22.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ April 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Hof van Beroep te Gent – Il-Belġju) – Property Development Company NV vs l-Istat Belġjan

(Kawża C-16/14) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 11A - Użu ta’ oġġett meqjus bħala kunsinna magħmula bi ħlas - Użu ta’ proprjetà immobbli għal attività eżentata mill-VAT - Valur taxxabbli għal dan l-użu - Interessi fuq kapital misluf imħallsa fiż-żmien tal-kostruzzjoni tal-proprjetà immobbli))

(2015/C 205/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiz

Qorti tar-rinviju

Hof van Beroep te Gent

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Property Development Company NV

Konvenut: L-Istat Belġjan

Dispożittiv

L-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(b) ta’ din id-direttiva, ta’ proprjetà immobbli li l-persuna taxxabbli ordnat sabiex tinbena, huwa kkostitwit mill-prezz tax-xiri, fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, tal-proprjetajiet immobbli li s-sitwazzjoni, id-dimensjoni u l-karatteristiċi l-oħra essenzjali tagħhom ikunu simili għal dawk tal-proprjetà immobbli inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ta’ jekk parti minn dan il-prezz tax-xiri toriġinax mill-ħlas tal-interessi fuq kapital misluf hija irrilevanti.


(1)  ĠU C 102, 7.04.2014.