KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑71/14

East Sussex County Council

vs

Information Commissioner

Property Search Group

Local Government Association

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Information Rights) (ir-Renju Unit)]

“Ambjent — Konvenzjoni ta’ Aarhus — Direttiva 2003/4/KE — Aċċess għall-informazzjoni — Tariffa ta’ ammont raġonevoli biex tiġi pprovduta informazzjoni ambjentali — Aċċess għall-ġustizzja — Stħarriġ ġudizzjarju”

1. 

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/4 ( 2 ), jistabbilixxi l-prinċipju li l-aċċess għar-reġistri jew listi pubbliċi ta’ informazzjoni ambjentali u l-eżami in situ ta’ din l-informazzjoni għandhom ikunu bla ħlas. Madankollu, l-Artikolu 5(2) jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jitolbu ħlas biex jipprovdu informazzjoni ambjentali fuq talba, iżda t-tariffa ma għandhiex taqbeż ammont raġonevoli. L-Artikolu 6 jeħtieġ li Stati Membri jipprovdu għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi dwar l-aċċess għal informazzjoni ambjentali.

2. 

L-Artikoli 5(2) u 6 jirriflettu, rispettivament, l-Artikoli 4(8) u 9 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni Aarhus”) ( 3 ), li tagħha huma partijiet il-Komunità Ewropea (u għalhekk issa l-Unjoni Ewropea) u l-Istati Membri kollha.

3. 

Il-proċeduri prinċipali quddiem il-First-tier Tribunal (Information Rights) (Ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) jirrigwardaw kontestazzjoni min-naħa ta’ kumpannija ta’ riċerka ( 4 ) fil-qasam ta’ proprjetà ta’ deċiżjoni tal-East Sussex County Council li talabha tħallas għall-provvista ta’ informazzjoni li tirrigwarda xiri ta’ proprjetà (inkluża informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali li jistgħu jaffettwaw il-valur ta’ dik il-proprjetà). Hija talbet dik l-informazzjoni f’isem xerrejja prospettivi u għall-profitt. Inqalgħu kwistjonijiet dwar jekk (i) skont l-Artikolu 5(2), awtorità pubblika tistax tirkupra parti mill-ispejjeż ta’ żamma ta’ database li tuża biex twieġeb talbiet dwar tipi partikolari ta’ informazzjoni ambjentali kif ukoll tal-ispejjeż ġenerali attribwibbli għall-ħin tal-persunal, u (ii) jekk l-Artikoli 5(2) u 6 jipprekludux regola nazzjonali li skont din awtorità pubblika tista’ timponi ammont sabiex tipprovdi informazzjoni ambjentali li “[…] ma jeċċedix ammont li l-awtorità pubblika tikkunsidra raġonevoli” jekk id-deċiżjoni tal-awtorità pubblika dwar x’inhu “ammont raġonevoli” hija suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju kif stabbilit skont id-dritt nazzjonali.

Il-Konvenzjoni ta ’ Aarhus

4.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jeħtieġ li kull Parti “[…] tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ [din il-konvenzjoni]”. L-għan ta’ dawn l-obbligi huwa “[…] biex jingħata kontribut għall-protezzjoni tad-dritt ta’ kull persuna ta’ din il-ġenerazzjoni jew tal-futur biex tgħix f’ambjent adegwat għall-saħħitha u għall-benesseri tagħha […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5.

L-Artikolu 2(3) jispjega li l-“informazzjoni dwar l-ambjent” tista’ tkun “kull informazzjoni miktuba, viżiva, li tinstema’, elettronika jew ta’ kull materjal ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tikkonsisti minn (a) l-istat tal-elementi tal-ambjent; (b) fatturi u attivitajiet jew miżuri li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi tal-ambjent [fl-ambitu tal-paragrafu (a)] u analiżijiet u ipoteżijiet ekonomiċi użati f’teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali; u (c) l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem, kundizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem, siti kulturali u l-istrutturi mibnija sa fejn jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat tal-elementi tal-ambjent jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn fatturi, attivitajiet jew miżuri msemmija fil-paragrafu (b).

6.

L-Artikolu 4 (“Aċċess għall-Informazzjoni Ambjentali”) jgħid:

“1.   Kull Parti għandha tiżgura li, bla ħsara għall-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi, wara talba għal informazzjoni ambjentali, jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi, meta mitluba u bla ħsara għas-subparagrafu (b) iktar ’il quddiem, kopji tad-dokumentazzjoni attwali li jkollha jew tinkludi din l-informazzjoni:

(a)

Mingħajr il-bżonn li jiġi ddikjarat x’inhu l-interess;

(b)

Fil-forma mitluba sakemm:

(i)

Ikun raġonevoli għall-awtorità pubblika li tagħmilha disponibbli f’forma oħra, f’liema każ għandhom jingħataw ir-raġunijiet għaliex qed tingħata f’dik il-forma; jew

(ii)

L-informazzjoni hija diġà disponibbli pubblikament f’forma oħra.

[…]

5.   Meta awtorità pubblika ma jkollhiex pussess tal-informazzjoni ambjentali mitluba, din l-awtorità pubblika għandha, kemm jista’ jkun malajr, tinforma lill-applikant bl-awtorità pubblika li taħseb li mingħandha jkun possibbli li tintalab l-informazzjoni jew tittrasferixxi t-talba lil dik l-awtorità u tinforma lill-applikant b’dan.

[…]

8.   Kull Parti tista’ tawtorizza lill-awtoritajiet tagħha li jimponu tariffa sabiex jipprovdu informazzjoni, iżda din it-tariffa ma għandhiex taqbeż ammont raġonevoli. L-awtoritajiet pubbliċi li jixtiequ jimponu din it-tariffa biex jagħtu l-informazzjoni għandhom jipprovdu lill-applikanti skeda ta’ tariffi li jistgħu jiġu imposti, wara li jiġu indikati ċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jiġu imposti jew jiġu eżentati u meta l-provvista tal-informazzjoni tkun suġġetta għal ħlas minn qabel.” [ ( 5 ) ] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.

L-Artikolu 5 (“Ġbir u tqassim ta’ informazzjoni ambjentali”) jistipula:

“1.   Kull Parti għandha tiżgura li:

(a)

L-awtoritajiet pubbliċi jkollhom u jaġġornaw l-informazzjoni ambjentali li hija rilevanti għall-funzjonijiet tagħhom;

[…]

2.   Kull Parti għandha tiżgura li, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu disponibbli informazzjoni ambjentali lill-pubbliku jkun trasparenti u li l-informazzjoni ambjentali għandha tkun effettivament aċċessibbli, inter alia, billi:

(a)

Tiġi pprovduta informazzjoni suffiċjenti lill-pubbliku dwar it-tip u l-ambitu tal-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, it-termini bażiċi u l-kundizzjonijiet bażiċi li bihom din l-informazzjoni hija disponibbli u aċċessibbli, u l-proċedura li biha tista’ tinkiseb;

(b)

Jitwaqqfu u jinżammu arranġamenti prattiċi, bħal:

(i)

Listi, reġistri jew fajls pubblikament aċċessibbli;

(ii)

Uffiċjali jkunu meħtieġa li jipprovdu sostenn lill-pubbliku li jfittex aċċess għall-informazzjoni taħt din il-Konvenzjoni; u

(iii)

L-identifikazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt; u

(c)

Jiġi pprovdut aċċess għall-informazzjoni ambjentali li tinsab f’listi, reġistri jew fajls kif imsemmi fis-subparagrafu (b)(i) iktar ’il fuq bla ħlas.

3.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-informazzjoni ambjentali ssir progressivament disponibbli f’databases elettroniċi li jkunu faċilment aċċessibbli lill-pubbliku permezz tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet pubbliċi. L-informazzjoni li tkun aċċessibbli f’din il-forma għandha tinkludi:

(a)

Ir-rapporti dwar l-istat tal-ambjent, kif imsemmi fil-paragrafu 4 iktar ’il quddiem [ ( 6 ) ];

(b)

Testi ta’ leġiżlazzjoni fuq jew li jirrigwardaw l-ambjent;

(c)

Jekk ikun xieraq, politika, pjanijiet u programmi fuq jew li jirrigwardaw l-ambjent, u l-ftehimiet ambjentali; u

(d)

Informazzjoni oħra, sa fejn dik id-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni f’din il-forma tiffaċilita l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li jimplementa din il-Konvenzjoni, bil-kundizzjoni li dik l-informazzjoni tkun diġà disponibbli f’forma elettronika.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

Skont l-Artikolu 9 (“Aċċess għall-ġustizzja”)

“1.   Kull Parti għandha, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li kwalunkwe persuna li tikkunsidra li t-talba tagħha għal informazzjoni taħt l-Artikolu 4 ma ttiħditx inkunsiderazzjoni, ġiet irrifjutata b’mod żbaljat, kemm jekk parzjalment jew totalment, imwieġba b’mod inadegwat, jew bi kwalunkwe mod li ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu, għandha l-possibbiltà li tippreżenta rikors quddiem qorti tal-liġi jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi.

[…]

2.   Kull parti għandha tiżgura li, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat

(a)

Li għandhom interess suffiċjenti

jew, b’mod alternattiv,

(b)

li jsostnu preġudizzju ta’ dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva ta’ Parti teħtieġ dan bħala kundizzjoni minn qabel,

ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem qorti tal-liġi u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, sostantiva u proċedurali ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, fejn ikun hekk previst skont id-dritt nazzjonali u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u f’konformità mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess ġudizzjarju wiesa’ fil-kuntest ta’ din il-Konvenzjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 2003/4

9.

Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2003/4, żieda fl-aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni jikkontribwixxu għal “konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijiet u, eventwalment, ambjent aħjar”.

10.

Il-premessa 2 tagħmel ċar li d-Direttiva 2003/4 tifrex l-aċċess eżistenti mogħti taħt id-Direttiva 90/313 ( 7 ).

11.

Il-premessa 5 tipprovdi li d-dritt tal-KE (u issa d-dritt tal-Unjoni) għandu jkun konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità Ewropea, kif kienet f’dak iż-żmien.

12.

Il-premessa 18 tirrigwarda tariffi biex tiġi pprovduta l-informazzjoni:

“L-awtroritajiet pubbliċi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu imposta għall-forniment tat-tagħrif dwar l-ambjent imma din l-imposta għandha tkun raġjonevoli. Dan jimplika illi, bħala regola ġenerali, l-imposti ma jistgħux jaqbżu l-ispejjeż attwali tal-produzzjoni tal-materjal fil-kwistjoni. Għandhom ikunu limitati l-okkażjonijiet meta jkun meħtieġ il-ħlas bil-quddiem. F’każijiet partikolari, meta l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent fuq bażi kummerċjali, u meta dan ikun meħieġ sabiex tiġi ggarantita l-kontinwazzjoni tal-ġbir u l-pubblikzzjoni ta’ dan it-tagħrif, imposta msejsa fuq is-suq hija kkunsidrata raġjonevoli; jista’ jinħtieġ ħlas bil-quddiem. Għandha tiġi ppubblikta skeda ta’ l-imposti u tiġi magħmula disponibbli lill-applikanti flimkien mat-tagħrif dwar iċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi imposta jew imwarrba.”

13.

Skont il-premessa 20, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ifittxu li jiggarantixxu li l-informazzjoni ambjentali li huma jiġbru jew li tinġabar f’isimhom tkun tinftiehem, preċiża u tista’ tiġi paragunata.

14.

L-għanijiet tad-Direttiva 2003/4 huma “li jiġi ggarantit id-dritt għall-aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom, u li jiġu ddikjarati t-termini u l-kondizzjonijiert bażiċi ta’ l-eżerċizzju tiegħu u l-arranġamenti prattiċi għalih” [Artikolu 1(a)] ( 8 ) u “li jiġi żgurat illi, bħala ħaġa naturali, it-tagħrif dwar l-ambjent jiġi magħmul disponibbli u jixxerred b’mod progressiv fost il-pubbliku sabiex jinkisbu id-disponibbiltà u t-tixrid l-iktar wiesa’ possibbli tat-tagħrif dwar l-ambjent fost il-pubbliku” [Artikolu 1(b)] ( 9 ). L-Artikolu 1(b) jżid jgħid li “[g]ħal dan il-fini, għandhom jiġu promossi b’mod partikolari l-użu tat-telekomunikazzjoni bil-kompjuter u/jew tat-teknoloġija eletronika, meta disponibbli” ( 10 ).

15.

L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi “[t]agħrif dwar l-ambjent” bħala “[…] kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar” (a) l-istat tal-elementi tal-ambjent; (b) fatti li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi tal-ambjent; (ċ) miżuri li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi u l-fatturi msemmijin f’(a) u (b) kif ukoll miżuri jew attivitajiet intiżi biex jipproteġu dawk l-elementi; (d) rapporti dwar l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali; (e) il-benefiċċju taħt il-profil ta’ ġestjoni u spejjeż u l-analiżijiet u l-ipoteżijiet l-oħra ekonomiċi użati fil-qafas tal-miżuri u l-attivitajiet msemmija f’(ċ); (f) l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem sa fejn huma jew jistgħu jiġu affettwati mill-istat tal-elementi tal-ambjent msemmija f’(a) jew, permezz ta’ dawk l-elementi, minn kull kwistjoni msemmija f’(b) u (ċ) ( 11 ).

16.

“Awtorità pubblika” hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) bħala, inter alia, “amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni oħra pubblika, inklużi l-korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali”.

17.

Skont l-Artikolu 2(3), “‘Tagħrif li jkun għand awtorità pubblika’ għandu jfisser it-tagħrif dwar l-ambjent li jkun ġie prodott jew irċevut minn din l-awtorità”. L-Artikolu 2(4) jgħid li l-informazzjoni tinżamm għal awtorità pubblika jekk tkun “miżmum[a] fiżikament minn persuna naturali jew legali f’isem awtorità pubblika” ( 12 ).

18.

L-Artikolu 3 (“L-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent fuq talba”) jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.

[…]

4.   Meta applikant jitlob lil awtorità pubblika li tagħmel it-tagħrif dwar l-ambjent disponibbli f’għamla jew f’format speċifiku (inkluża fil-għamla ta’ kopji), l-awtorità pubblika għandha tagħmel dan hekk disponibbli għajr jekk:

(a)

ikun diġà disponibbli f’għamla oħra jew f’format ieħor, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 7 [ ( 13 ) ], li jkunu aċċessibbli b’mod faċli mill-applikanti; jew

(b)

ikun raġjonevoli għall-awtorità pubblika li tagħmlu disponibbli f’għamla oħra jew f’format ieħor, f’liema każ għandhom jingħataw ir-raġunijiet għaliex jintgħamel disponibbli f’din il-għamla jew format.

Għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu kull sforz raġjonevoli sabiex jissoktaw iżommu t-tagħrif dwar l-ambjent għandhom jew miżmum għalihom fil-għamliet jew fil-formati li jistgħu jiġu riprodotti fil-pront u aċċessibbli b’mezzi oħra elettroniċi [ ( 14 ) ].

[…]

5.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

(a)

l-uffiċjali jkunu meħtieġa li jgħinu lill-pubbliku li jkun qiegħed ifittex l-aċċess għat-tagħrif;

(b)

il-listi ta’ l-awtoritajiet pubbliċi jkunu aċċessibbli pubblikament; kif ukoll

(ċ)

l-arranġamenti prattiċi jiġu ddefiniti għalbiex jiżguraw illi d-dritt għal aċċess tat-tagħrif dwar l-ambjent ikun eżerċitat b’mod effettiv, bħalma huma:

in-nomina ta’ l-uffiċjali tat-tagħrif;

kif jiġu stabbiliti u miżmuma l-faċilitjiet għall-eżaminazzjoni tat-tagħrif meħtieġ,

ir-reġistri jew il-listi tat-tagħrif dwar l-ambjent għand l-awtoritajiet pubbliċi jew il-punti tat-tagħrif, b’indikazzjonijiet ċari dwar fejn jista’ jinstab dan it-tagħrif.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtoritajiet pubbliċi jgħarrfu lill-pubbliku b’mod adegwat dwar id-drittijiet li jgawdi b’riżultat ta’ din id-Direttiva u safejn u sakemm approprjat jipprovdu tagħrif, gwida u pariri għal dan il-fini.” ( 15 )

19.

L-Artikolu 4 (“Eċċezzjonijiet”) jelenka r-raġunijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu jiċħdu talba għal informazzjoni ambjentali ( 16 ), inkluż jekk l-informazzjoni mitluba ma tinżammx minn jew għall-awtorità pubblika li lilha tkun indirizzata t-talba [Artikolu 4(1)(a)] u jekk it-talba ma tkunx raġonevoli [Artikolu 4(1)(b)] jew tirrigwarda materjal li jkun għadu qiegħed jiġi kkumpilat jew dokumenti jew informazzjoni mhux ikkompletati [Artikolu 4(1)(d)].

20.

L-Artikolu 5 (“L-imposti”) jgħid:

“1.   L-aċċess għar-reġistri jew għall-listi pubbliċi stabbiliti u miżmuma kif imsemmi fl-Artikolu 3(5) u l-eżaminazzjoni in situ tat-tagħrif mitlub għandhom ikunu bla ħlas.

2.   L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħmlu imposta talli jfornu kull tagħrif dwar l-ambjent imma din l-imposta ma għandhiex taqbeż ammont raġjonevoli.

3.   Meta jsiru imposti, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jippubblikaw u jagħmlu disponibbli lill-applikanti skeda ta’ dawn l-imposti kif ukoll tagħrif dwar iċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jiġi impost jew imwarrab l-impost.”

21.

Skont l-Artikolu 6 (“L-aċċess għall-ġustizzja”) ( 17 ),

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull applikant li jikkunsidra illi t-talba tiegħu għat-tagħrif ġiet injorata, irrifjutata b’mod ħażin (sewwa jekk fl-intier tagħha jew f’parti minnha), jew ma tiġix imwieġba b’mod adegwat, jew inkella mhux ittrattata skont id-disposizzjonijiet tal-Artikoli 3, 4 jew 5, ikollu aċċess għal proċedura li fiha l-atti jew l-omissjonijiet tal-awtorità pubblika interessata tista’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid minn din l-awtorità pubblika jew minn awtorità pubblika oħra jew rivista amministrattivament minn korp indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi. Kull proċedura minn din għandha tkun imħaffa u jew bla ħlas jew ma tiswiex wisq flus.

2.   B’żieda ma’ dan, sabiea tiġi rivista l-proċedura riferita fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-applikant ikollu aċċess għal proċedura ta’ rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi, li fihom jistgħu jiġu rivisti l-atti jew l-omissjonijiet ta’ l-awtorità pubblika interessata u li d-deċiżjoni taghom tkun finali. Iktar minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi partijiet terzi inkriminati bl-iżvelar tat-tagħrif jistgħu wkoll ikollhom aċċess għal rikors legali.

[…]”

22.

L-Artikolu 7 (“It-tixrid tat-tagħrif dwar l-ambjent”) jgħid:

“1.   L-Istati Membri għanmdhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għalbiex jiżguraw illi l-awtoritajiet pubbliċi jorganizzaw it-tagħrif dwar l-ambjent li jkun rilevanti għall-funzjonijiet tagħhom u li jkun għandhom jew miżmum għalihom. Bil-ħsieb tat-tixrid attiv u sisematiku lill-pubbliku, b’mod partikolari permezz tat-telekomunikazzjoni bil-kompjuter u/jew bit-teknoloġija elettronika, meta disponibbli [ ( 18 ) ].

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tagħrif isir disponibbli b’mod progressiv f’databases elettroniċi li jkunu aċċessibbli b’mod faċli lill-pubbliku permezz tan-networks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni.

2.   It-tagħrif li jrid jintgħamel disponibbli u jiġi mxerred għandu jiġi aġġornat kif approprjat u għandu mill-inqas jinkludi:

(a)

it-testi tat-trattati, tal-kovenzjonijiet jew tal-ftehimijiet internazzjonali, u l-leġislazzjonijiet Komunitarji, nazzjonali, reġjonali jew lokali, dwar l-ambjenmt jew li għandhom x’jaqsmu miegħu;

(b)

il-politiki, il-pjani u l-programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent;

(ċ)

ir-rapporti tal-progress dwar l-implimentazzjoni ta’ l-intestaturi riferiti fil-(a) u fil-(b) meta mħejjija jew miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi fil-għamla elettronika;

(d)

ir-rapporti dwar l-istat ta’ l-ambjent riferiti fil-paragrafu 3;

(e)

l-informazzjoni jew is-sommarji ta’ l-informazzjoni dderivata mill-monitoraġġ ta’ l-attivitajiet li jaffettwaw, jew x’aktarx li jaffettwaw, lill-ambjent;

(f)

l-awtorizzazzjonijiet b’impatt sinifikanti fuq l-ambjet u l-ftehimijiet ambjentali jew referenza għall-post fejn jista’ jintalab jew jinkiseb dan it-tagħrif fil-kwadru ta’ l-Artikolu 3;

(g)

l-istudji dwar l-impatt fuq l-ambjent u l-istima tar-riskji li jirrigwardaw l-elementi ambjentali riferiti fl-Artikolu 2(1)(a) jew referenza għall-post fejn jista’ jintalab jew jinstab dan it-tagħrif fil-kwadru ta’ l-Artikolu 3.

[…]

6.   L-Istati Membri jistgħu jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ dan l-Artikolu billi joħolqu rabtiet mas-siti ta’ l-Internet fejn jista’ jinstab it-tagħrif.”

Id-dritt nazzjonali

23.

Fl-Ingilterra u Wales, ir-Reġistru għat-Tariffi fuq l-Art Lokali (iktar ’il quddiem “ir-Reġistru”) jirreġistra, skont il-Local Land Charges Act 1975 (Att dwar it-Tariffi fuq l-Arti Lokali), tariffi dwar art f’żona partikolari. Il-qorti tar-rinviju tispjega li dawn it-tariffi fuq l-art lokali huma prinċipalment projbizzjonijiet u restrizzjonijiet dwar l-użu tal-art imposti skont il-leġiżlazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi. Persuna tista’ jew tagħmel “riċerka personali” billi tikkonsulta r-Reġistru jew titlob mill-awtorità lokali rilevanti ċertifikazzjoni uffiċjali li turi r-riżultati tar-riċerka fir-Reġistru. Din tal-aħħar tissejjaħ “riċerka uffiċjali” u, b’differenza minn riċerki personali, l-awtoritajiet jistgħu jistabbilixxu tariffi għall-informazzjoni pprovduta b’tweġiba għal dawn it-talbiet. Id-digriet tar-rinviju jindika li, fl-2010, il-Gvern tar-Renju Unit kien tal-fehma li l-maġġoranza kbira tal-informazzjoni fir-Reġistru kienet ta’ natura ambjentali u għalhekk, skont id-Direttiva 2003/4, ma setgħet tintalab l-ebda tariffa fir-rigward ta’ riċerka personali.

24.

Skont il-qorti tar-rinviju, persuni involuti fit-trasferiment ta’ proprjetà jkunu jixtiequ jagħmlu riċerka fir-Reġistru qabel ma jtemmu tranżazzjoni ta’ proprjetà. Madankollu, huma ta’ spiss jagħmlu mistoqsijiet addizzjonali biex jiksbu informazzjoni miżmuma minn awtoritajiet lokali li ma hijiex koperta mis-sistema tat-tariffi fuq l-art lokali (bħal, pereżempju, jekk humiex proposti skemi għal toroq viċin proprjetà).

25.

Għall-finijiet ta’ dawn il-mistoqsijiet addizzjonali, il-Law Society ( 19 ) fformulat żewġ kwestjonarji li persuna tista’ tibgħat lill-awtorità rilevanti. Dawn jinkludu l-formula “CON29R” li hija rrakkomandata għall-użu f’kull tranżazzjoni ( 20 ). Dan huwa tip ieħor ta’ riċerka uffiċjali. Alternattivament, persuna tista’ tagħmel riċerka personali f’reġistri oħrajn miżmuma mill-awtorità. Id-diffikultà involuta fl-aċċess għall-informazzjoni tiddependi fuq kif dawk ir-reġistri jinżammu u huma organizzati.

26.

Il-qorti tar-rinviju tindika li ħafna mill-informazzjoni li x’aktarx tingħata bħala tweġiba għal talba CON29R taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “informazzjoni ambjentali” fid-Direttiva 2003/4.

27.

Ir-Regolament 8 tar-Regolamenti tal-2008 tal-Awtoritajiet Lokali (l-Ingilterra) (Tariffi għal Riċerki fuq Proprjetà) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2008 dwar Tariffi għal Riċerki fuq Proprjetà”) jipprovdi li awtorità lokali tista’ timponi tariffa fuq persuna (inkluża awtorità lokali oħra) biex twieġeb mistoqsijiet dwar proprjetà (u għalhekk anki riċerki uffiċjali). Kull tariffa tkun fid-diskrezzjoni tal-awtorità lokali imma għandha tqis l-ispejjeż li jkollha dik l-awtorità biex twieġeb mistoqsijiet dwar il-proprjetà. Ir-Regolament 8 ma japplikax “[…] għal kwalunkwe ħaġa li fir-rigward tagħha awtorità lokali tista’ jew għandha timponi tariffa apparti minn dawn ir-Regolamenti” [Regolament 4(2)(a)]. Għalhekk, tispjega l-qorti tar-rinviju, ir-Regolamenti tal-2008 dwar Tariffi għal Riċerki fuq Proprjetà ma kinux intiżi li japplikaw meta tiġi pprovduta informazzjoni ambjentali; f’dak il-każ tiġi applikata sistema differenti ( 21 ).

28.

Is-“Servizzi tal-Awtorità Lokali ta’ Riċerka ta’ Proprjetà — Linji gwida għall-Ispejjeż u t-Tariffi”, li pproduċa d-Dipartiment għall-Komunitajiet u l-Gvern Lokali biex jikkoinċidu mad-dħul fis-seħħ tar- Regolamenti tal-2008 dwar Tariffi għal Riċerki fuq Proprjetà, joffru linji gwida fuq x’jistgħu l-awtoritajiet jimponu bħala ħlas, bl-użu ta’ prinċipji ta’ spejjeż li jikkonformaw mal-arranġamenti tal-kontabbiltà eżistenti tal-awtorità lokali.

29.

Ir-Regolament 8 tar-Regolamenti tal-2004 dwar l-Informazzjoni Ambjentali , (iktar ’il quddiem “l-RIA tal-2004”), li implementaw id-Direttiva 2003/4 fir-Renju Unit ( 22 ), jirregola t-tariffa biex tkun disponibbli informazzjoni ambjentali. Ir-Regolament 8(2) jipprekludi awtorità pubblika milli timponi tariffa fuq applikant biex ikollu aċċess għal xi reġistru jew listi pubbliċi ta’ informazzjoni ambjentali miżmuma minnha jew biex tiġi eżaminata l-informazzjoni mitluba fil-post fejn tkun għamlitha disponibbli għal dan il-għan. Skont ir-Regolament 8(3), l-ebda tariffa ma għandha taqbeż “ammont li awtorità pubblika hija ssodisfatta li huwa ammont raġonevoli”. Bis-saħħa tar-Regolament 8(8), awtorità pubblika għandha tippubblika u tagħmel disponibbli lill-applikanti skeda dwar it-tariffi tagħha.

30.

Ir-Regolament 18 tar-RIA tal-2004 jinkorpora d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar u tal-appell tal-Att tal-2000 dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, li jgħid li kull persuna tista’ tapplika għand Kummissarju għall-Informazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Kummissarju”) għal deċiżjoni dwar jekk awtorità pubblika naqsitx milli tipproċessa talba għal informazzjoni ambjentali skont il-Parti 2 tar-RIA tal‑2004 (li jifforma parti minnha r-Regolament 8). F’dak il-każ, il-Kummissarju jeżamina l-ilment u, jekk ikun meħtieġ, joħroġ avviż ta’ deċiżjoni (li jirrikjedi lill-awtorità pubblika li tikkonforma mar-RIA tal-2004). Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Kummissarju huwa “korp indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi” għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/4 u li huwa stess jaqa’ taħt l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tista’ tippermetti l-appell u/jew tissostitwixxi avviż ta’ deċiżjoni ġdid jekk issib li l-avviż tal-Kummissarju huwa illegali. F’każ ta’ appell bħal dan, it-Tribunal jista’ jistħarreġ mill-ġdid l-evalwazzjoni tal-fatti u jeżamina provi ġodda. Is-sentenza tiegħu tista’ tiġi appellata fuq punt ta’ liġi quddiem l-Upper Tribunal.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

31.

F’East Sussex, il-kunsilli tad-distrett u tal-borough (li huma subordinati għall-East Sussex County Council) jwettqu riċerki uffiċjali u jżommu l-informazzjoni meħtieġa għal tweġibiet tal-parti l-kbira tat-talbiet ibbażati fuq il-formula CON29R. L-East Sussex County Council jirċievi ħafna minn dawn it-talbiet għaliex ir-responsabbiltajiet tiegħu jinkludu toroq, skemi tat-traffiku, skemi tal-ferroviji, mogħdijiet pubbliċi u art komuni. Huwa jipprovdi (b’messaġġ elettroniku) l-informazzjoni mitluba f’jumejn ta’ xogħol. Huwa għandu assigurazzjoni għar-responsabbiltà li tirriżulta minn żbalji fl-informazzjoni pprovduta.

32.

Wara l-introduzzjoni tar-Regolamenti tal-2008 dwar Tariffi għal Riċerki fuq Proprjetà, l-East Sussex County Council ipprepara u ppubblika skeda tat-tariffi għal tweġibiet ta’ talbiet CON29R (inkluża fl-anness mad-digriet tar-rinviju f’din il-kawża). It-tariffi għandhom medda, skont l-informazzjoni mitluba, minn xejn sa GBP 10.00 għal kull mistoqsija mwieġba. L-iskeda tgħid ukoll li “t-tariffi huma bbażati fuq spejjeż stmati biex tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet, inkluż element ta’ żamma ta’ sistemi ta’ informazzjoni biex isir dan, diviżi bi stima tal-volumi, ibbażati fuq is-sena ta’ qabel”. Fir-rigward ta’ awtostradi, in-noti ta’ gwida (inklużi fl-istess anness) jipprovdu: “għal kull informazzjoni meħtieġa li ma hijiex parti mill-proċess CON29, jekk jogħġbok ikkuntattja il-[Highway Land Information Team] bil-mistoqsija tiegħek u ninfurmawk dwar l-ispejjeż għat-tweġiba tagħna”. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rata fis-siegħa imposta għal kull membru tal-persunal tinkludi kemm l-ispejjeż tas-salarju kif ukoll ammont għall-ispejjeż ġenerali (pereżempju, għat-tisħin, għad-dawl u għas-servizzi interni bħal riżorsi umani u taħriġ). It-Tribunal iddeċieda wkoll li l-ebda element ta’ eċċess jew profitt ma huwa inkluż fit-tariffa.

33.

Billi tranżazzjoni ta’ trasferiment tipikament tinvolvi x-xiri ta’ proprjetà ta’ valur kunsiderevoli, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-tariffi tal-Kunsill x’aktarx ma huma se jiddiswadu lil ħadd milli jistaqsu għal informazzjoni rilevanti dwar tranżazzjoni bħal din jew b’xi mod sostanzjali jiġi ristrett l-aċċess tiegħu għaliha.

34.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-Highway Land Information Team tal- East Sussex County Council għandu tliet membri tal-persunal u xi sostenn permezz ta’ ħaddiema part-time. Madwar 60 % tax-xogħol tiegħu jirrigwarda talbiet CON29R li għalihom juża data li jkollu f’diversi forom, parti minnha bbażata fuq karti u parti minnha bbażata fuq il-kompjuter (il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-data kollha flimkien bħala li tifforma parti mid-“database” tat-tim). It-tim jista’ jkollu l-bżonn l-informazzjoni minn timijiet jew dipartimenti ta’ Kunsilli oħrajn. Partijiet mid-database tat-tim jinżammu għal finijiet oħrajn u għall-użu minn partijiet oħrajn tal-Kunsill.

35.

Il-qorti tar-rinviju tgħid li ftit mill-mistoqsijiet fil-kwestjonarju CON29R jistgħu jitwieġbu minn applikant li jispezzjona “data mhux ipproċessata” miżmuma mill-Kunsill. Għalkemm il-Highway Land Information Team qed jagħmel sforzi biex joffri aċċess ikbar għal din id-data, għad hemm ostakoli.

36.

Fit-3 ta’ Ġunju 2011, PSG Eastbourne (kumpannija ta’ riċerki tal-proprjetà u membru tal-Property Search Group jew, iktar ’il quddiem, “PSG”, li huwa netwerk mogħti bħala konċessjoni ta’ negozji simili u konvenut fil-kawża prinċipali) talbet mingħand il-Highway Land Information Team tweġibiet għal ċerti mistoqsijiet CON29R dwar proprjetà li, skont il-qorti tar-rinviju, kienet suġġetta għal tranżazzjoni ta’ trasferiment. PSG Eastbourne ġiet mitluba tħallas GBP 17.00, li ħallset.

37.

Fil-kuntest ta’ stħarriġ intern fl-isfond ta’ kwistjoni li ilha għaddejja ma’ PSG Eastbourne dwar il-legalità tat-tariffi tal-Kunsill, l-East Sussex County Council ikkonkluda li r-Regolament 8 tar-RIA tal-2004 intitolah li jimponi t-tariffa. Wara lment, il-Kummissarju ddeċieda fit-29 ta’ Jannar 2013 li l-East Sussex County Council ma kienx talab tariffa korretta mingħand PSG Eastbourne għaliex, fil-fehma tal-Kummissarju, it-tariffa kienet ikkalkolata fuq bażi ta’ rkupru tal-ispiża filwaqt li “ammont raġonevoli” kien ikun limitat għall-“ħlas ta’ spejjeż assoċjat mad-disponibbiltà tal-informazzjoni f’forma speċifika, jiġifieri ħlasijiet għal postaġġ u fotokopjar”.

38.

Fl-1 ta’ Marzu 2013, l-East Sussex County Council appella d-deċiżjoni tal-Kummissarju. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Kummissarju fil-fatt introduċa żewġ kwistjonijiet ġodda fil-kuntest ta’ dak l-appell, jiġifieri: (i) in-natura tal-istħarriġ li kellu jsir mill-Kummissarju u l-First-tier Tribunal fl-evalwazzjoni jekk tariffa taqbiżx ammont raġonevoli u (ii) ir-raġonevolezza tat-tariffa, jekk wieħed jippreżumi li tista’ tintuża biex tkopri iktar minn sempliċi spejjeż fl-infiq. Il-First-tier Tribunal awtorizza lill-PSG u lill-Local Government Association (iktar ’il quddiem l-“LGA”) ( 23 ) biex jintervjenu fil-proċeduri. Matul l-appell il-Kummissarju u PSG ikkonċedew li tariffa ta’ ammont raġonevoli tista’ tinkludi wkoll spejjeż attribwibbli lill-persunal li jintefqu għall-ipproċessar ta’ talba għall-informazzjoni. Il-First-tier Tribunal qabel u kkunsidra wkoll li ma kienx ikkontestat li awtorità pubblika tista’ timponi tariffa standard ffissata minn qabel ibbażata fuq spejjeż medji.

39.

F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju qed titlob gwida għal dawn id-domandi:

“1.

Kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4/KE? B’mod partikolari, tariffa ta’ ammont raġonevoli imposta għall-provvista ta’ tip partikolari ta’ informazzjoni fil-qasam tal-ambjent tista’ tinkludi:

a)

parti mill-ispejjeż sostnuti għaż-żamma ta’ database li hija użata mill-awtorità pubblika bil-għan li twieġeb għat-talbiet għall-informazzjoni ta’ dan it-tip;

b)

l-ispejjeż ġenerali attribwibbli għall-ħin tal-persunal, meħudin inkunsiderazzjoni b’mod adegwat fid-determinazzjoni tal-tariffa?

2.

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 5(2) u mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4/KE, li Stat Membru jipprovdi fil-leġiżlazzjoni tiegħu li awtorità pubblika tista’, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni fil-qasam tal-ambjent, timponi l-ħlas ta’ ammont li “[…] ma jeċċedix ammont li l-awtorità pubblika tikkunsidra raġonevoli”, jekk id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar dwar dak li jikkostitwixxi “ammont raġonevoli” tkun suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju kif ipprovdut fid-dritt Ingliż?”

40.

L-East Sussex County Council, l-LGA, il-Kummissarju, PSG, il-Gvern Daniż u l-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta, li seħħet fil-11 ta’ Diċembru 2014, l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit, dehru u ressqu osservazzjonijiet orali.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

41.

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tifforma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni ( 24 ) u l-formulazzjoni tagħha u l-għan tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/4 ( 25 ). Din tistabbilixxi sensiela ta’ obbligi ambjentali (u drittijiet korrispondenti għall-pubbliku) organizzati madwar tliet kolonni, jiġifieri: (i) aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ii) il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-ambjent u (iii) l-aċċess għall-ġustizzja. Fil-proċeduri prinċipali qamu kwistjonijiet dwar l-obbligi taħt l-ewwel u t-tielet minn dawn il-kolonni, li d-Direttiva 2003/4 hija intiża li timplementa ( 26 ).

42.

Ma huwiex ikkontestat li d-Direttiva 2003/4 tapplika fil-proċeduri prinċipali. Id-domandi preliminari jirrigwardaw (dik il-parti tal-)informazzjoni mitluba u miksuba minn PSG Eastbourne (permezz ta’ formula CON29R) li hija rilevanti għall-valur ta’ (tranżazzjoni) ta’ proprjetà iżda tikkostitwixxi wkoll informazzjoni ambjentali fit-tifsira tad-Direttiva 2003/4 ( 27 ). Ma huwiex ikkontestat ukoll li l-awtorità lokali kellha l-informazzjoni mitluba.

43.

Fl-aħħar nett, huwa aċċettat li l-East Sussex County Council ma kienx qed jaġixxi fuq bażi kummerċjali meta kien qed jipprovdi informazzjoni lil PSG Eastbourne.

Domanda 1

44.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 jippermetti espressament lill-Istati Membri li jimponu tariffa bla ħsara għal żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, tariffa tista’ tiġi imposta biss biex tiġi pprovduta l-informazzjoni ambjentali. It-tieni nett, dawn it-tariffi ma jistgħux jaqbżu ammont raġonevoli. Ma hemm l-ebda definizzjoni ta’ xi jfissru “jfornu kull tagħrif” jew “raġjonevoli” ( 28 ).

45.

Minbarra dan, ma hemm l-ebda bażi oħra fid-Direttiva 2003/4 biex applikant jintalab iħallas għal aċċess għal informazzjoni ambjentali fuq talba ( 29 ).

46.

Fil-fehma tiegħi, jekk awtorità ma tistax tirkupra spejjeż f’każ partikolari għaliex ma jirrigwardawx il-provvista ta’ informazzjoni, allura ma tqumx il-kwistjoni tar-raġonevolezza tat-tariffa li l-awtorità tixtieq timponi. Għalhekk ser nibda bit-tifsira ta’ xi jfisser “jfornu kull tagħrif” fl-Artikolu 5(2).

47.

L-Artikolu 5 jiddistingwi bejn, minn naħa, li tiġi pprovduta informazzjoni (li l-awtoritajiet jistgħu jitolbu ħlas għaliha) u, min-naħa l-oħra, l-aċċess għal kull reġistru jew listi pubbliċi stabbiliti u miżmuma [kif imsemmi l-Artikolu 3(5)] u l-eżami in situ tal-informazzjoni mitluba (li l-awtoritajiet ma jistgħux jitolbu ħlas għaliha). Għalhekk, l-att li tiġi pprovduta l-informazzjoni lil applikant f’forma partikolari [Artikolu 5(2)] ma huwiex l-istess bħad-diversi sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 5(1).

48.

Lanqas ma hu l-istess bħall-ġbir, iż-żamma u t-tqassim ta’ informazzjoni ambjentali jew li l-pubbliku jiġi mgħarraf fejn dik l-informazzjoni tista’ tinstab.

49.

L-obbligi fl-Artikoli 3 sa 5 jippreżupponu kemm li awtorità pubblika żżomm informazzjoni ambjentali li jrid isir aċċess għaliha kif ukoll li l-pubbliku jaf x’informazzjoni qed tinżamm u fejn. Dik l-informazzjoni ambjentali tkopri kemm id-data kif ukoll tipi differenti ta’ evalwazzjoni ta’ dik id-data (bħal rapporti ta’ implementazzjoni jew analiżijiet ekonomiċi) ( 30 ). L-informazzjoni trid tkun teżisti f’xi forma materjali (pereżempju, miktuba, viżiva, li tinstema’ jew elettronika) ( 31 ). Bħala prinċipju, l-applikant għandu jkun ipprovdut bl-informazzjoni fil-format li jkun talab ( 32 ).

50.

Bħala parti mill-arranġamenti prattiċi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sabiex jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal aċċess, l-Istati Membri għandhom jagħmlu aċċessibbli r-reġistri jew il-listi ta’ informazzjoni ambjentali li jkollhom l-awtoritajiet pubbliċi jew punti ta’ informazzjoni, b’indikazzjonijiet ċari ta’ fejn tinstab din l-informazzjoni ( 33 ). F’dan il-kuntest, nifhem li “reġistru” jfisser inventarju tal-informazzjoni ambjentali miżmuma u li permezz tiegħu dik l-informazzjoni tista’ tiġi rriċerkata u identifikata. Min-naħa l-oħra, database hija l-corpus attwali tal-informazzjoni ambjentali miżmuma Filwaqt li reġistru jista’ jkollu wkoll l-informazzjoni ambjentali attwali u għalhekk jista’ jiġi kkombinat ma’ database, huwa madankollu separat minn din tal-aħħar ( 34 ).

51.

B’mod kruċjali għall-finijiet ta’ din il-kawża, l-Artikolu 5(1) jipprekludi awtorità milli titlob ħlas mingħand dawk li jridu aċċess għal dawn ir-reġistri u listi u għall-informazzjoni ambjentali għal eżami in situ għal kwalunkwe spejjeż involuti. Għaldaqstant, awtorità ma tistax titlob ħlas għall-ispejjeż li żżomm u tagħmel disponibbli (i) dawn ir-reġistri u listi u (ii) il-corpus ta’ informazzjoni ambjentali li għaliha jagħmlu riferiment dawn ir-reġistri jew listi jew li applikant ifittex li jeżamina in situ. Filwaqt li, taħt l-Artikolu 5(2) l-applikant jista’ jintalab iħallas għall-aċċess mixtieq fis-sens li tiġi pprovduta l-informazzjoni ambjentali, ma nara l-ebda bażi biex nikkunsidra l-ispejjeż ta’ provvista bħala li jkopru wkoll dawk iż-żewġ tipi ta’ spejjeż. Dan għaliex dawn l-ispejjeż jiġu sostnuti sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi taħt id-Direttiva 2003/4, partikolarment l-obbligu li jiġi pprovdut aċċess fuq talba, u għalhekk sabiex applikant ikun jista’ jfittex u jikseb aċċess għal informazzjoni, irrispettivament mill-forma ta’ dak l-aċċess ( 35 ). Fil-fatt, jekk “li jfornu” kellu jiġi interpretat bħala li jinkludi l-istabbiliment u ż-żamma ta’ reġistru, lista jew database li jkollha fiha informazzjoni ambjentali (kemm jekk fuq karta kif ukoll miżmuma f’xi format ieħor), ir-riżultat ikun li jiġu ttrattati b’mod differenti membri tal-pubbliku li jitolbu li tiġi pprovduta u dawk li sempliċiment jitolbu l-aċċess fit-tifsira tal-Artikolu 5(1) jew jiksbu aċċess bħala riżultat ta’ tixrid. Iż-żewġ gruppi jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni rreġistrata fl-istess reġistru jew lista u miżmuma fl-istess database. Iżda, l-ewwel grupp jintalab iħallas għaż-żamma tar-reġistru u d-database filwaqt li t-tieni grupp (korrettament) ma jintalabx iħallas. Għall-istess raġunijiet, awtorità ma tistax tirkupra mingħand applikant l-ispejjeż għall-konformità mal-obbligu skont l-Artikolu 3(4) biex isir kull sforz raġonevoli biex tinżamm u tiġi organizzata informazzjoni ambjentali f’forom faċilment riproduċibbli u aċċessibbli.

52.

Bl-istess mod, l-ebda tariffa ma għandha tintalab biex ikun hemm aċċess għal informazzjoni ambjentali li tinxtered mal-pubbliku. Id-Direttiva 2003/4 (bħall-Konvenzjoni ta’ Aarhus) tiddistingwi l-obbligu għat-tixrid tal-informazzjoni (Artikolu 7 ( 36 )) mill-obbligu li l-informazzjoni tkun disponibbli għal applikant li jitlobha f’forma partikolari (Artikoli 3 sa 5). L-obbligu taħt l-Artikolu 7 japplika għall-informazzjoni ambjentali kollha miżmuma minn awtorità pubblika, inkluża dik li, skont l-Artikolu 7(2), Stat Membru għandu jagħmilha disponibbli u jxerridha (u jaġġornaha kif jixraq). Dak l-obbligu jipproteġi l-interess pubbliku, irrispettivament minn jekk il-pubbliku fil-fatt esprimiex interess fl-informazzjoni elenkata jew miżmuma. Iż-żamma u t-tixrid attiv ta’ din l-informazzjoni (aġġornata) jistgħu tassew jinvolvu spejjeż kunsiderevoli (mhux tal-inqas f’termini ta’ riżorsi umani u spejjeż ġenerali oħra) u l-materjal ipproċessat b’dan il-mod jista’ jintuża wkoll biex jingħataw tweġibiet għal talbiet għal informazzjoni. Madankollu, dawk l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-fondi pubbliċi.

53.

F’dak l-isfond, niddefinixxi “jfornu kull tagħrif dwar l-ambjent”, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4, bħala li jiġi pprovdut aċċess fuq talba billi din l-informazzjoni tingħata lil applikant fil-format li huwa speċifika u f’ċirkustanzi li ma jkunux dawk koperti mill-Artikolu 5(1). Għall-finijiet ta’ din il-kawża, huwa rilevanti li l-Artikolu 5(2) ikopri ċ-ċirkustanza meta l-informazzjoni tingħata b’mod li jippermetti lill-applikant li jikkonsultaha u jużaha f’post u fi żmien li jagħżel hu u għalhekk indipendentement minn fejn u kif dik l-informazzjoni hija miżmuma u tkun altrimenti disponibbli permezz ta’ mezzi oħra ta’ aċċess.

54.

Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jimponu tariffa biex ikopru l-ispejjeż tal-persunal li jirriproduċu l-informazzjoni ambjentali mitluba (pereżempju, billi jagħmlu fotokopji jew jistampaw dokumentazzjoni jew jibagħtuha b’messaġġ elettroniku) flimkien mal-ispiża ta’, pereżempju, karti, toner u l-użu ta’ apparat tal-ikkuppjar. L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jikkonferma din l-interpretazzjoni. Madankollu, isegwi wkoll li awtorità pubblika ma tistax tirkupra, permezz ta’ tariffa biex tipprovdi l-informazzjoni, l-ispejjeż kollha jew parti minnhom biex tiġi stabbilita u tinżamm database fejn tkun organizzata l-informazzjoni ambjentali li żżomm u li tuża biex twieġeb talbiet għal informazzjoni tat-tip elenkat fi kwestjonarju bħall-formula CON29R inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali [Domanda 1(a)] ( 37 ).

55.

Meta l-informazzjoni mitluba diġà tkun qed tinżamm fil-format mitlub u hija faċilment aċċessibbli u riproduċibbli, l-att li tiġi pprovduta essenzjalment jinvolvi biss ir-riproduzzjoni. Għalhekk, tariffa biex tiġi pprovduta l-informazzjoni f’dawk iċ-ċirkustanzi ma għandhiex tkopri iktar mill-ispiża raġonevoli ta’ riproduzzjoni, li tinkludi l-ispejjeż tal-ħin tal-persunal meħtieġ għall-att speċifiku li tingħata l-informazzjoni ambjentali mitluba mill-applikant. Iżda li tiġi pprovduta l-informazzjoni mhux dejjem hija ħaġa faċli u rħisa bħal sempliċi att ta’ riproduzzjoni. Pereżempju, l-informazzjoni miżmuma tista’ ma tkunx għadha ġiet organizzata b’mod riproduċibbli u aċċessibbli faċilment; jew tista’ tintalab f’format li ma jkunx dak miżmum mill-awtorità.

56.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jistgħu l-ispejjeż addizzjonali sosntuti biex tinġabar u tiġi organizzata l-informazzjoni li l-applikant ikun talab u spejjeż ġenerali oħra jiġu rkuprati abbażi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4? Jidher li dan huwa l-qofol tad-domanda 1(b) dwar l-irkupru ta’ spejjeż ġenerali attribwibbli għall-ħin tal-persunal meħtieġ biex tingħata tweġiba għat-talba għal informazzjoni bħal dik inkwistjoni.

57.

Sa fejn dawn l-ispejjeż huma sostnuti fir-rigward ta’ talbiet biex tiġi pprovduta l-informazzjoni u meħtieġa biex l-informazzjoni tingħata lill-applikant, l-awtorità tista’ timponi tariffa f’ammont raġonevoli għalihom?

58.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 ma jiddefinixxix x’inhu “ammont raġjonevoli”. Lanqas l-Artikolu 4(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jagħmel dan.

59.

F’termini ġenerali, jidhirli li, is-sempliċi fatt li l-leġiżlatur irrikonoxxa li, minħabba l-volum u l-kumplessità tagħha, l-informazzjoni mitluba tista’ ma tkunx disponibbli minnufih u għalhekk il-ġbir tagħha fil-forma mitluba tista’ toħloq piżijiet (kunsiderevoli) fuq l-awtorità f’termini ta’ ħin u riżorsi umani ( 38 ) huwa bażi insuffiċjenti biex l-applikant jintalab iħallas dawn il-piżijiet. Dawn tal-aħħar jeżistu anki meta ma tintalab li tiġi pprovduta l-ebda informazzjoni u meta l-awtorità tikkonforma ma’ obbligi oħra taħt id-Direttiva 2003/4 ( 39 ). Ninnota wkoll li hemm raġunijiet leġittimi biex ikun hemm rifjut li tingħata l-informazzjoni bi tweġiba għal talba ( 40 ). Madankollu, awtorità ma tsitax tibbaża fuq in-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont, pereżempju, l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva 2003/4 sabiex tiġġustifika li applikant jintalab iħallas skont l-Artikolu 5(2) għaliex, pereżempju, iżżomm informazzjoni bħala data mhux ipproċessata u tkun għadha ma organizzatx dik l-informazzjoni (kif meħtieġ) b’mod li jagħmel l-aċċess possibbli ( 41 ).

60.

Fl-opinjoni tiegħi, tariffa li ma taqbiżx ammont raġonevoli fit-tifsira tal-Artikolu 5(2) hija tariffa li: (i) hija stabbilita abbażi ta’ fatturi oġġettivi li huma magħrufin u jistgħu jiġu eżaminati minn terzi; (ii) hija kkalkolata indipendentement minn min qed jitlob l-informazzjoni u għal liema skop; (iii) hija stabbilita f’livell li jiggarantixxi l-għanijiet tad-dritt għal aċċess għal informazzjoni ambjentali fuq talba u għalhekk ma tiddisswadix persuni milli jitolbu l-aċċess jew tirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess tagħhom; u (iv) ma tkunx ogħla minn ammont li huwa xieraq mar-raġuni għaliex l-Istati Membri jistgħu jimponu din it-tariffa (jiġifieri, li membru tal-pubbliku jkun għamel talba biex tiġi pprovduta informazzjoni ambjentali) u tkun ikkorrelata direttament mal-att li tiġi pprovduta dik l-informazzjoni.

61.

L-ewwel nett, l-ammont tat-tariffa għandu jiġi stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jistgħu jsiru pubbliċi, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/4 u li jippermettu li r-raġonevolezza tat-tariffa tiġi mistħarrġa, skont l-Artikolu 6.

62.

It-tieni nett, talba biex tiġi pprovduta informazzjoni ma teħtieġx li applikant jiddikjara interess ( 42 ). Għalhekk, biex jitħallas l-ammont, ma huwiex rilevanti min jitlob li jiġi pprovdut b’informazzjoni u għaliex.

63.

It-tielet nett, l-ammont għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li aċċess għall-informazzjoni ambjentali li jsir billi tiġi pprovduta dik l-informazzjoni jikkontribwixxi għal għarfien ikbar ta’ kwistjonijiet ambjentali, dibattitu u parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dawn il-kwistjonijiet u fl-aħħar nett ambjent aħjar ( 43 ).

64.

Dik kienet waħda mill-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395), li tiddeċiedi, fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/313 li, minħabba l-għan ta’ dik id-direttiva, it-tariffa ma għandhiex tiġi stabbilita f’livell li jiddisswadi lill-pubbliku milli jitlob aċċess jew li jirrestrinġi d-dritt tiegħu għal aċċess ( 44 ).

65.

L-istess raġunament għandu japplika għall-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4, għaliex din l-aħħar direttiva hija intiża biex tiftaħ l-aċċess għal iktar informazzjoni ( 45 ). Fil-fatt, jekk l-ispejjeż ikunu għoljin b’mod irraġonevoli, individwi li jkunu finanzjarjament komdi biss ikunu jixtiequ (jew ikunu jistgħu) jħallsu biex jitolbu informazzjoni ambjentali ( 46 ). Jekk l-ispejjeż ikunu jistgħu jiġu ffissati f’dak il-livell, il-persuni jistgħu, għalhekk, jiġu dissważi milli jressqu talbiet għal informazzjoni ambjentali ( 47 ).

66.

Ir-raba’ nett, tariffa tkun ta’ ammont raġonevoli jekk tkopri spejjeż li huma direttament ikkorrelati mal-att li tiġi pprovduta l-informazzjoni wara li ssir talba speċifika. Għal raġunijet li diġà spjegajt inkonnessjoni ma x’jikkostitwixxi li “jfornu” informazzjoni, tariffa ma tistax tkopri spejjeż relatati mal-ġbir, iż-żamma, l-aġġornament u t-tixrid ta’ informazzjoni ambjentali li jsiru irrespettivament minn talba bħal dik ( 48 ).

67.

Minkejja l-fatt li d-Direttiva 90/313 ma tagħmilx distinzjoni bejn spejjeż diretti u indiretti, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395), kkonkludiet li Stat Membru kien prekluż milli jitlob ħlas għal spejjeż indiretti magħmula inkonnessjoni ma’ riċerki għal u l-ġbir ta’ informazzjoni. L-użu tal-kelma “raġonevoli” tfisser li Stat Membru ma setax “[…] jgħaddi fuq dawk li qed ifittxu informazzjoni l-ammont sħiħ tal-ispejjeż, partikolarment l-ispejjeż indiretti, attwalment sostnuti għall-baġit tal-Istat fit-twettiq ta’ riċerka għall-informazzjoni” ( 49 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 5 ma kienx jawtorizza lill-Istati Membri li jimponu tariffa għall-“kompiti amministrattivi konnessi ma’ talba għal informazzjoni” ( 50 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stħarrġitx fid-dettall it-tipi ta’ tariffi skont id-dritt Ġermaniż (li jgħid li l-ammont tat-tariffa kien jiddependi mill-kontribuzzjoni tal-awtoritajiet f’termini ta’ sforz u ħin) għaliex il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-leġiżlazzjoni ma kinitx konformi mal-għan tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/313 ( 51 ).

68.

L-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2003/4 u l-formulazzjoni tal-premessa 18 irriżultaw f’inċertezza dwar jekk dak l-element tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395) jistax jiġi traspost għall-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4.

69.

B’differenza mill-Kummissjoni (li ma kinitx indirizzat dawn il-punti fil-proposta inizjali tagħha) ( 52 ), il-Parlament Ewropew ippropona li jingħad espliċitament (fil-premessi u fit-termini ta’ promulgazzjoni) li tariffa ma għandhiex taqbeż l-ispiża attwali u ma għandhiex tinkludi l-ispiża tal-ħin li l-persunal juża fir-riċerki ( 53 ). Filwaqt li l-Kummissjoni essenzjalment qablet ma’ dawk il-proposti ( 54 ), il-Kunsill kien favur l-inklużjoni ta’ inqas dettalji dwar dak li tariffa taħt dak li sa dakinhar kien sar (abbozz ta’) l-Artikolu 5(2), setgħet tkopri jew le. Il-Kunsill “ma setax jaċċetta […] li tariffi ma setgħux ikopru l-ħin użat għar-riċerki […]: ir-riċerki jistgħu jinvolvu ħafna ħin u jkunu għaljin, waqt li libertà fit-tariffa tista’ tagħti lok għal talbiet frivoli għall-informazzjoni […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 55 ).

70.

Il-Parlament żamm mal-pożizzjoni tiegħu. Issuġġerixxa wkoll li jiżdied fit-termini ta’ promulgazzjoni li tariffa “ma għandhiex taqbeż l-ispiża attwali tar-riproduzzjoni tal-materjal mitlub” ( 56 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni ma setgħetx taqbel ma’ dik il-proposta: hija kienet favur li ma tmurx lil hinn mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u sostniet li, billi d-direttiva proposta kienet direttiva qafas, l-Istati Membri kellhom igawdu minn ċertu livell ta’ flessibbiltà meta jittrasponuha fid-dritt nazzjonali ( 57 ).

71.

It-test tal-Artikolu 5(2) kif ġie adottat ma jirrifletti l-ebda element minn dawk id-diskussjonijiet. Iżda, il-premessa 18 tgħid li “bħala regola ġenerali, l-imposti ma jistgħux jaqbżu l-ispejjeż attwali tal-produzzjoni tal-materjal fil-kwistjoni”, għalkemm tariffa bbażata fuq is-suq titqies li hija raġonevoli “meta l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent fuq bażi kummerċjali, u meta dan ikun meħieġ sabiex tiġi ggarantita l-kontinwazzjoni tal-ġbir u l-pubblikzzjoni ta’ dan it-tagħrif”.

72.

L-ewwel nett, il-premessa 18 ma tistax tingħata l-istess piż bħall-Artikolu 5(2). Wara kollox, id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tinsab biss fit-termini ta’ promulgazzjoni, jiġifieri fil-parti leġiżlattiva ta’ direttiva (jew kull att ieħor). Il-premessi huma biss element wieħed tal-kuntest li fih jiġu interpretati t-termini ta’ promulgazzjoni. Minnhom innifishom ma jistabbilixxux regoli ( 58 ).

73.

Madankollu, it-tieni sentenza b’mod partikolari tal-premessa 18 ma tistax tiġi injorata, u lanqas ir-raġuni għall-inklużjoni tagħha. Dik is-sentenza tirrigwarda żewġ limitazzjonijiet marbuta mad-dritt li tiġi imposta tariffa biex tiġi pprovduta l-informazzjoni: jiġifieri, dak li għalih jista’ jintalab ħlas (“l-ispejjeż attwali tal-produzzjoni tal-materjal fil-kwistjoni”) u l-ammont ta’ spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati (“l-ispejjeż attwali” li jsiru minn awtorità pubblika biex tiġi pprovduta l-informazzjoni).

74.

Fil-fehma tiegħi, tariffa f’“ammont raġjonevoli” għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż attwalment sostnuti inkonnessjoni mal-att li tiġi pprovduta l-informazzjoni ambjentali fuq talba speċifika. Dan jinkludi l-ispejjeż tal-ħin użat mill-persunal biex jirriċerka u jipproduċi l-informazzjoni mitluba u l-ispiża għall-produzzjoni tagħha fil-forma mitluba (li tista’ tvarja). Madankollu, ma nikkunsidrax li huwa permissibbli li tariffa tipprova tiġbor l-ispejjeż ġenerali, pereżempju għat-tisħin, id-dawl jew is-servizzi interni. Filwaqt li parti minn dawn l-ispejjeż ġenerali tassew jistgħu jkunu attribwibbli għall-proċess li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jippermettu awtorità li tagħti aċċess għall-informazzjoni ambjentali fuq talba, dawn (bħall-ispejjeż biex jinżammu u jingħata aċċess għal reġistri u listi ta’ informazzjoni ambjentali ( 59 )) ma humiex sostnuti biss inkonnessjoni ma li tiġi pprovduta l-informazzjoni fuq talba speċifika. Kif interpretajt il-premessa 18, din tikkonferma dik l-informazzjoni ( 60 ).

Domanda 2

Ammissibbiltà

75.

Bid-domanda 2 il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 5(2) u 6 tad-Direttiva 2003/4 jipprekludux regola tad-dritt nazzjonali li tgħid li tariffa biex tiġi pprovduta informazzjoni ambjentali “ma għandhiex taqbeż ammont li l-awtorità pubblika hija ssodisfatta li huwa ammont raġonevoli” jekk id-deċiżjoni tal-awtorità f’dak ir-rigward hija suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju kif previst fid-dritt nazzjonali.

76.

Skont interpretazzjoni stretta tad-dritt Ingliż, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-frażi “ammont li l-awtorità pubblika hija ssodisfatta li huwa raġonevoli” tfisser li kontestazzjoni ta’ tariffa tkun tista’ tirnexxi biss jekk id-deċiżjoni tal-awtorità pubblika dwar x’inhu ammont raġonevoli kienet fiha nnifisha “irraġonevoli” fit-tifsira tad-dritt amministrattiv (jiġifieri, irrazzjonali, illegali jew inġust) u li l-ambitu ta’ kontestazzjoni għal konklużjonijiet fattwali rilevanti kollha li tasal għalihom l-awtorità huwa limitat ħafna. L-ebda dettall ieħor dwar l-organizzazzjoni tal-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju ma ġie inkluż fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

77.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit spjega li “stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju kif previst fid-dritt Ingliż”, li għalih tirreferi d-domanda 2, jinkludi numru ta’ raġunijiet għal stħarriġ li wieħed minnhom huwa “l-irraġonevolezza Wednesbury” ( 61 ).

78.

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit staqsew dwar il-ħtieġa jekk għandhiex tingħata risposta għal din id-domanda. Wara kollox, il-qorti tar-rinviju stess tgħid li l-kwistjoni (mqajma fid-domanda 2) “tibqa’ pendenti bejn il-partijiet” u li “ma huwiex ċar jekk fil-prattika tagħmilx differenza f’dan il-każ imma tista’ taffettwa l-approċċ tat-Tribunal u tal-Kummissjarju fil-futur”.

79.

Infakkar fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali, u dan biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 62 ). Hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 63 ).

80.

Ma narax għalfejn għandu jkun hemm kontestazzjoni rigward id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, minkejja d-dubji tagħha, li tinkludi d-domanda 2 fid-digriet tar-rinviju tagħha. Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għal din id-domanda wkoll.

Fuq il-mertu

81.

Il-kundizzjoni ta’ raġonevolezza tat-tariffa prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 tirrigwarda l-ammont ta’ kwalunkwe tariffa, u mhux id-deċiżjoni tal-awtorità pubblika nnifisha. L-Artikolu 5(2) ma jinkludix riferiment dwar x’inhi tariffa raġonevoli skont id-dritt nazzjonali. Meta l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jinkludi l-ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħhom, dawn għandhom normalment jirċievu, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 64 ). Dak il-prinċipju japplika flimkien mal-prinċipju li, meta d-dritt tal-Unjoni ma jkunx preċiż, huma l-Istati Membri, meta jittrasponu direttiva, li għandhom jiżguraw li tkun effettiva għal kollox; meta jagħmlu hekk igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar l-għażla tal-metodi ( 65 ).

82.

Għalhekk, l-Artikolu 5(2) jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li t-tariffi tagħhom ma jaqbżux ammont raġonevoli, skont il-parametri ta’ xi jfisser oġġettivament “ammont raġonevoli” skont id-dritt tal-Unjoni ( 66 ). Bħala tali, dan ma jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tgħid li awtorità pubblika għandha tkun issodisfatta li t-tariffa imposta tosserva l-istandard. Fil-fatt, wieħed jista’ jistenna li bħala kwistjoni ta’ amministrazzjoni tajba, awtorità pubblika għandha, l-ewwel nett, teżerċita tali kontroll fuq il-livell tat-tariffa li jiġi stabbilit. Dan il-pass jiġi qabel, u huwa separat minn, l-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju meħtieġ (rispettivament) mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4.

83.

X’għandu jingħad fir-rigward tal-element finali tad-domanda 2, jiġifieri “jekk id-deċiżjoni [tal-awtorità pubblika] dwar dak li jikkostitwixxi ‘ammont raġonevoli’ tkun[x] suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju kif ipprovdut fid-dritt Ingliż” (enfasi miżjuda minni)?

84.

Kif indikajt diġà ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ftit li xejn ngħatalha materjal dwar id-dritt nazzjonali mill-qorti tar-rinviju; u, għalkemm saret seduta, il-Gvern tar-Renju Unit ma kienx preżenti. Fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, hija fuq kollox b’mod ċar funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi esklużivament dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u dik tal-qorti nazzjonali biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali skont l-elementi mogħtija b’risposta għad-domandi tagħha ( 68 ). Għalhekk ma jkunx xieraq li hawnhekk jiġu esplorati iktar l-istandards ta’, u l-limitazzjonijiet għal, l-istħarriġ ġudizzjarju Ingliż. Il-punt fokali għandu jkun, minflok, esklużivament x’obbligi jistabbilixxi d-dritt tal-Unjoni.

85.

Fil-kuntest preżenti, l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4 jeħtieġ li Stat Membru jiżgura li (l-ewwel) ikun hemm stħarriġ amministrattiv u (sussegwentement) ġudizzjarju dwar jekk deċiżjoni ta’ awtorità pubblika dwar x’tikkostitwixxi tariffa raġonevoli hijiex konformi mat-tifsira awtonoma tad-dritt tal-Unjoni ta’ x’inhu “raġjonevoli” skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4. Dan għandu jiġi vverifikat mill-proċedura ta’ stħarriġ. Id-disponibbiltà ta’ dan l-istħarriġ hija essenzjali sabiex jiġi ggarantit l-infurzar effettiv tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni ambjentali stabbilit fid-Direttiva 2003/4 ( 69 ). Għalhekk, Stat Membru għandu jiggarantixxi li l-proċedura ta’ stħarriġ li jipprovdi tippermetti li r-raġonevolezza ta’ tariffa partikolari imposta titkejjel mal-istandard ta’ raġonevolezza għal dawn it-tariffi stabbilit mid-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod tali li tipprovdi dak l-istħarriġ ( 70 ).

Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi t-talba għal deċiżjoni preliminari mill-First-tier Tribunal (Information Rights) (ir-Renju Unit) kif ġej:

““[J]fornu kull tagħrif dwar l-ambjent” fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE, għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li jiġi pprovdut aċċess fuq talba billi din l-informazzjoni tingħata lil applikant fil-format li huwa speċifika u f’ċirkustanzi li ma jkunux dawk koperti mill-Artikolu 5(1). L-Artikolu 5(2) ikopri ċ-ċirkustanza meta l-informazzjoni tingħata b’mod li jippermetti lill-applikant li jikkonsultaha u jużaha f’post u fi żmien li jagħżel hu u għalhekk indipendentement minn fejn u kif dik l-informazzjoni hija miżmuma u tkun altrimenti disponibbli permezz ta’ mezzi oħra ta’ aċċess.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 ma jawtorizzax awtorità pubblika li tirkupra, permezz ta’ tariffa biex tipprovdi l-informazzjoni, l-ispejjeż kollha jew parti minnhom biex tiġi stabbilita u tinżamm database fejn tkun organizzata l-informazzjoni ambjentali li żżomm u li tuża biex twieġeb talbiet għal informazzjoni tat-tip elenkat fi kwestjonarju bħal dak inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali.

Tariffa li ma taqbiżx ammont raġonevoli fit-tifsira tal-Artikolu 5(2) hija tariffa li: (i) hija stabbilita abbażi ta’ fatturi oġġettivi li huma magħrufin u jistgħu jiġu eżaminati minn terzi; (ii) hija kkalkolata indipendentement minn min qed jitlob l-informazzjoni u għal liema skop; (iii) hija stabbilita f’livell li jiggarantixxi l-għanijiet tad-dritt għal aċċess għal informazzjoni ambjentali fuq talba u għalhekk ma tiddisswadix persuni milli jitolbu l-aċċess jew tirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess tagħhom; u (iv) ma tkunx ogħla minn ammont li huwa xieraq mar-raġuni għaliex l-Istati Membri jistgħu jimponu din it-tariffa (jiġifieri, li membru tal-pubbliku jkun għamel talba biex tiġi pprovduta informazzjoni ambjentali) u tkun ikkorrelata direttament mal-att li tiġi pprovduta dik l-informazzjoni.

B’mod partikolari, tariffa f’“ammont raġjonevoli” taħt l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż attwalment sostnuti inkonnessjoni mal-att li tiġi pprovduta l-informazzjoni ambjentali fuq talba speċifika. Dan jinkludi l-ispejjeż tal-ħin użat mill-persunal biex jirriċerka u jipproduċi l-informazzjoni mitluba u l-ispiża għall-produzzjoni tagħha fil-forma mitluba (li tista’ tvarja). Madankollu, ma huwiex permissibbli li tariffa tipprova tiġbor l-ispejjeż ġenerali, pereżempju għat-tisħin, id-dawl jew is-servizzi interni. Filwaqt li parti minn dawn l-ispejjeż ġenerali tassew jistgħu jkunu attribwibbli għall-proċess li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jippermettu awtorità li tagħti aċċess għall-informazzjoni ambjentali fuq talba, dawn (bħall-ispejjeż biex jinżammu u jingħata aċċess għal reġistri u listi ta’ informazzjoni ambjentali) ma humiex sostnuti biss inkonnessjoni ma li tiġi pprovduta l-informazzjoni fuq talba speċifika.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li t-tariffi tagħhom ma jaqbżux ammont raġonevoli, skont il-parametri ta’ xi jfisser oġġettivament “ammont raġonevoli” skont id-dritt tal-Unjoni. Bħala tali, dan ma jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tgħid li awtorità pubblika għandha tkun issodisfatta li t-tariffa imposta tosserva l-istandard. Dan il-pass jiġi qabel, u huwa separat minn, l-istħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju meħtieġ (rispettivament) mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4.

L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4 jeħtieġ li Stat Membru jiżgura li (l-ewwel) ikun hemm stħarriġ amministrattiv u (sussegwentement) ġudizzjarju dwar jekk deċiżjoni ta’ awtorità pubblika dwar x’tikkostitwixxi tariffa raġonevoli hijiex konformi mat-tifsira awtonoma tad-dritt tal-Unjoni ta’ x’inhu “raġjonevoli” skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4. Għalhekk, Stat Membru għandu jiggarantixxi li l-proċedura ta’ stħarriġ li jipprovdi tippermetti li r-raġonevolezza ta’ tariffa partikolari imposta titkejjel mal-istandard ta’ raġonevolezza għal dawn it-tariffi stabbilit mid-dritt tal-Unjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod tali li tipprovdi dak l-istħarriġ.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

( 3 )   Iffirmata f’Aarhus, id-Danimarka, fil-25 ta’ Ġunju 1998 (2161 UNTS 447). Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, p. 17). Ara l-punti 4 sa 8 iktar ’il quddiem.

( 4 )   Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal “kumpannija ta’ riċerka personali” biex tiddeskrivi dan it-tip ta kumpannija għaliex dan it-terminu ntuża f’dokument ta’ konsultazzjoni tal-gvern (għalkemm intuża kliem ieħor fid-dokumenti li l-qorti tar-rinviju rat); f’xi wħud mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, intużaw minflok il-kliem “kumpannija ta’ riċerka tal-proprjetà” għal dan l-iskop. Nippreferi nuża dan il-kliem tal-aħħar f’dawn il-konklużjonijiet.

( 5 )   Il-Protokoll dwar ir-Rilaxx ta’ Inkwinanti u t-Trasferiment ta’ Drittijiet, li ġie adottat mill-Partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-21 ta’ Mejju 2003 (iżda li huwa miftuħ ukoll għal partijiet mhux kontraenti) jipprovdi għal aċċess pubbliku għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tagħha dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta’ inkwinanti. Skont l-Artikolu 11(3) ta’ dak il-Protokoll, il-partijiet kollha għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tagħha jkun bla ħlas ħlas, bla ħsara għall-Artikolu 11(4) li jipprovdi li “[k]ull Parti tista’ tippermetti lill-awtorità kompetenti tagħha li titlob ħlas biex tirriproduċi […] iżda dan il-ħlas m’għandux jaqbeż ammont raġonevoli”. Ara Doc. MP.PP/2003/1 li fih it-test tal-Protokoll. Il-Komunità Ewropea (u issa l-Unjoni Ewropea) u kważi l-Istati Membri kollha huma partijiet f’dan il-Protokoll. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/61/KE, tat-2 ta’ Diċembru 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll UN-ECE dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (ĠU L 334M , p. 791)

( 6 )   Il-paragrafu 4 jistipula l-obbligu li jiġi ppubblikat u mqassam, f’intervalli regolari, rapport nazzjonali dwar l-istat tal-ambjent.

( 7 )   Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, tas-7 ta’ Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402).

( 8 )   Ara wkoll il-premessa 8.

( 9 )   Ara wkoll il-premessa 9.

( 10 )   Ara wkoll il-premessa 9.

( 11 )   Ara wkoll il-premessa 10.

( 12 )   Ara wkoll il-premessa 12.

( 13 )   Ara l-punt 22 iktar ’il quddiem.

( 14 )   Ara wkoll il-premessa 14.

( 15 )   Ara wkoll il-premessa 15.

( 16 )   Ara wkoll il-premessa 16.

( 17 )   Ara wkoll il-premessa 19.

( 18 )   Ara wkoll il-premessa 15.

( 19 )   Dan huwa korp professjonali li jirrappreżenta solicitors fl-Ingilterra u Wales.

( 20 )   Il-kwestjonarju l-ieħor, imsejjaħ il-formula “CON29O”, għandu jintuża għal mistoqsijiet addizzjonali fakultattivi.

( 21 )   Ara l-punti 29 sa 30 u 37 iktar ’il quddiem.

( 22 )   Ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi Skoċċiżi.

( 23 )   Din hija organizzazzjoni tal-partiti kollha, immexxija politikament li taħdem f’isem il-kunsilli.

( 24 )   Ara s-sentenza Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/4.

( 27 )   Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/4. Fi kwalunkwe każ, dik kienet kwistjoni li kellha tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju (ara s-sentenza Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 )   Ninnota li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/4 jużaw terminu (bħal “supplying” fil-verżjoni Ingliża) li huwa differenti mill-formulazzjoni fl-Artikolu 7. Pereżempju, il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 5(2) tuża “la mise à disposition” li tikkorrispondi mal-formulazzjoni fl-Artikolu 7. Iżda, it-terminu “supplying” fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 5(2) jikkorrispondi mat-terminu użat fil-verżjoni (awtentika) Ingliża tal-Artikolu 4(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Il-verżjoni (ugwalment awtentika) Franċiża tal-istess dispożizzjoni tal- Konvenzjoni ta’ Aarhus tuża l-verb “fournir”. (It-tielet verżjoni awtentika hija bir-Russu.)

( 29 )   Ara, fir-rigward tad-Direttiva 90/313, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, (C‑217/97, EU:C:1999:395, punti 5558), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 90/313 awtorizzat restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali biss skont il-kriterji u fil-każijiet espressament iddefiniti hemmhekk. Dan jikkonferma li l-prinċipju ġenerali huwa li l-pubbliku għandu jkollu aċċess għal informazzjoni ambjentali mingħajr ma jħallas tariffa jew mingħajr restrizzjoni.

( 30 )   Ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4.

( 31 )   Ara, pereżempju, l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(4) kif ukoll il-premessa 10 tad-Direttiva 2003/4.

( 32 )   Ara l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2003/4.

( 33 )   Ara l-Artikolu 3(5)(ċ) tad-Direttiva 2003/4.

( 34 )   Ara wkoll UN-ECE, Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus Convention: Gwida ta’ Implementazzjoni (it-tieni edizzjoni, 2014) (iktar ’il quddiem “il-Gwida ta’ Implementazzjoni”) p. 102 u 103. Filwaqt li l-Gwida ta’ Implementazzjoni ma hijiex vinkolanti (p. 9), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidratha bħala dokument spjegattiv, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni jekk ikun xieraq, fost materjal rilevanti ieħor għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ara, pereżempju, is-sentenzi Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata u Edwards, C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 34).

( 35 )   Ara l-punt 74 iktar ’il quddiem.

( 36 )   Il-Gwida ta’ Implementazzjoni (fil-paġna 75) tirriferi għal dan id-dritt taħt l-Artikolu 7 bħala “id-dritt attiv ta’ aċċess”. Jidhirli li, meta wieħed jarah mill-perspettiva tal-benefiċjarji ta’ dan l-aċċess, dan id-dritt jista’ jiġi, iktar loġikament, imsejjaħ passiv. Għal dik ir-raġuni, ma inix ser nuża “attiv” u “passiv” fid-deskrizzjoni tal-obbligi (u d-drittijiet korrispondenti) skont l-Artikoli 3 sa 5 u 7.

( 37 )   Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.

( 38 )   Ara, pereżempju, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/4.

( 39 )   Ara wkoll, pereżempju, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:34, punt 26).

( 40 )   Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4.

( 41 )   Ara l-Artikolu 1 u l-premessi 9 u 20 tad-Direttiva 2003/4.

( 42 )   Ara l-Artikolu 3(1) u l-premessa 8 tad-Direttiva 2003/4. Qabbel mal-użu ta’ “jipprova” (minflok “jiddikjara”) fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 90/313.

( 43 )   Ara l‑premessa 1 fil-preambolu tad-Direttiva 2003/4.

( 44 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395, punt 47); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑217/97, EU:C:1999:34, punt 23.

( 45 )   Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2003/4.

( 46 )   Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:34, punt 25).

( 47 )   Ara wkoll il-Gwida ta’ Implementazzjoni li tgħid (fil-paġna 94) li “l-Konvenzjoni tħaddan il-kunċett li jekk l-informazzjoni trid tkun verament aċċessibbli għandha tintlaħaq finanzjarjament minn kulħadd ukoll”.

( 48 )   Ara l-punti 47 sa 54 iktar ’il fuq.

( 49 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395, punt 48).

( 50 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395, punt 57).

( 51 )   Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑217/97, EU:C:1999:395, punt 52).

( 52 )   Fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, il-kontenut tal-abbozz tal-Artikolu 5(3) u t-test propost ta’ (dik li kellha tkun) il-premessa 18 kienu jixbhu l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/4. Ara l-premessa 21 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għal tagħrif dwar l-ambjent, COM(2000) 402 finali (ĠU C 337 E, p. 156).

( 53 )   Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għal tagħrif dwar l-ambjent, COM(2000) 402 – C5-0352/2000 – 2000/0169(COD).

( 54 )   Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għal tagħrif dwar l-ambjent, COM(2001) 303 finali (ĠU 2001 C 240 E, p. 289).

( 55 )   Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 24/2002 adottata mill-Kunsill fis-28 ta’ Jannar 2002 (ĠU C 113 E, p. 1). Nifhem li r-riferiment (kurjuż) fit-test Ingliż għal “libertà li jintalab ħlas” għandu jfisser “l-assenza ta’ tariffa”.

( 56 )   Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill għall-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għal tagħrif dwar l-ambjent u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, 11878/1/2001 – C5-0034/2002 – 2000/0169(COD); Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit‑30 ta’ Mejju 2002 sabiex tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/…/KE dwar l-aċċess pubbliku għal tagħrif dwar l-ambjent u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE.

( 57 )   Opinjoni tal-Kummissjoni skont il-punt (ċ) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE, dwar l-emendi tal-Parlament Ewropew għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għal tagħrif dwar l-ambjent li temenda l-proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE, COM/2002/498 finali.

( 58 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Caronna (C‑7/11, EU:C:2012:396, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa rifless ukoll fil-“Gwida prattika komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal persuni involuti fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-Komunità” 2013, Linja gwida 10.

( 59 )   Ara l-punti 51 u 52 iktar ’il fuq.

( 60 )   Infakkar li huwa paċifiku li, fil-kawżi prinċipali, l-awtorità pubblika ma kinitx qed taġixxi fuq bażi kummerċjali meta tipprovdi l-informazzjoni (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Għall-finijiet ta’ dan il-każ, ma narax li hemm bżonn li nelabora fuq il-parti tal-premessa 18 li tirrigwarda d-disponibbiltà tat-tagħrif dwar l-ambjent fuq bażi kummerċjali.

( 61 )   Ara s-sentenza Associated Provincial Picture Houses Ltd vs Wednesbury Corporation, [1948] 1 KB 223, [1947] EWCA Civ 1. L-ambitu ta’ stħarriġ ġudizzjarju huwa suġġett kumpless. Għal eżami ddettaljat, ara, pereżempju, M. Supperstone, J. Goudie, P. Walker, P. u H, Fenwick, Judicial Review, il-Ħames Edizzjoni (Butterworths Law, 2014), u M. Fordham, Judicial Review, is-Sitt Edizzjoni (Hart Publishing, 2012).

( 62 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Fish Legal u Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Deutsche Umwelthilfe (C‑515/11, EU:C:2013:523, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 )   Ara l-punti 58 sa 74 iktar ’il fuq.

( 67 )   Ara l-punt 76 iktar ’il fuq.

( 68 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punti 2325).

( 69 )   Ara wkoll, pereżempju, il-Gwida ta’ Implementazzjoni, p. 15.

( 70 )   Dwar id-dmir li d-dritt nazzjonali jiġi applikat u interpretat skont id-dritt tal-Unjoni, ara, pereżempju, is-sentenzi Ryanair (C‑30/14, EU:C:2015:10, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).