7.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State – il-Pajjiżi l-Baxxi) – Minister van Buitenlandse Zaken vs K, A

(Kawża C-153/14) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2003/86/KE - Artikolu 7(2) - Riunifikazzjoni tal-familja - Miżuri ta’ integrazzjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi regolarment fl-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika sabiex ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru - Spejjeż ta’ tali eżami - Kompatibbiltà))

(2015/C 294/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Minister van Buitenlandse Zaken

Konvenuti: K, A

Dispożittiv

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jinkludi evalwazzjoni tal-għarfien bażiku kemm tal-lingwa kif ukoll tas-soċjetà tal-Istat Membru kkonċernat u li jimplika l-ħlas ta’ diversi spejjeż, qabel ma jiġu awtorizzati d-dħul u r-residenza tal-imsemmija ċittadini fit-territorju tagħhom għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ tali obbligu ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet, sa fejn ma jippermettux li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari li jikkostitwixxu oġġettivament ostakolu sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jgħaddu minn dan l-eżami, u sa fejn jistabbilixxu l-ammont tal-ispejjeż marbuta ma’ tali eżami fuq livell għoli żżejjed, irendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.


(1)  ĠU C 194, 24.6.2014.