7.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 359/19 |
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2013 — Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill
(Kawża T-552/13)
2013/C 359/36
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Oil Turbo Compressor Ltd (Private Joint Stock) (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: K. Kleinschmidt, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
— |
tannulla l-punt 48 tat-Tabella B tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; |
— |
tannulla l-punt 103 tat-Tabella B tal-Anness VIII għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; |
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka l-motivi li ġejjin.
(1) |
L-ewwel motiv ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti segwenti mid-deċiżjoni tal-Kunsill Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, fost l-oħrajn, li l-atti kkontestati ġew adottati fuq il-bażi ta’ allegazzjonijiet żbaljati u li jikkontradixxu s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2012, fil-Kawża T-63/12 (Oil Turbo Compressor vs Il-Kunsill, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) u tas-17 ta’ April 2013, fil-Kawża T-404/11 (TCMFG vs Il-Kunsill, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra). Ir-rikorrenti ssostni li ma kien hemm ebda fatt li seta’ jiġġustifika b’mod adegwat id-deċiżjoni tal-konvenut u l-interferenza konsegwenti fid-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. |
(2) |
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ proporzjonalità Ir-rikorrenti tqis li hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l-inklużjoni tagħha fl-atti kkontestati bl-ebda mod ma indikat relazzjoni mal-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, li jipprevjeni b’mod permanenti attivitajiet nukleari b’riskju ta’ proliferazzjoni, kummerċ u/jew żvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari jew sistemi oħra ta’ armi mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Il-konvenut ukoll ma weriex li l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-kummerċ mal-Unjoni Ewropea huwa xieraq, u li b’mod partikolari huwa l-mezz l-inqas restrittiv sabiex jinkiseb l-għan stabbilit. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ma ttiħditx inkunsiderazzjoni l-interferenza kbira fid-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti li saret fir-rigward tal-allegat għan imfittex mill-konvenut. |
(3) |
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ stat ta’ dritt F’dan il-kuntest, huwa argumentat li l-konvenut naqas milli jagħti raġunijiet suffiċjenti għall-inklużjoni tar-rikorrenti fl-atti kkontestati. Il-konvenut la jsemmi l-fatti u lanqas il-provi li allegatament kienu għad-dispożizzjoni tiegħu. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ma ġiet mgħarrfa bl-ebda fatti u provi li jistgħu jiġġustifikaw l-atti kkontestati u li billi l-konvenut żamm lura milli jaqsam kwalunkwe informazzjoni hija ġiet miċħuda minn smigħ xieraq skont il-prinċipju ta’ stat ta’ dritt. Sa issa t-talba tar-rikorrenti li tingħata aċċess għad-dokumenti inkwistjoni ma ntlaqatx. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li minkejja s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq il-konvenut żamm fis-seħħ l-atti ikkontestati. |