24.8.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 245/12 |
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2013 — Elmaghraby u El Gazaerly vs Il-Kunsill
(Kawża T-319/13)
2013/C 245/14
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ahmed Alaeldin Amin Abdelmaksoud Elmaghraby (il-Kajr, l-Eġittu) u Naglaa Abdallah El Gazaerly (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: D. Pannick, QC, M. Lester, Barrister, u M. O’Kane, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla, sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/144/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU L 82, p. 54); |
— |
tħassar l-allegazzjonijiet li jgħidu li kull rikorrent huwa responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u huwa suġġett ta’ investigazzjoni ġudizzjarja fl-Eġittu; u |
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
(1) |
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jagħti motivazzjoni xierqa jew suffiċjenti għad-deċiżjoni tiegħu li jinkludi wieħed mir-rikorrenti fil-miżuri tal-2013. |
(2) |
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żball manifest meta kkunsidra li l-kriterju sabiex jinkludi wieħed mir-rikorrenti fil-miżuri kien issodisfatt, sa fejn l-lista tal-ismijiet tar-rikorrenti ma għandha l-ebda bażi legali jew fattwali. |
(3) |
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tad-data bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (1) u tad-Direttiva 95/46/KE (2). |
(4) |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma pproteġiex d-drittijiet għad-difiża tar-rikorrenti u lanqas d-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv. |
(5) |
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni u b’mod sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt tagħhom għal protezzjoni tal-proprjetà tagħhom, tan-negozju tagħhom u tar-reputazzjoni tagħhom. |
(1) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data.
(2) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.