KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

Kawża C‑32/14

ERSTE Bank Hungary Zrt

vs

Attila Sugár

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l‑Ungerija)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Artikoli 6 u 7 — Evalwazzjoni tal-klawżoli inġusti tal-kuntratti — Mezzi adegwati u effikaċi biex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti — Infurzar ta’ atti awtentikati li jinkorporaw kuntratt — Inklużjoni ta’ ordni ta’ infurzar minn nutar — Obbligi tan-nutar — Eżami ex officio tal-klawżoli inġusti — Stħarriġ ġudizzjarju — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

1. 

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 2 ) timponi fuq in-nutara, meta dawn ikollhom rwol ċentrali fl-infurzar ta’ kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi, obbligi partikolari għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, analogi għal dawk li, skont ġurisprudenza li issa hija abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu fuq il-qrati nazzjonali?

2. 

Essenzjalment, din hija l-problema prinċipali u ġdida li jqajmu ż-żewġ domandi preliminari li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. Din il-kawża tal-lum hija differenti mid-diversi kawżi li saru quddiemha dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari mill-qrati Ungeriżi ( 3 ) jew Spanjoli ( 4 ) li ntalbu jevalwaw il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-eżiġenzi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”

4.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

B – Id-dritt nazzjonali

5.

Id-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali qegħdin fil-Liġi Nru IV tal-1959 dwar il-Kodiċi Ċivili ( 5 ), fil-Liġi Nru LIII tal-1952, li tistabbilixxi l-Kodiċi Ungeriż tal-Proċedura Ċivili ( 6 ), fil-Liġi Nru III tal-1994, fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja ( 7 ) u, fl-aħħar nett, fil-Liġi Nru XLI tal-1991 fuq in-Nutara ( 8 ).

1. Il-Kodiċi Ċivili

6.

L-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi:

“1)   Kwalunkwe klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali, jew kwalunkwe klawżola ta’ kuntratt ma’ konsumatur li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali, hija inġusta jekk, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ ekwità, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni hija tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt b’mod li tiżvantaġġja lill-parti kontraenti ta’ dak li jimponi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni.

2)   Sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha eżistenti fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u li ddeterminaw il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll in-natura tas-self miftiehem u r-rabta tal-klawżola inkwistjoni ma’ klawżoli oħra tal-kuntratt jew ma’ kuntratti oħra.

3)   Leġiżlazzjoni speċjali tista’ tiddetermina l-klawżoli li jitqiesu li huma inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur jew li għandhom jitqiesu bħala tali sakemm ma tingħatax prova kuntrarja.”

7.

L-Artikolu 209/A tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“1)   Il-parti leża tista’ tikkontesta klawżola inġusta mdaħħla fil-kuntratt bħala kundizzjoni ġenerali.

2)   Il-klawżoli inġusti mdaħħla f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jew li l-bejjiegħ jew fornitur ikun ifformula b’mod unilaterali, minn qabel u mingħajr negozjar individwali, huma nulli. In-nullità tista’ biss tiġi invokata fl-interess tal-konsumatur.”

2. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

8.

L-Artikolu 366 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Jekk l-esklużjoni tal-infurzar jew il-limitazzjoni tiegħu ma tkunx possibbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja fl-applikazzjoni tal-Artikoli 41 jew 56 tal-Liġi [...] [fuq] l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja […], id-debitur li jqajjem eċċezzjoni kontra l-infurzar jista’ jagħmel proċedura li teskludi jew tillimita l-infurzar kontra l-parti li titlob l-infurzar.”

9.

L-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Tista’ ssir proċedura intiża li teskludi jew tillimita l-infurzar ordnat minn att awtentikat li fih ordni ta’ infurzar jew minn att simili li jista’ jiġi infurzat jekk:

a)

il-kreditu li jrid jiġi rkuprat ma nħoloqx validament,

b)

il-kreditu kollu jew parti minnu ntemm,

c)

il-parti li titlob l-infurzar tkun tat terminu supplimentari għall-finijiet tal-infurzar u li dak it-terminu ma jkunx għadu għadda,

d)

id-debitur jixtieq jimputa kreditu fuq id-dejn tiegħu.”

10.

L-Artikolu 370 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Il-qorti adita bi proċedura għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-infurzar tista’ tissospendi l-infurzar fil-kawża”.

3. Il-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja

11.

Il-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja tistabbilixxi li l-infurzar ta’ kreditu jista’ jiġi ordnat minn qorti jew minn nutar. L-Artikolu 224/A jgħid:

“Meta jkun in-nutar li jordna l-infurzar, għandhom jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet bl-adattamenti li ġejjin:

a)

‘qorti li tordna l-infurzar’ tfisser ukoll in-nutar; ‘deċiżjoni mogħtija mill-qorti li tordna l-infurzar’ tfisser ukoll id-deċiżjoni adottata min-nutar; […]”.

12.

Skont l-Artikolu 13 tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja:

“1)   Jista’ jiġi redatt att ta’ infurzar, jekk id-deċiżjoni ta’ infurzar

a)

tinvolvi kreditu (somma flus)

b)

hija definittiva jew infurzabbli provviżorjament, u li

c)

it-terminu ta’ infurzar ikun skada. […]”

13.

L-Artikolu 23/C tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja jgħid:

“1)   In-nutar li jirrediġi l-att jinkludi l-ordni ta’ infurzar fuq l-att notarili jekk dan tal-aħħar jippreċiża:

a)

l-impenn dwar il-prestazzjoni u l-kontroprestazzjoni jew l-impenn unilaterali,

b)

isem il-kreditur u dak tad-debitur,

c)

l-oġġett tal-obbligu, il-kwantità tiegħu (l-ammont tiegħu) u l-kawża tiegħu,

d)

il-modalitajiet ta’ infurzar u t-terminu.

2)   Jekk l-obbligu jiddependi milli tiġri kundizzjoni jew li jkun għadda żmien, in-natura ta’ infurzar teħtieġ ukoll li l-att jispeċifika li sseħħet il-ġrajja jew li għadda ż-żmien. […]

5)   Ikun hemm lok għall-infurzar jekk il-kreditu msemmi fl-att notarili jkun jirrigwarda mod ta’ infurzar ġudizzjarju u jekk it-terminu ta’ infurzar ikun skada. […]”.

14.

Skont l-Artikolu 31/E (2) tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja

“2)   Il-proċedura notarili għandha, bħala proċedura mhux kontenzjuża f’materja ċivili, effetti analogi għal dawk ta’ proċedura ġudizzjarja. Id-deċiżjoni adottata min-nutar għandha effetti analogi għal dawk ta’ deċiżjoni ta’ qorti lokali.”

15.

L-Artikoli 211 (2), u 212 (1) tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja jiddisponu:

“L-Artikolu 211

[…]

2)   Jekk il-qorti tinkludi l-ordni ta’ infurzar fuq l-att bi ksur tal-liġi, l-ordni ta’ infurzar trid titħassar. […]”

L-Artikolu 212

“1)   Il-qorti li tordna l-infurzar tista’ tordna fi kwalunkwe ħin li tiġi rtirata l-kopja ta’ infurzar jew it-tħassir tal-ordni ta’ infurzar fuq talba ta’ kull parti, fuq il-bażi ta’ ċitazzjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess. […]”.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

16.

Fit-18 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l- Erste Bank Hungary Zrt. ( 9 ) u l-konvenut fil-kawża prinċipali, Attilla Sugár ( 10 ) ikkonkludew, b’att awtentikat, kuntratt ta’ self u kuntratt ta’ kostituzzjoni ta’ ipoteka li bihom tal-ewwel għamel għad-dispożizzjoni tat-tieni self f’ammont ta’ CHF 30687 sabiex jinxtara appartament.

17.

Fid-19 ta’ Diċembru 2007, id-debitur, fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt, għamel rikonoxximent ta’ debitu b’att notarili fejn ta lil Erste Bank id-dritt, minn naħa, li jittermina l-kuntratt ta’ self fil-każ ta’ inadempjenza tad-debitur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jirkupra d-dejn li jirriżulta mill-kuntratt, fuq il-bażi ta’ ċertifikat ta’ likwidazzjoni mħejji minnu, u jikseb mingħand in-nutar l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq id-diversi atti.

18.

Billi d-debitur ma wettaqx l-obbligu tiegħu ta’ ħlas, Erste Bank minn naħa, ittermina l-kuntratt u, min-naħa l-oħra, talab il-ħruġ tal-ordni ta’ infurzar kontra d-debitur. Peress li l-kundizzjonijiet legali meħtieġa f’dan is-sens ġew issodisfatti, fit-13 ta’ Diċembru 2011, in-nutar laqa’ dik it-talba.

19.

Fil-5 ta’ Ġunju 2013, id-debitur għamel talba lin-nutar biex iħassar l-ordni ta’ infurzar inkluża fl-att awtentikat li jinkorpora l-kuntratt ta’ self, filwaqt li sostna li dan kien fih klawżoli inġusti u injora dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi.

20.

Fit-13 ta’ Ġunju 2013, in-nutar ċaħad din it-talba. Huwa kkonstata li l-att kien jinvolvi impenn unilaterali, isem il-kreditur u dak tad-debitur, l-ammont tad-dejn u l-kawża tiegħu, il-modalitajiet ta’ infurzar kif ukoll it-terminu mogħti għal dan l-iskop, li kien jispeċifika l-kundizzjoni li tagħha kien jiggarantixxi t-twettiq u d-data ta’ din tal-aħħar u li kien jindika li kienet ġiet inkluża l-ordni ta’ infurzar fit-13 ta’ Diċembru 2011. In-nutar ippreċiża wkoll li l-proċedura notarili kellha natura mhux kontenzjuża u li ma kienx awtorizzat li jiddeċiedi vertenza bejn il-partijiet dwar il-klawżoli tal-kuntratt jew tar-regolarità tat-terminazzjoni tiegħu, kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kompetenza esklużiva tal-qrati. Barra minn hekk, qal ukoll li huwa biss kien responsabbli li jiżgura li min għamel is-self kien għamel it-terminazzjoni billi l-partijiet setgħu jikkontestaw ukoll id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt quddiem il-qorti u kellhom addizzjonalment il-possibbiltà li jistitwixxu proċedura li tirrestrinġi jew teskludi l-infurzar.

21.

Għalhekk id-debitur ressaq rikors quddiem il-qorti tar-rinviju għall-annullament tad-deċiżjoni tan-nutar u għat-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar. Huwa jikkontesta li jiġi indikat bħala debitur u jsostni li n-nutar, fir-rikonoxximent ta’ dejn awtentikat, ifformula klawżoli inġusti b’informazzjoni żbaljata. Huwa jikkunsidra li, fil-mument li sar l-att awtentikat tar-rikonoxximent ta’ dejn, l-eżistenza ta’ klawżoli nulli fil-kuntratt kellhom jiġu rrilevati. Huwa jikkontesta wkoll li l-awtentikazzjoni tista’ tippermetti l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar, sa fejn din tikkonċerna t-talba tal-kreditur u fuq il-bażi biss ta’ informazzjoni kompatibbli li huwa jikkomunika. Il-proċedura ta’ inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar għalhekk tirrappreżenta abbuż ta’ dritt, billi l-parti li titlob l-infurzar tissottometti att unilaterali għal ċirkustanza fejn l-eżami ma jkunx possibbli ħlief fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék (qorti tal-appell metropolitana) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-proċedura ta’ Stat Membru li skontha, meta konsumatur jonqos milli jwettaq obbligu stipulat f’att redatt minn nutar fl-osservanza tar-rekwiżiti formali, il-parti l-oħra fil-kuntratt tikseb il-validazzjoni ta’ ammont li hija indikat u li hija qed titlob il-ħlas tiegħu permezz tal-ħruġ ta’ dik li hija msejħa ordni ta’ infurzar, filwaqt li tiġi evitata kull proċedura kontenzjuża quddiem qorti, mingħajr ma tkun saret ebda evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni, hija konformi mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE?

2)

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-konsumatur jista’ jitlob l-annullament ta’ ordni ta’ infurzar li tkun diġà nħarġet billi jinvoka l-assenza ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli tal-kuntratt li fuqu din hija bbażata, filwaqt li f’każ ta’ proċedura quddiem qorti, is-sentenza mogħtija fil-Kawża C‑472/11 [Banif Plus Bank, EU:C:2013:88] timponi lill-qorti li tinforma lill-konsumatur dwar l-eżistenza ta’ kull klawżola inġusta li hija tkun ikkonstatat?”

23.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea. Erste Bank, il-Gvern Ungeriż u Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni ippreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul is-seduta li saret fil-pubbliku fil‑5 ta’ Frar 2015. Il-Gvern Ġermaniż ppreċiża li kien xtaq jintervjeni fis-seduta billi kienet teżisti, fid-dritt Ġermaniż, proċedura analoga għal dik tad-dritt Ungeriż.

IV – Fuq id-domandi preliminari

A – L-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Il-Gvern Ungeriż u dak Ġermaniż jaqblu fuq l-evalwazzjoni li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix proċedura għall-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar li jkollha karatteristiċi ta’ dik fil-kawża prinċipali. Iżda l-Kummissjoni hija ta’ fehma totalment opposta.

25.

Il-Gvern Ungeriż, wara li rrefera għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u ppreżenta l-karatteristiċi ewlenin tal-proċedura semplifikata ta’ infurzar notarili inkwistjoni fil-kawża prinċipali, essenzjalment isostni li din ma teskludix kull stħarriġ tal-klawżoli inġusti, kemm jekk isiru min-nutara stess jew mill-qrati nazzjonali.

26.

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-liġi fuq in-nutara timponilhom li jivverifikaw, meta jirrediġu l-att awtentikat, il-konformità mal-liġi u n-natura inġusta tad-diversi klawżoli tal-operazzjoni ġuridika sottostanti.

27.

Barra minn hekk, għalkemm il-proċedura tat-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar, li l-għan tagħha huwa biss li jiġi permess l-istħarriġ tal-legalità tal-proċedura tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar, teskludi kull stħarriġ tal-validità tal-klawżoli tal-kuntratt, il-konsumatur xorta, minn naħa, jista’ jistitwixxi proċedura ġudizzjarja sabiex jikseb il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ validità tal-kuntratt, kemm jekk l-infurzar intalabx jew le, u min-naħa l-oħra, iqajjem in-nuqqas ta’ validità tal-kuntratt fil-qafas ta’ proċedura għal-limitazzjoni jew l-esklużjoni ta’ infurzar (l-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

28.

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-qrati nazzjonali jistgħu u għandhom jistħarrġu n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratti jew tal-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali u, fl-osservanza tal-Artikolu 163 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u skont il-ġurisprudenza tal-Kúria (qorti suprema tal-Ungerija) ( 11 ), iqajmu ex officio l-każijiet ta’ nullità manifesta li jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-provi disponibbli.

29.

Għalhekk, is-sistema Ungeriża tħares bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-garanzija li l-għanijiet tad-Direttiva 93/13 jintlaħqu b’mod effikaċi u, min-naħa l-oħra, il-preżervazzjoni tal-għanijiet u tal-ispeċifiċità tal-proċedura notarili, mingħajr ma jispiċċa impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-individwi tad-drittijiet tagħhom.

30.

Il-Gvern Ġermaniż, li jippreċiża li t-titolu eżekuttiv notarili jeżisti fid-dritt Ġermaniż, sostna, waqt is-seduta, li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jirrikjedi l-eżistenza ta’ mezzi adegwati għan-newtralizzazzjoni tal-klawżoli inġusti tal-kuntratti, li ma jfissirx neċessarjament stħarriġ ex officio. Billi l-proċeduri nazzjonali tal-infurzar jirrigwardaw l-awtonomija proċedurali nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, analizzati fil-kuntest tagħhom filwaqt li jitqiesu l-mezzi kollha ta’ rimedju eżistenti, humiex ta’ natura li jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-konsumaturi tad-drittijiet li għandhom skont id-Direttiva 93/13.

31.

F’dan il-kuntest, wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-missjoni ġenerali tan-nutar, kif iddefinita mil-liġi nazzjonali kif ukoll l-oneru li għandu mill-obbligi ta’ stħarriġ, il-modalitajiet konkreti li fihom hemm l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fl-att awtentikat u l-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-infurzar.

32.

Il-Gvern Ġermaniż f’dan ir-rigward jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm id-Direttiva 93/13 timponi, fil-kawżi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u konsumatur, intervent pożittiv, li jkun estern għall-partijiet fil-kuntratt, mill-qorti nazzjonali adita b’dawn il-kawżi, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma jmurx sal-punt li jieħu post integralment il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat ( 12 ).

33.

Iżda l-Kummissjoni, li tipproponi risposta għal kull domanda, tikkunsidra li d-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tipprekludi l-leġiżlazzjoni Ungeriża.

34.

B’risposta għall-ewwel domanda u b’riferiment prinċipali għas-sentenza Banco Español de Crédito ( 13 ), hija ssostni li l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi li n-nutar jista’ joħroġ att li jista’ jiġi infurzat fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ self ifformulat f’att awtentikat mingħajr ma jkun eżamina n-natura inġusta tad-diversi klawżoli tal-kuntratt.

35.

L-ewwel nett, in-nutar għandu jkun jista’, fl-istadju tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq l-att awtentikat li jinkorpora l-kuntratt, jeżamina, jekk hemm bżonn ex officio, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt, meta jkollu l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa f’dan is-sens, kif normalment ikun il-każ, u jinforma lill-partijiet b’dan.

36.

F’dan ir-rigward hija tosserva li, filwaqt li att notarili li jkollu fih formula ta’ infurzar jipproduċi, skont l-Artikolu 31/E (2) tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja, l-istess effett bħal deċiżjoni ta’ qorti lokali, in-nutar jista’ biss, waqt il-proċedura ta’ infurzar, jivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti li hemm fl-Artikolu 23/C (1) tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja. Għalhekk, il-konsumatur ma jistax jinvoka l-protezzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fuq il-klawżoli kuntrattwali ħlief jekk jistitwixxi proċedura biex teskludi jew tillimita l-infurzar, skont l-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, u imbagħad il-qorti adita tkun tista’ tissospendi l-infurzar.

37.

Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll fis-seduta li dan l-obbligu għal konsumatur li jadixxi qorti biex jikkontesta klawżola inġusta ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ effettività. Hija żiedet tgħid ukoll li, jekk in-nutar ikun ġie informat minn qorti nazzjonali bit-tressiq minn konsumatur, huwa għandu jkun jista’ jissospendi l-proċedura tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar.

38.

Barra minn hekk, in-nutar għandu jkun jista’, fl-istadju li jsir l-att awtentikat li jinkorpora l-kuntratt, jeżamina ex officio, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dmirijiet li jagħti parir li għandu skont il-liġi tan-nutara, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt kif ukoll jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan li hemm fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13.

39.

B’risposta għat-tieni domanda u b’riferiment f’dan ir-rigward għas-sentenza Banif Plus Bank ( 14 ), il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk in-nutar għandu jevalwa ex officio, fl-istadju tal-infurzar, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jservu ta’ appoġġ lill-att notarili, il-konsumatur għandu, a fortiori, ikun jista’ jieħu l-inizjattiva li jikkontesta l-att notarili li jista’ jiġi infurzat u jitlob it-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar għar-raġuni li n-nutar ma eżaminax in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt.

B – L-analiżi tiegħi

40.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil nutar li jkun għamel, b’osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentikat li jikkonċerna kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jinkludi f’dak l-att l-ordni ta’ infurzar u jwettaq b’hekk, lil hinn minn kull proċedura kontenzjuża quddiem qorti u mingħajr ma jkun hemm l-ebda stħarriġ minn qabel tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt, l-infurzar tal-kuntratt kontra l-konsumatur li jkun naqas mill-obbligi tiegħu.

41.

Bit-tieni domanda tagħha, hija trid tkun taf ukoll jekk, fid-dawl tas-sentenza Banif Plus Bank ( 15 ), id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil konsumatur li jitlob it-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar inkluża f’att awtentikat li jikkonċerna kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur meta jinvoka l-assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

42.

Sabiex jinftiehem sew is-sens ta’ dawn iż-żewġ domandi, hemm bżonn li nibdew b’deskrizzjoni preċiża tal-intervent doppju tan-nutar fil-kuntest tal-proċedura tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm jekk fl-istadju tal-inklużjoni tal-ordni proprja, fuq talba tal-kreditur, kif ukoll jekk fl-istadju tat-tneħħija eventwali tagħha, fuq talba tad-debitur, fiż-żewġ każijiet bi stħarriġ strettament formali.

1. L-intervent doppju tan-nutar fil-kuntest tal-proċedura tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar

43.

Il-liġi Ungeriża tistabbilixxi, b’mod konkret ħafna, mekkaniżmu semplifikat jew imħaffef ta’ infurzar tal-obbligi kuntrattwali, li jistrieħ fuq intervent doppju tan-nutara, filwaqt li tinħoloq preċedenza fl-eżerċizzju mill-partijiet fil-kuntratt tal-prerogattivi rispettivi tagħhom. Għalhekk, din tippermetti lil bank li, bħal fil-kawża prinċipali ikun ikkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ individwu u jitlob nutar sabiex dan tal-aħħar jagħmel att awtentikat li jirrikonoxxi d-dejn tad-debitur, jitlob li dan in-nutar ( 16 ), fil-każ ta’ inadempjenza tal-kuntratt mid-debitur, jipproċedi għall-ħruġ tal-ordni ta’ infurzar fuq l-att awtentikat. Fi kliem ieħor, hija tippermetti lill-bank jitlob lin-nutar, fuq il-bażi tal-elementi li jipprovdi, li jagħti bidu permezz ta’ ċertu numru ta’ rekwiżiti formali l-infurzar tal-kuntratt, mingħajr il-bżonn li jadixxi qorti għal dan l-iskop. Huwa biss wara li d-debitur jista’ jmur quddiem in-nutar sabiex jikseb it-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar li tkun inħarġet.

44.

L-obbligi tan-nutar fl-istadju tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq l-att awtentikat li jkun ifformula huma elenkati fl-Artikolu 23/C tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja, li essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 112 tal-liġi fuq in-nutara. Dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw li nutar jista’ jinkludi din l-ordni ta’ infurzar ladarba l-erba’ kundizzjonijiet li dawn jiddefinixxu jiġu ssodisfatti: dan l-att għandu jindika l-impenn li jirrigwarda l-prestazzjoni u l-kontroprestazzjoni, l-ismijiet tal-kreditur u tad-debitur, l-oġġett tal-obbligu, l-ammont tiegħu u l-kawża tiegħu u, fl-aħħar nett, il-modalitajiet tal-infurzar u t-terminu tiegħu.

45.

Kif ikkonferma l-Gvern Ungeriż, huwa sempliċement ta’ natura formali l-istħarriġ li jkun għamel in-nutar, fuq il-bażi biss tad-dokumenti prodotti mill-parti li titlob l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar. B’mod partikolari, ma huwiex obbligat li jevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jridu jiġu infurzati bis-saħħa tal-att awtentikat, minkejja li jkollu l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan l-iskop.

46.

Il-leġiżlazzjoni Ungeriża tistabbilixxi li n-nutar jista’, imbagħad, ineħħi ( 17 ) l-ordni ta’ infurzar inkluża fl-att awtentikat, fuq talba tad-debitur, u din it-tneħħija tkun bi dritt meta l-inklużjoni tkun saret bi ksur tal-liġi. In-nutar li jordna l-infurzar jista’ wkoll, fi kwalunkwe ħin jordna l-irtirar tal-kopja eżekuttiva jew it-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar wara talba minn kull parti, fuq il-bażi ta’ ċitazzjoni jew l-inizjattiva tagħhom stess.

47.

Il-Gvern Ungeriż indika, f’dan ir-rigward, li din il-proċedura kellha bħala l-uniku għan li tippermetti l-istħarriġ tal-legalità tal-proċedura tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar, jiġifieri tal-osservanza tar-rekwiżiti formali msemmijin fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, kif ma jkunx possibbli għan-nutar li jistħarreġ id-diversi klawżoli tal-kuntratt fil-mument tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar, lanqas ma jkun possibbli għalih li jagħmel dan l-istħarriġ fil-kuntest tal-proċedura ta’ tneħħija ta’ dik l-ordni ta’ infurzar.

48.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, huwa ċar li ż-żewġ domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju jqajmu l-istess problema waħda li essenzjalment tattribwixxi lin-nutar kompetenzi fir-rigward tad-dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva ta’ obbligu kuntrattwali, f’dan il-każ dejn ipotekarju, u għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati flimkien.

49.

Sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli għal dawn iż-żewġ domandi, għandhom jitfakkru l-ewwel nett, lil hinn mis-sentenza Banif Plus Bank espressament imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha ( 18 ), il-prinċipji ewlenin tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha.

2. Id-definizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-rekwiżiti prinċipali li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13

50.

Skont l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”, huwa żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-politika tal-Unjoni, prinċipju ewlieni li jgħodd għall-implementazzjoni tad-Direttiva 93/13 ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni wkoll li tippreċiża li l-qorti nazzjonali għandha, meta timplementa d-dritt tal-Unjoni, tosserva r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet għandhom skont id-dritt tal-Unjoni, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 20 ), protezzjoni li għandha tgħodd kemm fuq il-livell tal-indikazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali dwar tali kawżi ( 21 ).

51.

Fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 tibbaża ruħha fuq l-idea li l-konsumatur qiegħed f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħa u l-fornituri għal dak li jirrigwarda kemm il-poter ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu joqgħod għal kundizzjonijiet ifformulati minn qabel mill-bejjiegħa jew fornituri, mingħajr ma jista’ jkollu xi influwenza fuq il-kontenut tagħhom ( 22 ).

52.

Għaldaqstant l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi.

53.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali tali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar ( 23 ).

54.

Minn dan hija ddeduċiet b’mod partikolari, u diversi drabi, li l-qorti nazzjonali kienet obbligata tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta jsir hekk, tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, ladarba jkollha punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa f’dan is-sens ( 24 ), sa fejn ikun jeżisti riskju mhux negliġibbli li, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ għarfien, il-konsumatur ma jinvokax in-natura inġusta tal-klawżola li hemm fil-konfront tiegħu ( 25 ).

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-qorti nazzjonali għandha tieħu miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, jekk dan ikun il-każ, tevalwa ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola bħal dik ( 26 ). Hija ppreċiżat ukoll li l-qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija obbligata, minn naħa, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur jippreżenta talba f’dan is-sens, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn dik il-konstatazzjoni, dejjem bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju ( 27 ), bil-għan li tiżgura ruħha li dak il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola u, min-naħa l-oħra, li tevalwa, fil-prinċipju abbażi ta’ kriterji oġġettivi, jekk il-kuntratt ikkonċernat jistax jissussisti mingħajr l-imsemmija klawżola ( 28 ).

56.

F’dan il-kuntest għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kawża Banif Plus Bank ( 29 ) li l-qorti tar-rinviju ċċitat espressament fit-tieni domanda tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija partikolarment dwar jekk l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu jew, għall-kuntrarju, jippermettu li l-qorti nazzjonali li kkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali tinforma lill-partijiet li rrilevat l-eżistenza ta’ klawżola ta’ nullità u tistedinhom jippreżentaw dikjarazzjoni f’dan ir-rigward.

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan il-każ li l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma hijiex obbligata, sabiex tkun tista’ tislet il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni, li tistenna li l-konsumatur, informat dwar id-drittijiet tiegħu, jippreżenta dikjarazzjoni fejn jitlob li din il-klawżola tiġi annullata. Hija madankollu żiedet tgħid li skont il-prinċipju ta’ kontradittorju, bħala regola ġenerali, il-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija obbligata tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u għandha tagħtihom il-possibbiltà jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali ( 30 ).

58.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju ma tipprevedix raġunijiet ta’ oppożizzjoni bbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tat-titolu eżekuttiv, ma tippermettix lill-qorti li quddiemha titressaq il-proċedura dwar il-mertu, li jkollha l-kompetenza sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ tali klawżola, tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni, meta l-ħruġ ta’ dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali tagħha ( 31 ).

59.

Din l-istess direttiva tipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni, fil-qafas ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju li tadotta miżuri provviżorji, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun meħtieġ biex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali tal-qorti adita bil-proċedura dwar il-mertu korrispondenti, li għandha kompetenza biex tivverifika n-natura inġusta ta’ dik il-klawżola ( 32 ).

60.

Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza għal kollox stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li fl-assenza, fid-dritt tal-Unjoni ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ infurzar huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 33 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-proċeduri nazzjonali ta’ infurzar kienu suġġetti għal rekwiżiti dderivati mill-ġurisprudenza tagħha li tobbliga lill-qorti nazzjonali tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 ( 34 ).

61.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan il-kuntest li, biex jiġi evalwat jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi analizzata filwaqt li jitqies ir-rwol tagħha fil-kumpless tal-proċedura, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha fil-konfront ta’ diversi eżempji nazzjonali ( 35 ), iżda bil-preċiżazzjoni li l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri li jiżvolġu fil-kuntest nazzjonali bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġudizzjarja li dawn tal-aħħar għandhom igawdu minnha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ( 36 ).

62.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata, fil-kuntest leġiżlattiv li qiegħda fih, il-proċedura tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

3. Ir-risposti għad-domandi preliminari

63.

Bl-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża, issa għandu jiġi enfasizzat li l-problema li qiegħda fil-qalba taż-żewġ domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju hija li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tistabbilixxi li d-dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva ta’ obbligu f’kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, bħad-dejn ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tintalab mingħand nutar, mingħajr ma tkun ġiet eżaminata qabel, jekk meħtieġ ex officio u b’osservanza tal-kontradittorju, in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, indipendentement mill-mezzi ta’ rimedju li jippermettu wkoll li jiġi kkontestat il-kuntratt jew l-infurzar tiegħu. L-istess sistema tirregola t-talba suċċessiva eventwali ta’ tneħħija tal-ordni ta’ infurzar.

64.

L-argument ċentrali kemm tad-debitur kif ukoll tal-Kummissjoni huwa li din il-possibbiltà li jinbeda l-infurzar ta’ kuntratt hija ta’ natura li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13 imfakkra iktar ’il fuq, fosthom is-sentenza Banif Plus Bank ( 37 ). Fil-fatt, billi, kif inhu allegat, l-inklużjoni minn nutar ta’ ordni ta’ infurzar f’att awtentikat li fih kuntratt tipproduċi effetti analogi għal dawk ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, jirriżulta neċessarjament li din il-ġurisprudenza għandha tiġi applikata għall-intervent tan-nutar. Għalhekk in-nutar ikun suġġett b’mod partikolari għall-obbligu li jqajjem ex officio n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u li jistieden lill-partijiet li jargumentaw dan fil-kontradittorju.

65.

Madankollu qari bħal dan tal-ġurisprudenza jħalli barra element fundamentali, jiġifieri li din tirrigwarda speċifikament ir-rwol tal-qorti nazzjonali msejħa biex teżerċita l-funzjonijiet tagħha, biex b’hekk tidħol strettament fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, din il-ġurisprudenza titlaq mill-premessa li hija qorti li tkun adita u li tista’, qabel ma tiddikjara obbligu kuntrattwali eżegwibbli, teżamina, jekk hemm bżonn ex officio, meta jkollha punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji f’dan is-sens, il-preżenza eventwali ta’ klawżoli inġusti, tqajjem dibattitu kontradittorju bejn il-partijiet f’dan ir-rigward u tislet il-konsegwenzi li jirriżultaw jekk ikun il-każ, billi tiddikjara nulli l-klawżoli inġusti jew tipprekludi l-infurzar “kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom” ( 38 ).

66.

Il-possibbiltà li tiġi estiża lin-nutar, f’ċirkustanzi li fihom leġiżlazzjoni nazzjonali tagħtih il-kompetenza li jipproċedi għall-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq att awtentikat li jinkorpora kuntratt, u wara li jneħħiha jekk ikun il-każ, il-fakultà li jeżerċita kompetenzi li jaqgħu direttament taħt il-funzjoni ġudizzjarja, tiltaqa’ ma’ diffikultajiet partikolarment insormontabbli, li jirrigwardaw il-prinċipju tal-monopolju ta’ dik il-funzjoni ġudizzjarja.

67.

Fil-fatt, id-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax ikollha bħala konsegwenza li tiġi imposta fuq l-Istati Membri modifika tal-funzjoni notarili ta’ tali portata li twassal lin-nutar li joħloq kontradittorju bejn il-partijiet f’kuntratt fejn fi tmiemu huwa jkollu jiddeċiedi n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u tan-nullità eventwali tagħha.

68.

F’din il-perspettiva, nikkunsidra li, bla ħsara għal ċertu numru ta’ preċiżazzjonijiet, bilfors trid tingħata risposta negattiva liż-żewġ domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju, kif riformulati fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

69.

L-ewwel nett, id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, kif inhu inkontestabbilment id-dritt tiegħu, jippermetti li nutar jinkludi l-ordni ta’ infurzar f’att awtentikat li jkollu fih kuntratt mingħajr ma jkun hemm ebda stħarriġ minn qabel, anki ex officio, tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

70.

Bla dubju, kif qalet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-proċedura ta’ infurzar semplifikata inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, jekk ikun il-każ, lil bejjiegħ jew fornitur li jikseb mingħand nutar, l-ewwel nett dikjarazzjoni ta’ natura eżekuttiva ta’ obbligu kuntrattwali, mingħajr ma jkun hemm minn qabel u neċessarjament proċedura ġudizzjarja kontradittorja. Il-konsumatur li jkun jixtieq jikkontestaha jkun obbligat jew li jressaq rikors fejn jikkontesta l-validità tal-kuntratt, jew li jressaq rikors intiż li jeskludi jew jillimita l-infurzar skont l-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

71.

Madankollu, is-sempliċi fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma inkorporatx obbligu għan-nutar li jqajjem ex officio fl-istadju tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq l-att awtentikat li jikkonċerna kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dak il-kuntratt u, dejjem fl-osservanza tal-kontradittorju, li jinstiltu minn dawn il-konsegwenzi, ma jistax, waħdu, iwassal għall-konklużjoni li l-liġi Ungeriża ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 93/13, u dan kollu sakemm fuq kollox tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil dak il-konsumatur.

72.

Fil-fatt, u minn naħa, id-Direttiva 93/13 ma toffrix bażi suffiċjenti biex toħloq ostakolu għall-kompetenza fundamentali tal-Istati Membri li jagħtu lin-nutara s-setgħa li jinkludu l-ordni ta’ infurzar fuq att awtentikat li jikkonċerna kuntratt. Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li jiġi estiż għan-nutar l-inkarigu mogħti lill-qorti mid‑Direttiva 93/13 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

73.

Barra minn hekk, kif osservajt diġà, il-ġurisprudenza kollha rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà partikolari tal-qrati nazzjonali fl-implementazzjoni tad-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari l-ħtieġa li jitħallew jevalwaw ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt, tistrieħ fuq il-postulat li dawn tal-aħħar jiġu aditi minn qabel minn waħda mill-partijiet f’dak il-kuntratt.

74.

Issa, kif essenzjalment sostna l-Gvern Ġermaniż, la d‑Direttiva 93/13 u lanqas il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li huwa imperattiv għall-Istati Membri li jistabbilixxu obbligu legali għan-nutara li jieħdu post il-qrati nazzjonali biex jistħarrġu, b’osservanza tal-kontradittorju, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratti li jinsabu fl-atti awtentikati li jifformulaw u lanqas, b’mod iktar ġenerali, li jemendaw ir-regoli ta’ proċedura ċivili tagħhom b’mod li n-nutara jkollhom is-setgħa li jirrimedjaw għall-passività totali tal-konsumaturi li ma jkunux użaw id-dritt tagħhom ta’ rimedju.

75.

Imbagħad, b’koerenza meħtieġa ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq u fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna t-tieni domanda, id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil konsumatur li jitlob it-tneħħija tal-ordni ta’ infurzar inkluża fl-att awtentikat li jikkonċerna kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur filwaqt li jinvoka l-assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

76.

Fil-fatt, huwa daqstant diffiċli wkoll li jiġi impost l-obbligu fuq in-nutar, fuq il-bażi biss tad-Direttiva 93/13, li jiddeċiedi, fi tmiem proċedura kontradittorja, fl-istadju tal-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar f’att awtentikat li jikkonċerna kuntratt, fuq il-preżenza ta’ klawżoli inġusti, milli jiġi impost fuqu fil-qafas ta’ proċedura ta’ tneħħija ta’ dik l-ordni. Għaldaqstant huwa biżżejjed li f’dan ir-rigward, wieħed jirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmulin fil-punti 69 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

77.

Wara li ntqal dan, risposta adegwata għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, li tkun utli għal din tal-aħħar u tibqa’ koerenti mal-ispirtu tad-Direttiva 93/13 kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tkun issodisfatta b’din l-unika dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà ta’ prinċipju tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li jiġu fformulati ċerti caveats, li jirriżultaw fil-biċċa l-kbira mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt hemm bżonn li ssir insistenza, filwaqt li jiġu speċifikati, fuq l-obbligi li hemm kemm fuq in-nutara kif ukoll fuq il-qrati nazzjonali, fir-rigward tal-għan speċifiku ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li ssegwi d-Direttiva 93/13 u, b’mod iktar ġenerali, il-ħtiġijiet li jirriżultaw mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

78.

L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda n-nutara, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali magħmulin lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-liġi fuq in-nutara, li tistabbilixxi l-importanza tar-rwol tagħhom fil-prevenzjoni tal-kawżi u t-tnaqqis tal-piż tax-xogħol tal-qrati, tiddefinixxi f’termini ġenerali ħafna, fl-Artikolu 1, l-obbligi tagħhom. Huma obbligati, b’mod partikolari, bil-pariri tagħhom, fil-proċeduri li jirrigwardaw ix-xogħol tagħhom, jgħinu lill-partijiet, filwaqt li jiżguraw l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom.

79.

L-Artikolu 3(1) tal-liġi fuq in-nutara tippreċiża wkoll li “n-nutar huwa obbligat li jirrifjuta l-assistenza tiegħu meta tkun inkompatibbli mal-obbligi tiegħu, partikolarment meta l-assistenza tiegħu tintalab għall-finijiet ta’ operazzjoni ġuridika li tmur kontra l-liġi jew li tkun trid teludiha jew fejn l-għan tagħha huwa projbit jew abbużiv”. L-Artikolu 3(2) tal-liġi fuq in-nutara żżid tgħid li “meta, matul il-proċedura, in-nutar jinduna b’element li jqajjem dubji, mingħajr ma jkun hemm lok li jirrifjuta l-assistenza tiegħu, huwa obbligat li jiġbed l-attenzjoni tal-partijiet fuq dan l-element u li jsemmi dan bil-miktub. Jekk il-parti tqajjem oġġezzjoni kontra dan l-element, in-nutar jirrifjuta l-assistenza tiegħu”.

80.

Fl-istadju li jsiru atti awtentikati li jikkonċernaw kuntratt, in-nutara b’hekk għandhom, fir-rigward tal-obbligi li hemm fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, li jimponilhom li jistabbilixxu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mill-bejjiegħa jew fornituri ma’ konsumaturi, responsabbiltà partikolari li jagħtu informazzjoni u pariri lill-konsumatur.

81.

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, in-nutar għandu joqgħod attent skrupolożament, fil-mument li jsir l-att awtentikat li jikkonċerna kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, mhux biss li javża lill-konsumatur bl-eżistenza eventwali ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti li jkun sab, imma wkoll jinformah bis-setgħa li tagħtih il-liġi li jekk ikun hemm bżonn jinkludi l-ordni ta’ infurzar fuq dak l-att awtentikat, u eventwalment li jiddeċiedi li jneħħiha, fuq l-unika bażi ta’ stħarriġ formali, kif ukoll ta’ konsegwenzi li jirriżultaw minn din l-inklużjoni, b’mod partikolari fuq il-livell proċedurali.

82.

F’dan il-każ, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li n-nutar għandu, skont il-liġi Ungeriża, fl-istadju tat-twaqqif ta’ att awtentiku li jikkonċerna kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur, rwol ta’ prevenzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt u li jista’, tal-inqas, u b’mod partikolari f’każ ta’ dubju fuq in-natura inġusta ta’ klawżola, jinforma b’dan lill-partijiet, partikolarment lill-konsumatur, li jkun jista’ imbagħad, jekk ikun il-każ, juża d-dritt tiegħu għar-rimedju filwaqt li jadixxi l-qorti nazzjonali kompetenti.

83.

Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi fuq in-nutara huma b’hekk, fil-prinċipju, ta’ natura li jikkontribwixxu għall-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 li jimponu fuq l-Istati Membri li jwaqqfu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jispiċċa l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mill-bejjiegħa jew fornituri mal-konsumaturi. Madankollu, hija biss il-qorti tar-rinviju li hija kompetenti biex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, li tislet il-konsegwenzi tagħhom.

84.

Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-qrati, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu lill-konsumaturi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, filwaqt li jiġu offruti l-possibbiltà li jressqu rikors, kontra l-kuntratt stess u/jew l-infurzar tiegħu, li ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, partikolarment ta’ dewmien, li jirrendu eċċessivament diffiċli jew fil-prattika impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 ( 39 ), li fil-kuntest tagħha, il-qorti għandha tkun tista’ teżamina, jekk hemm bżonn ex officio ladarba jkollha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatti meħtieġa għal dan l-iskop, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jinstiltu l-konsegwenzi fil-kundizzjonijiet iffissati fid-dritt nazzjonali, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

85.

F’dan il-każ, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Ungeriż li d-dritt Ungeriż jistabbilixxi li l-konsumatur jista’ minn naħa, iressaq rikors biex jikkontesta l-validità tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, li jagħmel proċedura għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-infurzar, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura, il-konsumatur jista’ wkoll jitlob, kif irrilevat il-Kummissjoni, is-sospensjoni tal-infurzar tal-kuntratt magħmul bl-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar min-nutar.

86.

Il-konsumatur għalhekk jista’, l-ewwel nett, jadixxi f’kull mument, qabel kif ukoll wara l-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar, lill-qrati nazzjonali b’rikors li jikkontesta l-validità tal-kuntratt li fuq il-bażi tiegħu jkun ġie stabbilit l-att awtentikat provvist bl-ordni ta’ infurzar.

87.

Imbagħad, ladarba tiġi inkluża l-ordni ta’ infurzar, u mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, invokata diġà, li tintalab it-tneħħija tagħha, tkun tista’ ssir proċedura għall-esklużjoni jew għal-limitazzjoni tal-infurzar, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li fil-kuntest tagħha jkun possibbli għalih li jinvoka l-assenza ta’ validità tal-kuntratt u jitlob is-sospensjoni tal-infurzar, bis-saħħa tal‑Artikolu 370 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

88.

Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri li l-kumpless tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li sar riferiment għaliha fil-punti 51 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandu jiġi applikat għall-kollox. L-osservanza tar-rekwiżiti li tqajjem din il-ġurisprudenza hija tassattiva fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik stabbilita fl-Artikoli 369 u 370 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sa fejn l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet telenka b’mod limitattiv ir-raġunijiet meta jkun possibbli li tintalab l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tal-infurzar li jsir bl-inklużjoni min-nutar tal-ordni ta’ infurzar fuq att awtentikat li jikkonċerna kuntratt, u fosthom ma hemmx in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

89.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-argumenti kollha msemmija iktar ’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi ż-żewġ domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju billi tiddeċiedi li l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, tippermetti lil nutar li jkun għamel, fl-osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentikat li jikkonċerna kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li jinforza kuntratt kontra l-konsumatur li jkun naqas mill-obbligi tiegħu, jew billi jipproċedi bl-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq dak l-att, jew billi jirrifjuta li jipproċedi għat-tneħħija tagħha, mingħajr, la fi stadju u lanqas f’ieħor, ma jkun hemm stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt.

90.

Madankollu, in-nutar huwa obbligat, fil-mument meta jagħmel dan l-att awtentikat, li jinforma lil dan il-konsumatur bl-eżistenza eventwali ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti li jkun sab, kif ukoll bis-setgħa li tagħtih il-liġi li jeżegwixxi l-kuntratt, fuq il-bażi biss ta’ stħarriġ formali, u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnu, b’mod partikolari fuq il-livell proċedurali.

91.

Min-naħa l-oħra, din l-istess direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi qorti nazzjonali, tkun li tkun in-natura tal-proċedura li fil-kuntest tagħha hija tkun ġiet adita, milli teżamina ex officio, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt, ladarba jkollha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa f’dan is-sens, u li tislet minnhom il-konsegwenzi.

V – Konklużjoni

92.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék ikunu kif ġej:

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, tippermetti lil nutar li jkun għamel, fl-osservanza tar-rekwiżiti formali, att awtentikat li jikkonċerna kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li jinforza kuntratt kontra l-konsumatur li jkun naqas mill-obbligi tiegħu, jew billi jipproċedi bl-inklużjoni tal-ordni ta’ infurzar fuq dak l-att, jew billi jirrifjuta li jipproċedi għat-tneħħija tagħha, mingħajr, la fi stadju u lanqas f’ieħor, ma jkun hemm stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt.

Madankollu, in-nutar huwa obbligat, fil-mument meta jagħmel dan l-att awtentikat, li jinforma lil dan il-konsumatur bl-eżistenza eventwali ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti li jkun sab, kif ukoll bis-setgħa li tagħtih il-liġi li jeżegwixxi l-kuntratt, fuq il-bażi biss ta’ stħarriġ formali, u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnu, b’mod partikolari fuq il-livell proċedurali.

Min-naħa l-oħra, din l-istess direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi qorti nazzjonali, tkun li tkun in-natura tal-proċedura li fil-kuntest tagħha hija tkun ġiet adita, milli teżamina ex officio, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt, ladarba jkollha l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa f’dan is-sens, u li tislet minnhom il-konsegwenzi.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

( 3 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350); VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659); Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242); Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88); Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340); Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282); kif ukoll, Baczó u Vizsnyiczai (C‑567/13, EU:C:2015:88), u d-digriet Sebestyén (C‑342/13, EU:C:2014:1857).

( 4 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346); Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675); Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615); Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349); Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164); Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279); Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099); Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21); kif ukoll id-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759).

( 5 )   Iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”.

( 6 )   Iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”.

( 7 )   Iktar ’il quddiem, il-“liġi fuq l-eżekuzzjoni ġudizzjarja”.

( 8 )   Iktar ’il quddiem il-“liġi fuq in-nutara”.

( 9 )   Iktar ’il quddiem “Erste Bank”.

( 10 )   Iktar ’il quddiem id-“debitur”.

( 11 )   Il-Gvern Ungeriż jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Avviż Nru 2/2010 tat-28 ta’ Lulju 2010 u Nru 2/2012, ta’ Diċembru 2012.

( 12 )   Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 56).

( 13 )   C‑618/10, EU:C:2012:349.

( 14 )   C-472/11, EU:C:2013:88.

( 15 )   C‑472/11, EU:C:2013:88.

( 16 )   Waqt is-seduta ġie ppreċiżat li d-dritt Ungeriż jippermetti, meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu hekk, li jintervjenu żewġ nutara differenti, l-ewwel wieħed biex jirrediġi l-att awtentikat u t-tieni wieħed biex jinkludi l-ordni ta’ infurzar.

( 17 )   Artikoli 211 u 224/A tal-Liġi fuq l-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja.

( 18 )   C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 17.

( 19 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 52), kif ukoll Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 47).

( 20 )   Ara s-sentenzi Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 29); Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35); kif ukoll Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 47).

( 21 )   Ara s-sentenzi Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 49) kif ukoll Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35).

( 22 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25); Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 25); Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 44); Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 32); Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 22); kif ukoll Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 48).

( 23 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 40) kif ukoll Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 23).

( 24 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46); Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 34) u Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 24), kif ukoll id-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 41).

( 25 )   Ara s-sentenza, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 26).

( 26 )   Ara s-sentenza VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punti 49 sa 56), dwar klawżola li tagħti ġurisdizzjoni territorjali esklużiva li tidher fil-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża; ara wkoll is-sentenzi Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 44) kif ukoll Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 24).

( 27 )   Ara s-sentenza Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 17 sa 36).

( 28 )   Ara s-sentenza Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 48).

( 29 )   C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 17.

( 30 )   Ara l-punti 17 sa 36.

( 31 )   Ara s-sentenzi Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punti 49 sa 64); Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 36).

( 32 )   Ara d-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 60) u s-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 28).

( 33 )   Ara s-sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 50); Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 46); Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 37); Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 31) u Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 50); kif ukoll id-digriet Banco Popular Español u Banco de Valencia (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 45).

( 34 )   Ara s-sentenzi Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 51) u Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 24).

( 35 )   Ara s-sentenzi Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 34) u Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 52).

( 36 )   Ara s-sentenzi Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 55); Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 62); kif ukoll Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 53).

( 37 )   C‑472/11, EU:C:2013:88.

( 38 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 58) kif ukoll Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 2527).

( 39 )   Dwar il-kwistjoni tat-termini tad-dekadenza, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:321).