14.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Jannar 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato – l-Italja) – DHL Express (Italy) Srl, DHL Global Forwarding (Italy) SpA vs Autorità Garante della Concorrenza e del mercato

(Kawża C-428/14) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika tal-kompetizzjoni - Artikolu 101 TFUE - Regolament (KE) Nru 1/2203 - Settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija - Awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni - Valur legali tal-istrumenti tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni - Programm mudell ta’ dan in-netwerk fil-qasam tal-klemenza - Talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni - Talba sommarja għal immunità mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni - Rabta bejn dawn iż-żewġ talbiet))

(2016/C 098/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DHL Express (Italy) Srl, DHL Global Forwarding (Italy) SpA

Konvenuta: Autorità Garante della Concorrenza e del mercato

fil-preżenza ta’: Schenker Italiana SpA, Agility Logistics Srl

Dispożittiv

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istrumenti adottati fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, partikolarment il-programm mudell ta’ dan in-netwerk fil-qasam tal-klemenza, ma għandhomx effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hemm ebda rabta ġuridika bejn it-talba għall-immunità li impriża tkun ressqet jew tkun ser tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea u t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-istess ftehim, li tobbliga lil din l-awtorità tevalwa t-talba sommarja fid-dawl tat-talba għall-immunità. Il-fatt li t-talba sommarja tirrifletti jew ma tirriflettix b’mod fidil il-kontenut tat-talba mressqa quddiem il-Kummissjoni huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

Meta t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollha kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar ristrett minn dak tat-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni, din l-awtorità nazzjonali ma hijiex obbligata li tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża stess, sabiex tistabbilixxi jekk din l-impriża kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti ta’ aġir illegali fis-settur allegatament kopert minn dik it-talba għall-immunità, iżda li ma huwiex kopert minn din it-talba sommarja.

3)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni milli taċċetta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, talba sommarja għall-immunità ta’ impriża li ma tkunx ressqet quddiem il-Kummissjoni, talba għall-immunità totali, iżda talba għat-tnaqqis tal-multi.


(1)  ĠU C 462, 22.12.2014.