21.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 429/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Supremo Tribunal Administrativo – il-Portugall) – Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA vs Fazenda Pública

(Kawża C-174/14) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 13(1) - Nuqqas ta’ ssuġġettar - Kunċett ta’ “korp irregolat bid-dritt pubbliku” - Kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata responsabbli mill-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-ippjanar u tal-amministrazzjoni ta’ servizz tas-saħħa tar-reġjun awtonomu ta’ Açores - Determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ dawn is-servizzi, inkluż ir-remunerazzjoni tagħhom, f’kuntratti qafas konklużi bejn din il-kumpannija u dan ir-reġjun))

(2015/C 429/04)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal Administrativo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Saudaçor – Sociedade Gestora de Recursos e Equipamentos da Saúde dos Açores SA

Konvenuta: Fazenda Pública

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u amministrazzjoni tas-servizz tas-saħħa konformement mal-kuntratti qafas konklużi bejn il-kumpannija u l-imsemmi reġjun.

2)

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt ir-regola ta’ nuqqas ta’ ssuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista f’din id-dispożizzjoni, attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti, għal kumpannija, li tipprovdi lil reġjun servizzi ta’ ppjanar u ta’ amministrazzjoni tas-servizz reġjonali tas-saħħa konformement mal-kuntratti qafas konklużi bejn il-kumpannija u l-imsemmi reġjun, fil-każ fejn din l-attività tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, jekk, u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, jista’ jiġi kkunsidrat li l-imsemmija kumpannija għandha tiġi kklassifikata bħala korp irregolat bid-dritt pubbliku u li hija twettaq l-imsemmija attività bħala awtorità pubblika, sakemm il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-eżenzjoni tal-attività msemmija ma hijiex tali li twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ta’ ċerta importanza.

F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “korpi rregolati bil-liġi pubblika” stabbilit fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].


(1)  ĠU C 212, 07.07.2014