KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑39/14

BVVG Bodenverwertungs- und -verwaltungs GmbH,

Fil-preżenza ta’:

Thomas Erbs

Ursula Erbs

Landkreis Jerichower Land

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Programm ta’ privatizzazzjoni tal-artijiet u bini li jintużaw għal għanijiet agrikoli jew forestali fil-Länder il-ġodda fil-Ġermanja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-kisba ta’ awtorizzazzjoni fuq il-bejgħ ta’ art agrikola — Liġi dwar it-tranżazzjonijiet tal-artijiet (Grundstücksverkehrsgesetz) — Rifjut ta’ awtorizzazzjoni għal kuntratt ta’ bejgħ ta’ art konkluż, wara sejħa għal offerti pubblika, ma’ min għamel l-ogħla offerta — Prezz miftiehem li huwa sproporzjonat ħafna fil-konfront tal-valur fis-suq tal-art — Modalitajiet għad-determinazzjoni tal-valur tal-art — Klassifikazzjoni bħala ‘għajnuna mill-Istat’”

1. 

Fil-kawża preżenti, li tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, domanda ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE fil-kuntest ta’ kawża li ddaħħal inkwistjoni l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ bejgħ tal-artijiet agrikoli u forestali fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-artijiet u bini li qabel kienu proprjetà tal-Istat fil-Länder il-ġodda tal-Ġermanja ( 2 ). Għaldaqstant, din hija prolungament tal-kawża li tat lok għas-sentenza Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe ( 3 ), filwaqt li tqajmu domandi inediti li ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom il-bejgħ tal-artijiet pubbliċi, fid-dawl tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

I – Il-kuntest ġuridiku

2.

Mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Bodenverwertungs- und verwaltungs GmbH (BVVG) ( 4 ) għandha bħala missjoni legali, fost oħrajn, l-implementazzjoni tal-privatizzazzjoni tal-artijiet u l-bini li qabel kienu proprjetà tal-Istat li jintużaw għal għanijiet agrikoli jew forestali fil-Länder ta’ Brandenburg, ta’ Mecklenburg-Vorpommern, ta’ Sachsen, ta’ Sachsen-Anhalt u ta’ Thüringen (Länder ġodda). Il-BVVG, li hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, qed taġixxi, għal dan il-għan, f’isem il-Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben ( 5 ), organu pubbliku federali ddotat b’personalità ġuridika.

3.

Il-bejgħ tal-artijiet agrikoli u forestali fil-Ġermanja huwa suġġett, b’mod ġenerali, għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-tranżazzjonijiet tal-artijiet (Grundstücksverkehrsgesetz) ( 6 ), li hija intiża sabiex tipproteġi l-istruttura agrikola.

4.

L-Artikolu 2(1) tal-GrdstVG jipprovdi:

“It-trasferiment ta’ propjetà ta’ art wara kuntratt u l-att kuntrattwali li jirrigwarda dan il-bejgħ huma suġġetti għal awtorizzazzjoni; [...]”

5.

Madankollu, l-Artikolu 4 tal-GrdstVG jippreċiża li:

“L-awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa jekk

1.   L-Istat Federali jew Land huwa parti f’dan il-bejgħ;

[…]”

6.

L-Artikolu 9 tal-GrdstVG jipprovdi:

“1.   L-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata jew tiġi suġġetta għal obbligazzjonijiet (Artikolu 10) jew għal xi kundizzjonijiet (Artikolu 11) biss jekk iċ-ċirkustanzi juru li

1.

il-bejgħ iwassal għal tqassim mhux xieraq tal-art jew tal-ħamrija, jew

2.

il-bejgħ inaqqas jew iqassam l-art b’mod mhux ekonomiku jew maġġoranza ta’ artijiet li huma territorjalment jew ekonomikament marbuta u li huma proprjetà tal-bejjiegħ, jew

3.

il-korrispettiv ta’ ħlas huwa sproporzjonat ħafna fil-konfront tal-valur tal-art.

2.   Ġeneralment, ikun hemm tqassim inadattat tal-art jew tal-ħamrija, fis-sens tal-punt 1 tal-paragrafu 1, meta l-bejgħ ma jkunx kompatibbli mal-miżuri għat-titjib tal-istrutturi agrikoli.

3.   Ġeneralment, ikun hemm tnaqqis jew tqassim mhux ekonomiku, fis-sens tal-punt 2 tal-paragrafu 1, meta, minħabba tqassim tal-massa ereditarja, kuntratt ta’ trasferiment jew ta’ bejgħ kuntrattwali ieħor:

1.

impriża agrikola awtonoma ma tibqax vijabbli;

2.

art agrikola issir inqas minn ettaru;

[…]

4.   Jekk l-art tinbiegħ għal għanijiet barra dawk agrikoli jew forestali, l-awtorizazzjoni msemmija fil-punt 3 tal-paragrafu 1 ma tistax tiġi rrifjutata.

[…]”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara sejħa għal offerti pubblika fil-kuntest li fih ippreżentaw l-ogħla offerta, il-konjuġi Erbs, permezz tal-kuntratt notarili tal-31 ta’ Marzu 2008, akkwistaw mingħand il-BVVG art agrikola ta’ madwar 2.6 ettari għas-somma ta’ EUR 29,000.

8.

Madankollu, b’deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2008, il-Landkreis Jerichower Land irrifjutat, bħala l-awtorità lokali kompetenti, li tawtorizza l-kuntratt ta’ bejgħ, bl-applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 9(1) tal-GrdstVG ( 7 ), minħabba l-fatt li l-prezz miftiehem kien sproporzjonat ħafna fil-konfront tal-valur tal-art mibjugħa.

9.

Ir-rikors ippreżentat mill-konjuġi Erbs kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie miċħud fl-ewwel istanza u fil-fażi ta’ appell. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Appell qieset li l-prezz miftiehem ta’ EUR 29,000 kien sproporzjonat ħafna fil-konfront tal-valur tal-art mibjugħa, fuq il-bażi ta’ rapport ta’ espert li jindika li l-valur fis-suq agrikolu tal-art kien ta’ EUR 14,168.61, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ imwettaq fil-passat mill-BVVG, u EUR 13,648.19 meta ma jittiħidx inkunsiderazzjoni dan il-bejgħ. Għaldaqstant, hija qieset li l-prezz miftiehem kien jaqbeż iktar minn 50 % ta’ dawn l-ammonti u li bejgħ b’dan il-prezz kien ikollu effetti sfavorevoli fuq l-istrutturi agrikoli, billi ġie ppreċiżat minn naħa, li bidwi li nstema’ bħala xhud iżda li ma kienx ipparteċipa fis-sejħa għal offerti pubblika kien ikun dispost li jakkwista l-art bi prezz li kien ogħla sa 50 % ogħla mill-valur agrikolu fis-suq u, min-naħa l-oħra l-konjuġi Erbs ma humiex bdiewa professjonali.

III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, wara li l-BVVG ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiemha, li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 107(1) TFUE jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-punt 3 tal-Artikolu 9(1) tal-[GrdstVG], li, bil-għan li jittejbu l-istrutturi agrikoli, tipprojbixxi lil entità li tkun estensjoni tal-Istat, bħalma hija BVVG, milli tbiegħ lil min jagħmel l-ogħla offerta, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti pubblika, art agrikola li tkun tinsab għall-bejgħ f’sitwazzjoni fejn l-ogħla offerta tkun ferm sproporzjonata meta mqabbla mal-valur tal-art?”

11.

Il-qorti tar-rinviju toqgħod attenta li tippreċiża li, mill-perspettiva tagħha, din id-domanda tinkludi tliet mistoqsijiet. L-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-bejgħ ta’ art pubblika mill-BVVG bi prezz inqas minn dak stabbilit minn sejħa għal offerti pubblika jwassalx għal vantaġġ minn naħa tax-xerrej jekk il-bejgħ bi prezz stabbilit fis-sejħa għal offerti pubblika huwa pprojbit minn liġi ġenerali li tapplika wkoll fuq il-bejjiegħa privati kollha wkoll. It-tieni nett, jekk jitqies li dan il-vantaġġ jeżisti, tinħoloq il-kwistjoni fejn irid isir magħruf jekk jistax jiġi ġġustifikat mill-għan tal-liġi, jiġifieri t-titjib tal-istrutturi agrikoli. It-tielet nett u fl-aħħar, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut tal-bejgħ bil-prezz stabbilit fis-sejħa għal offerti pubblika huwiex illegali fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, minkejja li jkun għadu ma jikkostitwix għajnuna, iżda minħabba l-effett antiċipat li jipproduċi.

12.

Il-BVVG, il-konjuġi Erbs, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Il-BVVG, il-Landkreis Jerichower Land, il-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta pubblika li nżammet fil-11 ta’ Diċembru 2014.

IV – Sommarju tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

13.

Il-BVVG tikkunsidra, b’mod ġenerali ħafna, li d-domanda preliminari tal-Bundesgerichtshof teħtieġ risposta pożittiva, peress li l-elementi kollha li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat huma kollha ssodisfatti.

14.

Qabel kollox, l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata timplika l-użu tar-riżorsi tal-Istat Federali, sa fejn ir-riżultat tal-privatizzazzjoni tal-artijiet u tal-bini li preċedentement kienu proprjetà tal-Istat jitħallsu lill-baġit Federali. Għaldaqstant, kull rifjut ta’ bejgħ ta’ art bl-ogħla prezz propost fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika jwassal għal telf ta’ dħul tal-Istat Federali kif ukoll jipproduċi l-effet li huwa iktar ġenerali ta’ pressjoni fuq il-prezzijiet. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tiegħu tiffavorixxi lill-bdiewa professjonali li jkollhom l-opportunità li jakkwistaw art li kienet is-suġġett ta’ sejħa għal offerti pubblika bi prezz inqas mill-ammont tal-ogħla offerta.

15.

Dan il-vantaġġ jipproduċi xi modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-valur fis-suq tal-artijiet li fuq il-bażi tagħhom, l-awtoritajiet lokali kompetenti jistgħu jikkonstataw l-eżistenza ta’ sproporzjoni kbira fis-sens tad-dispożizzjoni kkontestata u għaldaqstant sabiex jadottaw deċiżjoni ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni. Il-BVVG tqis li d-determinazzjoni ta’ dan il-valur minn esperti ma tistax tkun simili għall-valur fis-suq ħlief jekk dawn jibbażaw ruħhom fuq ir-riżultati ta’ numru kbir ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi, li ma kienx il-każ f’dan il-każ.

16.

Essenzjalment, il-konjuġi Erbs jikkunsidraw li l-bejgħ tal-art ma wassalx għal tnaqqis jew tqassim mhux profitabbli tal-artijiet u li dan ma affettwax impriża agrikola awtonoma jew il-vijabbiltà ta’ bidwi.

17.

Il-Gvern Ġermaniż iqis li d-domanda preliminari teħtieġ risposta negattiva, sa fejn id-dispożizzjoni kkontestata ma tikkostitwixxix l-għoti ta’ ebda vantaġġ, kemm jekk fil-forma ta’ sussidju jew ta’ tnaqqis ta’ kontribuzzjoni. F’kwalunkwe każ, huwa jikkunsidra li l-ebda impriża partikolari ma jista’ jkollha vantaġġ, peress li l-BVVG ma għandha l-ebda obbligu li tbigħ lill-bidwi li jsir l-akkwirent kandidat. Minkejja li huwa minnu li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni tirriżulta f’effett restrittiv fil-konfront tal-BVVG u l-konjuġi Erbs, bil-kontra, hija ma tinkludi l-ebda effett vantaġġuż.

18.

Fl-aħħar, billi tfakkar li, bħala prinċipju, ma hijiex qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ għajnuna eventwali, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi tikkonċentra l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eżami tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, u billi ssostni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina mill-ġdid il-punt sabiex isir magħruf jekk kienx hemm, fil-kawża preżenti, intervenzjoni permezz tar-riżorsi tal-Istat.

V – Osservazzjonijiet preliminari

19.

L-eżami tad-domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju teħtieġ serje ta’ osservazzjonijiet preliminari. Qabel kollox, ser neżamina l-portata tad-domanda preliminari mressqa, li ser iwassalni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja riformulazzjoni ta’ din tal-aħħar. Wara, ser nipprova nesponi r-raġunijiet li minħabba fihom, liġi fuq it-tranżazzjonijiet tal-artijiet bħall-GrdstVG, li għandha applikazzjoni ġenerali anki territorjalment, tista’, u f’dan il-każ għandha, tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat. Fid-dawl ta’ dan, jien ser nippreżenta l-kontenut tad-dispożizzjoni kkontestata. Fl-aħħar, ser niddiskuti l-oġġezzjoni tal-prinċipju mqajjem mill-Gvern Ġermaniż li jipprovdi li d-dispożizzjoni kkontestata ma tistax taqa’ taħt il- klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat minħabba nuqqas ta’ kwalunkwe vantaġġ effettiv mogħti lil impriża.

A – Fuq il-portata tad-domanda preliminari

20.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistieden formalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara ruħha fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 107(1) TFUE, jipprekludix lid-dispożizzjoni kkontestata, jiġifieri jekk il-miżura li hija tipprovdi tikkonsistix f’għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq intern.

21.

Issa, hekk kif fakkret il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas il-qorti tar-rinviju li għandhom jiddikjaraw ruħhom dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni tiddisponi, taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea ( 8 ), minn kompetenza esklużiva f’dan ir-rigward. Konsegwentement, qorti nazzjonali ma tistax, fil-kuntest tar-rinviju preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, tinterroga lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ sistema ta’ għajnuna mill-Istat ( 9 ). Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest tal-proċedura preliminari preżenti, tagħti risposta għat-tieni mistoqsija tal-qorti tar-rinviju.

22.

Madankollu, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompetenti sabiex jiddikjaraw ruħhom dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħal għajnuna mill-Istat u sabiex jaslu għall-konsegwenzi bl-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ( 10 ). B’mod partikolari, għandhom ukoll jassiguraw lill-partijiet f’kawża li l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar frażi tal-Artikolu 108(3) TFUE ser jiġu implementati, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, f’dak li jikkonċerna kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni u kemm l-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ miżuri provviżorji eventwali ( 11 ).

23.

Iktar preċiżament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern ma tostakolax lil qorti nazzjoni milli tistaqsi preliminarjament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna ( 12 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod partikolari, tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, li jistgħu jippermettulha sabiex tistabbilixxi jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ dan id-dritt ( 13 ).

24.

F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, jekk qorti nazzjonali għandha xi dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura, hija tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni għal xi kjarifikazzjonijiet fuq dan il-punt. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Novembru 1995 dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ( 14 ), il-Kummissjoni inkoraġġixxiet b’mod espress lill-qrati nazzjonali sabiex jikkuntattjawha meta jiltaqaw ma’ xi diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE u spjegat in-natura tal-informazzjoni li hija kienet f’pożizzjoni li tipprovdi ( 15 ). F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, abbażi tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE ( 16 ), il-Kummissjoni għandha tirrispondi mill-iktar fis possibbli għat-talbiet tal-qrati nazzjonali ( 17 ).

25.

Konsegwentement, jekk għandu jiġi konkluż li l-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni stabbilit mid-dispożizzjoni kkontestata jista’ jkollu elementi ta’ għajnuna mill-Istat, hija r-responsabbiltà, għaldaqstant, tal-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi sabiex jinnotifikaw dan lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern. Fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tissanzjona l-effett dirett tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, jiġifieri li tiggarantixxi d-drittijiet li l-individwi għandhom abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, billi jopponu r-rifjut tal-awtorizzazzjoni tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ konkluż bejn il-BVVG u l-konjuġi Erbs u l-effetti tiegħu ( 18 ).

26.

Huwa importanti li jitfakkar li, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna de minimis ( 19 ), l-Istati Membri għandhom ukoll jittrażmettu lill-Kummissjoni ( 20 ), sabiex tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tagħha ( 21 ), sommarju ta’ informazzjoni dwar il-miżuri li jistgħu jaqgħu taħt eżenzjoni mill-kategorija, fir-rigward tal-għajnuna mogħtija fil-qasam agrikolu ( 22 ).

27.

Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tifformula mill-ġdid id-domanda preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof fil-kliem li ġej: “l-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li regola tad-dritt nazzjonali li, għall-finijiet tat-titjib tal-istrutturi agrikoli tipprojbixxi dikjarazzjoni tal-Istat sabiex ibiegħ, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti pubblika, art agrikola lil min joffri l-ogħla prezz meta l-ogħla prezz huwa sproporzjonat ħafna fil-konfront tal-valur tal-art, tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat?”

B – Fuq l-ispeċifiċità tad-dispożittiv ikkontestat

28.

Id-dispożizzjoni kkontestata ( 23 ), li hija ppreżentata fil-qosor, tippermetti lill-awtoritajiet lokali kompetenti sabiex jopponu l-bejgħ ta’ artijiet agrikoli jew forestali konkluż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika meta huma jqisu li l-prezz miftiehem huwa sproporzjonat ħafna meta mqabbel mal-valur tagħhom.

29.

Fil-kawża preżenti, id-dispożittiv li hija mniżżla fih ( 24 ) hija bbażata fuq mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni li għandu jseħħ qabel ċerti trasferimenti ta’ proprjetà ta’ artijiet agrikoli jew forestali, li huma s-suġġett ta’ kuntratti ta’ bejgħ u li l-għoti tagħhom huwa kkundizzjonat minn qbiż ta’ limitu fil-prezz, li l-evalwazzjoni tiegħu hija bbażata fuq sistema ta’ determinazzjoni tal-valur fis-suq agrikolu ta’ dawn l-artijiet. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiddefinixxi d-dispożizzjoni kkontestata bħala “regola dwar il-prezz li tistabbilixxi restrizzjoni legali fuq il-propjetà”.

30.

L-awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ proprjetà agrikola jew forestali li hija s-suġġett ta’ kuntratt ta’ bejgħ ma hijiex, abbażi tal-Artikolu 4(1) tal-GrdstVG meħtieġa meta l-Istat Federali jew Land huwa parti tal-bejgħ, iżda, bil-kontra, hija meħtieġa, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof ( 25 ) stess, meta l-BVVG hija parti mill-bejgħ, kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Minkejja l-missjoni legali tagħha li tikkostitwixxi fl-implementazzjoni tal-privatizzazzjoni tal-artijiet fil-Länder il-ġodda, il-BVVG, li hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, ma taqax taħt il-klawżola ta’ eżenzjoni prevista mill-Artikolu 4(1) tal-GrdstVG.

31.

B’hekk, għandu jiġi rrilevat li l-GrdstVG, li hija liġi li, b’mod ġenerali ħafna, timponi awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ proprjetà ta’ artijiet agrikoli u forestali li jseħħu fil-Ġermanja bejn persuni privati, tista’ tapplika fuq it-totalità ta’ tranżazzjonijiet tal-artijiet li jseħħu fil-kuntest tal-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-artijiet li qabel kienu proprjetà tal-Istat li tamministra l-BVVG, fil-każ fejn din tal-aħħar ma taqax taħt il-klawżola ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tal-GrdstVG.

32.

Konsegwentement, hija din il-klawżola ta’ eżenzjoni li għandha bħala effett li tissuġġetta lill-bejgħ tal-artijiet agrikoli u forestali pubbliċi għal awtorizzazzjoni, b’mod partikolari, meta l-kundizzjonijiet tad-dispożizzjoni kkontestata huma ssodisfatti. Huwa fil-każ fejn il-BVVG tipproċedi għal bejgħ ta’ artijiet li qabel kienu proprjetà tal-Istat u tħallas ir-riżultat ta’ dan il-bejgħ lill-baġit Federali, li dan id-dispożittiv ikkontestat jista’ jimplika li hemm riżorsi tal-Istat, u għaldaqstant, huwa suxxettibbli li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat.

33.

Madankollu, il-kontenut tad-dispożizzjoni kkontestata jrid jiġi eżaminat b’mod iktar preċiż.

C – Fuq il-kontenut tad-dispożizzjoni kkontestata

34.

L-awtorizzazzjoni tat-trasferiment ta’ proprjetà ta’ art ma tistax tiġi rrifjutata ħlief taħt il-kundizzjoni, minn naħa, li din l-art hija art agrikola jew forestali u, min-naħa l-oħra, li ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti u, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dispożizzjoni kkontestata, li l-prezz propost u miftiehem fil-kuntratt huwa sproporzjonat ħafna fil-konfront tal-valur fis-suq agrikolu tal-art.

35.

Il-GrdstVG ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “sproporzjonat ħafna”, u huma l-qrati Ġermaniżi u b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li pprovdew definizzjoni. Ikun hemm sproporzjoni kbira meta l-prezz tal-bejgħ miftiehem huwa iktar minn 50 % tal-valur fis-suq agrikolu tal-art ( 26 ).

36.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li d-dispożizzjoni kkontestata għandha bħala għan sabiex tevita li l-bdiewa professjonali jkollhom iħallsu prezzijiet għall-akkwist ta’ artijiet ġodda li jipperikolaw il-vijabbiltà tal-operazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, din hija intiża sabiex ittemm it-tranżazzjonijiet ta’ spekulazzjoni fuq l-artijiet agrikoli u forestali u sabiex tippromwovi t-titjib tal-istrutturi agrikoli.

37.

Il-Gvern Ġermaniż ippreċiża li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni għandha bħala effett li tipprojbixxi r-reġistrazzjoni tax-xerrej bħala proprjetarju tal-art, li joħloq ostakolu għat-trasferiment tal-proprjetà, b’tali mod li l-kuntratt ta’ bejgħ konkluż ikun provviżorjament mingħajr effett sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja definittiva dwar din id-deċiżjoni. Jekk id-deċiżjoni ta’ rifjut tiġi annullata, il-kuntratt ta’ bejgħ provviżorjament mingħajr effett isir eżegwibbli bil-prezz miftiehem u x-xerrej ikun jista’ jiġi rreġistrat bħala proprjetarju. F’każ kuntrarju, fejn id-deċiżjoni ta’ rifjut issir definittiva, il-kuntratt konkluż isir null u mingħajr effett. Madankollu, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ rifjut issir definittiva ma jimplika l-ebda dritt għal bidwi li juri l-interess tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jew tal-proċedura kontenzjuża kontra d-deċiżjoni tar-rifjut tal-awtorizzazzjoni, sabiex jixtri l-art.

38.

Għaldaqstant, id-dispożizzjoni kkontestata hija intiża sabiex tipprojbixxi li l-bejgħ tal-art agrikola jew forestali mwettqa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti sseħħ bi prezzijiet li jitbiegħdu sostanzjalment, b’iktar minn 50 % mill-prezzijiet ikkunsidrati mill-awtoritajiet lokali kompetenti bħala li huma “aċċettabbli”, jiġifieri proporzjonati ma’ dak li huma jqisu li huwa l-valur fis-suq agrikolu tagħhom.

39.

Wara li dan ġie ppreċiżat, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-implementazzjoni tad-dispożittiv ikkontestat, li jimplika, bħala ipoteżi, li l-ogħla prezz propost għal art partikolari fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għandu jkun ogħla b’iktar minn 50 % tal-valur fis-suq agrikolu stmat mill-awtoritajiet lokali kompetenti, teoretikament tista’ sseħħ f’każijiet ta’ figuri differenti ħafna, li jvarjaw partikolarment fir-rigward tan-numru ta’ offerti ppreżentati u l-istruttura ta’ prezzijiet proposti.

40.

Dan jenfasizza li ma huwiex possibbli li jiġi evalwat id-dispożittiv ikkontestat u li tinqasam id-domanda tal-klassifikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet konkreti tal-implementazzjoni tiegħu u b’mod iktar preċiż iċ-ċirkustanzi li fihom ġie applikat. Bħalma kelli ċ-ċans nuri, l-evalwazzjoni tan-natura sproporzjonata tal-prezz offrut fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għal art partikolari ma hijiex l-istess skont fejn din il-proċedura attirat biss offerta waħda jew numru żgħir ħafna ta’ offerti jew fil-każ fejn attirat numru kbir ta’ offerti.

41.

Isegwi li sabiex jiġi evalwat jekk dan huwa l-każ, ċertament għandhom jiġu evalwati l-modalitajiet konkreti tad-determinazzjoni mill-awtoritajiet lokali kompetenti tal-valur fis-suq agrikolu tal-artijiet, iżda wkoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ offerti ppreżentati u l-istruttura tal-prezzijiet proposta fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

D – Fuq il-partikolarità tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali

42.

Fl-aħħar, irid ikun hemm insistenza fuq il-partikolarità tas-sitwazzjoni fil-kawża preżenti, li hija s-suġġett tat-tielet mistoqsija tal-qorti tar-rinviju ( 27 ) u li tipprovdi lill-Gvern Ġermaniż b’wieħed mill-argumenti prinċipali li jippermettulu jikkonkludi li d-dispożittiv ikkontestat ma jistax jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

43.

Fil-fatt, dan tal-aħħar isostni li d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timplika l-ebda obbligu għall-BVVG li tbigħ l-art ikkontestata lil bidwi professjonali li wera interess sabiex jakkwistaha. Għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li l-art ikkontestata inbiegħet għal prezz li kien inqas mill-prezz fis-suq bħalma ġie stabbilit fil-kuntest tas-sejħa għal offerti pubblika. Konsegwentement, id-dispożizzjoni kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat minħabba nuqqas ta’ kwalunkwe intervent effettiv ta’ riżorsi tal-Istat.

44.

Ċertament, huwa minnu li, fin-nuqqas tal-bejgħ tal-art ikkontestata lill-bidwi professjonali li wera l-interess tiegħu fiha fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal prezz li huwa inqas mill-ogħla offerta, ma jistax jiġi kkunsidrat li hemm l-għoti ta’ għajnuna effettiva.

45.

Madankollu, għalkemm dan il-bejgħ ma seħħx fil-kawża prinċipali, dan huwa qabel kollox u essenzjalment minħabba l-fatt li ż-żewġ partijiet fil-kuntratt, li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni, ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qrati Ġermaniżi, fejn il-BVVG tqajjem preċiżament il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk id-dispożizzjoni kkontestata tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat li tinstab fl-oriġini tal-proċedura preliminari preżenti.

46.

Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet lokali kompetenti għadhom ma ħadux passi wara d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni f’każ partikolari ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata bħala għajnuna mill-Istat hija ipotetika. B’mod partikolari, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-aġir allegat tal-awtoritajiet lokali kompetenti ser jiġi rrepetut sistematikament u perpetwalment, ħlief sabiex titneħħa kull sustanza u effett mid-dispożizzjoni kkontestata.

47.

F’kwalunkwe każ, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali fuq il-passi li għandhom jittieħdu wara deċiżjoni ta’ rifjut, jibqa’ mingħajr impatt fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk id-dispożittiv ikkontestat jistax iwassal għal elementi ta’ għajnuna mill-Istat. Il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax, mingħajr ma tiddaħħal inkwistjoni s-sistema ta’ kontroll permanenti tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, tiġi suġġetta la għal konstatazzjoni minn qabel tal-eżekuzzjoni effettiva tagħha u lanqas għall-evalwazzjoni prospettiva tal-frekwenza tal-eżekuzzjoni tagħha.

48.

Wara dawn l-iżviluppi inizjali, jien qiegħed f’pożizzjoni sabiex nindirizza l-qalba tal-problema mqajma mill-kawża prinċipali, sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa fejn l-implementazzjoni tad-dispożittiv ikkontestat jistax jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

VI – Fuq il-klassifikazzjoni tad-dispożittiv ikkontestat bħala miżura ta ’ għajnuna mill-Istat

49.

Sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hemm il-ħtieġa, b’mod partikolari u qabel kollox li hija tikkonsisti f’intervenzjoni mill-Istat jew li sseħħ permezz ta’ riżorsi tal-Istat u li din tat vantaġġ lil benefiċjarju tagħha ( 28 ).

50.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat biss jitqiesu li huma għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha kkonsentiti minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, irrispettivament minn jekk humiex iffinanzjati jew le permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, imma hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat ( 29 ).

51.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jkopri mhux biss benefiċċji pożittivi bħalma huma sussidji iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, għalkemm ma humiex sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi ( 30 ). F’dan ir-rigward, ikun biżżejjed li tiġi stabbilita rabta suffiċjentement diretta bejn, minn-naħa, il-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra u b’mod partikolari, it-tnaqqis tad-dħul fil-baġit tal-Istat ( 31 ).

52.

Għandu jitfakkar ukoll, sabiex tkun kompleta r-risposta li għandha tingħata lit-tieni mistoqsija tal-qorti tar-rinviju ( 32 ), li s-sempliċi fatt li miżura ssegwi għan soċjali ma huwiex suffiċjenti sabiex tgħinha tevita kompletament il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li din id-dispożizzjoni ma tiddistingwix bejn ir-raġunijiet jew l-għanijiet tal-intervenzjonijiet statali, iżda tiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom ( 33 ).

53.

Hekk kif diġà enfassizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li bejgħ ta’ artijiet pubbliċi għal prezz inferjuri minn dak tas-suq jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ, ippreċiżat li l-bejgħ minn awtoritajiet pubbliċi ta’ art jew bini lil impriża jew individwu involut f’attività ekonomika, agrikula jew forestali jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-istat, b’mod partikolari fejn ma jsirx bil-valur tas-suq, jiġifieri, fejn ma tinbiegħx bil-prezz fis-suq, jiġifieri bil-prezz li investitur privat, li jopera f’kundizzjonijiet kompetittivi normali, x’aktarx li jistipula ( 35 ).

54.

Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, meta d-dritt nazzjonali jistabbilixxi regoli ta’ kalkolu tal-valur tas-suq tal-artijiet għall-bejgħ tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandha, fid-dawl tal-konformità tagħhom mal-Artikolu 107 TFUE, twassal dejjem għall-prezz l-iktar qrib possibbli għall-valur tas-suq ( 36 ).

55.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti li għandu jiġi eżaminat jekk u sa fejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata timplika l-għoti ta’ vantaġġ lil impriża u jekk tistax għaldaqstant tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat, li ser iwassalni biex neżamina, qabel kollox, is-sistema ta’ determinazzjoni tal-valur fis-suq agrikolu tal-artijiet agrikoli u forestali mill-awtoritajiet lokali kompetenti.

A – Is-sistema ta ’ determinazzjoni tal-valur fis-suq agrikolu tal-artijiet

56.

Il-valur fis-suq agrikolu tal-artijiet, li ma ġiex iddefinit mill-GrdstVG, huwa, hekk kif jirriżulta mid-Digriet tar-rinviju (punt 32), il-prezz li għandu jinkiseb għall-artijiet tal-istess tip u fl-istess kundizzjoni fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kuntrattwali ħielsa bejn bdiewa, jiġifieri tranżazzjoni tal-art fi ħdan il-qasam agrikolu, billi jiġi ppreċiżat li t-trasferimenti lil individwi li ma humiex bdiewa jridu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn dawn twettqu għall-finijiet ta’ użu agrikolu ieħor tal-art.

57.

La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom ma ppreżentaw xi indikazzjonijiet preċiżi ħafna fuq il-modalitajiet li abbażi tagħhom l-awtorità lokali kompetenti sabiex tirrifjuta l-awtorizzazzjoni meħtieġa mid-dispożizzjoni kkontestata, iddeterminat il-valur fis-suq agrikolu tal-art li hija s-suġġett tal-kuntratt, li abbażi tiegħu ġie kkonstatat il-valur sproporzjonat li ġġustifika r-rifjut tal-awtorizzazzjoni. Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-BVVG jirriżulta li dan il-valur huwa ddeterminat permezz tal-prezzijiet ta’ riferiment stabbiliti mill-kumitati ta’ evalwazzjoni skont xi indikazzjonijiet u xi valuri ta’ riferiment reġjonali (punti 41 u 42).

58.

Il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha sabiex tippreċiża li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tal-appell ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-awtorità lokali kompetenti fuq il-bażi ta’ rapport ta’ espert li hija kienet ordnat, madankollu mingħajr ma tat iktar preċiżazzjonijiet ċari. Minkejja dan, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-BVVG ippreċiżat li l-offerti ppreżentati mill-impriżi agrikoli fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika ma ttiħdux inkunsiderazzjoni.

59.

L-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jippreżupponi b’hekk, fil-każ ta’ sejħa għal offerti pubblika għall-bejgħ ta’ art agrikola li wasslet għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ ma’ akkwistatur mhux bidwi jew bidwi mhux professjonali, li bidwi professjonali wera l-interess tiegħu għall-akkwist tal-imsemmija art li hija s-suġġett ta’ dan il-kuntratt u l-prezz miftiehem f’dan tal-aħħar jaqbeż b’iktar minn 50 % il-prezz li dan il-bidwi ddikjara ruħu lest biex iħallas sabiex jakkwista l-art.

B – L-eżistenza ta ’ intervenzjoni permezz tar-riżorsi tal-Istat

60.

Ma hemmx dubju li l-implementazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata tista’ twassal għal intervent permezz tar-riżorsi tal-Istat, sa fejn tista’ timplika telf mid-dħul tal-Istat mir-riżultat tal-privatizzazzjoni tal-artijiet li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasferiment tal-proprjetà. Hekk kif sostniet il-BVVG, peress li r-riżultat annwali tagħha jitħallas fil-baġit Federali, minn dan isegwi li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata tista’ awtomatikament twassal għal rinunzja mill-Istat tar-riżorsi li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-valur fis-suq agrikolu evalwat mill-awtoritajiet lokali kompetenti u l-ogħla prezz propost fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti pubblika ( 37 ).

C – Il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta ’ vantaġġ mogħti lil impriża

61.

Il-Gvern Ġermaniż isostni essenzjalment li d-dispożittiv ikkontestat ma jistax jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat sa fejn ma jiffavorixxi l-ebda impriża u lanqas ma jikkostitwixxi l-għoti ta’ ebda vantaġġ konkret lil impriża jew produzzjoni. Huwa jqis, b’mod partikolari, li jkun żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-prezz fis-suq tal-art ikkontestata jikkorrispondi għall-ogħla offerta ppreżentata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 1997 dwar elementi ta’ għajnuna Statali dwar bejgħ ta’ artijiet u bini ta’ awtoritajiet pubbliċi (Komunikazzjoni Nru 97/C 209/03) ( 38 ) li tammetti li l-prezz fis-suq jista’ jiġi stabbilit perfettament permezz ta’ espert indipendenti.

62.

Qabel kollox, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li fil-Komunikazzjoni tal-1997, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-bejgħ ta’ artijiet u ta’ bini ta’ proprjetà tal-Istat kien ser ikun preżunt li ma jaħbix elementi ta’ għajnuna mill-Istat jekk hija tintervjeni fit-tmiem ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u inkundizzjonali u jekk, fin-nuqqas ta’ tali proċedura, preċedentement seħħet evalwazzjoni minn espert jew minn diversi esperti indipendenti sabiex jistabbilixxu l-valur fis-suq tal-assi inkwistjoni fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet tas-suq u ta’ kriterji ta’ evalwazzjonijiet ġeneralment aċċettati.

63.

Hekk kif diġà fakkart ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe ( 40 ), iddeċidiet li għalkemm, sabiex iseħħ bejgħ mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ artijiet agrikoli, id-dritt nazzjonali jista’ jistabbilixxi regoli ta’ kalkolu tal-valur fis-suq tagħhom, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tistax titqies li hija konformi mal-Artikolu 107 TFUE ħlief bil-kundizzjoni li f’kull każ jirriżultaw fi prezz l-iktar qrib possibbli tal-valur fis-suq ( 41 ). Hija kkonfermat li l-metodi ta’ min joffri l-iktar u tal-espert jistgħu jipprovdu prezzijiet li jikkorrispondu mal-valuri reali fis-suq, mingħajr ma eskludiet madankollu li l-metodi l-oħra jistgħu jippermettu wkoll li jintlaħaq l-istess riżultat ( 42 ). Madankollu, hija ppreċiżat f’dan ir-rigward li metodu ta’ evalwazzjoni tal-valur ta’ art agrikola li ma jistax jintrabat ma’ mekkaniżmu ta’ attwalizzazzjoni li jippermetti l-approssimazzjoni l-iktar preċiża possibbli tal-valur fis-suq tal-prezz tal-bejgħ tal-artijiet, b’mod partikolari f’perijodu ta’ żidiet kbar fil-prezz, ma jistax ikun adattat sabiex jirrifletti r-realtà tal-prezzijiet fis-suq ( 43 ).

64.

Fil-kawża preżenti, għalkemm id-dispożittiv ikkontestat jippreżenta karatteristiċi li huma simili ma’ proċedura ta’ evalwazzjoni tal-valur fis-suq tal-assi minn esperti indipendenti, hekk kif deskritt taħt il-punt 2 tat-Titolu II, tal-Komunikazzjoni tal-1997, huwa jippreżenta wkoll u qabel kollox il-partikolarità li jinnewtralizza l-effetti ta’ proċedura għal sejħa għal offerti inkundizzjonali, hekk kif previst taħt is-subparagrafu 1 tat-Titolu II tal-Komunikazzjoni tal-1997.

65.

Hekk kif diġà rrilevajt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponi biss minn ftit informazzjoni fuq il-metodoloġija segwita mill-awtoritajiet lokali kompetenti jew mill-esperti maħtura mill-qrati nazzjonali sabiex jevalwaw il-prezz tal-artijiet fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata u, b’mod iktar preċiż, fuq l-indikazzjonijiet tas-suq u l-kriterji ta’ evalwazzjoni li użaw. Għaldaqstant, hija ma tistax tiddetermina jekk il-proċedura ta’ evalwazzjoni hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza tagħha stess u l-indikazzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-1997.

66.

Madankollu, din hija evalwazzjoni li hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ twettaq u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdiha bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti kollha għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, irid ikun hemm insistenza fuq il-fatt li din l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda d-dispożittiv ikkontestat biss, iżda għandha tirrigwarda wkoll l-applikazzjoni konkreta tiegħu u l-qorti tar-rinviju għandha tassigura b’mod partikolari li l-evalwazzjoni tal-valur fis-suq tal-artijiet mill-awtoritajiet lokali kompetenti jew minn esperti maħtura mill-qrati nazzjonali ma tirriżultax fi prezz li jinjora l-valur fis-suq ( 44 ).

67.

Issa, hekk kif diġà enfasizzajt ( 45 ), din l-evalwazzjoni tiddependi kemm fuq il-metodoloġija u fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jintużaw, kif ukoll fuq iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull proċedura ta’ sejħa għal offerti, u b’mod partikolari fuq in-numru ta’ offerti ppreżentati u fuq l-istruttura ta’ prezzijiet proposti.

68.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tal-valur fis-suq agrikolu tal-artijiet ma tistax, fiha nnifisha, fl-ispirtu tas-sentenza Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe ( 46 ) u tar-rekwiżiti ta’ attwalizzazzjoni li timponi, titqies li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti, ħlief sa fejn tieħu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet proposti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, peress li dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa iktar u iktar importanti min-numru tal-offerti ppreżentati li huwa fih innifsu importanti wkoll.

69.

Fil-fatt, u bħala definizzjoni, il-prezzijiet proposti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u inkundizzjonali jipprovdu f’kull każ l-indikazzjoni l-iktar dgħajfa u l-iktar aġġornata tal-valur fis-suq ta’ art determinata. Konsegwentement, il-valur fis-suq agrikolu ta’ art ma jistax ikun dak l-iktar viċin possibbli tal-valur fis-suq ( 47 ), meta dan jiġi stabbilit mill-awtoritajiet lokali kompetenti jew minn esperti sussegwentement għal proċedura ta’ sejħa għal offerti, ħlief meta l-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet offruti kollha fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

70.

Imbagħad, hekk kif diġà rrilevajt, il-klassifikazzjoni tad-dispożittiv ikkontestat ma tiddependix biss fuq il-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tal-valur fis-suq agrikolu segwit mill-awtoritajiet lokali kompetenti jew il-qrati nazzjonali, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, peress li figuri differenti jistgħu jiġu kkunsidrati teoretikament.

71.

B’hekk, fl-ewwel xenarju, il-valur fis-suq agrikolu stmat mill-awtoritajiet lokali kompetenti jista’ jkun viċin tal-essenzjali tal-offerti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti u l-ogħla offerta tista’ tkun biss kunsiderevolment ogħla kemm mill-prezzijiet l-oħra proposti u l-valur stmat fis-suq. F’dan il-każ, huwa permess li jiġi preżunt li l-ogħla offerta hija spekulattiva u li l-valur stmat jikkorrispondi għall-valur fis-suq, fis-sens li minn dan jista’ jiġi dedott li l-applikazzjoni tad-dispożittiv ikkontestat ma fihx elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

72.

Fit-tieni ipoteżi, l-ogħla offerta tista’ tkun simili għall-offerti kollha l-oħra ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti u l-valur fis-suq agrikolu stmat mill-awtoritajiet lokali kompetenti jista’ jkun ftit biss inqas mit-totalità tal-offerti. F’tali każ, ikun diffiċli sabiex jiġi kkunsidrat li l-valur fis-suq stmat jikkorrispondi għall-prezz fis-suq u jista’, konsegwentement, jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tad-dispożittiv ikkontestat fiha elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

73.

Konsegwentement, meta l-awtoritajiet lokali kompetenti u/jew il-qrati nazzjonali jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata huma ssodisfatti u jevalwaw in-natura sproporzjonata tal-ogħla prezz propost fil-kuntest ta’ proċedura għal sejħa għal offerti billi jqabbluha mal-valur fis-suq agrikolu li huma stmaw, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti speċifiċi ta’ kull każ, billi jikkunsidraw, b’mod partikolari, l-istruttura tal-prezzijiet proposti.

74.

Trid tiġi evokata wkoll l-ipoteżi li fiha l-proċedura ta’ sejħa għal offerti tirċievi offerta waħda biss. F’tali każ, il-metodoloġija tal-evalwazzjoni tal-valur fis-suq agrikolu segwit mill-awtoritajiet lokali kompetenti u l-qrati nazzjonali tgawdi minn importanza deċiżiva.

75.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ser ikollha twettaq f’dan ir-rigward, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni utilment, sabiex tqabbel, is-sistema ta’ determinazzjoni tal-valur tal-artijiet żviluppata mill-BVVG stess, il-Vergleichspreissystem (VPS) ( 48 ), li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħadet ħsieb li tinnotifika lill-Kummissjoni dwarha ( 49 ). Din tal-aħħar, wara li evalwatha permezz ta’ espert ( 50 ), ikkunsidrat f’dan il-każ li l-metodu VPS jeskludi kull preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Preċiżament, il-Kummissjoni qieset li l-metodu VPS ma jagħti l-ebda vantaġġ lil xerrej ta’ art sa fejn hija tippermetti li jiġi rifless il-valur fis-suq ta’ din l-art, billi tippreċiża li din l-evalwazzjoni hija valida biss għal bejgħ konkluż mill-BVVG fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-artijiet agrikoli u forestali tal-Länder il-ġodda tal-Ġermanja.

76.

Il-metodu VPS, li huwa bbażat fuq il-metodu ta’ evalwazzjoni komparattiva (Vergleichswertverfahren) li jintuża mill-esperti tal-evalwazzjoni indipendenti fil-Ġermanja ( 51 ), huwa bbażat fuq l-iffissar ta’ prezz ta’ bejgħ medju permezz ta’ tqabbil bejn l-informazzjoni rilevanti li tirrigwarda numru kbir ta’ tranżazzjonijiet simili fil-passat. L-informazzjoni rilevanti li tinkludi, fost oħrajn, il-lokalizzazzjoni reġjonali, is-sitwazzjoni, id-daqs u l-kwalità tal-artijiet mibjugħa ( 52 ), huma miġbura f’bażi ta’ informazzjoni li hija aġġornata b’mod permanenti, mill-inqas darba fix-xahar u iktar jekk ikun neċessarju, bit-tranżazzjonijiet ġodda u l-indikazzjonijiet tas-suq ( 53 ).

77.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi, b’mod partikolari, li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk id-dispożittiv ikkontestat u l-applikazzjoni tiegħu jiffavorixxux ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, billi jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura għandha titqies li hija selettiva, anki meta tirrigwarda qasam ekonomiku sħiħ ( 54 ), jekk hija tiffavorixxi xi impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili ( 55 ) u dan sakemm hija ma hijiex igġustifikata min-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema li hija parti minnha ( 56 ).

78.

Issa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata hija ta’ natura li tiffavorixxi lill-bdiewa professjonali li, wara proċeduri ta’ sejħa għal offerti organizzati mill-BVVG għall-bejgħ tal-artijiet agrikoli, għandhom l-opportunità sabiex jakkwistahom bi prezz li huwa inqas mill-ogħla prezz, u anki mill-offerti ppreżentati kollha.

79.

Mill-iżviluppi kollha li ġew qabel jirriżulta li l-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li regola tad-dritt nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ittejjeb l-istrutturi agrikoli, tipprojbixxi lil aġenzija tal-Istat milli tbigħ, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti pubblika, art agrikola lil min jippreżenta l-ogħla offerta, meta l-ogħla offerta hija sproporzjonata ħafna fil-konfront tal-valur tal-art, ma tistax tevita klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, sakemm dan il-valur ikun l-iktar viċin possibbli tal-valur fis-suq, li jimplika b’mod partikolari li l-istima tieħu inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet offruti waqt is-sejħa għal offerti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali regola tissodisfa r-rekwiżiti tagħha u jekk l-applikazzjoni konkreta tagħha tistax twassal għall-iffissar ta’ prezz li jinjora l-valur fis-suq u sabiex tislet il-konsegwenzi.

VII – Konklużjoni

80.

Jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Bundesgerichtshof:

L-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li regola tad-dritt nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex ittejjeb l-istrutturi agrikoli, tipprojbixxi lil aġenzija tal-Istat milli tbigħ, fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti pubblika, art agrikola lil min jippreżenta l-ogħla offerta, meta l-ogħla offerta hija sproporzjonata ħafna fil-konfront tal-valur tal-art, ma tistax tevita klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, sakemm l-imsemmi valur ikun l-iktar viċin possibbli tal-valur fis-suq, li jimplika b’mod partikolari li l-istima tieħu inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet offruti waqt is-sejħa għal offerti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk tali regola tissodisfax ir-rekwiżiti tagħha u jekk l-applikazzjoni konkreta tagħha tistax twassal għall-iffissar ta’ prezz li jinjora l-valur fis-suq u sabiex tislet il-konsegwenzi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara, b’mod iktar ġenerali, Kadner, Th., Die Transformation des Vermögensrechts in Ostdeutschland nach der Wiedervereinigung, ZEuP, 1997, p. 86; Rohde, G., Grunstückeigentums- und Bodennutzungsrechtsverhältnisse in den neuen Bundesländern nach dem Einigungsvertrag, DNotZ, 1991, p. 186.

( 3 ) C‑239/09, EU:C:2010:778.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“BVVG”.

( 5 ) Organu pubbliku responsabbli għall-missjonijiet speċifiċi li rriżultaw mir-rijunifikazzjoni.

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“GrdstVG”.

( 7 ) Iktar ’il quddiem, id-“dispożizzjoni kkontestata”.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 52).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Enirisorse (C‑237/04, EU:C:2006:197, punt 23) u d-Digriet Acanfora (C‑181/13, EU:C:2014:127, punt 22).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Steinike & Weinlig (78/76, EU:C:1977:52, punt 2); Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punti 8 sa 14); kif ukoll Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 26 sa 29).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (EU:C:1991:440, punt 12), kif ukoll SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 40).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza DM Transport (C‑256/97, EU:C:1999:332, punt 15).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 24), kif ukoll Paint Graphos et (C-78/08 sa C-80/08, EU:C:2011:550, punt 35).

( 14 ) ĠU C 312, p. 8.

( 15 ) Ara wkoll l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ April 2009, dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (ĠU C 85, p. 1, punti 89 et seq).

( 16 ) Ara d-Digriet Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punti 17 u 18).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza SFEI et (EU:C:1996:285, punt 50).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi SFEI et (EU:C:1996:285, punt 28), kif ukoll Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punti 29 sa 32).

( 19 ) Ara l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament jippreċiża madankollu, li l-każ fejn il-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2) jinqabeż (jiġifieri ammont ta’ Eur 7,500 għal impriża waħda f’perijodu ta’ tliet snin finanzjarji), l-Istat Membru kkonċernat għandu jaċċerta ruħu li l-miżura ta’ għajnuna li twassal għal dan il-qbiż tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni jew irkuprata mill-benefiċjarju. L-imsemmi regolament, li huwa applikabbli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013, ġie ssostitwit mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013, tat-18 ta’ Diċembru 2013, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, p. 9) li daħal fis-seħħ fil-1 ta’ Jannar 2014. Dan ir-regolament, minbarra li jemenda l-limitu de minimis, jipprovdi fl-Artikolu 6 tiegħu, mekkaniżmu ta’ kontroll ġdid li ma jinkludix l-obbligu ta’ notifikazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1535/2007.

( 20 ) Ara l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98, tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, p. 1).

( 21 ) Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 733/2013, tat-22 ta’ Lulju 2013, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 994/98 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 204, p. 11), li jemenda b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 994/98.

( 22 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat għall-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni tal-prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001, ĠU L 358, p. 3); dan ir-regolament tħassar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE), Nru 702/2014, tal-25 ta’ Ġunju 2014, li jiddikarja ċerti kategoriji ta’ għajnuna, fl-oqsma agrikoli u forestali u fiż-zoni rurali, kompatibbli mas-suq intern, bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, p. 1), fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2014.

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, Schramm, L., Probleme der Grundstücksverkehrsgenehmigung und des siedkungsrechtlichen Vorkaufsrechts in den neuen Bundesländern, NL-BzAR, 2005, Nru 8, p. 322.

( 24 ) Iktar ’il quddiem id-“dispożittiv ikkontestat”.

( 25 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2009 (BLw 4/09, NJW-RR 2010,886 Rn. 12).

( 26 ) Ara, hekk kif iċċitata mill-Gvern Ġermaniż, is-sentenza tal-Bundesgerichtshof, tas-27 ta’ April 2001 (BLw 14/00, NJW-RR 2001, 1021).

( 27 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 74 u 75), kif ukoll Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 74).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10, punti 24 u 25), kif ukoll PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 58).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 13); SFEI et (EU:C:1996:285, punt 58); Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe (EU:C:2010:778, punt 30); kif ukoll Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 33).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eventech (EU:C:2015:9, punt 34).

( 32 ) Ara l-punti 11 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Heiser (C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 46).

( 34 ) Sentenza Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe (EU:C:2010:778, punt 31).

( 35 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68) u Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe (EU:C:2010:778, punt 34).

( 36 ) Ara s-sentenza Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe (EU:C:2010:778, punt 35).

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, a contrario, is-sentenza Eventech (EU:C:2015:9, punt 44).

( 38 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 143, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-1997”.

( 39 ) Ara l-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) EU:C:2010:778.

( 41 ) Ara l-punti 35 u 48.

( 42 ) Punt 39.

( 43 ) Ara l-punt 43.

( 44 ) Ara s-sentenza Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe (EU:C:2010:778, punt 52).

( 45 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) EU:C:2010:778, punt 43.

( 47 ) Sentenza Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, (EU:C:2010:778, punt 35).

( 48 ) Iktar ’il quddiem, il-“metodu VPS”.

( 49 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2012) 9457, tad-19 ta’ Diċembru 2012, dwar Proposta ta’ metodu alternattiv ta’ evalwazzjoni ta’ artijiet agrikoli u forestali mibjugħa fil-Ġermanja mill-aġenzija pubblika BVVG, (http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/246093/246093_1396874_125_2.pdf).

( 50 ) Ara l-punti 21 sa 23 tad-deċiżjoni, fejn ġie ppreċiżat li l-espert maħtur irid jiddetermina jekk il-metodu VPS jippermettix li jiġi stabbilit li l-valur fis-suq tal-artijiet agrikoli u forestali u huwa bbażat fuq il-prinċipji ta’ evalwazzjoni ġeneralment aċċettati, skont il-paragrafu 2(a) tat-Titolu II, tal-Komunikazzjoni tal-1997.

( 51 ) L-istandards tal-evalwazzjoni huma, f’dan il-każ, stabbiliti fl-Allgemeine Grundsätze der Immobilienwertermittlungsverordnung (“ImmoWertV”); ara l-punt 28 ta’ din id-deċiżjoni.

( 52 ) Ara l-punti 17 u 29 tal-imsemmija deċiżjoni.

( 53 ) Ara l-punt 32 tad-deċiżjoni.

( 54 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Unicredito Italiano (C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 45).

( 55 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (EU:C:2001:598, punt 41); GIL Insurance et (C‑308/01, EU:C:2004:252, punt 68); Heiser (C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 40); kif ukoll Eventech (EU:C:2015:9, punt 55).

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (EU:C:2001:598, punt 42).