10.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/13


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2013 — CSF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-337/13)

2013/C 233/22

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: CSF Srl (Grumolo delle Abbadesse, l-Italja) (rappreżentanti: R. Santoro, S. Armellini u R. Bugaro, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2013/173/UE ppubblikata fl-10 ta’ April 2013 u kkomunikata lir-rikorrenti fis-16 ta’ April 2013;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/173/UE, tat-8 ta’ April 2013, dwar miżura adottata mid-Danimarka skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi tip ta’ makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal. Din id-deċiżjoni tqis iġġustifikat il-projbizzjoni tal-awtorità Daniża (ĠU L 101, p. 29).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 5, 6(1), 7 u 11 tad-Direttiva 2006/42/KE, iċċitata iktar ’il fuq, u l-punti 1.1.2 u 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva.

F’dan ir-rigward hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-verità, l-istrutturi protettivi FOPS għall-makkinajri Multione S630 tar-rikorrenti huma obligatorji fil-każijiet kollha li fihom l-użu tal-makkinarju jesponi lill-operatur għar-riskju ta’ oġġetti jew materjal li jistgħu jaqgħu.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

F’dan ir-rigward hija ssostni li l-miżura Daniża, li d-deċiżjoni kkontestata tqis bħala ġġustifikata, timponi miżuri restrittivi fuq it-tqegħid fis-suq tal-makkinarji multifunzjonali Multione S630 biss, anki jekk bosta makkinarji multifunzjonali oħra simili u li jintużaw bħal Multione S630 huma fis-suq Daniż mingħajr ma huma obbligati li jkollhom FOPS.