16.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-504/14) (1)

((Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ambjent - Protezzjoni tan-natura - Direttiva 92/43/KEE - Artikolu 6(2) u (3), u Artikolu 12(1)(b) u (d) - Fawna u flora selvaġġa - Protezzjoni tal-ħabitats naturali - Fekruna tal-baħar Caretta caretta - Protezzjoni tal-fkieren tal-baħar fil-bajja ta’ Kyparissia - Sit ta’ importanza Komunitarja “Djuni ta’ Kyparissia” - Ħarsien tal-ispeċi))

(2017/C 014/03)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u C. Hermes, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: E. Skandalou, aġent)

Dispożittiv

1)

Ir-Repubblika Ellenika,

billi ttollerat il-kostruzzjoni ta’ djar f’Agiannaki (il-Greċja) matul l-2010, l-użu ta’ djar oħra tal-2006 f’Agiannaki u l-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fir-rigward ta’ madwar ħamsin residenza li jinsabu bejn Agiannaki u Elaia (il-Greċja), kif ukoll billi awtorizzat il-kostruzzjoni ta’ tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki (il-Greċja) matul l-2012;

billi ttollerat l-iżvilupp tal-infrastrutturi ta’ aċċess għall-bajja li tinsab fiż-żona ta’ Kyparissia (il-Greċja), jiġifieri l-ftuħ ta’ ħames mogħdijiet ġodda lejn il-bajja ta’ Agiannaki kif ukoll il-kisi ta’ ċerti aċċessi u mogħdijiet eżistenti;

billi ma adottatx miżuri suffiċjenti bil-għan li tiżgura l-osservanza tal-projbizzjoni tal-kampeġġ fis-selvaġġ viċin il-bajja ta’ Kalo Nero (il-Greċja) u Elaia;

billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita l-operat tal-barijiet li jinsabu bejn Elaia u Kalo Nero, fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta, u billi ma żguratx li l-inkonvenjenti kkawżati minn dawn il-barijiet ma jfixklux lil dawn l-ispeċi;

billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tnaqqas, fi ħdan iż-żona tad-djuni ta’ Kyparissia, il-preżenza ta’ apparat u ta’ diversi installazzjonijiet fuq il-bajjiet fejn jirriproduċu ruħhom il-fkieren tal-baħar Caretta caretta, kif ukoll billi ħarġet permess għall-bini ta’ pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare;

billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita b’mod suffiċjenti t-tniġġis mid-dawl li jolqot lill-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia u fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta, u

billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tillimita b’mod suffiċjenti l-attivitajiet tas-sajd matul il-bajjiet li jinsabu fiż-żona ta’ Kyparissia fejn jirriproduċu l-fkieren tal-baħar Caretta caretta,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa.

2)

Billi ħarġet permessi għal djar mibnija matul l-2010 f’Agiannaki, għal tliet residenzi tal-vaganzi f’Vounaki matul l-2012, u għall-kostruzzjoni ta’ pjattaforma viċin il-lukanda Messina Mare, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43.

3)

Ir-Repubblika Ellenika,

billi ma adottatx qafas leġiżlattiv u regolamentari komplet, koerenti u strett intiż għall-protezzjoni tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta fi ħdan iż-żona ta’ Kyparissia;

billi ma adottatx, fit-terminu stabbilit, il-miżuri konkreti kollha meħtieġa biex tevita t-tfixkil intenzjonali tal-fekruna tal-baħar Caretta caretta matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni ta’ din l-ispeċi, u

billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet li tiżgura l-osservanza tal-preklużjoni ta’ deterjorament jew ta’ qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni tal-ispeċi msemmija,

naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 12(1)(b) u (d) tad-Direttiva 92/43.

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Ellenika għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


(1)  ĠU C 7, 12.01.2015.