DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Marzu 2015 ( *1 )
“Rikors għal annullament — REACH — Talba għar-reġistrazzjoni tas-sustanza kimika triphenil fosfat — Intervenjent quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA — Nuqqas ta’ interess dirett — Kunċett ta’ att regolatorju — Inammissibbiltà”
Fil-Kawża T‑673/13,
European Coalition to End Animal Experiments, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Thomas, solicitor,
rikorrenti,
vs
L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, C. Jacquet u W. Broere, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck u A.‑M. Vandromme, avukati,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ECHA, tal-10 ta’ Ottubru 2013, fil-kawża A‑004‑2012, sa fejn din titlob lil terz sabiex iwettaq studju tat-tossiċità ta’ sustanza kimika fl-istadju tal-iżvilupp ta’ qabel it-twelid fuq speċi oħra,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrenti, European Coalition to End Animal Experiments, hija raggruppament Ewropew għall-protezzjoni tal-annimali. Din hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha s-sede tagħha f’Londra (ir-Renju Unit) li għandha organizzazzjonijiet membri fi 22 Stat Membru. Hija rrikonoxxuta mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) bħala parti kkonċernata, akkreditata u awtorizzata sabiex tassisti fil-laqgħat mal-kumitat tal-Istati Membri u mal-kumitat għall-evalwazzjoni tar-riskji tal-ECHA bħala osservatriċi. |
|
2 |
Fit-28 ta’ Frar 2011, l-ECHA bdiet proċedura għall-kontroll tal-konformità tad-dossier tar-reġistrazzjoni tas-sustanza kimika triphenil fosfat ippreżentat minn Lanxess Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Lanxess”). |
|
3 |
Permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ April 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-5 ta’ April 2012”) dwar il-kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet skont l-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 36, p.1), l-ECHA talbet lil Lanxess, b’mod partikolari, sabiex twettaq studju tat-tossiċità tas-sustanza kimika triphenil fosfat fl-istadju tal-iżvilupp ta’ qabel it-twelid fuq speċi oħra, jiġifieri fuq il-fenek, u stabbilixxiet terminu ta’ 24 xahar sabiex din tipprovdi informazzjoni addizzjonali. |
|
4 |
Fil-5 ta’ Lulju 2012, Lanxess ippreżentat appell bis-saħħa tal-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA kontra din id-deċiżjoni. L-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi li jista’ jitressaq appell mid-deċiżjonijiet tal-ECHA li jittieħdu skont l-Artikoli 9 u 20, l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 30(2) u (3) u l-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA. |
|
5 |
Permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2012, il-Bord tal-Appell tal-ECHA laqa’ t-talba tar-rikorrenti sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Lanxess, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 771/2008, tal-1 ta’ Awwissu 2008, li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 206, p. 5). |
|
6 |
Permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Bord tal-Appell tal-ECHA ċaħad l-appell ta’ Lanxess, iddeċieda li l-ispejjeż tal-appell ma għandhomx jiġu rrimborsati, ċaħad it-talba għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ Lanxess u ddeċieda li din tal-aħħar kienet obbligata li tipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni f’terminu ta’ 24 xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
7 |
Il-fatt li Lanxess ma ressqet l-ebda azzjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex qed jiġi kkontestat. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
8 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti pprovdiet verżjoni korretta tar-rikors. |
|
9 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il‑Ħames Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti wieġbet fit-terminu impost. |
|
10 |
Fit-23 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat talba sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-ECHA. |
|
11 |
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2014, l-ECHA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura kontra dan ir-rikors. |
|
12 |
Fit-12 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ECHA. |
|
13 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
15 |
Skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li waħda mill-partijiet titlob lill-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, il-bqija tal-proċedura dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha titkompla oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti tal-proċess u tiddeċiedi li ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali. |
|
16 |
Skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, tista’ titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 263 TFUE, azzjoni li tikkontesta deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-ECHA jew, fil-każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell quddiem dan tal-aħħar, deċiżjoni tal-ECHA. |
|
17 |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jsemmi tliet ċirkustanzi li fihom kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors għal annullament. Skont ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu, hija tista’ tippreżenta rikors, l-ewwel nett, kontra l-atti indirizzati lilha, it-tieni nett, kontra l-atti li jirrigwardawha direttament u individwalment u t-tielet nett, kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni. |
|
18 |
Ir-rikorrenti tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lilha. Sussidjarjament, hija ssostni li hija tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti previsti fit-tieni u fit-tielet ċirkustanza msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hija tispeċifika li hija qiegħda tippreżenta dan ir-rikors f’isimha stess u mhux bħala mandatarja ta’ Lanxess. |
|
19 |
L-ECHA tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti u li din ma tirrigwardahiex la direttament u lanqas individwalment. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma hija att regolatorju. |
Fuq l-ewwel rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE
|
20 |
F’din il-kawża, il-partijiet ma jaqblux prinċipalment dwar il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex indirizzata lir-rikorrenti bħala intervenjenti ammessa fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA, jiġifieri deċiżjoni dwar l-appell ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. |
|
21 |
Minn ġurisprudenza stabbilita, żviluppata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet, jirriżulta li jitqiesu li huma atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħha, li għandha bħala għan li tipproduċi effetti legali vinkolanti (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, Ġabra, EU:C:1971:32, punt 42, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, Ġabra, EU:C:2011:656, punt 36). |
|
22 |
Meta rikors għal annullament kontra att adottat minn istituzzjoni huwa ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li dan jista’ jseħħ biss meta l-effetti legali vinkolanti ta’ dan l-att huma tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tagħha (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra, EU:C:2008:422, punt 29). Madankollu għandu jiġi enfasizzat li din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti li huma kienu d-destinatarji tagħhom (sentenza Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2011:656, punt 38). |
|
23 |
Fi kliem ieħor, deċiżjoni li tidentifika d-destinatarji tagħha tirrifletti l-intenzjoni ta’ awtorità li għandha l-għan li tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ dawn id-destinatarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 1995, BASF et vs Il‑Kummissjoni, T‑80/89, T‑81/89, T‑83/89, T‑87/89, T‑88/89, T‑90/89, T‑93/89, T‑95/89, T‑97/89, T‑99/89 sa T‑101/89, T‑103/89, T‑105/89, T‑107/89 u T‑112/89, Ġabra, EU:T:1995:61, punti 73 u 74, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Roemer fil-kawżi magħquda Lemmerz-Werke et vs L-Awtorità Għolja, 53/63 u 54/63, EU:C:1963:29, p. 518). Tali deċiżjoni għandha tidher li hija intiża li tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tad-destinatarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1963, Lemmerz-Werke et vs L‑Awtorità Għolja, 53/63 u 54/63, EU:C:1963:54, p. 506). Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li jgħid li deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss. |
|
24 |
Skont il-ġurisprudenza, it-terminu “destinatarju” jispeċifika persuna li l-identità tagħha hija suffiċjentement stabbilita fid-deċiżjoni inkwistjoni u lil min din id-deċiżjoni għandha tiġi indirizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra, EU:T:2006:396, punt 72). Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda d-differenza bejn id-deċiżjonijiet u l-atti ta’ portata ġenerali, ġie deċiż li l-karatteristiċi essenzjali tad-deċiżjoni jirriżultaw mil-limitazzjoni tad-destinatarji, identifikati jew li jistgħu jiġu identifikati, li lilhom hija indirizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il‑Kunsill, 16/62 u 17/62, EU:C:1962:47, p. 918). |
|
25 |
F’dan ir-rigward, ġie deċiż li, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, in-notifika hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-awtur ta’ att li għandu portata individwali jikkomunika dan tal-aħħar lid-destinatarji tiegħu u b’dan il-mod ikunu jistgħu jsiru jafu bih. Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, skont liema d-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lil dawk li lilhom ikunu indirizzati u jkollhom effett biss minn meta ssir din in-notifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, T‑48/04, Ġabra, EU:T:2009:212, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Mid-dispożizzjonijiet u mill-ġurisprudenza ċċitati fil-punti 21 sa 25 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tista’ titqies biss li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, bil-kundizzjoni formali li hija tkun espressament indikata bħala destinatarja jew, min-naħa l-oħra, bil-kundizzjoni sostantiva li mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li r-rikorrenti hija d-destinatarja abbażi tal-fatt li l-imsemmija deċiżjoni hija intiża, billi tesprimi l-intenzjoni tal-awtur tagħha, li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti li huma kapaċi jinfluwenzaw l-interessi tagħha, billi jimmodifikaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
27 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti tiddikjara li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni tirrigwarda kemm lilha bħala intervenjenti kif ukoll lill-partijiet prinċipali fil-proċedura minħabba l-fatt li hija pparteċipat fl-appell ta’ Lanxess u li l-Bord tal-Appell tal-ECHA ċaħad uħud mill-argumenti tagħha. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ECHA ma tikkontestax il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti. Fil-fatt, mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 771/2008 jirriżulta li r-Reġistratur għandu jiżgura li d-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-ECHA jiġu nnotifikati lill-partijiet u lill-intervenjenti. |
|
29 |
Barra minn hekk, huwa minnu li l-parti introduttiva tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi b’isimha lir-rikorrenti fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA u lill-intervenjenti, kif ukoll lir-rappreżentanti tagħhom. |
|
30 |
Madankollu, minn dawn l-elementi ma jirriżultax li r-rikorrenti hija destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq il-kunċett formali ta’ destinatarju
|
31 |
Fir-rigward tal-kunċett formali ta’ destinatarju, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tindika mkien espliċitament id-destinatarju jew id-destinatarji tagħha. Il-fatt waħdu li r-rikorrenti tissemma bħala intervenjenti jew li hija pparteċipat fil-proċedura mibdija minn Lanxess quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA ma jimplikax awtomatikament li hija destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li l-ewwel rekwiżit imsemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq ma huwiex issodisfatt. |
Fuq il-kunċett sostantiv ta’ destinatarju
|
32 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni sostantiva identifikata fil-punt 26 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 771/2008 kinux jagħtu lir-rikorrenti l-istatus ta’ destinatarja fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata u jekk tali status ma kienx jirriżulta mill-kontenut stess tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
33 |
L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 771/2008, għandu jiġi osservat li fi proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA l-intervenjenti ma għandha l-ebda drittijiet oħra ħlief dawk mogħtija lilha mir-Regolament Nru 771/2008. Minn eżami tas-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament jirriżulta li l-intervent ma jagħtix lill-intervenjenti l-istess drittijiet proċedurali li jagħti lill-partijiet prinċipali. |
|
34 |
Iktar speċifikament, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 771/2008 jiddistingwi bejn “partijiet” u “intervenjenti” bħala parteċipanti fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA. Għalhekk, tali distinzjoni tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament. Parti fis-sens tar-Regolament Nru 771/2008 hija l-persuna li tat bidu għall-proċeduri inkwistjoni. Skont l-Artikolu 21(1)(d) tal-imsemmi regolament, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi fil-parti introduttiva tagħha lil Lanxess u lir-rikorrenti bħala rikorrenti u intervenjenti fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA kif ukoll l-ismijiet tar-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni, li tipprevedi li ċerta informazzjoni, inkluż l-ismijiet tal-partijiet prinċipali u tal-intervenjenti, għandha tingħata f’deċiżjoni, ma għandhiex bħala għan li timplika li dawn il-parteċipanti kollha fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA huma destinatarji ta’ kull deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar. |
|
35 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 771/2008 jipprevedi li l-intervent għandu jkun limitat għal sostenn jew ċaħda tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Għalhekk, l-intervent huwa aċċessorju għall-proċeduri prinċipali quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li Lanxess ma ressqet l-ebda azzjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, din tal-aħħar saret definittiva fir-rigward ta’ Lanxess. |
|
36 |
Barra minn hekk, l-għan tal-intervent jiddependi wkoll mill-ammissibbiltà tal-appell tal-parti prinċipali. Fil-fatt, l-appell jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli bis-saħħa tal-Artikolu 11(1)(d) tar-Regolament Nru 771/2008 jekk l-appellant ma huwiex id-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata tal-ECHA u jekk ma jistax jistabbilixxi li din tal-aħħar tirrigwardah b’mod dirett u individwali. Minn dan isegwi li l-intervenjent għandu jaċċetta l-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA fl-istat li hija ssibhom meta jagħmel l-intervent tiegħu. |
|
37 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 32 sa 36 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 771/2008 ma tagħti lir-rikorrenti l-istatus ta’ destinatarja fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
38 |
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti hija sorpriża li persuna tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni wara ċaħda tat-talba tagħha għal intervent quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA, iżda ma tistax tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata bħala intervenjenti ammessa minnu. |
|
39 |
Għandu jitfakkar li l-persuna li tressaq talba għal intervent hija d-destinatarja tad-deċiżjoni li tiċħad din it-talba. F’dan il-każ, l-istatus ta’ destinatarja tal-persuna inkwistjoni tirriżulta direttament mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 771/2008. Din id-dispożizzjoni hija koerenti mar-regola ġenerali li tgħid li, bl-eċċezzjoni tal-appelli kontra deċiżjonijiet li jiċħdu talba għal intervent, id-dritt ta’ intervenjent li jappella huwa limitat għall-każijiet fejn l-att inkwistjoni jirrigwardah direttament. Għal dak li jirrigwarda l-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni, dan il-prinċipju jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li d-dritt tal-intervenjenti, ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jressqu appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali huwa eskluż ħlief meta d-deċiżjoni taffettwahom direttament. |
|
40 |
It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-istatus ta’ destinatarju sostantiv tar-rikorrenti jirriżultax mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tat-tieni rekwiżit espost fil-punt 26 iktar ’il fuq. |
|
41 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell tal-ECHA ċaħad l-appell ta’ Lanxess mid-deċiżjoni tal-5 ta’ April 2012 u ddeċieda li din tal-aħħar kellha tipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni f’terminu ta’ 24 xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
42 |
Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara appell ta’ Lanxess li tikkontesta l-obbligu tagħha li twettaq, fil-kuntest ta’ kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet, studju tat-tossiċità tas-sustanza kimika triphenil fosfat fl-istadju tal-iżvilupp ta’ qabel it-twelid fuq speċi oħra. |
|
43 |
Għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex intiża għalhekk li tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ Lanxess, billi jimmodifikaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħha. Bħala l-appellanti quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA, Lanxess hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fir-rigward tagħha japplika dan ir-rikors, ma hijiex intiża li toħloq u lanqas li tibdel ebda dritt jew obbligu legali tar-rikorrenti. Huwa importanti li jiġi kkonstatat li la d-dispożittiv tagħha, la l-motivi li jikkostitwixxu l-motivazzjoni tagħha u lanqas il-parti introduttiva tagħha ma jindikaw intenzjoni tal-Bord tal-Appell tal-ECHA li jemenda s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell tal-ECHA ċaħad, fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, l-argumenti tagħha li ressqet matul il-proċeduri, għandu jiġi osservat li hija ma tispjegax kif tali ċaħda kienet ser tibdel is-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
45 |
Minn dan isegwi li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell tal-ECHA esprima l-intenzjoni li jibdel biss is-sitwazzjoni legali ta’ Lanxess. Għalhekk, għal dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, it-tieni rekwiżit espost fil-punt 26 iktar ’il fuq ma huwiex issodisfatt. |
|
46 |
It-tielet nett, peress li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-istatus tagħha ta’ destinatarja sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata la abbażi ta’ dispożizzjoni speċifika tar-Regolament Nru 771/2008 li jagħtiha tali dritt, u lanqas minħabba l-intenzjoni tal-Bord tal-Appell tal-ECHA espressa fil-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni, l-argumenti li permezz tagħhom hija tiddikjara li biss organizzazzjoni bħalha tista’ tipproteġi l-interessi tal-annimali fil-laboratorju inkwistjoni, li l-Bord tal-Appell tal-ECHA rrikonoxxa l-interess tagħha sabiex tintervjeni fil-proċeduri quddiem il-Bord jew li r-regoli dwar il-locus standi tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi huma iktar wiesgħa f’sistemi legali oħra, huma ineffettivi f’dan il-kuntest. |
|
47 |
Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq it-tieni rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE
|
48 |
Minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma tistax tippreżenta rikors għal annullament, skont it-tieni rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra l-imsemmi att sakemm, b’mod partikolari, dan ma jkunx jirrigwardaha direttament. |
|
49 |
Fir-rigward tal-interess dirett, hija ġurisprudenza stabbilita li din il-kundizzjoni titlob, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata taffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tal-individwu, u, it-tieni nett, li hija ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, billi din l-implementazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tkun tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra, EU:C:1998:193, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il‑Parlament, C‑486/01 P, Ġabra, EU:C:2004:394, punt 34, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville vesuviane u Ente per le Ville vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra, EU:C:2009:529, punt 45). |
|
50 |
Għalhekk, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwardaha direttament. |
|
51 |
Skont l-ECHA, il-fatt li r-rikorrenti ġiet awtorizzata tintervjeni fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA ma jagħtihiex id-dritt li tippreżenta dan ir-rikors. Id-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
52 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell tal-ECHA ċaħad l-appell ta’ Lanxess mid-deċiżjoni tal-5 ta’ April 2012 u ddeċieda li din tal-aħħar kienet obbligata tipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni f’terminu ta’ 24 xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tfittex biss l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tikkonstata l-obbligu ta’ Lanxess sabiex twettaq, fil-kuntest tal-kontrolli tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet, studju tat-tossiċità tas-sustanza kimika triphenil fosfat fl-istadju tal-iżvilupp ta’ qabel it-twelid fuq speċi oħra. |
|
53 |
Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fir-rigward tagħha japplika dan ir-rikors, ma tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Lanxess. |
|
54 |
L-ewwel nett, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwardaha direttament, ir-rikorrenti ssostni li hija temmen li għandha locus standi minħabba l-fatt li l-Bord tal-Appell tal-ECHA rrikonoxxa l-interess tagħha sabiex tintervjeni u hija tenfasizza l-interess tagħha sabiex l-argumenti tagħha jintlaqgħu. |
|
55 |
Għandu għalhekk jiġi osservat li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 771/2008, il-persuni kollha li għandhom interess fl-eżitu ta’ kawża quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA jistgħu jintervjenu fil-proċeduri quddiemu. |
|
56 |
Għandu jitfakkar li, b’differenza mill-Bord tal-Appell tal-ECHA fil-kuntest tal-eżami tiegħu dwar l-interess fl-eżitu tal-kawża inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali hija obbligata, fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar l-interess dirett, tivverifika, minn naħa, jekk il-miżura kkontestata tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, jekk hija ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, billi din l-implementazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tkun tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra. Dan l-eżami għalhekk ma jirrigwardax l-interess tar-rikorrenti li tippreżenta dan ir-rikors, iżda qabel kollox li jsir magħruf jekk id-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ toħloqx effettivament effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
57 |
Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li jammetti l-intervent tar-rikorrenti, bl-ebda mod ma torbot lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar il-locus standi ta’ din tal-aħħar f’dan il-każ. Għalhekk, il-fatt li l-Bord tal-Appell irrikonoxxa l-interess tagħha li tintervjeni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 771/2008 ma jimplikax li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwardaha direttament. |
|
58 |
Barra minn hekk, il-fatt waħdu li mhux l-argumenti kollha tar-rikorrenti insostenn tat-talbiet ta’ terz intlaqgħu ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata toħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
59 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li biss organizzazzjoni bħalha tista’ tipproteġi l-interessi tal-annimali fil-laboratorju inkwistjoni. Hija tqis li, jekk hija ma tistax tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, ma teżisti l-ebda protezzjoni ġuridika effettiva għall-interessi tal-annimali inkwistjoni. |
|
60 |
Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fir-rigward tagħha japplika dan ir-rikors, tirrigwarda l-obbligu ta’ Lanxess li twettaq, fil-kuntest ta’ kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet, studju tat-tossiċità tas-sustanza kimika triphenil fosfat fl-istadju tal-iżvilupp ta’ qabel it-twelid fuq speċi oħra. Permezz tal-argument tagħha li jgħid li biss organizzazzjoni bħalha tista’ tipproteġi l-interessi tal-annimali fil-laboratorju inkwistjoni, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jista’ juri li d-deċiżjoni kkontestata ħolqot effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha. |
|
61 |
F’dan il-kuntest, għandu, barra minn hekk, jiġi osservat li l-Bord tal-Appell tal-ECHA huwa obbligat josserva fid-deċiżjonijiet tiegħu bħad-deċiżjoni kkontestata d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 u tat-Trattat FUE. Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ittestjar fuq annimali vertebrati għall-finijiet ta’ dan ir-regolament għandu jsir biss meta ma jkunx hemm għażla oħra. Il-premessa 47 tal-imsemmi regolament tistabbilixxi li l-ECHA għandha tiżgura li t-tnaqqis fl-ittestjar fuq l-annimali jkun kunsiderazzjoni ewlenija fl-iżvilupp u fiż-żamma ta’ gwida aġġornata għall-partijiet interessati u fil-proċeduri tagħha. L-Artikolu 13 TFUE jipprevedi li l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-ħtiġijiet tal-benesseri tal-annimali bħala ħlejjaq senzjenti, filwaqt li tosserva d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali. |
|
62 |
Ir-rikorrenti ġiet ammessa bħala intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA u setgħet tipprovdi l-elementi kollha rilevanti sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jieħu deċiżjoni informata. Madankollu, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet esposti fil-punt 61 iktar ’il fuq sabiex turi li hija għandha interess dirett fid-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ. |
|
63 |
Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-protezzjoni ġudizzjarja tal-interessi tal-annimali tal-laboratorju inkwistjoni jiġġustifika l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwardaha direttament, għandu jiġi osservat li, minkejja l-fatt li hija ġurisprudenza stabbilita li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma għandhom taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk jitqiesu effettivi, id-dritt għal tali protezzjoni ma jistax, madankollu, jaffettwa l-kundizzjonijiet stipulati fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara d-digriet tal-24 ta’ Settembru 2009, Município de Gondomar vs Il‑Kummissjoni, C‑501/08 P, EU:C:2009:580, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-regoli dwar l-locus standi tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi huma ħafna iktar wiesgħa f’sistemi legali oħra, biżżejjed jiġi osservat li r-regoli proċedurali differenti fis-sistemi legali l-oħra ma jistgħux jaffettwaw ir-rekwiżiti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
65 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ddeċidiet fuq kwistjoni ta’ dritt importanti għal proċeduri oħra quddiem l-ECHA, liema deċiżjoni għalhekk tapplika għall-każijiet kollha li jirrigwardaw sustanzi mmanifatturati jew importati fi kwantitajiet ugwali jew superjuri għal 1000 tunnellata msemmija fl-Anness X tar-Regolament Nru 1907/2006, u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti hija kkonċernata mill-prinċipju ġenerali mqajjem fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li fil-kawżi tal-Unjoni ma hemmx rimedji legali li jippermettu li l-qorti tadotta pożizzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni ġenerali jew ta’ prinċipju (ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni, T‑33/01, Ġabra, EU:T:2005:461, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
66 |
Għalhekk, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda argument li jista’ juri li d-deċiżjoni kkontestata affettwat b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tagħha. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax direttament lir-rikorrenti sa fejn fir-rigward tagħha japplika dan ir-rikors għal annullament. |
Fuq it-tielet rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE
|
67 |
Peress li l-kriterju tal-interess dirett huwa identiku fit-tieni u fit-tielet rekwiżit imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li d-deċiżjoni kkontestata, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 49 sa 66 iktar ’il fuq, ma tirrigwardax direttament lir-rikorrenti, sa fejn fir-rigward tagħha japplika dan ir-rikors, it-tielet rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE wkoll ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ. |
|
68 |
Sussidjarjament, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tat-tielet rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, l-ECHA tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att ta’ portata ġenerali. |
|
70 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ att regolatorju, fis-sens tat-tielet rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jinftiehem bħala li jipprevedi kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi (digrieti tal-4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑381/11, Ġabra, EU:T:2012:273, punt 42, u tas-7 ta’ Marzu 2014, FESI vs Il‑Kunsill, T‑134/10, EU:T:2014:143, punt 23). |
|
71 |
Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv peress li ma ġietx adottata la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Ewropa) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, EU:T:2011:623, punt 21, u d-digriet FESI vs Il‑Kunsill, punt 70 iktar ’il fuq, EU:T:2014:143, punt 25]. |
|
72 |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex portata ġenerali sa fejn hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet stabbiliti oġġettivament u ma tipproduċix effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni msemmija b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-21 ta’ Jannar 2014, Bricmate vs Il‑Kunsill, T‑596/11, EU:T:2014:53, punt 65, u FESI vs Il‑Kunsill, punt 70 iktar ’il fuq, EU:T:2014:143, punt 24). Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn fir-rigward tagħha japplika dan ir-rikors, tirrigwarda l-obbligu ta’ Lanxess li twettaq, fil-kuntest ta’ kontroll tal-konformità tar-reġistrazzjonijiet dwar is-sustanza kimika triphenil fosfat, studju tat-tossiċità fl-istadju tal-iżvilupp ta’ qabel it-twelid fuq speċi oħra. |
|
73 |
Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att regolatorju, liema fatt jeskludi wkoll il-possibbiltà li r-rikors ikun ammissibbli skont it-tielet rekwiżit imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
74 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ECHA għandha tintlaqa’, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati jekk kriterji oħra dwar it-tieni u t-tielet rekwiżit imsemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE humiex issodisfatti. Dan ir-rikors għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent imressqa mill-Kummissjoni f’din il-kawża. |
Fuq l-ispejjeż
|
75 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-ECHA. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla) tordna: |
|
|
|
|
E. Coulon Ir-Reġistratur A. Dittrich Il-President |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.