|
22.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 178/10 |
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2013 — Rose Vision u Seseña vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-45/13)
2013/C 178/19
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Rose Vision, SL (Seseña, Spanja) u Julián Seseña (Pozuelo de Alarcón, Spanja) (rappreżentanti: M. Muñiz Bernuy u Á. Alonso Villa, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
|
— |
tannulla d-deċiżjonijiet ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet miftehma; |
|
— |
tneħħi lil Rose Vision, S.L. minn fuq ir-Reġistru ta’ Esklużjonijiet u mis-Sistema ta’ Twissija Bikrija (EWS); |
|
— |
tikkundanna lill-konvenuta tħallas EUR 5 000 624 għad-danni. |
Motivi u argumenti prinċipali
Waħda mir-rikorrenti, impriża ddedikata prinċipalment għat-telekomunikazzjonijiet, għar-riċerka u l-iżvilupp (R + Ż) u għas-servizzi ta’ konsulenza fit-telekomunikazzjoni, fl-investigazzjoni u fl-innovazzjoni, ħadmet f’diversi proġetti mal-Kummissjoni mill-2002.
Dan ir-rikors huwa bbażat fuq żewġ verifiki mwettqa bejn Frar u April tal-2011 fl-impriża rikorrenti. F’dawn ir-rapporti ta’ verifika l-impriża rikorrenti hija imputata b’numru ta’ nuqqasijiet u ta’ irregolaritajiet li mmotivaw is-sospensjoni ta’ ħlasijiet pendenti.
Ir-rikorrenti jallegaw li dawn l-imputazzjonijiet ma jikkorrispondux mar-realtà. Fil-fatt qari fid-dettall ta’ wieħed miż-żewġ rapporti ta’ verifika msemmija iktar ’il fuq jippermetti li jiġi identifikat, skont ir-rikorrenti, li l-għan tiegħu huwa attakk mhux ġustifikat kontrihom, bil-għan li huma jiġu skwalifikati. B’dan il-mod, dan ir-rapport ta’ verifika huwa bbażat iktar fuq informazzjoni mhux ikkontrastata. Dan l-atteġġjament tal-Kummissjoni jikkorrispondi iktar ma’ atteġġjament investigattiv, ta’ kontroll jew ta’ spezzjoni milli ma’ atteġġjament ta’ verifika, li għandu jikkontrasta informazzjoni u jiżgua li s-sorsi huma affidabbli.
Dan kollu kkawża lill-impriża rikorrenti dannu gravi, mhux biss ta’ natura ekonomika, iżda wkoll għar-reputazzjoni professjonali u fuq livell tal-kredibbiltà.