KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-23 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑69/14

Dragoș Constantin Târșia

vs

Statul român

Serviciul public comunitar regim permise de conducere si inmatriculare a autovehiculelor

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul, Sibiu (ir-Rumanija)]

“Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti stħarriġ ta’ deċiżjonijiet definittivi (ġudizzjarji) bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meħuda fid-dritt ta’ proċeduri amministrattivi iżda mhux fi proċeduri ċivili — Talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni finali meħuda fir-rigward ta’ taxxa ta’ tniġġis fuq vetturi bil-mutur fi proċeduri ċivili — Res judicata — Prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

I – Introduzzjoni

1.

Fl-2007 ir-rikorrent beda proċeduri quddiem qorti ċivili Rumena biex jirkupra taxxa speċjali fuq vetturi bil-mutur li kien ħallas għal karozza importata minn Stat Membru ieħor. Il-ħlas kien dovut minħabba li r-reġistrazzjoni fir-Rumanija mill-awtorità governattiva rilevanti kienet tiddependi mill-produzzjoni ta’ prova tal-ħlas tat-taxxa speċjali fuq vetturi bil-mutur. Iktar tard, f’April 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Tatu li l-Artikolu 110 TFUE kien jipprekludi lir-Rumanija milli tiġbor taxxa ta’ tniġġis fuq vetturi bil-mutur mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom f’dak l-Istat Membru jekk it-taxxa kienet imposta b’mod li kienet tiskuraġġixxi t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fir-Rumanija ta’ vetturi bil-mutur użati mixtrija fi Stati Membri oħra, mingħajr ma tiskuraġġixxi x-xiri ta’ vetturi użati tal-istess għadd ta’ snin u kundizzjoni fis-suq domestiku ( 2 ).

2.

Qabel id-deċiżjoni f’Tatu, it-talba tar-rikorrent dwar l-irkupru tal-parti tat-taxxa speċjali li tikkorrispondi għat-taxxa ta’ tniġġis kienet ġiet miċħuda b’sentenza ċivili li kienet saret finali skont id-dritt Rumen. Għalhekk ir-rikorrent jargumenta li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li huwa jingħata l-opportunità li jirkupra t-taxxa, l-iktar minħabba li l-leġiżlazzjoni Rumena tagħmel eċċezzjoni għal res judicata għal sentenzi li jisfaw inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, iżda biss għal sentenzi mogħtija fi proċeduri amministrattivi.

3.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imposti miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, u ammonti mħallsa lill-Istat jew miżmuma minnu direttament relatati ma’ dik it-taxxa, għandhom jitħallsu lura, flimkien mal-interessi, sabiex is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma nġabar l-ammont tiġi rriprestinata ( 3 ). Madankollu, fl-istess waqt il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ res judicata, li huwa mnaqqax fis-sistemi legali tal-Istati Membri kollha, u fid-dritt tal-Unjoni nnifsu ( 4 ), japplika għal sentenzi ta’ qrati nazzjonali li jkunu saru finali, anki jekk ikunu jidhru li jkunu inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni ( 5 ). Dan ifisser li, f’xi ċirkustanzi, rifużjoni ta’ imposti bħal dawn tista’ (legalment) tiġi miċħuda.

4.

Madankollu, minħabba l-limitazzjonijiet li d-dritt tal-Unjoni jqiegħed fuq l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ res judicata, billi jippermetti li sentenzi finali jerġgħu jinfetħu f’ċerti ċirkustanzi, allura dan il-passaġġ eċċezzjonali għandu wkoll ikun miftuħ meta s-sentenza finali inkwistjoni tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 6 ).

5.

Dan il-każ, għalhekk, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar ir-relazzjoni bejn res judicata u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar partikolari, huwa għandu jitqies fid-dawl tal-prinċipju ta’ koperazzjoni leali tal-Artikolu 4(3) TUE, ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri d-dritt għal rimedju effettiv tal-Artikolu 47, u l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi kif iggarantita mill-Karta fl-Artikolu 20, flimkien mal-bażijiet konvenzjonali li fuqhom regoli dwar res judicata kienu kkontestati għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 7 ).

I – Il-kuntest ġuridiku

6.

L-Artikolu 148 tal-Kostituzzjoni Rumena ( 8 ) jirrikonoxxi s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u jobbliga lill-Parlament, lill-President tar-Rumanija, lill-Gvern u lill-ġudikatura sabiex jiggarantuha.

7.

L-Artikolu 322 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumena ( 9 ) jgħid kif ġej:

“Ir-reviżjoni ta’ sentenza li tkun saret finali wara appell jew għax ma jkun sar ebda appell, u sentenza dwar il-mertu mill-qorti tal-appell, tista’ tintalab fil-każijiet li ġejjin:

[…]

9

jekk il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tkun sabet ksur ta’ drittijiet jew ta’ libertajiet fundamentali minħabba deċiżjoni ġudizzjarja u l-konsegwenzi gravi ta’ dak il-ksur jissoktaw jippersistu, u jista’ jkollhom rimedju biss b’reviżjoni tas-sentenza;

10

jekk, wara li sentenza ssir finali, il-Curtea Constituțională (Qorti Kostituzzjonali) tiddeċiedi dwar it-talba [ta’ antikostituzzjonalità] magħmula fil-kawża, billi tiddikjara l-liġi bħala antikostituzzjonali, id-digriet jew dispożizzjoni speċifika tal-liġi jew digriet li jkunu s-suġġett tat-talba jew dispożizzjonijiet oħra tal-miżuri kkontestati, li b’mod ċar ma jkunux jistgħu jiġu sseparati mid-dispożizzjonijiet msemmija fir-rinviju lill-Curtea Constituțională.”

8.

L-Artikolu 21(1) tal-Liġi Nru 554/2004 dwar proċeduri amministrattivi ( 10 ) jgħid li “l-forom ta’ azzjoni pprovduti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistgħu jkunu eżerċitati kontra deċiżjonijiet irrevokabbli u definittivi meħuda minn organi ta’ proċeduri amministrattivi.”

9.

L-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ( 11 ) jipprovdi li “barra minn dak ipprovdut mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sentenzi li jkunu saru finali u vinkolanti u li jiksru s-supremazija tad-dritt Komunitarju rregolata mill-Artikolu 148(2) moqri flimkien mal-Artikolu 20(2) tal-Kostituzzjoni Rumena, kif emendata, għandhom jikkostitwixxu motivi għal reviżjoni.”

10.

Skont l-Artikolu 175(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali Rumena ( 12 ), tista’ titressaq oġġezzjoni kontra kull talba dwar taxxa u wkoll kontra l-atti amministrattivi fiskali kollha. Oġġezzjoni bħal din li hija mezz ta’ appell amministrattiv intern ma tipprekludix lil dawk li jġarrbu ħsara minn att amministrattiv fiskali, jew minħabba l-assenza ta’ tali att, milli jirrikorru għal proċeduri ġudizzjarji skont il-liġi. Deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti minħabba oġġezzjoni għal talba dwar taxxa tista’, skont l-Artikolu 188(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, tiġi kkontestata quddiem organu kompetenti ta’ proċeduri amministrattivi.

11.

L-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului (iktar ’il quddiem l-“OUG”) Nru 50/2008 introduċiet taxxa (msejħa “taxxa ta’ tniġġis”) fuq vetturi bil-mutur fil-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3 ( 13 ).

II – Il-fatti, il-proċeduri ewlenin, id-domanda preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.

Fit-3 ta’ Mejju 2007 D. C. Târșia, ir-rikorrent fil-proċeduri ewlenin, xtara karozza li qabel kienet irreġistrata fi Franza. Kif imsemmi iktar ’il fuq, ir-reġistrazzjoni fir-Rumanija kienet tiddependi dak iż-żmien mill-produzzjoni ta’ prova tal-ħlas ta’ taxxa speċjali fuq vetturi bil-mutur. Il-vettura bil-mutur kienet irreġistrata fis-6 ta’ Ġunju 2007, wara li r-rikorrent kien ħallas, fil-5 ta’ Ġunju 2007, is-somma ta’ RON 6899.51 bħala taxxa speċjali fuq vetturi.

13.

Ir-rikorrent talab rifużjoni tat-taxxa quddiem qorti ċivili fuq il-bażi li t-taxxa miġbura kienet inkonsistenti mal-Artikolu 90 (KE) [illum l-Artikolu 110 TFUE] minħabba li introduċiet miżura fiskali diskriminatorja ta’ tassazzjoni interna fuq oġġetti mill-Istati Membri l-oħra li kienet wisq ikbar minn taxxi miġbura minn fuq oġġetti simili u mibjugħa fis-suq nazzjonali. B’sentenza ċivili Nru 6553/2007 tat-13 ta’ Diċembru 2007 il-Judecătoria Sibiu (Qorti tal-Ewwel Istanza, Sibiu) laqgħet ir-rikors u ordnat lill-Istat Rumen sabiex jirrifondi t-taxxa.

14.

Madankollu l-Istat Rumen appella minn dik is-sentenza, u rebaħ l-appell b’Deċiżjoni ċivili Nru 401/2008 tat-Tribunalul Sibiu (Qorti Distrettwali, Sibiu), li ordna lill-Istat Rumen sabiex jirrifondi biss parti mit-taxxa miġbura; jiġifieri d-differenza bejn dik imħallsa fil-5 ta’ Ġunju 2007, fir-rigward tat-taxxa speċjali fuq vetturi bil-mutur, u l-ammont li r-riżulta mill-applikazzjoni tal-OUG Nru 50/2008 u t-taxxa ta’ tniġġis tagħha fuq vetturi bil-mutur ( 14 ).

15.

Fid-29 ta’ Settembru 2011 D. C. Târșia talab reviżjoni tad-Deċiżjoni ċivili Nru 401/2008 quddiem it-Tribunalul Sibiu, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2011fil-kawża Tatu,C‑402/09, EU:C:2011:219, imsemmija hawn fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li l-Artikolu 110 TFUE kien irrenda taxxa bħal dik tat-taxxa ta’ tniġġis fuq vetturi bil-mutur introdotta mill-OUG Nru 50/2008 bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. D. C. Târșia argumenta li huwa kien intitolat għall-irkupru tat-taxxi kollha mħallsa minħabba s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Tatu.

16.

Skont id-digriet tar-rinviju ma kienx possibbli, f’dak l-istadju tal-proċeduri, li tiġi kkontestata d-Deċiżjoni ċivili Nru 401/2008 fil-qrati ordinarji. Ma hemmx rimedju proċedurali fil-proċedura ċivili bħall-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 dwar sentenzi finali li jiksru s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. It-Tribunalul Sibiu, għalhekk, qies li huwa kien obbligat jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

“L-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ ċertezza legali stabbilit mid-dritt Komunitarju [tal-Unjoni] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 li jipprovdi għal reviżjoni interna ta’ sentenzi ta’ qrati nazzjonali mogħtija esklużivament fi kwistjonijiet kontenzjużi amministrattivi bi ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju [tal-Unjoni] u li ma jippermettux il-possibbiltà li jirrevedu deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali mogħtija f’kuntesti li ma humiex proċeduri kontenzjużi amministrattivi (ċivili, kriminali) fil-każ ta’ ksur tal-istess prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju [tal-Unjoni] f’dawn is-sentenzi[?]”

17.

Osservazzjonijiet bil-miktub intbagħtu minn D. C. Târșia, mill-Gvernijiet tar-Rumanija u tal-Polonja u mill-Kummissjoni. Huma pparteċipaw ilkoll waqt is-seduta li saret fis-27 ta’ Jannar 2015.

III – Ammissibbiltà

18.

Fl-opinjoni tiegħi, id-domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn din titlob gwida dwar jekk il-preklużjoni tar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali mogħtija fi proċeduri kriminali, meta jkun hemm ksur tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, hijiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 15 ).

19.

Kif innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Polonja, din il-parti tad-domanda hija purament ipotetika, ladarba l-applikazzjoni ta’ res judicata għal sentenzi kriminali ma għandhiex rabta mas-suġġett tal-proċeduri ewlenin. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari mressqa għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-azzjoni ewlenija jew mal-għan tagħha u meta l-problema tkun ipotetika ( 16 ). Ladarba l-kawża prinċipali ma hijiex dwar sentenza mogħtija fi proċeduri kriminali, id-domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn din titlob kjarifika dwar il-kompatibbiltà tad-dritt Rumen fir-rigward ta’ proċedura kriminali mad-dritt tal-Unjoni.

IV – Analiżi

A – Dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-res judicata

20.

Id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li qorti nazzjonali ma tapplikax regoli domestiċi ta’ proċedura li jikkonferixxu finalità lil deċiżjoni anki jekk nuqqas ta’ applikazzjoni bħal dan jgħin lill-qorti nazzjonali sabiex tirrimedja ksur tad-dritt tal-Unjoni mid-deċiżjoni inkwistjoni ( 17 ). Għalhekk, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, rikorrenti huma preklużi milli jistrieħu fuq deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meħuda wara li jkunu skadew il-perijodi ta’ limitazzjoni ta’ Stat Membru sabiex jissewwa nuqqas li seta’ kien ġie kkontestat fil-qafas ta’ żmien xieraq. Skont id-dritt tal-Unjoni r-res judicata tipproteġi n-nuqqas ( 18 ).

21.

Madankollu l-pożizzjoni tinbidel jekk norma tad-dritt ta’ Stat Membru tagħmel eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ res judicata. Jekk tagħmel hekk, allura hija għandha tkun applikabbli għal deċiżjonijiet dwar id-dritt tal-Unjoni li jkunu bħat-talbiet ta’ natura purament domestika li għalihom tkun tapplika l-eċċezzjoni. Barra dan, l-eċċezzjoni tal-Istat Membru għal res judicata ma għandhiex tkun inkwadrata b’mod li tagħmilha impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli għall-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 19 ).

22.

Għalhekk, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li l-eċċezzjonijiet għal res judicata applikati skont id-dritt ta’ Stat Membru jistgħu jkunu suġġetti għal limitazzjonijiet raġonevoli ta’ żmien sabiex jitressqu proċeduri fl-interessi taċ-ċertezza legali. Madankollu, limitazzjonijiet ta’ żmien bħal dawn ma għandhomx ikunu tali li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ( 20 ).

23.

Bil-maqlub, meta tilwima ma tkunx tikkonċerna eċċezzjoni nazzjonali għal res judicata li rikorrent jistrieħ fuqha sabiex jinforza drittijiet tal-Unjoni, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, iżda pjuttost tkun tikkonċerna talba għal interpretazzjoni wiesgħa ta’ regoli ta’ Stat Membru dwar res judicata għall-protezzjoni ta’ sentenzi nazzjonali li jistgħu jkunu inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni, ikun ġust jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iffavorixxiet is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq ir-res judicata ( 21 ).

24.

Qabel ma nkompli, għandi niġbed l-attenzjoni għal żewġ sentenzi oħra prominenti, jiġifieri Kühne & Heitz, C‑453/00, EU:C:2004:17 u Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513. Kühne & Heitz kienet dwar il-kundizzjonijiet li taħthom awtorità amministrattiva kienet obbligata tistħarreġ waħda mid-deċiżjonijiet finali tagħha li kienet f’kunflitt ma’ sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kühne & Heitz, għalhekk, kienet relatata ma’ livell iktar baxx ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet iktar milli mal-problema fil-kawża prinċipali, u kienet tirrigwarda iktar speċifikament il-kwistjoni ta’ jekk awtorità tat-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi kellhiex tistħarreġ deċiżjoni amministrattiva finali minħabba sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra dan, din tista’ tinżamm distinta minn din il-kawża għal motivi simili għal dawk invokati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Kapferer ( 22 ).

25.

Id-deċiżjoni f’Köbler kienet dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jikkumpensaw danni kkawżati mill-ogħla qorti fil-ġerarkija ġudizzjarja nazzjonali, f’dak il-każ l-Awstrija, minħabba li d-deċiżjoni kkonċernata kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, Köbler hija relatata biss ma’ sitwazzjoni li tista’ tinqala’ wara l-kawża prinċipali; jiġifieri azzjoni għal danni eventwali kontra l-Istat Rumen mir-rikorrent, jekk l-irkupru tat-taxxa ta’ tniġġis jirriżulta li jkun impossibbli ( 23 ).

26.

Kif wieħed jista’ jara mill-analiżi ta’ hawn fuq, ma hemmx deċiżjoni preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza sitwazzjoni identika għal dik li għandu quddiemu D. C. Târșia. Filwaqt li l-kwistjonijiet legali li jinqalgħu fil-proċeduri ewlenin jeħtiġilhom jinħallu fl-isfond tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-res judicata, huma jeħtiġilhom jitqiesu primarjament b’riferiment għal prinċipji tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv. Huma dawn il-kwistjonijiet li jiena issa se nittratta.

B – Analiżi tar-regoli nazzjonali kkontestati għall-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni

1. Id-dritt proċedurali Rumen jgħin għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet inkwistjoni li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni?

27.

Niftakar li, f’dan il-każ, id-dritt Rumen jipprovdi mezz speċifiku sabiex jiġu skartati sentenzi finali li, abbażi ta’ ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li huwa inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dan il-mezz huwa limitata għal sentenzi mogħtija fi proċeduri amministrattivi. Ma jistax jintuża sabiex jinqalbu sentenzi mogħtija fi proċeduri ċivili. U dan huwa hekk, minkejja li d-dritt Rumen jipprovdi wkoll li sentenzi ċivili li sussegwentement jinstabu li jiksru d-dritt kostituzzjonali Rumen, minħabba deċiżjoni (sussegwenti) tal-Qorti Kostituzzjonali Rumena, jistgħu wkoll jiġu annullati.

28.

Qabelxejn, huwa importanti li wieħed jiftakar fil-limiti esterni tad-dmir ta’ koperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE li huwa obbligu tal-Istati Membri, inklużi l-qrati tagħhom. Dan jeżiġi li huma għandhom “jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati [...] jitwettqu” u sabiex “joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni”. Dan l-obbligu għandu jinqara flimkien mat-tieni subparagrafu tal-tal-Artikolu 19(1) TUE. Dan jipprovdi li “L-Istati għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li, “[f]ir-rigward tar-rimedji li għandhom jiġu previsti mill-Istati Membri […] la t-Trattat FUE u lanqas l-Artikolu 19 TUE ma kienu maħsuba sabiex joħolqu quddiem il-qrati nazzjonali, bl-iskop li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni Ewropea, rimedji għajr dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali.” ( 24 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “[j]kun jista’ jingħad mod ieħor biss jekk mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jirriżulta li ma hemm ebda rimedju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jew inkella jekk l-uniku mod sabiex l-individwi jkollhom aċċess għal qorti jkun billi jiksru l-liġi.” ( 25 ) (Enfasi tiegħi).

30.

Id-dritt għal rimedju effettiv huwa wkoll iggarantit mill-Artikolu 47(1) tal-Karta lil kull min jinkisrulu d-drittijiet tiegħu ggarantiti mill-dritt tal-Unjoni. Ma hemmx dubju li l-awtoritajiet Rumeni kienu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tal-Unjoni, meta l-irkupru tal-parti tat-taxxa speċjali fuq vetturi bil-mutur li tikkorrispondi għat-taxxa ta’ tniġġis ġie miċħud bi ksur tal-Artikolu 110 TFUE. Ir-rabta ratione materiae meħtieġa bejn il-miżuri kkontestati tal-Istat Membru u r-regoli sostantivi tal-Unjoni ( 26 ) neċessarjament teżisti meta Stat Membru jiġbor taxxa bi ksur tad-dritt primarju, u tabilħaqq sekondarju, tal-Unjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tikkonferma li, kull meta individwu jitlob rimedju ġudizzjarju sabiex isewwi ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar l-implementazzjoni tiegħu minn Stat Membru, il-qrati tal-Istat Membru huma marbuta bir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 27 ).

31.

Niftakar li fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar l-irkupru ta’ taxxi nazzjonali miġbura indebitament, hija s-sistema legali domestika ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li għandha tindika l-qrati u t-tribunali li jkollhom ġurisdizzjoni u li tistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw azzjonijiet fid-dritt għall-ħarsien tad-drittijiet li persuni taxxabbli għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri, madankollu, għandhom ir-responsabbiltà sabiex jiżguraw li dawn id-drittijiet ikunu protetti effettivament f’kull każ. Ir-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw azzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ persuni taxxabbli taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inkwadrati b’tali mod li jagħmel l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli ( 28 ).

32.

F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Rumena, u iktar speċifikament il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, jagħtu aċċess għal tribunali amministrattivi u fiskali u għal awli amministrattivi u fiskali ta’ qrati tal-appell skont il-każ ( 29 ), f’sitwazzjonijiet fejn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet tat-taxxa jiġu kkontestati, inklużi talbiet li jikkonċernaw ir-restituzzjoni ta’ taxxi miġbura illegalment ( 30 ). Dawn il-mezzi ta’ rimedju jidhru li japplikaw ukoll f’sitwazzjonijiet li fihom deċiżjonijiet dwar taxxi jiġu kkontestati b’riferiment għad-drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Rumena, prima facie, tiżgura protezzjoni ġudizzjarju effettiva fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet.

33.

Barra dan, bl-Artikolu 21(2) tal-Kodiċi tal-Liġi Nru 544/2004 dwar proċeduri amministrattivi, deċiżjonijiet finali ta’ organi ta’ proċeduri amministrattivi jistgħu jiġu annullati meta jkunu jidhru li jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-kwistjoni speċifika ta’ res judicata, dan imur iktar lil hinn milli huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni ( 31 ).

2. Kwistjonijiet dwar id-dritt tal-Unjoni li jinqalgħu minħabba nuqqas ta’ ċarezza fil-liġi proċedurali Rumena rilevanti

34.

Madankollu, kif diġà nnotajt, ir-regoli proċedurali nazzjonali kollha li huma rilevanti għall-inforzar tad-dritt tal-Unjoni, inklużi eċċezzjonijiet għal res judicata, għandhom ikunu konformi mad-dritt ta’ rimedju effettiv, u mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Id-diffikultà tinqala’, f’dan il-każ, fir-rigward tan-nuqqas ta’ ċarezza li dehret li kienet inerenti fid-dritt proċedurali Rumen fiż-żmien rilevanti meta kienu istitwiti għall-ewwel darba proċeduri minn D. C. Târșia sabiex huwa jirkupra t-taxxa speċjali fuq vetturi f’Ġunju 2007 quddiem qorti ċivili ( 32 ).

35.

Fl-opinjoni tiegħi, jista’ jiġi argumentat li n-nuqqas ta’ ċarezza fid-dritt proċedurali Rumen kien inkonsistenti mal-Artikolu 47 tal-Karta, mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni taċ-ċertezza legali, u li dan seta’ għamel l-irkupru tat-taxxa ta’ tniġġis fuq il-karozza li kienet inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li jiġi inforzat.

36.

Ta’ min jiftakar li d-deċiżjoni ġudizzjarja li kienet tifforma ostakolu għar-restituzzjoni tat-taxxa ta’ tniġġis, u li kienet ittieħdet qabel id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219) kienet ingħatat minn qorti ta’ appell ċivili (Tribunalul Sibiu) fi proċedura ċivili bħala riżultat ta’ appell tal-Istat Rumen kontra s-sentenza ċivili tal-ewwel istanza mogħtija mill-Judecătoria Sibiu. Il-proċeduri ewlenin qed iseħħu wkoll fl-istess qorti ta’ appell ċivili, jiġifieri t-Tribunalul Sibiu.

37.

Il-Kummissjoni tinnota fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li azzjonijiet bħal dawn tqajmu fir-Rumanija kemm quddiem qrati amministrattivi kif ukoll quddiem qrati ċivili. Minħabba dan, huwa sorprendenti li, waqt is-seduta, il-gvern Rumen sostna li qrati ċivili kienu assolutament inkompetenti sabiex jisimgħu kawżi bħal dawn, u kull qorti ċivili Rumena li tagħmel hekk ikollha s-setgħa jew anki l-obbligu li tqajjem il-kwistjoni tal-kompetenza tagħha ex officio.

38.

Għalhekk, kien hemm b’mod ċar ċertu konfużjoni dwar il-proċedura ġudizzjarja korretta applikabbli għall-irkupru tat-taxxa inkwistjoni f’dan il-każ ( 33 ). Hi x’inhi l-proċedura korretta llum, jibqa’ l-fatt li s-sentenza ċivili (Rumena) finali (id-deċiżjoni Nru 401/2008 tat-Tribunalul Sibiu) li ċaħdet l-irkupru tal-parti tat-taxxa speċjali fuq vettura bil-mutur, li tikkorrispondi għat-taxxa ta’ tniġġis, hija res judicata. Dan hu li ħoloq din il-problema legali.

39.

Hemm lok għal dubju, għalhekk, li dwaru qrati Rumeni għandhom (jew kellhom) is-setgħa jisimgħu talbiet għal irkupru ta’ taxxa ta’ tniġġis fuq karozzi miġbura illegalment fiż-żmien rilevanti. Nikkonkludi li d-dritt Rumen ma kienx ċar f’dan ir-rigward. Hemmhekk tinsab il-problema, partikolarment fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta.

3. L-Artikolu 47 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv

40.

L-Artikolu 47(1) tal-Karta jgħid li kull persuna li jkollha d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu ( 34 ). Skont l-ispjegazzjonijiet li hemm mal-Artikolu 47, l-ewwel punt jinkludi d-dritt għal rimedju effettiv u huwa bbażat fuq il-protezzjoni, iżda jmur lil hinn minnha, li hija mogħtija skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) ( 35 ). Ninnota wkoll li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn id-drittijiet li hemm fiha jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-KEDB, għalkemm l-Unjoni ma hijiex miżmuma milli tipprovdi protezzjoni iktar estensiva.

41.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) KEDB, sistemi ta’ stħarriġ ġudizzjarju għandhom ikunu “biżżejjed koerenti u ċari” sabiex jagħtu “dritt ta’ aċċess prattiku, effettiv” għal qorti ( 36 ). Jekk ir-regoli jkunu ta’ “kumplessità tali” li joħolqu “inċertezza legali”, allura jkun hemm ksur tal-Artikolu 6(1) ( 37 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irriteniet ukoll li rimedji ġudizzjarji għandhom ikunu “biżżejjed attenwati b’salvagwardji sabiex ikun evitat li l-proċeduri għall-użu ta’ rimedji disponibbli ma jinftehmux ħażin.” ( 38 ) Barra dan, rekwiżit proċedurali li ma jiġix interpretat b’mod raġonevoli jista’ jġib miegħu ksur ta’ dritt ta’ aċċess għal qorti ( 39 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dan l-aħħar tenniet li “l-awtoritajiet għandhom josservaw u japplikaw leġiżlazzjoni domestika b’mod prevedibbli u konsistenti” u “l-elementi preskritti għandhom ikunu żviluppati u trasparenti biżżejjed fil-prattika sabiex jipprovdu ċertezza legali u proċedurali.” ( 40 ) Regoli proċedurali għandhom iservu l-għanijiet taċ-ċertezza legali u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dawn ma għandhomx “jifformaw xorta ta’ barriera li ma tħallix lil-litigant milli jkollu l-kawża tiegħu jew tagħha maqtugħa fil-mertu mill-qorti kompetenti” ( 41 ).

42.

Barra dan, għandu jiġi mfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]ċ-ċertezza legali tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni li tinvolvi konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta’ individwi tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha.” (Enfasi tiegħi.) ( 42 )

43.

Fl-opinjoni tiegħi, u fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-proċedura ġudizzjarja korretta applikabbli għall-irkupru ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jwassal għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, kemm f’termini tad-dritt għal rimedju effettiv, kif ukoll għal aċċess għall-ġustizzja. Dan ikun iktar il-każ jekk deċiżjoni mogħtija minn qorti ċivili assolutament mhux kompetenti tkun tista’ toħloq res judicata, jiġifieri li tipprekludi li titressaq azzjoni ulterjuri għal irkupru quddiem il-qorti kompetenti, kemm jekk dik tkun qorti ċivili jew qorti amministrattiva. Fl-opinjoni tiegħi, hija l-qorti tar-rinviju nazzjonali f’din il-kawża li għandha tagħmel l-analiżi tad-dritt proċedurali Rumen kollu kemm hu f’termini ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-irkupru ta’ taxxi ta’ tniġġis imħallsa indebitament fuq vetturi bil-mutur ( 43 ).

4. Il-liġijiet proċedurali Rumeni rilevanti jagħmlu l-irkupru tat-taxxa ta’ tniġġis impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli?

44.

Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement irriteniet li “kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-partijiet f’kawża tad-drittijiet li [jinsiltu] mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura” ( 44 ).

45.

Hawnhekk, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi nnotat li jidher li l-qorti nazzjonali u l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet qed jassumu li l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 ma jistax jiġi applikat fi proċeduri ċivili. Jidhirli li dan huwa loġiku, sakemm id-dritt proċedurali Rumen jagħmel distinzjoni netta bejn forom differenti ta’ proċeduri ġudizzjarji. F’każ bħal dan, ma jkunx hemm skop għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 554/2004 b’mod li jgħin l-applikazzjoni tagħha minn qrati ċivili f’tilwimiet li jkunu ratione materiae tax-xorta tad-dritt amministrattiv jew fiskali. Madankollu, kieku kien jeżisti tali marġni, allura l-qorti tar-rinviju nazzjonali kienet tkun obbligata tinterpreta r-regoli nazzjonali rilevanti b’tali mod li dawn jikkontribwixxu sabiex tinkiseb il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ( 45 ).

46.

Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju nazzjonali li tagħmel l-analiżi ta’ jekk ir-regoli Rumeni inkwistjoni jagħmlux l-irkupru tat-taxxa ta’ tniġġis miġbura b’mod inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli sabiex ikun inforzat. Huwa suffiċjenti li jiġi nnotat, madankollu, li jidher li l-konfużjoni dwar jekk wieħed setax jirrikorri għal rimedji ċivili jew amministrattivi għall-irkupru tat-taxxa ta’ tniġġis fuq karozzi kellha dak l-effett.

5. Il-prinċipji tal-ekwivalenza u tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi

47.

D. C. Târșia jikkontendi li l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004 għal res judicata minn proċeduri ċivili tkun inkompatibbli kemm mal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, kif riflessa fl-Artikolu 20 tal-Karta, kif ukoll mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

48.

Il-konformità mal-prinċipju ta’ ekwivalenza teżiġi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tkun tapplika mingħajr distinzjoni għal azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom skop u kawżalità simili ( 46 ).

49.

Kif naħsibha jiena, dan ifisser li d-dritt tal-Unjoni ma jkollu ebda oġġezzjoni, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għad-dritt Rumen li jipprovdi eċċezzjoni għal res judicata fi proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni, u mhux fi proċeduri ċivili li jikkonċernaw l-istess suġġett. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi trattament ugwali bejn talbiet paragunabbli bbażati fuq id-dritt nazzjonali, min-naħa l-waħda, u fuq id-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, mhux ekwivalenza bejn forom differenti ta’ proċedura skont id-dritt nazzjonali ( 47 ).

50.

F’kull każ, motivi mhux identiċi għal devjazzjoni mill-prinċipju ta’ res judicata jkunu raġonevoli fil-każ ta’ sentenzi ċivili, kriminali u amministrattivi finali ( 48 ). L-effett ta’ dawn is-sentenzi huwa differenti, u hekk huwa wkoll it-tħassib dwar politika legali rilevanti għal definizzjoni ta’ eċċezzjonijiet (jekk ikun hemm) għal res judicata. Fil-każ ta’ sentenzi ċivili, iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà ta’ relazzjonijiet legali kkonfermati minn sentenza li tkun saret finali huma tal-ikbar importanza. B’kuntrast, il-kundizzjonijiet għal reviżjoni ta’ sentenza kriminali fl-interess ta’ persuna kkundannata ħażin ma għandhomx ikunu ħorox iżżejjed. Fid-dritt amministrattiv, l-interess għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ individwi u l-prinċipju tal-interessi tal-legalità jistgħu jiġġustifikaw pożizzjoni iktar flessibbli għal reviżjoni ta’ sentenzi finali milli fil-każ ta’ sentenzi ċivili.

51.

Għalhekk, is-suġġeriment ta’ D. C. Târșia li ż-żamma tal-eċċezzjoni għal res judicata biss għal proċeduri amministrattivi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni hija inkompatibbli mal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi hija infondata. Niftakar li jista’ jkun hemm trattament inugwali f’għajnejn il-liġi biss jekk is-sitwazzjonijiet rilevanti jkunu paragunabbli ( 49 ). Dan ma huwiex il-każ sa fejn għandhom x’jaqsmu l-motivi sabiex jiġu annullati sentenzi ċivili u amministrattivi finali. F’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel dispożizzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni sabiex tiġi annullata deċiżjoni finali skont id-dritt amministrattiv bi ħsara għal awtorità ta’ Stat Membru, iżda jista’, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ma jkunx sewwa li tiġi annullata sentenza ċivili finali li tiddetermina relazzjoni skont id-dritt privat bejn żewġ individwi. Għalhekk, bħala soluzzjoni leġiżlattiva tax-xorta li hemm fir-Rumanija, il-fatt li jkun hemm din il-possibbiltà fi proċeduri amministrattivi iżda din tkun eskluża fi proċeduri ċivili, ma jmurx bħala tali kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi.

52.

Madankollu, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi hija regola differenti mill-prinċipju ta’ ekwivalenza. Kif innotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, jekk id-dritt Rumen jipprovdi wkoll eċċezzjoni għal res judicata fid-dawl ta’ ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali li tikkontesta l-korrettezza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji preċedenti (u li taqsam il-ġurisdizzjonijiet domestiċi kollha) ( 50 ), allura l-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ verament jiddetta li l-istess għandu jiġi applikat għal deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt tal-Unjoni ( 51 ).

53.

Filwaqt li nammetti li dan jista’ jwassal id-diskussjoni sabiex toħroġ mill-ambitu tat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 52 ), fl-opinjoni tiegħi, ma jkunx hemm konformità mal-prinċipju ta’ ekwivalenza jekk deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali nazzjonali tista’ twassal għal reviżjoni ta’ sentenza ċivili finali preċedenti, u b’hekk tgħin sabiex ikun jista’ jsir irkupru ta’ taxxa miġbura indebitament fejn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tagħmel dan. F’sitwazzjoni bħal din, drittijiet ibbażati fuq il-kostituzzjoni nazzjonali jgawdu iktar protezzjoni mid-drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni, u b’hekk dawn tal-aħħar ma jgawdux protezzjoni ekwivalenti għal dik li tgawdi din il-kategorija ta’ drittijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali. Nuqqas ta’ simetrija simili tipprevali, skont l-Artikolu 322(9) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumena, fir-rigward tal-effetti ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem meta mqabbla ma’ dawk tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V – Konklużjoni

54.

Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, nipproponi r-risposta li ġejja għad-domanda preliminari mit-Tribunalul Sibiu:

“L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ effettività stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jipprekludux regoli nazzjonali li jippermettu reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali mogħtija fi proċeduri amministrattivi meta jkun hemm ksur tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u li ma jippermettux reviżjoni fuq l-istess bażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali mogħtija fi proċeduri ċivili. Dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkun hemm ċarezza biżżejjed dwar liema tkun il-proċedura korretta sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, u sentenza finali ta’ qorti li jkun missha ex officio stabbilixxiet l-inkompetenza tagħha ma tistax tipprekludi li jintalab rimedju minn qorti kompetenti.

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprekludi regoli nazzjonali li jippermettu reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali meħuda fi proċeduri ċivili minħabba sentenza sussegwenti tal-Qorti Kostituzzjonali nazzjonali jew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iżda li ma jippermettux dan fir-rigward ta’ sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Sentenza Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219.

( 3 )   Ara s-sentenza Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punti 46 u 50. Ara wkoll is-sentenza Nicula (C‑331/13, EU:C:2014:2285), il-punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 4 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li r-res judicata tapplika għad-deċiżjonijiet tagħha stess. Ara pereżempju s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑526/08, EU:C:2010:379), il-punt 26 u 27; u s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2011:191), il-punt 123.

( 5 )   Ara partikolarment is-sentenza Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067); is-sentenza Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506); is-sentenza Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78); is-sentenza Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434); is-sentenza i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, EU:C:2006:586); is-sentenza Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178); is-sentenza Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17). Dwar ir-res judicata u proċeduri arbitrali ara s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269); is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615). Ara wkoll id-diskussjoni dwar ir-rilevanza tar-res judicata għall-iżvilupp ta’ regoli dwar danni minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni minn awtoritajiet ġudizzjarji li seħħ fis-sentenza Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513).

( 6 )   Pereżempju s-sentenza Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178) il-punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; u s-sentenza Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067), il-punt 62.

( 7 )   Ara l-iktar reċenti s-sentenza Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067).

( 8 )   Il-Kostituzzjoni tal-21 ta’ Novembru 1991, immodifikata u kkompletata mil-Liġi Nru 429/2003, ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României Nru 767 tal-31 ta’ Ottubru 2003.

( 9 )   Codul de procedură civilă ippromulgat bid-Digriet tad-9 ta’ Settembru 1869, ippubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti 1, Nru 45 tal-24 ta’ Frar 1948, kif emendat u kkompletat, fis-seħħ sal-15 ta’ Frar 2013.

( 10 )   Legea contenciosului amministrattiva Nru 554 tat-2 ta’ Diċembru 2004, ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României Nru 1154 tas-7 ta’ Diċembru 2004, kif emendata u kkompletata.

( 11 )   Adottata bl-Artikolu 1(30) tal-Liġi Nru 262/2007, ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României Nru 510 tat-30 ta’ Lulju 2007, u rrevokata bil-Liġi Nru 299/2011, ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României Nru 916 tat-22 Diċembru 2011. B’sentenza Nru 1039/2012 tal-Curtea Constituțională din l-aħħar liġi kienet iddikjarata antikostituzzjonali.

( 12 )   Adottata bid-Digriet tal-Gvern Nru 92 tal-24 ta’ Diċembru 2003. Kienet ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României Nru 513 tal-31 ta’ Lulju 2007, immodifikata u iktar tard ikkompletata.

( 13 )   L-Artikolu 3 tal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 50/2008 li tintroduċi taxxa ta’ tniġġis fuq vetturi bil-mutur (Ordonanţă de urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule) tal-21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, Partea I, No 327, 25 April 2008; “OUG No 50/2008”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, tintroduċi taxxa ta’ tniġġis fuq vetturi bil-mutur fil-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3. Il-Kategorija “M” tinkludi “vetturi bil-mutur b’ta’ l-inqas erba’ roti, mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ passiġġieri”. Il-Kategorija “N” tikkomprendi “vetturi bil-mutur b’ta’ l-inqas erba’ roti, mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ prodotti”. Ara wkoll l-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, p. 1).

( 14 )   Skont silta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Rumanija, li ma ġietx ikkontestata minn D. C. Tarsia, fit-13 ta’ Ġunju 2008 huwa ppreżenta rikors straordinarju għall-annullament tad-Deċiżjoni ċivili Nru 401/2008, imma dan kien irtirat fl-24 ta’ Settembru 2008.

( 15 )   Il-qorti nazzjonali tagħmel ukoll riferiment għall-Artikoli 17 (dwar id-Dritt għall-Proprjetà) u 21 (dwar Nondiskriminazzjoni) tal-Karta. Dawn id-dispożizzjonijiet huma relatati biss remotament mal-kwistjonijiet rilevanti, jiġifieri li talba dwar taxxa b’rabta ma’ rkupru ta’ taxxa miġbura indebitament jidher li tikkostitwixxi dritt għall-proprjetà fid-dritt Rumen skont l-Artikolu 21(1) u (4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, u l-illegalità tat-taxxa ta’ tniġġis għandha rabta mad-diskriminazzjoni kontra karozzi użati importati. Madankollu dawn id-dispożizzjonijiet ma jgħinux wisq għall-analiżi legali ta’ dan il-każ, u mhux bi ħsiebni niddiskutihom ulterjorment.

( 16 )   Sentenza Érsekcsanádi Mezőgazdasági (C‑56/13, EU:C:2014:352), punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 )   Sentenza Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178), punt 21. Din ir-regola għandha rabta mill-qrib mal-obbligu ta’ rikorrenti li jfittxu li jinforzaw drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni li jkunu konformi ma’ limitazzjonijiet raġonevoli ta’ żmien sabiex iressqu proċeduri stabbiliti mid-dritt tal-Istati Membri. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet iddeċidiet li kien seħħ ksur tad-dritt tal-Unjoni ġeneralment ma jaffettwax il-punt tat-tluq tal-perijodu ta’ limitazzjoni. Dan l-obbligu jista’ jittaffa biss meta min jonqos ikun skuraġġixxa lir-rikorrent milli jressaq proċeduri fi żmien utli. Ara s-sentenza Iaia et (C‑452/09, EU:C:2011:323), il-punti 17, 18, 21, 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 18 )   Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’Lucchini (EU:C:2006:576), il-punt 46.

( 19 )   Sentenza Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178), punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata; u s-sentenza Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067), punt 62.

( 20 )   Sentenza Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78), punti 5859. Ara b’mod simili s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269) u s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615).

( 21 )   Ara s-sentenzi Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067); is-sentenza Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506); u Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434). Pereżempju, f’Lucchini, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet fil-punt 62 li “l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ l-għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt il-kontroll tal-qorti Komunitarja. Din ir-regola tinsab fis-sistema ġuridika interna bħala konsegwenza tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju”. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat fil-punt 61 tas-sentenza Impresa Pizzarotti li Lucchini kienet tirrigwarda “sitwazzjoni tassew partikolari li fiha kienu kkontestati prinċipji li jirregolaw it-tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat”.

( 22 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza Kapferer (EU:C:2006:178), fil-punt 23, li “[k]emm-il darba l-prinċipji li jemanaw minn [Kühne & Heitz] jistgħu jiġu trasposti f’kuntest li, bħal dak fil-kawża prinċipali, għandu x’jaqsam ma’ deċiżjoni ġudizzjarja li għaddiet f’ġudikat, għandu jiġi mfakkar li din l-istess sentenza tissuġġetta l-obbligu tal-korp ikkonċernat, skond l-Artikolu 10 KE, li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni definittiva li tidher li tkun ġiet adottata bi ksur tad-dritt Komunitarju, għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-imsemmi korp ikollu, skond id-dritt nazzjonali, is-setgħa li jerġa jmur lura fuq id-deċiżjoni (ara l-punti 26 u 28 ta’ l-imsemmija sentenza). F’din il-kawża, biżżejjed jingħad li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq mhijiex sodisfatta.”

( 23 )   Ikun utli jissemmew hawnhekk żewġ eżempji mill-ġurisprudenza Finlandiża. Il-Qorti Amministrattiva Suprema ddeċidiet fl-2013 li azzjonijiet għall-irkupru tal-VAT miġbura minn taxxa fuq vetturi bil-mutur, f’kunflitt mal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fi Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-10/08, EU:C:2009:171), ma setgħux jitressqu wara li l-limitazzjoni taż-żmien ta’ ħames snin applikabbli f’materji ta’ taxxa b’mod ġenerali tkun skadiet (ara KHO 2013:199). B’kuntrast, il-Qorti Suprema kkunsidrat li tassazzjoni bħal din stabbilixxiet ir-responsabbiltà tal-Istat għal danni skont il-linja tal-ġurisprudenza ta’ Francovich. (Ara KKO 2013:58).

( 24 )   Sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625) punt 103, li tiċċita s-sentenza Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 40.

( 25 )   Sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill (EU:C:2013:625), punt 104.

( 26 )   Sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), punt 24.

( 27 )   Sentenza DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811).

( 28 )   Sentenza Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation (C‑362/12, EU:C:2013:834), punti 3132.

( 29 )   It-tqassim tal-kompetenzi bejn tribunali amministrattivi u fiskali u awli amministrattivi u fiskali ta’ qrati tal-appell li jaqtgħu kawżi fl-ewwel istanza huwa stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 554/2004 dwar proċeduri amministrattivi.

( 30 )   L-Artikoli 21(4), 113, 175 u 188 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

( 31 )   Ara l-punt 20, iktar ’il fuq.

( 32 )   Il-fajls tal-kawża ma jindikawx id-data li fiha kienu istitwiti l-proċeduri.

( 33 )   Waqt is-seduta, D, C. Târșia sostna li l-inċertezza kienet iċċarata minn deċiżjoni tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni Rumena fid-Deċiżjoni 24/2011 qabel ma huwa istitwixxa l-proċeduri għat-tieni darba fejn fittex li jistrieħ fuq l-eċċezzjoni ta’ res judicata, iżda wara l-azzjoni inizjali miġjuba abbażi tal-ħlas tat-taxxa speċjali fuq vetturi bil-mutur.

( 34 )   L-Artikolu 47 tal-Karta jżid protezzjoni rimedjali iktar speċifika, bħal rekwiżit li s-smigħ ikun ġust, pubbliku, isir fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, li d-drittijiet tad-difiża jkunu osservati, u li jkun hemm għajnuna legali.

( 35 )   L-ispjegazzjonijiet ikomplu jgħidu li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, li jinkludi, inter alia, li s-smigħ ikun ġust, jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) KEDB.

( 36 )   De Geouffre de la Pradelle vs Franza, 16 ta’ Diċembru 1992, § 35, Serje A Nru 253-B.

( 37 )   Ibid, punt 33. Ara wkoll Maširević vs Is-Serbja, Nru 30671/08, § 48, 11 ta’ Frar 2014.

( 38 )   Bellet vs Franza, 4 ta’ Diċembru 1995, § 37, Serje A Nru 333-B.

( 39 )   Běleš et vs Ir-Repubblika Ċeka, Nru 47273/99, §§ 50 u 51, ECHR 2002-IX. Omerović vs Il-Kroazja (Nru 2), Nru 22980/09, § 39, 5 ta’ Diċembru 2013, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “interpretazzjoni partikolarment stretta ta’ regola proċedurali tista’ ċċaħħad rikorrent mid-dritt ta’ aċċess għal qorti”.

( 40 )   Maširević vs Is-Serbja, Nru 30671/08, § 50, 11 ta’ Frar 2014, u l-ġurisprudenza ċċitata. Din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni minn Qorti Suprema ta’ regola proċedurali li wasslet għal inċertezza legali, anki għal prattikanti legali. Ara b’mod partikolari l-punt 51.

( 41 )   Omerović vs Il-Kroazja (Nru 2), Nru 22980/09, § 39, 5 ta’ Diċembru 2013.

( 42 )   Sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512), punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 43 )   Madankollu, niftakar li fil-punt 60 tas-sentenza DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811), il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa suġġett għal limitazzjonijiet raġonevoli. Sentenza DEB (EU:C:2010:811), punt 60.

( 44 )   Sentenza Surgicare - Unidades de Saúde (C‑662/13, EU:C:2015:89) punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 )   Pereżempju s-sentenza Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223), il-punt 54.

( 46 )   Sentenza Surgicare - Unidades de Saúde (C‑662/13, EU:C:2015:89), punt 30.

( 47 )   Sentenza ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), punt 74.

( 48 )   Jidher, skont is-sorsi disponibbli, li kważi l-atti legali nazzjonali kollha fl-Unjoni ma jipprovdux motivi identiċi għal eċċezzjonijiet għal res judicata fi proċeduri ċivili, kriminali u amministrattivi.

( 49 )   Niftakar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li n-natura fundamentali tiegħu hija stabbilita bl-Artikolu 20 tal-Karta, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx ikunu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx ikunu ttrattati bl-istess mod sakemm trattament bħal dan ma jkunx iġġustifikat oġġettivament. Ara s-sentenza Chatzi (C‑149/10, EU:C:2010:534), il-punti 63 u 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 50 )   Niftakar li dan ir-riżultat isegwi mill-Artikolu 322(10) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li huwa bħall-Artikolu 21(1) tal-Liġi Nru 554/2004 applikabbli wkoll fi proċeduri amministrattivi.

( 51 )   Il-Kummissjoni tirreferi hawnhekk għas-sentenza Weber’s Wine World et (C‑147/01, EU:C:2003:533).

( 52 )   Niftakar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fir-risposta tagħha għal domanda preliminari, tqis id-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk ma jkunux issemmew mill-qorti tar-rinviju nazzjonali. Ara pereżempju s-sentenza Efir (C‑19/12, EU:C:2013:148), il-punt 27.