26.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Settembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – l-Ungerija) – Iron & Smith kft vs Unilever NV

(Kawża C-125/14) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trade mark - Reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali identika jew simili għal trade mark Komunitarja preċedenti - Trade mark Komunitarja li għandha reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea - Portata ġeografika tar-reputazzjoni))

(2015/C 354/07)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Iron & Smith kft

Konvenuta: Unilever NV

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li r-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja preċedenti hija stabbilita fuq parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, li tista’, jekk ikun il-każ, tikkoinċidi mat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li ma għandux neċessarjament ikun dak fejn ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali sussegwenti, għandu jiġi kkunsidrat li din it-trade mark tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Il-kriterji li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza li jikkonċernaw l-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja ma humiex, bħala tali, rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “reputazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva.

2)

Peress li t-trade mark Komunitarja preċedenti diġà kisbet reputazzjoni f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, iżda mhux mingħand il-pubbliku rilevanti tal-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti, ikkonċernata mill-oppożizzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jista’ jibbenefika mill-protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95 meta jidher li parti kummerċjalment sinjifikanti tal-imsemmi pubbliku jagħraf din it-trade mark, jistabbilixxi rabta bejn din u t-trade mark nazzjonali sussegwenti, u li teżisti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, jew ħsara effettiva u attwali għat-trade mark Komunitarja, skont din id-dispożizzjoni, jew, fin-nuqqas ta’ dan, ikun ta’ probabbiltà serja li tali ħsara ser tiġri fil-futur.


(1)  ĠU C 175, 10.6.2014.