.

Skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, hemm rapporti fix-xandir dwar tipi ġodda ta’ arloġġi tad-dawl bil-possibbiltà ta’ qari mill-bogħod li jistgħu wkoll jindikaw tbagħbis lill-kumpannija tal-elettriku.

B – Il-kawża prinċipali

24.

Fil-5 ta’ Diċembru 2008, A.G. Nikolova ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Bulgara dwar il-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni ( 13 ) (iktar ’il quddiem il-“KZD”) dwar in-natura diskriminatorja tal-prattika inkwistjoni ta’ CHEZ. Fl-ilment tagħha hija qabelxejn allegat li kienet vittma ta’ “diskriminazzjoni diretta” minħabba n-“nazzjonalità” ( 14 ) tagħha. Barra minn hekk, hija argumentat ukoll li l-kontijiet tad-dawl tagħha kienu eċċessivi meta mqabbla mal-konsum effettiv tagħha u f’dan ir-rigward kienet tissuspetta li CHEZ applikat valur tal-konsum eċċessivament sproporzjonat sabiex tikkumpensa għat-telf li hija kienet qiegħda ġġarrab f’dan id-distrett. Fl-aħħar nett, A.G. Nikolova rrilevat li l-installazzjoni tal-arloġġ tad-dawl f’post inaċċessibbli għal qari normali tagħhom kien jirrendi impossibbli għaliha li taqra l-arloġġ tad-dawl u għaldaqstant li tikkontrolla l-kontijiet tad-dawl tagħha.

25.

Skont rapport ta’ perizja teknika, ordnat mill-qorti tar-rinviju, fil-każ ta’ A.G. Nikolova, la kien hemm tbagħbis u lanqas konnessjonijiet illegali.

26.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2010, il-KZD ikkonstatat li l-prattika inkwistjoni kienet tikkostitwixxi “diskriminazzjoni indiretta” abbażi tal-karatteristika ta’ “nazzjonalità”, liema diskriminazzjoni ma setgħetx tkun iġġustifikata. Madankollu, permezz ta’ appell ippreżentat minn CHEZ, din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Varhoven administrativen sad ( 15 ) bis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Mejju 2011, b’mod partikolari peress li ma kienx ċar fir-rigward ta’ liema nazzjonalità oħra kienet ġiet iddiskriminata A.G. Nikolova. Il-każ intbagħat lura għand il-KZD għal eżami mill-ġdid.

27.

Fit-30 ta’ Mejju 2012, il-KZD tat deċiżjoni mill-ġdid dwar il-kawża u kkonstatat “diskriminazzjoni diretta” minħabba s-“sitwazzjoni personali” ta’ A.G. Nikolova. Fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, il-KZD indikat li, minħabba l-post fejn kien jinsab in-negozju tagħha, A.G. Nikolova kienet ġiet ittrattata b’mod inqas favorevoli minn CHEZ meta mqabbla mal-klijenti l-oħra, li l-arloġġi tad-dawl tagħhom kienu ġew installati f’postijiet aċċessibbli għall-ispezzjonijiet viżwali. Il-KZD obbligat lil CHEZ sabiex ittemm dan il-ksur, tistabbilixxi mill-ġdid it-trattament ugwali ta’ A.G. Nikolova u biex fil-futur jevita prattiki diskriminatorji bħal dawn.

28.

CHEZ reġgħet ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni, li huwa pendenti quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad ( 16 ), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Il-Kummissjoni Nazzjonali Regolatorja tal-Enerġija u tal-Ilma Bulgara ( 17 ) (iktar ’il quddiem id-“DKEVR”) qiegħda tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ CHEZ.

29.

Il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-kawża la għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva ta’ “nazzjonalità” u lanqas minn dik ta’ “sitwazzjoni personali”, iżda fir-rigward tal-“karatteristika protetta ‘tal-etniċità’”. Il-qorti hija tal-fehma li A.G. Nikolova qiegħda tiġi ddiskriminata direttament fuq bażi etnika. L-affiljazzjoni ta’ A.G. Nikolova għall-grupp etniku Roma, skont l-opinjoni ta’ din il-qorti, tirriżulta mill-fatt li hija “tidentifika” lilha nnifisha mar-Roma tad-distrett tagħha.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Permezz tad-digriet tal-5 ta’ Frar 2014, li ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2014, l-Administrativen sad Sofia-grad ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux inqas minn għaxar domandi ferm estensivi għad-deċiżjoni preliminari, li huma fid-dettall kif ġej:

1)

Il-kunċett ta’ “etniċità”, użat fid-Direttiva 2000/43/KE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri grupp kompatt ta’ ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma bħal dawk li jgħixu fiż-żona “Gizdova Mahala” f’Dupnitsa?

2)

Il-kunċett ta’ “sitwazzjoni komparabbli” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 huwa applikabbli fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, fejn l-istrumenti għal kejl kummerċjali huma installati, f’żoni Roma, f’għoli ta’ bejn sitt u seba’ metri, meta normalment, f’żoni oħra fejn ma hemmx popolazzjoni kompatta ta’ Roma, jiġu installati f’għoli ta’ inqas minn żewġ metri?

3)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-installazzjoni, f’żoni Roma, ta’ strumenti għal kejl kummerċjali f’għoli ta’ bejn sitt u seba’ metri, tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli tal-popolazzjoni ta’ oriġini Roma meta mqabbla mal-popolazzjoni ta’ oriġini etnika differenti?

4)

Jekk dan huwa trattament inqas favorevoli, id-dispożizzjoni msemmija għandha tiġi interpretata fis-sens li, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan it-trattament huwa dovut kompletament jew parzjalment għall-fatt li hija involuta l-etniċità Roma?

5)

Dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-punt 7 tal-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet komplementari tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet (Zakon za zashtita ot diskriminatsia), li jipprovdi li kull aġir (att jew ommissjoni) li jippreġudika direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi leġittimi jikkostitwixxi “trattament sfavorevoli”, hija kompatibbli mad-Direttiva 2000/43?

6)

Il-kunċett ta’ “prattika apparentement newtrali” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 japplika għall-prattika tal-kumpannija CHEZ Razpredelenie Bălgaria AD li tinvolvi t-tqegħid ta’ strumenti ta’ kejl kummerċjali f’għoli ta’ bejn sitt u seba’ metri? L-avverbju “apparentement” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prattika tkun manifestament newtrali jew inkella fis-sens li l-prattika tidher newtrali biss prime facie, jiġifieri, fi kliem ieħor, li hija newtrali biss fl-apparenza?

7)

Sabiex ikun hemm każ ta’ diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, huwa meħtieġ li l-prattika newtrali tqiegħed lill-persuna f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ partikolari minħabba karatteristika personali marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika, jew inkella huwa biżżejjed li din il-prattika tikkonċerna lil persuni ta’ oriġini etnika partikolari? F’dan is-sens, dispożizzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 4(3) taz-ZZD, li jipprovdi li diskriminazzjoni indiretta tikkonsisti f’li persuna titqiegħed f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minħabba l-karatteristiċi personali msemmija fil-paragrafu 1 (inkluża l-etniċità), hija kompatibbli mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43?

8)

Kif għandhom jiġu interpretati l-kliem “żvantaġġ partikolari” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43? Dan il-kunċett huwa analogu għal dak ta’ “trattament inqas favorevoli” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-direttiva msemmija, jew inkella jikkonċerna biss każijiet ta’ inugwaljanza gravi, flagranti u partikolarment sinjifikattivi? Il-prattika deskritta f’dan il-każ tikkostitwixxi żvantaġġ partikolari? Jekk il-każ ta’ persuna mqiegħda f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ma huwiex każ gravi, flagranti u partikolarment sinjifikattiv, dan huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-assenza ta’ diskriminazzjoni diretta (mingħajr ma tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk il-prattika inkwistjoni hijiex iġġustifikata, xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq għan leġittimu)?

9)

Dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 4(2) u (3) taż-ZZD, li jeżiġi “trattament iktar sfavorevoli” sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, kif ukoll il-“fatt li dak li jkun jitqiegħed f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli” sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni indiretta, mingħajr ma jagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-gravità tad-diversi trattamenti sfavorevoli, kif tagħmel id-Direttiva 2000/43, huwa kompatibbli mal-Artikolu 2(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2000/43?

10)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prattika kontenzjuża ta’ CHEZ Razpredelenie Bulgaria AD hija oġġettivament iġġustifikata sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tan-netwerk ta’ trasport tal-elettriku u tal-kontroll adegwat tal-konsum tal-enerġija elettrika? Din il-prattika hija xierqa wkoll fid-dawl tal-obbligu tal-konvenuta li tiggarantixxi l-aċċess liberu tal-klijenti għall-indikazzjonijiet tal-arloġġi tad-dawl? Din il-prattika hija neċessarja sa fejn hemm mezzi oħra sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-istrumenti ta’ kejl kummerċjali, mezzi li huma aċċessibbli teknikament u finanzjarjament u li huma magħrufa permezz ta’ artikli li dehru fil-mezzi ta’ komunikazzjoni?

31.

Fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub CHEZ, A.G. Nikolova, il-KZD, il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-KZD, l-istess partijiet kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Jannar 2015.

V – Analiżi

32.

Il-fatti tal-kawża prinċipali ġew eżaminati minn diversi perspettivi mill-awtoritajiet u mill-qrati aditi bil-kawża fuq livell nazzjonali, b’mod partikolari, fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq in-“nazzjonalità” u s-“sitwazzjoni personali” li hija prekluża fid-dritt nazzjonali. Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk prattika bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens tad-Direttiva 2000/43. Id-deċiżjoni għal rinviju preliminari mill-Administrativen sad Sofia-grad lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar hija intiża li tikkjarifika din il-kwistjoni.

33.

Huwa xieraq li d-domandi fid-dettall tal-qorti tar-rinviju jiġu kklassifikati tematikament, b’mod li ssir distinzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni (ara immedjatament, iktar ’il quddiem, it-Taqsima A), il-kunċett ta’ diskriminazzjoni (ara iktar ’il quddiem, sussegwentement, it-Taqsima B) kif ukoll ir-raġunijiet ta’ eventwali ġustifikazzjoni tal-prattika inkwistjoni (ara iktar ’il quddiem, it-Taqsima C).

A – Il-kamp ta ’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika

34.

Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat jekk fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika skont id-Direttiva 2000/43.

35.

Kif tirrikonoxxi l-qorti tar-rinviju, hija ma ddedikat ebda domanda separata għal din il-problema, minbarra referenza kemmxejn enigmatika għal “grupp kompatt ta’ ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma” fl-ewwel domanda. Madankollu, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistenna dikjarazzjoni ċara mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex koperta mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

1. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

36.

Fost il-partijiet fil-kawża, hija biss CHEZ li tqis li l-prattika inkwistjoni hija fi kwalunkwe każ eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/43.

37.

Dan l-argument, li l-imsemmija impriża kienet diġà invokat preċedentement fil-kawża Belov, ma jistax jintlaqa’.

38.

Bħala parti mill-provvista ta’ beni u servizzi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, il-provvista tad-dawl inkontestabbilment tagħmel parti mill-oqsma li fihom hija prekluża kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika skont l-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43.

39.

Barra minn hekk, kif diġà spjegajt fid-dettall fil-kawża Belov ( 18 ), ma jistax jingħad li provvista tal-elettriku hija nondiskriminatorja sakemm il-kundizzjonijiet ġenerali tagħha li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-elettriku lill-utenti ma humiex nondiskriminazzjoni. Il-provvista tal-arloġġi tad-dawl hija parti minn dawn il-kundizzjonijiet ġenerali li bihom CHEZ tipprovdi lill-klijenti tagħha bl-elettriku.

40.

Barra minn hekk, ir-regolamentazzjoni tas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni lill-utenti finali dwar il-konsum tagħhom tal-elettriku permezz tal-arloġġi tad-dawl, hija parti mill-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea huwa. Għaldaqstant, il-kundizzjoni inizjali fl-Artikolu 3(1), li tipprovdi li d-Direttiva 2000/43 tapplika biss fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Unjoni, hija wkoll sodisfatta ( 19 ).

41.

Konsegwentement, il-prattika inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/43.

2. 2. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae

42.

Il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2000/43, li ser neżamina issa, hija ħafna iktar interessanti minn dik tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae fil-każ preżenti. Il-qorti tar-rinviju tindirizza din il-problema fl-ewwel domanda preliminari tagħha billi tirreferi għal “grupp kompatt ta’ ċittadini Bulgari ta’ oriġini Roma” u billi żżid li r-Roma fil-Bulgarija għandhom l-istatus ta’ minorità etnika.

43.

Minn perspettiva Ewropea, għandu jiġi nnotat li r-Roma, kif ġie rikonoxxut, għandhom jitqiesu bħala grupp etniku awtonomu li, barra minn hekk, jeħtieġ protezzjoni speċjali. F’dan is-sens, esprimiet ruħha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) ( 20 ). Il-ġurisdizzjoni tagħha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tar-razza jew tal-oriġini etnika skont id-dritt tal-Unjoni, kif issa huwa stabbilit fid-dritt primarju fl-Artikolu 21 tal-Karta ( 21 ).

44.

Madankollu, is-sempliċi konstatazzjoni li r-Roma jikkostitwixxu grupp etniku awtonomu, ma tippermettix li, fil-każ ineżami, tingħata risposta sodisfaċenti għall-kwistjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2000/43. Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk u sa fejn persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ A.G. Nikolova, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tistax tinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika.

a) Ir-rikorrenti tista’ titqies li hija Roma?

45.

Il-premessa għandha tkun li, skont id-dritt tal-Unjoni, il-membri kollha ta’ grupp etniku partikolari jibbenefikaw minn għal protezzjoni kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika.

46.

Madankollu, il-każ ta’ A.G.Nikolova, li l-ilment tagħha ta lok għall-kawża prinċipali, huwa kkaratterizzat mill-fatt li r-rikorrenti nfisha espressament indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma tappartjenix mal-grupp etniku tar-Roma.

47.

Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tevalwa l-fatti u tapplika l-liġi, inkluż id-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-informazzjoni kollha rilevanti sabiex tiffaċilita s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 22 ).

48.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, mill-imġiba ta’ A.G. Nikolova fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari mill-ilment imressaq minnha bbażat fuq diskriminazzjoni etnika, ma għandux jiġi dedott b’mod temerarju li hija stess tagħmel parti mill-grupp etniku tar-Roma.

49.

Huwa ċertament possibbli li A.G. Nikolova “tidentifika ruħha” mar-Roma f’Gizdova Mahala, sa fejn, bħar-residenti l-oħra kollha ta’ dan id-distrett, hija affettwata mill-prattika inkwistjoni u ġġarrab l-effett stigmatizzanti tagħha. Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament fih innifsu, li A.G. Nikolova tikklassifika lilha stess fil-grupp etniku Roma. Pjuttost, fil-kawża prinċipali, A.G. Nikolova sempliċement tikkontesta quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-istess prattika li taffettwa wkoll lir-Roma tad-distrett Gizdova Mahala. Ma huwiex possibbli li jinsiltu konklużjonijiet minn dan dwar l-etniċità tagħha stess.

50.

Fil-każ ta’ dubju, huwa l-mod li bih il-persuna kkonċernata tidentifika lilha nfisha li huwa deċiżiv għad-determinazzjoni dwar jekk din għandhiex titqies li tappartjeni mal-grupp etniku inkwistjoni ( 23 ).

51.

Għaldaqstant, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-qorti tar-rinviju, jiena ser nassumi iktar ’il quddiem, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet personali ta’ A.G Nikolova quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li A.G. Nikolova ma għandhiex tiġi inkluża mal-grupp etniku Roma.

b) Ir-rikorrenti tista’ titqies li hija vittma ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”?

52.

Is-sempliċi fatt li jidher li r-rikorrenti nfisha ma tagħmilx parti mill-grupp etniku Roma, ma jeskludi b’ebda mod li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hija tista’ tinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ oriġini etnika.

53.

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li la l-Artikolu 21 tal-Karta u lanqas numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2000/43 ma jillimitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal persuni li huma ddiskriminati minħabba l-oriġini tar-razza jew l-etniċità “tagħhom” (fis-sens ta’ “tagħhom stess”) ( 24 ). A contrario, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni huma fformulati b’mod iktar ġenerali u jipprekludu kull diskriminazzjoni minħabba “ir”-razza jew “l”-oriġini etnika.

54.

Din id-differenza żgħira, iżda sottili, ma hijiex kumbinazzjoni. Hija għandha implikazzjonijiet kunsiderevoli għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma għandux jiġi ddefinit b’mod strett ( 25 ). Konformement mal-għan ġenerali li jinħoloq qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni (l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43), dan il-kliem ta’ interpretazzjoni libera jippermetti anki lil dawk l-individwi li huma sempliċement vittmi ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” jinvokaw il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tirrikonoxxi, fis-sentenza Coleman, u fil-kuntest ta’ diżabbiltà, il-protezzjoni kontra din l-għamla partikolari ta’ diskriminazzjoni, li bil-Franċiż hija deskritta b’mod preċiż bħala “discrimination par association” jew “discrimination par ricochet” ( 26 ).

56.

Il-prinċipji tas-sentenza Coleman jistgħu jiġu faċilment trasposti għall-każ preżenti, anki jekk tali sentenza ma kinitx tikkonċerna d-Direttiva 2000/43 iżda d-Direttiva 2000/78 ( 27 ), li hija marbuta magħha. Dawn iż-żewġ direttivi affiljati jikkoinċidu fuq diversi punti deċiżivi fil-każ ineżami u fl-aħħar mill-aħħar huma l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u huwa rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta ( 28 ).

57.

Vittma ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” hija qabelxejn persuna li għandha rabta personali mill-qrib ma’ persuna li għandha waħda mill-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta u fid-direttivi antidiskriminatorji. Pereżempju, il-każ ta’ Coleman kien jikkonċerna impjegata li, minħabba d-diżabbiltà tat-tifel tagħha, kienet esposta għal ambjent ostili fuq il-post tax-xogħol ( 29 ).

58.

Madankollu, l-eżistenza ta’ tali rabta personali ma hijiex l-uniku kriterju possibbli sabiex jitqies li persuna hija vittma ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”. A contrario, in-natura ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” tista’ wkoll tkun inerenti għall-miżura inkwistjoni fiha nfisha, b’mod partikolari, meta, minħabba n-natura ġenerali u kollettiva tagħha, din il-miżura tkun tista’ taffettwa mhux biss lill-persuna li għandha waħda mill-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta u fid-direttivi antidiskriminatorji, iżda wkoll persuni oħra, fl-għamla ta’ “dannu kollaterali”.

59.

Nimmaġinaw sitwazzjoni fejn grupp ta’ sitt persuni jixtiequ jieklu flimkien f’restorant u minħabba l-kulur tal-ġilda ta’ waħda minn dawn il-persuni, ma jingħatawx mejda. Huwa manifest li dan l-inċident razzista għandu jitqies mhux biss bħala diskriminazzjoni kontra l-persuna primarjament ikkonċernata, iżda “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” ukoll kontra l-ħames persuni l-oħra. Fil-fatt, minħabba motivi razzisti, ebda waħda minn dawn il-persuni ma hija servuta fir-restorant. Fil-verità, ma tagħmilx differenza jekk dawn ikunux membri ta’ familja, grupp ta’ ħbieb jew inkella negozjanti li jistgħu jkunu qegħdin jiltaqgħu għall-ewwel darba.

60.

Din is-sitwazzjoni hija simili ħafna għal dik ineżami. Il-prattika inkwistjoni ta’ CHEZ, b’mod ġenerali u kollettiv, hija indirizzata kontra l-persuni kollha li huma fornuti bl-elettriku f’Gizdova Mahala. Fil-każ li iktar ’il quddiem jirriżulta li din il-prattika timplika diskriminazzjoni kontra r-Roma li jgħixu f’dan id-distrett ( 30 ), in-natura ġenerali u kollettiva tal-imsemmija prattika għandha neċessarjament il-konsegwenza li persuni li ma humiex Roma jkunu wkoll vittmi ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”. Fil-fatt, dawn ikollhom iġarrbu l-effett stigmatizzanti tal-miżura ġenerali u kollettiva, l-istess bħar-Roma. Għalhekk, huma wkoll ikunu suġġetti għal ambjent degradanti u diskriminatorju li fir-rigward tiegħu tikkontribwixxi l-prattika inkwistjoni ( 31 ).

61.

Konsegwentement, A.G. Nikolova, bħala rikorrenti tal-kawża prinċipali, tista’ wkoll tinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, anki jekk hija stess ma tappartjenix mal-grupp etniku Roma ( 32 ).

c) Ir-rikorrenti tista’ tinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-kapaċità tagħha ta’ imprenditur?

62.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-invokazzjoni ta’ A.G. Nikolova ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tistax tiġi prekluża bil-fatt li, milli jidher, hija ma toqgħodx fid-distrett ta’ Gizdova Mahala, iżda sempliċement topera ħanut tal-merċa hemmhekk.

63.

Minkejja li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet fil-proċedura ma jagħtu importanza kbira lil dan il-fatt, għandu jiġi indikat li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li hija mogħtija lill-kumpanniji ma hijiex neċessarjament estiża daqs dik li jgawdu minnha l-individwi.

64.

Madankollu, huwa possibbli li anki persuni li jeżerċitaw attività fil-kapaċità imprenditorjali tagħhom huma awtorizzati jinvokaw il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika. La fl-Artikolu 21 tal-Karta u lanqas fid-Direttiva 2000/43 ma hemm dispożizzjoni jew anki sempliċement indikazzjoni fis-sens li persuni privati jistgħu biss jiġu protetti minn diskriminazzjoni barra mill-attività ekonomika tagħhom.

65.

A contrario, huwa manifest li anki persuni ekonomikament attivi huma, b’diversi modi, esposti għall-perikolu li minħabba ċerti karatteristiċi personali, partikolarment minħabba l-karatteristiċi elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta u fid-direttivi antidiskriminatorji, huma vittmi ta’ diskriminazzjoni. Għaldaqstant, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, kif elaborata fid-Direttiva 2000/43, tapplika espressament ukoll fl-impjieg u x-xogħol, kif jidher mhux l-inqas bid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fl-Artikolu 3(1)(a) sa (d) tad-Direttiva. Skont il-każ, anki persuni ġuridiċi jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni ( 33 ).

66.

Fil-każ ineżami, għandu wkoll jiġi nnotat li r-rikorrenti topera l-ħanut tal-merċa tagħha f’Gizdova Mahala bħala imprenditur individwali. Bla ħsara għall-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi preżunt li, b’mod ġenerali, A.G Nikolova hija regolarment personalment preżenti fil-ħanut, taħdem hemm u, għalhekk, fil-kapaċità tagħha ta’ persuna fiżika ekonomikament attiva, hija esposta għall-prattika inkwistjoni u għall-effett stigmatizzanti tagħha, bl-istess mod bħall-persuni li jirrisjedu f’dan id-distrett.

67.

F’dan il-kuntest, il-fatt li r-rikorrenti hija affettwata mill-prattika inkwistjoni biss fil-kapaċità tagħha ta’ imprenditur individwali ma jistax jipprekludi l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-każ ineżami.

3. 3. Konklużjoni provviżorja

68.

Għaldaqstant, b’mod ġenerali, sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, fis-sens tad-Direttiva 2000/43, kif stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

B – Il-kunċett ta ’ diskriminazzjoni

69.

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-prattika inkwistjoni timplikax diskriminazzjoni, jew speċifikament inugwaljanza fit-trattament, ibbażata fuq l-oriġini etnika. Kif jirriżulta mit-tieni sad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar liema rekwiżiti legali għandhom jiġu ssodisfatti għall-konstatazzjoni ta’ tali diskriminazzjoni u dwar jekk għandux jiġi deċiż, skont il-każ, li hemm diskriminazzjoni diretta jew inkella diskriminazzjoni indiretta.

70.

Naturalment, il-partijiet fil-proċedura ma jaqblux dwar dan. Filwaqt li A.G. Nikolova tikkunsidra li hemm diskriminazzjoni diretta, il-gvern Bulgaru kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea huma iktar favur diskriminazzjoni indiretta. Il-KZD sempliċement tiġbed l-attenzjoni għad-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali, filwaqt li CHEZ, li fil-fehma tagħha d-Direttiva 2000/43 lanqas biss hija applikabbli, tressaq argumenti ġenerali dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni.

71.

Id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta hija importanti mill-aspett ġuridiku speċjalment peress li l-ġustifikazzjonijiet possibbli jvarjaw skont jekk l-inugwaljanza fit-trattament, li fuqu hija tkun ibbażata, tkunx direttament jew indirettament marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika ( 34 ).

72.

Il-possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni għall-inugwaljanza fit-trattament indiretta huma stabbiliti b’mod ġenerali ħafna fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 (“[i]ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima”), filwaqt li inugwaljanza fit-trattament diretta tista’ tiġi ġġustifikata biss “f’ċirkostanzi limitati ħafna” ( 35 ), b’mod partikolari, permezz ta’ “ħtiġiet ġenwini u determinanti tal-mestier” fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (li ma humiex rilevanti fil-każ preżenti).

73.

Minn dan isegwi li l-għanijiet possibbli, li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata inugwaljanza fit-trattament diretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, huma inqas varji minn dawk li jistgħu jiġġustifikaw id-diskriminazzjoni indiretta, anki jekk ir-rekwiżiti inerenti għat-test ta’ proporzjonalità huma essenzjalment l-istess.

74.

Hija l-qorti tar-rinviju stess li għandha tevalwa jekk ċirkustanzi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, iwasslux għall-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, peress li hija biss għandha tistabbilixxi u tevalwa l-fatti kif ukoll tapplika l-liġi għall-kawża li tressaq quddiemha ( 36 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha l-indikazzjonijiet utli kollha li jiffaċilitawlha s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 37 ). Fid-dawl tad-dubji li ġew espressi f’dan ir-rigward fid-digriet tar-rinviju u tad-diverġenzi fil-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari msemmija f’tali digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament għandha tipprovdi gwida.

1. Nota preliminari: Ebda preġudizzju għad-drittijiet jew għall-interessi leġittimi ma huwa neċessarju

75.

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat fil-qosor jekk il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika tistax tkun suġġetta għal preġudizzju dirett jew indirett tad-drittijiet jew tal-interessi leġittimi. Dan il-punt huwa mqajjem mill-qorti tar-rinviju fil-ħames domanda tagħha. Fil-fatt, skont il-punt 1(7) tad-“dispożizzjonijiet addizzjonali” taż-ZZD, “trattament sfavorevoli” jeżisti biss meta “jkunu ppreġudikati direttament jew indirettament id-drittijiet jew l-interessi leġittimi”.

76.

Madankollu, kif diġà stqarrejt fil-kawża Belov ( 38 ), la l-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta u lanqas il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta ma jeżiġu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur kwalunkwe tad-drittijiet jew tal-interessi stabbiliti bil-liġi. L-uniku fattur determinanti huwa li persuna jew grupp partikolari ikunu suġġetti għal trattament inqas favorevoli jew jiġu żvantaġġati, indipendentement minn jekk hemmx ksur tad-drittijiet jew tal-interessi u, jekk fl-affermattiv, liema fosthom. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li diskriminazzjoni lanqas ma timplika li jkun hemm vittma konkreta ( 39 ).

77.

Għaldaqstant, sabiex jiġi konkluż li hemm diskriminazzjoni, huwa suffiċjenti li persuna jew grupp ta’ persuni jkunu suġġetti għal trattament kwalunkwe, li jkun inqas favorevoli minn dak li tibbenefika, ibbenefikat jew ser tibbenefika minnu persuna oħra jew grupp ieħor ta’ persuni. Ir-rekwiżit ta’ kundizzjonijiet addizzjonali mhux previsti fid-Direttiva 2000/43 ma huwiex kompatibbli mal-livell għoli ta’ protezzjoni mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

78.

Għaldaqstant, il-ħames domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

79.

Huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li ser inżid ngħid li huwa pjuttost ċar li l-każ preżenti jikkonċerna d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tar-residenti ta’ Gizdova Mahala fir-rigward tal-provvista tal-elettriku tagħhom. Bħala utenti finali, kif preskritt fid-dritt tal-Unjoni, għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data dwar il-konsum tagħhom u għandhom jiġu korrettament informati dwar il-konsum tal-elettriku effettiv tagħhom u dwar l-ispejjeż marbuta ma’ tali konsum, frekwentement biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tal-elettriku tagħhom ( 40 ). Prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippreġudika dan l-interess legalment protett tal-konsumaturi f’Gizdova Mahala.

1. 2. Diskriminazzjoni diretta

80.

Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43, diskriminazzjoni diretta titqies li tkun twettqet meta, minħabba l-oriġini tar-razza jew tal-etniċità tagħha, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif qiegħda tiġi ttrattata, ġiet ittrattata, jew ser tiġi ttrattata persuna f’sitwazzjoni paragunabbli ( 41 ).

81.

La d-digriet tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet ma jipprovdu informazzjoni konkreta li tista’ tindika li l-prattika inkwistjoni ntgħażlet speċifikament minħabba l-oriġini etnika tal-abitanti ta’ dan id-distrett jew hija marbuta ma’ karatteristika inseparabbli mill-oriġini etnika tagħhom.

82.

Ċertament, il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-oriġini etnika mhux bilfors teżiġi li l-prattika inkwistjoni tkun etnikament immotivata. A contrario, id-diskriminazzjoni diretta tista’ wkoll titqies li titwettaq meta miżura, għalkemm ta’ apparenza newtrali, fir-realtà tikkonċerna biss jew tista’ tikkonċerna biss lil persuni li għandhom waħda mill-karatteristiċi partikolari msemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta u fid-direttivi antidiskriminatorji.

83.

Għaldaqstant, fir-rigward ta’ projbizzjonijiet oħra ta’ diskriminazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tqis li referenza għat-tqala tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, minħabba li din tista’ taffettwa lin-nisa biss ( 42 ), u tikklassifika dispożizzjonijiet marbuta mad-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija bħala diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, għaliex jistgħu jivvantaġġaw jew jiżvantaġġaw lil persuni ta’ ċerta età biss ( 43 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali meta benefiċċju maħsub għal koppji miżżewġa jiċċaħħad lil koppji tal-istess sess li qegħdin f’unjoni ċivili simili għaż-żwieġ u li huma stess ma għandhomx aċċess għall-istituzzjoni taż-żwieġ ( 44 ).

84.

Madankollu, tali ċirkustanzi simili ma humiex preżenti f’dan il-każ.

85.

Huwa minnu li l-prattika inkwistjoni hija de facto preżenti biss f’distretti bħal Gizdova Mahala, li b’mod predominanti huma abitati minn grupp etniku partikolari. Madankollu, din bl-ebda mod ma tikkonċerna biss persuni li jappartjenu għal dan il-grupp etniku, f’dan il-każ ir-Roma, iżda tapplika wkoll fil-konfront tal-klijenti l-oħra kollha tal-kumpannija tal-elettriku, bħal A.G. Nikolova, li huma residenti f’dawn id-distretti, indipendentement mill-etniċità tagħhom. A contrario, ir-Roma ma humiex affettwati mill-prattika inkwistjoni fil-każ li jkunu jirrisjedu f’distretti jew żoni oħra li fil-parti l-kbira huma abitati minn komunitajiet oħra.

86.

Evidentement, il-prattika inkwistjoni għalhekk tikkonċerna lill-konsumaturi fornuti bl-elettriku minn CHEZ fid-distrett ta’ Gizdova Mahala biss minħabba l-kwalità tagħhom ta’ residenti. Għalhekk, din il-prattika ma hijiex intrinsikament marbuta mal-oriġini etnika tagħhom kif hija t-tqala mas-sess ta’ persuna, id-drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija mal-età tal-persuna u l-għajxien f’unjoni ċivili mal-orjentazzjoni sesswali ( 45 ).

87.

F’dawn il-kundizzjonijiet, jidher li ma hemmx provi biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata diskriminazzjoni diretta ( 46 ). Is-sempliċi fatt li l-prattika inkwistjoni hija de facto preżenti biss f’distrett li huwa fil-parti kbira abitat minn Roma, bil-konsegwenza li dejjem għandha impatt partikolari fuq il-membri ta’ dan il-grupp etniku, ma huwiex, fil-fehma tiegħi, biżżejjed sabiex ikun hemm inverżjoni tal-oneru tal-prova fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 bil-għan li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-oriġini etnika.

88.

Madankollu, għad irid jiġi eżaminat jekk dan il-fatt jagħtix lok għall-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta.

3. Diskriminazzjoni indiretta

a) Id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta skont id-Direttiva 2000/43

89.

Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, diskriminazzjoni indiretta titqies li tkun twettqet meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika ta’ apparenza newtrali jistgħu jimplikaw żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu adattati u neċessarji

90.

Mis-sitt, mis-seba’ u mit-tmien domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju jidher li għandha ċerti diffikultajiet marbuta mal-ftehim ta’ żewġ fatturi ta’ din id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta fid-dritt tal-Unjoni, liema diffikultajiet huma dovuti, mill-inqas parzjalment, għall-partikolaritajiet tal-verżjoni lingwistika Bulgara tad-Direttiva 2000/43 u li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-kelma “apparentement” u t-tieni nett, il-frażi “fi żvantaġġ partikolari”.

91.

Skont l-għan ġenerali tad-Direttiva 2000/43, li huwa l-garanzija li ċ-ċittadini tal-Unjoni jgawdu mill-aħjar protezzjoni possibbli kontra d-diskriminazzjoni u t-twettiq tal-aħjar livell ta’ protezzjoni ( 47 ), ebda waħda minn dawn iż-żewġ partijiet tas-sentenza ma tista’ tiġi interpretata bħala limitazzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni.

92.

Għalhekk, il-kelma “apparentement” ( 48 ) fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 tista’ biss tiġi interpretata fis-sens ta’ dispożizzjoni, kriterju jew prattika ta’ apparenza jew prima facie newtrali. Min-naħa l-oħra, din il-kelma ma tistax sempliċement tfisser li d-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika inkwistjoni għandha tkun manifestament newtrali, kif jidher li hija tal-fehma l-qorti tar-rinviju. Dan ikollu l-konsegwenza illoġika li diskriminazzjoni indiretta tiġi prekluża kull meta d-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika ineżami jirriżultaw li huma “inqas newtrali” milli jkun jidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn. Dan jista’ possibbilment joħloq diskrepanza fil-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni li f’ebda ċirkustanzi ma hija intenzjonata.

93.

Fir-rigward tal-frażi “jitfgħu [...] fi żvantaġġ partikolari” fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, din ukoll ma għandhiex tiġi interpretata b’mod żbaljat fis-sens li huwa biss żvantaġġ serju ħafna għal persuni ta’ razza jew ta’ orġini etnika li jista’ jagħti lok għall-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta. A contrario, din il-frażi tfisser li diskriminazzjoni indiretta għandha dejjem titqies li twettqet meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika ta’ apparenza newtrali jaffettwaw ċerti persuni, membri ta’ razza jew grupp etniku partikolari, b’mod iktar sfavorevoli milli jaffettwaw persuni oħra ( 49 ). Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta ma tiddependix fuq jekk l-iżvantaġġ imġarrab mill-persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika partikolari huwiex partikolarment serju. Is-severità tal-iżvantaġġ tista’ possibbilment tkun rilevanti fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet għall-ġustifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni: iktar ma jkun serju l-iżvantaġġ, iktar ikunu diffiċli r-rekwiżiti għall-ġustifikazzjoni.

b) L-applikazzjoni tad-definizzjoni għall-każ preżenti

94.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-prattika inkwistjoni hija applikata biss f’distretti li fil-parti l-kbira huma abitati minn Roma. Dan il-punt ġie kkonfermat ukoll mill-partijiet kollha fil-proċedura. Għalhekk, huwa manifest li l-prattika inkwistjoni tikkonċerna b’mod partikolari l-membri ta’ dan il-grupp etniku.

95.

Huwa paċifiku wkoll li tali prattika timponi piż fuq il-konsumaturi kkonċernati fir-rigward ta’ żewġ aspetti: Minn naħa, tali prattika trendi prattikament impossibbli, jew minn tal-inqas, ferm diffiċli l-aċċess għall-arloġġi sabiex jistgħu jinqraw. Fil-każ li l-konsumaturi jkunu jridu jiġu informati kontinwament dwar il-konsum tal-elettriku tagħhom, huma ma għandhomx għażla oħra ħlief li jinstallaw arloġġ tad-dawl fid-djar tagħhom, bi spejjeż addizzjonali ( 50 ). Min-naħa l-oħra, il-prattika inkwistjoni jista’ jkollha effett stigmatizzanti peress li l-pubbliku jista’ jkollu l-impressjoni li hemm tbagħbis tal-arloġġi tad-dawl mill-konsumaturi kkonċernati jew konnessjoni illegali mas-sistema tal-elettriku.

96.

Il-fatt li huma fil-parti l-kbira r-Roma li għandhom iġarrbu l-iżvantaġġi relatati mal-prattika inkwistjoni jindika inugwaljanza fit-trattament tal-konsumaturi fid-distrett ta’ Gizdova Mahala meta mqabbla ma’ distretti oħra, li hija indirettament marbuta mal-etniċità tagħhom.

97.

L-eżistenza ta’ din l-inugwaljanza fit-trattament ma tistax tiġi miċħuda b’referenza għall-ugwaljanza fit-trattament minn CHEZ tal-konsumaturi kollha fi ħdan id-distrett Gizdova Mahala.

98.

Huwa minnu li l-prattika inkwistjoni taffettwa lill-klijenti tal-elettriku kollha li jirrisjedu f’dan id-distrett bl-istess mod, irrispettivament minn jekk humiex membri tal-grupp etniku Roma. Madankollu, il-fattur deċiżiv għat-test tad-diskriminazzjoni ma huwiex il-paragun tas-sitwazzjoni bejn il-persuni li jġarrbu kollha l-istess żvantaġġ, iżda l-paragun bejn il-persuni żvantaġġati, minn naħa, u l-persuni li ma humiex żvantaġġati, min-naħa l-oħra.

99.

Sempliċi paragun mal-konsumaturi tal-elettriku barra minn dan id-distrett inkwistjoni juri tabilħaqq li l-prattika inkwistjoni timplika inugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-provvista tal-elettriku għad-detriment tal-konsumaturi tad-distrett ta’ Gizdova Mahala ( 51 ), li fil-parti l-kbira huma Roma.

100.

CHEZ toġġezzjona li s-sitwazzjoni tal-konsumaturi fi ħdan u barra mid-distrett ta’ Gizdova Mahala ma hijiex paragunabbli, u għaldaqstant, ma tistax tagħti lok għal trattament differenti.

101.

Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. Huwa minnu li jista’ jkun li f’dan id-distrett kien hemm numru ta’ każijiet ta’ tbagħbis tal-arloġġi tad-dawl u ta’ konnessjonijiet tal-elettriku illegali, iżda mhux f’inħawi oħra. Madankollu, l-interess tal-klijenti li jaqraw l-arloġġi tad-dawl tagħhom u li jiġu fornuti bl-elettriku mingħajr ma jiġu stigmatizzati huwa l-istess fi ħdan u barra minn dan id-distrett. Għaldaqstant, minn tal-inqas f’dan ir-rigward, il-klijenti kollha fornuti minn CHEZ jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Il-fatt li f’ċerti żoni t-tbagħbis tal-arloġġi tad-dawl u tan-netwerk tal-elettriku huma iktar spissi għandu, skont il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni tal-prattika inkwistjoni ( 52 ). Madankollu, dan ma jaffettwax il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-klijenti.

c) Sempliċi diskriminazzjoni indiretta tista’ tkun il-bażi għall-konstatazzjoni ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”?

102.

Fl-aħħar nett, huwa neċessarju li jiġi diskuss ukoll, fil-qosor, jekk il-fatt li A.G. Nikolova, rikorrenti fil-kawża prinċipali, apparentement ma tappartjenix mal-grupp etniku Roma, iżda hija sempliċement affettwata bil-prattika inkwistjoni bħala proprjetarja ta’ ħanut tal-merċa fid-distrett ta’ Gizdova Mahala, huwiex suffiċjenti sabiex jipprekludi l-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta fil-każ preżenti. Għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar il-kwistjoni hija dik dwar jekk il-fatt li Roma fid-distrett ta’ Gizdova Mahala jġarrbu żvantaġġ, minkejja li huma biss indirettament marbuta mal-oriġini etnika tagħhom, jikkostitwixxix bażi suffiċjenti għall-konstatazzjoni ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” fir-rigward ta’ A.G. Nikolova. Fi kliem ieħor, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta, il-preżunzjoni ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” hijiex legalment permessa ( 53 ).

103.

CHEZ issostni li “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” tista’ biss tiġi kkonstatata fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta iżda mhux fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta.

104.

Jiena miniex tal-istess fehma. Huwa minnu li, sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss l-opportunità li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” fir-rigward ta’ diskriminazzjoni diretta ( 54 ). Madankollu, dan ma jfissirx li hija eskludiet kull possibbiltà li tikkonstata “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” fil-każ ta’ diskriminazzjoni indiretta.

105.

Il-partijiet fil-proċeduri ma evokawx karatteristiċi strutturali li jagħmlu parti mid-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, li huma ta’ natura li jeskludu kull possibbiltà li persuna titqies li hija vittma ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”, u lanqas ma huma evidenti.

106.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa ġust li l-kunċett ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni indiretta jiġi rikonoxxut bl-istess mod bħal fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni diretta.

107.

Dan jista’ jiġi deskritt b’eżempju ta’ motiv ta’ diskriminazzjoni simili, li huwa wkoll imsemmi fl-Artikolu 21 tal-Karta: jekk f’kumpannija, it-tfal ta’ ħaddiema rġiel biss u mhux it-tfal ta’ ħaddiema nisa jkunu intitolati għal ċertu vantaġġ soċjali, pereżempju l-attendenza fil-crèche tal-kumpannija stess, ikun hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess tal-ħaddiema. Madankollu, jekk it-tfal tal-ħaddiema full-time, għad-differenza tat-tfal ta’ ħaddiema part-time, ikunu intitolati għall-imsemmi vantaġġ, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess tal-ħaddiema, peress li l-ħaddiema part-time huma fil-parti l-kbira nisa filwaqt li ħaddiema full-time huma fil-parti l-kbira rġiel. Fi kwalunkwe każ, it-tfal tal-grupp ta’ ħaddiema żvantaġġat huma vittmi ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”. Mill-perspettiva tat-tfal, il-fatt li, fl-ewwel każ, hemm diskriminazzjoni diretta, u “sempliċement” diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess tal-ħaddiema fit-tieni każ, ma jimplika ebda differenza fundamentali.

108.

Bl-istess mod, il-prattika ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni, li f’ċerti distretti teżiġi primjums ta’ assigurazzjoni ġeneralment ogħla, tista’ tkun indirettament diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta, jekk il-popolazzjoni f’dawn id-distretti tkun tappartjeni, fil-parti l-kbira, ma’ grupp etniku partikolari, ma’ ċerta kategorija ta’ dħul jew ma’ komunità reliġjuża partikolari. Minkejja li ċerti abitanti tad-distrett ikkonċernat ma jappartjenux huma stess ma’ dan il-grupp etniku, ma’ din il-kategorija tad-dħul jew ma’ din il-komunità reliġjuża, huma vittmi ta’ diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni, peress li l-primjums ta’ assigurazzjoni ogħla japplikaw għalihom ukoll.

109.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, u f’sitwazzjonijiet oħra wkoll, il-karatteristiċi tad-diskriminazzjoni indiretta, u anki dawk tad-“diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni indiretta”, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw inugwaljanza fit-trattament indiretta huma iktar diversi minn dawk li jistgħu jiġġustifikaw inugwaljanza fit-trattament diretta ( 55 ).

2. 4. Konklużjoni provviżorja

110.

Għaldaqstant, b’mod ġenerali, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, hemm inugwaljanza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika. Għalhekk, f’din il-kawża hemm prima facie każ ta’ diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43.

C – Il-motivi għal ġustifikazzjoni possibbli tal-prattika inkwistjoni

111.

It-tielet, u fl-aħħar nett, għandu wkoll jiġi ddeterminat jekk prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

112.

L-analiżi ta’ din il-problema neċessarjament teħtieġ li, fil-każ preżenti, tiġi kkonstatata inugwaljanza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika, konformement mal-osservazzjonijiet tiegħi iktar ’il fuq ( 56 ). Huwa biss f’dan il-każ li l-qorti tar-rinviju indirizzat din il-kwistjoni fil-kuntest tal-għaxar domanda tagħha, kif jidher partikolarment mir-riferiment tagħha għall-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.

113.

Għad-differenza tad-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, li minħabba raġunijiet ovvji ( 57 ), ma tistax, fil-prinċipju, tiġi ġġustifikata ( 58 ), l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 jipprevedi, fir-rigward tad-diskriminazzjoni indiretta, li d-dispożizzjoni, il-kriterju jew il-prattika inkwistjoni huma leġittimi jekk ikunu oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu, u li l-mezzi sabiex jinkiseb dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji, jiġifieri proporzjonati. Din il-formulazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti ġeneralment ammessi fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament indiretta ( 59 ).

1. Għan leġittimu

114.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prattika inkwistjoni, fid-distrett ta’ Gizdova Mahala, kif ukoll f’reġjuni oħra Bulgari, ġiet implementata bħala reazzjoni għall-ammont sostanzjali ta’ każijiet ta’ tbagħbis tal-arloġġi tad-dawl u ta’ konnessjonijiet illegali. F’dan il-kuntest, CHEZ tinvoka l-ħtieġa li tirreġistra b’mod xieraq il-konsum tal-elettriku tal-klijenti tagħha u tiżgura s-sigurtà tan-netwerk tal-elettriku. Barra minn hekk, skont CHEZ, huwa importanti li jiġu protetti l-ħajja u s-saħħa tal-konsumaturi kif ukoll l-interessi finanzjarji tagħhom.

115.

Naturalment, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43, il-parti li tinvoka tali interessi għandha tippreżenta l-prova li, fir-realtà, il-prattika inkwistjoni effettivament issegwi l-għanijiet imsemmija u li din pjuttost ma kinitx ibbażata fuq motivi marbuta mal-oriġini etnika tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni fid-distrett ta’ Gizdova Mahala. Fi kwalunkwe każ, għall-perijodi li matulhom, skont id-dritt nazzjonali, kien komuni jew saħansitra stabbilit mil-liġi li jinżamm reġistru tan-negozju, huwa possibbli li CHEZ tintalab tipprovdi prova tad-deċiżjoni tagħha li wasslet għall-prattika inkwistjoni permezz ta’ dokumenti interni tal-kumpannija. Indipendentement minn dan, huwa wkoll possibbli li CHEZ tintalab tistabbilixxi b’mod preċiż jekk għad hemmx, fl-istat attwali, riskju kbir ta’ tbagħbis sostanzjali tal-arloġġi tad-dawl u ta’ konnessjonijiet tal-elettriku illegali.

116.

Jekk jitqies li l-allegazzjonijiet ta’ CHEZ fir-rigward tal-għanijiet segwiti huma korretti, dan ifisser li l-prattika inkwistjoni hija essenzjalment intiża li tipprekludi frodi u abbużi fil-ġejjieni u li tiżgura l-kwalità ta’ provvista tad-dawl li tkun finanzjarjament raġonevoli fl-interess tal-konsumaturi kollha.

117.

Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u l-abbużi, u l-garanzija tas-sigurtà u tal-kwalità tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri huma għanijiet leġittimi rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni ( 60 ).

2. Eżaminazzjoni tal-proporzjonalità

118.

Madankollu, għad irid jiġi eżaminat jekk, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, huwiex proporzjonat li l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu f’għoli ta’ madwar 6 metri fid-distrett ikkonċernat. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, dan jippresupponi li din il-miżura tkun “sewwa u meħtieġa” għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mixtieqa.

119.

Anki jekk huwa possibbilment minnu li l-motivi għall-prattika inkwistjoni huma “magħrufa sew” ( 61 ), dan ma jeżentax lil CHEZ mill-obbligu tagħha li tagħti prova li ma kisritx il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament (Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43). Fil-fatt, l-għarfien tal-motivi għal aġir partikolari tal-impriżi ma jirrivela xejn dwar il-ġustifikazzjoni tiegħu, u lanqas, b’mod partikolari, il-proporzjonalità tiegħu ( 62 ).

120.

L-impriża tista’ wkoll tintalab tirrevedi regolarment l-prattika inkwistjoni u teżamina mill-ġdid jekk din għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

a) “Natura xierqa” (adattabbiltà) tal-prattika inkwistjoni

121.

Miżura tkun “[xierqa]” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 meta hija tkun adatta għall-kisba tal-għan leġittimu mixtieq ( 63 ), li jfisser, f’din il-kawża, li l-miżura tkun adattata sabiex effettivament tipprekludi l-frodi u l-abbużi, u sabiex tiżgura l-kwalità tal-provvista tal-elettriku.

122.

Ma hemm ebda dubju li l-installazzjoni ta’ arloġġi tad-dawl u ta’ kaxxi tad-distribuzzjoni f’għoli ta’ 6 metri, normalment inaċċessibbli għall-konsumaturi, irendi iktar diffiċli t-tbagħbis u l-konnessjonijiet tal-elettriku illegali. Barra minn hekk, il-prevenzjoni ta’ interferenzi illegali man-netwerk tal-elettriku mill-individwi għandha tendenza li jkollha effett pożittiv fuq il-konsumaturi tal-elettriku inġenerali, peress li tnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti, tipprekludi ħsarat fl-infrastruttura u tipprevjeni l-possibbiltà ta’ żieda ġenerali fil-prezzijiet tad-dawl maħsuba sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tat-tiswija.

123.

Għandu jiġi nnotat, inċidentalment, li l-adattabbiltà tal-miżuri għandha dejjem tkun evalwata fid-dawl tal-għanijiet tagħhom. Jekk miżura, bħal f’din il-kawża, tkun intiża bħala reazzjoni għal numru ta’ konnessjonijiet illegali man-netwerk tal-elettriku f’distrett partikolari, l-adattabbiltà tagħha ma tistax tkun suġġetta għall-fatt li fil-ġejjieni ser jintemmu l-każijiet kollha ta’ frodi jew abbuż kif ukoll mhux ser ikun hemm ebda deterjorament fil-kwalità tal-provvista tal-elettriku. A contrario, tali miżura għandha titqies li hija adatta għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tagħha jekk tkun tikkontribwixxi sabiex in-numru ta’ konnessjonijiet illegali jonqos sostanzjalment ( 64 ).

124.

Bla ħsara għal eżaminazzjoni f’iktar dettall mill-qorti tar-rinviju, jidher fil-prinċipju li prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija adatta għat-twettiq tal-għanijiet tagħha.

b) Neċessità tal-prattika inkwistjoni

125.

Jekk jitqies li l-prattika inkwistjoni hija adatta sabiex tipprekludi frodi u abbużi u sabiex tiggarantixxi l-kwalità tal-provvista tal-elettriku, tqum il-kwistjoni dwar jekk hijiex ukoll neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan.

126.

Miżura tkun neċessarja meta l-għan leġittimu mixtieq ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura oħra daqstant xierqa iżda inqas kontraenti. Dan ifisser li għandu jiġi indagat jekk jeżistux soluzzjonijiet inqas restrittivi sabiex jiġi prekluż it-tbagħbis fl-arloġġi tad-dawl u l-konnessjonijiet tal-elettriku illegali.

127.

Kif diġà sostnejt fid-dettall fil-kawża Belov ( 65 ), is-sempliċi tressiq ta’ proċeduri legali quddiem il-qrati ċivili jew kriminali fir-rigward tal-allegati persuni li jwettqu tbagħbis fl-arloġġi tad-dawl jew konnessjonijiet illegali man-netwerk tal-elettriku, fil-prinċipju ma għandhomx jitqiesu bħala mezz daqstant adattat sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi f’din il-kawża. L-istess japplika għall-proposta li jiġu installati f’għoli ikbar biss l-arloġġi li ġew effettivament imbagħbsa.

128.

Madankollu, għad-differenza tal-kawża Belov ( 66 ), jidher li fil-każ preżenti huwa a priori realistiku li l-arloġġi tad-dawl jiġu installati f’għoli normali u li jiġu protetti minn interferenzi illegali permezz ta’ mezzi tekniċi speċjali. Skont id-digriet tar-rinviju, fil-fatt, fil-midja hemm rapporti dwar “tipi ġodda ta’ arloġġi tad-dawl” bil-possibbiltà ta’ qari mill-bogħod li jistgħu wkoll jindikaw tbagħbis lill-kumpannija tal-elettriku.

129.

Bla dubju, tali azzjoni tkun miżura inqas restrittiva fil-konfront tal-utenti finali tal-elettriku li jgħixu f’distrett bħal Gizdova Mahala. B’mod partikolari, dan il-metodu jkun jiżgura li ma jkunx hemm stigmatizzazzjoni tal-popolazzjoni lokali u li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jkomplu jikkontrollaw regolarment l-arloġġi tagħhom, kif jidher li huwa ġeneralment il-każ f’postijiet oħra fil-Bulgarija.

130.

Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, hija l-qorti tar-rinviju nfisha li għandha tiżgura jekk l-imsemmija “tipi ġodda ta’ arloġġi tad-dawl” humiex possibbli mingħajr ma jimplikaw spejjeż irraġonevoli jew jekk dan ikunx jimplika spejjeż addizzjonali li jkollhom jiġu kondiviżi bejn il-konsumaturi tal-elettriku kollha. Huwa biss fil-każ li l-użu ta’ dawn it-“tipi ġodda ta’ arloġġi” ikun jirrappreżenta effettivament miżura teknikament u finanzjarjament realistika ( 67 ), li dan ikun jista’ jiġi invokat bħala alternattiva inqas restrittiva u daqstant xierqa għall-prattika inkwistjoni ta’ installazzjoni ta’ arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ madwar 6 metri.

c) L-assenza ta’ preġudizzju indebitu għall-persuni kkonċernati minħabba l-prattika inkwistjoni

131.

Fil-każ li jirriżulta li l-prattika inkwistjoni hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mixtieqa, ikun irid jiġi eżaminat ukoll jekk l-inkonvenjenti għall-abitanti ta’ Gizdova Mahala li timplika din il-prattika humiex sproporzjonati ( 68 ). Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ proporzjonalità jirriżulta li l-miżuri li jippreġudikaw dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, f’din il-kawża, ma jistgħux jimplikaw inkonvenjenti sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet mixtieqa għad-destinatarji tagħhom ( 69 ). Fi kliem ieħor, l-għan leġittimu mixtieq, sa fejn huwa possibbli, għandu jirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u għandu jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi differenti inkwistjoni ( 70 ).

– In-natura stigmatizzanti tal-prattika inkwistjoni

132.

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-installazzjoni ta’ arloġġi tad-dawl f’għoli ta’ 6 metri hija miżura relattivament radikali li taffettwa ġenerikament u kollettivament lill-abitanti kollha ta’ Gizdova Mahala, inklużi dawk li qatt ma interferixxew mal-elettriku. B’dan il-mod, tista’ tinħoloq l-impressjoni li l-abitanti kollha ta’ Gizdova Mahala jew parti kbira minnhom huma involuti fi frodi, tbagħbis jew illegalitajiet oħra marbuta mal-konsum tad-dawl tagħhom, li tammonta għal suspett ġenerali u tinkoraġġixxi stigmatizzazzjoni tal-popolazzjoni f’dan id-distrett ( 71 ).

133.

B’mod ġenerali, prattika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq, kif diġà indikat, ambjent degradanti għall-persuni kkonċernati, li minnu jbatu, fil-biċċa l-kbira, membri ta’ grupp etniku partikolari ( 72 ). Dan imur kontra l-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea (Artikolu 2 TUE), kif ukoll kontra l-prinċipji gwida tad-direttivi antidiskriminatorji (ara, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ “fastidju” skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2000/43).

134.

Fl-ibbilanċjar ġust bejn l-interessi differenti inkwistjoni, dan il-fatt għandu jingħata importanza partikolari. Kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi għandhom ikollhom importanza sekondarja, bir-riżultat li għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-abbuż kif ukoll sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u l-kwalità tal-provvista tal-enerġija, għandu jkun hemm rikors għal miżuri inqas kosteffettivi mill-installazzjoni ta’ arloġġi tad-dawl f’għoli inaċċessibbli ta’ madwar 6 metri.

– Ir-rekwiżiti skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-utenti finali

135.

Għandu jitfakkar ukoll, indipendentement minn kull possibbiltà ta’ stigmatizzazzjoni tal-popolazzjoni lokali, li fid-Direttiva 2006/32 u fid-Direttiva 2009/72, il-leġiżlatur tal-Unjoni jenfasizza espressament l-interess li għandhom l-utenti finali fornuti bl-elettriku li jiġu regolarment informati dwar il-konsum individwali tagħhom tal-enerġija. B’mod partikolari, il-konsumaturi għandhom jiġu inċentivati sabiex jiċċekkjaw regolarment l-arloġġi tad-dawl tagħhom ( 73 ). Li l-konsumaturi jiġu pprovduti b’arloġġi tad-dawl imqiegħda f’għoli ta’ 6 metri, fejn ma humiex aċċessibbli sabiex jiġu kkontrollati, imur kontra l-għan stabbilit bid-dritt tal-Unjoni ( 74 ).

136.

Huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu arloġġ tad-dawl bla ħlas lil kull konsumatur ( 75 ). Madankollu, huwa preċiżament f’distrett ta’ provvista fejn il-konnessjonijiet illegali u t-tbagħbis tal-arloġġi ġew ikkonstatati ta’ sikwit fl-imgħoddi li l-konsumaturi għandhom interess partikolari li jikkontrollaw u josservaw regolarment il-konsum individwali tal-elettriku tagħhom ( 76 ).

137.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk l-offerta li CHEZ għamlet lill-konsumaturi, li fuq talba tagħhom jiġu installati arloġġi tad-dawl fid-djar tagħhom fuq spejjeż tagħhom, tistax tikkumpensa b’mod xieraq għall-assenza ta’ aċċess għall-arloġġi normali tagħhom li ġew installati f’għoli ta’ madwar 6 metri. B’mod partikolari, hija għandha tiftakar li l-fatt li din il-possibbiltà timplika spejjeż jista’ jiskoraġġixxi lil bosta utenti milli jagħmlu tali talba ( 77 ).

138.

Huwa minnu li, barra minn hekk, CHEZ toffri wkoll il-possibbiltà li, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, fuq talba individwali tagħhom u mingħajr ħlas, vettura mgħammra bi pjattaforma sabiex huma jkunu jistgħu jikkontrollaw l-arloġġi tagħhom. Madankollu, huwa ferm dubjuż jekk proċedura daqstant ikkomplikata u kumplessa tistax tissodisfa r-rekwiżiti tal-għan tad-dritt tal-Unjoni msemmi iktar ’il fuq, jiġifieri li l-konsumaturi jiġu mħeġġa jikkontrollaw regolarment l-arloġġi tad-dawl tagħhom ( 78 ). Fil-fatt, l-użu ta’ vettura mgħammra bi pjattaforma, li tiġi pprovduta biss fuq talba speċifika, ma jidhirx li huwa possibbilment realistiku sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jaqraw l-arloġġ tad-dawl tagħhom iktar minn darba jew darbtejn fis-sena ( 79 ).

3. Konklużjoni provviżorja

139.

Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li miżura bħall-prattika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 jekk tkun tipprekludi l-frodi u l-abbużi u tikkontribwixxi għall-garanzija tal-kwalità tal-provvista tal-elettriku fl-interess tal-konsumaturi kollha, sakemm

a)

ebda miżura oħra daqstant xierqa li tiggarantixxi t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li tipproduċi effetti inqas sfavorevoli għall-popolazzjoni tad-distrett ikkonċernat ma tkun tista’ tiġi adottata, bi spejjeż raġonevoli,

b)

il-miżura meħuda ma timplikax preġudizzju indebitu għall-abitanti tad-distrett ikkonċernat, b’kunsiderazzjoni

għall-fatt li t-theddida ta’ stigmatizzazzjoni ta’ grupp etniku tegħleb sostanzjalment kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi u

għall-interess tal-utenti finali tal-elettriku li jikkontrollaw il-konsum individwali tal-enerġija tagħhom billi jaqraw regolarment l-arloġġi tagħhom.

D – Il-konsegwenzi għall-kawża prinċipali

140.

Meta, fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tad-diskriminazzjoni, tinsilet l-istess konklużjoni li ddeskrivejt iktar ’il fuq, tqum il-kwistjoni dwar il-konsegwenzi fil-kawża prinċipali ta’ konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens tad-Direttiva 2000/43. Din il-problema, li diġà ġiet diskussa fil-kawża Belov, ġiet ukoll parzjalment analizzata fil-kawża preżenti, partikolarment minn CHEZ.

141.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li ssir referenza għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja: id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati u applikati konformement mad-direttiva fil-proċedura fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali huma marbuta jinterpretawha l-liġi nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq l-għan previst minnha ( 80 ). Huma għandhom jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha ( 81 ).

142.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm xejn li jindika li l-qorti tar-rinviju ma tistax tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Bulgaru, jiġifieri dawk taż-ZZD, konformement mad-Direttiva 2000/43. Għaldaqstant, sa fejn jista’ jiġi previst, f-dan il-każ mhux ser ikun hemm kwistjonijiet diffiċli marbuta mal-effett dirett orizzontali tad-drittijiet fundamentali.

143.

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li direttiva ma tistax, fiha nfisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu ( 82 ).

144.

Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-oriġini etnika madankollu hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa stabbilit, fid-dritt primarju, fl-Artikolu 21 tal-Karta u li d-Direttiva 2000/43 sempliċement tikkonkretizza ( 83 ), l-istess kif kienet għamlet, pereżempju, id-Direttiva 2000/78 għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jew l-orjentazzjoni sesswali ( 84 ), kuntrarjament, b’mod partikolari, għad-dritt għal leave annwali bi ħlas ( 85 ) jew għad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża ( 86 ).

145.

Il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament għandu sinjifikat partikolari fir-relazzjonijiet legali bħal dawk inkwistjoni, bejn konsumaturi jew negozjanti żgħar minn naħa, u fornituri ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, min-naħa l-oħra. L-istess bħar-relazzjonijiet tax-xogħol, dawn ir-relazzjonijiet legali fil-fatt huma kkaratterizzati minn żbilanċ strutturali bejn il-partijiet.

146.

Minn tal-inqas f’sitwazzjoni bħal din, jidher li huwa ġġustifikat li ma jiġux applikati, anki bejn individwi, id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jiksru l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, prinċipju li huwa stabbilit fid-drittijiet fundamentali. Dan huwa iktar u iktar minnu meta, f’każ bħal dak inkwistjoni, id-dritt fundamentali ma huwiex direttament indirizzat lill-individwu iżda jintuża biss bħala kriterju ta’ stħarriġ tal-legalità tad-dritt nazzjonali ( 87 ).

VI – Konklużjoni

147.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad Sofia-grad kif ġej:

1)

F’distrett li, fil-parti l-kbira, huwa abitat minn nies ta’ grupp etniku partikolari, persuni oħra residenti hemmhekk, li ma humiex membri huma nfushom ta’ dan il-grupp etniku, jistgħu wkoll jinvokaw il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika, meta jkunu vittmi ta’ diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni minħabba miżura li hija ġenerika u kollettiva.

2)

Fil-każ fejn arloġġi tad-dawl li normalment jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi bla ħlas, jiġu installati fi jew fuq il-bini b’mod li jkunu aċċessibbli u jkunu jistgħu jiġu faċilment ikkontrollati filwaqt li, fiż-żoni fejn joqogħdu fil-parti l-kbira membri tal-komunità Roma, dawn l-arloġġi tad-dawl jitqiegħdu fuq arbli tad-dawl f’għoli inaċċessibbli ta’ 6 metri, hemm prima facie każ ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-oriġini etnika fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43.

3)

Miżura bħall-prattika inkwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn hija sservi sabiex tipprekludi l-frodi u l-abbużi u tikkontribwixxi għall-garanzija tal-kwalità tal-provvista tal-elettriku fl-interess tal-konsumaturi kollha:

a)

ebda miżura oħra daqstant xierqa li tiggarantixxi t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u li tipproduċi effetti inqas sfavorevoli għall-popolazzjoni tad-distrett ikkonċernat ma tkun tista’ tiġi adottata, bi spejjeż raġonevoli,

b)

il-miżura meħuda ma timplikax preġudizzju indebitu għall-abitanti tad-distrett ikkonċernat, b’kunsiderazzjoni

għall-fatt li t-theddida ta’ stigmatizzazzjoni ta’ grupp etniku tegħleb sostanzjalment kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi u

għall-interess tal-utenti finali tal-elettriku li jikkontrollaw il-konsum individwali tal-enerġija tagħhom billi jaqraw regolarment l-arloġġi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Konklużjonijiet fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585).

( 3 ) Fis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar id-domanda preliminari li tressqet quddiemha peress li l-korp tar-rinviju ma setax jiġi kklassifikat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).

( 5 ) Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU L 114, p. 64). Għalkemm din id-direttiva ġiet revokata u sostitwita b’effett mill-4 ta’ Ġunju 2014 permezz tad-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 315, p. 1), xorta waħda hija applikabbli ratione temporis għall-kawża preżenti, peress li d-deċiżjoni inkwistjoni ta’ KZD f’din il-kawża ġiet adottata qabel l-4 ta’ Ġunju 2014.

( 6 ) Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).

( 7 ) Zakon za zashtita ot diskriminatstia.

( 8 ) Zakon za energetikata.

( 9 ) Iktar ’il quddiem, “CHEZ”.

( 10 ) Skont id-dikjarazzjonijiet li A.G. Nikolova stess għamlet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 11 ) It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi, fuq il-bażi tal-użu ta’ terminoloġija tal-Artikolu 120 ZE, għal “strumenti għal kejl kummerċjali” tal-elettriku kkonsmat mill-utent finali. Madankollu, iktar ’il quddiem, għall-finijiet ta’ sempliċità, ser nissokta nuża t-terminu ferm iktar komuni “arloġġ tad-dawl”, li huwa wkoll użat fid-dritt tal-Unjoni, pereżempju f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2006/32.

( 12 ) Iktar ’il quddiem ukoll, “il-prattika inkwistjoni”.

( 13 ) Komisia za zashtita ot diskriminatsia.

( 14 ) Fil-lingwa tal-kawża: “narodnost” (народност).

( 15 ) Qorti Amministrattiva Suprema tal-Bulgarija.

( 16 ) Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofia.

( 17 ) Darzhavna komisia po energiyno i vodno regulirane.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 59 sa 65).

( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 66).

( 20 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, D. H. et vs Ir-Repubblika Ċeka [GC] (57325/00, punt 182 flimkien ma’ punt 175, QEDB 2007-IV.

( 21 ) L-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa ispirat, fost l-oħrajn, mill-Artikolu 14 tal-KEDB. Sa fejn jikkorrispondi mal-Artikolu 14 tal-KEDB, huwa “japplika b’mod konformi miegħu” (Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU 2007, C 303, p. 17 [24]; dawn l-ispjegazzjonijiet ġew imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta u għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mill-qrati tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE flimkien mal-Artikolu 52(7) tal-Karta).

( 22 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara b’mod partikolari, is-sentenzi Gauchard (20/87, EU:C:1987:532, punt 5), Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 19), MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30) u Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 41 sa 43).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, ir-Rakkomandazzjoni Ġenerali VIII dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (4) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ kull għamla ta’ Diskriminazzjoni Abbażi ta’ razza (UNTS Vol. 660, p. 195), ippubblikata fit-23 ta’ Awwissu 1990 mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali (Committee on the Elimination of Racial Discrimination – “CERD”). Skont din ir-rakkommandazzjoni, il-klassifikazzjoni ta’ individwi bħala membri ta’ razza jew ta’ grupp etniku partikolari għandha tkun ibbażata fuq l-awtovalutazzjoni tal-persuna kkonċernata, sakemm ma jkunx hemm provi kuntrarji.

( 24 ) Fost il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43 li jiena pparagunajt, il-Ġermaniża (“aufgrund ihrer Rasse oder ethnischen Herkunft”), it-Taljana (“a causa della sua razza od origine etnica”) u l-Kroata (“zbog njezina rasnog ili etničkog podrijetla”) biss jinkludu l-pronom possessiv enfasizzat hawnhekk fis-subparagrafu a; sitwazzjoni differenti, madankollu, dan ma huwiex inkluż fil-verżjoni Bulgara (“въз основа на расов признак или етнически произход”), Ċeka (“z důvodu rasy nebo etnického původu”), Spanjola (“por motivos de origen racial o étnico”), Estonjana (“rassilise või etnilise päritolu tõttu”), Griega (“για λόγους φυλετικής ή εθνοτικής καταγωγής”), Ingliża (“on grounds of racial or ethnic origin”), Franċiża (“pour des raisons de race ou d’origine ethnique”), Ungeriża (“faji vagy etnikai alapon”), Olandiża (“op grond van ras of etnische afstamming”), Pollakka (“ze względu na pochodzenie rasowe lub etniczne”), Portugiża (“em razão da origem racial ou étnica”), Slovakka (“z dôvodu rasy alebo etnického pôvodu”) u Żvediża (“på grund av ras eller etniskt ursprung”) tad-dispożizzjoni msemmija.

( 25 ) Sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43).

( 26 ) Sentenza Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, b’mod partikolari l-punti 50 u 51); dwar il-frażi “discrimination par association” ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’din il-kawża (EU:C:2008:61, b’mod partikolari punti 4 u 5).

( 27 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 28 ) Erġa’ ara s-sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43).

( 29 ) Sentenza Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 24 sa 26 u 59).

( 30 ) Ara f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tiegħi iktar ’il quddiem fil-punti 69 sa 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Fir-rigward ta’ dan il-punt, u dan il-punt biss, il-każ preżenti huwa simili għas-sitwazzjoni fis-sentenzi Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punti 23 sa 26) u Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 49), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ibbażat ruħha b’mod deċiżiv fuq ambjent diskriminatorju (kien hemm inkwistjoni politika ta’ reklutaġġ ta’ persuni li jimpjegaw potenzjali).

( 32 ) Il-kwistjoni dwar jekk sempliċi inugwaljanza fit-trattament indiretta tistax tkun il-bażi għal invokazzjoni ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” ser nittrattaha iktar ’il quddiem fil-punti 102 sa 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Premessa 16 tad-Direttiva 2000/43.

( 34 ) Ara wkoll, b’rabta mad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 31).

( 35 ) Premessa 18 tad-Direttiva 2000/43.

( 36 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2000/43: “L-apprezzament tal-fatti li minnhom jista’ jiġi inferit illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi kompetenti nazzjonali, ġudizzjarja jew oħra, skond ir-regoli tal-liġijiet jew il-prattika nazzjonali.” Dan huwa konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita dwar il-proċedura għal deċiżjoni preliminari; ara, fost l-oħrajn, is-sentenza MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30), Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 49), Kelly (C‑104/10, EU:C:2011:506, punt 31) u Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punti 41 u 42).

( 37 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara pereżempju s-sentenzi Gauchard (20/87, EU:C:1987:532, punt 5), Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 19), MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 30) u Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 43).

( 38 ) Ara, dwar dan is-suġġett, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 70 sa 74).

( 39 ) Sentenza Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 25).

( 40 ) L-Artikolu 3(7) flimkien mal-Anness I(1)(h) u (i) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-aħħar sentenza tal-premessa 29 tad-Direttiva 2006/32.

( 41 ) Għat-tifsira tal-pronom possessiv “tagħha”, li ma huwiex preżenti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva 2000/43, ara, iktar ’il fuq, il-punti 53 u 54 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Sentenzi Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punti 12 u 17), Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (C‑179/88, EU:C:1990:384, punt 13), Busch (C‑320/01, EU:C:2003:114, punt 39) u Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 55).

( 43 ) Sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punti 23 u 24).

( 44 ) Sentenzi Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 72) u Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 52).

( 45 ) Naturalment, dan l-aħħar punt japplika għall-Istati Membri fejn l-unjoni ċivili hija simili għaż-żwieġ u rriżervata għal koppji tal-istess sess li ma jkollhomx aċċess għall-istituzzjoni taż-żwieġ.

( 46 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 97 u 98) għamilt l-istess argumenti.

( 47 ) Ara biss il-premessa 28 tad-Direttiva 2000/43; skont din, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa, “[…] illi jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni komuni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha […]”

( 48 ) Bil-Bulgaru: “vidimo” (видимо).

( 49 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2013:531, punt 41) jiena elaborajt mutatis mutandis, li diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss, jekk miżura timplika konsegwenzi sfavorevoli għall-membri ta’ grupp partikolari fil-parti l-kbira tal-każijiet, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li dan għandu jkun hekk f’ħafna mill-każijiet (sentenza Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 39). Fil-każ preżenti, ma huwiex neċessarju li nelabora dwar din id-differenza peress li, skont il-qorti tar-rinviju, id-distrett ta’ Gizdova Mahala huwa inkontestabbilment l-ikbar distrett Roma f’Dupnitsa.

( 50 ) L-offerta ta’ CHEZ li, fuq talba bil-miktub, fi żmien tlett ijiem, tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, mingħajr ħlas, vettura speċjali bi pjattaforma, ma tistax titqies li hija alternattiva raġonevoli peress li ma tippermettix lill-konsumaturi jsegwu l-konsum tal-elettriku tagħhom personalment u speċjalment b’mod kontinwu; ara wkoll, iktar ’il quddiem, il-punt 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Dwar dan l-iżvantaġġ, ara mill-ġdid il-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara, iktar ’l isfel, il-punti 111 sa 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Osservazzjonijiet ġenerali dwar id-“diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni” jinsabu iktar ’il fuq fil-punti 52 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Sentenza Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415).

( 55 ) Ara dak li diġà semmejt iktar ’il fuq, fil-punti 72 u 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 69 sa 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ara pereżempju l-premessa 6 tad-Direttiva 2000/43, li tgħid li l-Unjoni Ewropea tirrifjuta teoriji li jippruvaw jistabbilixxu l-eżistenza ta’ razez umani separati.

( 58 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Trattament differenti minħabba r-razza jew l-oriġini etnika huwa possibbli biss sakemm il-partijiet ikkonċernati ma jkunux f’sitwazzjoni paragunabbli [ara l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43] jew jekk ikun hemm ħtiġijiet ġenwini u determinanti tal-mestier [Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva].

( 59 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 100) u, addizzjonalment, b’rabta mal-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fis-sens tad-Direttiva 2000/78, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punti 46 u 47).

( 60 ) Dwar il-ġlieda tal-korpi nazzjonali kontra l-frodi u l-abbuż, ara s-sentenzi Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punti 68 u 69), Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 35) u Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38); dwar il-garanzija tas-sigurtà u tal-kwalità tal-provvista tal-enerġija fl-Istati Membri, ara s-sentenzi Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256, punti 34 u 35), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑503/99, EU:C:2002:328, punt 55) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑543/08, EU:C:2010:669, punt 84).

( 61 ) Ara l-punt 5.3(c) tal-ħames domanda fil-każ Belov, stampat fil-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 21).

( 62 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 104).

( 63 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 105) u, addizzjonalment, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fis-sens tad-Direttiva 2000/78, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 53). L-aħħar parti tal-punt 1 tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 hija identika għal dik tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, b’tali mod li l-ispjegazzjonijiet esposti fil-kawża Andersen jistgħu jiġu trasposti għal dan il-każ.

( 64 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 107 u 108).

( 65 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 113 sa 115).

( 66 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 110 sa 112).

( 67 ) Mill-formulazzjoni tal-aħħar sentenza tal-għaxar domanda tagħha, dan jidher li huwa preżunt mill-qorti tar-rinviju, li tirreferi għal “mezzi li huma teknikament u finanzjarjament aċċessibbli”.

( 68 ) Ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 117). Ara, f’dan l-istess sens, fir-rigward tad-Direttiva 2000/78, is-sentenza Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punti 41 sa 48, b’mod partikolari l-punt 47), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess kawża, magħrufa wkoll bħala l-kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 67).

( 69 ) Sentenzi Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), Tempelman u van Schaijk (C‑96/03 u C‑97/03, EU:C:2005:145, punt 7) u ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86).

( 70 ) Ara mill-ġdid, dwar dan il-punt, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 117) u Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 68).

( 71 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 118).

( 72 ) F’dan ir-rigward, jiena rrevedejt l-argumenti li ppreżentajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 98) u wasalt għal konstatazzjoni ġdida.

( 73 ) L-aħħar sentenza tal-premessa 29 tad-Direttiva 2006/32.

( 74 ) Hekk kif diġà sostnejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 119).

( 75 ) Ara, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/32.

( 76 ) Hekk kif diġà stqarrejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 122).

( 77 ) Hekk kif diġà stqarrejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 121).

( 78 ) Artikolu 3(7) moqri flimkien mal-paragrafu 1(i) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll l-aħħar sentenza tal-premessa 29 tad-Direttiva 2006/32.

( 79 ) Hekk kif diġà stqarrejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 120).

( 80 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 113), Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24) u Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 71).

( 81 ) Ara, dwar dan il-punt, is-sentenzi Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 115 sa 119) u Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27). Fl-istess sens diġà, is-sentenza ta’ Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 28: “sa fejn permess mill-marġni ta’ diskrezzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha”).

( 82 ) Sentenza Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20), Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 108) u Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 37); fl-istess sens, is-sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 39).

( 83 ) Sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 63 u 80).

( 84 ) Għaldaqstant, il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva 2000/78 tista’ tiġi sempliċement trasposta għad-Direttiva 2000/43; ara s-sentenzi Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 74 u 75), Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 51 u 53) u Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, b’mod partikolari punt 59).

( 85 ) Sentenza Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, b’mod partikolari punt 42). F’din il-kawża, il-kwistjoni ma kinitx tirrigwarda riżultat tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta, iżda dritt stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta taħt it-titolu “Solidarjetà”.

( 86 ) Sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punti 45 sa 49).

( 87 ) Hekk kif diġà stqarrejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punti 81 u 82).