Kawża T-501/13

Karl-May-Verlag GmbH, li kienet Karl May Verwaltungs- und Vertriebs- GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark komunitarja verbali WINNETOU — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-trade mark Komunitarja — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Marzu 2016 ?II – 0000

  1. “Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni — Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-appell — Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni, tal-ġurisprudenza jew tal-kummentarji nazzjonali — Ammissibbiltà

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

  2. “rade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Determinazzjoni tar-raġunijiet għal invalidità li fuqhom hija bbażata t-talba

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 52(1)(a))

  3. “Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli ta’ sinjal — Teħid inkunsiderazzjoni tal-unika leġizlazzjoni tal-Unjoni — Deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali li ma jorbtux il-korpi tal-Unjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

  4. “Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet — L-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

  5. “rade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami separat tar-raġunijiet ta’ rifjut fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni — Portata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75)

  1.  La l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma setgħu jiġu pprojbiti jispiraw lilhom nfushom minn punti miksubin mil-leġiżlazzjoni, mill-ġurisprudenza u mill-kummentarji nazzjonali, peress li ma jirrigwardax li jiġi kkritikat il-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt f’sentenza nazzjonali speċifika, iżda li invoka ġudizzji jew kummentarji insostenn ta’ motiv ibbażat fuq applikazzjoni ħażina mill-Bord tal-Appell ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja.

    (ara l-punt 18)

  2.  Sabiex jiġi ddeterminat fuq liema motivi hija bbażata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għandha tiġi eżaminata t-talba fl-intier tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-istqarrija dettaljata tal-motivi insostenn tagħha.

    (ara l-punt 26)

  3.  Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali.

    B’hekk, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni. L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) għalhekk ma huwiex marbut minn deċiżjonijiet intervenjenti fl-Istati Membri, u dan l-istess fl-ipoteżi fejn dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata bis-saħħa tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks.

    Wieħed għandu jżid jgħid li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja ma tobbliga l-Uffiċċju jew, fuq rikors, il-Qorti Ġenerali li tasal għal riżultati identiċi għal dawk li ntlaħqu mill-amministrazzjonijiet jew l-qrati nazzjonali f’sitwazzjoni simili.

    Minn ġurisprudenza stabbilita wkoll jirriżulta li, għalkemm l-Uffiċċju ma huwiex marbut mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar, mingħajr ma jkunu vinkolanti jew ukoll deċiżivi, madankollu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Uffiċċju, bħala indiċijiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża.

    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, barra mill-każ imsemmi fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 li fil-kuntest tiegħu l-Uffiċċju huwa obbligat li japplika id-dritt nazzjonali, inkluż hemm il-ġurisprudenza nazzjonali relatata, l-Uffiċċju jew il-Qorti Ġenerali ma kinux jistgħu jintrabtu mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet jew tal-qrati nazzjonali.

    (ara l-punti 34-37)

  4.  Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom ikunu motivati. L-obbligu tal-motivazzjoni hekk stabbilita għall-istess portata bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE li tipprovdi li l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att b’mod li l-persuni interessati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

    B’mod partikolari, meta l-Uffiċċju jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, huwa għandu, sabiex jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, jindika r‑raġuni għal rifjut, assoluta jew relattiva, li tipprekludi din ir-reġistrazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata din ir-raġuni u għandu jesponi ċ‑ċirkustanzi fattwali li huwa qies li ġew ipprovati u li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw l‑applikazzjoni tad-dispożizzjoni invokata. Tali motivazzjoni hija, fil-prinċipju, suffiċjenti.

    (ara l-punti 53, 54)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 65-68)