25.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Frar 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-179/14) (1)

((Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2006/123/KE - Artikoli 14 sa 16 - Artikolu 49 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment - Artikolu 56 TFUE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ vawċers fiskalment vantaġġjużi mogħtija mill-persuni li jimpjegaw lill-impjegati tagħhom u li jistgħu jintużaw għall-finijiet ta’ akkomodazzjoni, ta’ ħin liberu u/jew ta’ provvista tal-ikel - Restrizzjonijiet - Monopolju))

(2016/C 145/05)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Tokár u E. Montaguti, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija (rappreżentanti: M. Z. Fehér u G. Koós, agenti)

Dispożittiv

1)

Bl-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi, prevista mid-digriet governattiv Nru 55/2011, tat-12 ta’ April 2011, li jirregola l-ħruġ u l-użu tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi, u emendat mil-Liġi Nru CLVI, tal-21 ta’ Novembru 2011, li jemenda ċerti liġijiet fiskali u atti relatati, l-Ungerija kisret id-Direttiva 2006/123/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, sa fejn:

l-Artikolu 13 tal-imsemmi digriet governattiv, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi Nru XCVI tal-1993 dwar il-fondi ta’ assigurazzjoni mutwa volontarja, mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi Nru CXXXII tal-1997 dwar il-fergħat u l-aġenziji kummerċjali tal-impriżi li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż, kif ukoll mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi Nru IV tal-2006 dwar il-kumpanniji kummerċjali, jeskludi l-possibbiltà li fergħat ta’ impriżi joħorġu l-kard għall-ħin liberu Széchenyi u, għalhekk, jikser il-punt 3 tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva;

l-imsemmi Artikolu 13, moqri flimkien ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali, li ma jirrikonoxxix, fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-istess Artikolu 13(a) sa (c), l-attività ta’ gruppi ta’ impriżi li l-kumpannija parent tagħhom ma hijiex kumpannija stabbilita skont id-dritt Ungeriż u li l-membri tagħhom ma joperawx taħt forom ta’ kumpannija previsti mid-dritt Ungeriż, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(b) u (3) tal-imsemmija direttiva;

l-Artikolu 13 tad-digriet governattiv Nru 55/2011, moqri flimkien ma’ dawn l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali, li jirriżerva l-possibbiltà li l-banek u l-istabbilimenti finanzjarji joħorġu l-kard għall-ħin liberu Széchenyi, peress li huma biss dawn l-organi li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 13, jikser l-Artikolu 15(1), (2)(d) u (3) tal-istess direttiva;

l-imsemmi Artikolu 13 jikser l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 peress li jissuġġetta l-ħruġ tal-kard għall-ħin liberu Széchenyi għall-eżistenza ta’ stabbiliment fl-Ungerija;

2)

Is-sistema ta’ vawċers Erzsébet irregolata bil-Liġi Nru CLVI, tal-21 ta’ Novembru 2011, u bil-Liġi Nru CIII, tas-6 ta’ Lulju 2012, dwar il-programm Erzsébet tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, peress li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq monopolju favur organi pubbliċi fil-kuntest tal-ħruġ ta’ vawċers għall-ikliet kesħin u li jistgħu jingħataw, f’kundizzjonijiet fiskalment vantaġġjużi, mill-persuni li jimpjegaw lill-impjegati tagħhom bħala benefiċċji in natura.

3)

L-Ungerija hija kkundanna għall-ispejjeż.


(1)   ĠU C 202, 30.6.2014.