KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑20/14

BGW Beratungs-Gesellschaft Wirtschaft mbH, li kienet BGW Marketing- & Management‑Service GmbH

vs

Bodo Scholz

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundespatentgericht (il-Ġermanja)]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Artikolu 4(1)(b) — Raġunijiet supplimentari għal rifjut jew ta’ invalidità — Trade mark sussegwenti komposta minn sekwenza ta’ ittri li jirriproduċu l-element verbali tat-trade mark preċedenti flimkien ma’ sintamma komposta minn kliem li l-ittri inizjali tagħhom jirriproduċu l-ittri tas-sekwenza — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni”

1. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE ( 2 ) u tressqet fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni magħmula mill-kumpannija BGW Beratungs‑Gesellschaft Wirtschaft mbH, li kienet BGW Marketing- & Management‑Service GmbH (iktar ’il quddiem “BGW”) kontra r-reġistrazzjoni, mid-Deutsches Patent- und Markenamt (iktar ’il quddiem id-“DPMA”), tat-trade mark verbali “BGW Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft”.

I – Il-kuntest ġuridiku

2.

Id-Direttiva 2008/95, li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008, ikkodifikat id-Direttiva 89/104/KEE ( 3 ).

3.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità [invalidità]” jipprovdi fil-paragrafu 1(b) u (c) tiegħu:

“1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità [invalidità]:

[…]

b)

trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

c)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija [prodotti] jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

[…]”

4.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Raġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità [invalidità] li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti”, jipprovdi fil-paragrafu 1(a) u (b) tiegħu:

“1.   Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità [invalidità]:

a)

jekk tkun identika għal trade mark preċedenti, u l-merkanzija [prodotti] jew is-servizzi li għalihom it-trade mark hi applikata jew reġistrata jkunu identiċi għall-merkanzija jew servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hi protetta;

b)

jekk minħabba l-identità tagħha, jew similarità, għat-trade mark preċedenti u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

II – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5.

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

6.

Fil-11 ta’ Diċembru 2006, it-trade mark verbali “BGW Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft” (iktar ’il quddiem it-“trade mark sussegwenti”) ġiet irreġistrata fir-reġistru tad-DPMA għall-prodotti fil-klassijiet 16, 35, 41 u 43 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat ( 4 ). Saret oppożizzjoni għal din ir-reġistrazzjoni fuq il-bażi tat-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża li ġejja:

Image

irreġistrata mill-21 ta’ Lulju 2004 għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 35 u 41 fis-sens tal-imsemmi Ftehim ta’ Nice (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) ( 5 ).

7.

B’deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2009, id-dipartiment tat-trade marks tal-klassi 44 tad-DPMA, wara li kkonstata probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, annulla b’mod parzjali t-trade mark sussegwenti u ċaħad l-oppożizzjoni għall-kumplament. Wara rikors ippreżentat mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, din id-deċiżjoni ġiet irrevokata permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2012 tad-dipartiment tat-trade marks tal-klassi 44 tad-DPMA, għar-raġuni li ma ntweriex użu tat-trade mark preċedenti li huwa xieraq għaż-żamma tad-drittijiet miksuba.

8.

BGW ippreżentat rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2012 quddiem il-Bundespatentgericht.

9.

Din il-qorti tqis, fuq il-bażi tad-dokumenti prodotti quddiemha minn BGW, li ntwera użu tat-trade mark preċedenti li huwa xieraq għaż-żamma tad-drittijiet miksuba, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-“materjal stampat” u s-servizzi ta’ “reklamar”, “organizzazzjoni ta’ seminars” u “organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet”, billi s-servizzi msemmija huma pprovduti prinċipalment lil impriżi fis-settur tas-saħħa, b’mod partikolari lil okulisti u lil bejjiegħa ta’ hearing aids. Hija tikkonkludi li t-trade marks kunfliġġenti jkopru prodotti identiċi, jiġifieri l-materjal stampat, u servizzi parzjalment identiċi u parzjalment simili.

10.

Fir-rigward tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, il-qorti tar-rinviju tqis li l-impressjoni ġenerali tat-trade mark preċedenti hija esklużivament iddominata mis-sekwenza tal-ittri “BGW”, filwaqt li l-komponenti figurattiva ta’ din it-trade mark hija insinjifikattiva mil-lat viżiv u totalment irrilevanti mill-perspettiva fonetika. L-impressjoni ġenerali tat-trade mark sussegwenti hija wkoll iddominata mill-istess sekwenza ta’ ittri. Skont il-qorti tar-rinviju, li f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof Ġermaniża, is-sintamma “Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft” (“Federazzjoni nazzjonali tal-impriżi Ġermaniżi tas-saħħa”), li tidher fit-trade mark sussegwenti, għandha natura deskrittiva u hija ħielsa minn kull karattru distintiv. Din is-sintamma fil-fatt hija limitata sabiex tindika li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma pprovduti minn federazzjoni ta’ impriżi tas-settur tas-saħħa, attiva fil-pajjiż kollu, mingħajr, madankollu, ma tippermetti identifikazzjoni preċiża tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti u s-servizzi. Fi kwalunkwe każ, il-Bundespatentgericht tqis li, indipendentement mill-evalwazzjoni magħmula fuq din is-sintamma, għandu jiġi rikonoxxut li s-sekwenza tal-ittri “BGW” għandha għall-inqas, fit-trade mark sussegwenti, pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sens tas-sentenza Medion (C‑120/04, EU:C:2005:594). Għalhekk, skont din il-qorti, meta jiltaqa’ ma’ din it-trade mark fis-suq, il-pubbliku rilevanti se jagħraf it-trade mark preċedenti, bl-unika differenza tkun li l-akronimu “BGW” – li fih innifsu ma għandu tifsira – minn issa ’l quddiem se jiġi tradott bl-indikazzjoni ta’ spjega (deskrittiva) “Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft”.

11.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi, filwaqt li tiċċita s-sentenza AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services) (T‑425/03, EU:T:2007:311), li ma hemm ebda dubju li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi indikati fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, teżisti, bejn it-trade marks kunfliġġenti, probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti.

12.

Madankollu din il-qorti tqis li hija mxekkla milli tieħu deċiżjoni f’dan is-sens permezz tas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għal trade mark verbali komposta minn sintamma deskrittiva flimkien ma’ sekwenza ta’ ittri li ma hijiex deskrittiva fiha nfisha, meta din is-sekwenza, minħabba l-fatt li tirriproduċi l-ewwel ittra ta’ kull kelma ta’ din is-sintamma, tiġi pperċepita mill-pubbliku bħala taqsira tas-sintamma msemmija u li t-trade mark inkwistjoni, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, tista’ għalhekk tinftiehem bħala għaqda ta’ indikazzjonijiet jew ta’ taqsiriet deskrittivi. Barra minn hekk, il-Bundespatentgericht tfakkar li fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, jiġi ppreċiżat li s-sekwenza ta’ ittri li tieħu l-ewwel ittra tal-kliem li jikkomponu s-sintamma għandha biss, meta mqabbla ma’ din, pożizzjoni aċċessorja biss. Issa, skont din il-qorti, huwa eskluż li jiġi rikonoxxut karattru dominanti lil komponent ta’ trade mark kumplessa – f’dan il-każ is-sekwenza ta’ ittri “BGW” fit-trade mark sussegwenti, ipperċepita bħala akronimu – jew, għall-inqas, pożizzjoni distintiva awtonoma, peress li tali komponent għandu biss pożizzjoni aċċessorja fi ħdan din it-trade mark.

13.

Il-fatt li s-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) tittratta r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95, ma jiġġustifikax, skont il-Bundespatentgericht, li ssir evalwazzjoni differenti fil-kawża prinċipali, fejn għall-kuntrarju hija involuta kwistjoni ta’ raġuni supplimentari ta’ rifjut prevista fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ din id-direttiva. Dan ikun differenti biss, skont din il-qorti, kieku l-fatt li t-trade mark preċedenti effettivament tintuża fis-suq seta’ jitqies fl-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali tat-trade mark sussegwenti, li, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, b’mod partikolari fis-sentenzi Calvin Klein Trademark Trust vs UASI (C‑254/09 P, EU:C:2010:488, punti 5358) u Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 58).

14.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundespatentgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prodotti u ta’ servizzi identiċi u simili, għandu jitqies li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku meta sekwenza ta’ ittri, ta’ karattru distintiv u li hija karatteristika tas-sinjal verbali jew figurattiv preċedenti b’karattru distintiv medju, tiġi riprodotta fis-sinjal verbali posterjuri ta’ terz permezz taż-żieda ma’ din is-sekwenza ta’ ittri b’sintamma relatata magħha u deskrittiva, li tispjega l-imsemmija sekwenza ta’ ittri bħala l-akronimu tal-kliem deskrittiv?”

15.

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Polonja biss ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq argumenti kunsiderevolment konverġenti, huma jissuġġerixxu li għal din id-domanda preliminari tingħata risposta fl-affermattiv.

III – Analiżi

16.

Peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti fil-kawża prinċipali, l-ewwel nett għandu jitfakkar fil-qosor il-kontentut ta’ din is-sentenza (A), qabel ma tiġi ddefinita l-portata u tiġi evalwata r-rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (B). Wara se nfakkar il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandha titwettaq l-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti għall-finijiet tal-konstatazzjoni possibbli ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 (C).

A – Is-sentenza Strigl u Securvita

17.

Fil-kawżi magħquda li wasslu għas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), permezz ta’ żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri li jittrattaw, waħda, ir-reġistrazzjoni bħala trade mark verbali tas-sinjal “Multi Markets Fund MMF”, u l-oħra talba għall-annullament fir-rigward tat-trade mark verbali “NAI — Der Natur-Aktien-Index”, il-Bundespatentgericht staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 3(1)(b) u/jew (c) tad-Direttiva 2008/95 japplikawx għal trade mark verbali komposta mit-tqegħid ħdejn xulxin ta’ sintamma deskrittiva u minn sekwenza ta’ ittri li fiha nnifisha ma hijiex deskrittiva, iżda li tirriproduċi l-ittri inizjali tal-kliem li jikkomponu l-imsemmija sintamma.

18.

F’din is-sentenza, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, qabel kollox, li s-sinjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu komposti, minn naħa, minn sintamma li tindika, fil-kummerċ, “tip ta’ servizzi kif ukoll ċerti karatteristiċi tagħhom”, li għandhom jitqiesu li jiddeskrivu karatteristiċi tas-servizzi offruti, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, u, min-naħa l-oħra sekwenza ta’ ittri li, meħuda waħedha, ma għandhiex karattru deskrittiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li, bħala tali, din ma hijiex suxxettibli “li [tindika] xi karatteristika tas-servizzi kkonċernati” ( 6 ).

19.

Sussegwentement, wara li fakkret, fil-punti 30 u 31 tal-imsemmija sentenza, l-għanijiet imfittxija bir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet evalwazzjoni tas-sinjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intier tagħhom. F’dan il-kuntest, hija nnotat li t-tliet ittri kapitali jidhru f’kull wieħed minn dawn is-sinjali, jiġifieri “MMF” u “NAI”, li jirrappreżantaw l-inizjali tas-sintammi marbuta magħhom u li “l-għaqda ta’ kliem [s-sintamma] u s-sekwenza ta’ ittri, f’kull każ inkwistjoni, [kienu] intiżi sabiex jispjegaw lil xulxin u sabiex jenfasizzaw ir-rabta li teżisti bejniethom”, b’kull sekwenza ta’ ittri tkun “maħsuba sabiex issostni l-perċezzjoni mill-pubbliku tal-għaqda ta’ kliem [tas-sintamma], billi jiġi ssemplifikat l-użu u l-memorizzazzjoni tagħha”, mingħajr ma l-fatt li s-sekwenza ta’ ittri tippreċedi jew issegwi s-sintamma jkollu, f’dan il-każ, l-iċken importanza ( 7 ).

20.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li għalkemm is-sekwenzi ta’ ittri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala taqsiriet tas-sintammi li huma mqiegħda ħdejhom, dawn “ma [setgħux] imorru lil hinn mis-somma tal-elementi kollha tat-trade mark meħuda fit-totalità tagħha, u dan anki meta dawn [setgħu] jiġu kkunsidrati li għandhom, fihom infushom, karattru distintiv”. Għall-kuntrarju, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li f’dan ir-rigward tagħmel riferiment għall-punt 56 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ( 8 ), tali sekwenzi għandhom biss, fir-rigward tal-għaqdiet ta’ kliem li huma mqiegħda ħdejhom, “pożizzjoni aċċessorja” ( 9 ).

B – Fuq il-portata tas-sentenza Strigl u Securvita u fuq ir-rilevanza tagħha għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali

21.

Il-qorti tar-rinviju tqis li hija obbligata tapplika l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti fil-kawża prinċipali. Hija tibbaża din il-konklużjoni fuq żewġ premessi, jiġifieri minn naħa, li t-trade mark sussegwenti, meqjusa fl-intier tagħha, għandha karattru deskrittiv, u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali li trade mark tista’ toħloq fil-pubbliku rilevanti ma tistax tinbidel skont jekk għandhiex tiġi stabbilita raġuni assoluta jew raġuni relattiva (“ulterjuri”, skont it-termini tad-Direttiva 2008/95) għal rifjut tar-reġistrazzjoni.

22.

Mingħajr ma nerġa’ nqiegħed inkwistjoni l-validità ta’ dawn il-premessi, nixtieq madankollu nagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

1. Fuq il-premessa li skontha t-trade mark sussegwenti għandha karattru deskrittiv

23.

Il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom jiġi evalwat jekk hemmx ir-raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni prevista mill-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 jew jekk hemm dik, identika, prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 10 ), ilhom li ngħataw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqu hija bbażata din ir-raġuni ta’ rifjut, jiġifieri dik li jiġi prekluż li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet ikunu riżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark ( 11 ). Għalhekk, ġie affermat li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ titwettaq biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat, li jikkonsisti mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi ( 12 ). Huwa ppreċiżat ukoll li s-sinjali u l-indikazzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma dawk li jistgħu jservu, fl-użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, biex jindikaw jew direttament jew billi tissemma’ waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodott jew is-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni ( 13 ) u li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’dawn id-dispożizzjonijiet, jeħtieġ li jkollu rabta diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jkun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom ( 14 ). Għalkemm dawn il-kriterji ġew applikati mill-qorti tal-Unjoni Ewropea ħafna drabi b’mod strett ( 15 ), xorta jibqa’ l-fatt li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata minħabba l-karattru deskrittiv tiegħu biss jekk ikun raġonevoli li jiġi previst li huwa ser ikun effettivament rikonoxxut mis-setturi kkonċernati bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-“karatteristiċi” tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, jiġifieri “proprjetà [tagħhom], faċilment rikonoxxibbli mill-partijiet ikkonċernati” ( 16 ).

24.

Sa liema punt il-kriterji indikati iktar ’il fuq ġew issodisfatti fir-rigward tas-sintamma “Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft” li tidher fit-trade mark sussegwenti? Fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata din it-trade mark ( 17 ), dawn jidhru li parzjalment biss jaqgħu taħt is-settur tas-saħħa – barra minn hekk għandhom jinftiehmu fis-sens wiesa’ ta’ “fitness” ( 18 ) –, jew li huma maħsuba speċifikament għal dan is-settur, b’tali mod li wieħed b’mod leġittimu jista’ jistaqsi jekk is-sintamma inkwistjoni għandhiex, bħalma teżiġi l-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, “rabta biżżejjed diretta u konkreta” ma’ dawn il-prodotti u s-servizzi, b’mod li tippermetti lill-pubbliku rilevanti “jipperċepixxi mill-ewwel, u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra”, deskrizzjoni tal-kategorija tal-imsemmija prodotti u servizzi jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom.

25.

Bħalma indikajt fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Bundespatentgericht tressaq talba favur il-karattru deskrittiv tal-element “Bundesverband der deutschen Gesundheitswirtschaft” fit-trade mark sussegwenti billi tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjoni li sintammi li jillimitaw ruħhom sabiex jindikaw li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma pprovduti minn attur attiv f’settur speċifiku (fil-każ tat-trade mark sussegwenti, federazzjoni ta’ impriżi li topera fis-settur tas-saħħa) għandhom, fihom infushom, karattru deskrittiv. Issa, din il-konklużjoni għandha, fl-istruttura tar-raġunament tal-qorti tar-rinviju, tinftiehem li tirreferi mhux għall-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark sussegwenti, bħalma jidhru fid-deskrizzjoni riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iżda biss għall-prodotti u servizzi li għalihom it-trade marks kunfliġġenti huma suxxettibbli li jiltaqgħu b’mod konkret fis-suq, kif ikklassifikati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-“materjal stampat” u s-servizzi ta’ “reklamar”, “organizzazzjoni ta’ seminars” u “organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet”, “ipprovduti lill-impriżi tas-settur tas-saħħa, b’mod partikolari lil okulisti u bejjiegħa ta’ hearing aids”.

26.

Għalhekk, tqum id-domanda jekk it-trade mark sussegwenti, bħat-trade marks inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li taw lok għas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), taqax taħt ir-raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni jew ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, hekk kif interpretata u applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Għalkemm risposta negattiva għal din id-domanda ma tkunx fiha nnifisha ta’ natura li teskludi r-rilevanza għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), din madankollu tmur kontra approssimazzjoni kompleta bejn il-kawżi prinċipali li taw lok għal din is-sentenza u għal dik pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

2. Fuq il-premessa li skontha l-evalwazzjoni tal-impressjoni globali li trade mark hija suxxettibbli li tipproduċi fuq il-pubbliku rilevanti ma tistax tinbidel skont jekk tkunx se tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġuni assoluta jew ta’ raġuni relattiva ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni

27.

Hija ġurisprudenza stabbilita li kemm l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv u distintiv ta’ sinjal kif ukoll dik dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn sinjali għandhom jitwettqu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istess parametri, jiġifieri, minn naħa, il-prodotti u/jew is-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti ( 19 ). Barra minn hekk, fiż-żewġ każijiet, l-evalwazzjoni għandha titwettaq, fir-rigward ta’ sinjali kumplessi, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali maħluqa minnhom ( 20 ). L-eżami dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut u dak dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet relattivi għal rifjut, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95 rispettivament (kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 207/2009), konsegwentement jitwettqu fuq il-bażi ta’ elementi komuni.

28.

Madankollu għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li dawn id-dispożizzjonijiet isegwu għanijiet differenti u għandhom l-għan li jipproteġu interessi distinti. Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 [u tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-interess ġenerali li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni jikkonsisti f’li jiġi żgurat li s-sinjali deskrittivi ta’ karatteristika waħda jew iktar tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ikunu jistgħu jiġu użati liberament mill-operaturi ekonomiċi kollha li joffru tali prodotti jew servizzi ( 21 ). Il-kunċett ta’ interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 3(1)(b) tal-istess direttiva [kif ukoll tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] jitħallat, min-naħa l-oħra, mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr probabbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra ( 22 ). Ir-raġunijiet relattivi għal rifjut previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/95 [kif ukoll fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009] jipprevedu, fir-rigward tagħhom, ipoteżijiet ta’ assenza ta’ innovazzjoni tas-sinjal, minħabba l-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade marks preċedenti. Għalkemm teżisti rabta ċara bejn dawn ir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni u l-funzjoni tal-oriġini tat-trade mark ( 23 ), dawn essenzjalment għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi individwali tal-proprjetarji tat-trade marks preċedenti li jidħlu f’kunflitt mas-sinjal mitlub, u dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li l-eżami tagħhom jitwettaq unikament permezz ta’ oppożizzjoni, filwaqt li r-raġunijiet assoluti għal rifjut jiġu eżaminati ex officio ( 24 ).

29.

Min-naħa l-oħra, għalkemm – bħalma tosserva ġustament il-qorti tar-rinviju – il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta’ sinjal ma tistax tiddependi mir-raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni, madankollu l-perspettiva li minnha tinftiehem din il-perċezzjoni tvarja skont jekk din tirrigwardax l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittivi ta’ sinjal jew l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali. Filwaqt li, fl-ewwel każ, l-attenzjoni tingħata lill-proċessi mentali li jistgħu jwasslu sabiex jiġu stabbiliti rapporti bejn is-sinjal jew il-komponenti differenti tiegħu u l-prodotti u/jew is-servizzi kkonċernati, fit-tieni każ, l-eżami jirrigwarda iktar il-proċess ta’ memorizzazzjoni, ta’ rikonoxximent u ta’ evokazzjoni tas-sinjal, kif ukoll il-mekkaniżmi assoċjattivi ( 25 ). Għas-sinjali kumplessi dan l-eżami jimplika evalwazzjoni tal-kapaċità tal-komponenti differenti tas-sinjal li jimponu ruħhom fuq l-attenzjoni tal-pubbliku u li joħolqu l-impressjoni globali tiegħu, filwaqt li jinfluwenzaw ukoll l-imsemmija proċessi u mekkaniżmi mentali.

30.

Iż-żewġ perspettivi msemmija iktar ’il fuq evidentement ma humiex totalment indipendenti minn xulxin. Pereżempju, hija ġurisprudenza stabbilita li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni ġenerali maħluqa minnha ( 26 ). Madankollu dawn iżommu l-awtonomija tagħhom. Għalhekk, minkejja r-regola li għadni kemm semmejt, il-Qorti Ġenerali madankollu ppreċiżat li “[l]-karattru distintiv dgħajjef ta’ element ta’ trade mark kumplessa ( 27 ) ma jimplikax neċessarjament li dan ma jistax jikkostitwixxi element dominanti, peress illi, minħabba, b’mod partikolari, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal jew id-daqs tiegħu, huwa kapaċi jħalli impressjoni fuq il-konsumaturi u jibqa’ fil-memorja tagħhom” ( 28 ).

3. Fuq il-portata tas-sentenza Strigl u Securvita

31.

Mill-motivi tas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) jirriżulta li n-natura mhux reġistrabbli, skont l-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, ta’ sinjal kompost minn sekwenza ta’ ittri mqiegħda ħdejn sintamma għandha tiġi evalwata każ b’każ, mhux fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u stabbiliti minn qabel iżda skont il-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti tal-interdipendenza bejn l-elementi differenti tas-sinjal kif ukoll tas-sinjal fl-intier tiegħu. Għalhekk, fil-punti 32 u 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq serje ta’ argumenti misluta mill-analiżi empirika tas-sinjali inkwistjoni, bl-għan li tistabbilixxi jekk teżistix, bejn il-komponenti differenti ta’ dawn is-sinjali, rabta suxxettibbli li jkollha effett fuq il-perċezzjoni tiegħu mill-pubbliku rilevanti kif ukoll fuq il-proċess mentali li jwassal għall-memorizzazzjoni tagħhom. L-imsemmija sentenza Strigl u Securvita għalhekk ma tħalli lok għal ebda awtomatiżmu iżda għall-kuntrarju tirreferi għall-applikazzjoni tar-regoli tal-perċezzjoni ( 29 ).

32.

F’dan is-sens, fil-fehma tiegħi, għandha tinqara wkoll l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li skontha “[s]-sekwenza ta’ ittri li tieħu l-ewwel ittra tal-kliem li jikkomponu l-għaqda ta’ kliem [sintamma] għandha biss, meta mqabbla ma’ din, pożizzjoni aċċessorja”. Fil-fatt, lil hinn milli tiġi kkostitwita l-espressjoni ta’ regola ta’ evalwazzjoni ġenerali, din l-affermazzjoni tillimita ruħha sabiex tippreċiża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, li sekwenza ta’ ittri, anki waħda li jkollha, fiha nnifisha, karattru distintiv, hija suxxettibbli li jkollha karattru deskrittiv meta tiddaħħal fi trade mark komposta fejn hija tkun ikkombinata ma’ espressjoni prinċipali deskrittiva, li biha din tkun ipperċepita bħala t-taqsira, u dan għandu jiġi stabbilit wara evalwazzjoni każ b’każ.

33.

Barra minn hekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih din tinsab, l-imsemmija affermazzjoni għandha tinftiehem bħala waħda bl-għan li teskludi li, fil-preżenza tar-rabta ta’ interdipendenza deskritta fil-punti 32 sa 35 tas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147) bejn is-sekwenzi ta’ ittri kkonċernati u s-sintammi li huma marbuta magħhom, il-karattru distintiv li għandhom l-imsemmija sekwenzi meta jittieħdu waħedhom jista’ jirrifletti fuq is-sinjali kollha inkwistjoni billi jagħtihom, minkejja n-natura deskrittiva tas-sintammi, karattru globalment distintiv. Ir-riferiment għal “karattru aċċessorju” tas-sekwenzi inkwistjoni għalhekk ma għandux jinftiehem bħala evalwazzjoni tal-kapaċità tagħhom, bħala elementi ta’ trade mark kumplessa, li jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti u jidħlu fil-proċess ta’ memorizzazzjoni u evokazzjoni tas-sinjal.

4. Konklużjoni dwar ir-rilevanza tas-sentenza Strigl u Securvita għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali

34.

Fid-dawl tal-kuntesti fattwali u ġuridiċi differenti tal-kawżi li taw lok għas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), kif ukoll tal-karattru essenzjalment empiriku tal-motivi ta’ din is-sentenza, u tal-portata li għandha tingħata lilha, ma jidhirx li l-konstatazzjonijiet li jidhru fiha jistgħu jiġu awtomatikament trasposti fil-kawża prinċipali. Il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti f’din il-kawża, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandhom isiru, konsegwentement, fuq il-bażi tal-kriterji komunement applikabbli fil-kwistjoni u li se jissemmew fil-qosor iktar ’il quddiem.

C – Kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta ’ konfużjoni tat-trade marks kunfliġġenti fil-kawża prinċipali

35.

Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata, b’mod partikolari kontra l-użu minn terzi ta’ sinjali li ma humiex identiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet din il-kundizzjoni bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, eventwalment, minn impriżi konnessi ekonomikament ( 30 ).

36.

Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/95, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali probabbiltà “[t]iddipendi fuq ħafna elementi u, partikolarment fuq ir-rikonoxximent tat-trade mark fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir mas-sinjal użat jew registrat, il-grad ta’ similarità bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-merkanzija [prodotti] jew servizzi identifikati”. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha għaldaqstant tiġi evalwata globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni ( 31 ).

37.

Sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh eżistenti bejn it-trade marks ikkonċernati, għandu jiġi ddeterminat il-livell ta’ xebh viżiv, awditiv, u kunċettwali bejniethom u, jekk ikun il-każ, għandha tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-elementi differenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom jiġu kkummerċjalizzati ( 32 ).

38.

Ix-xebh viżiv, awditiv, u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni globali, li fil-kuntest tagħha l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti ( 33 ). F’dan ir-rigward il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha ( 34 ). Għalhekk, din l-evalwazzjoni globali għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks kunfliġġenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-elementi distintivi u dominanti tagħhom ( 35 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha għat-teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ komponenti ta’ trade mark kumplessa u għall-paragun tagħha ma’ trade mark oħra, iżda għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata b’mod globali ( 36 ).

39.

Għalkemm l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha, huwa biss jekk il-komponenti l-oħrajn kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir biss fuq il-bażi tal-element dominanti ( 37 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat wkoll, mis-sentenza Medion (C‑120/04, EU:C:2005:594), iċċitata mill-qorti tar-rinviju, li, għalkemm l-element ta’ trade mark komposta ma għandux jitqies bħala dominanti, huwa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh ta’ din it-trade mark ma’ trade mark preċedenti, sa fejn dan jikkostitwixxi fih innifsu t-trade mark preċedenti u jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta. Fil-fatt fil-każ fejn element komuni jżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, l-impressjoni globali maħluqa minn dan is-sinjal tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw, għall-inqas, minn impriżi ekonomikament konnessi, f’liema każ trid tkun meqjusa l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ( 38 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li element ta’ sinjal kompost ma jistax ikollu tali pożizzjoni distintiva awtonoma jekk dan l-element, flimkien mal-element jew l-elementi l-oħrajn tas-sinjal, meħuda flimkien, jifforma unità li għandha sens differenti b’rabta mas-sens ta’ dawn elementi meħuda separatament ( 39 ).

40.

Fl-aħħar nett infakkar li, bħala prinċipju, anki element li għandu biss karattru distintiv dgħajjef jista’ jiddomina l-impressjoni globali ta’ trade mark komposta jew jassumi, f’din it-trade mark, pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sens tal-ġurisprudenza Medion (C‑120/04, EU:C:2005:594), peress li, minħabba, b’mod partikolari, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal jew id-daqs tiegħu, “huwa kapaċi jħalli impressjoni fuq il-konsumaturi u jibqa’ fil-memorja tagħhom” ( 40 ).

41.

Huwa fuq il-bażi tal-prinċipji msemmija hawn fuq li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni eventwali.

42.

B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tanalizza l-komponenti differenti tat-trade mark sussegwenti, il-piżijiet tagħhom fi ħdanha kif ukoll l-interazzjonijiet rispettivi tagħhom, sabiex tiddetermina, permezz ta’ sinteżi, l-impressjoni ġenerali maħluqa minn din it-trade mark li kapaċi tinżamm fil-memorja mill-pubbliku rilevanti. Għall-finijiet ta’ dan l-eżami hija għandha, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, fejn it-trade mark sussegwenti hija komposta minn sinjal li jirriproduċi s-sekwenza ta’ ittri li tikkostitwixxi l-uniku element verbali tat-trade mark preċedenti u minn sintamma, tieħu inkunsiderazzjoni, fost fatturi oħrajn, il-pożizzjoni rispettiva, fis-sinjal, is-sekwenza ta’ ittri u tas-sintamma ( 41 ) kif ukoll it-tul ( 42 ) u l-karattru eventwalment deskrittiv ta’ din tal-aħħar ( 43 ), ir-rabta li l-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi bejn is-sekwenza u s-sintamma – b’mod partikolari l-possibbiltà li l-ewwel waħda tkun ipperċepita bħala akronimu tat-tieni –, il-perċezzjoni immedjata jew le ta’ tali rabta, kif ukoll il-konsegwenzi ta’ tali perċezzjoni fuq l-evokazzjoni tas-sinjal ( 44 ), it-tip ta’ prodotti kkonċernati, kif ukoll il-karatteristiċi tal-pubbliku rilevanti u l-livell ta’ attenzjoni tiegħu u t-tip ta’ memorja involuta (fuq terminu qasir, medju jew fit-tul). Bl-istess mod, jekk ikun meħtieġ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk iċ-ċirkustanza li l-elementi tat-trade mark sussegwenti jiffurmaw unità loġika distinta, minħabba r-rabtiet li l-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi bejn is-sekwenza tal-ittri u s-sintamma, jekk hijiex tali li tipprekludi li l-imsemmija sekwenza ta’ ittri, li tikkostitwixxi l-element komuni għat-trade marks kunfliġġenti, tkun tista’ tiġi ppreċepita u mmemorizzata minn dan il-pubbliku b’mod awtonomu u, konsegwentement, jekk tikkontribwixxix b’mod sinjifikattiv għall-ħolqien ta’ immaġni globali tat-trade mark sussegwenti li tinżamm fil-memorja mill-pubbliku. F’din l-evalwazzjoni, u għall-finijiet li jiġi evalwat ix-xebh kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandha titqies ukoll il-probabbiltà li l-konsumaturi li jkunu raw it-trade mark preċedenti jkunu jistgħu jattribwixxu għas-sekwenza ta’ ittri li hija kkostitwita minnha din it-trade mark l-istess tifsira li din tkopri fit-trade mark sussegwenti ( 45 ).

43.

Min-naħa l-oħra u bħalma spjegajt iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju ma hijiex marbuta, fil-kuntest tal-imsemmi eżami, mill-konstatazzjonijiet magħmula, f’kuntest fattwali u ġuridiku differenti, mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147).

IV – Konklużjoni

44.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mill-Bundespatentgericht:

“L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ sinjali għall-pubbliku meta s-sekwenza ta’ ittri li tikkostitwixxi l-uniku element verbali tas-sinjal preċedenti tiġi riprodotta fis-sinjal verbali sussegwenti u titqiegħed ħdejn sintamma deskrittiva komposta minn kliem li l-ittri inizjali tagħhom jirriproduċu l-ittri tal-imsemmija sekwenza, b’tali mod li din tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li hija l-akronimu tas-sintamma li hija marbuta miegħu. L-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1 p. 92).

( 4 ) Il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

– “materjal stampat”, fil-klassi 16;

– “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni kummerċjali; funzjonijiet ta’ uffiċċju; konsultazzjoni professjonali ta’ negozju; pariri dwar l-organizzazzjoni tan-negozju; konsultazzjoni għat-tmexxija ta’ negozju; organizzazzjoni ta’ wirjiet bi skop kummerċjali jew pubbliċitarju; relazzjonijiet pubbliċi”, fil-klassi 35

– “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet kulturali u sportivi; organizzazzjoni ta’ wirjiet bi skopijiet kulturali jew edukattivi, tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet rikreattivi; klabbs tal-isport (bil-Ġermaniż, “Betrieb von Gesundheits‑Klubs”); organizzazzjoni u tmexxija ta’ diskussjonijiet; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi, kungressi u simpożji; tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ faċilitajiet sportivi; kiri ta’ tagħmir għall-isport; tagħlim tal-ġinnastika; organizzazzjoni u tmexxija ta’ seminars, sessjonijiet ta’ ħidma, konferenzi, diskussjonijiet madwar mejda u korsijiet; konsultazzjoni dwar ir-rikreazzjoni; organizzazzjoni u tmexxija ta’ avvenimenti ta’ taħriġ u taħriġ kontinwu; servizzi ta’ informazzjoni lill-klijenti li qed jingħataw kura dwar l-attivitajiet sportivi u kulturali; parir dwar il-kura”, fil-klassi 41, u

– “Servizzi għall-provvista ta’ ikel u xorb u akkomodazzjoni tal-klijenti; prenotazzjoni u senserija ta’ akkomodazzjoni tal-klijenti, b’mod partikolari klijenti li qed jingħataw kura; djar tal-anzjani għall-persuni mdaħħla fl-età; servizzi ta’ kampijiet tal-vaganzi”, fil-klassi 43.

( 5 ) Dan jirrigwarda prodotti u servizzi li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

– “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartoleriji; sustanza li twaħħal għall-użu ta’ kartolerija u tad-dar; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; typewriters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (minbarra apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra)”, fil-klassi 16;

– “Reklamar; ġestjoni ta’ negozju; amministrazzjoni ta’ negozju; funzjonijiet ta’ uffiċċju”, fil-klassi 35, u

– “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment; attivitajiet kulturali u sportivi; pubblikazzjoni u editjar ta’ ġurnali, perjodiċi u kotba; organizzazzjoni ta’ wirjiet b’għanijiet kulturali, sportivi jew ta’ divertiment; produzzjoni ta’ films; kiri ta’ films; kiri ta’ vidjokameras, ta’ reġistraturi tal-awdjo u settijiet tat-televiżjoni u tar-radju; tagħlim bil-korrispondenza; organizzazzjoni u tmexxija ta’ konferenzi, kungressi u simpożji; pubblikazzjoni elettronika ta’ kotba u perjodiċi online; divertiment radjofoniku; organizzazzjoni u tmexxija ta’ seminars u sessjonijiet ta’ ħidma; servizzi ta’ traduzzjoni; tagħlim u edukazzjoni; organizzazzjoni u tmexxija ta’ diskussjonijiet; kitba ta’ skripts; reġistrazzjoni fuq vidjo; organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet”, fil-klassi 41.

( 6 ) Ara l-punti 25 sa 28.

( 7 ) Ara l-punti 32 u 33.

( 8 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147)

( 9 ) Ara l-punti 37 u 38.

( 10 ) Regolament tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

( 11 ) Ara s-sentenza Eurohypo vs UASI (C‑304/06 P, EU:C:2008:261, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara s-sentenzi Matratzen Concord (C‑421/04, EU:C:2006:164, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL) (T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 38).

( 13 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Procter & Gamble vs UASI (C‑383/99 P, EU:C:2001:461, punt 39).

( 14 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB) (T‑19/04, EU:T:2005:247, punt 25).

( 15 ) F’ċerti każijiet anki rabta dgħajfa ħafna ġiet meqjusa bħala suffiċjenti, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ellos vs UASI (ELLOS) (T‑219/00, EU:T:2002:44).

( 16 ) Ara s-sentenzi Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 31), Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 56), u Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 50).

( 17 ) Din id-deskrizzjoni hija riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Dawn huma “servizzi ta’ informazzjoni lill-klijenti taħt kura dwar l-attivitajiet sportivi u kulturali”, “parir dwar il-kura” u “prenotazzjoni u senserija ta’ akkomodazzjoni tal-klijenti, b’mod partikolari klijenti taħt kura” u “djar tal-irtirar għal persuni anzjani”, jew ċerti servizzi inklużi fil-klassi 41 li jirrigwardaw l-isport u fitness (“attivitajiet sportivi u kulturali”, “klabbs sportivi”; “tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ installazzjonijiet sportivi”; “kiri ta’ ekwipaġġament għall-isport”; “tagħlim tal-ġinnastika”.

( 19 ) F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv u distintiv ta’ sinjal, ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali enfasizzaw ripetutament li “l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni”, ara, fost l-oħrajn, is-sentenza SABEL (C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 23).

( 20 ) Ara, fost l-oħrajn, Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11,EU:C:2012:147, punt 34). Ara infra l-punt 35 et seq.

( 21 ) Ara s-sentenzi Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 25), UASI vs Wrigley (C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31); Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata); Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147, punt 31), kif ukoll Streamserve vs UASI (STREAMSERVE) (T‑106/00, EU:T:2002:43, punt 36).

( 22 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Eurohypo vs UASI (C‑304/06 P, EU:C:2008:261, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara fost l-oħrajn, is-sentenza Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 27).

( 24 ) Is-sentenza Adidas u adidas Benelux (C‑102/07, EU:C:2008:217) tispjega tajjeb din id-differenza fil-perspettiva, b’mod partikolari bejn ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 u r-raġuni relattiva għal rifjut prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-istess direttiva. Wara li fakkret li l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn diversi fatturi, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li “l-fatt li jeżisti, għall-operaturi ekonomiċi, bżonn ta’ disponibbiltà tas-sinjal ma jistax jagħmel parti minn dawn il-fatturi rilevanti”. Fil-fatt, tkompli tgħid il-Qorti tal-Ġustizzja, “kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 5(1)(b tad-direttiva u mill-ġurisprudenza ċċitata iktar’il fuq, ir-risposta għad-domanda dwar jekk teżistix possibbiltà [probabbiltà] ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq il-perċezzjoni, mill-pubbliku, tal-prodotti koperti mit-trade mark tal-proprjetarju, minn naħa, u tal-prodotti koperti mis-sinjal użat mit-terża persuna, min-naħa l-oħra”.

( 25 ) Dan jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku, tat-tip ta’ prodotti, tal-possibbiltà li jiġi stabbilit paragun dirett bejn it-trade marks u għalhekk il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, ara b’mod partikolari, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, EU:C:1998:522, punti 26, 27).

( 26 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Alejandro vs UASI – Anheuser Busch (BUDMEN) (T‑129/01, EU:T:2003:184, punt 53), u s-sentenza New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection) (T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, EU:T:2004:293, punt 34).

( 27 ) F’dan il-każ dan jirrigwarda element figurattiv ikkostitwit minn disinn ta’ ġilda ta’ baqra, deskrizzjoni b’inferenza tal-prodotti kkonċernati (prodotti tal-ħalib).

( 28 ) Ara s-sentenzi AVEX vs UASI – Ahlers (a) (T‑115/02, EU:T:2004:234, punt 20) u Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra) (T‑153/03, EU:T:2006:157, punt 32).

( 29 ) F’dan is-sens, ara Sandri, S., “Serie di lettere e serie di parole”, Giurisprudenza comunitaria del marchio e del design, Commento tematico II, 2012, p. 39 sa 45.

( 30 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 17) u Medion (C‑120/04, EU:C:2005:594, punti 24 u 26) u adidas u adidas Benelux (C‑102/07, EU:C:2008:217, punt 28).

( 31 ) Ara s-sentenzi SABEL (C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 22), Marca Mode (C‑425/98, EU:C:2000:339, punt 40); Medion (EU:C:2005:594, punt 27); adidas u adidas Benelux (C‑102/07, EU:C:2008:217, punt 29); UASI vs Shaker (C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 34), kif ukoll Nestlé vs UASI (C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 33).

( 32 ) Sentenzi UASI vs Shaker (C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 36) u Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 85).

( 33 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza SABEL (C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 23).

( 34 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi SABEL (C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 23); UASI vs Shaker (C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35) u Nestlé vs UASI (C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 34).

( 35 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi SABEL (C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 23); Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 25); UASI vs Shaker (C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 35), u Aceites del Sur-Coosur vs Koipe (C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 60).

( 36 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi UASI vs Shaker (C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punt 41) u Aceites del Sur-Coosur vs Koipe (C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 61).

( 37 ) Sentenzi UASI vs Shaker (C‑334/05 P, EU:C:2007:333, punti 4142) u Nestlé vs UASI (C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punti 4243 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara, għal din il-formulazzjoni, id-digriet ecoblue vs UASI u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑23/09 P, EU:C:2010:35, punt 45). Ara, ukoll, is-sentenza Medion (C‑120/04, EU:C:2005:594, punti 30 u 36); id-digriet Perfetti Van Melle vs UASI (C‑353/09 P, EU:C:2011:73, punt 36); il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bimbo vs UASI (C‑591/12 P, EU:C:2014:305, punt 24), kif ukoll is-sentenza Bimbo vs UASI (C‑591/12 P, EU:C:2014:34, punt 24).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet ecoblue vs UASI u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑23/09 P, EU:C:2010:35, punt 47); is-sentenza Becker vs Harman International Industries (C‑51/09 P, EU:C:2010:368, punti 3738), kif ukoll id-digriet Perfetti Van Melle vs UASI (C‑353/09 P, EU:C:2011:73, punti 3637).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AVEX vs UASI – Ahlers (a) (T‑115/02, EU:T:2004:234, punt 20) u Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra) (T‑153/03, EU:T:2006:157, punt 32).

( 41 ) Minkejja dak li sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 33 tas-sentenza Strigl u Securvita (C‑90/11 u C‑91/11, EU:C:2012:147), il-fatt li sekwenza ta’ ittri tippreċedi jew issegwi sintamma ma jidhirlix, a priori, nieqes minn rilevanza, peress li għall-kuntrarju jista’ jinfluwenza l-proċessi tal-kunċettwalizzazzjoni u l-memorizzazzjoni tas-sinjal mill-pubbliku. F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services) (T‑425/03, EU:T:2007:311, b’mod partikolari l-punt 79).

( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Klein Trademark Trust vs UASI – Zafra Marroquineros (CK CREACIONES KENNYA) (T‑185/07, EU:T:2009:147, punt 42).

( 43 ) Ara s-sentenza AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services) (T‑425/03, EU:T:2007:311, punt 81).

( 44 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-aspett fonetiku tat-trade mark, is-sentenza AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services) (T‑425/03, EU:T:2007:311, punt 84). Ara wkoll is-sentenza Klein Trademark Trust vs UASI – Zafra Marroquineros (CK CREACIONES KENNYA) (T‑185/07, EU:T:2009:147, punti 44 u 45).

( 45 ) Ara s-sentenza AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services) (T‑425/03, EU:T:2007:311, punt 86).